EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0463

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-21 ta’ Ottubru 2021.
Namur-Est Environnement ASBL vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Beġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Rabta bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/92/UE u proċedura nazzjonali ta’ deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi previsti fid-Direttiva 92/43/KEE – Kunċett ta’ ‘awtorizzazzjoni’ – Proċess deċiżjonali kumpless – Obbligu ta’ evalwazzjoni – Portata materjali – Stadju proċedurali li fih għandha tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali.
Kawża C-463/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:868

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑21 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawża C‑463/20

Namur-Est Environnement ASBL

vs

Région wallonne,

Partijiet:

Cimenteries CBR SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Proġett għall-operat ta’ barriera – Obbligu ta’ parteċipazzjoni pubblika qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett – Kunċett ta’ awtorizzazzjoni – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali, għasafar u pjanti – Deċiżjoni dwar deroga”

I. Introduzzjoni

1.

Skont id-Direttiva EEA ( 2 ), ċerti proġetti jeħtieġ li jkunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent minn qabel, jiġifieri ta’ opinjoni dwar l-effetti sinjifikattivi li jista’ jkollhom fuq l-ambjent, u ta’ parteċipazzjoni pubblika. Meta l-proġett ikun jista’ jippreġudika speċi strettament protetti mid-Direttiva dwar il-habitat ( 3 ) jew mid-Direttiva dwar l-għasafar ( 4 ), dawn l-effetti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

2.

Din il-proċedura tqajjem, wara l-ftuħ mill-ġdid ta’ barriera fir-Reġjun ta’ Wallonie (il-Belġju), il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħux madankollu jawtorizzaw derogi mill-protezzjoni tal-ispeċi strettament protetti qabel l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. La d-Direttiva dwar il-habitat, la d-Direttiva dwar l-għasafar u lanqas id-dritt applikabbli Belġjan u tal-Reġjun ta’ Wallonie ma jipprevedu, fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar derogi mill-protezzjoni tal-ispeċi, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew parteċipazzjoni pubblika. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi hija kundizzjoni prattikament neċessarja għat-twettiq ta’ proġett fis-sens tad-Direttiva EEA, b’tali mod li din id-direttiva tista’ tipprekludi tali deċiżjoni bil-quddiem.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva EEA

3.

Il-premessa 2 tad-Direttiva EEA tippreċiża l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent:

“[…] Effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.”

4.

L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ awtorizzazzjoni bħala “id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.

5.

L-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva EEA jirregola l-istatus tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

(2)   L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

(3)   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdieni sabiex iwettqu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u r-rekwiżiti tad-[Direttiva dwar it-tniġġis ( 5 )].”

6.

L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija deskritta f’iktar dettall fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

7.

Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 19 tal-Anness I tad-Direttiva EEA, il-barrieri li jinsabu fuq art ta’ iktar minn 25 ettaru dejjem jiġu kkunsidrati bħala proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom jiġu eżaminati b’mod obbligatorju skont din id-direttiva.

8.

L-Artikolu 5(1) u l-punt 3 tal-Anness IV tad-Direttiva EEA jipprevedu li l-iżviluppatur għandu jipprovdi, f’forma xierqa, deskrizzjoni tal-ambjent li jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv mill-proġett propost, inkluż, b’mod partikolari, il-fawna u l-flora.

9.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA jinkludi d-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-parteċipazzjoni pubblika:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabbilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp. […]

2.   Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf […] dwar il-materji li ġejjin kmieni […], l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:

(a)

it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;

(b)

il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(c)

id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjoni, dawk li mingħandhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d)

in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)

indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(f)

indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g)

id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(b)

skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

skont id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ( 6 )], it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.

[…]”

10.

L-importanza tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA:

“Għandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp.”

11.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA jinkludi regoli dwar rikorsi kontra deċiżjonijiet suġġetti għall-parteċipazzjoni pubblika skont id-Direttiva EEA:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament

(b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. […]”

B.   Id-Direttiva 2014/52/UE

12.

Barra minn hekk, hija ta’ interess ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA li ġiet introdotta permezz tad-Direttiva 2014/52 ( 7 ), li għadha ma hijiex applikabbli għal din il-proċedura:

“3.   Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u mid-[Direttiva dwar il-habitat] u/jew id-[Direttiva dwar l-għasafar], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni.

Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament kemm minn din id-Direttiva kif ukoll minn leġislazzjoni tal-Unjoni li mhijiex id-Direttivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovvdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti.

Taħt il-proċedura koordinata msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jikkoordinaw id-diversi valutazzjonijiet individwali tal-impatt ta’ proġett partikolari fuq l-ambjent, li jkunu meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, billi jaħtru awtorità għal dan l-iskop, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

Taħt il-proċedura konġunta msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jipprovdu valutazzjoni waħda tal-impatti fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari, meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fil-qasam tat-twaqqif ta’ proċeduri koordinati jew konġunti għall-proġetti li huma simultanjament suġġetti għal valutazzjonijiet kemm taħt din id-Direttiva kif ukoll taħt id-[Direttiva dwar il-habitat, id-Direttiva dwar l-ilma ( 8 ), id-Direttiva dwar l-għasafar u d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 9 )].”

C.   Il-protezzjoni tal-ispeċi

13.

L-Artikoli 12 u 13 kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat jeħtieġu l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi ta’ annimali u pjanti li tipprojbixxi diversi forom ta’ ħsara lil dawn l-ispeċi. L-Artikolu 16 jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, deroga minn dawn ir-regoli protettivi.

14.

L-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdu regoli simili għall-ispeċi kollha ta’ għasafar Ewropej.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.

Fl-4 ta’ Novembru 2008, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Sagrex ressqet talba għall-awtorizzazzjoni ġenerali tal-operazzjoni mill-ġdid tal-barriera ta’ Bossimé sabiex tinħoloq mina bejn il-barrieri ta’ Bossue u Lives-sur-Meuse kif ukoll għall-installazzjoni ta’ ċinga trasportatriċi fil-barriera ta’ Lives-sur-Meuse u għall-ħolqien ta’ rampa għat-tagħbija ta’ barkuni fix-xmara Maas fir-Reġjun ta’ Wallonie. Il-proġett ikopri art ta’ iktar minn 50 ettaru.

16.

Fit‑12 ta’ Mejju 2010, id-Département de la nature et des forêts (id-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti) tar-Reġjun ta’ Wallonie ħareġ opinjoni sfavorevoli minħabba li dan il-proġett ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-protezzjoni tal-ispeċi.

17.

Fil‑15 ta’ April 2016, Sagrex ippreżentat talba għal deroga mill-miżuri għall-protezzjoni tal-ispeċi, li magħha hija hemżet studju intitolat “Il-Qerda tal-Habitat u r-Rilokazzjoni ta’ Speċi ta’ Pjanti għall-Operat tal-Barriera ta’ Bossimé”. Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, l-ispettur ġenerali tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti ta d-deroga mitluba u, konsegwentement, awtorizza lil Sagrex sabiex tippreġudika diversi speċi tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll il-habitats tagħhom, bil-kundizzjoni li timplimenta ċerti miżuri ta’ konteniment. Dan huwa l-att ikkontestat.

18.

Fit‑30 ta’ Settembru 2016, Sagrex ippreżentat pjanijiet ta’ emenda u addendum addizzjonali għall-istudju tal-kompatibbiltà fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni ġenerali.

19.

Mill‑21 ta’ Novembru sal‑21 ta’ Diċembru 2016 saret konsultazzjoni pubblika fuq il-proġett emendat, li matulha tqajmu diversi lmenti.

20.

Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, id-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti ta opinjoni favorevoli, suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet, dwar it-talba għal awtorizzazzjoni ġenerali. Din l-opinjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq:

“Ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti tat-talba, l-obbligi li jirriżultaw mill-għoti ta’ deroga tas‑27 ta’ Ġunju 2016 u l-kundizzjonijiet stipulati hawn taħt jistgħu jnaqqsu l-effetti sinjifikattivi ta’ dan il-proġett fil-qasam tal-konservazzjoni tan-natura f’livell aċċettabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-miżuri kumpensatorji; […]”

21.

Fil‑25 ta’ Settembru 2017, il-ministru responsabbli għar-Reġjun ta’ Wallonie madankollu rrifjuta l-awtorizzazzjoni ġenerali. Il-kumpannija omm ta’ Sagrex, Cimenteries CBR SA, ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li madankollu ġie miċħud b’sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020.

22.

Madankollu, permezz ta’ rikors tat‑18 ta’ Jannar 2017, l-assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru Namur-Est Environnement kienet diġà talbet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) jannulla d-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2016 dwar l-għoti ta’ derogi mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti ddefiniti mil-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura. Cimenteries CBR interveniet f’din il-proċedura.

23.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jesponi li d-deċiżjoni ta’ deroga għandha biss l-għan li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorament tal-habitats ta’ dawn l-ispeċi. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni ġenerali li, wara konsultazzjoni pubblika, tista’ tiġi rrifjutata jew suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-att ikkontestat tikkostitwixxi d-deċiżjoni ewlenija li permezz tagħha l-iżviluppatur jikseb id-dritt li jwettaq il-proġett tiegħu. L-awtorità responsabbli għall-awtorizzazzjoni ġenerali jeħtieġ li teżamina l-aspetti kollha tal-proġett dwar l-operat tal-barriera relatati mal-iżvilupp urban u mal-ambjent. Għal dan il-għan, hija tista’ tevalwa b’mod iktar strett l-effetti ta’ dan l-operat fid-dawl tal-parametri stabbiliti mill-awtur tal-att ikkontestat. B’hekk, l-awtorità f’dan il-każ rrifjutat l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġenerali għall-operat tal-barriera.

24.

Huwa għalhekk li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)

Deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ u d-deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta dan l-operat (permess uniku) jaqgħu taħt l-istess kunsens għall-iżvilupp (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-[Direttiva 2011/92] relatat mal-istess proġett (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tal-istess direttiva) fil-każ li, minn naħa, dan l-operat ma jistax isir mingħajr l-ewwel awtorizzazzjoni u fejn, min-naħa l-oħra, l-awtorità inkarigata mill-ħruġ ta’ permessi uniċi żżomm il-possibbiltà ta’ stima iktar stretta tal-effetti ambjentali ta’ dan l-operat fir-rigward tal-parametri ddeterminati mill-awtur tal-ewwel deċiżjoni?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 5, 6, 7 u 8, huma osservati b’mod suffiċjenti meta sseħħ il-fażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ iżda qabel dik tad-deċiżjoni ewlenija li tagħti d-dritt ta’ operat tal-barriera lill-iżviluppatur?”

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Namur-Est Environnement, minn Cimenteries CBR, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, huma pparteċipaw ukoll fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021.

IV. Evalwazzjoni ġuridika

26.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tikkjarifika r-rabta bejn żewġ awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-istess proġett. Dawn huma, minn naħa, l-awtorizzazzjoni inizjali mogħtija għal deroga mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ ċerti speċi ta’ annimali u ta’ pjanti waqt l-implimentazzjoni tal-proġett (awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi) u, min-naħa l-oħra, l-“awtorizzazzjoni ġenerali” tal-proġett fl-intier tiegħu, li kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, iżda li finalment ġiet irrifjutata.

27.

Il-punt tat-tluq tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa, f’dan ir-rigward, il-preżentata ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi. Ir-rikorrenti, Namur-Est Environnement, li hija organizzazzjoni mhux governattiva, issostni li d-Direttiva EEA tipprekludi awtorizzazzjoni minn qabel, indipendenti mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ta’ derogi mis-sistema fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi.

28.

L-ewwel domanda tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk iż-żewġ awtorizzazzjonijiet jifformawx flimkien awtorizzazzjoni waħda fis-sens tad-Direttiva EEA. Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi eżaminat, fil-kuntest tat-tieni domanda, jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva li tingħata l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi qabel ma titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

29.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom. L-awtorizzazzjoni hija ddefinita fl-Artikolu 1(2)(c) bħala d-deċiżjoni li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jimplimenta l-proġett.

30.

Għalhekk, l-ewwel, l-imsemmija proġetti għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u, it-tieni, l-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent jeħtieġ li jiġu eżaminati qabel tali awtorizzazzjoni.

31.

Issa, ma huwiex ikkontestat li l-proġett ta’ barriera inkwistjoni huwa suġġett għal dawn ir-rekwiżiti. Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 19 tal-Anness I tad-Direttiva EEA, il-barrieri li jinsabu fuq art ta’ iktar minn 25 ettaru dejjem jiġu kkunsidrati bħala proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Dan il-proġett jinkludi art ta’ iktar minn 50 ettaru, b’tali mod li hija meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

32.

Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorizzazzjoni tal-proġett jeħtieġx li tinkludi l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi u, fl-affermattiv, jekk huwiex permess li tinħariġlu diġà l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi qabel ma tkun saret l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

A.   Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

33.

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi hija kundizzjoni meħtieġa għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ġenerali. Jekk tintlaqa’ din l-oġġezzjoni, lanqas ma jkun hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda peress li din saret biss fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda.

34.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 10 ), kif jallega r-Renju tal-Belġju fir-rigward tal-ewwel domanda.

35.

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 11 ). Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali tagħti tagħhom hijiex korretta ( 12 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi mressqa għal deċiżjoni preliminari, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju ( 13 ).

36.

Għalkemm ir-rabta bejn l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi u l-awtorizzazzjoni ġenerali jeħtieġ li tiġi analizzata iktar ’il quddiem fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, din hija, fil-punt ta’ tluq, kwistjoni tad-dritt intern. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, għandha tittieħed bħala bażi l-pożizzjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u li tikkostitwixxi l-premessa tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Barra minn hekk, il-kontenut tal-argument tar-Renju tal-Belġju lanqas ma huwa konvinċenti peress li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi ntalbet espressament f’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ barriera. B’hekk, skont l-osservazzjonijiet magħmula fis-seduta, il-ħsara lil speċi protetti hija ammissibbli biss fil-kuntest tal-proġett, li jippreżupponi, minn tal-inqas fil-prattika, l-awtorizzazzjoni tal-proġett kollu kemm hu. Tali rabta mal-proġett tidher neċessarja wkoll fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, peress li huma biss l-għanijiet tal-miżura inkwistjoni, f’dan il-każ tal-proġett, li jistgħu jiġġustifikaw, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat ( 14 ) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 15 ), deroga mill-obbligi tal-protezzjoni tal-ispeċi.

38.

Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet tar-Renju tal-Belġju dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda u, għalhekk, tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi, ma jistgħux jintlaqgħu.

B.   Fuq ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari

39.

Madankollu, jidhirli li għandha tingħata risposta konġunta għaż-żewġ domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni ma tistax tkun jekk iż-żewġ awtorizzazzjonijiet jifformawx formalment u b’mod konġunt l-awtorizzazzjoni prevista mid-Direttiva EEA, iżda biss jekk din id-direttiva tippermettix li tittieħed deċiżjoni dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

40.

Madankollu, ir-regoli tad-Direttiva EEA u l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-integrazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ċerti aspetti tad-dritt tal-ambjent ta’ proġett fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jidhru li jagħtu indikazzjonijiet kontradittorji sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal din id-domanda.

41.

Il-punt tat-tluq huwa l-għan ta’ evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti kollha fuq l-ambjent fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara l-parti 1).

42.

Madankollu, id-Direttiva EEA tinkludi regoli dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jippermettu li jiġi konkluż li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-effetti kollha ta’ proġett fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ proċedura unika (ara l-parti 2). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’ċerti stadji biss (ara l-parti 3). Minn dan jista’ jirriżulta li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi tista’ tingħata indipendentement minn u qabel l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

43.

Madankollu, deċiżjonijiet finali dwar ċerti effetti fuq l-ambjent qabel l-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imorru definittivament kontra prinċipji fundamentali tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-fatt, l-ewwel, il-parteċipazzjoni pubblika għandha sseħħ fi stadju bikri meta l-għażliet kollha jkunu għadhom possibbli, it-tieni, is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-proġett u, it-tielet, din id-deċiżjoni għandha tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju eżawrjenti (ara l-parti 4).

1. Fuq il-protezzjoni tal-ispeċi fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

44.

L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi l-effetti sinjifikattivi kollha fuq l-ambjent, inkluż, fejn xieraq, effetti sinjifikattivi fuq speċi protetti ( 16 ). Hija tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’mod xieraq, skont kull każ partikolari, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett b’mod partikolari fuq il-fawna u l-flora, skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva EEA. Skont l-Artikolu 5(1) u l-punt 3 tal-Anness IV, tali effetti għandhom għalhekk jiġu deskritti mill-iżviluppatur. Ma hija prevista l-ebda deroga għal ċerti effetti fuq l-ambjent.

45.

Fil-prattika, il-konsegwenzi li jistgħu jkunu rilevanti u li għandhom, għaldaqstant, ikunu s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma jistgħux jiġu ddelimitati faċilment. Madankollu, l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-proġett mad-dritt tal-ambjent fis-seħħ jeħtieġ tal-inqas li tkun suġġetta għall-evalwazzjoni.

46.

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jeħtieġ li tinkludi d-dettalji neċessarji sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-ilma ( 17 ), l-hekk imsejħa projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni ( 18 ).

47.

Kif tindika Cimenteries, konsegwentement, għandhom jiġu deskritti wkoll derogi mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi, jiġifieri dawk previsti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar il-habitat kif ukoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, tali derogi mir-rekwiżiti tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni huma min-natura tagħhom rilevanti, irrispettivament minn jekk humiex iġġustifikati jew le skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat jew skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Madankollu, anki derogi minn leġiżlazzjonijiet purament nazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-ispeċi jistgħu jkunu rilevanti.

48.

Din l-informazzjoni jeħtieġ li titqiegħed, konformement mal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva EEA, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ( 19 ) u għalhekk hija s-suġġett ta’ parteċipazzjoni pubblika. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 6(1), l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-ispeċi għandhom jipparteċipaw ukoll.

49.

Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu ċerti effetti fuq l-ambjent u, b’mod partikolari, l-effetti negattivi fuq l-ispeċi protetti mid-dritt tal-Unjoni mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

2. Koordinazzjoni ta’ proċeduri differenti

50.

Fid-dawl tal-evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent, id-definizzjoni tal-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA tissuġġerixxi mal-ewwel daqqa ta’ għajn li din l-awtorizzazzjoni jeħtieġ li tinkludi l-effetti kollha tal-proġett fuq l-ambjent ukoll. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni hija deċiżjoni waħda tal-awtorità kompetenti jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jimplimenta l-proġett. Dan jista’ jfisser li l-awtoritajiet kompetenti għal tipi differenti ta’ effetti fuq l-ambjent mhux biss għandhom jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 6(1), iżda wkoll li l-awtorizzazzjoni jeħtieġ li tirregola dawn l-effetti b’mod eżawrjenti.

51.

Madankollu, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA li l-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u l-awtorizzazzjoni mogħtija wara din l-evalwazzjoni ma jeħtiġux li jinġabru flimkien l-awtorizzazzjonijiet kollha relatati mal-proġett u lanqas l-awtorizzazzjonijiet ambjentali kollha. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu proċedura unika sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva EEA u tad-Direttiva dwar it-tniġġis ( 20 ) (illum id-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali ( 21 )). Għall-kuntrarju, huwa wkoll possibbli li jiġu applikati proċeduri differenti għall-implimentazzjoni taż-żewġ direttivi u li jinħarġu awtorizzazzjonijiet distinti.

52.

Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva EEA, li jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ ssir fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew f’dawk li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

53.

Inżid li r-riformulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA permezz tad-Direttiva 2014/52, li għadha ma hijiex applikabbli fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma tbiddel xejn minn dan, iżda sempliċiment teżiġi koordinazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-effetti, mhux rilevanti f’dan il-każ, marbuta maż-żoni protetti skont id-Direttiva dwar il-habitat u d-Direttiva dwar l-għasafar.

54.

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni ( 22 ). B’mod partikolari, ma humiex obbligati jipprevedu proċedura uniformi sabiex jiddeċiedu dwar l-effetti kollha fuq l-ambjent ta’ proġett permezz ta’ awtorizzazzjoni waħda.

55.

Id-Direttiva EEA għalhekk ma tipprekludix, bħala prinċipju, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw ċerti effetti fuq l-ambjent, bħall-protezzjoni tal-ispeċi, għall-proġetti li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

3. Il-koordinazzjoni matul iż-żmien ta’ proċeduri distinti

56.

Madankollu, għadu ma huwiex ċert jekk huwiex ammissibbli li tittieħed deċiżjoni definittiva dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett qabel ma titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

57.

Diversi partijiet ikkonċernati huma involuti, f’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza dwar l-hekk imsejħin proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tottimizza ż-żewġ għanijiet ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kemm eżawrjenti kif ukoll bikrija filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

58.

Skont din il-ġurisprudenza, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi inizjalment proċedura li fil-kuntest tagħha tittieħed deċiżjoni ewlenija, u mbagħad deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li ma tistax tmur lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti mid-deċiżjoni ewlenija. F’dan il-każ, l-effetti li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent għandhom (normalment) jiġu identifikati u evalwati matul il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ewlenija ( 23 ).

59.

Madankollu, evalwazzjoni eżawrjenti ma tkunx possibbli f’dan l-istadju meta l-effetti fuq l-ambjent jistgħu jiġu evalwati biss matul il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, f’liema każ l-evalwazzjoni għandha ssir biss matul il-proċedura għall-adozzjoni ta’ din it-tieni deċiżjoni, jiġifieri sussegwentement ( 24 ).

60.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni, li permezz tagħha evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ titwettaq biss fl-ewwel stadju u mhux waqt l-istadju sussegwenti tal-awtorizzazzjoni ta’ punti li għadhom ma ġewx ittrattati, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva EEA ( 25 ). Dan jissodisfa l-għan ta’ evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent li jinkiser jekk l-evalwazzjoni tkun teħtieġ li ssir b’mod imperattiv f’mument meta l-effetti kollha tal-proġett ma jkunux għadhom identifikabbli.

61.

Kif jirrilevaw ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Ċeka, huwa dubjuż kemm l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, hija deċiżjoni ewlenija dwar il-proġett, peress li tikkonċerna biss aspett parzjali tal-proġett. Dan huwa, prima facie, pjuttost tentattiv sabiex jitneħħa ostakolu speċifiku qabel ma jsiru sforzi oħra kumplessi fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex possibbli fuq kollox. Fil-fatt, fl-2010, il-protezzjoni tal-ispeċi kienet għadha tipprekludi l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Cimenteries CBR madankollu tikkwalifika l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi f’din il-funzjoni bħal fil-każ ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji.

62.

Madankollu, huwa qabelxejn interessanti f’dan il-każ li, skont din il-ġurisprudenza, id-Direttiva EEA tippermetti li jiġu deċiżi ċerti kwistjonijiet qabel ma tkun twettqet l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għalhekk, jekk huma awtorizzati “deċiżjonijiet ewlenin”, li jistgħu min-natura tagħhom stess jikkonċernaw numru ta’ effetti tal-proġett fuq l-ambjent, mingħajr ma tiġi awtorizzata evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, deċiżjonijiet preċedenti fuq aspetti parzjali li għandhom effetti limitati fuq l-ambjent għandhom ġustament jiġu awtorizzati.

4. L-importanza tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-awtorizzazzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja

63.

Madankollu, il-ġurisprudenza dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji hija bbażata fuq il-verżjoni inizjali tad-Direttiva EEA u għadha ma tiħux inkunsiderazzjoni l-emendi ( 26 ) magħmula mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 27 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva EEA. Skont din id-dispożizzjoni, il-pubbliku għandu jkun jista’ jesprimi ruħu fi stadju bikri u b’mod effettiv meta l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa u qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għal awtorizzazzjoni.

64.

Dawn ir-rekwiżiti jipprojbixxu li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq ċerti effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, saħansitra qabel ma l-pubbliku jkollu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq dawn l-effetti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma jkunux għadhom possibbli l-għażliet kollha.

65.

Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA jipprovdi li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Dan jimplika, skont il-premessa 2 kif ukoll skont il-ġurisprudenza stabbilita, li, fil-formazzjoni tal-opinjoni tagħha, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent fil-proċessi tekniċi kollha ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, sabiex jiġi evitat a priori kull impatt ambjentali: dan huwa aħjar milli jkollhom jiġu miġġielda l-effetti tagħhom sussegwentement ( 28 ).

66.

Madankollu, jidher li meta l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar ċerti effetti fuq l-ambjent qabel ma tkun twettqet l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, huma jkunu għadhom ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura ( 29 ).

67.

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan il-kuntest il-protezzjoni ġudizzjarja li għandha tiġi żgurata skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA, dispożizzjoni din li timplimenta wkoll il-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan l-artikolu jipprevedi li jistgħu jiġu kkontestati, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-legalità, fil-mertu jew proċedurali, tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-ommissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EEA dwar il-parteċipazzjoni pubblika.

68.

L-awtorizzazzjoni ta’ proġett skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA hija deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata skont din id-dispożizzjoni.

69.

Ċertament, il-konsegwenzi ta’ ċerti konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq din l-awtorizzazzjoni ma humiex iddeterminati mid-Direttiva EEA ( 30 ). Għall-kuntrarju, dawn il-konsegwenzi huma inklużi f’leġiżlazzjonijiet oħra u, fil-każ tal-protezzjoni tal-ispeċi, dawn jinsabu pereżempju fid-Direttiva dwar il-habitat jew fid-Direttiva dwar l-għasafar u fit-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt intern.

70.

Għalhekk, il-legalità tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, mogħtija abbażi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, tiddependi mill-osservanza jew le tal-imsemmija dispożizzjonijiet ambjentali l-oħra mill-proġett inkwistjoni. Jekk fl-okkażjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta li l-proġett ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ambjentali ta’ leġiżlazzjonijiet oħra, l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni tiġi eskluża ( 31 ).

71.

Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA jinkludi, tal-inqas, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni li jista’ jkollhom effett dirett ( 32 ).

72.

Barra minn hekk, peress li d-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA huwa marbut mal-evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent, dan għandu jiġi eżerċitat abbażi tas-sejbiet f’din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, dawn is-sejbiet jippermettu li jiġu identifikati oġġezzjonijiet ambjentali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ tali rikors jew jistgħu juru li ma hemmx lok li jiġi ppreżentat rikors.

73.

Għalhekk ikun inkompatibbli li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq ċerti effetti fuq l-ambjent qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Anki jekk tali deċiżjoni parzjali setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors separat, dan ir-rikors ikollu normalment jiġi ppreżentat mingħajr is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

74.

Għalhekk, deċiżjoni bil-quddiem dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tkun provviżorja biss. Id-deċiżjonijiet definittivi jistgħu jittieħdu biss abbażi ta’ din l-evalwazzjoni u għalhekk neċessarjament wara din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal rikors eżawrjenti u indipendenti mid-deċiżjoni provviżorja, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA.

75.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni provviżorja ma tistax tkun il-bażi ta’ ċertezza legali eżawrjenti għall-iżviluppatur fir-rigward tas-suġġett u tal-konklużjoni tagħha, iżda tista’ tagħti indikazzjonijiet fuq il-punt dwar jekk, skont l-informazzjoni disponibbli, ċerti effetti fuq l-ambjent jipprekludux dan il-proġett.

76.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-argumenti ta’ Cimenteries CBR, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt Belġjan jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet ġenerali żżomm il-possibbiltà li tevalwa b’mod iktar strett l-effetti ta’ dan l-operat fuq l-ambjent meta mqabbla mal-parametri stabbiliti mill-awtur tal-ewwel deċiżjoni. Jekk dan ikun il-każ, din l-awtorità tista’ debitament tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-għoti tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, kunflitti eventwali mal-protezzjoni tal-ispeċi li jirriżultaw biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, waqt is-seduta, diversi partijiet esponew li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi tista’ madankollu tikseb natura definittiva indipendentement mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fatt li jista’ jippreġudika l-protezzjoni ġudizzjarja eżawrjenti taħt l-imsemmi Artikolu 11.

V. Konklużjoni

77.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:

Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ewlenija li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq proġett u qabel il-parteċipazzjoni pubblika fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, tittieħed deċiżjoni provviżorja li tawtorizza ħsara għal speċi protetti fil-kuntest ta’ dan il-proġett.

Madankollu, skont l-Artikoli 3, 5, 6 u 7 tad-Direttiva 2011/92, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jeħtieġ li tinkludi l-effetti tal-proġett fuq l-ispeċi protetti, anki jekk dawn diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni provviżorja. Barra minn hekk, indipendentement mid-deċiżjoni preċedenti meħuda, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva sa fejn l-evalwazzjoni turi l-inkompatibbiltà tal-proġett mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi. Fl-aħħar nett, l-awtorizzazzjoni għal deroga mir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ispeċi marbuta mal-proġett jeħtieġ li tkun tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”).

( 3 ) Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”).

( 4 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).

( 5 ) Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008 L 24, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-tniġġis”).

( 6 ) Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva EEA (ĠU 2014, L 124, p. 1).

( 8 ) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-ilma”).

( 9 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012 L 58, p. 25).

( 10 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27), u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein (C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 26).

( 11 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47), u tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 29).

( 12 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 25); tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Santos Palhota et (C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 18); u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 28).

( 13 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 10); tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 29); u tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26).

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 41 et seq.).

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, One Voice u Ligue pour la protection des oiseaux (C‑900/19, EU:C:2021:211, punti 37 et seq. u 61).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 86), kif ukoll is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C‑461/17, EU:C:2018:883, punti 57 sa 59) u l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-aħħar kawża (EU:C:2018:649, punti 84 sa 87).

( 17 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 18 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 81).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 83).

( 20 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 21 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 22 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 75).

( 23 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 52); tal‑4 ta’ Mejju 2006, Barker (C‑290/03, EU:C:2006:286, punt 47); tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 26); kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 86).

( 24 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

( 25 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 105).

( 26 ) Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU 2003, L 156, p. 17).

( 27 ) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-1998 (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1).

( 28 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 51); tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Windfarm Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 73); u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 78).

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 81, 84 u 85).

( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punt 48).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punti 75 u 76) dwar id-Direttiva dwar l-ilma.

( 32 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 48); tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 92); u tat‑8 ta’ Novembru 2016Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 59).

Top