EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0395

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2021.
EP u GM vs Corendon Airlines Turistik Hava Tasimacilik A.S.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza lill‑passiġġieri fil‑każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 2(l) – Artikolu 5(1) – Bidla fil-ħin tat-tluq ta’ titjira – Tluq pospost b’madwar tliet sigħat – Informazzjoni lill-passiġġieri disat ijiem qabel it-tluq – Kunċetti ta’ ‘kanċellazzjoni’ u ta’ ‘dewmien’.
Kawża C-395/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:761

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑395/20

EP,

GM

vs

Corendon Airlines Turistik Hava Tasimacilik A.S.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Bidla fil-ħin tat-tluq ta’ titjira – Tluq pospost bi kważi tliet sigħat – Informazzjoni lill-passiġġieri disat ijiem qabel it-tluq – Kunċetti ta’ ‘kanċellazzjoni’ u ta’ ‘offerta ta’ rotta differenti’”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tissottometti żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(l), tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiggieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, EP u GM (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri inkwistjoni”), żewġ passiġġieri tal-ajru, u, min-naħa l-oħra, Corendon Airlines Turistik Hava Taşımacılık A.Ş. (iktar ’il quddiem “Corendon Airlines”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri minħabba l-iskedar mill-ġdid tal-ħin tat-tluq inizjalment skedat tat-titjira tagħhom. Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ġuridiċi bla preċedent u kumplessi, li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwarhom. Dawn il-kwistjonijiet jirrigwardaw, minn naħa, il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali skedar mill-ġdid tal-ħin ta’ titjira u, min-naħa l-oħra, it-tifsira li għandha l-informazzjoni kkomunikata lill-passiġġier f’dan ir-rigward, li tista’ eventwalment titqies li hija “offerta ta’ rotta ġdida” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004.

3.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda l-punt jekk l-iskedar mill-ġdid tal-ħin ta’ titjira jikkostitwixxix “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 261/2004

4.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(l) ‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

6.

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dewmien”, jaqra kif ġej:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)

għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)

għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)

l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)

meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)

meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

7.

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat, “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

[…]

2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

[…]

(b)

b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

[…]

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.”

8.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

2.   Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejn dan id-dritt iqum taħt id-[Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132)].

[…]”

B.   Ir-Regolament (KE) Nru 1033/2006

9.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 tal‑4 ta’ Lulju 2006 li jistipula r-rekwiżiti dwar il-proċeduri ta’ pjanijiet għal titjiriet fil-fażi ta’ qabel it-titjira għall-ajru uniku Ewropew ( 3 ), jipprovdi, fl-Artikolu 2(2) tiegħu:

“Minbarra d-definizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

10)

‘elementi essenzjali ta’ pjan għal titjira’, l-elementi li ġejjin ta’ pjan għal titjira:

[…]

d) ħin stmat tat-tluq

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Il-passiġġieri inkwistjoni rriżervaw pakkett tal-ivvjaġġar għal Antalya (it-Turkija) permezz tal-pjattaforma tal-internet “Check24”. Ir-riżervazzjoni tagħhom ġiet ikkonfermata minn Corendon Airlines għal titjira fit‑18 ta’ Mejju 2019 minn Düsseldorf (il-Ġermanja) għal Antalya b’ħin tat-tluq skedat għas-13.20 u b’ħin tal-wasla skedat għall-17.50.

11.

Sussegwentement, Corendon Airlines ipposponiet din it-titjira u ffissat il-ħin tat-tluq il-ġdid għall-16.10 fit‑18 ta’ Mejju 2019, u informat lill-passiġġieri inkwistjoni b’dan fit-termini previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004. Peress li l-imsemmija titjira ġarrbet dewmien, it-tluq seħħ fil-17.02 u l-inżul fid-21.30, fit‑18 ta’ Mejju 2019.

12.

Kull wieħed mill-passiġġieri inkwistjoni talab kumpens mingħand Corendon Airlines fl-ammont ta’ EUR 400, taħt l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Corendon Airlines irrifjutat li tikkumpensa lill-imsemmija passiġġieri.

13.

L-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors tal-passiġġieri inkwistjoni. Dik il-qorti kkonstatat, minn naħa, li għalkemm il-ħin tat-tluq tat-titjira kien inbidel, il-programmazzjoni inizjali ta’ din it-titjira ma kinitx ġiet abbandunata. Min-naħa l-oħra, dawn il-passiġġieri, fi kwalunkwe każ, kienu ġew informati bil-bidla fil-ħin tat-tluq fit-terminu previst fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tal-imsemmi regolament, li huwa bejn ġimagħtejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti rrilevat li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk Corendon Airlines kinitx issodisfat l-obbligu ta’ informazzjoni tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, peress li eventwali ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni ma jagħtix lok għal dritt għal kumpens taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

14.

Peress li l-passiġġieri inkwistjoni appellaw mis-sentenza tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), din il-qorti tal-aħħar tirrileva li l-imsemmija sentenza ma tkunx tista’ tiġi kkonfermata jekk l-iskedar mill-ġdid bi kważi tliet sigħat ifisser li t-titjira ġiet ikkanċellata fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament u jekk il-komunikazzjoni dwar l-iskedar mill-ġdid ma tikkostitwixxix offerta ta’ rotta ġdida taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament.

15.

Għaldaqstant, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ikun hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-punt l tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 261/2004] meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jiskeda mill-ġdid it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mit-tluq skedat fis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata?

2)

In-notifika, li tiġi kkomunikata disat ijiem qabel il-bidu tal-vjaġġ, dwar l-iskedar mill-ġdid tat-titjira mis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata tikkostitwixxi offerta ta’ rotta differenti fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004 u, jekk tingħata risposta fl-affermattiv, din l-offerta għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tar-[Regolament Nru 261/2004]?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, iddatata t‑3 ta’ Awwissu 2020, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2020.

17.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

18.

Matul il-laqgħa ġenerali tas‑27 ta’ April 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V. Analiżi ġuridika

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

19.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk ikunx hemm “kanċellazzjoni” ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jiskeda mill-ġdid il-ħin tat-tluq ta’ titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata.

20.

Il-“kanċellazzjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

21.

Peress li din id-definizzjoni hija bbażata fuq il-fatt tan-“nuqqas ta’ operazzjoni” ta’ titjira, għandu jiġi eżaminat, f’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “titjira”, li, fl-assenza ta’ definizzjoni mill-istess regolament, ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, “titjira” tikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni ta’ trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, magħmula minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tagħha ( 4 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li r-rotta tikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, peress li din tal-aħħar issir skont programmazzjoni stabbilita minn qabel mit-trasportatur tal-ajru ( 5 ).

22.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li t-titjiriet ikkanċellati u t-titjiriet li jġarrbu dewmien jikkostitwixxu żewġ kategoriji ta’ titjiriet distinti ħafna. Fil-fatt, b’differenza mid-“dewmien ta’ titjira”, il-“kanċellazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, hija l-konsegwenza tal-fatt li titjira inizjalment skedata ma tkunx saret. Għalhekk mir-Regolament Nru 261/2004 ma jistax jiġi dedott li titjira li ġġarrab dewmien tista’ tiġi kklassifikata bħala “titjira kkanċellata” minħabba s-sempliċi fatt li d-dewmien ġie mtawwal, anki jekk b’mod sinjifikattiv. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li titjira li ġġarrab dewmien, indipendentement mit-tul tad-dewmien, ma tistax titqies li hija titjira kkanċellata meta jkun hemm tluq skont il-programmazzjoni inizjalment skedata ( 6 ).

23.

Bħall-Gvern Ġermaniż u bħall-Kummissjoni, jidhirli li, f’dan il-każ, il-programmazzjoni inizjalment skedata ma ġietx abbandunata. Għalkemm ir-rotta tikkostitwixxi element essenzjali ta’ titjira, huwa daqstant ieħor minnu li r-rikorrenti ġew effettivament ittrasportati mit-trasportatur tal-ajru u dan, fil-kuntest tat-titjira li huma kienu rriżervaw, minkejja li dan seħħ f’mument sussegwenti. La l-ajruport tat-tluq jew tal-wasla u lanqas in-numru tat-titjira li fuqha ġew ittrasportati l-passiġġieri ma nbidlu. Xejn lanqas ma jindika li t-trasportatur tal-ajru xtaq jirrinunzja b’mod definittiv għall-programmazzjoni inizjalment skedata jew li rrinunzja għaliha. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, għandu jitqies li huwa biss il-ħin tal-istess titjira li ġie skedat mill-ġdid.

24.

Nissimpatizza xi ftit mal-argument tal-Kummissjoni li l-“kanċellazzjoni” ta’ titjira hija kkaratterizzata minn intervent dirett u volontarju tat-trasportatur tal-ajru fil-programmazzjoni, filwaqt li fil-każ ta’ titjira “li ġġarrab dewmien”, il-ħin tat-tluq la jkun previst u lanqas ma jkun dejjem influwenzat minnu. Fil-fatt, avvenimenti li fuqhom huwa ma jkollu ebda influwenza jistgħu sikwit ferm ikollhom impatt fuq it-traffiku tal-ajru, billi jirrendu neċessarja “bidla” fil-programmazzjoni, mingħajr ma dan jimplika “abbandun” sħiħ ta’ din tal-aħħar. It-trasportatur tal-ajru jista’ jirreaġixxi għal avveniment ta’ dan it-tip billi jħabbar ħin tat-tluq sussegwenti għal dak li kien previst fil-bidu. Jidhirli li dan huwa preċiżament dak li jfisser normalment “skedar mill-ġdid tal-ħin tat-tluq” ta’ ajruplan, bħal dak li seħħ f’dan il-każ.

25.

Jidhirli li l-iskedar mill-ġdid fiż-żmien ta’ titjira flimkien maż-żamma tal-istess ajruplan u tar-rotta jikkostitwixxi, skont it-tifsira komuni, “dewmien” u mhux “kanċellazzjoni”. Fil-fehma tiegħi, jekk jitqies li l-iskedar mill-ġdid fiż-żmien b’madwar tliet sigħat ta’ titjira li ma tinbidilx ħlief għal din il-bidla jikkostitwixxi “kanċellazzjoni” flimkien ma’ offerta ta’ għażla ġdida ta’ trasport, dan imur kontra l-esperjenza ġenerali, l-interpretazzjoni abitwali tat-termini u l-istruttura tar-Regolament Nru 261/2004. Dan ikun jammonta għal evalwazzjoni kompletament żbaljata tal-kunċett ta’ “dewmien”, li għalih diġà sar riferiment iktar ’il fuq, favur interpretazzjoni artifiċjali tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”. Fl-assenza ta’ indizji konkreti li jippermettu li jitqies li l-programmazzjoni tat-titjira ġiet effettivament abbandunata mit-trasportatur tal-ajru, għandu jiġi konkluż li din il-programmazzjoni ġiet biss sospiża temporanjament, peress li din sussegwentement tkompliet malli dan kien possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi ( 7 ).

26.

Barra minn hekk, il-fatt li l-iskedar mill-ġdid tħabbar sewwa minn qabel (f’dan il-każ disat ijiem qabel) ma jistax, waħdu, ikollu rwol għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “kanċellazzjoni” jew bħala “dewmien” li għandha tingħata lill-iskedar mill-ġdid. It-tħabbir minn qabel fi żmien xieraq għandu effett fuq il-portata tad-diffikultajiet jew tal-inkonvenjenzi għall-passiġġieri, iżda mhux neċessarjament fuq in-natura tal-iskedar mill-ġdid innifsu.

27.

Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li portata “sinjifikattiva” tad-dewmien fit-tluq u ċ-ċirkustanzi partikolari relatati miegħu jistgħu eventwalment jinfluwenzaw il-klassifikazzjoni bħala “kanċellazzjoni” jew “dewmien”. Skont is-sitwazzjoni, dawn l-elementi jistgħu eventwalment jiġu interpretati bħala indizji ta’ sitwazzjoni li tmur lil hinn minn sempliċi sospensjoni temporanja tal-programmazzjoni tat-titjira.

28.

Issa, dan żgur ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-iskedar mill-ġdid tal-ħin tat-tluq huwa biss ta’ madwar tliet sigħat u, għaldaqstant, għandu pjuttost jitqies li huwa ta’ “portata sekondarja”. Konsegwentement, ma jidhirlix li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan il-każ dwar il-possibbiltà ta’ tali xenarju purament ipotetiku.

B.   Risposta għall-ewwel domanda preliminari

29.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li ma hemmx “kanċellazzjoni” ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jiskeda mill-ġdid biss it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mit-tluq skedat fis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata, u meta għalhekk it-titjira ma tkunx suġġetta għal bidliet oħra ħlief għal din il-bidla.

VI. Konklużjoni

30.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

Ma hemmx kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiggieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jiskeda mill-ġdid biss it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mit-tluq skedat fis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata, u meta għalhekk it-titjira ma tkunx suġġetta għal bidliet oħra ħlief għal din il-bidla.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

( 3 ) ĠU 2006, L 186, p. 46.

( 4 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40).

( 5 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 27).

( 6 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 3334).

( 7 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 37), li minnha jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja xxaqleb lejn interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi diversi ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-qasam tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri li, minkejja l-apparenzi (pereżempju, il-ħin ta’ stennija kif ukoll in-neċessità, għall-passiġġieri kkonċernati, li jqattgħu lejl f’lukanda), ma jiġġustifikawx tali klassifikazzjoni ġuridika.

Top