Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0441

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:585

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑439/20 P u C‑441/20 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd (C‑439/20 P)

u

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

vs

Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd,

(C‑441/20 P)

“ Appell – Dumping – Sussidji – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina– Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 8(1), (9) u (10) u Artikolu 10(5) – Regolament (UE) 2016/1037 – Artikolu 13(1), (9) u (10) u l-Artikolu 16(5) – Ksur ta’ impenn– Effett tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn – Regolamenti ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u 1239/2013 – Ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2016/2146 – Invalidazzjoni ta’ fatturi tal-impenn”

1.

Wara l-irtirar mill-Kummissjoni tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, minħabba ksur ta’ dan l-impenn mill-produttur-esportatur li kkonkludieh, id-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi diġà imposti japplikaw għall-importazzjonijiet relatati mal-impenn miksur imwettqa sa mill-impożizzjoni tagħhom, jew japplikaw biss għall-importazzjonijiet ta’ wara l-irtirar tal-impenn? F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tinvalida l-fatturi relatati mal-importazzjonijiet relatati mal-impenn miksur u tordna lill-awtoritajiet nazzjonali jiġbru dazji definittivi fuq dawn l-importazzjonijiet?

2.

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet prinċipali li jinsabu f’dawn il-kawżi magħquda relatati ma’ żewġ appelli ppreżentati rispettivament mill-Kummissjoni Ewropea, fil-Kawża C‑439/20, u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-Kawża C‑441/20 P ( 2 ) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien: l-“istituzzjonijiet”), li permezz tagħhom huma jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Lulju 2020, Jiangsu Seraphim Solar System vs Il‑Kummissjoni (T‑110/17, EU:T:2020:315, iktar ’il quddiem: is-“sentenza appellata”), li laqgħet ir-rikors ippreżentat mill-kumpannija Jiangsu Seraphim Solar System Co Ltd (iktar ’il quddiem: “Jiangsu”) fejn talbet l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), fil-parti li kien jikkonċernaha.

I. Il-kuntest ġuridiku

3.

Fid-data tar-Regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni kienet irregolata bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antidumping”).

4.

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Impenji”, kien jipprevedi fil-paragrafi 1, 9 u 10 tiegħu:

“1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja ta’ dumping u ta’ dannu, il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), taċċetta offerti ta’ impenji volontarji sodisfaċenti mressqa minn kwalunkwe esportatur biex jirrivedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, jekk tkun sodisfatta li b’hekk jiġi eliminat l-effett ta’ dannu mid-dumping.

F’tali każ u sakemm ikunu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti f’konformità mal-Artikolu 9(4), skont kif ikun il-każ, ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif emendata sussegwentement. […]

9.   Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha tiġi rtirata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f’konformità mal-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament, sakemm l-esportatur ikkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jikkummenta, ħlief fejn huwa jkun irtira l-impenn. […]

10.   Jista’ jiġi impost dazju provviżorju f’konformità mal-Artikolu 7 abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għal dak l-impenn ma tkunx ġiet konkluża”.

5.

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Retroattività”, kien jipprevedi s-segwenti fil-paragrafu 5 tiegħu:

“F’każijiet ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji, jistgħu jinġabru dazji definittivi minn fuq merkanzija mdaħħla għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 14(5), u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva ma għandhiex tapplika għal importazzjonijiet imdaħħlin qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn”.

6.

Fid-data tar-regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ miżuri antisussidji mill-Unjoni kienet irregolata bir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament bażiku antisussidji”).

7.

Ir-regolament bażiku antisussidji jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-impenji u r-retroattività fformulati f’termini essenzjalment identiċi għad-dispożizzjonijiet relattivi tar-regolament bażiku antidumping. B’hekk, b’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 13(1), (9) u (10) kif ukoll l-Artikolu 16(5) tar-regolament bażiku antisussidji, jikkorrispondu, essenzjalment, rispettivament, għall-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 8(1), l-Artikolu 8(9) u (10), kif ukoll l-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping (iktar ’il quddiem, iż-żewġ regolamenti ser jissemmew flimkien bħala r-“Regolamenti bażiċi”) ( 6 ).

II. Il-fatti tal-kawża u r-regolament kontenzjuż

8.

Jiangsu hija kumpannija li timmanifattura moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin fiċ-Ċina u tesportahom lejn l-Unjoni.

9.

Wara li imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem: il-“prodotti inkwistjoni”) ( 7 ), permezz tad-Deċiżjoni 2013/423/UE tat‑2 ta’ Awwissu 2013 ( 8 ),il-Kummissjoni aċċettat impenn ta’ prezz (iktar ’il quddiem: l-“impenn”) offrut mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ makkinarju u ta’ prodotti elettroniċi f’isem, inter alia, ta’ Jiangsu.

10.

Fit‑2 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 ( 9 ), li impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 ( 10 ), li impona dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti.

11.

L-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jipprevedu, bl-istess formulazzjoni, is-segwenti:

“2.   Id-dejn doganali jiġġarrab meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:

[…]

(b)

meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impriża skont [ir-regolamenti bażiċi] ( 11 ), f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara l-fatturi ta’ impriża rilevanti bħala invalidi.”

12.

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, tal‑4 ta’ Diċembru 2013 ( 12 ), il-Kummissjoni kkonfermat l-aċċettazzjoni tal-impenn offrut mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

13.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, l-importazzjonijiet relatati mal-impenn u li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 huma eżentati mid-dazji antidumping u kumpensatorji imposti minn dawn ir-regolamenti.

14.

Madankollu, minkejja li sussegwentement ikkonstatat il-ksur tal-impenn minn Jiangsu, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż. Fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn, inter alia, għal Jiangsu. Fl-Artikolu 2 tal-istess regolament, il-Kummissjoni, fil-paragrafu 1 tiegħu, invalidat il-fatturi relatati mal-impenn imsemmija fl-Anness 1 tal-istess regolament u ddeċidiet, fil-paragrafu 2 tiegħu, li għandhom jinġabru “d-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti fil-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament [...] Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament [...] Nru 1239/2013”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Frar 2017, Jiangsu ppreżentat rikors għal annullament kontra l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq motiv uniku relatat mal-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013.

16.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox, fil-punti 28 sa 64, ċaħdet l-eċċezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, kif ukoll l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

17.

Sussegwentement, fil-punti minn 65 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet fil-mertu l-motiv uniku u l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu u, għaldaqstant, annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż sa fejn kien jikkonċerna lil Jiangsu.

IV. It-talbiet tal-partijiet

18.

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑439/20 P, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Jiangsu Seraphim għall-ispejjeż.

19.

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑441/20 P, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata; tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza, u tikkundanna lil Jiangsu Seraphim għall-ispejjeż, jew sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

20.

Jiangsu titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

V. Analiżi tal-appelli

21.

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑439/20 P, il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji. Dawn l-aggravji jikkoinċidu, fil-parti l-kbira, maż-żewġ aggravji invokati mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑441/20 P. Għaldaqstant, iż-żewġ appelli għandhom jiġu eżaminati flimkien.

A.   Fuq l-ewwel aggravji dwar l-ammissibbiltà

22.

Permezz tal-ewwel aggravji tagħhom, l-istituzzjonijiet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Jiangsu (l-ewwel parti) u fl-analiżi tal-ammissibbiltà u tal-effettività tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minnha (it-tieni parti).

1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravji dwar il-locus standi u l-interess ġuridiku ta’ Jiangsu

23.

Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravji tagħhom l-istituzzjonijiet jikkontestaw l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-locus standi u dwar l-interess ġuridiku ta’ Jiangsu fir-rigward tad-dispożizzjoni kkontestata tar-regolament kontenzjuż, jiġifieri l-Artikolu 2 tiegħu.

a) Fuq l-inċidenza diretta

24.

Qabel kollox, l-istituzzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 37, 38, 44 u 45 tas-sentenza appellata billi kkunsidrat li Jiangsu kienet direttament ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tad-dispożizzjoni kkontestata tar-regolament kontenzjuż. L-istituzzjonijiet jenfasizzaw li ma kinitx Jiangsu, bħala produttriċi-esportatriċi, iżda l-kumpannija importatriċi assoċjata Seraphim Solar System GmbH, li għamlet id-dikjarazzjonijiet doganali dwar il-prodotti li ġew invalidati l-fatturi fir-rigward tagħhom permezz tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, hija din l-aħħar kumpannija, u mhux Jiangsu li hija responsabbli għall-ħlas tad-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti bħala konsegwenza tal-invalidazzjoni tal-fatturi maħruġa minn Jiangsu. It-tnissil ta’ dan id-dejn doganali jikkostitwixxi l-bidla tas-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż. Minn dan isegwi li, is-sitwazzjoni legali ta’ Jiangsu, bħala produttriċi-esportatriċi, ma ġietx mibdula bl-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż u li għalhekk ma hijiex direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

25.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjoni fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li hija s-suġġett tar-rikors teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedji ( 13 ).

26.

Fil-kawża ineżami, Jiangsu kkontestat l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż kollu kemm hu. Kif jirriżulta mill-punt 14 iktar ’il fuq, u kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni invalidat, fil-paragrafu 1, inter alia, il-fatturi maħruġa minn Jiangsu relatati mal-impenn li nħarġu minnha fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet speċifiċi u ordnat, fil-paragrafu 2, il-ġbir tad-dazji definittivi dovuti għat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tal-fatturi. Fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li b’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet ikkontestati minn Jiangsu kienu pproduċew effetti b’mod dirett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha.

27.

F’dan ir-rigward, naħseb li deċiżjoni ta’ invalidazzjoni ta’ fatturi maħruġa minn persuna tista’ tipproduċi effetti b’mod dirett fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, billi tneħħi l-fatturi, din id-deċiżjoni taffettwa r-relazzjoni kuntrattwali dwar it-tranżazzjonijiet speċifiċi li huma s-suġġett tal-fatturi invalidati, fil-kawża ineżami r-relazzjoni bejn Jiangsu u l-importatriċi, u tista’ wkoll taffettwa r-relazzjoni bejn il-persuna li toħroġ il-fatturi u l-awtoritajiet fiskali ( 14 ). Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, isostnu b’mod validu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li Jiangsu kienet direttament ikkonċernata mill-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, tal-inqas fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

28.

Fir-rigward tal-paragrafu 2, huwa minnu, kif isostnu l-istituzzjonijiet, li d-dejn doganali mnissel wara l-invalidazzjoni tal-fatturi tnissel fil-konfront tal-importatriċi, jiġifieri l-kumpannija Seraphim Solar System GmbH, persuna ġuridikament distinta minn Jiangsu, għalkemm marbuta magħha. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża ineżami, din iċ-ċirkustanza, fil-fehma tiegħi, ma tistax tagħmel ir-rikors ta’ Jiangsu inammissibbli minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta.

29.

Fil-fatt, qabel kollox, it-tnissil tad-dejn doganali huwa l-konsegwenza immedjata u diretta tal-invalidazzjoni tal-fatturi inkwistjoni, invalidazzjoni li, kif jirriżulta mir-regolament kontenzjuż innifsu ( 15 ), tikkostitwixxi l-prerekwiżit neċessarju għall-ħolqien ta’ dan id-dejn. L-invalidazzjoni tal-fatturi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet relatati mal-impenn u t-tnissil tad-dejn doganali fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet huma għalhekk strettament marbuta bl-istess mod, b’tali mod li s-separazzjoni tagħhom tkun artifiċjali. Barra minn hekk, id-djun doganali jikkonċernaw preċiżament it-tranżazzjonijiet speċifiċi li kienu s-suġġett tal-fatturi, b’mod li anki huma jaffettwaw neċessarjament dawn it-tranżazzjonijiet, li Jiangsu hija parti tagħhom, u għalhekk is-sitwazzjoni legali tagħha.

30.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak sostnut mill-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi kkonkludiet li Jiangsu kienet direttament ikkonċernata mill-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż.

b) Fuq l-interess ġuridiku

31.

Sussidjarjament, l-istituzzjonijiet isostnu li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ Jiangsu sabiex tikkontesta l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi.

32.

F’dan ir-rigward, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ġurisprudenza impliċitament, iżda neċessarjament, aċċettat l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ produttur-esportatur kontra atti li jwasslu għall-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn u li jimponu dazju antidumping definittiv fuq il-prodotti li huwa jimmanifattura u jesporta fis-suq tal-Unjoni ( 16 ). Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, f’sitwazzjoni bħal din, tali produttur-esportatur għandu wkoll jitqies li huwa ammissibbli sabiex jikkontesta l-impożizzjoni tal-imsemmi dazju fuq il-prodotti li huwa diġà esporta u li l-fatturi konformi tagħhom ġew invalidati mill-Kummissjoni. Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn jikkontribwixxu sabiex iżidu l-prezz tal-prodotti tagħha għall-importazzjoni ta’ Jiangsu, għandhom riperkussjonijiet negattivi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-importatriċi tal-prodotti inkwistjoni, li r-rikors, f’każ ta’ suċċess, huwa ta’ natura li jneħħi.

33.

L-istituzzjonijiet isostnu li din l-analiżi hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 47 tas-sentenza appellata huma irrilevanti sa fejn dawn jagħmlu riferiment għal-locus standi u huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 263(4) TFUE. L-analoġija ġurisprudenzjali magħmula f’dan il-punt hija għalhekk żbaljata, peress li ma tagħmilx riferiment għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami. Il-punt 48 tas-sentenza appellata jinterpreta, kuntrarjament għall-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ interess ġuridiku daqslikieku kien biżżejjed li jintwera sempliċi vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-fatt li jintlaqa’ r-rikors meta fil-fatt tkun meħtieġa bidla fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Jiangsu tikkontesta l-argumenti tal-istituzzjonijiet.

34.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi ġuridiċi u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun ċert u attwali u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika ( 17 ).

35.

Fil-kawża ineżami, ir-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma huwiex nieqes mill-kritika. Fil-fatt, minn naħa, il-portata tal-analoġija mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tidher dubjuża. Hija ma tikkonċernax speċifikament ir-rekwiżit tal-interess ġuridiku u r-rilevanza tagħha ma hija mmotiviata bl-ebda mod. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, dwar l-effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Jiangsu u l-importatriċi tagħha ma jidhrux li huma suffiċjenti minnhom innifishom sabiex juru l-ħolqien permezz tal-annullament tal-att ta’ effetti pożittivi fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Jiangsu li jiġġustifikaw interess ġuridiku kif iddefinit fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq.

36.

Madankollu dawn l-iżbalji ma għandhomx, fil-fehma tiegħi, iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata peress li l-konklużjoni li Jiangsu kellha interess ġuridiku sabiex tikseb l-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż hija korretta ( 18 ).

37.

Kif ġie rrilevat fil-punt 26 iktar ’il fuq, fil-kawża ineżami, permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni, minn naħa, invalidat il-fatturi maħruġa, inter alia, minn Jiangsu relatati mal-impenn u, min-naħa l-oħra, ordnat il-ġbir tad-dazji definittivi dovuti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tal-fatturi.

38.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament kontenzjuż tinkludi l-eliminazzjoni tal-invalidazzjoni tal-fatturi maħruġa minn Jiangsu, dik li għalhekk li kieku tipproduċi konsegwenzi ġuridiċi skont il-ġurisprudenza indikata fil-punt 34 preċedenti. L-eliminazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi għal Jiangsu, speċifikament fir-relazzjonijiet kuntrattwali relatati mat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tal-fatturi invalidati, li ġejjin mill-invalidazzjoni tal-fatturi, tikkostitwixxi benefiċċju li kieku tikseb Jiangsu f’każ li jiġi milqugħ r-rikors. Dan l-annullament, imbagħad, jinvalida l-ordni ta’ ġbir tad-dazji definittivi dovuti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tal-fatturi, tranżazzjonijiet li fihom, kif diġà ġie osservat fil-punt 29 iktar ’il fuq, Jiangsu kienet il-parti li qiegħda tbiegħ. Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li Jiangsu kellha interess ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament kontenzjuż. Minn dan isegwi li anki dan l-ilment tal-istituzzjonijiet għandu jiġi miċħud.

2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravji dwar l-ammissibbiltà u l-effettività tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu

39.

It-tieni parti tal-ewwel aggravji mqajma mill-istituzzjonijiet hija intiża kontra l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 57 sa 64 tas-sentenza appellata li fiha hija ġġudikat bħala ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu, skont l-Artikolu 277 TFUE, fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013 (iktar ’il quddiem, flimkien, “id-dispożizzjonijiet suġġetti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità”).

40.

Wara din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fl-assenza ta’ interess ġuridiku kontra dawn id-dispożizzjonijiet, ma setax jiġi sostnut li Jiangsu setgħet tikkontestahom, skont l-Artikolu 263 TFUE direttament wara l-adozzjoni tagħhom, u li, għaldaqstant, din il-kumpannija setgħet tikkontestahom fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE ( 19 ).

41.

L-istituzzjonijiet isostnu li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi u, b’mod partikolari, tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Solar World u Canadian Solar ( 20 ). Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-effettività tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

42.

F’dan ir-rigward jeħtieġ, qabel kollox, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti preċedenti tal-istituzzjonijiet, li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni appellata, meta ma jkollhiex id-dritt li tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż kontra dawn l-atti, li għalhekk hija tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kellha l-possibbiltà li titlob l-annullament tagħhom ( 21 ). Ir-rimedju tal-eċċezzjoni tal-illegalità jista’ jiġi invokat biss f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ mezz ieħor ta’ rikors ( 22 ). Jirriżulta, ukoll, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE innifsu li l-possibbiltà li tiġi aċċettata l-eċċezzjoni tinkludi s-sempliċi konstatazzjoni inċidentali tal-illegalità tal-att u l-konsegwenti inapplikabbiltà inter partes tad-dispożizzjonijiet iddikjarati illegali, u għalhekk mhux l-annullament tagħhom ( 23 ).

43.

Preliminarjament, nikkunsidra wkoll bħala opportun li jitfakkar li fis-sentenza SolarWorld il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1239/2013 huwa dispożizzjoni li ma tistax tiġi sseparata mill-bqija tal-imsemmi regolament u li l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni neċessarjament jaffettwa s-sustanza tal-imsemmi regolament ( 24 ). Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-digriet tal-Qorti Ġenerali li kien iddikjara bħala inammissibbli rikors għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni biss u mhux tal-imsemmi regolament kollu kemm hu. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza stabbilita li skontha l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att ( 25 ). Fis-sentenza Canadian Solar, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment estendiet dawn il-kunsiderazzjonijiet għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1238/2013 ( 26 ).

44.

F’dan il-kuntest, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk, kif isostnu l-istituzzjonijiet, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li Jiangsu ma kellhiex interess ġuridiku kontra d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

45.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet il-kwistjoni dwar jekk dawn kinux ser jiġu applikati għal Jiangsu baqgħet purament ipotetika. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali irrilevat li l-interess ġuridiku tagħha kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma setax ikun ibbażat fuq is-sempliċi possibbiltà li l-Kummissjoni tirrevoka fir-rigward tagħha l-aċċettazzjoni tal-impenji bl-invalidazzjoni sussegwenti tal-fatturi relatati.

46.

Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma fihomx żball. Fil-fatt, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013 l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità – li kif tfakkar fil-punt 11 iktar ’il fuq, kienu jipprevedu t-tnissil ta’ dejn doganali jekk il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn permezz ta’ regolament jew deċiżjoni relatata ma’ tranżazzjonijiet partikolari u li tiddikjara l-fatturi rilevanti relatati mal-impenn bħala nulli – kienet purament ipotetika u kienet tiddependi minn ċirkustanza, jew il-konstatazzjoni tal-ksur tal-impenn - li kienet għadha ma seħħitx u li setgħet ma sseħħitx.

47.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma, għalhekk, konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun ċert u attwali u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika u għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà ( 27 ). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-appelli tagħhom, l-istituzzjonijiet ma jikkontestawx verament dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata.

48.

Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta kkunsidrat li, fl-assenza ta’ konstatazzjoni tal-ksur tal-impenn, Jiangsu ma kellhiex interess ġuridiku kontra d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ regolamenti u matul il-perijodu sussegwenti li fih din il-kumpannija setgħet tikkontestahom.

49.

L-istituzzjonijiet isostnu, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddikjaratx l-eċċezzjoni ta’ illegalità inammissibbli minħabba li, minħabba n-natura indissoċjabbli tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ din l-eċċezzjoni mill-bqija tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013, fid-dawl tas-sentenzi SolarWorld u Canadian Solar, Jiangsu setgħet tikkontesta t-totalità ta’ dawn ir-regolamenti u tinvoka, f’dan il-kuntest, l-illegalità ta’ kull dispożizzjoni tagħhom. Peress li ma kkontestatx dawn ir-regolamenti fit-termini tal-appell, il-possibbiltà li titqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità issa ġiet eskluża għal Jiangsu.

50.

F’dan ir-rigward, nirrileva madankollu li, indipendentement mill-kwistjoni tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mill-bqija tar-regolamenti, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq li, anki jekk Jiangsu kienet ikkontestat fit-termini tal-appell ir-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013 fit-totalità tagħhom, hija ma kienx ikollha, fi kwalunkwe każ, l-interess ġuridiku sabiex tikkontesta d-dispożizzjonijiet suġġetti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

51.

Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-prinċipji msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda n-natura neċessarjament konkreta, attwali u mhux ipotetika tal-interess ġuridiku japplikaw ukoll għall-motivi uniċi ( 28 ). Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq, Jiangsu ma setgħetx tikkontesta, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni anki kieku hija kienet ikkontestat ir-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013 fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet ma jistgħux isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

52.

Madankollu, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument imressaq mill-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kienet ammissibbli, peress li, minħabba n-natura mhux separabbli tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mill-kumplament tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013, irrikonoxxuta fis-sentenzi SolarWorld u Canadian Solar, Jiangsu ma setgħetx tqajjem tali eċċezzjoni biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ din l-eċċezzjoni, iżda kien ikollha tqajjimha fir-rigward tat-totalità ta’ dawn ir-regolamenti.

53.

Il-Kummissjoni tibbaża dan l-argument fuq il-premessa li huwa trasponibbli għall-kamp tal-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmi fl-Artikolu 277 TFUE l-prinċipju, imfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, espress mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, li skontu l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss dment li l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att ( 29 ). Isegwi li ma tkunx ammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma esklużivament fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet mhux separabbli mill-kumplament tal-att.

54.

Indipendentement mill-kwistjoni tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mill-kumplament tar-regolamenti, li hija kkontestata mill-partijiet ( 30 ), m’iniex, fi kwalunkwe każ, konvint li din il-premessa hija korretta.

55.

Fil-fatt, ir-raġuni prinċipali li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza li skontha l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli, tinsab fir-rekwiżit li jiġi evitat li, wara l-annullament parzjali tal-att, mitlub mir-rikorrent, is-sustanza tiegħu tinbidel ( 31 ). Fil-fatt, dan jimplika reviżjoni tal-att, li tmur lil hinn mis-setgħat tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għal annullament, kif ukoll tikkostitwixxi deċiżjoni ultra petita ( 32 ).

56.

Madankollu, dan ir-raġunament ma japplikax għall-eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 42 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju ġuridiku, tista’ tiġi invokata biss l-inapplikabbiltà tal-att ikkontestat inċidentalment, iżda mhux l-annullament tiegħu ( 33 ). Is-sempliċi konstatazzjoni inċidentali tal-illegalità tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità u l-inapplikabbiltà segwenti inter partes fil-kawża ineżami tad-dispożizzjonijiet iddikjarati illegali, għandha biss natura dikjarattiva u mhux kostituttiva. Għaldaqstant, din il-konstatazzjoni inċidentali ma tistax twassal għal emenda tas-sustanza tal-att paragunabbli ma’ dik fil-każ tal-annullament tad-dispożizzjonijiet innifishom.

57.

Għalhekk, pereżempju, fil-kawża ineżami, anki jekk jiġi aċċettat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija tal-att, il-konstatazzjoni inċidentali tal-illegalità tagħhom magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 158 tas-sentenza appellata u d-dikjarazzjoni tal-inapplikabbiltà segwenti ta’ Jiangsu ma wasslitx għal emenda sostanzjali tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013. Minn dan jirriżulta li r-raġunament u l-konklużjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi SolarWorld u Canadian Solar li skonthom l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet neċessarjament jaffettwa s-sustanza ta’ dawn ir-regolamenti ma japplikawx f’dan il-każ.

58.

Isegwi minn dan kollu li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu hija ammissibbli, minkejja li din ma kinitx tqajmet fir-rigward tat-totalità tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013.

59.

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 63 tas-sentenza appellata billi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità huma dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali. Skont il-Kummissjoni, madankollu, huma japplikaw biss għall-impriżi li offrew impenji u għalhekk jikkostitwixxu deċiżjonijiet individwali fir-rigward tagħhom.

60.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE li r-rimedju tal-eċċezzjoni ta’ illegalità japplika f’kawżi li jinvolvu “att ta’ applikazzjoni ġenerali”. Minn dan tirriżulta għalhekk delimitazzjoni negattiva tal-atti li fir-rigward tagħhom huwa ammess ir-rimedju, bl-esklużjoni tal-atti li għandhom portata individwali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent seta’ jippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263(4) TFUE. Din il-kundizzjoni għandha l-għan li tevita li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tkun tista’ tintuża sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament u, għaldaqstant, li tikkontesta l-legalità ta’ att lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 TFUE.

61.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt ( 34 ).

62.

Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ għad-dispożizzjonijiet suġġetti tal-eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, kif jirriżulta espliċitament mill-paragrafu 1 taż-żewġ artikoli inkwistjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt, iżda biss fir-rigward tal-“kumpaniji li l-Kummissjoni taċċettata l-impenji tagħhom u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE”.

63.

Għalhekk naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat id-dispożizzjonijiet inkwistjoni bħala atti ta’ portata ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata.

64.

Madankollu, nikkunsidra li, f’każ speċifiku bħal dak fil-kawża ineżami, għandha tiġi żgurata l-possibbiltà għal operatur bħal Jiangsu li, kif jirriżulta mill-punti 45sa 47 u 50 iktar ’il fuq, ma għandux il-possibbiltà li jikkontesta dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE li jikkontesta l-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod inċidentali.

65.

Fil-fatt, il-prinċipju ġenerali, imfakkar fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42, li l-Artikolu 277 TFUE huwa espressjoni tiegħu, huwa intiż sabiex jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, bl-għan li tikseb l-annullament ta’ att li jikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti preċedenti tal-istituzzjonijiet, li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex dritt tippreżenta rikors dirett kontra dawn l-atti, skont l-Artikolu 263 TFUE, li hija b’dan il-mod iġġarrab il-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma tkun setgħet titlob l-annullament tagħhom. Fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju ġenerali għandu japplika f’każ bħal dak fil-kawża ineżami, kif deskritt fil-punt preċedenti. Minn dan isegwi li, minkejja l-iżball ta’ liġi msemmi fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-possibbiltà għal Jiangsu li tikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità hija fil-fehma tiegħi korretta.

66.

Finalment, fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni wkoll, dejjem sussidjarjament, li l-motiv uniku mqajjem fl-ewwel istanza minn Jiangsu huwa ineffettiv sa fejn huwa dirett kontra dispożizzjonijiet li ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tar-Regolament kontenzjuż. Dan ir-regolament huwa, fil-fatt, ibbażat fuq l-Artikoli 8 tar-regolament bażiku antidumping u 13 tar-regolament bażiku antisussidji. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet isostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-motiv uniku mqajjem minn Jiangsu bħala li jinkludi motiv intiż li jsostni li r-Regolament kontenzjuż jikser direttament id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi, filwaqt li l-imsemmi rikors ma fihx dan il-motiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita.

67.

Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Kif jirriżulta mill-analiżi testwali tar-rikors fl-ewwel istanza, il-motiv uniku mqajjem minn Jiangsu quddiem il-Qorti Ġenerali huwa espliċitament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 16(5) tar-regolament bażiku antisussidji, flimkien ma’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod żbaljat ir-rikors ta’ Jiangsu u ma ddeċidietx ultra petita. Fir-rigward tan-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, nirrileva li hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn il-motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi u l-imsemmija eċċezzjoni. Fil-fatt l-aċċettazzjoni tal-motiv uniku timplika fil-prinċipju diġà, fiha nfisha, l-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Madankollu, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi u d-dispożizzjonijiet suġġetti għall-eċċezzjoni ta’ illegalità huma marbutin mill-qrib, fis-sens li – fil-viżjoni tal-istituzzjonijiet li l-legalità tagħha hija kkontestata minn Jiangsu – it-tieni jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-ewwel, implimentazzjoni li hija espressa konkretament fir-Regolament kontenzjuż. F’dan il-kuntest huwa għalhekk ċar li Jiangsu qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, lanqas ma hemm dubju li s-sempliċi konstatazzjoni inċidentali tal-illegalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013 li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għal ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi twassal għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż fir-rigward ta’ Jiangsu. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmija eċċezzjoni ma hijiex ineffettiva.

68.

Isegwi minn dan kollu li l-ewwel aggravji mqajma mill-istituzzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

B.   Fuq l-aggravji dwar il-mertu

69.

Permezz tat-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravji mqajma mill-Kummissjoni u permezz tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kunsill, l-istituzzjonijiet jikkontestaw il-mertu tar-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż fir-rigward ta’ Jiangsu. Dawn l-aggravji jistgħu jinqasmu f’żewġ partijiet.

1. Fuq l-aggravji relatati mal-ksur tar-regolament bażiku

70.

It-tieni u t-tielet aggravji tal-Kummissjoni u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kunsill huma diretti kontra l-parti tas-sentenza appellata (punti 115 sa 152) li fiha l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-regolamenti bażiċi ma kinux jikkostitwixxu bażi ġuridika suffiċjenti għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż.

a) Is-sentenza appellata

71.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 115 sa 118, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(10) tar-regolament bażiku antidumping, dawk tal-Artikolu 13(10) tar-regolament bażiku antisussidji, dawk tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u dawk tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku antisussidji ma kinux applikabbli għas-sitwazzjoni tal-kawża ineżami.

72.

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu l-uniċi li jirregolaw, fir-regolamenti bażiċi, il-kwistjoni tal-impożizzjoni ratione temporis tad-dazji antidumping u antisussidji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant kien miksur jew irtirat u li s-sitwazzjoni fil-kawża ineżami ma kienet tikkorrispondi għal ebda waħda mill-ipoteżijiet espressament previsti mir-regolamenti bażiċi f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien meħtieġ li jiġi evalwat jekk ma kinitx teżisti bażi ġuridika oħra għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż ( 35 ).

73.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkunsidrat li jirriżulta mill-istruttura u l-għanijiet tar-regolamenti bażiċi, minn naħa, li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jilleġiżla fir-rigward tal-proċeduri li jistgħu jintużaw sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ rtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ impenn mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-intenzjoni tal-leġiżlatur twettqet permezz tal-imsemmija (żewġ koppji ta’) dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali għalhekk eskludiet li s-setgħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jeżiġu, fil-kuntest ta’ din il-kompetenza ta’ implimentazzjoni tar-regolamenti bażiċi, il-ħlas mill-impriżi kkonċernati tad-dazji kollha dovuti abbażi tat-tranżazzjonijiet koperti minn fatturi relatati mal-impenn li fil-frattemp ġew invalidati, tista’ tkun ibbażata fuq dispożizzjonijiet oħra tar-regolamenti bażiċi ( 36 ).

74.

B’mod partikolari fil-punt 138 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eskludiet li tali setgħa tista’ tiġi dedotta mill-kliem tal-Artikolu 8(9) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(9) tar-regolament bażiku antisussidji, li jipprevedu li d-dazji japplikaw awtomatikament wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenji. Skont il-Qorti Ġenerali, tali applikazzjoni awtomatika hija prevista esklużivament fil-limiti espressament stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq. Fil-punti segwenti 139 sa 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet l-argumenti l-oħra mressqa mill-istituzzjonijiet

b) L-argumenti tal-partijiet

75.

L-istituzzjonijiet jikkontestaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi u l-konklużjoni li ma hemmx bażi ġuridika f’dawn ir-regolamenti għall-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjonijiet imwettqa bi ksur tal-impenn qabel l-irtirar formali tiegħu. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat kompletament il-bidliet li saru fis-sistema ta’ impenji li jirriżultaw mill-emendi introdotti bir-Regolament Nru 461/2004 ( 37 ).

76.

Fl-ewwel lok ( 38 ), l-istituzzjonijiet jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-parti fejn ikkwalifikat, fil-kawża ineżami, il-ġbir tad-dazji fuq l-imsemmija importazzjonijiet bħala “retroattiv”. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma tipprovdi ebda motivazzjoni fir-rigward ta’ din l-allegata retroattività. Min-naħa l-oħra, din is-suppożizzjoni tikser il-kunċett ta’ retroattività kif interpretat fil-ġurisprudenza ( 39 ) u tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 10(1) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 16(1) tar-regolament bażiku antisussidji.

77.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill ( 40 ), issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1), (9) u (10), u tal-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping, kif ukoll tal-Artikolu 13(1), (9) u (10), u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku antisussidji. Tali dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi, kif jirriżultaw mill-emendi introdotti mir-regola antidumping permezz tar-Regolament Nru 461/2004, jipprovdu bażi ġuridika suffiċjenti għall-ġbir ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet li għalihom ġie kkonstatat il-ksur tal-impenn.

78.

Jiangsu tikkontesta dawn l-aggravji. Fl-ewwel lok, ir-Regolament kontenzjuż jimponi d-dazji retroattivament, u b’hekk imur lil hinn minn dak li jippermettu r-regolamenti bażiċi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li dawn ir-regolamenti ma jikkostitwixxux bażi ġuridika suffiċjenti għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament kontenzjuż.

79.

Fit-tieni lok, fil-każ ta’ ksur tat-termini ta’ impenn, jirriżulta mill-Artikoli 8(9) u 13(9) rispettivament tar-regolament bażiku antidumping u tar-Regolament antisussidji bażiku li d-dazji li ma kinux japplikaw bħala konsegwenza tal-aċċettazzjoni tal-impenn japplikaw awtomatikament għall-importazzjonijiet magħmula mid-data li fiha l-impenn ikun ġie rtirat u mhux għal importazzjonijiet preċedenti. Skont Jiangsu, bħalma kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, fis-sistema maħluqa mir-regolamenti bażiċi, id-dazji għal ksur tal-impenji ma jistgħux jiġu imposti retroattivament lil hinn mil-limiti proċedurali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 preċedenti. Id-dritt tal-Unjoni ma jawtorizza bl-ebda mod lill-Kummissjoni sabiex tinvalida l-fatturi u tordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazji retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fl-assenza tar-reġistrazzjoni u tal-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji. Skont Jiangsu, l-emendi magħmula fl‑2004 kellhom biss bħala għan, minn naħa, li jippermettu l-irtirar ta’ impenn u l-applikazzjoni tad-dazju permezz ta’ att ġuridiku wieħed bit-tmiem tal-proċeduri doppji onerużi preċedentement fis-seħħ li kienu jipprevedu l-intervent kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, li jiffissaw skadenzi obbligatorji għat-tlestija tal-investigazzjonijiet dwar preżunt ksur tal-impenji.

c) Analiżi ġuridika

80.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sistema ta’ impenji stabbilita mill-Artikolu 8 tar-regolament bażiku antidumping u mill-Artikolu 13 tar-regolament bażiku antisussidji, jirriżulta mill-paragrafu 1 ta’ dawn l-artikoli li, meta tiġi kkonstatata b’mod provviżorju l-eżistenza, rispettivament, ta’ dumping jew ta’ sussidju u ta’ dannu, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-offerta ta’ impenn ta’ esportatur, sakemm hija tqis li b’hekk jiġi eliminat id-dannu ( 41 ).

81.

L-effetti tal-aċċettazzjoni tal-impenn huma rregolati b’mod espliċitu fit-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjonijiet. Dawn is-subparagrafi jipprevedu li, f’dan il-każ, u għall-perijodu kollu li fih ikunu fis-seħħ l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni, jew, jekk ikun il-każ, id-dazji definittivi, ma japplikawx għall-importazzjonijiet relattivi tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-kumpanniji indikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha jiġu aċċettati l-impenji ( 42 ).

82.

Il-paragrafu 9 ta’ dawn l-artikoli tar-regolamenti bażiċi jirregola s-sitwazzjonijiet ta’ ksur jew ta’ rtirar ta’ impenn minn waħda mill-partijiet li kkonkludewh, jew tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li, f’każijiet bħal dawn, l-aċċettazzjoni tal-impenn tiġi rtirata mill-Kummissjoni u japplikaw (awtomatikament) ( 43 ) id-dazji (antidumping jew kumpensatorji) provviżorji, jew kif inhu rilevanti għall-kawża ineżami, dawk definittivi imposti mill-Kummissjoni.

83.

Dawn id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi, fil-forma attwali tagħhom, jirriżultaw minn riforma mwettqa mir-Regolament Nru 461/2004, iċċitat iktar ’il fuq.

84.

F’dawn il-kawżi, il-kwistjoni ċentrali tirrigwarda l-portata eżatta tal-effetti tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, b’mod partikolari f’każ ta’ ksur ta’ dan l-impenn mill-impriża li tkun ikkonkludietu. Din id-domanda timponi li tiġi ċċarata l-portata tad-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 8(9) tar-regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13(9) tar-regolament bażiku antisussidji, li skonthom, f’każ bħal dan, id-dazju (antidumping u kumpensatorju) definittiv stabbilit mill-Kummissjoni “għandu japplika” awtomatikament. Il-kjarifika tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, wara dan l-irtirar, id-dazji definittivi diġà stabbiliti japplikawx ab initio għall-importazzjonijiet tal-esportatur relatati mal-impenn miksur sa mill-mument tal-impożizzjoni tad-dazju definittiv (it-teżi tal-istituzzjonijiet) jew biss għall-importazzjonijiet imwettqa wara l-irtirar formali tal-impenn (it-teżi ta’ Jiangsu, adottata mill-Qorti Ġenerali).

85.

Il-kwistjoni għandha effett fundamentali fuq id-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament kontenzjuż, jiġifieri l-Artikolu 2, peress li, fil-każ li, kif issostni Jiangsu, id-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi japplikaw biss għall-futur, jiġifieri biss għall-importazzjonijiet imwettqa mill-mument li fih il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tinvalida l-fatturi relatati mal-impenn fir-rigward tal-importazzjonijiet preċedenti għall-irtirar u ma setgħetx, fl-assenza ta’ bażi ġuridika f’dan ir-rigward, tordna l-ġbir tad-dazji antidumping u kumpensatorji bħal dawk imposti fir-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013.

86.

F’dan il-kuntest għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod speċifiku d-dispożizzjonijiet, inklużi fl-Artikolu 8(9) tar-regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku antisussidji. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 44 ). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 45 ).

87.

Minn perspettiva letterali, il-qari tad-dispożizzjonijiet fil-kawża ineżami ma jippermettix li tiġi deċiża b’mod deċiżiv il-kwistjoni ċentrali msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq, jiġifieri jekk, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, id-dazji definittivi japplikawx ab initio jew japplikaw biss għall-importazzjonijiet ta’ wara l-irtirar. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li d-dazji japplikaw (awtomatikament), mingħajr speċifikazzjonijiet oħra.

88.

Minn perspettiva letterali, madankollu, qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) (li jipprevedi li “għandu jiġi impost” id-dazju definittiv mill-Kummissjoni), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) (li jipprevedi li matul il-perijodu kollu li l-impenn ikun fis-seħħ, id-dazji definittivi “ma għandhomx japplikaw” għall-importazzjonijiet ikkonċernati), kif ukoll tal-Artikolu 8(9) tar-regolament bażiku antidumping (li jipprevedi li f’każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn id-dazju għandu “japplika awtomatikament”) jidher li huwa assolutament kompatibbli ma’ interpretazzjoni li skontha l-applikazzjoni tad-dazju definittiv “impost” inizjalment tiġi sospiża minħabba l-aċċettazzjoni tal-impenn (“ma għandux japplika”). Fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni minħabba ksur ta’ dan l-impenn, din is-sospensjoni ma tibqax iktar iġġustifikata għall-importazzjonijiet b’rabta mal-ksur, li għalihom għalhekk japplika awtomatikament id-dazju diġà impost, li l-applikazzjoni tiegħu kienet sospiża. L-istess raġunament japplika għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolament bażiku antisussidji.

89.

Tajjeb ukoll li tiġi kkunsidrata l-oriġini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li dwarha l-partijiet iddiskutew ampjament. Kif diġà ntqal, il-verżjonijiet rilevanti fil-kawżi ineżami tad-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 8(1) u (9) tar-regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13(1) u (9) tar-regolament bażiku antisussidji jirriżultaw mir-riforma mwettqa permezz tar-Regolament Nru 461/2004.

90.

F’dan il-kuntest, hija rilevanti l-premessa 18 tar-Regolament Nru 461/2004 li tinkludi elementi ta’ interpretazzjoni rilevanti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-regolament u li sussegwentement ġew ikkonfermati f’verżjonijiet suċċessivi tar-regolamenti bażiċi ( 46 ).

91.

Minn din il-premessa jirriżulta li r-riforma kellha l-għan li tissemplifika proċedura kumplessa li, fil-każ tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, kienet tipprevedi l-adozzjoni ta’ żewġ atti ġuridiċi, wieħed mill-Kummissjoni (l-irtirar) u wieħed mill-Kunsill (l-impożizzjoni tad-dazji).

92.

Madankollu, minn qari bir-reqqa ta’ din il-premessa jirriżulta li r-riforma effettivament wasslet għal bidla sostanzjali. Filwaqt li fis-sistema preċedenti, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, id-dazju kien “stabbilit mill-ġdid” mill-Kunsill, fis-sistema ta’ wara r-riforma d-dazju jeżisti diġà u hija s-sempliċi applikazzjoni tiegħu li hija rrikonoxxuta permezz tal-att uniku l-ġdid tal-Kummissjoni. Minn dan isegwi li jekk fis-sistema preċedenti, kien ċar li d-dazju, li kellu jiġi stabbilit u għalhekk ma kienx jeżisti fil-mument tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, ma setax jiġi applikat oġġettivament għall-importazzjonijiet imwettqa qabel dan l-irtirar (peress li ma hijiex lanqas istituzzjoni), dan ma għadux il-każ fis-sistema ta’ wara r-riforma. Fis-sistema ta’ wara r-riforma, id-dazju diġà jeżisti u hija s-sempliċi applikazzjoni tiegħu li, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, hija rrikonoxxuta minn dan l-att uniku.

93.

Minn dan isegwi li l-oriġini tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tidher li hija mhux biss kompatibbli mal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, iżda tidher li pjuttost timmilita favur tali interpretazzjoni.

94.

F’dak li jirrigwarda mbagħad l-analiżi tal-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, dan kellu rwol fundamentali fl-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ bażi ġuridika fir-regolamenti bażiċi għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż essenzjalment fuq il-konstatazzjoni li l-kwistjoni mqajma fil-kawża ineżami – jiġifieri, fil-fehma tagħha, “l-impożizzjoni tad-dazji antidumping u antisussidji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant kien miksur jew irtirat” – hija rregolata esklużivament mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi msemmija fil-punti 71 iktar ’il fuq, jiġifieri l-Artikoli 8(10) u 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikoli 13(10) u 16(5) tar-Regolament bażiku antisussidji ( 47 ). Huwa fuq din il-bażi li l-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq.

95.

Ir-raġunament żviluppat f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali madankollu ma jikkonvinċinix.

96.

F’dan ir-rigward, nosserva, qabel kollox, li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali ma ssib, fil-fehma tiegħi, ebda bażi fil-premessi tar-regolamenti bażiċi msemmija fil-punti 133 sa 136 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel lok, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dawn il-premessi ma jistgħux jirreferu għall-emendi introdotti bir-riforma implimentata bir-Regolament Nru 461/2004 sa fejn dawn kienu diġà preżenti fir-regolamenti bażiċi qabel din ir-riforma. Partijiet minnhom madankollu jirreferu għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq u jipprovdu interpretazzjoni prinċipali f’dan ir-rigward.

97.

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(10) tar-regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(10) tar-regolament bażiku antisussidji rispettiv, bħalma jirriżulta rispettivament mill-premessi 14 u 12 tar-regolamenti bażiċi, dawn japplikaw espliċitament f’żewġ każijiet: fil-każ ta’ “ksur sospett” jew “fejn ikun hemm bżonn ta’ aktar investigazzjoni biex tissupplimenta dak li nstab”. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji f’dawn il-każijiet. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dawn ma jirregolawx l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping u antisussidji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant ġie miksur u rtirat ( 48 ). Dawn huma sempliċement dispożizzjonijiet li, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, jippermettu li jiġu imposti miżuri provviżorji fuq bażi, wieħed jista’ jgħid, “kawtelatorja”. Bħala prova li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirregolawx l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji, huwa l-fatt li dawn ma jinstabux fl-artikoli tar-regolamenti ddedikati għar-retroattività, jiġifieri l-Artikolu 10 tar-regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 16 tar-regolament bażiku antisussidji. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux iwettqu “l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jilleġiżla fir-rigward tal-proċeduri li jistgħu jintużaw sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ rtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ impenn” ( 49 ).

98.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku antisussidji rispettiv jirregolaw minflok b’mod espliċitu l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji f’każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenn. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu, b’mod eċċezzjonali u minħabba l-ksur jew l-irtirar tal-impenn, li jiġu applikati b’mod retroattiv id-dazji definittivi, għal importazzjonijiet imwettqa qabel l-impożizzjoni tad-dazji provviżorji, b’limitu ta’ 90 jum u bil-kundizzjoni li dawn l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu eċċezzjonalment minħabba l-ksur jew l-irtirar tal-impenn li jiġu applikati d-dazji definittivi mhux biss qabel il-mument tal-impożizzjoni tagħhom, iżda ferm qabel, saħansitra 90 jum qabel l-applikazzjoni tad-dazji provviżorji. Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss ma jipprekludux l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (9) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(1) u (9) tar-regolament bażiku antisussidji msemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq, iżda jidhru li pjuttost jimmilitaw favur tali interpretazzjoni. Fil-fatt, huma jippermettu, f’każ ta’ ksur jew ta’ rtirar tal-impenn, l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji definittivi f’mument ferm preċedenti meta mqabbel mal-mument tal-impożizzjoni tagħhom. Minn perspettiva sistematika isegwi li a fortiori l-imsemmija paragrafi 1 u 9 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ ksur tal-impenn, id-dazji definittivi għandhom jitqiesu li huma applikabbli mill-mument tal-impożizzjoni tagħhom.

99.

Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8(10) u 10(5) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikoli 13(10) u 16(5) tar-regolament bażiku antisussidji li hija inkluża fil-punti 130, 137, 138, 141 u 144 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

100.

Dan premess, l-argument li jwassalni b’mod deċiżiv għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (9) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(1) u (9) tar-regolament bażiku antisussidji fis-sens ta’ dik imsemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq huwa dak teleoloġiku.

101.

Nikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet proposta minn Jiangsu u adottata mill-Qorti Ġenerali għandha bħala konsegwenza t-telf tal-effett utli tas-sistema tal-impenji prevista mir-regolamenti bażiċi, billi tnaqqas b’mod sostanzjali l-konsegwenzi ekonomiċi għall-impriżi li jikkonkludu l-impenn fil-każ ta’ ksur tiegħu. F’dan il-każ, dawn l-impriżi jbatu l-konsegwenzi esklużivament għall-futur u mhux għall-passat. Tali interpretazzjoni tnaqqas sostanzjalment l-effett dissważiv li l-konsegwenzi negattivi għall-ksur tal-impenn għandhom jeżerċitaw fuq l-impriżi li joffruh u għalhekk tnaqqas ħafna l-inċentivi tagħhom li josservaw l-impenji. X’interess jista’ jkollha impriża biex tosserva impenn jekk hija tkun taf li, jekk hija tiksru fi kwalunkwe każ ma jkollha ebda konsegwenza għall-passat?

102.

Għalhekk jiena ma naqbilx ma’ dak iddikjarat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 151 tas-sentenza appellata, li huwa fil-fatt argument ta’ Jiangsu ( 50 ), li skontu l-irtirar tal-impenn huwa, minnu nnifsu, sanzjoni suffiċjentement importanti għall-ksur tiegħu. Għall-kuntrarju, jiena naqbel mal-Kummissjoni meta hija ssostni li, fil-kawża ineżami, il-produttriċi-esportatriċi u l-importatriċi kienu kompletament konxji tal-ksur u li għalhekk ma hemmx lok li dawn jiġu protetti kontra l-impożizzjoni ta’ dazji.

103.

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza diġà enfasizzat b’mod ċar, minn naħa, li l-għan fundamentali mfittex mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi fil-qasam tal-impenji huwa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-effetti dannużi tad-dumping li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dan l-għan huwa bbażat prinċipalment fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-esportatur kif ukoll fuq l-istħarriġ tal-eżekuzzjoni korretta tal-impenn konkluż minnu, fil-kuntest tar-rabta ta’ fiduċja li fuqha hija bbażata l-aċċettazzjoni ta’ tali impenn mill-Kummissjoni ( 51 ).

104.

Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi li, bi tnaqqis sinjifikattiv tal-konsegwenzi f’każ ta’ ksur tal-impenn konkluż, tnaqqas b’mod sostanzjali l-inċentivi sabiex jiġi ssodisfatt l-impenn konkluż u li tikkollabora fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja mal-Kummissjoni hija għalhekk, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-imsemmija ġurisprudenza.

105.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u (9) tar-regolament bażiku antidumping u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u (9) tar-regolament bażiku antisussidji għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dazji antidumping jew kumpensatorji definittivi imposti rispettivament skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku antidumping jew l-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku antisussidji huma sospiżi fir-rigward tal-importazzjonijiet relatati mal-impenn minħabba l-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni. Fil-każ ta’ rtirar mill-Kummissjoni tal-aċċettazzjoni minħabba ksur tal-impenn, din is-sospensjoni ma tidhirx li tibqa’ ġġustifikata għall-importazzjonijiet b’rabta mal-ksur, li għalihom għalhekk japplika awtomatikament id-dazju impost diġà, li l-applikazzjoni tiegħu kienet sospiża. Minn dan isegwi li l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn, wara l-ksur tiegħu, għandu l-effett li jagħmel awtomatikament applikabbli d-dazji definittivi inizjalment imposti fuq l-importazzjonijiet relatati mal-impenn miksur, b’mod li d-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi li jikkonċernaw lil dawn l-importazzjonijiet isiru awtomatikament dovuti ab initio.

106.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ikkontestata mill-argument imressaq minn Jiangsu li skontu, kieku kellha tiġi aċċettata, il-ġbir ab initio tad-dazji definittivi wara l-irtirar tal-impenn ikun possibbli mhux biss f’każ ta’ ksur tal-impenn mill-impriża, iżda wkoll jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza, li tirtira l-impenn għal motivi oħra, bħal pereżempju fil-każ fejn ma jibqax prattikabbli, jew saħansitra fil-każ fejn ikun il-produttur-esportatur innifsu li jkun irid jirtira l-impenn.

107.

F’dan ir-rigward nirrileva li, għalkemm, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ( 52 ), il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddetermina jekk għandhiex tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tal-impenn jew le, jirriżulta mill-istess ġurisprudenza li din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan jimplika li l-konsegwenzi (negattivi) tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandhom ikunu proporzjonati mal-interess li għalih hija eżerċitata din is-setgħa. Fil-kawża ineżami, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 101 sa 104 iktar ’il fuq, il-ġbir ab initio tad-dazji definittivi fuq l-importazzjonijiet relatati mal-impenn miksur, huwa proporzjonat minħabba l-ksur tiegħu mill-impriża li offrietu.

108.

Bħala konklużjoni, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fl-ewwel lok, li, fid-dawl tal-interpretazzjoni proposta fil-punt 105 iktar ’il fuq, fil-kawża ineżami, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn offrut minn Jiangsu minħabba l-ksur tiegħu, ma kien hemm ebda applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping u kumpensatorji u definittivi. Minn dan isegwi li l-punti 129 sa 132, 138 u 141 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u li għandhom jintlaqgħu t-tieni aggravju tal-Kummissjoni u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kunsill.

109.

Fit-tieni lok, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping, kif ukoll tal-Artikolu 13(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 16(5) tar-regolament bażiku antisussidji u għaldaqstant, għandu jintlaqa’ wkoll it-tielet aggravju mqajjem mill-Kummissjoni.

2. Fuq l-aggravji dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità

110.

Permezz tar-raba’ aggravju mqajjem mill-Kummissjoni u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kunsill, l-istituzzjonijiet jikkontestaw il-punti 153 sa 158 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa minn Jiangsu kontra l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013, billi ddikjarat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx fil-kawża ineżami. B’mod partikolari, fil-punt 157 ta’ tali sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat din l-aċċettazzjoni fuq żewġ argumenti billi għamlet riferiment għar-raġunament espost fil-punti 128 sa 140 tal-istess sentenza.

111.

Permezz tal-ewwel argument, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ma jaqgħux taħt il-każijiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet indikati fil-punt 94 iktar ’il fuq, li jirregolaw b’mod esklużiv l-impożizzjoni tad-dazji antidumping u antisussidji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant ġie miksur jew irtirat. F’dan ir-rigward, madankollu, jirriżulta mill-punti 95 sa 99 iktar ’il fuq li din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija, fil-fehma tiegħi, ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Minn dan isegwi li hija ma tistax isservi bħala bażi għall-eċċezzjoni ta’ illegalità. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni argument żviluppat fl-istess punt tas-sentenza appellata bbażat fuq l-istruttura ġenerali tar-regolamenti bażiċi. Dan l-argument huwa bbażat ukoll fuq l-analiżi magħmula preċedentement mill-Qorti Ġenerali, ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

112.

Minflok, nikkunsidra li, kif sostnut mill-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità taqa’ fil-kuntest tas-setgħa li jiġu stabbiliti fir-regolament li jimponi d-dazji antidumping jew kumpensatorji l-“elementi l-oħra” relatati mal-ġbir ta’ dawn id-dazji, kif previst mill-Artikolu 14(1) tar-regolament bażiku antidumping, kif ukoll l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku antisussidji, kif interpretati mill-ġurisprudenza ( 53 ).

113.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-raba’ aggravju mqajjem mill-Kummissjoni u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kunsill għandhom jintlaqgħu u li għaldaqstant is-sentenza appellata għandha tiġi annullata fit-totalità tagħha.

VI. Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

114.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

115.

Jiena naħseb li dan huwa l-każ f’din il-kawża. Jirriżulta fil-fatt mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u b’mod partikolari mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (9) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(1) u (9) tar-regolament bażiku antisussidji li jiena pproponejt fil-punt 105 iktar ’il fuq, li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-motiv uniku mqajjem minn Jiangsu fl-ewwel istanza rigward il-ksur tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(1), (9),u (10) u tal-Artikolu 16(5) tar-regolament bażiku antisussidji, fuq il-bażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013 għandu jiġi miċħud.

VII. Fuq l-ispejjeż

116.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni u l-Kunsill talbu l-kundanna għall-ispejjeż, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Jiangsu, il-parti telliefa, għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

VIII. Konklużjoni

117.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Lulju 2020, Jiangsu Seraphim Solar System vs Il‑Kummissjoni (T‑110/17, EU:T:2020:315), hija annullata;

ir-rikors ippreżentat minn Jiangsu Seraphim Solar System Co Ltd quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑110/17 huwa miċħud;

Jiangsu Seraphim Solar System Co Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel istanza, kif ukoll fil-proċedura tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Dawn iż-żewġ kawżi ngħaqdu permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2021.

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146 tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2016, L 333, p. 4)

( 4 ) ĠU 2016, L 176, p. 21.

( 5 ) ĠU 2016, L 176, p. 55

( 6 ) Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi huma, essenzjalment, identiċi għal dawk li jinsabu, rispettivament, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), applikabbli fid-data tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping inkwistjoni, kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), applikabbli fid-data tal-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji inkwistjoni. Konsegwentement, għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-appelli, bħal fis-sentenza appellata, sejjer isir riferiment għar-regolamenti bażiċi, ħlief jekk ir-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009 ivarjaw jew jekk il-kuntest jeżiġi dan.

( 7 ) Ara r-riferimenti għall-punt 2 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 209, p. 26).

( 9 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).

( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).

( 11 ) Ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 12 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2013, L 325, p. 214, rettifika fil-ĠU 2014, L 104, p. 82).

( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Għal eżempji ta’ kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-invalidazzjoni ta’ fatturi, ara, inter alia, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France (C‑80/20, EU:C:2021:870) jew is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849, b’mod partikolari, il-punt 21).

( 15 ) Ara l-premessa 32 u, bil-maqlub, l-aħħar sentenza tal-premessa 33 tar-Regolament kontenzjuż.

( 16 ) Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, Usha Martin vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑119/06, EU:T:2010:369), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012 (Usha Martin vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑552/10 P, EU:C:2012:736).

( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5556 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punti 9192 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, iktar ’il quddiem: is- “sentenza Canadian Solar”).

( 18 ) Jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi. Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 19 ) Ara l-punt 64 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑205/16 P, EU:C:2017:840, iktar ’il quddiem: is-“sentenza SolarWorld”) u s-sentenza Canadian Solar Emea ċċitata fin-nota 17 iktar ’il fuq.

( 21 ) Ara, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 39) u, reċentement, tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA (C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 37), kif ukoll il-ġurisprudenza l-oħra ċċitata fil-punt 56 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Dwar id-differenza neċessarja fl-effetti bejn il-konstatazzjoni inċidentali tal-illegalità u s-sentenza ta’ annullament, ara r-riflessjonijiet rilevanti li jinsabu fil-paġna 195 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-Kawżi magħquda Kortner et vs Il‑Kunsill et (minn 15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, minn 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u minn 135/73 sa 137/73, mhux ippubblikati, EU:C:1973:164).

( 24 ) Ara l-punti 44, 55 u 57 tas-sentenza SolarWorld. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, adotta miżuri ta’ difiża kummerċjali li jikkostitwixxu assjem jew “pakkett”. Fil-fatt, l-imsemmi regolament jimponi żewġ miżuri distinti u kumplementari, intiżi sabiex jilħqu riżultat komuni, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tas-sussidju Ċiniż marbut mal-prodotti kkonċernati filwaqt li jippreżervaw l-interess ta’ din l-industrija.

( 25 ) Ara l-punt 38 tas-sentenza SolarWorld u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 26 ) Ara l-punt 64 tas-sentenza Canadian Solar.

( 27 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56 u Canadian Solar (punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 28 ) Huwa preċiżament fis-sentenza Canadian Solar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li motiv ta’ annullament huwa inammissibbli minħabba l-assenza ta’ interess ġuridiku meta, anki jekk jitqies li dan il-motiv huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent. Ara l-punt 93 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 29 ) Ara s-sentenza SolarWorld, punt 38 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 30 ) Jiangsu ssostni li s-sentenza SolarWorld u Canadian Solar kienu jirreferu b’mod ġenerali għall-Artikoli 3 u 2 rispettivament tar-Regolamenti Nri 1238/2013 u 1239/2013 u mhux speċifikament għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dawn l-artikoli, li madankollu huma separabbli mill-kumplament tal-artikolu. L-istituzzjonijiet jikkontestaw dan il-qari tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

( 31 ) F’dan ir-rigward, ara, inter alia, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 293 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Solar World punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni (37/71, EU:C:1972:57, punti 11u 12) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Spanja vs Il‑Kunsill (C‑442/04, EU:C:2008:58, paragrafu 83).

( 33 ) F’dan ir-rigward, barra min-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar 'il fuq, ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Spanja vs Il‑Kunsill (C‑442/04, EU:C:2008:58, punt 83).

( 34 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Ferracci (minnC‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara l-punti 119 u 130 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Ara l-punti minn 132 sa 137 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat‑8 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta’ oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150).

( 38 ) Ara t-tieni aggravju tal-Kummissjoni u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kunsill li huma intiżi kontra l-punti 119, minn 129 sa 132, 138, minn 140 sa 147 u 151 tas-sentenza appellata.

( 39 ) L-istituzzjonijiet jagħmlu riferiment għas-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 78) u s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International (C‑612/16, mhux ippubblikata, EU:C:2019:508, punti 52 sa 58).

( 40 ) Ara t-tielet aggravju fil-Kawża C‑439/20 intiż kontra l-punti 119, minn 130 sa 138, minn 140 sa 147 u 151 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Għaldaqstant l-impenn huwa bħala prinċipju aċċettat qabel l-impożizzjoni tad-dazju antidumping jew kumpensatorju definittiv.

( 42 ) Korsiv miżjud minni.

( 43 ) Fir-realtà, huwa biss l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping li juża l-avverbju “awtomatikament”.

( 44 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara, finalment, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, SR (Spejjeż ta’ traduzzjoni fi proċedura ċivili) (C‑196/21, EU:C:2022:427, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Din il-premessa tistabbilixxi li “[l]-Artikolu 8(9) tar-Regolament Bażiku kontra ddumping [preċedentement fis-seħħ] jistipula, inter alia, li fil-każ ta’ l-irtitar ta’ garanziji minn xi parti, għandu jiġi impost dritt definittiv skond l-artikolu 9 fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni li wasslet għall-garanziji. Din id-disposizzjonijiet ħolqot proċeduri doppji li jtellfu l-ħin, li jikkonsistu kemm f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija u Regolament tal-Kunsill li jerġa’ jimponi dak id-dritt. Meta wieħed iqis li din id-disposizzjoni ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lill-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ dritt li għandu jiġi impost wara l-ksur jew l-irtirar ta’ garanzija jew dwar il-livell tahħha, hu kkunsidrat xieraq li jiġu mmodifikati l-Artikoli 8(1), (5) u (9) biex tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u biex tippermett li l-irtirar ta’ garanzija u l-applikazzjoni tad-dritt jsiru b’att legali wieħed”. Għalhekk nikkunsidra li hija żbaljata ċ-ċaħda tar-rilevanza ta’ din il-premessa mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 144 tas-sentenza appellata.

( 47 ) Ara l-punti 130, 137 u 141 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Ara l-punt 130 tas-sentenza appellata.

( 49 ) Ara l-punt 137 tas-sentenza appellata.

( 50 ) Ara l-punt 151 tas-sentenza appellata li jirreferi għall-punt 125 tagħha.

( 51 ) Ara, b’riferiment għall-Artikolu 8 tar-regolament bażiku antidumping, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Usha Martin vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑552/10 P, EU:C:2012:736, punt 36 b’rabta mal-punt 24).

( 52 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Usha Martin vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑552/10 P, EU:C:2012:736, punt 32).

( 53 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 14(1) tar-regolament bażiku antidumping, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 57 sa 60).

Top