Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0530

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2022.
    SIA "EUROAPTIEKA” vs Ministru kabinets.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Satversmes tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Artikolu 86(1) – Kunċett ta’ ‘reklamar għal prodotti mediċinali’ – Artikolu 87(3) – Użu razzjonali ta’ prodotti mediċinali – Artikolu 90 – Metodi ta’ reklamar ipprojbiti – Reklamar għal prodotti mediċinali li la huma suġġetti għal preskrizzjoni medika u lanqas huma rimborsabbli – Reklamar abbażi tal-prezz – Reklamar għal offerti promozzjonali – Reklamar għal bejgħ ikkombinat – Projbizzjoni.
    Kawża C-530/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:993

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑530/20

    SIA “EUROAPTIEKA”

    fil‑preżenza ta’:

    Ministru kabinets

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil‑Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il‑Qorti Kostituzzjonali, il‑Latvja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall‑użu mill‑bniedem – Reklamar għal prodotti mediċinali – Reklamar li jinkoraġġixxi l‑bejgħ ta’ prodotti mediċinali billi jiġu ċċitati l‑prezzijiet tagħhom – Bejgħ speċjali jew bejgħ magħqud li jinkludi prodotti mediċinali oħra, anki bi prezzijiet imnaqqsa, jew merkanzija oħra”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83/KE ( 2 ) sabiex tiċċara jekk, fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva, Stat Membru jistax jipprojbixxi t-tixrid ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodotti mediċinali mhux biss meta din tirrigwarda prodott mediċinali speċifiku iżda wkoll meta tirrigwarda prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    2.

    L-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83, relattivi għar-reklamar ta’ prodotti mediċinali, jinsabu taħt it-Titoli VIII u VIIIa tagħha, li huma intitolati, “Reklamar” u “Informazzjoni u Reklamar” rispettivament.

    3.

    L-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, ‘reklamar ta’ prodotti mediċinali’ għandu jinkludi kull forma ta’ informazzjoni bieb-bieb, attività ta’ kkanvassjar jew inkoraġġiment bl-għan li jippromwovi l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali; għandu jinkludi b’mod partikolari:

    ir-reklamar ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku ġenerali,

    […]”

    4.

    L-Artikolu 87(3) tal-imsemmija direttiva jistipula, b’mod partikolari, li “r-reklamar ta’ prodott mediċinali għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tal-prodott mediċinali, billi jippreżentah oġġettivament u mingħajr ma jkabbar iż-żejjed il-proprjetajiet tiegħu”.

    5.

    L-Artikolu 90 tal-istess direttiva jistabbilixxi lista ta’ elementi li r-reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodott mediċinali għall-pubbliku ġenerali ma jistax jinkludi.

    B.   Id‑dritt Latvjan

    6.

    Il-punt 18.12 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 378 “Zāļu reklamēšanas kārtība un kārtība, kādā zāļu ražotājs ir tiesīgs nodot ārstiem bezmaksas zāļu paraugus” (id-Digriet Nru 378 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-modalitajiet ta’ reklamar għall-prodotti mediċinali u l-modalitajiet kif il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali huma awtorizzati jipprovdu kampjuni b’xejn ta’ prodotti mediċinali lit-tobba), tas‑17 ta’ Mejju 2011 (Latvijas Vēstnesis, 2011, Nru 78), (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”) jipprovdi:

    “Huwa pprojbit li r-reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku ġenerali jinkludi, informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri tal-prodott mediċinali billi tiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tal-prodott mediċinali, billi tħabbar bejgħ speċjali jew billi tindika li l-prodott mediċinali jinbiegħ flimkien ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra”.

    III. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża prinċipali, il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u d‑domandi preliminari

    7.

    SIA “EUROAPTIEKA” hija kumpannija stabbilita fil-Latvja li teżerċita attività farmaċewtika u tifforma parti minn grupp li għandu network ta’ spiżeriji u ta’ kumpanniji ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali bl-imnut f’dan l-Istat Membru. Skont id-dritt Latvjan, l-ispiżeriji huma awtorizzati jipprovdu prodotti oħra minbarra prodotti mediċinali.

    8.

    Fix-xahar ta’ Marzu 2016, EUROAPTIEKA ħabbret bejgħ promozzjonali fuq is-sit Internet tagħha u fil-fuljett ta’ kull xahar tagħha, b’offerta ta’ tnaqqis ta’ 15 % tal-prezz tax-xiri ta’ kull prodott mediċinali meta wieħed jixtri tal-inqas tliet oġġetti.

    9.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016, il-Veselības inspekcijas Zāļu kontroles nodaļa (L-Ispettorat għas-Saħħa Pubblika, Servizz ta’ Kontroll ta’ Prodotti Mediċinali, il-Latvja), billi bbaża ruħu fuq id-dispożizzjoni kontenzjuża, ipprojbixxa lil EUROAPTIEKA milli xxerred ir-reklamar relattiv għal dan il-bejgħ promozzjonali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016”).

    10.

    EUROAPTIEKA ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kostituzzjonali li jirrigwarda l-konformità tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma’, minn naħa, l-Artikoli 100 u 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana, li jistabbilixxu rispettivament il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt għall-proprjetà, u min-naħa l-oħra, mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u sussegwentement, matul is-sena 2020 infetħet proċedura.

    11.

    Insostenn tar-rikors tagħha, EUROAPTIEKA argumentat, minn naħa, li d-dispożizzjoni kontenzjuża tapplika mhux biss għar-reklamar ta’ prodott mediċinali speċifiku, iżda wkoll għar-reklamar ta’ prodotti mediċinali b’mod ġenerali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirrestrinġi d-dritt tagħha li tirreklama għall-pubbliku ġenerali sabiex tippromwovi t-trade mark tagħha u ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha u tipprekludiha milli tinforma lill-konsumaturi dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-prodotti offruti lilhom. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni naqqset in-numru ta’ klijenti regolari tal-ispiżeriji tagħha, u b’hekk, ippreġudikat id-dritt għall-proprjetà tagħha, peress li l-klijentela għandha titqies bħala possediment fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

    12.

    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-parti tar-rikors tagħha li hija l-bażi tad-domandi preliminari, EUROAPTIEKA kkunsidrat li l-leġiżlatur ma kienx awtorizza lill-Kunsill tal-Ministri jadotta dispożizzjoni bħad-dispożizzjoni kontenzjuża sabiex jimplimenta d-Direttiva 2001/83. Fil-fatt, din id-direttiva ma tapplikax għal kull reklamar relatat mas-settur farmaċewtiku jew mal-prodotti mediċinali b’mod ġenerali, iżda għal dak relatat ma’ prodotti mediċinali speċifiċi biss. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tipprevedi armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam tar-reklamar għal prodotti mediċinali u ma tawtorizzax lill-Istati Membri jimponu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, rekwiżiti addizzjonali. Billi adotta d-dispożizzjoni kontenzjuża, il-Kunsill tal-Ministri estenda l-lista ta’ forom ta’ reklamar ipprojbiti li tinsab fl-Artikolu 90 tal-istess direttiva, u b’hekk, kiser it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

    13.

    Il-Kunsill tal-Ministri sostna li l-fatt li d-dispożizzjoni kontenzjuża timponi rekwiżiti iktar stretti fil-qasam ta’ reklamar għal prodotti mediċinali ma jfissirx li eċċeda s-setgħa mogħtija lilu mil-leġiżlatur sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” li jinsab f’din id-direttiva, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Barra minn hekk, l-Artikolu 87(3) tad-direttiva msemmija jipprojbixxi kull reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali u din il-projbizzjoni tapplika għall-użu ta’ kull prodott mediċinali.

    14.

    Billi rreferiet għas-sentenza Gintec ( 3 ), il-qorti tar-rinviju tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2001/83 wettqet armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam tar-reklamar għall-prodotti mediċinali, filwaqt li elenkat b’mod espliċitu l-każijiet li fihom l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet differenti mir-regoli stabbiliti minn din id-direttiva. Din il-qorti tqis li d-dispożizzjoni kontenzjuża għandha titqies bħala leġiżlazzjoni relattiva għar-“reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-istess direttiva ma tipprekludix id-dispożizzjoni kontenzjuża, sa fejn il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/83.

    15.

    Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 86(1) kif ukoll lill-Artikoli 87 u 90 tad-Direttiva 2001/83.

    16.

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 89(1)(b) tad-Direttiva 2001/83, kull reklamar fir-rigward ta’ prodott mediċinali għandu jinkludi l-isem kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-isem komuni tiegħu. Dan jista’ jimplika li huwa biss reklamar għall-prodotti mediċinali identifikabbli li huwa “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma teħtieġx li tiġi inkluża, f’dak li hija tqis li huwa reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku ġenerali, informazzjoni dwar prodotti mediċinali speċifiċi bħall-isem tagħhom, iżda tipprojbixxi ċerta informazzjoni mir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-prezz tagħhom. Għaldaqstant, sa fejn din id-dispożizzjoni tirregola mhux l-informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali nnifishom u l-isem tagħhom, iżda dik dwar il-prezz tagħhom, l-attivitajiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni jistgħu jitqiesu mhux bħala reklamar fis-sens tad-Direttiva 2001/83, iżda bħala forma ta’ tixrid ta’ informazzjoni, b’tali mod li din l-istess dispożizzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    18.

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni kontenzjuża tistabbilixxi projbizzjoni li ma tikkorrispondi għal ebda forma ta’ reklamar ipprojbita fl-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, l-Istati Membri jistgħux jestendu l-lista ta’ forom ta’ reklamar ipprojbiti elenkati f’din id-dispożizzjoni. Hija tinnota li, b’mod partikolari, l-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 45 tagħha, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu kull reklamar ta’ prodotti mediċinali manifestament eċċessiv u mhux maħsub tajjeb, li jista’ bħala tali jaffettwa s-saħħa pubblika.

    19.

    Huwa f’dan il-kuntest li permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-attivitajiet previsti mir-regoli inklużi fid-dispożizzjoni kontenzjuża għandhom jitqiesu bħala reklamar għal prodotti mediċinali fis-sens tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, intitolat ‘Reklamar’?

    2)

    L-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li testendi l-lista tal-forom ta’ reklamar ipprojbiti u li timponi limitazzjonijiet iktar stretti li ma humiex previsti espressament minn din id-dispożizzjoni?

    3)

    Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala li tillimta r-reklamar magħmul fir-rigward tal-prodotti mediċinali bil-ħsieb li jiġi promoss l-użu razzjonali ta’ dawn tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 87(3) tad-Direttiva 2001/83?”

    20.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn EUROAPTIEKA, mill-Gvern Latvjan, mill-Gvern Grieg u mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l‑għan tal‑kawża prinċipali

    21.

    Il-qari ta’ ċerti passaġġi li jinsabu fl-osservazzjonijiet tal-partijiet jista’ jagħti x’jifhem li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità, fid-dawl tal-Kostituzzjoni Latvjana u tad-dritt tal-Unjoni, tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016, li permezz tagħha EUROAPTIEKA ġiet ipprojbita milli xxerred ir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    22.

    Madankollu, ir-rikors ta’ EUROAPTIEKA quddiem il-qorti tar-rinviju donnu ma jirrigwardax il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

    23.

    Fil-fatt, hija l-konformità tad-dispożizzjoni kontenzjuża mal-Kostituzzjoni Latvjana u mad-dritt tal-Unjoni li EUROAPTIEKA tpoġġi indiskussjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, introdott diversi snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016 abbażi tad-dispożizzjoni kontenzjuża ( 4 ).

    24.

    Konsegwentement, ma huwiex fir-rigward tal-aġir ta’ EUROAPTIEKA li għandha tiġi interpretata d-Direttiva 2001/83, iżda tal-kontenut normattiv tad-dispożizzjoni kontenzjuża.

    25.

    Għal dak li jirrigwarda l-kjarifiki li għandhom jiġu pprovduti lill-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lil din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/83 u fid-dawl tal-allegazzjonijiet magħmula minn EUROAPTIEKA fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, jekk l-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża jaqgħux fil-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva (l-ewwel domanda preliminari). Fl-affermattiv, għandhom, fit-tieni lok, jiġu pprovduti lill-qorti tar-rinviju kjarifiki li jippermettulha tivverifika jekk, fid-dawl tal-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur Latvjan ittrasponihiex b’mod korrett fid-dritt nazzjonali (it-tieni u t-tielet domandi preliminari).

    B.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tixrid ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodott mediċinali billi tiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tiegħu, billi tħabbar bejgħ speċjali jew billi tindika li jinbiegħ ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra, jaqax taħt il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta din l-informazzjoni ma tirrigwardax prodott mediċinali speċifiku iżda prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali.

    27.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, minkejja li l-ewwel domanda preliminari tirreferi għat-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, intitolat “Reklamar”, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, li tinsab fl-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva, tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan it-titolu (“Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, […]”). Għalhekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tiġi interpretata prinċipalment din id-dispożizzjoni.

    28.

    Huwa minnu li t-Titolu VIIIa tad-Direttiva 2001/83 jirrigwarda wkoll il-qasam tar-reklamar għall-prodotti mediċinali. Dan it-titolu jinkludi b’mod partikolari regoli speċifiċi dwar ir-reklamar għall-pubbliku ġenerali, stabbiliti fl-Artikoli 88a sa 90 ( 5 ). Madankollu, ir-reklamar għall-pubbliku ġenerali jikkostitwixxi kategorija ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva.

    29.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li filwaqt li d-dispożizzjoni kontenzjuża tirreferi għat-tliet każijiet invokati fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk dawn jaqgħux taħt l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 jew jekk humiex esklużi minn din id-dispożizzjoni għar-raġunijiet li huma komuni għat-tliet każijiet.

    30.

    Fil-fatt, għalkemm, fil-fehma tiegħi, minkejja li dawn it-tliet każijiet jistgħu eventwalment jiġu eżaminati separatament fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari, madankollu, fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi ċċarat jekk l-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83 meta dawn jirrigwardaw prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali.

    31.

    Għandu jiġi rrilevat ukoll, fid-dawl tal-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Latvjan, li l-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża jirrigwardaw prodotti mediċinali awtorizzati fil-Latvja u mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika f’dak l-Istat Membru. Fil-fatt, ir-reklamar għall-prodotti mediċinali mhux awtorizzati ( 6 ) u għal dawk suġġetti għal preskrizzjoni medika ( 7 ) huwa pprojbit fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.

    32.

    Għalhekk, ser nanalizza l-ewwel domanda preliminari, qabel kollox, mill-perspettiva tal-interpretazzjoni testwali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83, sabiex imbagħad inqabbel ir-riżultat tal-analiżi tiegħi mat-tagħlimiet li jistgħu jinsiltu mis-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 8 ) u DocMorris ( 9 ), li l-partijiet jirreferu għalihom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    1. L‑interpretazzjoni testwali

    33.

    L-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” bħala “kull forma ta’ informazzjoni bieb-bieb, attività ta’ kkanvassjar jew inkoraġġiment bl-għan li jippromwovi l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali”.

    34.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, minn naħa, tirreferi għall-prodotti mediċinali fil-plural, u min-naħa l-oħra, tirrigwarda “kull forma” ta’ reklamar.

    35.

    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kontenut normattiv tad-dispożizzjoni kontenzjuża, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” jinkludi, b’mod partikolari, ir-“reklamar ta’ prodotti mediċinali għall-pubbliku ġenerali”. A priori, l-attivitajiet ikkonċernati minn din id-dispożizzjoni donnhom jaqgħu perfettament f’din id-definizzjoni.

    36.

    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83, li l‑għan tal-messaġġ jikkostitwixxi l-karatteristika essenzjali tar-reklamar fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u l‑element prinċipali li jiddistingwi r-reklamar minn sempliċi informazzjoni ( 10 ).

    37.

    Kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, wara eżami konkret taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, jekk tixrid ta’ informazzjoni għandux jew le għan pubbliċitarju ( 11 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji u ta’ ċirkustanzi rilevanti sabiex tevalwa jekk komunikazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala “reklamar”, bħall-identità tal-awtur tal-komunikazzjoni, l-għan u l-kontenut tagħha, kif ukoll il-grupp ta’ destinatarji tagħha u l-karatteristiċi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni użati ( 12 ).

    38.

    Fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex biss kjarifiki li jippermettulha tiddetermina jekk il-fatt li t-tixrid ta’ informazzjoni ma jirrigwardax prodotti mediċinali partikolari, iżda prodotti mediċinali b’mod ġenerali, jeskludix dan it-tixrid mill-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83.

    39.

    Kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, komunikazzjoni intiża sabiex tippromwovi “l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali” għandha titqies li taqa’ taħt dan il-kunċett.

    40.

    F’dan il-kuntest, sa fejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” tuża l-kelma “jew” sabiex tistabbilixxi l-iskopijiet previsti minn reklamar (“l-preskrizzjoni, provvista, bejgħ jew konsum ta’ prodotti mediċinali”), is-sempliċi fatt li t-tixrid ta’ informazzjoni huwa intiż għall-promozzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali – u mhux neċessarjament il-konsum tagħhom, li kultant huwa diffiċli li jiġi identifikat – huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dan it-tixrid jaqa’ taħt dan il-kunċett.

    41.

    Bħall-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ EUROAPTIEKA, jiena tal-fehma li t-tixrid ta’ informazzjoni relattiva għall-prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika jista’, bħala prinċipju, jinfluwenza d-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur. L-importanti ma huwiex il-prodott mediċinali li jixtri l-konsumatur, iżda l-fatt li t-tixrid ta’ informazzjoni jinkoraġġixxi lill-konsumatur jixtri prodott li jaqa’ fil-kategorija wiesgħa ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika. Barra minn hekk, jekk jitqies li tixrid ta’ informazzjoni relattiva għal prodotti mediċinali b’mod ġenerali ma jikkostitwixxix reklamar, iwassal sabiex jitneħħa wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titoli VIII u VIIIa tad-Direttiva 2001/83 it-tixrid ta’ informazzjoni relattiva għal ċerta kategorija ta’ prodotti mediċinali intiżi għall-kura ta’ kundizzjoni speċifika. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jeskludi li tali kategorija ta’ prodotti mediċinali tkun awtomatikament assoċjata mill-konsumaturi ma’ prodott mediċinali speċifiku, anki jekk ismu ma jissemmiex f’din l-informazzjoni.

    42.

    Ferm iktar importanti, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, id-dispożizzjoni kontenzjuża tipprojbixxi t-tixrid ta’ informazzjoni li jinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodotti mediċinali. Għalhekk, jidher li sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni, tali tixrid għandu jippromwovi (“jinkoraġġixxi”) il-bejgħ (“ix-xiri”) ta’ prodotti mediċinali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, l-iskop pubbliċitarju jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża u jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha għalhekk titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83 sa fejn din id-direttiva, fit-Titoli VIII u VIIIa tagħha, tarmonizza l-qasam tar-reklamar għall-prodotti mediċinali ( 13 ).

    43.

    Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2001/83.

    2. L‑interpretazzjoni sistematika

    44.

    Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 jistabbilixxi regola ġenerali li tapplika fil-każijiet kollha fejn ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk attività għandhiex il‑karatteristiċi ta’ reklamar għal prodott mediċinali ( 14 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-Artikolu 87 ta’ din id-direttiva jinkludi prinċipji ġenerali li japplikaw għat-tipi u għall-elementi kollha ta’ reklamar għall-prodotti mediċinali ( 15 ). Essenzjalment, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari, ir-reklamar għall-pubbliku ġenerali, l-Artikolu 88 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi wkoll tali prinċipji ġenerali.

    45.

    Għalhekk, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” għandu jiġi ddefinit b’mod wiesa’, sabiex ikopri wkoll sitwazzjonijiet inqas evidenti fir-rigward tal-fatt li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83.

    46.

    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 89(1)(b) tad-Direttiva 2001/83, li jinsab taħt it-Titolu VIIIa tagħha, jipprovdi li kull reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodott mediċinali għall-pubbliku ġenerali għandu jinkludi l-isem tiegħu ma jidhirlix li huwa deċiżiv, peress li dan jirrigwarda biss waħda mill-kategoriji ta’ reklamar għall-prodotti mediċinali previsti mill-kunċett ġenerali li jinsab fl-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, li kieku, kif jargumenta l-Gvern Pollakk, reklamar għall-prodotti mediċinali jista’ jirrigwarda biss prodott speċifiku, l-obbligu li dan jiġi identifikat b’mod ċar ma kienx ikun jinsab fid-dispożizzjonijiet speċifiċi relattivi għal ċerti forom ta’ reklamar, iżda fid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-direttiva msemmija li jirregolaw dan ir-reklamar.

    47.

    Fit-tieni lok, nifhem il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 japplika fil-każijiet kollha fejn huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk attività għandhiex il-karatteristiċi ta’ reklamar għal prodott mediċinali fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih għandha tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-attivitajiet pubbliċitarji relattivi għall-prodotti mediċinali, xtaq jagħti privileġġ mhux lid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju iżda lil dawk ta’ din id-direttiva.

    48.

    Fil-fatt, jekk jitqies li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 ikun jimplika, tal-inqas fil-każ ta’ sitwazzjoni transkonfinali, li l-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha għas-suq intern jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt primarju, u b’mod iktar preċiż, tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE.

    49.

    Kif juri d-dibattitu bejn il-partijiet, li fil-kuntest tiegħu EUROAPTIEKA ssostni li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma tirrigwardax il-prodotti mediċinali mibjugħa minn spiżerija iżda l-attività tagħha, wieħed ma jistax jeskludi li dispożizzjoni nazzjonali li tintroduċi projbizzjonijiet fil-qasam ta’ reklamar ta’ prodotti mediċinali b’mod ġenerali tista’ tirrelata, fil-każ ta’ sitwazzjoni transkonfinali, kemm mal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina tali dispożizzjoni nazzjonali, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jekk jirriżulta li waħda minnhom tkun sekondarja għall-oħra u tista’ tirrelata magħha.

    50.

    F’dan il-każ, id-dispożizzjoni kontenzjuża ma tirrigwardax l-eżerċizzju tal-attività ta’ spiżjar jew is-servizz tal-bejgħ fihom innifishom, iżda tirrigwarda ċerta forma ta’ azzjoni pubbliċitarja għall-prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ ( 16 ).

    51.

    Fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, id-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ titqies “li tirregola modalitajiet ta’ bejgħ”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza Keck u Mithouard ( 17 ) u għalhekk, ma taqax fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ( 18 ).

    52.

    Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jipprojbixxu l-attivitajiet bħal dawk previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża u tali projbizzjonijiet ma huma, bħala prinċipju, suġġetti għal ebda kontroll fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-Direttiva 2001/83 u/jew mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE. Fl-istess waqt, l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw tali projbizzjonijiet, minkejja li dawn l-attivitajiet jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tal-konsumaturi ( 19 ). Jiena tal-fehma li huwa għal dawn ir-raġunijiet li, kif semmejt fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur ta privileġġ lid-Direttiva 2001/83 fid-dawl tal-kuntest li fih għandha tiġi evalwata l-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-attivitajiet pubbliċitarji relattivi għall-prodotti mediċinali.

    53.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura ta’ regola ġenerali tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83 timmilita favur l-interpretazzjoni li tgħid li reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodotti mediċinali b’mod ġenerali, bħal dak previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża, jaqa’ wkoll fil-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-direttiva.

    3. L‑interpretazzjoni teleoloġika

    54.

    L-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jitqies li mill-perspettiva tal-interpretazzjoni teleoloġika, il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-Artikolu 86 tad-Direttiva 2001/83, għandu jiġi ddefinit b’mod li jinkludi kull tixrid ta’ informazzjoni, ikkanvassjar jew inkoraġġiment li jista’ jagħmel ħsara lis-saħħa pubblika.

    55.

    Fil-fatt, is-salvagwardja tas-saħħa pubblika hija l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/83. Minħabba l-effetti terapewtiċi tagħhom, il-prodotti mediċinali huma sostanzjalment differenti minn merkanziji oħra. Dawn l-effetti għandhom il-konsegwenza li, jekk il-prodotti mediċinali jiġu kkonsmati mingħajr bżonn jew b’mod mhux korrett, jistgħu jagħmlu ħsara gravi lis-saħħa, mingħajr ma l-pazjent ikun konxju minn dan waqt l-amministrazzjoni tagħhom ( 20 ).

    56.

    Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed ma jistax jeskludi li ċerti riskji huma marbuta wkoll mal-użu ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika ( 21 ). Tali riskji jirrigwardaw, skont il-Gvern Latvjan, b’mod partikolari l-persuni li jikkonsmaw prodotti mediċinali differenti mingħajr ma jikkonsultaw tabib. Għal dak il-gvern, anki prodotti mediċinali li a priori ma jagħmlux ħsara jista’ jkollhom effetti sekondarji mhux mixtieqa meta jintużaw flimkien ma’ prodotti mediċinali oħrajn. Barra minn hekk, it-teħid ta’ diversi prodotti mediċinali li jinxtraw mingħajr preskrizzjoni li fihom l-istess komponent jista’ jwassal għal dożaġġ eċċessiv sinjifikattiv.

    57.

    Billi rrikonoxxa dawn ir-riskji, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda, fl-Artikolu 88(1) u (2), kif ukoll fl-Artikoli 89 u 90 tad-Direttiva 2001/83, li jinsabu taħt it-Titolu VIIIa tagħha, moqrija fid-dawl tal-premessa 45 tagħha, li r-reklamar għall-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika ma huwiex ipprojbit iżda awtorizzat, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet previsti minn din id-direttiva ( 22 ).

    58.

    Fost dawn ir-restrizzjonijiet hemm dik ta’ natura ġenerali stabbilita fl-Artikolu 87(3) tad-Direttiva 2001/83, li tipprovdi li r-reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodott mediċinali għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tal-prodott mediċinali billi jippreżentah oġġettivament u mingħajr ma jkabbar iżżejjed il-proprjetajiet tiegħu. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprekludi mhux ir-reklamar ta’ prodott mediċinali partikolari, iżda r-reklamar li jista’ jipprovoka l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali.

    59.

    Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li waqt l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ntrabtet li tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tal-għan tas-salvagwardja tas-saħħa pubblika sa fejn l-interpretazzjoni tiegħu tippermetti li jintlaħaq dan l-għan ( 23 ).

    60.

    F’dan ir-rigward, kif diġà semmejt, reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodotti mediċinali b’mod ġenerali jista’ jinfluwenza l-aġir tal-konsumaturi ( 24 ), li jmur kontra dan l-għan tas-salvagwardja tas-saħħa pubblika u jista’ jipprovoka riskji għas-saħħa tagħhom ( 25 ).

    61.

    Minn dan isegwi li, bħall-interpretazzjoni testwali u sistematika, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” timmilita favur risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari. Il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq dawn l-interpretazzjonijiet ma humiex ikkontestati mit-tagħlimiet li wieħed jista’ jislet mis-sentenzi A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 26 ) u DocMorris ( 27 ), peress li dawn ma humiex trasponibbli għal dan il-każ.

    4. Fuq is‑sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online)

    62.

    Infakkar li, fil-punt 50 tas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83, li jinsabu taħt it-Titoli VIII u VIIIa tagħha, huma intiżi sabiex jirregolaw il-kontenut tal-messaġġ pubbliċitarju u l-modalitajiet tar-reklamar għal prodotti mediċinali speċifiċi, iżda ma jirregolawx ir-reklamar għas-servizzi ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżeriji milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali tal-ordni ta’ prodotti mediċinali meta dan jaqbeż ċertu ammont.

    63.

    Għalhekk, a priori, l-azzjoni pubbliċitarja inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 29 ) donnha hija simili għal dawk ipprojbiti mid-dispożizzjoni kontenzjuża f’din il-kawża. Din is-similarità tista’ tagħti x’tifhem li din is-sentenza hija trasponibbli għal din il-kawża, b’tali mod li d-Direttiva 2001/83 ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

    64.

    Madankollu, il-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 30 ) huwa ferm differenti minn dak ta’ din il-kawża.

    65.

    Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din l-ewwel kawża, li tipprojbixxi lil spiżeriji, b’mod partikolari, milli jagħmlu offerti promozzjonali intiżi għall-għoti ta’ tnaqqis fuq il-prezz globali, tirrigwarda l-prodotti mediċinali u r-reklamar tagħhom indirettament biss ( 31 ), filwaqt li d-dispożizzjoni kontenzjuża tirrigwarda espressament u direttament ir-reklamar magħmul fir-rigward tal-prodott mediċinali għall-pubbliku ġenerali.

    66.

    Ferm iktar importanti, id-domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 32 ) kienet tirrigwarda, essenzjalment, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha u mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikata mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża xtaqet tikkonfronta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE, mal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 u/jew mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ( 33 ).

    67.

    Wara li kkonstatat li s-servizzi ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/31 ( 34 ) u li l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 jirreferi, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-ewwel direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat id-domanda preliminari fid-dawl tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, skont il-loġika li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2000/31, fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa, bħala regola ġenerali, suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit (l-Istat Membru ta’ oriġini). Ir-rekwiżiti relattivi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li jaqgħu fil-qasam ikoordinat, jistgħu għalhekk jirriżultaw mill-Istat Membru ta’ oriġini jew – fil-limiti imposti fl-Artikolu 3(4) tad-direttiva msemmija – minn Stati Membri oħra. Madankollu, f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni kkonċernata hija dik tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur.

    5. Fuq is‑sentenza DocMorris

    68.

    Fis-sentenza DocMorris ( 35 ), li d-data li fiha ngħatat hija wara dik tal-introduzzjoni tar-rinviju preliminari f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(3) tagħha, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżerija li tbigħ prodotti mediċinali bil-posta milli torganizza azzjoni pubbliċitarja fil-forma ta’ logħba promozzjonali li tippermetti lill-parteċipanti jirbħu oġġetti tal-ħajja ta’ kuljum minbarra prodotti mediċinali, billi l-parteċipazzjoni f’din il-logħba hija suġġetta għal ordni ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti għal preskrizzjoni medika, akkumpanjata minn din il-preskrizzjoni.

    69.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’din is-sentenza, li tali azzjoni pubbliċitarja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/83.

    70.

    B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-reklamar inkwistjoni ma kienx jirrigwarda prodott mediċinali partikolari, iżda l-firxa ta’ prodotti mediċinali kollha suġġetti għal preskrizzjoni medika u offruti għall-bejgħ mill-ispiżerija inkwistjoni. Qabel ma waslet għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 21 tas-sentenza msemmija, li din l-azzjoni pubbliċitarja kienet intiża sabiex tinfluwenza mhux l-għażla ta’ prodott mediċinali partikolari mill-klijent, iżda dik tal-ispiżeriji li mingħandha l-klijent jixtri dan il-prodott mediċinali, b’din it-tieni għażla ssir wara dik tal-ewwel.

    71.

    Fil-fatt, dak li huwa rilevanti, mill-perspettiva tal-interpretazzjoni teleoloġika, huwa li l-imsemmija azzjoni pubbliċitarja ma kinitx ta’ natura li tinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali, għall-kuntrarju tal-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża. Ix-xiri ta’ prodotti mediċinali kien ikkundizzjonat mill-kisba minn qabel ta’ preskrizzjoni medika, taħt il-kontroll ta’ persuni awtorizzati li jippreskrivuhom.

    72.

    Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet diġà invokati fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża huma ta’ natura li jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jixtru iktar prodotti mediċinali anki meta dawn jirrigwardaw prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali. Fil-fatt, peress li huwa indikat b’mod ċar, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li r-reklamar jirrigwarda prodotti mediċinali, bħal f’dan il-każ, ir-regoli fil-qasam ta’ reklamar għandhom japplikaw anki jekk ebda prodott mediċinali speċifiku ma jissemma espressament fir-reklamar.

    6. Konklużjoni dwar l‑ewwel domanda preliminari

    73.

    Billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet inekwivoċi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni testwali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tixrid ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodott mediċinali billi tiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tal-prodott mediċinali, billi tħabbar bejgħ speċjali jew billi tindika li l-prodott mediċinali jinbiegħ ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, anki meta din l-informazzjoni ma tirrigwardax prodott mediċinali speċifiku iżda prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali.

    C.   Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari

    74.

    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 87(3) u l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li Stat Membru jadotta projbizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva, meta dawn il-projbizzjonijiet ikunu jirrigwardaw ir-reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali (l-ewwel parti ta’ dawn id-domandi preliminari), u fit-tieni lok, jekk id-dispożizzjoni kontenzjuża tadottax tali projbizzjonijiet (it-tieni parti ta’ dawn id-domandi preliminari).

    75.

    Minn naħa, għandu jiġi osservat, li minkejja li t-tieni domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, donnha titlaq mill-premessa li l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83 jirrigwarda l-forom ta’ reklamar ipprojbiti, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi madankollu projbizzjonijiet relattivi għall-kontenut tar-reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodott mediċinali għall-pubbliku ġenerali ( 36 ). Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fi kwalunkwe każ, il-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjoni kontenzjuża ma jikkorrispondux għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva.

    1. Fuq l‑ammissibbiltà

    76.

    Qabel ma nipproċedi bl-eżami ta’ dawn id-domandi, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, EUROAPTIEKA teċċepixxi, anki jekk b’mod impliċitu, l-inammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju. Dawn id-domandi ma humiex, fil-fehma tagħha, rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83 u li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    77.

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kontenzjuża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83 u li t-tieni u t-tielet domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati biss jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva. Fid-dawl tar-risposta affermattiva tiegħi għal din l-ewwel domanda, xejn ma jippermettili nqis li t-tieni u t-tielet domanda ma humiex manifestament rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dawn id-domandi huma ammissibbli.

    2. Fuq il‑mertu

    78.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva.

    79.

    Fil-fatt, dawn iż-żewġ domandi, moqrija flimkien, huma bbażati fuq qari tad-Direttiva 2001/83 li jgħid li l-Artikolu 90 tagħha jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ projbizzjonijiet relattivi għall-kontenut ta’ reklamar magħmul fir-rigward ta’ prodott mediċinali għall-pubbliku ġenerali filwaqt li l-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw projbizzjonijiet oħra meta dawn jinkoraġġixxu l-użu razzjonali tal-prodott mediċinali.

    80.

    Tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/83 kienet sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gintec ( 37 ), li tagħmel referenza għaliha l-qorti tar-rinviju.

    81.

    F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari dwar jekk, fl-assenza ta’ projbizzjoni espliċita, fid-Direttiva 2001/83, reklamar għall-prodotti mediċinali permezz tat-tlugħ bix-xorti huwiex permess jew inkella pprojbit mill-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva ( 38 ).

    82.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, li, minkejja li d-Direttiva 2001/83 ma tiddedikax regoli speċifiċi relattivi għar-reklamar għall-prodotti mediċinali taħt il-forma ta’ tlugħ bix-xorti, tali reklamar huwa pprojbit, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva, sa fejn huwa jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ dan il-prodott mediċinali u jwassal għad-distribuzzjoni diretta tiegħu lill-pubbliku kif ukoll għall-konsenja ta’ kampjuni b’xejn.

    83.

    Sabiex waslet għal din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, qabel kollox, li huwa diffiċli li jiġi aċċettat tali reklamar fid-dawl tan-neċessità li jiġi pprojbit kull reklamar eċċessiv jew mhux maħsub tajjeb li jista’ jaffettwa s-saħħa pubblika. Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 87(3) tad-Direttiva 2001/83 jenfasizza din in-neċessità, billi jeżiġi li r-reklamar għall-prodotti mediċinali għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tagħhom ( 39 ). Fl-aħħar nett, billi bbażat ruħha fuq il-pożizzjoni espressa minn ċerti gvernijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-reklamar għal prodott mediċinali taħt forma ta’ tlugħ bix-xorti jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali u eċċessiv ta’ dan il-prodott, billi jippreżentah bħala rigal jew premju, u b’hekk jaljena lill-konsumatur mill-evalwazzjoni oġġettiva tan-neċessità li jieħu l-imsemmi prodott mediċinali ( 40 ).

    84.

    Minn dan isegwi, għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari, li l-Artikolu 87(3) u l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li Stat Membru jadotta projbizzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva meta dawn il-projbizzjonijiet ikunu jirrigwardaw ir-reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali.

    85.

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dawn id-domandi preliminari, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma tipprojbixxix it-tixrid ta’ sempliċi informazzjoni dwar il-prezz ta’ prodotti mediċinali. Din lanqas ma tirrigwarda obbligu li jiġi stabbilit ċertu prezz għal prodotti mediċinali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi t-tixrid ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodott mediċinali billi jiġi ċċitat il-prezz tiegħu, in-natura speċjali tal-bejgħ jew il-bejgħ tiegħu ma’ prodotti mediċinali jew prodotti oħra, inkluż bi prezz imnaqqas.

    86.

    Kif indikajt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjoni kontenzjuża tirrigwarda għalhekk l-attivitajiet li għandhom natura li jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jixtru iktar prodotti mediċinali, mingħajr ma jorbtu neċessarjament dan ix-xiri mal-interess għas-saħħa tagħhom.

    87.

    Kif tosserva l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest il-konsumaturi huma dejjem influwenzati mill-prezz u jistgħu jiġu inkoraġġuti jixtru iktar milli huwa neċessarju jekk teżisti offerta jew skont speċjali. Waqt ix-xiri ta’ prodotti mediċinali mill-konsumaturi, huwa l-interess għas-saħħa tagħhom li għandha tipprevali (prevenzjoni jew trattament) u mhux eventwali interessi ekonomiċi jew vantaġġi finanzjarji marbuta max-xiri fil-kuntest ta’ bejgħ speċjali jew f’lott flimkien ma’ prodotti mediċinali jew prodotti oħra.

    88.

    Ix-xiri ta’ prodotti mediċinali li ma huwiex iggwidat mill-interess għas-saħħa tal-konsumaturi jista’, min-naħa tiegħu, iwassal għall-konsum ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-interess, li anki mingħajr ma jissemmew ir-riskji identifikati mill-Gvern Latvjan ( 41 ), jikkostitwixxi każ ta’ użu irrazzjonali tagħhom, per eċċellenza.

    89.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-protezzjoni effettiva tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni teħtieġ, b’mod partikolari, li l-prodotti mediċinali jinbiegħu bi prezzijiet raġonevoli ( 42 ) ma jistax ifixkel in-neċessità, irrikonoxxuta fil-premessa 45 tad-Direttiva 2001/83, li jiġi pprojbit kull reklamar eċċessiv jew mhux maħsub tajjeb li jista’ jaffettwa s-saħħa pubblika. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gintec ( 43 ), din il-ħtieġa tinsab riflessa fl-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li r-reklamar għall-prodotti mediċinali għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tagħhom.

    90.

    Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni parti tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-projbizzjonijiet relattivi għar-reklamar li jinkoraġġixxi x-xiri tal-prodott mediċinali billi jiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tal-prodott mediċinali, billi jħabbar bejgħ speċjali jew billi jindika li l-prodott mediċinali jinbiegħ ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra jirrigwardaw ir-reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali.

    V. Konklużjoni

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja):

    1)

    L-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tixrid ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ prodott mediċinali billi tiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tal-prodott mediċinali, billi tħabbar bejgħ speċjali jew billi tindika li l-prodott mediċinali jinbiegħ ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta din l-informazzjoni tkun tikkonċerna mhux lil prodott mediċinali speċifiku, iżda lil prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika b’mod ġenerali.

    2)

    L-Artikolu 87(3) u l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83, kif emendata bid-Direttiva 2004/27, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li Stat Membru jadotta projbizzjonijiet li ma jikkorrispondux ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva, meta dawn il-projbizzjonijiet jirrigwardaw ir-reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali.

    Il-projbizzjonijiet relattivi għar-reklamar li jinkoraġġixxi x-xiri tal-prodott mediċinali billi jiġġustifika n-neċessità ta’ tali xiri bil-prezz tal-prodott mediċinali, billi jħabbar bejgħ speċjali jew billi jindika li l-prodott mediċinali jinbiegħ ma’ prodotti mediċinali (inkluż bi prezz imnaqqas) jew prodotti oħra, jirrigwardaw ir-reklamar li jinkoraġġixxi l-użu irrazzjonali ta’ prodotti mediċinali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 262) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”).

    ( 3 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007 (C‑374/05, EU:C:2007:654, punti 2037).

    ( 4 ) Huwa minnu li, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-passaġġ li jipprovdi li “r-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jsemmix l-isem tal-prodott mediċinali” jista’ jagħti x’jifhem li hija l-legalità tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016 li hija s-suġġett tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi li dan il-passaġġ huwa biss riproduzzjoni tal-argument li jinsab fir-rikors kostituzzjonali ta’ EUROAPTIEKA. Barra minn hekk, il-frażi ta’ wara l-imsemmi passaġġ tistabbilixxi li għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet previsti mid-dispożizzjoni kontenzjuża jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83. Barra minn hekk, EUROAPTIEKA tallega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li meta l-qorti tkun mitluba tiddeċiedi dwar rikors kostituzzjonali, hija għandha tagħti importanza sinjifikattiva liċ-ċirkustanzi tal-każ li fihom id-dispożizzjoni kontenzjuża tkun kisret id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. Madankollu, il-fatt li tagħti ċerta importanza liċ-ċirkustanzi tal-każ ma jidhirx li jpoġġi indiskussjoni l-għan tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, EUROAPTIEKA tirreferi għal deċiżjoni definittiva tal-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), adottata fil-kawża amministrattiva li tirrigwardaha. Din ir-referenza tista’ tagħti x’jifhem li r-rikors kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2016 kien deċiż definittivament minn din il-qorti suprema. Barra minn hekk, huwa f’dan is-sens li l-Kummissjoni esprimiet ruħha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    ( 5 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Novo Nordisk (C‑249/09, EU:C:2011:272, punt 22).

    ( 6 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 146).

    ( 7 ) Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 88(1)(a) tad-Direttiva 2001/83.

    ( 8 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 9 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021 (C‑190/20, EU:C:2021:609).

    ( 10 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C‑316/09, EU:C:2011:275, punt 31).

    ( 11 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C‑316/09, EU:C:2011:275, punt 33).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, MSD Sharp & Dohme (C‑316/09, EU:C:2011:275, punti 34, 36, 4045).

    ( 13 ) Dwar il-portata tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2001/83, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 20).

    ( 14 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Novo Nordisk (C‑249/09, EU:C:2011:272, punt 24).

    ( 15 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Novo Nordisk (C‑249/09, EU:C:2011:272, punt 25).

    ( 16 ) F’din l-ordni ta’ ideat, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza DocMorris, li l-azzjoni pubbliċitarja inkwistjoni f’din is-sentenza, jiġifieri dik li tikkonsisti f’logħba promozzjonali li tippermetti lill-parteċipanti jirbħu oġġetti tal-ħajja ta’ kuljum minbarra prodotti mediċinali, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “reklamar ta’ prodotti mediċinali” fis-sens tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li t-tixrid ta’ messaġġi pubbliċitarji li jirrigwardaw is-servizz ta’ ordni permezz ta’ korrispondenza ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, minkejja li ma huwiex intiż għall-promozzjoni ta’ prodotti mediċinali partikolari, kien jikkostitwixxi element sekondarju fir-rigward tal-promozzjoni tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali li huwa l-għan finali tal-azzjoni pubbliċitarja. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris (C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 31).

    ( 17 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).

    ( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris (C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 35).

    ( 19 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 20 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 3132).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 94).

    ( 22 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, ratiopharm (C‑786/18, EU:C:2020:459, punt 40).

    ( 23 ) Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2009, Damgaard (C‑421/07, EU:C:2009:222), li t-tixrid minn terz ta’ informazzjoni relattiva għal prodott mediċinali għandha titqies bħala “reklamar ta’ prodotti mediċinali”, fis-sens tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2001/83. Fil-fatt, wara li kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-awturi tar-reklamar (punti 20 u 21), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-reklamar għal prodotti mediċinali jista’ jagħmel ħsara lis-saħħa pubblika li s-salvagwardja tagħha hija l-għan essenzjali tal-imsemmija direttiva, anki meta dan isir minn terz indipendenti (punt 22).

    ( 24 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 27 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021 (C‑190/20, EU:C:2021:609).

    ( 28 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 29 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 30 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 31 ) Din kienet tirrigwarda l-attività ta’ spiżjar li, skont din il-leġiżlazzjoni, ma setax jissolleċita klijenti permezz ta’ proċeduri u mezzi li jmorru kontra d-dinjità tal-professjoni u lanqas jinkoraġġixxi lill-pazjenti tiegħu għal konsum abbużiv ta’ prodotti mediċinali.

    ( 32 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).

    ( 33 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

    ( 34 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 32).

    ( 35 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021 (C‑190/20, EU:C:2021:609).

    ( 36 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, fil-punt 36, li l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2001/83 jinkludi preskrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kontenut ta’ reklam għal prodotti mediċinali, billi jipprojbixxi l-użu ta’ diversi elementi konkreti.

    ( 37 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007 (C‑374/05, EU:C:2007:654).

    ( 38 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 53).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 55).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 56).

    ( 41 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 43).

    ( 43 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007 (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 51).

    Top