EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0485

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2021.
XXXX vs HR Rail SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Tkeċċija ta’ ħaddiem li sar definittivament inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni tiegħu – Membru tal-persunal li jwettaq stage fil-kuntest tar-reklutaġġ tiegħu – Artikolu 5 – Akkomodament raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà – Obbligu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni oħra – Obbligu taħt piena li ma jikkostitwixxix piż disproporzjonat għall-persuna li timpjega.
Kawża C-485/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:916

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑11 ta’ Novembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑485/20

XXXX

vs

HR Rail SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u x-xogħol – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà – Persuna li tlesti l-perijodu ta’ prova bħala parti mir-reklutaġġ tagħha – Ħaddiem definittivament mhux kapaċi li jokkupa l-post tax-xogħol fejn kien ġie assenjat – Artikolu 5 – Akkomodazzjoni raġonevoli – Obbligu tal-persuna li timpjega li tassenja mill-ġdid lil dan il-ħaddiem f’post tax-xogħol ieħor li għalih huwa kompetenti, kapaċi u disponibbli – Piż sproporzjonat”

I. Introduzzjoni

1.

Ħaddiem, XXXX (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), irreklutat mill-kumpannija HR Rail SA, matul il-perijodu ta’ prova tiegħu, minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, sar definittivament mhux kapaċi biex jaħdem fil-post li għalih kien ġie assenjat. Għalhekk kien suġġett għal sensja minħabba inkapaċità. Ir-rikorrent jikkontesta din id-deċiżjoni, billi sostna li kien ġie ddiskriminat fuq il-bażi ta’ diżabbiltà.

2.

F’sitwazzjoni bħal din, il-persuna li timpjegah, minflok ma tissensjah, kellha l-obbligu, skont id-Direttiva 2000/78/KE ( 2 ), u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, li tassenja lir-rikorrent post ieħor tax-xogħol li għalih kien kompetenti, kapaċi u disponibbli? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

3.

Din id-domanda ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal persuni li jtemmu l-perijodu ta’ prova bħala parti mir-reklutaġġ tagħhom u l-portata tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-direttiva msemmija, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, konkluża f’New York fit‑13 ta’ Diċembru 2006 ( 3 ) u li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Mejju 2008 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”), u l-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

4.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU, intitolat “Għan”, jiddikjara:

“L-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha minn persuni b’diżabbiltà u li tippromwovi r-rispett għad-dinjità intrinsika tagħhom.

B’persuni b’diżabbiltà nifhmu persuni b’diżabbiltajiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali dejjiema li l-interazzjoni tagħhom ma’ diversi ostakli tista’ tfixkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq il-bażi tal-ugwaljanza ma’ ħaddieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fit-tielet u r-raba’ paragrafu tagħha:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenjoni:

[…]

‘diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kull distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew l-effett li tikkomprometti jew iġġib fix-xejn ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ ħaddieħor, id-drittijiet tal-bniedem kollha u l-libertajiet fundamentali kollha fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili jew oħrajn. Id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà tinkludi kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli;

‘akkomodazzjoni raġonevoli’ tfisser il-modifiki u l-aġġustamenti meħtieġa u xierqa li ma jimponux piż sproporzjonat jew żejjed konsegwenti, skont il-ħtiġijiet f’sitwazzjoni partikolari, biex jiġu żgurati għall-persuni b’diżabbiltà it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem kollha u l-libertajiet fundamentali kollha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

L-Artikolu 5 tal-konvenzjoni msemmija, intitolat “Ugwaljanza u nondiskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li jkun hemm akkomodazzjoni raġonevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 27 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Xogħol u impjieg”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Kontraenti għandhom jirrikonoxxu lill-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, id-dritt għax-xogħol, inkluża l-opportunità li jaqilgħu l-għixien billi jwettqu xogħol magħżul liberament jew aċċettat f’suq tax-xogħol u f’ambjent tax-xogħol miftuħin, li jiffavorixxu l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà. Għandhom jiggarantixxu u jiffavorixxu l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li kisbu diżabbiltà waqt l-impjieg, billi jittieħdu miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, b’mod partikolari:

a)

jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-impjieg fil-forom kollha tagħha, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, kiri u impjieg, iż-żamma fl-impjieg, il-promozzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol;

[…]

h)

jiffavorixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat billi jimplimentaw politiki u miżuri xierqa, inkluż fejn xieraq programmi ta’ azzjoni pożittiva, inċentivi u miżuri oħra;

i)

jiżguraw li jsiru akkomodazzjonijiet raġonevoli fil-postijiet tax-xogħol favur persuni b’diżabbiltà;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU)kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2010/48/KE ( 4 ).

B.   Id-dritt tal-Unjoni

9.

Skont il-premessi 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78:

“(16)

Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’ diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba diżabilità.

(17)

Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħriġ relevanti, mingħajr preġudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[…]

(20)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarriġ jew integrazzjoni.

(21)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

10.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Skop”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

11.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.”

12.

L-Artikolu 3 tal-istess id-direttiva, intitolat, “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

b)

l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ gwida professjonali, formazzjoni professjonali, formazzjoni u riformazzjoni professjonali iktar avvanzata, inkluż taħriġ ta’ xogħol prattiku;

c)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

13.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’diżabilità”, jipprovdi:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu miżuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

14.

Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi”:

“1.   Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaġġi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.”

C.   Id-dritt Belġjan

15.

L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra Ċerti Forom ta’ Diskriminazzjoni, tal‑10 ta’ Mejju 2007 ( 5 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007”), jgħid:

“L-għan ta’ din il-liġi huwa li toħloq, fil-materji msemmija fl-Artikolu 5, qafas ġenerali biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, il-fortuna, il-konvinzjoni reliġjuża jew filosofika, il-konvinzjoni politika, il-konvinzjoni sindakali, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika jew oriġini soċjali.”

16.

L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, għandu jinftiehem b’dan li ġej:

[…]

4. kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, il-fortuna, il-konvinzjoni reliġjuża jew filosofika, il-konvinzjoni politika, il-konvinzjoni sindakali, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika, oriġini soċjali;

[…]

12 akkomodazzjoni raġonevoli: miżura xierqa, meħuda fuq il-bażi tal-ħtiġijiet f’sitwazzjoni konkreta, biex persuna b’diżabbiltà jista’ jkollha aċċess, tipparteċipa u tagħmel progress fl-oqsma li għalihom tapplika din il-liġi, sakemm dawn il-miżuri ma jeħtiġux fir-rigward tal-persuna li għandha tadottahom piż sproporzjonat. Dan il-piż ma huwiex sproporzjonat meta jkun ikkumpensat biżżejjed b’miżuri eżistenti fil-qafas tal-politika pubblika mwettqa rigward il-persuni b’diżabbiltà.”

17.

L-Artikolu 14 ta’ din il-liġi hija fformulata kif ġej:

“Fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, kull forma ta’ diskriminazzjoni hija pprojbita. Għall-finijiet ta’ dan it-titolu, diskriminazzjoni tfisser

[…]

rifjut li tiġi implimentata akkomodazzjoni raġonevoli favur persuna b’diżabbiltà.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Ir-rikorrent kien ġie rreklutat minn HR Rail ( 6 ) bħala uffiċjal tal-manutenzjoni speċjalizzat fil-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija. Fil‑21 ta’ Novembru 2016, huwa beda l-perijodu ta’ prova tiegħu fi ħdan il-kumpannija Infrabel.

19.

F’Diċembru 2017, huwa ġie djanjostikat bi problema tal-qalb li ħtieġet it-tqegħid ta’ pacemaker, apparat sensittiv għall-kampi elettromanjetiċi emessi, b’mod partikolari, mill-ferroviji. Fit‑12 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent ġie rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà mis-Service public fédéral Sécurité sociale (is-Servizz Pubbliku Federali tas-Sigurtà Soċjali (il-Belġju)).

20.

Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, huwa kien ġie eżaminat fis-Centre régional de la médecine de l’administration (iċ-Ċentru Reġjonali għall-Mediċina tal-Amministrazzjoni (il-Belġju)), eżami li wassal lil HR Rail biex tiddikjarah definittivament ma kienx kapaċi li jwettaq id-dmirijiet li għalihom kien ġie rreklutat. Kien ġie ppreċiżat lir-rikorrent li, waqt li kien qiegħed jistenna d-deċiżjoni ta’ sensja fir-rigward tiegħu, huwa seta’ jokkupa post tax-xogħol adattat għall-istat ta’ saħħa tiegħu, li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin: “attività medja, l-ebda espożizzjoni għall-kampi manjetiċi, mhux fl-altitudni jew espost għal vibrazzjonijiet”. Wara din id-deċiżjoni, ir-rikorrent kien ġie assenjat għall-post ta’ persuna responsabbli minn maħżen fi ħdan Infrabel. Fl‑1 ta’ Lulju 2018, huwa appella mill-imsemmija deċiżjoni quddiem il-commission d’appel de la médecine de l’administration (il-Kummissjoni tal-Appell tal-Mediċina tal-Amministrazzjoni (il-Belġju)).

21.

B’ittra tad‑19 ta’ Lulju 2018, HR Rail infurmat lir-rikorrent li kien ser jibbenefika minn “appoġġ ippersonalizzat sabiex jinstab [miegħu] impjieg ġdid” u li dalwaqt kien ser jissejjaħ għal intervista għal dan il-għan. Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Awwissu 2018, l-applikant kien ġie infurmat li d-data għal din l-intervista kienet ġiet stabbilita għat‑18 ta’ Settembru 2018.

22.

Fit‑3 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni tal-Appell tal-Mediċina tal-Amministrazzjoni kkonfermat d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità medika meħuda fir-rigward tar-rikorrent.

23.

B’ittra tas‑26 ta’ Settembru 2018, il-konsulent ewlieni – il-kap tad-dipartiment ikkonċernat ta’ HR Rail informa lill-applikant bis-sensja tiegħu fit‑30 ta’ Settembru 2018, bi projbizzjoni fuq ir-reklutaġġ għal perijodu ta’ ħames snin fil-grad li fih kien ġie rreklutat.

24.

Fis‑26 ta’ Ottubru 2018, id-direttur ġenerali ta’ HR Rail informa lir-rikorrent li l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija u r-regolamenti ġenerali għall-allokazzjoni tal-impjiegi tagħha jipprovdu li, “il-perijodu ta’ prova tal-membru tal-persunal jintemm meta jiġi ddikjarat totalment u definittivament li ma huwiex kapaċi meta ma jkunx għadu f’pożizzjoni li jwettaq id-dmirijiet marbuta mal-grad tiegħu” u li, konsegwentement, “l-ittra li [kienet intbagħtitlu] relatata ma’ appoġġ personalizzat għal persunal li ma huwiex kapaċi għal raġunijiet mediċi [ma għadx għandha] skop”.

25.

Fis‑26 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju, fejn talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-konsulent ewlieni – kap tad-dipartiment ikkonċernat li ssensjah fit‑30 ta’ Settembru 2018.

26.

Din il-qorti tinnota li l-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007, li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan, tipprojbixxi diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata, b’mod partikolari, fuq l-istat ta’ saħħa attwali u futur kif ukoll fuq diżabbiltà.

27.

Fil-każ preżenti, skont din il-qorti, la huwa kkontestabbli u lanqas ikkontestat li l-kawża tad-deċiżjoni tal-inkapaċità tal-applikant għandha tkun ikkwalifikata bħala “disabbiltà”, fis-sens tal-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007. Fil-fatt, ir-rikorrent, minħabba l-marda tiegħu li kienet teħtieġ li ssirlu pacemaker, ma kienx għadu jissodisfa rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti tal-funzjoni tiegħu bħala uffiċjal ta’ manutenzjoni speċjalizzat, li jinvolvi li jkun suġġett għall-kampi elettromanjetiċi emessi mill-linji tal-ferrovija. Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li d-deċiżjoni ta’ sensja meħuda kontrih tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita biss minn dik il-liġi jekk jintwera li HR Rail irrifjutat li tagħmel akkomodazzjoni raġonevoli li kienet tkun meħtieġa.

28.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isosstni li seta’ ġie assenjat mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor, b’mod partikolari dak ta’ persuna responsabbli minn maħżen li kien ġie assenjat temporanjament sakemm jiġi ssensjat, u li tali assenjazzjoni mill-ġdid tikkostitwixxi akkomodazzjoni raġonevoli li l-persuna li timpjegah kienet meħtieġa tipprovdi bis-saħħa tal-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007. Min-naħa tagħha, HR Rail issostni li ma kienx possibbli li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jkompli jeżerċita l-funzjoni tiegħu bħala uffiċjal tal-manutenzjoni speċjalizzat.

29.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni dwar jekk, b’“akkomodazzjoni raġonevoli”, fis-sens tal-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007, huwiex xieraq li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi assenjat post tax-xogħol ieħor lill-persuna li, minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, ma għadhiex kapaċi tokkupa l-post tax-xogħol li kien ġie assenjat għaliha ma hijiex ikkunsidrata b’mod uniformi mill-ġurisprudenza nazzjonali.

30.

Barra minn hekk, il-premessi 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78 ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk l-obbligu li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà jfissirx li l-persuna kkonċernata tiġi assenjata f’post tax-xogħol ieħor fl-impriża.

31.

Huwa taħt dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu, fir-rigward ta’ persuna li, minħabba d-diżabbiltà tagħha, ma tkunx iktar kapaċi taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni li għaliha tkun ġiet assenjata, li tassenjaha f’pożizzjoni oħra li għaliha jkollha l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa meta tali miżura ma timponix piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega?”

32.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, HR Rail, il-Gvern Belġjan, Grieg u Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

33.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem, inkluż ħaddiem fil-perijodu ta’ prova bħala parti mir-reklutaġġ tiegħu, isir definittivament inkapaċi, minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, biex jokkupa l-post tax-xogħol li kien ġie assenjat għalih, il-persuna li timpjegah hija obbligata, taħt l-“akkomodazzjoni raġonevoli” prevista f’dan l-artikolu, li tassenjah mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor sakemm ikollu l-kompetenza, il-kapaċità u d-disponibbiltà meħtieġa u meta tali miżura bħal din ma timponix piż sproporzjonat fuq din il-persuna li timpjega.

34.

Bħala punt preliminari, għandu jiġi mfakkar li jidher kemm mit-titlu kif ukoll mill-preambolu u mill-kontenut u l-iskop tad-Direttiva 2000/78 li din tal-aħħar trid tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiżgura li l-persuni kollha jiġu ttrattati ndaqs “fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol”, billi toffrilhom protezzjoni effettiva kontra diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, li tinkludi d-diżabbiltà ( 7 ). Għalhekk, l-għan ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol, huwa li tiġġieled kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà ( 8 ).

35.

Huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk persuna bħar-rikorrenti taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (A) u, fit-tieni lok, li tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ persuna b’diżabbiltà f’post tax-xogħol ieħor fi ħdan l-impriża (B).

A.   Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78

36.

Nosserva, l-ewwel nett, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent ġie rreklutat minn HR Rail, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, bil-konsegwenza li huwa ħaddiem tas-settur pubbliku. Huwa kien is-suġġett ta’ sensja minħabba l-fatt li kien sar inkapaċi b’mod permanenti li jokkupa l-post tax-xogħol li għalih kien ġie rreklutat.

37.

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrent jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Mill-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ “kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” ( 9 ).

38.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li r-rikorrent qiegħed isofri minn “diżabbiltà” fis-sens tal-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrent huwa rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-dritt nazzjonali, ma jippreġudikax il-fatt li qiegħed isofri minn “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ( 10 ), li tikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

39.

Fir-rigward ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tan-NU bid-Deċiżjoni 2010/48. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jiffurmaw parti integrali, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-appendiċi tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, dwar l-awtonomija u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjieg, id-Direttiva 2000/78 hija fost waħda mill-atti tal-Unjoni li għandha x’taqsam ma’ kwistjonijiet irregolati mill-konvenzjoni msemmija. Minn dan isegwi li l-Konvenzjoni tan-NU tista’ tiġi invokata għall-iskop ta’ interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi interpretata, kemm jista’ jkun, skont din il-konvenzjoni ( 11 ).

40.

Din hija r-raġuni għaliex, wara l-approvazzjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala li jimmira għal limitazzjoni tal-kapaċità, li jirriżulta b’mod partikolari minn ħsara fiżika, mentali jew psikoloġika dejjiema, li l-interazzjoni tagħha ma’ diversi ostakli tista’ tfixkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħrajn ( 12 ).

41.

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk adottat, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-kunċett soċjali ta’ diżabbiltà, li huwa bbażat fuq approċċ kuntestwali, skont l-interazzjoni eżistenti bejn l-inkapaċità tal-persuna u r-reazzjoni tas-soċjetà jew l-organizzazzjoni ta’ din tal-aħħar biex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ persuna li ssofri diżabbiltà, iktar milli l-kunċett mediku ta’ diżabbiltà, li jagħti importanza partikolari lill-persuna nnifisha u l-inkapaċità tagħha li tagħmilha diffiċli għaliha biex tadatta jew tintegra lilha nnifisha fl-ambjent tas-soċjetà ta’ madwarha ( 13 ).

42.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent kien ġie rreklutat bħala uffiċjal tal-manutenzjoni li jispeċjalizza fil-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija. Wara r-reklutaġġ tiegħu, huwa ġie suġġett għal problema tas-saħħa li teħtieġ it-tqegħid ta’ pacemaker, apparat sensittiv għall-kampi elettromanjetiċi emessi, b’mod partikolari, mill-ferroviji. Huwa għalhekk sar b’mod permanenti inkapaċi biex iwettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-post tax-xogħol ikkonċernat.

43.

Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, inqis li, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, ir-rikorrent sofra limitazzjoni dejjiema tal-kapaċità tiegħu, li tirriżulta minn difetti fiżiċi, li l-interazzjoni tagħhom ma’ diversi ostakli tista’ tikkostitwixxi ostaklu għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ ħaddiema oħra u li għandu jkun ikklassifikat bħala “persuna b’diżabilità” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

44.

Fl-aħħar nett, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fid-data tas-sensja tiegħu, ir-rikorrent kien qiegħed jikkompleta perijodu ta’ prova fil-kuntest tar-reklutaġġ tiegħu. Għandu jiġi vverifikat jekk, bħala persuna taħt prova, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

45.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, fir-rigward ta’ kliemha, din id-direttiva ma tikkonċernax biss persuni li ġew irreklutati b’mod definittiv. Skont it-termini tal-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, din id-direttiva tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, għal attivitajiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew għax-xogħol kif ukoll għal aċċess għal kull tip u għal kull livell ta’ gwida professjonali, ta’ taħriġ professjonali, ta’ taħriġ ulterjuri u taħriġ mill-ġdid. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni tar-rikorrent, bħala persuna taħt prova, tikkonċerna l-kwistjoni tal-aċċess tiegħu għall-impjieg u għax-xogħol.

46.

Inżid li, mil-lat teleoloġiku, persuna li twettaq il-prova fil-qafas tar-reklutaġġ tagħha tinsab, bħala definizzjoni, f’sitwazzjoni iktar vulnerabbli minn persuna li għandha xogħol stabbli. Għal persuna taħt prova bħal din, huwa iktar diffiċli li ssib xogħol ieħor fil-każ li sseħħ diżabbiltà li tagħmilha inkapaċi għax-xogħol li għalih ġiet irreklutata, speċjalment jekk tkun fil-bidu tal-karriera tagħha. F’dawn il-kundizzjonijiet, jidhirli ġġustifikat li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ tali persuna taħt prova kontra d-diskriminazzjoni.

47.

Għalhekk, jiena tal-fehma li persuna li tlesti l-perijodu ta’ prova fil-qafas tar-reklutaġġ tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, f’dan il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mad-diżabbiltà.

48.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, kif diġà nnotat din tal-aħħar, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, huwa l-istess bħal fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE ( 14 ). Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ “ħaddiem” fis-sens ta’ dan l-artikolu, huwa ċar mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-kunċett għandu kamp ta’ applikazzjoni awtonomu u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 15 ). Għalhekk, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fid-dritt tal-Unjoni jestendi għal persuni li jtemmu perijodu ta’ prova preparatorju jew perijodi ta’ provi fi professjoni, li jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu preparazzjoni prattika marbuta mal-eżerċizzju stess tal-professjoni inkwistjoni, peress li l-perijodi msemmija jitwettqu taħt il-kundizzjonijiet ta’ attività bħala persuna impjegata reali u effettiva, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega ( 16 ).

49.

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent, fil-qafas tal-perijodu ta’ prova tiegħu, wettaq attività bħala persuna impjegata reali u effettiva, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega, u li għalhekk kellu jkun ikklassifikat bħala “ħaddiem” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

50.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU huwa mifhum ħafna. Fil-fatt, l-Artikolu 27(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni jistipula li l-Istati Kontraenti jiggarantixxu u jippromwovu l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li kisbu diżabbiltà waqt l-impjieg, billi jieħdu miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, b’mod partikolari biex jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-impjieg fil-forom kollha tiegħu, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, kiri u impjieg, żamma fl-impjieg, il-promozzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol. Kif iddikjarat fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2000/78 għandha, kemm jista’ jkun, tiġi interpretata skont il-Konvenzjoni tan-NU.

51.

Konsegwentement, minbarra l-fatt li r-rikorrent ġie ssensjat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva, huwa jaqa’ wkoll, fil-fehma tiegħi, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tlesti l-perijodu ta’ prova fil-kuntest tar-reklutaġġ tiegħu, taħt l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva.

52.

Għalhekk, jiena tal-fehma li persuna bħar-rikorrent taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

B.   Fuq il-portata tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78

53.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, jinkludix l-obbligu, fir-rigward ta’ persuna li saret definittivament inkapaċi biex tokkupa l-impjieg tagħha minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, li terġa’ tiġi assenjata post tax-xogħol fi ħdan l-impriża.

54.

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, “[s]abiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’ diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat”.

55.

Bħala punt preliminari, nirrileva li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà tinkludi kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluż ir-rifjut ta’ akkomodazzjoni raġonevoli. Għaldaqstant, jekk wieħed jassumi li HR Rail kellha tassenja mill-ġdid lir-rikorrent f’post tax-xogħol ieħor, huwa kien ikun il-vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, fis-sens ta’ dik il-konvenzjoni u tad-Direttiva 2000/78, meta ġie ssensjat minħabba inkapaċità li jwettaq id-dmirijiet li għalihom kien ġie rreklutat ( 17 ).

56.

Kif irrilevaw l-Avukata Ġenerali Kokott ( 18 ) u l-Avukat Ġenerali Wahl ( 19 ), ir-raġuni tar-rekwiżit ta’ akkomodazzjoni raġonevoli huwa li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk tal-persuna li timpjega.

57.

Jirriżulta mill-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78, dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli, li “[g]ħandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni”.

58.

Ċertament, kif tindika HR Rail fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-premessa ssemmi “il-post tax-xogħol”. Tikkonkludi li akkomodazzjoni raġonevoli hija limitata għax-xogħol assenjat u ma tistax tintuża biex tagħti post tax-xogħol ieħor lill-ħaddiem b’diżabbiltà.

59.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessi 17 u 20 tagħha, għandu jinftiehem li jfisser li, bħala prijorità u kemm jista’ jkun, il-persuna li timpjega għandha tadatta l-post tax-xogħol okkupat mill-ħaddiem qabel l-okkorrenza tad-diżabbiltà tiegħu. Fil-fatt l-għan huwa f’approċċ ibbażat fuq il-kunċett soċjali tad-diżabbiltà, li jiġi adattat l-ambjent tax-xogħol tal-persuna b’diżabbiltà sabiex tippermettilha parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza ma’ ħaddiema oħra. Dan l-adattament jassumi li, meta jkun possibbli, miżuri prattiċi jiġu implimentati mill-persuna li timpjega sabiex il-persuna b’diżabbiltà tkun tista’ żżomm xogħolha.

60.

Fis-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza HK Danmark, EU:C:2013:222), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78 tagħmel lista mhux eżawrjenti tal-miżuri xierqa, li jistgħu jkunu ta’ natura fiżika, organizzattiva u/jew edukattiva ( 20 ).

61.

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, kif tindika l-qorti tar-rinviju, minħabba n-natura tad-diżabbiltà tar-rikorrent, l-ebda miżura fiżika, organizzattiva u/jew edukattiva ma tista’ tiġi adottata biex tiżgura li jkun jista’ jżomm il-post tax-xogħol tiegħu ta’ uffiċjal tal-manutenzjoni li jispeċjalizza fil-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija. Fil-fatt, it-tqegħid ta’ pacemaker, apparat sensittiv għall-kampi elettromanjetiċi emessi mill-linji tal-ferrovija, jagħmilha impossibbli għar-rikorrent li jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu. L-arranġament tal-postijiet jew adattament tat-tagħmir, ir-ritmu tax-xogħol, it-tqassim tal-kompiti jew l-offerta ta’ mezzi ta’ taħriġ jew superviżjoni ma jistgħux, għalhekk, jikkostitwixxu miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, fis-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent.

62.

Madankollu, id-diżabbiltà tiegħu ma hijiex tali li teskludih mill-ħajja professjonali kollha. Il-mistoqsija allura hija jekk, f’sitwazzjoni bħal din, il-persuna li timpjega għandhiex l-obbligu, kemm jista’ jkun, li tassenja mill-ġdid tali ħaddiem b’diżabbiltà f’post tax-xogħol ieħor fi ħdan l-impriża. Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni, li hija ta’ importanza prattika kunsiderevoli ( 21 ).

63.

Jiena tal-fehma li għandha tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjara biss li hija pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli biex tippermetti lil persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess, teżerċita jew tagħmel progress f’impjieg, jew biex jingħatalha taħriġ. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jillimitax il-miżuri adottati għall-uniku post okkupat minn xogħol b’diżabbiltà. Għall-kuntrarju, l-aċċess għal xogħol u l-għoti ta’ taħriġ jiftħu l-possibbiltà ta’ assenjazzjoni f’post ieħor tax-xogħol. Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 16 ta’ din id-direttiva, l-introduzzjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jitqiesu l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà.

64.

F’dan is-sens, fis-sentenza HK Danmark, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU, “akkomodazzjoni raġonevoli” hija “modifiki u l-aġġustamenti meħtieġa u xierqa li ma jimponux piż sproporzjonat jew żejjed magħmul, skond il-ħtiġijiet f’sitwazzjoni partikolari, biex jiġi żgurat għall-persuni b’disabbiltà it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem kollha u l-libertajiet fundamentali kollha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id-dispożizzjoni titlob definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” ( 22 ). Għalhekk, fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jimmira lejn l-eliminazzjoni tad-diversi ostakli li jfixklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ ħaddiema oħra ( 23 ).

65.

Għaldaqstant, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, anki jekk ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ritmi tax-xogħol”, jista’ jitqies bħala miżura ta’ akkomodazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva f’każijiet fejn it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol jippermetti lill-ħaddiem li jkun jista’ jkompli jeżerċita l-impjieg tiegħu, skont l-għan ta’ dan l-artikolu ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrikonoxxiet bħala akkomodazzjoni raġonevoli miżura li ma kinitx espliċitament imsemmija fil-premessa 20 ta’ din id-direttiva ( 25 ).

66.

Barra minn hekk, l-Artikolu 27(1)(a) tal-Konvenzjoni tan-NU, diġà ċċitat, jiddikjara li l-Istati Kontraenti jiggarantixxu u jippromwovu l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol, billi jittieħdu miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, biex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq id- diżabbiltà fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-impjieg fil-forom kollha tiegħu, b’mod partikolari ż-żamma fl-impjieg.

67.

Barra minn hekk, minbarra l-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà ( 26 ), l-Artikolu 26 tagħha jiddikjara li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri mmirati biex jiżguraw l-awtonomija, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità ( 27 ).

68.

Minn dak li ntqal jirriżulta li, sa fejn hu possibbli, il-persuni b’diżabbiltà għandhom jinżammu f’impjieg, aktar milli jiġu ssensjati għal inkapaċità, li għandha sseħħ biss bħala l-aħħar għażla ( 28 ). B’mod iktar ġenerali, naħseb li huwa importanti li nenfasizzaw li s-soċjetà ma tistax timxi ’l quddiem jekk tħalli nies b’diżabbiltà mwarrba, speċjalment fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol. F’dan is-sens, l-akkomodazzjoni raġonevoli hija miżura preventiva biex jinżamm l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà ( 29 ).

69.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li jirriżulta mill-kliem tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU u tal-Karta, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta ħaddiem isir inkapaċi b’mod permanenti milli jokkupa l-post tax-xogħol tiegħu minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu f’post tax-xogħol ieħor x’aktarx tikkostitwixxi miżura xierqa fil-qafas ta’ akkomodazzjoni raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ( 30 ).

70.

Min-naħa tiegħu, il-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, imwaqqaf fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU ( 31 ), jadotta hu wkoll interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni li jinkludi l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persuna b’diżabbiltà f’post tax-xogħol ieħor.

71.

Fil-fatt, f’konstatazzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 5 tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU, dwar il-komunikazzjoni Nru 34/2015, tad‑29 ta’ April 2019 ( 32 ), dan il-kumitat ikkunsidra li r-regoli li ċaħħdu lill-persuna b’diżabbiltà kkonċernata minn inkarigu għal funzjonijiet ta’ sostituzzjoni ma għamlux possibbli li jiġu ggarantiti d-drittijiet li din il-persuna għandha mill-Konvenzjoni tan-NU, b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi evalwata d-diżabbiltà partikolari tagħha fid-dawl li tissaħħaħ l-abbiltà tagħha li twettaq funzjonijiet ta’ sostituzzjoni jew funzjonijiet komplementari oħra ( 33 ).

72.

Naturalment, l-Unjoni ma approvatx il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU u l-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà ma huwiex korp ġudizzjarju. Madankollu, jidhirli interessanti li ninnota li dan il-kumitat iżomm l-istess interpretazzjoni bħal dik li jien favuriha, bil-ħsieb li jiġu protetti persuni b’diżabbiltà fuq ix-xogħol ( 34 ).

73.

Fil-każ li l-ebda miżura ta’ akkomodazzjoni raġonevoli ma tippermetti lill-persuna b’diżabbiltà milli żżomm il-post tax-xogħol li għalih kienet ġiet assenjata, jirriżulta mill-kliem tad-Direttiva 2000/78 li l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-ħaddiem għal post ieħor tassumi li huma ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

74.

F’dan ir-rigward, minn naħa, skont il-premessa 17 ta’ din id-direttiva, din ma teħtieġx li persuna li ma tkunx kompetenti, la kapaċi u lanqas disponibbli biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-post tax-xogħol kkonċernat jew biex issegwi taħriġ partikolari tiġi rreklutata, promossa jew tibqa’ impjegata jew li tingħata taħriġ, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li ssir akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà. Jiena niddeduċi minn din il-premessa, moqrija b’mod estensiv, li l-obbligu li ħaddiem b’diżabbiltà jiġi assenjat mill-ġdid xogħol ieħor fi ħdan l-impriża jippresupponi li huwa kompetenti, kapaċi u disponibbli biex iwettaq il-funzjonijiet essenzjali ta’ dan il-post ġdid. Lil hinn mill-premessa msemmija, din hija regola ddettata mis-sens komun.

75.

F’dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent kien ġie assenjat mill-ġdid f’post ta’ persuna responsabbli minn maħżen qabel is-sensja tiegħu fit‑30 ta’ Settembru 2018. Barra minn hekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent jargumenta quddiemha li kellu esperjenza professjonali twila bħala persuna responsabbli minn maħżen. Għalhekk, hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk ir-rikorrent kienx kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jokkupa l-post tax-xogħol li kien ġie assenjat lilu mill-ġdid. Fid-dawl tal-kliem tad-domanda preliminari, din il-qorti tidher li tqis li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

76.

Min-naħa l-oħra, kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, il-miżuri ta’ akkomodazzjoni raġonevoli ma għandhomx jimponu piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega. Il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tippreċiża li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni joħolqux piż sproporzjonat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra li jinvolvu, id-daqs u r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjoni jew tal-impriża u l-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kull għajnuna oħra.

77.

L-obbligu impost fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 li jittieħdu l-miżuri xierqa, meta jkun il-każ, jolqot lill-persuni li jimpjegaw kollha ( 35 ). Madankollu, il-possibbiltà li persuna b’diżabbiltà tiġi assenjata f’post tax-xogħol ieħor jolqot, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni li fiha jeżisti mill-inqas post wieħed vakanti li l-ħaddiem ikkonċernat jista’ jokkupa, sabiex ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega ( 36 ). Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ ħaddiem b’diżabbiltà ma għandhiex twassal li ħaddiem ieħor jiġi mċaħħad mill-impjieg tiegħu jew dan tal-aħħar jiġi mġiegħel ibiddel il-post tax-xogħol tagħhom. Din l-assenjazzjoni mill-ġdid għalhekk tidher li hija iktar faċli f’impriża ta’ daqs kbir, fejn in-numru ta’ postijiet disponibbli huwa, bħala prinċipju, iktar estensiv. Bl-istess mod, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ ħaddiem għal post ieħor tkun iktar faċli biex tiġi implimentata skont il-versatilità ikbar jew inqas tagħha fil-postijiet tax-xogħol tal-impriża.

78.

Hawnhekk ukoll, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent għal xogħol ieħor tikkostitwixxix piż sproporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tagħha, għal persuna li timpjegah. Fid-dawl tal-kliem tad-domanda preliminari tagħha, din il-qorti tidher li tqis li ma hemmx tali piż sproporzjonat fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, ninnota li HR Rail stess, għall-ewwel, assenjat mill-ġdid lir-rikorrent għall-post ta’ persuna responsabbli minn maħżen fi ħdan l-impriża, mingħajr ma sostniet li din l-assenjazzjoni l-ġdida kienet tirrappreżenta piż sproporzjonat għaliha.

79.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, HR Rail issostni li sensja bbażata fuq il-konstatazzjoni li ħaddiem ma jibqax jissodisfa rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 37 ), ma hijiex diskriminatorja sakemm il-persuna li timpjega tkun ipprevediet, minn qabel, l-adozzjoni ta’ akkomodazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-post tax-xogħol okkupat. Issa, din l-akkomodazzjoni ma setgħetx tiġi implimentata għall-post ikkonċernat.

80.

Madankollu, kif għidt iktar ’il fuq, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jimplika li l-akkomodazzjoni raġonevoli tista’ tinkludi l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persuna b’diżabbiltà għal post tax-xogħol ieħor fi ħdan l-impriża. Għalhekk, is-sempliċi fatt li r-rikorrent huwa definittivament inkapaċi biex jokkupa l-post tax-xogħol li kien ġie assenjat għalih ma jfissirx li l-persuna li timpjegah għandha d-dritt li tissensjah billi ma jissodisfax iktar rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti fir-rigward ta’ dan il-post ( 38 ).

81.

HR Rail issostni wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn “akkomodazzjoni raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 u l-“azzjoni pożittiva” fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” bħala li tinkludi l-obbligu tal-persuna li timpjega li tfittex post tax-xogħol ieħor fi ħdan l-impriża tpoġġi fid-dubju din id-distinzjoni sa fejn din il-persuna li timpjega jkollha tipprovdi impjieg ieħor lil ħaddiem li ma jissodisfax il-funzjonijiet essenzjali tal-post ikkonċernat, barra mill-qafas speċifiku tal-“azzjoni pożittiva”. Minn naħa, ħaddiem b’diżabbiltà li ma jwettaqx il-funzjonijiet essenzjali tal-post li ġie assenjat għalih jibbenefika minn post ieħor, filwaqt li ħaddiema oħra li ma jistgħux jibqgħu jaqdu dawn il-funzjonijiet jiġu ssensjati. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiem b’diżabbiltà jingħata prijorità għal post vakanti li għalih ma kienx tqiegħed f’kompetizzjoni ma’ kandidati oħra potenzjalment interessati meta ma jkunx neċessarjament l-iktar wieħed kompetenti biex jokkupah, b’mod partikolari jekk ikun għadu fil-perijodu ta’ prova.

82.

Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kunċett ta’ “azzjoni pożittiva” billi rrilevat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti li ssir distinzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, sakemm din tal-aħħar tkun parti mid-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew ta’ miżuri mmirati lejn il-ħolqien jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet jew faċilitajiet bil-ħsieb li tiġi mħarsa jew inkoraġġita l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol ( 39 ). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tawtorizza miżuri speċifiċi li effettivament jimmiraw biex jeliminaw jew inaqqsu l-inugwaljanzi de facto li jaffettwaw persuni b’diżabbiltà, li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali tagħhom u, b’mod partikolari, fil-ħajja professjonali tagħhom, kif ukoll biex jiksbu ugwaljanza sostanzjali, u mhux formali, billi jitnaqqsu dawn l-inugwaljanzi ( 40 ).

83.

Għaldaqstant, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78 jirrigwarda miżuri li jikkonċernaw persuni b’diżabbiltà, meħuda bħala grupp ( 41 ), u mhux is-sitwazzjoni konkreta ta’ ħaddiem milqut b’diżabbiltà speċifika, taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ( 42 ). F’dan il-każ, madankollu, hija l-aħħar sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

84.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jagħti protezzjoni speċifika lil persuni b’diżabbilità, skont id-Direttiva 2000/78 ( 43 ), b’mod partikolari fil-forma ta’ akkomodazzjoni raġonevoli, li, minnhom innifishom, ma jistgħux jibbenefikaw minnhom persuni mingħajr disabbiltà. Din l-akkomodazzjoni, li tikkostitwixxi t-traduzzjoni ġuridika tal-kunċett soċjali taż-diżabbiltà, hija l-mezz biex tinkiseb ugwaljanza sostanzjali f’sitwazzjoni konkreta u individwalizzata ta’ diskriminazzjoni ( 44 ). Għalhekk ma tikkostitwixxix deroga mill-prinċipju tal-ugwaljanza iżda garanzija tal-effettività tagħha ( 45 ).

85.

Fid-dawl ta’ dak kollu msemmi iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li “akkomodazzjoni raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU u tal-Karta, tinkludi l-obbligu li jiġi assenjat mill-ġdid lill-ħaddiem ikkonċernat post ieħor tax-xogħol fi ħdan l-impriża meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva.

V. Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju)) kif ġej:

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem, inkluż ħaddiem fil-perijodu ta’ prova fil-qafas tar-reklutaġġ tiegħu, isir definittivament inkapaċi, minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, biex jokkupa l-post tax-xogħol li fih ġie assenjat fi ħdan l-impriża, il-persuna li timpjegah hija meħtieġa, taħt l-“akkomodazzjoni raġonevoli” prevista f’dan l-artikolu, tassenjah mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor sakemm ikollu l-kompetenza, il-kapaċità u d-disponibbiltà meħtieġa, u meta tali miżura ma timponix piż sproporzjonat fuq din il-persuna li timpjega.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.).

( 3 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2515, p. 3.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU 2010, L 23, p. 35).

( 5 ) Moniteur belge tat‑30 ta’ Mejju 2007, p. 29016.

( 6 ) Kif indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għan ta’ HR Rail għandha l-għan tal-għażla u r-reklutaġġ ta’ persunal statutorju u mhux statutorju meħtieġ għat-twettiq tal-missjonijiet tal-kumpannija Infrabel SA u tas-Société nationale des chemins de fer belges (SNCB) (il-Kumpannija Nazzjonali tal-Ferroviji Belġjani (SNCB)).

( 7 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla (C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 34).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi (C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero (C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 32).

( 11 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica (C‑397/18, EU:C:2019:703, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica (C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Z. (C‑363/12, EU:C:2013:604, punti 83 sa 85).

( 14 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punti 1819).

( 15 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Balkaya (C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Xi awturi jindikaw li, għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni tan-NU, id-Direttiva 2000/78 ma tipprovdix għaċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli bħala forma ta’ diskriminazzjoni. Ara, b’mod partikolari, Waddington, L., “Equal to the Task? Re Examining EU Equality Law in the Light of the United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities”, European Yearbook of Disability Law, Volum 4, editjat minn Quinn, G., Waddington, L., u Flynn, E., Intersentia, Cambridge, 2013, p. 169 sa 200, b’mod partikolari p. 190. Madankollu, billi din id-direttiva għandha tkun suġġetta, kemm jista’ jkun possibbli, għal interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni NU, jiena tal-fehma li din id-direttiva għandha tinftiehem fis-sens li tipprojbixxi diskriminazzjoni kkostitwita minn rifjut ta’ akkomodazzjoni raġonevoli. Għalhekk, fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica (C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 72), il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irreferiet għad-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-rifjut ta’ akkomodazzjoni raġonevoli.

( 18 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2012:775, punt 59).

( 19 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Z. (C‑363/12, EU:C:2013:604, punt 105).

( 20 ) Sentenza HK Danmark, punt 49.

( 21 ) HR Rail tirreferi għas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica (C‑397/18, EU:C:2019:703) li, skont din, tikkonferma l-interpretazzjoni li akkomodazzjoni raġonevoli għandha tkun limitata għall-post tax-xogħol okkupat. Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat biss li kienet il-qorti nazzjonali li kellha tivverifika jekk l-adattamenti magħmula kinux biżżejjed biex jitqiesu bħala akkomodazzjoni raġonevoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma ddeċidietx dwar il-portata tal-kunċett ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 (ara l-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, il-punt 65 tal-imsemmija sentenza jirriproduċi l-premessi 20 u 21 ta’ din id-direttiva kif inhuma fformulati.

( 22 ) Sentenza HK Danmark, punt 53.

( 23 ) Sentenza HK Danmark, punt 54.

( 24 ) Sentenza HK Danmark, punt 56.

( 25 ) Ara wkoll l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2012:775, punt 54 sa 58).

( 26 ) Id-Direttiva 2000/78 tagħti forma konkreta, fil-qasam li tkopri, għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 78), skont liema l-Artikolu 26 tal-Karta jirrikjedi li l-Unjoni tirrispetta u tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri ta’ integrazzjoni.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica (C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 73). Din l-interpretazzjoni tidher ukoll mill-premessa 17 tad-Direttiva 2000/78.

( 29 ) Ara Gutiérrez Colomidas, D., “Can Reasonable Accommodation Safeguard the Employment of People with Disabilities?”, European Yearbook on Human Rights, Intersentia, Cambridge, 2019, p. 63 sa 89, b’mod partikolari p. 83.

( 30 ) Il-Kummissjoni tenfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ ħaddiem b’diżabbiltà f’post tax-xogħol ieħor jista’ jimplika piż finanzjarju inqas tqil jew inqas diffiċli għal persuna li timpjega biex dan jiġi implimentat mil-lat organizzattiv milli akkomodazzjoni raġonevoli oħra, bħal it-tiħfif tar-ritmu tax-xogħol jew l-adattament tat-tagħmir meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa għall-post tax-xogħol ikkonċernat. Fil-kawża preżenti, ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi eżaminata din il-kwistjoni billi, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda akkomodazzjoni raġonevoli li tippermetti lir-rikorrent milli jżomm il-post tax-xogħol li kien ġie assenjat fih.

( 31 ) Skont l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU, kwalunkwe Stat Kontraenti f’dan il-protokoll jirrikonoxxi li l-Kumitat dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà huwa kompetenti biex jirċievi u jikkunsidra komunikazzjonijiet minn individwi jew gruppi ta’ individwi jew f’isem individwi jew gruppi ta’ individwi fil-ġurisdizzjoni tiegħu li jiddikjaraw li huma vittmi ta’ ksur minn dan l-Istat Kontraenti tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni tan-NU.

( 32 ) Ara CRDP/C/21/D/34/2015, li tista’ tiġi kkonsultata permezz tal-link tal-Internet li ġejja: https://tbinternet.ohchr.org/_layouts/15/treatybodyexternal/Download.aspx?symbolno=CRPD%2FC%2F21%2FD%2F34%2F2015&Lang=en.

( 33 ) Dan il-każ kien jikkonċerna persuna ta’ nazzjonalità Spanjola li kellha inċident tat-traffiku li kkawżatilha diżabbiltà motorja permanenti. Peress li ma setgħetx teżerċita b’mod permanenti l-professjoni tagħha bħala uffiċjal tal-pulizija, hija kienet kostretta tirtira u ġiet ssensjata mill-korp tal-pulizija lokali. Din il-persuna applikat lill-Kunsill tal-Belt ta’ Barcelona (Spanja) għal assenjazzjoni f’post tax-xogħol adattat għad-diżabbiltà tagħha, talba li kienet ġiet miċħuda. Wara proċeduri legali fi Spanja u quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija ppreżentat komunikazzjoni lill-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

( 34 ) Ara wkoll il-konstatazzjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà rigward il-Komunikazzjoni Nru 37/2016 tad-29 ta’ Settembru 2020.CRPD/C/23/D/37/2016, li tista’ tiġi kkonsultata permezz tal-link tal-Internet li ġejja: https://tbinternet.ohchr.org/_layouts/15/treatybodyexternal/Download.aspx?symbolno=CRPD%2fC%2f23%2fD%2f37%2f2016&Lang=fr.

( 35 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 61).

( 36 ) Il-premessa 21 tad-Direttiva 2000/78 tuża l-kliem “b’mod partikulari”, li jimplika li elementi oħrajn minbarra dawk imsemmija jistgħu jikkostitwixxu piż sproporzjonat għal persuna li timpjega.

( 37 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[m]inkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, Hendrickx, F., “Disability and Reintegration in Work: Interplay between EU Non-discrimination Law and Labour Law”, fi Reasonable Accommodation in the Modern Workplace, Potential and Limits of the Integrative Logics of Labour Law, Bulletin of comparative labour relations Nru 93, 2016, p. 61sa 72, b’mod partikolari p. 62.

( 39 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 46).

( 40 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 47).

( 41 ) Fl-istess sens, l-Artikolu 27(1)(h) tal-Konvenzjoni tan-NU jiddikjara li l-Istati Kontraenti jiggarantixxu u jippromwovu l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol billi jieħdu miżuri xierqa biex, b’mod partikolari, jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat billi jimplimentaw politiki u miżuri xierqa, inkluż fejn xieraq programmi ta’ azzjoni pożittiva, inċentivi u miżuri oħra.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, Dubout, E., “Article 7. Action positive et mesures spécifiques”,, Directive 2000/78 portant création d’un cadre général en faveur de l’égalité de traitement en matière d’emploi et de travail, Commentaire article par article, Larcier, Brussell, l-ewwel edizzjoni, 2020, b’mod partikolari Nru 48, p. 207, li jgħid: “miżuri ta’ akkomodazzjoni raġonevoli għandhom jiġu kkunsidrati bħala ta’ natura individwalizzata, fejn azzjonijiet pożittivi, bħal aċċess preferenzjali, huma artikolati f’loġika aktar kollettiva”.

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), skont liema ma hemmx bżonn li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 b’analoġija lil hinn minn diskriminazzjoni bbażata fuq ir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha.

( 44 ) Ara Joly, L., L’emploi des personnes handicapées entre discrimination et égalité, Dalloz, Pariħi, 2015, b’mod partikolari Nru 327, p. 239.

( 45 ) Ara Joly, L., op. cit., Nru 316, p. 232.

Top