Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0351

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.
    Liviu Dragnea vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Rapporti ta’ investigazzjoni – Talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet preċedenti mill-OLAF – Applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti – Ittra ta’ rifjut – Artikolu 263 TFUE – Deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata tar-rikorsi – Rikors kontra ittra konfermattiva ta’ rapporti ta’ investigazzjoni tal-OLAF – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 6 u Artikolu 7(2) – Obbligu li l-applikant jiġi informat dwar id-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.
    Kawża C-351/20 P.

    ;

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:625

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

    Kawża C‑351/20 P

    Liviu Dragnea

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Programm operattiv reġjonali Rumen 2007‑2013 – Investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Rapporti dwar l-investigazzjonijiet – Talba lill-Awtorità Nazzjonali tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, sabiex tiftaħ investigazzjonijiet minħabba miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ investigazzjoni nazzjonali – Talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet preċedenti mill-OLAF – Talba għall-aċċess għal fajl u għad-dokumenti – Rifjut – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu setgħat investigattivi estensivi. Ir-Regolament Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF ( 2 ) għalhekk jipprevedi garanziji proċedurali bażiċi għal persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet bħal dawn. Dawn huma maħsuba sabiex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom huma protetti fl-attivitajiet investigattivi tal-OLAF. Ir-raġuni għal dan hija li ma huwiex ikkontestat, li dawn l-investigazzjonijiet jaffettwaw id-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

    2.

    Għall-kuntrarju, huwa kkontestat u, sa fejn jista’ jidher, għadu mhux konklużivament iċċarat jekk u, jekk iva, sa liema punt ir-rapporti finali li l-OLAF ifassal fi tmiem l-investigazzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dan fl-aħħar mill-aħħar ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat fil-kuntest tal-appell preżenti minħabba li din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni f’din il-kawża. Irrispettivament minn jekk l-appellant setax jikkontesta ż-żewġ rapporti tal-OLAF inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikors tiegħu f’dan ir-rigward kien ikun tardiv.

    3.

    Il-kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-appell preżenti, madankollu, tikkonċerna l-kwistjoni relatata mal-aċċess għall-fajls tal-investigazzjoni għal persuna li tikkunsidra lilha nnifisha kkonċernata mill-investigazzjonijiet, iżda ma ġietx ikklassifikata bħala tali mill-OLAF skont it-tifsira tar-Regolament Nru 883/2013. B’mod partikolari, hawnhekk tqum il-kwistjoni dwar kif ser tiġi mfassla l-interazzjoni bejn id-dritt ta’ aċċess għal fajl minn naħa u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament 1049/2001 ( 3 ) min-naħa l-oħra.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Ir-Regolament Nru 883/2013

    4.

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 883/2013 jipprevedi li s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-OLAF iservu sabiex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    5.

    Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013 “‘investigazzjonijiet amministrattivi’ (‘investigazzjonijiet’) […] spezzjoni, kontroll jew miżura oħra meħuda mill-Uffiċċju skont l-Artikoli 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu l u li tiġi stabbilita, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari tal-attivitajiet li jkunu qiegħdin jiġu investigati […]”.

    6.

    Skont il-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013, “persuna kkonċernata” minn investigazzjoni imwettqa mill-OLAF għandha tfisser “kwalunnkwe persuna jew operatur ekonomiku ssuspettat li wettaq frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għalhekk hija soġġetta għal investigazzjoni mill-[OLAF]”.

    7.

    L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 883/2013 jipprevedu li l-OLAF iwettaq investigazzjonijiet esterni fuq il-post fl-Istati Membri, f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali, u investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

    8.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2013 huwa intitolat “Ftuħ ta’ investigazzjonijiet” u l-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu jaqraw kif ġej:

    “(1)   Id-Direttur Ġenerali jista’ jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista’ jkun ukoll ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe pajjiż terz jew informazzjoni anonima, li twettqu atti ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le għandha tqis il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni u l-pjan annwali ta’ ġestjoni tal-Uffiċċju stabbilit f’konformità mal-Artikolu 17(5). Dik id-deċiżjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Uffiċċju u tal-proporzjonalità ta’ mezzi użati. Fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni, għandu jittieħed qies speċifiku tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmluhom, partikolarment abbażi tan-natura tal-fatti, l-impatt finanzjarju attwali jew potenzjali tal-każ, u l-prospettiva ta’ kwalunkwe segwitu ġudizzjarju.

    (2)   Id-deċiżjoni biex tinfetaħ investigazzjoni esterna għandha tittieħed mid-Direttur Ġenerali, li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba minn Stat Membru kkonċernat jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni.

    Id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni interna għandha tittieħed mid-Direttur Ġenerali, li jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija li għandha titwettaq fihom l-investigazzjoni jew minn Stat Membru.

    […]

    (4)   Fi żmien xahrejn minn meta l-Uffiċċju jirċievi t-talba kif imsemmi fil-paragrafu 2, trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le. Hija għandha tkun ikkomunikata mingħajr dewmien lill-Istat Membru, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija li jkunu għamlu t-talba. Għandhom jingħataw raġunijiet għal deċiżjoni li ma tinfetaħx investigazzjoni. Jekk malli jiskadi dak il-perijodu ta’ xahrjen, l-Uffiċċju jkun għadu ma ħa ebda deċiżjoni, l-Uffiċċju għandu jitqies li jkun iddeċieda li ma tinfetaħx investigazzjoni.

    Meta uffiċjal, aġent ieħor, membru ta’ istituzzjoni jew korp, kap ta’ uffiċċju jew aġenzija, jew membru tal-persunal, li jaġixxi skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi informazzjoni lill-Uffiċċju dwar suspett ta’ frodi jew ta’ irregolarità, l-Uffiċċju għandu jinforma lil dik il-persuna bid-deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le b’rabta mal-fatti inkwistjoni.”

    9.

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2013 jelenka garanziji proċedurali favur il-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF. Il-paragrafu 4 jipprevedi b’mod partikolari li kull persuna tingħata l-opportunità li tikkummenta qabel ma jsiru konklużjonijiet li jirrelataw speċifikament magħhom.

    10.

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2013 (“Ir-rapport tal-investigazzjoni u l-azzjoni li għandha tittieħed wara l-investigazzjonijiet”), meta titlesta investigazzjoni mill-OLAF, għandu jitfassal rapport li għandu jagħti rendikont tal-passi proċedurali segwiti, il-fatti stabbiliti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi, u għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni jew le mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    B.   Ir-Regolament Nru 1049/2001

    11.

    L-Artikolu 6 tar-Regolament 1049/2001 huwa intitolat “Applikazzjonijiet” u l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

    “(1) Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.”

    12.

    L-Artikolu 7 tar-Regolament 1049/2001 huwa intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet fil-bidu” u l-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu jaqraw kif ġej:

    “(1)   Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15‑il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    (2)   Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15‑il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

    […]

    (4)   Nuqqas mill-istituzzjoni li tagħti twieġeb fit-terminu preskritt jagħti d-dritt lill-applikant li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.”

    13.

    Il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 (“Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji”), jipprevedi dan li ġej:

    “(1)   Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15‑il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament.

    […]

    (3)   Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

    III. Il-kuntest tal-proċedura ta’ appell

    A.   Il-proċedura quddiem l-OLAF u l-ittra kontenzjuża

    14.

    Fl‑10 ta’ Frar 2015, l-OLAF fetaħ żewġ investigazzjonijiet (OF/2015/0124/B5 u OF/2015/0125/B5) dwar allegazzjonijiet ta’ frodi. Dawn kienu jikkonċernaw żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ toroq. L-awtorità lokali ta’ Teleorman fir-Rumanija kienet tat il-proġetti u ffinanzjathom mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (iktar ’il quddiem “l-investigazzjonijiet preċedenti”) ( 4 ).

    15.

    Fir-rapporti finali tiegħu dwar dawn l-investigazzjonijiet tat‑30 ta’ Mejju (OF/2015/0124/B5) u tas‑16 ta’ Settembru 2016 (OF/2015/0125/B5), l-OLAF sab li kienu twaqqfu żewġ organizzazzjonijiet kriminali u allegatament iffalsifikaw ammonti kbar ta’ dokumenti sabiex jinkisbu illegalment fondi tal-Unjoni.

    16.

    L-OLAF irrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni Ewropea tirkupra l-ammonti kkonċernati; irrakkomanda li l-Awtorità Rumena tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni tiftaħ investigazzjonijiet kriminali dwar ksur tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    17.

    L-OLAF ikklassifika l-awtorità lokali ta’ Teleorman bħala “persuna kkonċernata” mill-investigazzjonijiet preċedenti fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013. Madankollu, l-appellant, Liviu Dragnea, li fiż-żmien meta ġew eżaminati l-fatti kien President ta’ dik l-awtorità, ma kienx ikklassifikat bħala “persuna kkonċernata”.

    18.

    Fit‑13 ta’ Novembru 2017, l-Awtorità Rumena tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni ħabbret il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-appellant għal frodi fir-rigward ta’ fondi tal-Unjoni, it-twaqqif ta’ organizzazzjoni kriminali u abbuż ta’ poter.

    19.

    Fl-istess jum, l-OLAF ippubblika wkoll stqarrija għall-istampa li fih ħabbar il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali nazzjonali kontra l-appellant. F’dan ir-rigward, l-OLAF semma lill-appellant u ġibed l-attenzjoni għall-importanza tal-investigazzjonijiet preċedenti tiegħu għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali mill-awtoritajiet nazzjonali:

    “The Romanian National Anticorruption Directorate (DNA) has accused Liviu Dragnea, the leader of the Romanian Social Democrat Party (PSD), of fraud with European Union (EU) funds, of creating an organised criminal group, and of misusing his position for personal gain. […]

    The contribution of the European Anti-Fraud Office (OLAF) to this outcome has been emphasised by the DNA. The DNA has explained that their case comes as a result of two investigations conducted by the OLAF into projects financed by the European Regional Development Fund for road construction in Romania, which were concluded in May and September 2016.

    […]” ( 5 )

    20.

    Fl‑1 ta’ Ġunju 2018, l-appellant kiteb ittra lill-OLAF li fiha kkritika l-approċċ tal-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjonijiet preċedenti u l-konklużjonijiet tar-rapporti finali. F’xi punti, huwa kkummenta dwar paragrafi individwali ta’ dawn ir-rapporti fid-dettall.

    21.

    Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2018, l-OLAF irrifjuta milli jwieġeb għal dan u milli jikkummenta dwar ir-rapporti finali tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa għamel riferiment għar-regoli ta’ proċedura ġenerali tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura legali tar-rapporti finali, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali u l-investigazzjonijiet pendenti tagħhom.

    22.

    Fit‑22 ta’ Awwissu 2018, l-appellant bagħat ittra oħra lill-OLAF. Fiha, huwa ppreżenta oppożizzjoni għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-OLAF fl-ittra tiegħu tal‑10 ta’ Lulju 2018. Barra minn hekk, huwa reġa’ kkritika r-rapporti finali, il-legalità tal-azzjoni, il-korrettezza tal-konklużjonijiet u l-opinjoni legali tal-OLAF. Barra minn hekk, huwa jsostni li din l-awtorità ma kkonformatx mar-regoli proċedurali. Fl-aħħar, l-appellant talab lill-OLAF sabiex jiftaħ investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti u sabiex jagħtih aċċess għal diversi dokumenti li jinsabu fl-atti proċedurali ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

    23.

    B’ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”), l-OLAF tenna l-opinjonijiet li kien diġà esprima fl-ittra tiegħu tal‑10 ta’ Lulju 2018 u ċaħad it-talbiet tal-appellant. Bħala motivazzjoni, huwa informah li, minn naħa, il-punti mqajma minnu ma ġġustifikawx il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti. Min-naħa l-oħra, l-appellant ma kienx persuna kkonċernata minn dawn l-investigazzjonijiet. Għalhekk, id-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 883/2013 ma japplikawx għalih. L-OLAF irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

    B.   Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    24.

    F’att tal‑11 ta’ Diċembru 2018, l-appellant ippreżenta rikors għall-annullament tal-ittra kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa talab ukoll li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti mitluba fil-proċeduri quddiem l-OLAF.

    25.

    Permezz ta’ att tas‑6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u talbet li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    26.

    F’att tat‑18 ta’ April 2019, l-appellant talab li l-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, teżamina r-rikors fuq il-mertu u tagħtih aċċess għad-dokumenti mitluba.

    27.

    Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2020, Dragnea vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”) ( 6 ), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli u ordnat lill-appellant iħallas l-ispejjeż.

    28.

    Għalkemm it-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza kienu formalment immirati lejn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali fehmet li r-rikors kollu kien immirat lejn l-annullament tal-ittra kontenzjuża, li fiha l-OLAF ċaħad it-talbiet tal-appellant sabiex issir investigazzjoni tal-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti, minn naħa, u għall-ksib tal-aċċess għal dokumenti min-naħa l-oħra ( 7 ). Sussegwentement għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali l-ewwel eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-rifjut tal-OLAF li jagħmel investigazzjoni dwar l-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet preċedenti ( 8 ). Imbagħad eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti mitluba ( 9 ). Bħala riżultat, sabet iż-żewġ talbiet inammissibbli.

    IV. Il-proċedura ta’ appell u t-talbiet tal-partijiet

    29.

    Permezz ta’ att tat‑30 ta’ Lulju 2020, l-appellant ippreżenta appell mid-digriet ikkontestat. Huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet ikkontestat, tiddikjara r-rikors tiegħu fl-ewwel istanza bħala ammissibbli u tikkonstata li l-Kummissjoni

    kisret l-Artikolu 9(1), (2) u (4) tar-Regolament Nru 883/2013 kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tiegħu, id-dritt tiegħu għal smigħ u l-preżunzjoni ta’ innoċenza;

    kisret il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba skont id-dritt tal-Unjoni;

    kisret id-drittijiet tiegħu billi rrifjutat it-talba għal aċċess għad-dokumenti.

    30.

    L-appellant jitlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna miżuri istruttorji u tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti elenkati fl-appell matul il-proċeduri. Fl-aħħar, huwa talab li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

    31.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala infondat, tiċħad it-talba għall-miżuri istruttorji u tordna lill-appellant iħallas l-ispejjeż.

    V. Analiżi

    A.   Fuq l-appell

    32.

    Fl-aggravji tiegħu, l-appellant jikkontesta kemm il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li r-rikors tiegħu fir-rigward tar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti huwa inammissibbli (1) kif ukoll il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li r-rikors tiegħu fir-rigward tar-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti mitluba huwa inammissibbli (2).

    1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors b’rabta mar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti (l-ewwel aggravju)

    33.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talba tar-rikors tal-ewwel istanza intiża għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li tagħmel investigazzjoni tal-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet preċedenti kienet inammissibbli għal tliet raġunijiet: l-ewwel, minħabba li r-Regolament Nru 883/2013 ma jirrikonoxxix lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi d-dritt li jeżiġu mill-OLAF il-ftuħ ta’ investigazzjoni, b’tali mod li ċ-ċaħda ta’ talba f’dan ir-rigward ma tistax tipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat ( 10 ); it-tieni, peress li r-rapporti finali tal-OLAF ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati, iżda huma biss rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet, b’tali mod li ċ-ċaħda ta’ talba għal modifika ta’ tali rapport lanqas ma tista’ tiġi kkontestata ( 11 ); u, it-tielet, minħabba li, fi kwalunkwe każ, ikun ekwivalenti għal evitar tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-rapporti finali, li t-talba kontenzjuża tiġi ddikjarata bħala ammissibbli, peress li r-rikors fl-ewwel istanza ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu għall-kontestazzjoni ta’ dawn ir-rapporti ( 12 ).

    34.

    Skont l-appellant, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-talba tiegħu għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti kienet inammissibbli, minn naħa, hija bbażata fuq il-preżunzjoni żbaljata li huwa ma kienx “persuna kkonċernata” minn dawn l-investigazzjonijiet, u min-naħa l-oħra, fuq il-preżunzjoni żbaljata li r-rapporti tal-investigazzjoni tal-OLAF ma kellhom l-ebda impatt sostanzjali fuq il-proċeduri kriminali nazzjonali sussegwenti. Għall-kuntrarju, dan huwa l-każ. Għalhekk, huwa kuntrarju għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jekk atti investigattivi illegali u ksur proċedurali mill-OLAF jistgħu jiġu invokati biss fil-kuntest ta’ rikors għad-danni u mhux fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

    35.

    Minn dan ir-raġunament jirriżulta li l-kritika tal-appellant hija ffokata fuq id-dikjarazzjoni li fiha l-Qorti Ġenerali, billi tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tagħha, tikkonstata li r-rapporti mfassla mill-OLAF fit-tmiem tal-investigazzjonijiet tiegħu ma kinux atti li setgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE peress li kienu sempliċement jikkostitwixxu rakkomandazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet li ma pproduċew l-ebda effetti legali vinkolanti ( 13 ).

    36.

    Jidher, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ttrattatx il-kwistjoni tar-revokabbiltà ta’ dawn ir-rapporti, iżda ddeċidiet biss li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali mill-OLAF ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat ( 14 ).

    37.

    Ma huwiex meħtieġ, madankollu, li tkompli tiġi indagata l-kwistjoni tar-revokabbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF fil-kuntest tal-proċedura preżenti. Pjuttost, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, huwa irrilevanti jekk il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ġenerali għandhiex tinżamm jew le. Ir-raġuni għal dan hija li, anki jekk ir-rapporti finali tal-OLAF kienu jikkostitwixxu atti li setgħu jiġu kkontestati, it-talba tar-rikors preżenti għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti tkun inammissibbli.

    38.

    Kif anki ddikjarat il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, mingħajr ma tpoġġi f’dubju l-konstatazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-appell preżenti, l-appellant ma kkontestax ir-rapporti finali tal-investigazzjonijiet preċedenti fit-termini. Għaldaqstant, l-iskadenza sabiex l-appellant iressaq rikors kontra dawn ir-rapporti ntemmet fit‑12 ta’ Awwissu 2018. Madankollu, ir-rikors fl-ewwel istanza ma ġiex ippreżentat qabel il‑11 ta’ Diċembru 2018 ( 15 ).

    39.

    Huwa minnu li r-rikors fl-ewwel istanza ma kienx formalment dirett kontra r-rapporti finali tal-investigazzjonijiet preċedenti nnifishom, iżda kontra l-ittra kontenzjuża mill-OLAF tal‑1 ta’ Ottubru 2018, li fiha l-OLAF ċaħad it-talba tal-appellant sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti.

    40.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, madankollu, rikors huwa inammissibbli jekk huwa dirett kontra att li sempliċement jikkonferma att preċedenti li ma kienx ikkontestat fit-termini ( 16 ). Att sempliċement konfermattiv għandu jiġi preżunt jekk ma fih l-ebda element ġdid meta mqabbel mal-att preċedenti u l-ebda eżami ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata ma kien ippreċedut minn dan l-att preċedenti ( 17 ). Att li bih tiġi deċiża applikazzjoni li fiha l-awtorità tintalab teżamina mill-ġdid l-att preċedenti għandu jitqies bħala sempliċement konfermattiv jekk it-talba ma tkunx ibbażata fuq fatti sostanzjali ġodda u l-awtorità ma tiħux deċiżjoni fir-rigward ta’ tali fatti ( 18 ). Għaldaqstant, rikorrent li jkun tilef it-terminu sabiex jippreżenta appell minn att ma jistax jerġa’ jiskatta dan it-terminu billi jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata treġġa’ lura l-ewwel att u jippreżenta rikors kontra r-rifjut li bih l-att preċedenti huwa kkonfermat ( 19 ).

    41.

    Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Ir-raġuni għal dan hija li, fir-realtà, bl-iskuża tat-talba għal investigazzjoni, l-għan tal-appellant kien li jipperswadi lill-OLAF jikkontesta r-rapporti finali tal-investigazzjonijiet preċedenti.

    42.

    It-talba tal-appellant sabiex tinfetaħ investigazzjoni ma kienet xejn talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF dwar amministrazzjoni ħażina fl-Unjoni, l-Istati Membri jew xi mkien ieħor sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tar-Regolament Nru 883/2013. Għall-kuntrarju, huwa għamel talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-OLAF stess f’żewġ proċeduri, li ngħalqu bir-rapporti finali ( 20 ).

    43.

    Sostantivament, l-appellant illimita ruħu fl-ittri tiegħu lill-OLAF sabiex jikkritika l-konklużjonijiet tiegħu fir-rapporti finali u l-atti proċedurali li wasslu għal dawn il-konklużjonijiet, mingħajr ma ppreżenta fatti ġodda u sostanzjali. Barra minn hekk, l-ittri ta’ tweġiba tal-OLAF, u b’mod partikolari l-ittra kontenzjuża tal‑1 ta’ Ottubru 2018 ukoll, ma kien fihom l-ebda element ġdid meta mqabbel mar-rapporti finali tal-investigazzjonijiet preċedenti u la kienu ppreċeduti minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-appellant u lanqas minn deċiżjoni tal-OLAF dwar fatti ġodda, sostanzjali ( 21 ).

    44.

    Minbarra ċ-ċaħda tat-talba għal aċċess għad-dokumenti, li hija l-fokus tat-tieni aggravju u li għandha tiġi eżaminata separatament ( 22 ), l-ittra kontenzjuża għalhekk tikkostitwixxi att purament konfermattiv fir-rigward tar-rapporti finali tal-investigazzjonijiet preċedenti. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li tiġi ddeterminata l-kwistjoni dwar jekk dawn ir-rapporti jistgħux jiġu kkontestati. Ir-raġuni għal dan hija li, anki jekk dan ikun il-każ, dan ma jagħmilx ir-rikors ammissibbli fir-rigward tar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-investigazzjonijiet preċedenti.

    45.

    Huwa minnu li l-ġurisprudenza ta’ atti konfermattivi tirreferi prinċipalment għal każijiet li fihom l-ewwel att, li huwa kkonfermat mit-tieni, jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat ( 23 ), li huwa wkoll relatat ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni legali ( 24 ). Ir-raġuni għal dan hija li jekk ma jistax ikun evidenti għal persuna kkonċernata li att ipproduċa effetti legali għaliha, il-fatt li ma kkontestathiex fit-termini naturalment ma għandux jiġi kkontestat kontriha. Il-kawża preżenti, madankollu, ma tikkorrispondix għal sitwazzjoni bħal din.

    46.

    Ir-raġuni għal dan hija li hawnhekk huwa kkontestat u ma huwiex finalment deċiż, jekk ir-rapporti finali tal-OLAF jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu, kellu jkun ċar għall-appellant, li jirrappreżenta preċiżament dan fil-każ preżenti, li jekk ried jikkontesta l-konklużjonijiet tal-OLAF f’dawn ir-rapporti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, huwa għall-inqas setgħa jagħmel dan biss fil-kuntest ta’ rikors kontra dawn ir-rapporti nnifishom, jew għall-inqas fi ħdan it-terminu sabiex jiġu kkontestati dawn ir-rapporti.

    47.

    Il-fatt li l-appellant, fit-talba tiegħu biex l-OLAF jiftaħ investigazzjoni fl-investigazzjonijiet preċedenti, enfasizza b’mod partikolari l-allegata illegalità tal-atti proċedurali tal-OLAF, ma jbiddel xejn mill-fatt li din it-talba kienet essenzjalment sempliċi kritika tar-rapporti finali ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Huwa minnu li l-idea li tinfetaħ investigazzjoni fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet tal-OLAF ma hijiex kompletament eżaġerata. Dan huwa muri permezz tal-istituzzjoni tal-kontrollur ta’ garanziji proċedurali indipendenti mill-OLAF, reċentement introdott permezz tar-Regolament 2020/2223 li jemenda r-Regolament Nru 883/2013 u għalhekk stabbilita wara l-perijodu rilevanti fil-każ preżenti, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi kkontestat il-ksur ta’ dawn il-garanziji mill-OLAF quddiem il-kontrolluri ta’ garanziji proċedurali ( 25 ).

    48.

    Anki jekk dawn il-proċeduri kienu rilevanti f’dan il-każ, madankollu, allegazzjonijiet bħal dawn tal-appellant għandhom jinftiehmu bħala diretti kontra r-rapport li kkonkluda l-proċeduri.

    49.

    Minn naħa, il-kontroll il-ġdid tal-garanziji proċedurali mill-kontrollur, introdott reċentement, huwa mfassal sabiex jiggarantixxi konformità mad-drittijiet proċedurali matul il-proċedimenti li jkunu għaddejjin jew fi żmien meta l-ksur għadu jkun jista’ jiġi rrimedjat, iżda mhux iktar tard minn xahar wara li tkun intemmet l-investigazzjoni ( 26 ). Min-naħa l-oħra, il-proċedimenti tal-ilment quddiem il-kontrollur espressament ma taffettwax ir-rimedji legali previsti fil-kuntratti ( 27 ).

    50.

    Fil-kuntest tar-rimedji legali previsti fil-kuntratti madankollu, l-atti proċedurali tal-OLAF probabbilment jiġu, għall-inqas ladarba jiġu ppreżentati r-rapporti finali, sempliċement ikklassifikati bħala miżuri preparatorji li jkollhom jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell minn dawn ir-rapporti ( 28 ). Jekk ir-rapporti finali ma jiġux ikklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, li ma għandhomx għalfejn jiġu eżaminati fil-każ preżenti, dawn l-azzjonijiet mill-OLAF jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ( 29 ).

    51.

    Minn dan kollu li ġie rrilevat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, meta kkonstatat li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-rapporti finali kien ser jiġi evitat, kellha raġun tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli ( 30 ) fir-rigward tar-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti. L-ittra kontenzjuża mill-OLAF ma setgħetx tiskatta terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors minħabba li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rapporti finali kien att li kellu natura sempliċement konfermattiva.

    52.

    Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma invokatx espressament il-ġurisprudenza dwar atti konfermattivi u ma eżaminatx in-natura konfermattiva tal-ittra kontenzjuża fir-rigward tar-rapporti finali ma jimpedixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata dan. Minn naħa, il-konstatazzjoni msemmija qabel tal-Qorti Ġenerali hija neċessarjament ibbażata impliċitament fuq il-preżunzjoni li l-ittra kontenzjuża kontra r-rapporti finali hija sempliċement ta’ natura konfermattiva. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina ex officio il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk hija stess teżamina n-natura konfermattiva tal-ittra kontenzjuża fir-rigward tar-rapporti finali, speċjalment peress li l-partijiet setgħu jesprimu ruħhom biżżejjed dwar il-kontenut ta’ dawk id-dokumenti kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll f’din il-proċedura.

    53.

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellant b’rabta mar-revokabbiltà tar-rapporti finali tal-OLAF fuq il-mertu. Ir-raġuni għal dan hija li, anki jekk il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rapporti finali tal-OLAF ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati, kienet tikkostitwixxi żball ta’ liġi, żball bħal dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tad-digriet ikkontestat, peress li l-eżitu tagħha jirriżulta li huwa korrett għal raġunijiet legali oħra ( 32 ).

    2. Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għal aċċess għad-dokumenti (it-tieni aggravju)

    54.

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikors tal-ewwel istanza għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għad-dokumenti elenkati fl-ittra tal-appellant tat‑22 ta’ Awwissu 2018 ( 33 ), unikament fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (dwar dan, ara iktar ’il quddiem taħt b). Madankollu tqum il-mistoqsija dwar jekk kellux ikun eżaminat ukoll jekk it-talba inkwistjoni kinitx ammissibbli mill-perspettiva tad-dritt ta’ aċċess għal fajl ta’ persuna kkonċernata mill-investigazzjonijiet tal-OLAF (dwar dan, ara iktar ’il quddiem taħt a).

    a) Fuq id-dritt ta’ aċċess għal fajl

    55.

    Il-motivazzjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddikjarat li t-talba tal-appellant għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jagħtih aċċess għad-dokumenti mitluba bħala inammissibbli hija sorprendenti.

    56.

    Għalhekk, f’konformità mar-raġunament tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-talba tal-appellant għall-aċċess għad-dokumenti mitluba kienet ġiet mifhuma u ttrattata mill-OLAF bħala talba għall-aċċess għal fajl minn persuna li kkunsidrat lilha nnifisha kkonċernata mill-investigazzjonijiet, u mhux bħala talba għall-aċċess pubbliku għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

    57.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali assolutament ma eżaminatx iktar l-ammissibbiltà tar-rikors kontra ċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba mill-perspettiva tad-dritt ta’ aċċess għal fajl ta’ persuna kkonċernata minn investigazzjoni skont ir-Regolament Nru 883/2013. Pjuttost, hija esklużivament ikkonċentrat fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà mill-perspettiva tar-Regolament Nru 1049/2001.

    58.

    B’dan il-mod hija waslet għall-konklużjoni li r-rikors fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kien inammissibbli minħabba li l-appellant ma kienx għamel applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament wara li l-OLAF kien ċaħad l-ewwel talba tiegħu u r-rifjut tal-OLAF ma kellux jitqies bħala deċiżjoni negattiva finali fis-sens tal-Artikoli 7 u 8 tiegħu. L-argument tal-appellant li l-OLAF ma kienx informah bid-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja bħal din ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali. L-OLAF ma jistax jiġi akkużat li naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni għaliex interpreta t-talba tal-appellant bħala talba għall-aċċess għal fajl minn persuna li tikkunsidra lilha nnifisha kkonċernata mill-investigazzjonijiet, u mhux bħala talba għall-aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ( 34 ).

    59.

    La l-Qorti Ġenerali ma spjegat u lanqas ma huwa ċar għaliex ma eżaminatx jekk ir-rikors kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għad-dokumenti mitluba kienx ammissibbli bħala rikors kontra ċ-ċaħda ta’ talba għall-aċċess għal fajl. Dan huwa iktar sorprendenti peress li wieħed mill-argumenti ewlenin tal-Kummissjoni għall-inammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel istanza fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 kien preċiżament l-argument li l-OLAF kien intitolat jikkunsidra t-talba għall-aċċess għal dawn id-dokumenti bħala talba għal aċċess għal fajl ta’ persuna li tikkunsidra lilha nnifisha kkonċernata minn investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali adottat din il-linja ta’ argument. Għalhekk, kien ikun biss loġiku li jiġi eżaminat ir-rikors tal-ewwel istanza kontra r-rifjut tal-OLAF anki mill-perspettiva tad-dritt ta’ aċċess għal fajl.

    60.

    Huwa minnu li fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza l-appellant wieġeb formalment biss għal ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Nru 1049/2001 ( 35 ). Madankollu, mill-argument tiegħu sostantivament jirriżulta li huwa lmenta wkoll li l-OLAF irrifjutah aċċess għall-fajls ta’ investigazzjoni għaliex b’mod żbaljat ma kkunsidrahx bħala persuna kkonċernata. Fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, l-appellant, inter alia, iddikjara, li persuna għandu jkollha aċċess għall-atti proċedurali li direttament jikkonċernawha. Bħala parti mid-drittijiet tad-difiża tiegħu, huwa kien intitolat li jkollu aċċess għad-dokumenti mill-fajls tal-investigazzjoni li direttament affettwaw id-drittijiet tiegħu. B’mod partikolari, kull deċiżjoni marbuta mar-rwol tiegħu bħala President tal-awtorità lokali ta’ Teleorman kellha tkun aċċessibbli għalih. Barra minn hekk, kwalunkwe korrispondenza bejn l-OLAF u l-Awtorità Rumena tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni relatata miegħu għandha impatt deċiżiv fuq id-drittijiet tiegħu.

    61.

    Dan ir-raġunament jimplika li l-appellant ikkontesta r-rifjut tal-OLAF li jagħtih aċċess għad-dokumenti mitluba mhux biss fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll fir-rigward tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajls bħala persuna kkonċernata f’investigazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 883/2013 ( 36 ). Ir-raġuni għal dan hija li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikant mhux obbligat li jagħti raġunijiet għat-talba tiegħu. Għall-kuntrarju, l-appellant iġġustifika t-talba tiegħu fuq il-bażi tal-inċidenza u d-drittijiet tad-difiża tiegħu. Madankollu, id-dritt ta’ aċċess għal fajl huwa preċiżament iż-żieda meħtieġa għall-invokazzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuna kkonċernata minn miżura ( 37 ). Il-fatt li l-appellant ma għamilx riferiment espliċitu għad-drittijiet tad-difiża tiegħu jew għall-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa irrilevanti. Ir-raġuni għal dan hija li huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li legalment tikklassifika l-fatti u l-argumenti ppreżentati lilha mill-partijiet skont il-prinċipju iura novit curia ( 38 ).

    62.

    Il-Qorti Ġenerali għandha teżamina wkoll ex officio il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors ( 39 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha tal-inqas teżamina f’dan il-każ jekk ir-rikors kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għad-dokumenti mitluba kienx ammissibbli fir-rigward tad-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajls li jikkonċernawha. Dan huwa iktar minnu peress li l-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ir-rikors kontra r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti bħala inammissibbli, jiġifieri n-nuqqas ta’ applikazzjoni konfermatorja kif ukoll ta’ deċiżjoni finali negattiva fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal fajl skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa irrilevanti.

    63.

    Id-digriet ikkontestat huwa għaldaqstant ivvizzjat minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    64.

    Fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio tikkonstata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ( 40 ). Dan huwa iktar u iktar minnu jekk jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha teżamina wkoll ex officio ( 41 ).

    65.

    Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet magħmula mill-appellant fil-proċedura inkwistjoni jirriżulta li huwa qiegħed jinvoka, għalkemm b’mod impliċitu, ksur tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal fajl bħala persuna kkonċernata f’investigazzjoni skont ir-Regolament Nru 883/2013. Huwa minnu li huwa formalment jibbaża t-tieni aggravju tiegħu fuq ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, li ċertament huwa wkoll dovut għall-enfasi tal-Qorti Ġenerali fuq dan ir-regolament. Sostantivament, madankollu, huwa jsostni li l-aċċess għad-dokumenti użati matul l-investigazzjonijiet huwa kwistjoni tad-drittijiet tad-difiża minħabba li dawn l-investigazzjonijiet ikkonċernawh b’mod ċar u kienu saħansitra mmirati lejh.

    66.

    Id-digriet ikkontestat għandu għalhekk jiġi rrevokat sal-punt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kontra r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba mingħajr ma eżaminat jekk dan ir-rikors kienx ammissibbli fir-rigward tad-dritt ta’ persuna kkonċernata ta’ aċċess għal fajl.

    b) Fuq ir-Regolament Nru 1049/2001

    67.

    Sa fejn huwa kkonċernat ir-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors fl-ewwel istanza kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħti lill-appellant aċċess għad-dokumenti mitluba huwa inammissibbli, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq. Ir-rifjut ikkontestat mill-OLAF fl-ittra kontenzjuża tal‑1 ta’ Ottubru 2018 ( 42 ) ma jistax jitqies bħala ċaħda definittiva ta’ talba għal aċċess għal dokumenti skont l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament ( 43 ).

    68.

    Minn naħa, l-ewwel, fl-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Awwissu 2018, l-appellant ibbaża ruħu biss fuq ir-Regolament Nru 883/2013 ( 44 ) u t-talba tiegħu relatata ma’ dokumenti relatati mal-investigazzjonijiet tal-OLAF li allegatament kienu jikkonċernawh.

    69.

    Min-naħa l-oħra, huwa ma għamilx applikazzjoni konfermatorja lill-OLAF għal aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 1049/2001. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, l-OLAF ma jistax jiġi kkritikat talli ma informahx bid-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. L-OLAF kien partikolarment intitolat li jqis it-talba tiegħu bħala talba għal aċċess għall-atti proċedurali u mhux bħala applikazzjoni fil-bidu fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    70.

    L-appellant huwa tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija inkonsistenti mar-Regolament Nru 1049/2001. L-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar ma stabbilixxa l-ebda rekwiżit ieħor għal talba għal aċċess għal dokumenti għajr il-ħtieġa li din it-talba tiġi fformulata f’waħda mil-lingwi tal-Unjoni u b’mod preċiż li l-istituzzjoni kkonċernata hija kapaċi tidentifika d-dokument ikkonċernat. It-talba tiegħu ssodisfatt dawn il-kundizzjonijiet fl-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Awwissu 2018. B’hekk, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-OLAF kien obbligat li jinformah bid-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, li ma għamilx. Iċ-ċaħda tat-talba tiegħu permezz tal-ittra kontenzjuża għandha għalhekk titqies bħala deċiżjoni negattiva finali li kontriha tressaq ir-rikors għal annullament.

    71.

    Dan l-argument għandu jiġi milqugħ.

    72.

    Huwa minnu li l-proċedura għall-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni hija proċess f’żewġ stadji. It-tweġiba għal applikazzjoni fil-bidu fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 1049/2001 hija għalhekk, bħala prinċipju, opinjoni inizjali biss li kontriha, essenzjalment, ma jistax jiġi ppreżentat rikors ( 45 ). Madankollu, jekk il-Kummissjoni finalment tadotta l-pożizzjoni tagħha permezz ta’ tweġiba bħal din, din it-tweġiba tista’ eċċezzjonalment tkun is-suġġett dirett ta’ rikors għal annullament ( 46 ).

    73.

    Kuntrarjament għall-fehma espressa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tad-digriet ikkontestat, miċ-ċirkustanzi tal-proċeduri preżenti jirriżulta li t-tweġiba tal-OLAF għall-ittra kontenzjuża fir-rigward tat-talba għal aċċess għal dokumenti kellha titqies bħala definittiva. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ma tikkonċernax l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali kif issostni l-Kummissjoni, iżda l-klassifikazzjoni legali tagħha, li tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell ( 47 ).

    74.

    Skont il-ġurisprudenza, il-proċedura f’żewġ stadji stabbilita bir-Regolament 1049/2001 hija maħsuba sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet dwar aċċess għal dokumenti b’ħeffa u, jekk meħtieġ, teżamina mill-ġdid deċiżjonijiet negattivi. Dan huwa maħsub b’mod partikolari sabiex jiġi evitat tilwim legali iktar tard ( 48 ). Madankollu, proċedura f’żewġ stadji bħal din tagħmel sens biss jekk il-Kummissjoni verament trid iżżomm miftuħa l-possibbiltà li tibdel din id-deċiżjoni wara l-ewwel deċiżjoni negattiva. Hija tesprimi din ir-rieda billi tinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet f’deċiżjonijiet preċedenti li rikors kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni fil-bidu għal aċċess għad-dokument hija ammissibbli jekk tali informazzjoni ma tingħatax ( 49 ). Ir-raġuni għal dan hija li dan jesprimi biss li ċ-ċaħda kienet finali.

    75.

    Il-fatt li n-nuqqas ta’ informazzjoni għall-possibbiltà ta’ applikazzjoni konfermatorja skont l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ huwa dovut għall-fatt li l-OLAF interpreta t-talba bħala talba għall-aċċess għal fajl, huwa irrilevanti.

    76.

    Ir-raġuni għal dan hija li, kif ġustament jindika l-appellant, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jimponi l-ebda kundizzjoni oħra għall-ammissibbiltà ta’ talba għal aċċess għal dokumenti għajr il-ħtieġa li dik it-talba tiġi fformulata f’waħda mil-lingwi tal-Unjoni u b’mod preċiż li l-istituzzjoni kkonċernata hija kapaċi tidentifika d-dokument ikkonċernat. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li l-applikant jibbaża b’mod espliċitu t-talba tiegħu fuq ir-Regolament 1049/2001. Pjuttost, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni affettwati minn dan ir-regolament għandhom ikunu konxji li d-dritt tal-Unjoni stabbilixxa dritt ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti, li huwa bbażat fuq ir-regoli ta’ dan ir-regolament. Dan ifisser li kull talba għal aċċess għad-dokumenti potenzjalment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u ċ-ċaħda tagħha għandha tiġi evalwata mar-raġunijiet għall-eċċezzjonijiet ipprovduti hemmhekk. Il-fatt li talba għal aċċess għal dokumenti ssir b’rabta ma’ proċedura li hija suġġetta għal sett ta’ regoli differenti, dan il-każ ir-Regolament Nru 883/2013, ma jipprekludix din it-talba milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 50 ).

    77.

    Istituzzjoni tal-Unjoni li hija suġġetta għal dan ir-regolament għandha għalhekk tinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu li jagħmel applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) jekk tixtieq iżomm il-possibbiltà miftuħa li tikkunsidra mill-ġdid iċ-ċaħda tiegħu ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti. Inkella, trid taċċetta li din iċ-ċaħda hija finali u tista’ tiġi direttament eżaminata minn qorti.

    78.

    Kieku rikors kontra deċiżjoni negattiva kien inammissibbli anki mingħajr tali informazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni konfermatorja, dan saħansitra joħloq ukoll inċentiv għal nuqqas ta’ informazzjoni dwar rimedji legali b’mod abbużiv. Speċjalment f’każijiet politikament sensittivi, bħal f’din il-kawża, dan l-inċentiv ikun qawwi.

    79.

    F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi preżunt li l-OLAF kien finalment adotta l-pożizzjoni negattiva tiegħu fir-rigward tat-talba tal-appellant għal aċċess għad-dokumenti fl-ittra kontenzjuża. Għaldaqstant, huwa jista’ jkun direttament is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat bħala inammissibbli t-talba tal-appellant għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti.

    3. Konklużjoni intermedja

    80.

    Minn dak kollu li ġie rrilevat jirriżulta li d-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn huwa jiddikjara li r-rikors tal-appellant kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti huwa inammissibbli. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn kien jikkonċerna r-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti ( 51 ).

    B.   Fuq il-kawża mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali

    81.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha din.

    82.

    F’dan il-każ, il-kwistjoni li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali tqum biss fir-rigward tat-talba tar-rikors tal-ewwel istanza għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għal ċerti dokumenti.

    83.

    F’dan ir-rigward, it-tilwima hija fi stadju li tiġi deċiża sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’ tieħu deċiżjoni finali dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikors tal-ewwel istanza. Ir-raġuni għal dan hija li mill-eżami tat-tieni aggravju jirriżulta li din it-talba hija ammissibbli.

    84.

    Dan l-istħarriġ wera, minn naħa, li ċ-ċaħda mill-OLAF tat-talba għal aċċess għal dokumenti tikkostitwixxi deċiżjoni negattiva finali skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament 1049/2001, li permezz tagħha l-OLAF iddetermina b’mod definittiv il-pożizzjoni tiegħu u għalhekk jista’ jkun direttament suġġett għal rikors għal annullament ( 52 ).

    85.

    Min-naħa l-oħra, minn dan l-eżami jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk ir-rikors kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għal ċerti dokumenti kienx ammissibbli fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal fajl ta’ persuna kkonċernata mill-investigazzjonijiet tal-OLAF ( 53 ). Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni evidenti għaliex ir-rikors għandu jkun inammissibbli f’dan ir-rigward.

    86.

    Fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, l-appellant invoka, għalkemm impliċitament, id-dritt għal aċċess għal fajl ( 54 ).

    87.

    Huwa minnu li t-tweġiba tiddependi mhux biss fuq il-mistoqsija jekk fil-qafas tad-dritt ta’ aċċess għal fajl l-appellant jistax ikollu aċċess għal fajl tal-investigazzjonijiet preċedenti, iżda wkoll fuq it-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk, qabelxejn, ir-rifjut tal-aċċess għal dawn il-fajls joħloqx effetti legali għalih u għalhekk jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, u jekk għandux jitqies bħala kkonċernat minn dawn il-fajls, li l-OLAF ċaħad. L-eżami tal-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward, madankollu, jikkonċerna l-fondatezza tar-rikors kontra ċ-ċaħda tat-talba ta’ aċċess għal fajl jew huwa, fi kwalunkwe każ, tant marbut magħha, li ma jistax jiġi mwieġeb fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà.

    88.

    Fi kwalunkwe każ, l-ammissibbiltà tar-rikors kontra r-rifjut ta’ aċċess għal fajl ma tistax tiġi miċħuda bl-argument li dan jevita t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra r-rapporti finali ( 55 ), minħabba li għandu jiġi eżaminat jekk l-appellant kienx ikkunsidrat bi żball f’dawn ir-rapporti bħala mhux “ikkonċernat” skont it-tifsira tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013.

    89.

    Minbarra l-fatt li l-kontestabbiltà ta’ dawn ir-rapporti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament hija kkontestata u mhux finalment iċċarata ( 56 ), id-dritt ta’ aċċess għal fajl ta’ persuna (allegatament) ikkonċernata minn investigazzjoni mill-OLAF għandu, fi kwalunkwe każ, ikun eżerċitabbli irrispettivament minn jekk din il-persuna kkontestatx (possibbilment b’suċċess) ir-rapport finali ta’ investigazzjoni. Ir-raġuni għal dan hija li, huwa kompletament possibbli li l-ħtieġa li jintalab aċċess għall-fajls ta’ investigazzjoni tal-OLAF ma titqajjimx fil-mument li dik il-persuna ssir konxja tar-rapport ta’ investigazzjoni, iżda biss iktar tard, b’mod partikolari minħabba l-konsegwenzi li l-awtoritajiet nazzjonali jikkonkludu mir-riżultati tal-OLAF, fuq il-bażi tal-miżuri meħuda minnhom jew fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

    90.

    Konsegwentement, fil-kuntest tal-eżami tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għal fajl, ma tistax titressaq oġġezzjoni kontra l-appellant bl-argument li huwa kien prekluż peress li l-OLAF bi żball ma kklassifikahx bħala “persuna kkonċernata”.

    91.

    Fl-aħħar, ma jistax jiġi preżunt li huwa irrilevanti jekk it-talba tal-ewwel istanza għar-revoka tar-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-applikant għad-dokumenti mitluba hijiex fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 jew fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess ta’ persuna għal fajl ta’ proċedura li tikkonċernaha. Dan peress li kull waħda minn dawn iż-żewġ bażijiet legali għandhom għanijiet differenti. Pereżempju, id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jkollu aċċess għal dokumenti huwa intiż sabiex jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli ( 57 ), filwaqt li d-dritt ta’ aċċess għal fajl huwa parti mid-drittijiet ta’ difiża ta’ persuna, mhux biss matul iżda wkoll wara t-tmiem tal-proċedura ( 58 ).

    92.

    Fil-fatt, jista’ jkun li r-riżultat tal-eżami tal-mistoqsija dwar jekk applikant għandux aċċess għal ċertu dokument jirriżulta b’mod differenti, skont il-bażi legali li fuqha jkun eżaminat. Pereżempju, huwa pjuttost konċepibbli li l-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-iskop tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti skont dan ir-regolament, ma tistax issir oġġezzjoni kontra l-applikant, li jitlob aċċess għall-fajls li jikkonċernawh u jinvoka b’suċċess l-inċidenza tiegħu. Bil-maqlub, huwa konċepibbli li persuna li ma tinvokax b’suċċess li hija kkonċernata minn investigazzjoni xorta tista’ tikseb aċċess għal ċerti dokumenti mill-fajl ta’ investigazzjoni permezz tad-dritt ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti.

    93.

    Minn dak kollu li ġie rrilevat jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talba tar-rikors għall-annullament tar-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għal ċerti dokumenti. Għal deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ din it-talba, it-tilwima għandha tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali kemm fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal fajl kif ukoll fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001.

    94.

    Għalhekk ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-provi ( 59 ) tal-appellant.

    VI. Fuq l-ispejjeż

    95.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    96.

    Fil-każ preżenti, minn naħa, l-appell huwa miċħud sa fejn jirrigwarda r-rikors kontra r-rifjut tal-OLAF li jwettaq investigazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet preċedenti, u d-digriet ikkontestat huwa kkonfermat sal-punt li huwa ċaħad it-talba tar-rikors bħala inammissibbli.

    97.

    Min-naħa l-oħra, l-appell jintlaqa’ sa fejn jikkonċerna r-rikors kontra r-rifjut tal-OLAF li jagħti aċċess lill-appellant għal ċerti dokumenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà istitwita mill-Kummissjoni b’rabta ma’ din it-talba tar-rikors hija miċħuda u l-kawża tiġi mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq din l-istess talba. Barra minn hekk, fl-eżami tat-tieni aggravju rriżulta li l-approċċ tal-Kummissjoni ma kienx kostruttiv, peress li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha kienet suġġetta għall-istess oppożizzjoni bħar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ( 60 ).

    98.

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jidher iġġustifikat f’dan il-każ li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati kemm l-ispejjeż tagħha f’dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll nofs l-ispejjeż li ġarrab l-appellant f’dan l-appell kif ukoll fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    99.

    L-appellant għandu għalhekk jiġi kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż li ġarrab b’rabta ma’ dan l-appell u fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    100.

    Fir-rigward tal-kumplament l-ispejjeż huma rriżervati ( 61 ).

    VII. Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1.

    Id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Mejju 2020, Dragnea vs Il‑Kummissjoni (T‑738/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:208) huwa annullat, sa fejn fih it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rifjut tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), sabiex Liviu Dragnea jingħata aċċess għal ċerti dokumenti hija miċħuda bħala inammissibbli, u Liviu Dragnea huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż.

    2.

    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà istitwita mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija miċħuda sa fejn tikkonċerna talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rifjut tal-OLAF li jagħti lil Liviu Dragnea aċċess għal ċerti dokumenti.

    3.

    Il-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq din l-istess talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rifjut tal-OLAF li jagħti lil Liviu Dragnea aċċess għal ċerti dokumenti.

    4.

    Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

    5.

    Il-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż li ġarrbet f’dan l-appell u fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kif ukoll nofs l-ispejjeż li għamel Liviu Dragnea f’dan l-appell u fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    6.

    Liviu Dragnea jbati nofs l-ispejjeż imġarrba b’rabta ma’ dan l-appell u fl-ewwel istanza b’rabta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    7.

    Fir-rigward tal-kumplament l-ispejjeż huma rriżervati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1). Dan ir-regolament ġie emendat darbtejn wara l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet ikkonċernati, l-iktar reċenti bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU 2020, L 437, p. 49). Waħda mill-emendi li hija ta’ interess għall-proċedura preżenti hija ttrattata hawn isfel (ara l-punti 47 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 3 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    ( 4 ) Ara dwar dan u dwar il-punti li ġejjin il-punti 1 et seq. tad-digriet ikkontestat (hawn isfel, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 5 ) OLAF PRESS RELEASE No 16/2017.

    ( 6 ) T‑738/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:208.

    ( 7 ) Punti 14 sa 21 tad-digriet ikkontestat.

    ( 8 ) Punti 25 sa 55 tad-digriet ikkontestat.

    ( 9 ) Punti 56 sa 70 tad-digriet ikkontestat.

    ( 10 ) Punti 31 sa 36 tad-digriet ikkontestat.

    ( 11 ) Punti 39 sa 41 tad-digriet ikkontestat.

    ( 12 ) Punti 43 sa 46 tad-digriet ikkontestat.

    ( 13 ) Ara, minbarra l-punti 40 u 41 tad-digriet ikkontestat, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2004, Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il‑Kummissjoni (T‑29/03, EU:T:2004:235, punti 32 sa 40); tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Inox Mare vs Il‑Kummissjoni (T‑289/16, EU:T:2017:414, punti 14 et seq.); u tat‑12 ta’ Novembru 2018, TE vs Il‑Kummissjoni (T‑392/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:459, punti 22 sa 25);, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Mejju 2019, Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il‑Kummissjoni (T‑631/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:352, punti 4849).

    ( 14 ) Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ April 2005, Tillack vs Il‑Kummissjoni (C‑521/04 P(R), EU:C:2003:240, punt 34).

    ( 15 ) Hekk iddeċidiet il-Qorti Ġenerali li r-rapporti finali tat‑30 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il fuq, punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet) la ġew ippubblikati u lanqas innotifikati lill-appellant, iżda mill-fajl jirriżulta li l-appellant sar konxju dwar dan l-iktar tard fl‑1 ta’ Ġunju 2018, peress li huwa bagħat l-ewwel ittra lill-OLAF f’dik id-data, li fiha huwa ppreżenta oppożizzjoni tal-kontenut tagħhom (iktar ’il fuq, punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward ta’ dawn ir-rapporti beda jiddekorri fit‑2 ta’ Ġunju 2018 u ntemm fit‑12 ta’ Awwissu 2018 (ara l-punti 43 sa 46 tad-digriet ikkontestat).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1988, Irish Cement vs Il‑Kummissjoni (166/86 u 220/86, EU:C:1988:549, punt 16); tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore (C‑123/03 P, EU:C:2004:783, punt 39); kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 35); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni (T‑514/93, EU:T:1995:49, punt 44).

    ( 17 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni (23/80, EU:C:1980:284, punt 18); tal‑14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez (C‑417/05 P, EU:C:2007:582, punt 46); u tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 33).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il‑Kummissjoni (T‑407/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:477, punt 91), u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, NRW. Bank vs BUR (T‑466/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:445, punt 69).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marz 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni (T‑514/93, EU:T:1995:49, punt 44).

    ( 20 ) Din hija l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 31 sa 36 tad-digriet ikkontestat. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali espressa fihom, li skonthom persuni fiżiċi u ġuridiċi ma għandhom l-ebda dritt skont ir-Regolament Nru 883/2013 li jitolbu lill-OLAF sabiex jiftaħ investigazzjoni, ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tal-appell preżenti u ma hemmx raġuni oħra sabiex din tiġi ddubitata (ara dwar dan l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2013, iktar ’il fuq, punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 21 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 20 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 22 ) Ara iktar ’il quddiem, il-punti 54 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1988, Irish Cement vs Il‑Kummissjoni (166/86 u 220/86, EU:C:1988:549, punti 1116); tal‑25 ta’ Mejju 1993, Foyer Culturel du Sart-Tilman vs Il‑Kummissjoni (C‑199/91, EU:C:1993:205, punti 19 sa 24); tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore (C‑123/03 P, EU:C:2017:783, punti 40, 4547); u tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 3136).

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore (C‑123/03 P, EU:C:2017:783, punti 40, 4547), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni (T‑514/93, EU:T:1995:49, punt 44).

    ( 25 ) Ara l-premessi 32 u 33 kif ukoll l-Artikolu 1(9) tar-Regolament 2020/2223 (iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jew l-Artikoli 9a u 9b tar-Regolament Nru 883/2013, fil-verżjoni emendata permezz tar-Regolament Nru 2020/2223. F’dan il-kuntest, ara wkoll il-Kumitat ta’ Sorveljanza stabbilit bl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 883/2013 meta l-verżjoni oriġinali kienet fis-seħħ li jissorvelja regolarment l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, partikolarment fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali. Madankollu, dan isir biss b’mod volontarju, fuq talba tad-Direttur Ġenerali jew fuq talba ta’ istituzzjoni, korp jew uffiċċju u aġenzija oħra.

    ( 26 ) L-ilmenti għandhom jitressqu fi żmien xahar minn meta l-lanjanti isir konxju tal-fatti rilevanti li jikkostitwixxu l-allegat ksur tal-garanziji proċedurali jew tad-drittijiet fundamentali. Fi kwalunkwe każ, huma għandhom jiġu ppreżentati mhux iktar tard minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni. Ilmenti b’rabta mal-interrogazzjoni ta’ xhieda jew is-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jitressqu qabel ma jiskadu t-termini mogħtija lil persuni kkonċernati (ara l-Artikolu 9b(2) tar-Regolament Nru 883/2013 kif emendat bir-Regolament 2020/2223).

    ( 27 ) L-Artikolu 9b(8) tar-Regolament Nru 883/2013, kif emendat bir-Regolament 2020/2223.

    ( 28 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 10); tat‑18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni (C‑282/95 P, EU:C:1997:159, punt 34); u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52).

    ( 29 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 90).

    ( 30 ) Ara l-punt 43 tad-digriet ikkontestat kif ukoll iktar ’il fuq, il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Ara d-digriet tal‑15 ta’ Frar 2012, Nuova Agricast vs Il‑Kummissjoni (C‑208/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:76, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 47 sa 49), u tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).

    ( 33 ) Iktar ’il fuq, punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Ara l-punti 63 sa 70 tad-digriet ikkontestat.

    ( 35 ) Ara l-punt 20 tad-digriet ikkontestat.

    ( 36 ) Dwar il-possibbiltà ta’ motivi impliċiti, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2003:715, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 54).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et (C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 41 ) Ara d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 20).

    ( 42 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 43 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-punti 63 sa 70 tad-digriet ikkontestat.

    ( 44 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Digriet tal‑15 ta’ Frar 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑208/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:76, punt 30), kif ukoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 36).

    ( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 58 sa 62), kif ukoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 36).

    ( 47 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica vs Il‑Kummissjoni (C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 55).

    ( 48 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 5354).

    ( 49 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il‑Kummissjoni (T‑437/05, EU:T:2009:318, punti 7475); tat‑23 ta’ Jannar 2017, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni (T‑727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 14); tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il‑Kummissjoni (T‑440/17, EU:T:2018:898, punt 20); u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il‑Kummissjoni (T‑440/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:898, punt 19).

    ( 50 ) Ara pereżempju sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Lagardère vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:394); Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, EU:C:2012:394); kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112).

    ( 51 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 51 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 73 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 57 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 54 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Fil-każ preżenti, ir-rikors fl-ewwel istanza ġie ppreżentat wara li skada t-terminu, ara iktar ’il fuq, il-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 57 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 58 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2017:606, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 59 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 60 ) Ara l-punti 56 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 69).

    Top