Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0534

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2022.
    Leistritz AG vs LH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) – Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data – Projbizzjoni, għal kontrollur jew proċessur, li jneħħi lil uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-funzjonijiet tiegħu jew li jippenalizzah minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu – Bażi legali – Artikolu 16 TFUE – Rekwiżit ta’ indipendenza funzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fl-assenza ta’ raġuni serja.
    Kawża C-534/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:62

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fis‑27 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

    Kawża C‑534/20

    Leistritz AG

    vs

    LH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il‑Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) – Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data – Projbizzjoni tat-tneħħija mill-funzjonijiet tiegħu minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu – Bażi legali – Artikolu 16 TFUE – Validità – Rekwiżit ta’ indipendenza funzjonali – Portata tal-armonizzazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fl-assenza ta’ raġuni serja – Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data maħtur b’mod obbligatorju skont id-dritt nazzjonali”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LH u l-persuna li timpjegaha, Leistritz AG, fir-rigward tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha minħabba riorganizzazzjoni tas-servizzi tagħha, filwaqt li, skont il-liġi Ġermaniża applikabbli, LH tista’ titkeċċa biss għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż minħabba l-ħatra tagħha bħala uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

    3.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena tal-fehma li l-projbizzjoni tat-tneħħija tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-funzjonijiet tiegħu, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, ma tirriżultax minn armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi tad-dritt industrijali, li jħalli lill-Istati Membri l-fakultà li jsaħħu l-protezzjoni ta’ dan l-uffiċjal fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom f’diversi oqsma, skont l-għan imfittex minn dan ir-regolament.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Ir‑Regolament 2016/679

    4.

    Il-premessi 10, 13 u 97 tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxu:

    “(10)

    Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea], il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

    […]

    (13)

    Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. […]

    […]

    (97)

    […] [L-]uffiċjali tal-protezzjoni tad-data, kemm jekk ikunu impjegati tal-kontrollur kif ukoll jekk ma jkunux, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom b’mod indipendenti”.

    5.

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali”.

    6.

    L-Artikolu 37 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 4 sa 6 tiegħu:

    “1.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi kwalunkwe każ fejn:

    a)

    l-ipproċessar isir minn awtorità jew korp pubbliku, ħlief għal qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

    b)

    l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom, l-ambitu u/jew l-għanijiet tagħhom, jeħtieġu monitoraġġ regolari u sistematiku tas-suġġetti tad-data fuq skala kbira; jew

    c)

    l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f’ipproċessar fuq skala kbira ta’ kategoriji speċjali ta’ data skont l-Artikolu 9 jew ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.

    […]

    4.   F’każijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur jew il-proċessur jew assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta’ kontrolluri jew proċessuri jistgħu jew, fejn hu rekwiżit taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jaġixxi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kontrolluri jew proċessuri.

    5.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar abbażi tal-kwalitajiet professjonali u, b’mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 39.

    6.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jkun parti mill-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur, jew iwettaq il-kompiti tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ servizz”.

    7.

    L-Artikolu 38 tal-istess regolament, intitolat “Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”, jipprovdi:

    “1.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkun involut kif dovut u mingħajr dewmien fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali.

    […]

    3.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jirċievi l-ebda istruzzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ dawk il-kompiti. Ma għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jirrapporta b’mod dirett lill-ogħla livell ta’ maniġment tal-kontrollur jew tal-proċessur.

    4.   Is-suġġetti tad-data jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u għall-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

    5.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jkunu marbut b’segretezza jew b’kunfidenzjalità dwar il-qadi ta’ dmirijietu, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

    6.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jwettaq kompiti u dmirijiet oħra. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiżgura li kwalunkwe minn dawn il-kompiti u dmirijiet ma jirriżultawx f’konflitt ta’ interessi”.

    8.

    L-Artikolu 39 tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxi l-kompiti prinċipali tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

    B.   Id‑dritt Ġermaniż

    9.

    L-Artikolu 6 tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tal‑20 ta’ Diċembru 1990 ( 3 ), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑25 ta’ Mejju 2018 sal‑25 ta’ Novembru 2019 ( 4 ), intitolat “Funzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “L-uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu biss fil-kuntest ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 626 tal-Bürgerliches Gesetzbuch [il-Kodiċi Ċivili]. It-tkeċċija ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data hija illegali, sakemm il-fatti ma jawtorizzawx lill-organu pubbliku jipproċedi bit-tkeċċija tiegħu(tagħha) għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż. Wara t-terminazzjoni tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data, it-tkeċċija hija illegali għal sena, sakemm l-organu pubbliku ma jkunx awtorizzat jipproċedi bit-tkeċċija għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż”.

    10.

    L-Artikolu 38 tal-BDSG, intitolat “Uffiċjali tal-protezzjoni tad-data ta’ organi mhux pubbliċi”, jipprovdi:

    “(1)   B’żieda mal-Artikolu 37(1)(b) u (c) tar-Regolament […] 2016/679, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data normalment meta jimpjegaw tal-inqas għaxar persuni [ ( 5 )] assenjati b’mod permanenti għall-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. […]

    (2)   L-Artikolu 6(4), it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 6(6) huma applikabbli; madankollu, l-Artikolu 6(4) japplika biss meta l-ħatra ta’ uffiċjal(a) tal-protezzjoni tad-data hija obbligatorja”.

    11.

    L-Artikolu 134 tal‑Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit‑2 ta’ Jannar 2002 ( 6 ), intitolat “Projbizzjoni legali”, huwa fformulat kif ġej:

    “Kull att ġuridiku li jmur kontra projbizzjoni legali huwa null sa fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”.

    12.

    L-Artikolu 626 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Xoljiment mingħajr preavviż għal raġuni serja”, jipprovdi:

    “(1)   Kull parti għall-kuntratt tista’ xxolji r-relazzjoni ta’ xogħol għal raġuni serja mingħajr osservanza tal-perijodu ta’ preavviż meta, minħabba ċerti fatti, it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol sal-iskadenza tal-perijodu ta’ preavviż jew sat-tmiem miftiehem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma tistax tkun meħtieġa mill-parti li xxolji, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u fid-dawl tal-interessi taż-żewġ partijiet għall-kuntratt.

    (2)   Ix-xoljiment jista’ jseħħ biss f’terminu ta’ ġimagħtejn. It-terminu jibda mill-mument li fih il-parti li tista’ tipproċedi bix-xoljiment issir taf bil-fatti rilevanti għax-xoljiment […]”

    III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    13.

    Leistritz hija kumpannija rregolata mid-dritt privat, li għandha l-obbligu li taħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt Ġermaniż. LH eżerċitat, ma’ din il-kumpannija, il-funzjonijiet ta’ kap tad-dipartiment tal-affarijiet legali u ta’ uffiċjal intern tal-protezzjoni tad-data sa mill‑15 ta’ Jannar 2018 u mill‑1 ta’ Frar 2018, rispettivament.

    14.

    Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2018, Leistritz keċċiet lil LH bi preavviż, b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2018, billi invokat miżura ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża, li fil-kuntest tagħha l-attività interna ta’ konsulenza legali u s-servizz ta’ protezzjoni tad-data kienu esternalizzati.

    15.

    Il-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu aditi minn LH bil-kontestazzjoni tal-validità tat-tkeċċija tagħha ddeċidew, li skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 38(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-BDSG, LH tista’ biss, minħabba l-kwalità tagħha ta’ uffiċjala tal-protezzjoni tad-data, titkeċċa mingħajr preavviż, għal raġuni serja. Madankollu, il-miżura ta’ ristrutturazzjoni deskritta minn Leistritz ma tikkostitwixxix raġuni serja ta’ tkeċċija mingħajr preavviż.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju, adita mir-rikors għal “reviżjoni” ippreżentat minn Leistritz, tosserva li, skont id-dritt Ġermaniż, it-tkeċċija ta’ LH hija nulla, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili ( 7 ). Madankollu, hija tirrileva li l-applikabbiltà ta’ tali dispożizzjonijiet tiddependi mill-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, jawtorizzax leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma huwiex il-każ, hija jkollha tilqa’ r-rikors għal “reviżjoni”.

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament [2016/679] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa f’dan il-każ l-Artikolu 38(1) u (2) ikkunsidrat flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-[BDSG], li tipprovdi li huwa inammissibbli x-xoljiment ordinarju tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-kontrollur, li jkun il-persuna li timpjega lil dan l-uffiċjal, u dan irrispettivament minn jekk dan ix-xoljiment ikunx dovut jew le għat-twettiq tal-kompiti tiegħu?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-[Regolament 2016/679] tipprekludi wkoll tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meta l-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tkunx obbligatorja taħt l-Artikolu 37(1) [ta’ dan ir-regolament] iżda tkun meħtieġa biss bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru?

    3)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-[Regolament 2016/679] hija bbażata fuq bażi legali suffiċjenti, b’mod partikolari sa fejn tkopri l-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol mal-kontrollur?”

    18.

    LH, Leistritz, il-Gvern Ġermaniż u dak Rumen kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż u dak Rumen, ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Novembru 2021.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

    19.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna li timpjega uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tistax tkeċċih ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mat-twettiq tal-kompiti ta’ dan l-uffiċjal.

    20.

    It-tweġiba għal din il-mistoqsija tippreżupponi li jiġi preċiżat, fl-ewwel lok, dak kopert mill-espressjoni “jitkeċċa […] minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu” użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679. Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri għandhomx il-fakultà li jestendu l-garanziji li minnhom jibbenefika l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    1. Fuq il‑protezzjoni tal‑uffiċjal tal‑protezzjoni tad‑data prevista fit‑tieni sentenza tal‑Artikolu 38(3) tar‑Regolament 2016/679

    21.

    L-Artikolu 38 tar-Regolament 2016/679 jinsab fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, dwar il-“[k]ontrollur u proċessur”, b’mod partikolari fit-Taqsima 4, intitolata “Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”. Din it-taqsima tinkludi tliet artikoli dwar, rispettivament, il-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ( 8 ), il-funzjoni tiegħu ( 9 ) u l-kompiti tiegħu, li jikkonsistu, essenzjalment, li jagħti pariri personali dwar l-ipproċessar ta’ data u jissorvelja l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data ( 10 ).

    22.

    Għall-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 11 ).

    23.

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, nosserva li hija tesprimi obbligu f’termini negattivi. Fil-fatt, hija tistabbilixxi li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data “[m]a għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu” ( 12 ).

    24.

    Għalhekk, din id-dispożizzjoni tiddetermina l-perimetru tal-protezzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Huwa protett, minn naħa, kontra kull deċiżjoni li tittermina l-funzjonijiet tiegħu jew tpoġġih fi żvantaġġ meta, min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tkun tirrelata mat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    25.

    Għal dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn il-miżura ta’ tneħħija mill-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u dik li tippenalizzah, nikkonstata, l-ewwel nett, li ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2016/679 ma tiddefinixxi b’mod espliċitu jew impliċitu dawn il-miżuri ( 13 ).

    26.

    Wara eżami komparattiv ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, jista’ jiġi kkunsidrat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri, jiġifieri dawk li jitterminaw il-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data kif ukoll dawk li jikkostitwixxu sanzjonijiet jew li jiżvantaġġaw lil dan l-uffiċjal, ikun xi jkun il-kuntest tagħhom. Għalhekk, dawn id-definizzjonijiet jistgħu jkopru t-tkeċċijiet li permezz tagħhom il-persuna li timpjega ttemm kuntratt ta’ xogħol ( 14 ).

    27.

    Ir-riżultati tat-tfittix dwar l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 38 tar-Regolament 2016/679 li għaliha seta’ jkolli aċċess ma jippermettux, minħabba nuqqas ta’ elementi dettaljati, li jiġu ċċarati l-intenzjonijiet preċiżi tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il-portata tal-kelma “jitkeċċa”. Jista’ jiġi kkonstatat biss li ż-żieda editorjali relatata mat-tneħħija mill-funzjonijiet seħħet tardivament fil-proċess leġiżlattiv ( 15 ) li matulu, b’mod konkominanti, tneħħiet il-frażi li ġejja, li kienet tinsab wara “Il-kontrollur u l-proċessur għandu jiżgura li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data”: “jista’ jaġixxi b’mod indipendenti fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu jew tagħha” ( 16 ). Minn dan jista’ jiġi dedott li dan il-leġiżlatur xtaq jikkonkretizza l-obbligu li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jitneħħiex mill-funzjonijiet tiegħu minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    28.

    Ninnota wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jirriproduċi b’mod identiku l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 fit-tieni sentenza tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( 17 ). Madankollu, ebda preċiżjoni ma tista’ tinsilet mid-dokumenti dwar il-formulazzjoni tar-Regolament 2018/1725, li fil-fehma tiegħi hija ġġustifikata miż-żieda fl-Artikolu 44(8), ta’ garanzija essenzjali oħra offruta lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, jiġifieri li huwa “jista’ jingħata s-sensja mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni li jkunu ħatruh jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu u biss bil-kunsens tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data”.

    29.

    It-tieni nett, nirrileva li fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 ma ssirx distinzjoni skont jekk l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data huwiex membru tal-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur jew le ( 18 ). Fil-fatt, dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-interdipendenza bejn id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-persuna li timpjega fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol u dawk dwar il-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċjal. L-uniku limitu stabbilit jirrigwarda r-raġuni li għaliha l-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jistgħux jiġu tterminati, jiġifieri kull raġuni bbażata fuq it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    30.

    Fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, dan jiġġustifika kemm il-formulazzjoni f’termini ġenerali tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 kif ukoll l-għażla ta’ dan il-limitu.

    31.

    Fil-fatt, fl-abbozz tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill huwa preċiżat li l-ħatra ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data hija intiża sabiex ittejjeb l-osservanza tar-Regolament 2016/679 ( 19 ). Huwa għalhekk li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi obbligi ta’ natura li jiżguraw l-indipendenza ta’ dan l-uffiċjal. Għalhekk, f’dan l-istess artikolu, huwa previst li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma għandu jirċievi l-ebda struzzjoni għal dak li jirrigwarda t-twettiq tal-kompiti tiegħu u li għandu jirrapporta direttament lill-ogħla livell tat-tmexxija tal-kontrollur jew tal-proċessur ( 20 ). Huwa suġġett ukoll għas-sigriet professjonali jew għal obbligu ta’ kunfidenzjalità ( 21 ).

    32.

    Għalhekk l-enfasi huwa magħmul fuq ir-rigorożità tar-regolament tal-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data li hija partikolarment iġġustifikata meta dan l-uffiċjal jinħatar minn kontrollur li huwa l-persuna li timpjegah. Għalhekk, permezz tal-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, huma ggarantiti l-prerogattivi li minnhom jibbenefika l-imsemmi uffiċjal għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, li jistgħu, f’ċerti każijiet, ikunu diffiċilment konċiljabbli ma’ dawk li ġew stabbiliti mill-persuna li timpjega fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    33.

    L-analiżi li tipprovdi li din id-dispożizzjoni għandha bħala uniku għan tagħha li torganizza l-eżerċizzju b’mod indipendenti tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data hija kkorroborata mill-kuntest li fih hija ttieħdet.

    34.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament 2016/679 għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali kif ukoll dawk dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Għalhekk, huwa ġie adottat abbażi tal-Artikolu 16(2) TFUE ( 22 ), li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat, kif diġà esponejt f’konklużjonijiet preċedenti, li minkejja li l-protezzjoni tad-data personali hija ta’ natura trasversali, l-armonizzazzjoni mwettqa minn dan ir-regolament hija limitata għall-aspetti speċifikament koperti minn dan ir-regolament f’dan il-qasam ( 23 ).

    35.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li l-protezzjoni speċifika tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, hija xierqa għall-għan ta’ dan ir-regolament, sa fejn huwa intiż li jsaħħaħ l-awtonomija ta’ dan l-uffiċjal. Għalhekk, hija ma taqax fil-kamp iktar wiesa’ tal-protezzjoni tal-ħaddiema ( 24 ).

    36.

    Għaldaqstant, terġa’ tqum il-kwistjoni dwar jekk, lil hinn mill-aspetti speċifikament koperti mir-Regolament 2016/679, l-Istati Membri jibqgħux liberi li jilleġiżlaw, sakemm ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament ( 25 ).

    2. Fuq il‑fakultà tal‑Istati Membri li jestendu l‑garanziji offruti lill‑uffiċjal tal‑protezzjoni tad‑data mit‑tieni sentenza tal‑Artikolu 38(3) tar‑Regolament 2016/679

    37.

    Fil-fehma tiegħi, l-għan tar-Regolament 2016/679 stabbilit fil-premessa 13 tiegħu, li b’applikazzjoni tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni jiżgura l-indipendenza tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data f’termini ġenerali fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) ta’ dan ir-regolament ( 26 ), jiġġustifika li kull miżura oħra intiża sabiex issaħħaħ l-awtonomija ta’ dan l-uffiċjal fit-twettiq tal-kompiti tiegħu għandha tkun tista’ tittieħed minn Stat Membru.

    38.

    Din l-analiżi ma hijiex kontradittorja għall-effetti ta’ regolament, kif stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u lanqas għall-obbligu sussegwenti tal-Istati Membri li ma jidderogawx minn regolament li huwa obbligatorju fl-elementi tiegħu kollha u direttament applikabbli jew li jissupplimentawh, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxu lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra li għandu jew jista’, skont il-każ, ikun użat minn dawn tal-aħħar fil-kundizzjonijiet u l-limiti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ( 27 ).

    39.

    Għaldaqstant, insostni l-fehma tiegħi li l-estensjoni tal-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament 2016/679 tvarja skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati. Id-determinazzjoni tal-portata normattiva ta’ dan ir-regolament teħtieġ għalhekk eżami każ b’każ ( 28 ).

    40.

    F’dan ir-rigward, ninnota li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tirrigwarda t-tneħħija mill-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal dak li huwa marbut biss mat-twettiq tal-kompiti tiegħu, li huwa preżunt korrett ( 29 ), taħt il-forma ta’ projbizzjoni, mingħajr ma tintroduċi grad ta’ serjetà tar-raġuni invokata jew ma tipprevedi d-diversi aspetti tar-rabta ta’ subordinazzjoni mal-persuna li timpjegah li jista’ jkollhom effett fuq il-ħatra tiegħu. B’hekk, ma kinux previsti, pereżempju, it-tul tal-kuntratt ta’ xogħol, jew ir-raġuni personali jew ekonomika tat-terminazzjoni tiegħu, li jekk ikun il-każ jista’ jkun innegozjat, jew anki s-sospensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba mard, taħriġ, leave annwali jew għal żmien twil.

    41.

    Barra minn hekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-Istati Membri jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet protettivi tal-indipendenza tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data abbażi ta’ kuntest leġiżlattiv minimu relatat mat-twettiq tal-kompiti tiegħu, iddefiniti skont l-għanijiet tar-Regolament 2016/679, toħroġ ukoll mill-assenza ta’ preskrizzjoni relatata mat-tul tal-mandat ta’ dan l-uffiċjal – għall-kuntrarju ta’ dak li tipprovdi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 44(8) tar-Regolament 2018/1725 – ( 30 ) jew relatata mal-każ, bħal f’dan il-każ, ta’ riorganizzazzjoni ta’ impriża li għandha l-effett li testernalizza l-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal raġunijiet li ma humiex marbuta mat-twettiq tal-kompitu tiegħu.

    42.

    Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jsaħħu l-indipendenza tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, sa fejn dan jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament 2016/679, b’mod iktar speċifiku fil-qasam ta’ tkeċċija, peress li ma teżisti ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni li tista’ sservi bħala bażi għal protezzjoni speċjali u konkreta tiegħu kontra t-tkeċċija għal raġuni indipendenti mit-twettiq tal-kompiti tiegħu, ladarba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għandha neċessarjament l-effett li ttemmhom.

    43.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema, f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, l-Artikolu 153(1)(d) TFUE, jispeċifika li l-Unjoni ssostni u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, u li b’mod iktar ġenerali, fil-qasam tal-politika soċjali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4(2)(b) TFUE, fir-rigward tal-aspetti ddefiniti mit-Trattat FUE, kompetenza kondiviża, fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE.

    44.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull Stat Membru huwa liberu li jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam ta’ tkeċċija tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mas-sistema protettiva tiegħu prevista mir-Regolament 2016/679 ( 31 ).

    45.

    Kif jirriżulta mill-eżami fil-qosor tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li stajt nikkonsulta ( 32 ), il-parti l-kbira tagħhom ma għandhomx dispożizzjonijiet partikolari dwar it-tkeċċija, u jillimitaw ruħhom għall-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, direttament applikabbli ( 33 ).

    46.

    Madankollu, Stati Membri oħra għażlu li jissupplimentaw dan l-artikolu ( 34 ).

    47.

    F’dan ir-rigward, ninnota li l-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29 kkunsidra li, “[b]ħala regola ta’ ġestjoni normali kif ikun il-każ għal kull impjegat jew kuntrattur ieħor skont, u soġġett għal, kuntratt nazzjonali applikabbli dwar ix-xogħol u l-liġi kriminali, [uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] xorta jista’ jiġi miċħud b’mod leġittimu għal raġunijiet oħra għajr biex iwettaq il-kompiti tiegħu jew tagħha bħala [uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] (pereżempju, f’każ ta’ serq, fastidju fiżiku, psikoloġiku jew sesswali jew mġiba ħażina aggravata simili)” ( 35 ).

    48.

    Tkun xi tkun l-għażla tal-Istati Membri, l-organu amministrattiv jew ġudizzjarju f’kull wieħed minnhom, responsabbli mill-kontroll tal-legalità tar-raġuni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, jikkontribwixxi wkoll, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza ta’ dan l-uffiċjal.

    49.

    Fil-fatt, peress li huwa ferm probabbli li r-rabta mat-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mhix se tirriżulta b’mod espress mid-deċiżjoni tat-tneħħija mill-funzjonijiet tiegħu ( 36 ), protezzjoni ġenerali bbażata biss fuq il-kwalità ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data hija konċepibbli. F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li huwa dan il-kunċett ta’ “raġuni serja”, kif iddefinit fid-dritt Ġermaniż, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta’ protezzjoni addizzjonali, li l-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jistgħux jiġu tterminati f’każ ta’ ristrutturazzjoni ( 37 ). Fl-istess sens, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li, f’każ ta’ diffikultajiet ekonomiċi tal-impriża li għandha l-obbligu li taħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u li għażlet għal dan il-għan wieħed mill-impjegati tagħha, il-kompiti tiegħu għandhom, minħabba l-għan tar-Regolament 2016/679 u minħabba l-kontribuzzjoni ta’ tali uffiċjal għas-sodisfazzjon tiegħu, ikomplu jiġu eżerċitati sakemm iddum għaddejja l-attività tal-persuna li timpjega.

    50.

    Madankollu, il-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 għandha neċessarjament limiti f’każ ta’ malfunzjonijiet oġġettivi fit-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-obbligi tiegħu. Dawn il-limiti għandhom jiġu stabbiliti b’konformità mal-għan imfittex minn dan ir-regolament ( 38 ).

    51.

    Għalhekk, interpretazzjoni daqstant konformi mal-għan tar-Regolament 2016/679 għandha twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi aċċettat li uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu meta ma jibqax jissodisfa l-kriterji kwalitattivi neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 37(5) ta’ dan ir-regolament, jew ma jissodisfax l-obbligi stabbiliti fl-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 38(3) kif ukoll fl-Artikolu 38(5) u (6), tal-imsemmi regolament ( 39 ) jew anki meta l-livell ta’ kompetenza jirriżulta insuffiċjenti ( 40 ).

    52.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna li timpjega uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tistax tkeċċih ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mat-twettiq tal-kompiti ta’ dan l-uffiċjal.

    53.

    Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-fehma u tiddeċiedi li tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, ikun hemm lok li tingħata risposta għaż-żewġ domandi preliminari l-oħra.

    B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

    54.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara illegali t-tkeċċija tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-persuna li timpjegah fl-assenza ta’ raġuni serja, anki jekk din it-tkeċċija ma hijiex marbuta mat-twettiq tal-kompiti tiegħu, meta l-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data hija obbligatorja mhux skont l-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament, iżda skont id-dritt nazzjonali biss, kif jipprovdi l-Artikolu 37(4) tal-imsemmi regolament.

    55.

    Nosserva li la l-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 u lanqas dispożizzjonijiet oħra tat-Taqsima 4 ta’ dan ir-regolament, dwar l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, ma jagħmlu distinzjoni skont jekk il-ħatra ta’ dan l-uffiċjal hijiex obbligatorja jew fakultattiva.

    56.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tapplika mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data huwiex maħtur b’mod obbligatorju skont id-dritt tal-Unjoni jew skont id-dritt nazzjonali.

    C.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

    57.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679, u, b’mod partikolari, dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex ibbażata fuq bażi legali suffiċjenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda uffiċjali tal-protezzjoni tad-data marbutin mal-kontrollur b’kuntratt ta’ xogħol.

    58.

    Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 hija bbażata fuq bażi legali suffiċjenti, peress li l-uniku għan tagħha huwa li tipproteġi lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data minn kull ostakolu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u li din il-garanzija, mingħajr kunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, tikkontribwixxi għat-twettiq effettiv tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

    59.

    Fil-fatt, minn naħa, kif esponejt fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda preliminari ( 41 ), l-Artikolu 16 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali li fuqu huwa bbażat l-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu jikkostitwixxi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39 TUE, bażi legali xierqa meta l-protezzjoni tad-data personali hija waħda mill-iskopijiet jew mill-komponenti essenzjali tar-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 42 ).

    60.

    Min-naħa l-oħra, waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija, fil-fehma tiegħi, issodisfatta b’mod sħiħ fir-rigward tar-rwol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u tar-regolament tiegħu, kif iddefiniti mir-Regolament 2016/679. Il-garanzija tal-indipendenza funzjonali ta’ dan l-uffiċjal, intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżit li tiġi żgurata, f’livell għoli, l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data personali ( 43 ), ġiet riflessa, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) ta’ dan ir-regolament, bl-istabbiliment ta’ projbizzjoni li l-funzjonijiet tiegħu jiġu tterminati għal raġunijiet inerenti għall-kompiti tiegħu. Peress li din id-dispożizzjoni ma timponix xi armonizzazzjoni fid-dritt industrijali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma marx lil hinn mis-setgħat normattivi mogħtija lilu fl-Artikolu 16(2) TFUE.

    61.

    Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li dwarhom tistaqsi wkoll il-qorti tar-rinviju, nirrileva, l-ewwel nett, li l-intensifikazzjoni tal-ipproċessar transkonfinali tad-data personali tiġġustifika li l-protezzjoni tagħha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni ( 44 ), b’mod partikolari, billi jiġu żgurati l-prerogattivi tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data meqjus bħala “attur prinċipali” ta’ din il-protezzjoni ( 45 ). It-tieni nett, it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 ma jidhirlix li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-indipendenza funzjonali ta’ dan l-uffiċjal. Ċertament, il-garanzija li ma jitneħħiex mill-funzjonijiet tiegħu, prevista f’din id-dispożizzjoni, għandha neċessarjament effett fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, dan l-effett huwa intiż biss sabiex jippreserva l-effett utli tal-funzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

    62.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-eżami tat-tielet domanda preliminari ma wassal għal ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679.

    V. Konklużjoni

    63.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja):

    Prinċipalment:

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna li timpjega uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tistax tkeċċih ħlief għal raġuni serja, anki jekk it-tkeċċija ma hijiex marbuta mat-twettiq tal-kompiti ta’ dan l-uffiċjal.

    Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fl-affermattiv:

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tapplika mingħajr ma hemm lok għal distinzjoni skont jekk l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data huwiex maħtur b’mod obbligatorju skont id-dritt tal-Unjoni jew skont id-dritt nazzjonali.

    L-eżami tat-tielet domanda preliminari ma wassal għal ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

    ( 3 ) BGBl. 1990 I, p. 2954.

    ( 4 ) BGBl. 2017 I, p. 2097, iktar ’il quddiem il-“BDSG”.

    ( 5 ) Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-BDSG, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sa mis‑26 ta’ Novembru 2019, in-numru ta’ impjegati sar “20”.

    ( 6 ) BGBl. 2002 I, p. 42 rettifika p. 2909, u BGBl. 2003 I, p. 738.

    ( 7 ) Il-qorti tar-rinviju żiedet li, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-fatt li, minħabba bdil organizzattiv, il-protezzjoni tad-data fi ħdan l-impriża ser ikun żgurat, fil-futur, minn uffiċjal estern tal-protezzjoni tad-data ma jikkostitwixxix raġuni serja ta’ revoka [ara s-sentenza tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) 10 AZR 562/09, tat‑23 ta’ Marzu 2011, punt 18, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.bundesarbeitsgericht.de/entscheidung/10-azr-562-09/].

    ( 8 ) Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament.

    ( 9 ) Artikolu 38 tal-imsemmi regolament.

    ( 10 ) Artikolu 39 tal-istess regolament.

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 77).

    ( 12 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 13 ) F’dan ir-rigward, fid-dokument intitolat “Linji gwida dwar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD)” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-UPD”), adottati fit‑13 ta’ Diċembru 2016 u riveduti fil‑5 ta’ April 2017, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/newsroom/article29/items/612048/en, il-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni ta’ persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29”) ippreċiża li “[i]l-penalitajiet jistgħu jieħdu diversi forom u jistgħu jkunu diretti jew indiretti. Dawn jistgħu jikkonsistu, pereżempju, f’nuqqas jew dewmien ta’ promozzjoni; preklużjoni minn avvanz fil-karriera; rifjut milli jirċievu benefiċċji li ħaddiema oħra jirċievu. Ma huwiex neċessarju li dawn il-penalitajiet jiġu effettivament imwettqa, is-sempliċi theddida hija biżżejjed sakemm tkun użata sabiex tippenalizza lill-[uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] għal raġunijiet relatati mal-attivitajiet tiegħu/tagħha ta’ [uffiċjal tal-protezzjoni tad-data]” (p. 18). Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, dan il-grupp ta’ ħidma ġie ssostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDBP). Dan approva l-Linji Gwida dwar l-UPD matul l-ewwel seduta plenarja tiegħu, fil‑25 ta’ Mejju 2018 (ara https://edpb.europa.eu/sites/default/files/files/news/endorsement_of_wp29_documents_en_0.pdf).

    ( 14 ) Kif tenfasizza LH, minbarra l-verżjoni Ġermaniża tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 (“abberufen”), verżjonijiet lingwistiċi, bħal dawk fil-lingwa Spanjola (“destituido”), Franċiża (“relevé”) jew Portugiża (“destituido”) jindikaw b’mod ċar li dan ir-regolament jirrigwarda fil-fatt it-terminazzjoni tal-funzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u mhux tar-“relazzjoni ta’ xogħol” (“kündigen” fil-lingwa Ġermaniża). Ara wkoll, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“dismissed”), Taljana (“rimosso”), Pollakka (“odwoływany”) u Rumena “demis”.

    ( 15 ) Ara n-nota tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat‑3 ta’ Ottubru 2014, dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Data Ġenerali) [L-ewwel qari] – Kapitolu IV, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13772-2014-INIT/mt/pdf, li tirrigwarda ż-żieda, fl-Artikolu 36(3) ta’ din il-proposta, tal-fatt li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jistax jiġi penalizzat għat-twettiq tal-kompiti tiegħu (p. 34). Ara wkoll, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tas‑6 ta’ April 2016, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CONSIL:ST_5419_2016_INIT&from=MT, li tadotta l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 38 tar-Regolament 2016/679.

    ( 16 ) L-espressjoni “b’mod indipendenti” tinsab fl-aħħar sentenza tal-premessa 97 tar-Regolament 2016/679.

    ( 17 ) ĠU 2018, L 295, p. 39.

    ( 18 ) Ara l-Artikolu 37(6) tar-Regolament 2016/679.

    ( 19 ) Ara l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE – Abbozz ta’ Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2016, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: MT (p. 22). Fir-rigward tar-rwol maġġuri tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fl-applikazzjoni tar-Regolament 2016/679, ara l-premessa 97 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kompiti tiegħu ddefiniti fl-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, il-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29 fakkar, fil-Linji Gwida dwar l-UPD, li qabel l-adozzjoni tar-Regolament 2016/679, huwa kien argumenta li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data kien “[i]l-pedament ta’ kontabbiltà u li l-ħatra ta’ [uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] tista’ tiffaċilita l-konformità” (p. 5). Dan il-grupp ta’ ħidma rrileva wkoll li dan ir-regolament jirrikonoxxi l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data “bħala attur prinċipali fis-sistema ta’ governanza ġdida [tad-data]” (p. 6). Ara, bħala eżempju tal-bżonnijiet ta’ informazzjoni tal-kontrollur u tal-proċessur li għalihom l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jissodisfa, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 134).

    ( 20 ) Ara l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679.

    ( 21 ) Ara l-Artikolu 38(5) tar-Regolament 2016/679.

    ( 22 ) Ara l-preambolu u l-premessa 12 tar-Regolament 2016/679, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 44).

    ( 23 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 51).

    ( 24 ) F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li ma jistax isir argument abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(1) tal-imsemmi regolament sabiex jiġi kkunsidrat li dawn jikkostitwixxu klawżola tal-ftuħ.

    ( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 51).

    ( 26 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tar-Regolament 2016/679, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 52).

    ( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 52). Barra minn hekk, fil-punt 55 tagħhom, jiena diġà ġbidt l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-fatt li r-Regolament 2016/679 jinkludi diversi klawżoli tal-ftuħ li permezz tagħhom jittrasferixxi b’mod espliċitu l-kompetenza normattiva lill-Istati Membri, u dan jiddistingwih minn regolament klassiku u jqarrbu lejn direttiva.

    ( 29 ) F’dan ir-rigward, kif tenfasizza Bielak‑Jomaa, E., “Artykuł 38. Status inspektora ochrony danych”, f’Bielak-Jomaa, E., u Lubasz, D., RODO. Ogólne rozporządzenie o ochronie danych. Komentarz, Wolters Kluwer, Varsavja, 2018, p. 794 sa 806, b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tal-punt 5, il-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29 ma indika ebda kriterju li huwa utli għad-determinazzjoni tal-eżekuzzjoni korretta jew inkorretta tad-dmirijiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Bl-istess mod, Foret, O., “Le rôle du DPO”, f’Bensamoun, A, u Bertrand, B., Le règlement général sur la protection des données, Aspects institutionnels et matériels, Mare u Martin, Pariġi, 2020, p. 233 sa 239, b’mod partikolari p. 235 u 236, jirrileva li “l-EDBP jippreċiża fil-linji gwida tiegħu li […] ‘il-livell ta’ għarfien espert [sabiex wieħed jinħatar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data] mhuwiex strettament definit iżda dan għandu jkun proporzjonat skont is-sensittività, il-kumplessità u l-ammont ta’ data li organizzazzjoni tipproċessa’” [ara l-Linji Gwida dwar id-DPD (p. 13)]. Ara wkoll p. 14 ta’ dawn il-linji gwida. Ara, barra minn hekk, il-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Ara Bergt, M., “Art 38. Stellung des Datenschutzbeauftragten”, f’J., Kühling, u B., Buchner, Datenschutz-Grundverordnung, Bundesdatenschutzgesetz, Kommentar, it-tielet edizzjoni, C.H. Beck, München, 2020, b’mod partikolari l-punt 29. Dan l-awtur jenfasizza li “[g]ħall-kuntrarju tal-abbozzi tal-Kummissjoni u tal-Parlament, l-Artikolu 38 ma jipprovdix tul minimu tal-mandat li għalih l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar” [traduzzjoni libera].

    ( 31 ) Ara l-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jista’ jiżdied li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa deliberament din l-għażla filwaqt li ma żammx mal-proposta tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fil-kuntest tax-xogħlijiet leġiżlattivi relatati mar-Regolament 2016/679, intiża sabiex ikunu speċifikati aħjar “il-kundizzjonijiet marbuta m[al-]pożizzjoni [ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data], b’mod partikolari: il-protezzjoni kontra t-tkeċċijiet mix-xogħol li għandha tkun definita b’mod ċar u testendi lil hinn mill-perjodu li matulu l-persuna kkonċernata taqdi din il-funzjoni”: ara l-punt 4.11.1 tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)” (ĠU 2012, C 229, p. 90).

    ( 32 ) Ara b’mod partikolari, l-informazzjoni disponibbli fl-indirizzi elettroniċi li ġejjin: https://www.dlapiperdataprotection.com/index.html?t=data-protection-officers&c=HR&c2= u https://www.dataprotection.ro/index.jsp?page=Responsabilul_cu_protectia_datelor&lang=en.

    ( 33 ) Dan huwa l-każ tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, tar-Repubblika tal-Kroazja, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Rumanija u tar-Repubblika tal-Finlandja. Fir-Repubbliki tal-Kroazja, ta’ Malta u tal-Polonja, bħar-Repubblika tal-Bulgarija, ir-revoka jew it-tibdil tal-uffiċjal għandha tkun ikkomunikata lill-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni ta’ data personali. F’ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ġie ppreċiżat li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jgawdix status ta’ impjegat protett li joffri garanzija addizzjonali għal dik prevista mir-Regolament 2016/679.

    ( 34 ) Ara, fil-liġi Belġjana, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali dwar il-konsulenti dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-pjattaforma tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data, tas‑6 ta’ Diċembru 2015 (Moniteur belge tat‑28 ta’ Diċembru 2015, p. 79268), qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, li jipprovdi: “[i]l-persuna li timpjega jew l-awtorità kompetenti ma tistax tittermina l-kuntratt tal-konsulent, ittemm l-okkupazzjoni statutorja tal-konsulent jew tneħħih mill-funzjoni tiegħu ħlief għal raġunijiet li huma barranin għall-indipendenza tiegħu jew għal raġunijiet li juru li huwa inkompetenti li jwettaq il-kompiti tiegħu”. Korsiv miżjud minni. Ara wkoll, fil-liġi Spanjola, l-Artikolu 36(2) tal-Ley Orgánica 3/2018 de Protección de Datos Personales y garantía de los derechos digitales (il-Liġi Organika Nru 3/2018 dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-garanzija tad-drittijiet diġitali), tal‑5 ta’ Diċembru 2018 (BOE Nru 294, tas‑6 ta’ Diċembru 2018, p. 119788), li jipprovdi li “[m]eta l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data huwa persuna fiżika fi ħdan l-organizzazzjoni tal-kontrollur jew tal-proċessur, huwa ma jistax jitneħħa u lanqas jiġi sanzjonat mill-kontrollur jew mill-proċessur fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, ħlief f’każ ta’ nuqqas intenzjonali jew ta’ negliġenza gravi waqt l-eżerċizzju tagħhom”. Korsiv miżjud minni.

    ( 35 ) Ara l-Linji Gwida dwar l-UPD (p. 19). Korsiv miżjud minni.

    ( 36 ) Ara f’dan is-sens, Fajgielski, P., “Artykuł 38. Status inspektora ochrony danych”, Ogólne rozporządzenie o ochronie danych. Ustawa o ochronie danych osobowych. Komentarz, Wolters Kluwer, Varsavja, 2018, p. 430 sa 437, b’mod partikolari l-ħames paragrafu tal-Artikolu 5. Ara, ukoll, Kremer, S., “§ 6 Datenschutzbeauftragter”, f‘Laue, P., Nink, J., u Kremer, S., Das neue Datenschutzrecht in der betrieblichen Praxis, it-tieni edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2019, b’mod partikolari l-punt 36 u Bergt, M., “Art 38. Stellung des Datenschutzbeauftragten”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 30, kif ukoll Bussche, A., “Art. 38 DSGVO”, fi Plath, K.-U., DSGVO/BDSG, Kommentar zum BDSG und zur DSGVO sowie den Datenschutzbestimmungen des TMG und TKG, it-tielet edizzjoni, Otto Schmidt, Köln, 2018, b’mod partikolari l-punt 19.

    ( 37 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 38 ) Ara l-punti 31, 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-kawżi X‑FAB Dresden (C‑453/21) u KISA (C‑560/21), attwalment pendenti, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita minn żewġ awli differenti tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) li għamlu l-istess domandi preliminari, iżda f’każijiet ta’ tneħħija mill-funzjonijiet minħabba kunflitti ta’ interessi. Fl-ewwel minn dawn il-kawżi, domanda addizzjonali tirrigwarda l-kriterji ta’ tali kunflitt.

    ( 40 ) Ara f’dan is-sens, Kremer, S., “§ 6 Datenschutzbeauftragter”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 35, kif ukoll Bussche, A., “Art. 38 DSGVO”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 17.

    ( 41 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 96).

    ( 43 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punti 44, 4591).

    ( 44 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 45, u b’analoġija, punt 47).

    ( 45 ) Ara r-raba’ sentenza tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top