Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0278

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2021.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:996

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

    Kawża C‑278/20

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Renju ta’ Spanja

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil‑leġiżlatur Spanjol – Danni kkawżati lill-individwi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tallinja s‑sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni mas‑sistema stabbilita għall-ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola permezz ta’ atti tal‑leġiżlatur – Kumpens magħmul impossibbli jew eċċessivament diffiċli – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni b’mod repetut: il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-istess Stat huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati ( 2 ). L-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens dment li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r‑regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret ikollha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju, u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi ( 3 ).

    2.

    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, bla ħsara għad-dritt għal kumpens li huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jirrendi, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba tal-kumpens (prinċipju ta’ effettività) ( 4 ).

    3.

    Dawn iż-żewġ prinċipji huma fil-qalba ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, permezz tar-rikors tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il‑Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adotta u żamm fis-seħħ ċerti dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il‑prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, li jillimitaw l-awtonomija proċedurali ( 5 ) li minnha jgawdu l-Istati Membri meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tagħhom għad-danni kkawżati lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    II. Id-dritt Spanjol

    4.

    Il-kostituzzjoni Spanjola tipprevedi, fl-Artikolu 106(2) tagħha, li “[l]‑individwi għandhom, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, id-dritt li jiġu kkumpensati għal kull preġudizzju għall-proprjetà u għad-drittijiet tagħhom, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, meta dan il-preġudizzju jkun il-konsegwenza tal‑funzjonament tas-servizzi pubbliċi”.

    5.

    Il-Ley orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is‑Setgħa Ġudizzjarja), tal‑1 ta’ Lulju 1985 ( 6 ), kif emendata bil-Liġi Organika 7/2015 ( 7 ), tal‑21 ta’ Lulju 2015, tipprevedi, fl-Artikolu 4a(1) tagħha, li “l-imħallfin u l-qrati għandhom japplikaw id-dritt tal-[Unjoni] konformement mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

    6.

    Il-Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso‑Administrativa (il-Liġi 29/1998 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti Amministrattiva Kontenzjuża), tat‑13 ta’ Lulju 1998 ( 8 ), tistabbilixxi, fl-Artikolu 31 tagħha:

    “1.   Ir-rikorrent jista’ jitlob li jiġu ddikjarati illegali u, jekk ikun il-każ, annullati l-atti u d-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati skont il-kapitolu preċedenti.

    2.   Huwa jista’ jitlob ukoll ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni legali individwalizzata u l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-istabbiliment mill-ġdid sħiħ ta’ din is-sitwazzjoni, inkluż il-kumpens għad-danni, jekk ikun il-każ.”

    7.

    L-Artikolu 71(1)(d) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Meta d-deċiżjoni jew is-sentenza tilqa’ r-rikors kontenzjuż amministrattiv:

    […]

    d)

    Jekk talba intiża biex jinkiseb kumpens għad-danni tintlaqa’, id-dritt għal kumpens jiġi ddikjarat fil-każijiet kollha, u huwa ppreċiżat ukoll min huwa obbligat li jikkumpensa. Is-sentenza tiffissa wkoll l-ammont tal-kumpens meta r-rikorrent jitlob dan espressament u meta l-proċess ikun fih provi suffiċjenti għal dan il-għan. Fil-każ kuntrarju, tiġi stabbilita bażi għad‑determinazzjoni ta’ dan l-ammont, u d-determinazzjoni finali tiġi ddifferita għall-perijodu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza.”

    8.

    L-Artikolu 110(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “Fil-qasam fiskali, tal-persunal fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika u tal-unità tas-suq, l-effetti ta’ sentenza definittiva li tkun irrikonoxxiet sitwazzjoni legali individwalizzata favur persuna jew numru ta’ persuni jistgħu jiġu estiżi għal oħrajn, għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, meta jiġu ssodisfatti ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    a)

    Il-partijiet interessati jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali bħall-persuni li jibbenefikaw mis-sentenza favorevoli.

    b)

    L-imħallef jew il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni jkollha wkoll ġurisdizzjoni, minħabba t-territorju, biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tagħhom għar‑rikonoxximent ta’ din is-sitwazzjoni individwalizzata.

    c)

    Il-persuni kkonċernati jitolbu l-estensjoni tal-effetti tas-sentenza f’terminu ta’ sena mill-aħħar notifika ta’ din is-sentenza lill-persuni li kienu partijiet fil-proċedura. Fil-każ li jiġi ppreżentat appell fl-interess tal-liġi jew fil-każ ta’ appell għal eżami mill-ġdid, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-aħħar notifika tad-deċiżjoni li tiddeċiedi definittivament l-appell.”

    9.

    L-Artikolu 221 tal-Ley 58/2003 General Tributaria (il-Liġi 58/2003 Fiskali Ġenerali), tas‑17 ta’ Diċembru 2003 ( 9 ), jipprovdi:

    “1.   Il-proċedura ta’ rikonoxximent tad-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu għandha tinbeda ex officio jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, fil-każijiet li ġejjin:

    a)

    Meta jkun seħħ pagament doppju ta’ dejn fiskali jew penalitajiet.

    b)

    Meta l-ammont imħallas kien ogħla mill-ammont li għandu jitħallas bħala riżultat ta’ att amministrattiv jew ta’ awtoevalwazzjoni.

    […]”

    10.

    Il-Ley 39/2015 del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi 39/2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 ( 10 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 39/2015”), tipprevedi, fl-Artikolu 67 tagħha, intitolat “Talbiet għal ftuħ ta’ proċeduri għad-danni”:

    “1.   Il-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura għad-danni biss meta d-dritt tagħhom li jitolbu kumpens ma jkunx preskritt. Id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara li jkun seħħ il-fatt jew l-att li jimmotiva l‑kumpens jew wara li jimmanifesta ruħu l-effett dannuż tiegħu. Fil-każ ta’ dannu fiżiku jew psikoloġiku kkawżat lill-persuni, it-terminu jibda jiddekorri mill-fejqan jew mid-determinazzjoni tal-portata tal-konsegwenzi.

    […]

    Fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferi l-Artikolu 32(4) u (5) tal‑Liġi [40/2015] ( 11 ), id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara l‑pubblikazzjoni, fil-Boletín Oficial del Estado jew fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ, tad-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar-regola jew li tiddikjaraha kuntrarja għad-dritt tal-[Unjoni].”

    11.

    L-Artikolu 106(4) tal-Liġi 39/2015 jipprevedi:

    “L-amministrazzjonijiet pubbliċi, meta jiddikjaraw l-invalidità ta’ dispożizzjoni jew ta’ att, jistgħu jistabbilixxu, fl-istess deċiżjoni, il-kumpens li għandu jiġi rrikonoxxut lill-persuni kkonċernati, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija [fl-Artikolu] 32(2) u [fl-Artikolu] 34(1) tal-Liġi [40/2015] jiġu ssodisfatti […]”.

    12.

    Fit-Titolu preliminari tagħha, il-Liġi 40/2015 tinkludi l‑Kapitolu IV, intitolat “Fuq ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”, li fih jinsabu l‑Artikoli 32 sa 37.

    13.

    L-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jipprovdi:

    “1.   L-individwi għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi korrispondenti għal kull preġudizzju għall-proprjetà jew għad-drittijiet tagħhom meta dan il-preġudizzju jkun il-konsegwenza tal-funzjonament normali jew anormali tas-servizzi pubbliċi, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ danni li, skont il-liġi, l-individwu huwa legalment obbligat li jassumi.

    L-annullament, b’mod amministrattiv jew permezz tal-ordinament ġudizzjarju tal‑kontenzjuż amministrattiv, tal-atti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ma jagħtix lok, fih innifsu, għal dritt għal kumpens.

    2.   Fi kwalunkwe każ, id-dannu invokat għandu jkun effettiv, ekonomikament evalwabbli u individwalizzat fir-rigward ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni.

    3.   Bl-istess mod, l-individwi għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati mill‑amministrazzjonijiet pubbliċi għal kull preġudizzju għall-proprjetà tagħhom u għad-drittijiet tagħhom, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi li ma jikkostitwixxux atti ta’ esproprjazzjoni ta’ drittijiet, li ma humiex legalment obbligati li jassumu, peress li dan ikun previst mill-atti leġiżlattivi inkwistjoni u taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati minnhom.

    L-Istat jista’ jinżamm responsabbli wkoll fil-każijiet li ġejjin, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi preċedenti:

    a)

    Meta d-danni jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regola kklassifikata bħala liġi li tkun ġiet iddikjarata antikostituzzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti r‑rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4.

    b)

    Meta d-danni jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regola li tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni], konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.

    4.   Jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola kklassifikata bħala liġi li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali, l-individwu jista’ jiġi kkumpensat jekk ikun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, bil-kundizzjoni li l‑individwu jkun invoka l-antikostituzzjonalità rrikonoxxuta sussegwentement.

    5.   Jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola ddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni], l-individwu jista’ jiġi kkumpensat jekk huwa jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, bil-kundizzjoni li l-individwu jkun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut sussegwentement. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom jiġu ssodisfatti:

    a)

    Ir-regola tad-dritt għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

    b)

    Il-ksur għandu jkun suffiċjentement serju.

    c)

    Għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu impost fuq l-amministrazzjoni responsabbli mid-dritt tal‑[Unjoni] u d-dannu subit mill-individwi.

    6.   Id-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar-regola kklassifikata bħala liġi jew li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni] tipproduċi l-effetti tagħha sa mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Boletín Oficial del Estado jew fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ, għajr dispożizzjoni kontrarja inkluża f’din id-deċiżjoni.

    […]”

    14.

    L-Artikolu 34(1) tal-imsemmija liġi, intitolat “Kumpens”, jipprevedi:

    “[…]

    Fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferu l-Artikolu 32(4) u (5), jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens id-danni li jseħħu f’terminu ta’ ħames snin qabel id‑data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar‑regola kklassifikata bħala liġi jew li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni], sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-deċiżjoni.”

    III. Il-proċedura prekontenzjuża

    15.

    Wara lmenti mressqa minn individwi, il-Kummissjoni, fil‑25 ta’ Lulju 2016, bdiet proċedura “EU Pilot” kontra r-Renju ta’ Spanja fir-rigward tal‑Artikoli 32 u 34 tal-Liġi 40/2015 u invokat ksur possibbli tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Peress li din il-proċedura ma rnexxietx, hija ngħalqet fit‑18 ta’ Jannar 2017. Il-Kummissjoni għalhekk bdiet proċedura ta’ ksur.

    16.

    Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni intimat lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tħassib tagħha relatat mal-Artikoli 32 u 34 tal-Liġi 40/2015 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, dan l-Istat Membru indika lill‑Kummissjoni r-raġunijiet għalfejn huwa qies li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu konformi ma’ dawn il-prinċipji.

    17.

    Fis‑26 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha esponiet ir-raġunijiet għalfejn l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 kienu, fil-fehma tagħha, kuntrarji għall‑prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u kkonfutat l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja fl-ittra tiegħu tal‑4 ta’ Awwissu 2017.

    18.

    Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Marzu 2018, wara laqgħa organizzata mad‑dipartimenti tal-Kummissjoni fl‑14 ta’ Marzu 2018, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għall-opinjoni motivata, billi tenna l-pożizzjoni tiegħu li s-sistema Spanjola tar-responsabbiltà tal-Istat tosserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2018, dan l-Istat Membru madankollu indika lill-Kummissjoni li kkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu u li kien ser jikkomunika malajr proposta leġiżlattiva intiża li tqiegħed id-dritt Spanjol f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Din il-proposta ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil‑21 ta’ Diċembru 2018.

    19.

    Fil‑15 ta’ Mejju 2019, wara laqgħa oħra organizzata fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni bagħtet dokument lir-Renju ta’ Spanja, billi esponiet li għalkemm il-proposta msemmija iktar ’il fuq setgħet eventwalment ittemm il-ksur tal‑prinċipju ta’ ekwivalenza, dan ma kienx il-każ għall-ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

    20.

    Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2019, ir-Renju ta’ Spanja indika li l‑formulazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi ġodda ma kinitx possibbli, peress li l-Gvern kien provviżorju (Gobierno en funciones).

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    21.

    Permezz ta’ rikors tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi adotta u żamm fis-seħħ l-Artikolu 32(3) sa (6) u t‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, ir-Renju ta’ Spanja ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

    22.

    Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors inammissibbli, sa fejn il-Kummissjoni tqis li dan l-Istat Membru għandu jirriforma is-sistema ta’ responsabbiltà tiegħu jekk ir-rikors jintlaqa’, u tiċħad ir‑rikors.

    23.

    Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Marzu 2020.

    V. Analiżi

    A. Fuq l-ammissibbiltà

    24.

    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni titlob riforma fis-sistema Spanjola tar-responsabbiltà patrimonjali kollha kemm hi u b’hekk twessa’ s-suġġett tar‑rikors kif stabbilit mill-opinjoni motivata.

    25.

    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s‑suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’applikazzjoni tal‑Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni ( 12 ).

    26.

    Huwa minnu, hekk kif isostni r-Renju ta’ Spanja, li l-Kummissjoni ssostni fir-rikors tagħha li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors huwa fondat, is‑sistema Spanjola għandha tiġi rriformata kollha kemm hi.

    27.

    Madankollu, nirrileva li l-Kummissjoni tidentifika espressament id‑dispożizzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, jiġifieri l-Artikolu 32(3) sa (6) u t‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, li kollha jittrattaw l‑istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li din tikkontesta biss is-sistema legali tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur u tipprevedi biss ir-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn atti leġiżlattivi li jmorru kontra d‑dritt tal-Unjoni.

    28.

    F’dan ir-rigward, għandi nenfasizza li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll is-sitwazzjonijiet koperti minn dan ir-rikors. Għalhekk, huwa inkwistjoni l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni kemm meta d-dannu subit jirriżulta direttament minn azzjoni jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur, mingħajr interpożizzjoni ta’ att amministrattiv, kif ukoll meta jirriżulta mill-adozzjoni ta’ att amministrattiv mill‑amministrazzjoni b’applikazzjoni ta’ liġi, fil-każijiet fejn l-amministrazzjoni fir-realtà ma kellha ebda marġni ta’ manuvra għall-adozzjoni ta’ dan l-att.

    29.

    Barra minn hekk, nirrileva li l-opinjoni motivata kellha bħala suġġett l‑istess dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmija f’dan ir-rikors u li fiha l‑Kummissjoni fformulat ilmenti simili għal dawk żviluppati fir-rikors tagħha, b’tali mod li ma jistax jiġi konkluż li s-suġġett tar-rikors ġie estiż.

    30.

    Għalhekk jiena tal-fehma li ma hemmx dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

    B. Fuq il-mertu

    1.   Fuq il-prinċipju ta’ effettività

    31.

    Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif prevista fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività sa fejn din tissuġġetta l-kumpens għad-danni kkawżati għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur huwa suġġett għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ att leġiżlattiv mad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni, li l-individwu leż għandu jkun kiseb, quddiem qorti, qabel il-preżentata tar-rikors għad-danni, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li kkawża d-dannu, u fl-aħħar, it-tielet, li l-individwu jkun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li jkun ġie ppreżentat qabel ir-rikors għad-danni.

    32.

    Il-Kummissjoni żżid li, minn naħa, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni previst fl-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 u li, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni tad-danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għad-danni subiti ħames snin qabel id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà prevista fl-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 huma wkoll żewġ rekwiżiti inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

    33.

    Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, preliminarjament, li r-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn il-Kummissjoni wettqet analiżi parzjali u inkompleta tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema Spanjola kollha dwar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri biex jorganizzaw is-sistema ta’ responsabbiltà tagħhom tal-Istat sabiex jistabbilixxu li din is-sistema kienet, kollha kemm hi, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività ( 13 ).

    34.

    Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami ta’ dan l-argument, sa fejn, jekk jirriżulta li huwa fondat, l-eżami tal-ilmenti tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività mis-sempliċi dispożizzjonijiet imsemmija għandu jiġi miċħud.

    a)   Fuq it-tqegħid fil-mira ta’ ċerti dispożizzjonijiet mill-Kummissjoni

    35.

    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq analiżi ta’ kull dispożizzjoni nazzjonali li tista’ tirriżulta rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk is-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà patrimonjali tal-Istat leġiżlatur tmurx realment kontra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

    36.

    Issa, skont dan l-Istat Membru, kemm ir-rimedji “ordinarji” ( 14 ) kif ukoll ir-“rimedji ġenerali”, previst fl-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015, li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jiżguraw li l-individwi jkollhom rimedji effettivi meta jkunu ġarrbu dannu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi huwa dispożizzjoni supplimentari, li tipprevedi rimedju speċifiku għall-individwi li, ladarba jkunu diġà ppreżentaw rikors, kisbu deċiżjoni sfavorevoli li ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjoni legali applikata.

    37.

    L-imsemmi Stat Membru jsostni li l-Kummissjoni, billi għamlet analiżi parzjali, qalbet ukoll l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

    38.

    Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali ( 15 ), u li, meta diversi proċeduri jittieħdu inkunsiderazzjoni, id-dritt tal-Unjoni ma għandux għalfejn jindika dik li għandha tapplika ( 16 ).

    39.

    Madankollu, ma nemminx li dan ir-rekwiżit jimplika li għandhom jiġu eżaminati sistematikament ir-rimedji ġudizzjarji kollha li jippermettu ġeneralment l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, filwaqt li s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda biss is-sistema relatata mar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur.

    40.

    Nifhem iktar din il-kundizzjoni bħala li timponi analiżi kuntestwali tad-dispożizzjonijiet imqiegħda inkwistjoni, li tista’ inċidentalment twassal għall-eżami ta’ dispożizzjonijiet oħra meta dawn ikollhom rwol fil-proċedura inkwistjoni jew għandhom effettivament l-istess għan, jiġifieri li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba liġijiet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    41.

    Bl-istess mod, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġi kkritikata talli tfittex li tiffavorixxi proċedura għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur u mhux oħra, jeħtieġ ukoll li l-proċeduri deskritti mir-Renju ta’ Spanja jkollhom l-istess għan, jiġifieri preċiżament, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur.

    42.

    Issa, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Ebda waħda mid-dispożizzjonijiet invokati mir-Renju ta’ Spanja ma għandha l-għan u lanqas ma tippermetti, fil-qari tagħhom, il-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    43.

    Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-rimedji “ordinarji” jippermettu li jintalab kumpens għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi.

    44.

    Huwa minnu li kull wieħed minn dawn ir-rimedji jiżgura li l-individwi jistgħu, b’ċertu mod, jiksbu kumpens fil-każ ta’ danni kkawżati mill-amministrazzjoni b’mod ġenerali jew, tal-inqas, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-limitazzjoni tad-dannu tagħhom u li talba għal kumpens tista’ ssir minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-istudju ta’ dawn id-diversi rimedji juri madankollu li ebda waħda minnhom ma tippermetti li l-Istat leġiżlatur jinżamm responsabbli.

    45.

    L-ewwel, il-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament fil-qasam fiskali tiżgura biss l-istabbiliment mill-ġdid ta’ sitwazzjoni fl-ipoteżi ta’ ħlas żejjed mill-amministrazzjoni fiskali u b’ebda mod ma tippermetti l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur u l-kumpens għad-danni kkawżati. Barra minn hekk, nirrileva li l-kamp tal-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, kif prevista fid-dritt Spanjol, huwa limitat ratione materiae għall-qasam fiskali u għalhekk din il-proċedura ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi invokata bħala rimedju “ordinarju” li jippermetti l-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    46.

    It-tieni, l-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ estensjoni tal-effetti ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni, hija wkoll limitata ratione materiae. Din il-proċedura tipprevedi li, f’ċerti oqsma, l-effetti ta’ sentenza definittiva li rrikonoxxiet sitwazzjoni ġuridika individwalizzata favur persuna jistgħu jiġu estiżi għal persuni oħra fl-istess sitwazzjoni. L-użu ta’ din il-proċedura bħala rimedju ġudizzjarju. li jippermetti li l-Istat leġiżlatur jinżamm responsabbli, jippreżumi għalhekk li sentenza mogħtija inizjalment jew sentenza definittiva tkun diġà rrikonoxxiet ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’sitwazzjoni identika. Dan ir-rimedju ġudizzjarju lanqas ma jista’ jitqies bħala rimedju “ordinarju” li jiżgura l-effettività tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur peress li huwa intiż li japplika biss, f’dan il-każ, fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur tkun diġà ġiet irrikonoxxuta.

    47.

    It-tielet, fir-rigward tal-proċedura ta’ reviżjoni ex officio tal-atti amministrattivi, nirrimarka, minn naħa, li din ma tippermettix li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati mil-liġi direttament iżda biss dawk ikkawżati minn atti amministrattivi u, min-naħa l-oħra, li din hija kompletament dipendenti fuq ir-rieda tal-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk jidhirli li huwa eskluż li jista’ jkollha xi effett fuq l-evalwazzjoni tas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fi Spanja.

    48.

    Ir-raba’, anki r-rikors kontenzjuż amministrattiv indirizzat kontra att amministrattiv li kkawża dannu jikkonċerna preċiżament il-possibbiltà, inċidentali u mhux sistematika, li jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn att amministrattiv. Għalhekk huwa eskluż l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur meta d-dannu ma jkunx ikkawżat minn att amministrattiv, iżda direttament mil-liġi ( 17 ), b’tali mod li, anki hemmhekk, dan ir-rimedju proċedurali ma jistax jitqies li huwa r-rimedju “ordinarju” li jippermetti l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ( 18 ).

    49.

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Kummissjoni ssemmi wkoll l-ipoteżi fejn id-dannu huwa formalment ikkawżat minn att amministrattiv, meta dan tal-aħħar ikun ġie adottat mill-amministrazzjoni b’applikazzjoni ta’ liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkollha marġni ta’ manuvra għall-adozzjoni ta’ dan l-att. Tali rimedju ġudizzjarju jippermetti mingħajr ebda dubju li l-individwi li jkunu ġarrbu dannu minħabba dan l-att ikunu jistgħu jiksbu kumpens. Madankollu, għal darba oħra, din ma tirrigwardax formalment ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, iżda dik tal-awtorità amministrattiva bħala awtriċi tal-att.

    50.

    Ir-rimedji msejħa “ordinarji” li fuqhom jibbaża ruħu r-Renju ta’ Spanja ma għandhomx għalhekk l-għan li jikkumpensaw id-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss li jippermettu kumpens għad-danni kkawżati minħabba atti adottati mill-amministrazzjoni abbażi ta’ liġi inkompatibbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet analiżi parzjali tas-sistema Spanjola tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur billi ħadet inkunsiderazzjoni biss l-Artikolu 32(3) sa (6) tal-Liġi 40/2015, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet rilevanti f’dan ir-rigward.

    51.

    Fi kwalunkwe każ, nirrileva li għalkemm ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-rimedji l-oħra msemmija mir-Renju ta’ Spanja huma madankollu integrati fir-raġunament tal-Kummissjoni, inkwantu l-implimentazzjoni tagħhom hija kundizzjoni preliminari għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015. Għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li wettqet analiżi ddekuntestwalizzata tas-sistema Spanjola tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ).

    52.

    Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 32 tal-Liġi 40/2015 fl-intier tiegħu jippermetti l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax issemmi biss l-Artikolu 32(3) sa (6) ta’ din il-liġi, u tikkonċentra l-argumenti tagħha dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ effettività fuq l-Artikolu 32(5) tal-imsemmija liġi.

    53.

    Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015 jikkostitwixxi “rimedju ġenerali” sabiex jiġi żgurat il-kumpens għad-danni kkawżati lill‑individwi mill-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    54.

    Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-pożizzjoni tar-Renju ta’ Spanja żviluppat xi ftit matul il-proċedura. Filwaqt li l-argumenti tiegħu huma kkonċentrati, fis‑sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, fuq l-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015, dan l-Istat Membru pprova juri waqt is-seduta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-leġiżlatur kien irregolat mill-Artikolu 32(3) ta’ din il-liġi.

    55.

    Ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jiġi aċċettat.

    56.

    Minn naħa, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015 jippermetti l-kumpens “mill-amministrazzjonijiet pubbliċi korrispondenti” ta’ kull dannu subit mill-individwi meta dan id-dannu “jkun il-konsegwenza tal-funzjonament normali jew anormali tas-servizzi pubbliċi”. Lil hinn mill-fatt li niddubita li l-attività leġiżlattiva tista’ sempliċement tiġi kklassifikata bħala “attività ta’ servizz pubbliku” u li l-Istat leġiżlatur jista’ jitqies bħala amministrazzjoni pubblika fost oħrajn, nirrileva li tali formulazzjoni ġenerali, li tipprevedi r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha, tikkuntrasta ma’ dik tal-Artikolu 32(3) sa (6) ta’ din il-liġi, li, min-naħa tagħha, hija speċifika għar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur biss.

    57.

    Filwaqt li l-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015 huwa għalhekk effettivament ir-“rimedju ġenerali” sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur hija min-naħa tagħha s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet partikolari, li fir-realtà jkunu inutli kieku din l-ewwel dispożizzjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax titqies li għandha l-għan li tippermetti l-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur, peress li din tal-aħħar hija preċiżament irregolata mill-Artikolu 32(3) sa (6) ta’ din il-liġi.

    58.

    Min-naħa l-oħra, l-argument li l-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 huwa d-dispożizzjoni rilevanti sabiex ikun jista’ jseħħ il-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur minħabba liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jmur lil hinn mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar tipprovdi li l-individwi jistgħu jiġu kkumpensati għal kull preġudizzju għall-proprjetà tagħhom jew għad-drittijiet tagħhom “li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi […] peress li dan huwa previst mill-atti leġiżlattivi inkwistjoni u taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati minnhom” ( 20 ). Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirrigwardax ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss il-kumpens minn dan tal-aħħar għad-danni kkawżati minn liġi li ma tinvolvi ebda ksur tad-dritt tal-Unjoni, u bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jipprovdi għaliha.

    59.

    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni madankollu li din id-dispożizzjoni ġiet reċentement interpretata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bħala li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dan tal-aħħar.

    60.

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-portata tal-liġijiet, regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali ( 21 ). Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ xi drabi tmur lil hinn mis-sens letterali ta’ dispożizzjoni sabiex tfittex l-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati nazzjonali, huwa madankollu ċar ukoll li deċiżjonijiet ġudizzjarji iżolati f’kuntest ġurisprudenzjali kkaratterizzat minn orjentazzjoni oħra ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 22 ) u li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun suġġetta għal interpretazzjonijiet ġudizzjarji diverġenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li, tal-inqas, din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ċara biżżejjed sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

    61.

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jiena tal-opinjoni li interpretazzjoni ġurisprudenzjali iżolata diverġenti mill-kliem tad-dispożizzjoni interpretata ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni u li tali interpretazzjoni dejjem tirriskja, fi kwalunkwe każ, li tostakola l-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-punt li ma tkunx tista’ tiġi żgurata applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    62.

    Issa, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka insostenn tal-argument tiegħu biss sentenza waħda tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), minkejja li din is-sentenza allegatament tixhed interpretazzjoni diverġenti tal-leġiżlazzjoni, li tmur lil hinn minn dak li jippermetti t-test tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 ( 24 ). Barra minn hekk, dan l-Istat Membru nnifsu jenfasizza li għalkemm ir-rikors tqies li kien ammissibbli, dan madankollu sussegwentement ġie miċħud għar-raġuni li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti.

    63.

    Għaldaqstant, tali eżempju iżolat ma jidhirlix li huwa suffiċjenti sabiex jintwera li l-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 jippermetti li l-Istat leġiżlatur jinżamm responsabbli fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet iddikjarati minn din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti.

    64.

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li s-sentenza invokata mir-Renju ta’ Spanja tista’ tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-leġiżlatur abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015, bi ksur tal-kundizzjonijiet li tiddikjara din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx għalhekk ċara biżżejjed biex tkun tista’ ssir applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    65.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li la r-rimedji “ordinarji”, u lanqas l-Artikolu 32(1) u (3) tal-Liġi 40/2015, u lanqas l-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 ma għandhom bħala għan l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għad-danni kkawżati lill-individwi fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li identifikat biss l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, l-unika dispożizzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, sabiex tivverifika jekk is-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività.

    66.

    Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-argument imressaq b’mod prinċipali mir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud. Issa ser neżamina l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ effettività mis-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    b)   Fuq il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015

    67.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015 għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Għalhekk ser neżamina suċċessivament dawn it-tliet kundizzjonijiet sabiex niddetermina jekk dawn jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-ksib tal-kumpens għal dannu kkawżat mill-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    1) Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza preċedenti ta’ sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-att leġiżlattiv mad-dritt tal-Unjoni

    68.

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi li d-dannu għandu “jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola ddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”, filwaqt li huwa ppreċiżat, fl-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, li d-deċiżjoni li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-Unjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    69.

    Peress li huma biss id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li, barra minn hekk, huma biss is-sentenzi mogħtija wara rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jistgħu jirriżultaw minn dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tifhem l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, moqri flimkien mal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 fis-sens li jimponi l-eżistenza preċedenti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors għad-danni tal-Istat leġiżlatur.

    70.

    Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li, bis-saħħa tal-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015 u l-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, deċiżjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għall‑istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, filwaqt li jippreċiża li ma għandhiex neċessarjament tkun sentenza mogħtija wara rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    71.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru la huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ konstatazzjoni minn qabel ta’ nuqqas tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-Istat ( 25 ), u lanqas għar-rekwiżit li skontu l-eżistenza ta’ tali ksur tirriżulta minn sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari ( 26 ).

    72.

    Għaldaqstant jidhirli li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, moqri flimkien mal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, u mhux ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, li tagħmel l-eżistenza ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ att leġiżlattiv mad-dritt tal-Unjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali kundizzjoni preliminari għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, hija manifestament kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tista’ tirrendi, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba tal-kumpens għal dannu kkawżat mill-Istat leġiżlatur.

    73.

    Madankollu r-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argument li dan ir-rekwiżit imur kontra l-prinċipju ta’ effettività. F’dan ir-rigward, huwa jerġa’ jtenni l-argument tiegħu dwar l-eżistenza ta’ rimedji oħra li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi fi Spanja fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-Istat Membru jispjega li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 huwa rimedju addizzjonali ( 27 ), li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur bi ksur tal-awtorità ta’ res judicata meta r-rikorsi ppreżentati minn qabel kontra l-att kontenzjuż ikunu ġew miċħuda. Fil-fehma tiegħu, hija biss sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha effett erga omnes, li tista’ tippermetti tqegħid inkwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata.

    74.

    Fl-ewwel lok, kif irrilevajt, ebda wieħed mir-rimedji invokati mir-Renju ta’ Spanja ma għandu bħala għan ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal atti leġiżlattivi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Pjuttost milli possibbiltà addizzjonali li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 huwa għalhekk l-unika possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    75.

    Barra minn hekk, u kif tirrileva l-Kummissjoni, jidhirli li huwa inerenti wkoll għall-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiġi applikata biss bħala l-aħħar rimedju, meta r-rimedji legali l-oħra għad-dispożizzjoni tagħhom ma jkunux ippermettew lill-individwi jipproteġu b’mod effikaċi d-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Din il-karatteristika tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni madankollu ma tirreferix għal rimedju “supplimentari”, b’mod li tiġġustifika n-neċessità tal-eżistenza preċedenti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tagħha.

    76.

    Fit-tieni lok, ma narax ir-rilevanza tal-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar in-neċessità li tiġi protetta l-awtorità ta’ res judicata. Minn naħa, ma hemm xejn fit-test tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 li jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jikkonċerna l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur bi ksur tal-awtorità ta’ res judicata. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-preżentata ta’ rikors għad-danni tal-Istat leġiżlatur, wara li jkun ġie miċħud rikors kontra l-att li jikkawża preġudizzju, b’ebda mod ma tippreġudika l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni jew tas-sentenza mogħtija fi tmiem dan l-appell.

    77.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li proċedura biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat ma għandhiex l-istess għan u mhux neċessarjament tkun tinvolvi l-istess partijiet bħall-proċedura dwar l-att li jikkawża preġudizzju u li jkun ta lok għad-deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ( 28 ). L-għan tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ma huwiex li jippermetti l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni definittiva tal-qorti u t-tqegħid inkwistjoni tar-relazzjonijiet legali li din tistabbilixxi, iżda li jittaffew in-nuqqasijiet li wasslu biex ma tiġix iggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm din il-kwistjoni hija estranja għal dan ir-rikors, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara dan espressament fir-rigward tar-rikorsi għad-danni tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali: il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix, bħala prinċipju, ir-rikonoxximent tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat ( 29 ).

    78.

    Għalhekk, l-argumenti fformulati mir-Renju ta’ Spanja ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konstatazzjoni li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċedi l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur imur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    2) Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat mill-individwu leż kontra l-att amministrattiv li kkawża d-dannu

    79.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-formulazzjoni tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, li bis-saħħa tiegħu l-individwu għandu, qabel ma jkun jista’ jippreżenta rikors fuq din il-bażi, ikun kiseb quddiem kwalunkwe istanza deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, hija assoluta u, minħabba f’hekk, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività sa fejn din ma tipprevedix eċċezzjoni għall-każijiet fejn l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju minn qabel jista’ joħloq diffikultajiet eċċessivi, b’mod partikolari fil-każijiet fejn id-dannu huwa kkawżat direttament mil-liġi.

    80.

    Skont ir-Renju ta’ Spanja, din il-kundizzjoni tirriżulta mill-ħtieġa li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġi kkonċiljat ma’ dak tal-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur. Huwa wkoll diffiċilment konċepibbli li dannu jista’ jiġi kkawżat direttament minn att leġiżlattiv mingħajr interpożizzjoni ta’ att amministrattiv. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-imsemmija kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timponi l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji qabel il-preżentata ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, peress li t-test jirreferi biss għal “deċiżjoni definittiva”.

    81.

    F’dan ir-rigward, infakkar li, fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża urietx diliġenza raġonevoli sabiex tevita l-preġudizzju jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, hija rrikorrietx fil-ħin għar-rimedji legali kollha li kienu disponibbli għaliha ( 30 ). Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-persuna leża, sabiex ma tbatix hija stess id-dannu, għandha turi diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tal-preġudizzju ( 31 ).

    82.

    Issa, dan huwa preċiżament dak li jipprevedi l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, li jissuġġetta l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-kundizzjoni li l-individwu leż ikun ippreżenta minn qabel rikors kontra l-att amministrattiv adottat b’applikazzjoni tal-liġi inkompatibbli. Billi jikkontesta, fi żmien xieraq, il-validità tal-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju, kemm jekk permezz ta’ rikors kontenzjuż amministrattiv, ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament jew għall-estensjoni tal-effetti ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni, l-individwu leż seta’ evidentement jevita d-dannu li huwa jinvoka, jew, tal-inqas, jillimita l-portata tiegħu ( 32 ).

    83.

    Barra minn hekk, kif jirrileva r-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015 ma jimponix l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji qabel l-azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur, iżda biss iċ-ċaħda ta’ rikors minn kwalunkwe istanza. Ir-rekwiżit li tiġi kkontestata l-validità tal-att li jikkawża preġudizzju ma jimplikax għalhekk li l-persuna leża jkollha sistematikament rikors għar-rimedji legali kollha disponibbli u ma tmurx lil hinn mid-diliġenza li tista’ raġonevolment tkun mistennija minnha sabiex tillimita l-portata tad-dannu.

    84.

    Din it-tieni kundizzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, prevista fl‑Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, għalhekk ma tmurx, fil-fehma tiegħi, kontra l‑prinċipju ta’ effettività meta d-dannu jkun formalment ikkawżat minn att amministrattiv, adottat b’applikazzjoni ta’ liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    85.

    Barra minn hekk, nirrileva li tali kundizzjoni teżisti wkoll għal dak li jikkonċerna r-rikorsi għad-danni tal-Unjoni, li r-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni għad-danni mressqa kontra l-Unjoni hija inammissibbli meta din tirrigwarda l-istess illegalità u tkun intiża għall-istess finijiet pekunjarji bħar-rikors għal annullament tal-att tal-istituzzjoni li tikkawża preġudizzju u li l-persuna leża naqset milli teżerċita fil-ħin ( 33 ).

    86.

    Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti fl-ipoteżi fejn id-dannu huwa kkawżat direttament mil-liġi, mingħajr interpożizzjoni ta’ att amministrattiv. Kif diġà ppreċiżajt, u kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, tali ipoteżi hija faċilment possibbli: liġi ma tipproduċix l-effetti tagħha biss permezz ta’ atti amministrattivi.

    87.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li għalkemm huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività li jiġi previst li individwu ma jistax jikseb kumpens għal dannu li l-okkorrenza tiegħu huwa jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni billi juża rimedju legali, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-użu ta’ dan ir-rimedju legali jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża ( 34 ).

    88.

    Kif tirrileva l-Kummissjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015 ma tipprevedi ebda eċċezzjoni għall-kundizzjoni li l-individwu leż ikun diġà ppreżenta rikors kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, anki fl-ipoteżi fejn tali att ma jeżistix, peress li l-liġi stess hija l-kawża diretta tad-dannu. Issa, ma jistax evidentement jiġi raġonevolment mistenni minn individwu li jippreżenta rikors kontra att ineżistenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

    89.

    Din il-kundizzjoni, fis-sitwazzjoni ta’ dannu kkawżat direttament mil-liġi, fir-realtà għandha l-effett li tipprekludi l-preżentata ta’ kull rikors għad-danni tal-Istat Membru fis-sitwazzjoni fejn id-dannu jirriżulta direttament mil-liġi.

    90.

    Ir-Renju ta’ Spanja bbaża ruħu, waqt is-seduta, fuq sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li biha ġiet irrikonoxxuta l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola anki fl-assenza ta’ att amministrattiv ta’ applikazzjoni, u dan minkejja li l-Artikolu 32(4) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi l-istess rekwiżit ta’ rikors minn qabel bħall-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi. Issa, kif diġà ddikjarajt, interpretazzjoni ġurisprudenzjali unika li tmur kontra l-kliem tad-dispożizzjoni interpretata ma tistax, fil-fehma tiegħi, tittieħed inkunsiderazzjoni u, fi kwalunkwe każ, tibqa’ bir-riskju li tostakola l-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-punt li ma tkunx tista’ tiġi żgurata applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd iktar u iktar meta, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, isir raġunament b’analoġija mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra minbarra dik inkwistjoni.

    91.

    Għalhekk jiena tal-fehma li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 imur kontra l-prinċipju ta’ effettività peress li din id-dispożizzjoni tibqa’ tissuġġetta l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-eżerċizzju minn qabel mill-persuna leża ta’ azzjoni kontra att amministrattiv, anki meta d-dannu jirriżulta mil-liġi direttament.

    3) Il-kundizzjoni li l-individwu leż ikun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut sussegwentement fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra l‑att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu

    92.

    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprovdi li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur huwa suġġett għall-invokazzjoni, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju, tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut sussegwentement. Skont il-Kummissjoni, tali rekwiżit jillimita l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat leġiżlatur għall-każijiet li fihom id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura tipproduċi effett dirett, liema fatt imur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    93.

    Skont il-Kummissjoni, peress li huma biss id-dispożizzjonijiet ta’ effett dirett li jwasslu għall-obbligu, għal qorti nazzjonali, li ma tiġix applikata dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn individwi leżi li jinvokaw dispożizzjonijiet li ma għandhomx effett dirett minkejja li tali invokazzjoni ma kellha ebda effett fuq l-eżitu tar-rikors.

    94.

    Ir-Renju ta’ Spanja joġġezzjona li l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ effett dirett ma ssib il-bażi tagħha f’ebda dispożizzjoni tal-ordinament ġuridiku Spanjol. Il-fatt li huma biss id-dispożizzjonijiet ta’ effett dirett li jistgħu jwasslu għall-obbligu li qorti nazzjonali ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji ma għandu ebda effett fuq il-possibbiltà u l-opportunità li jiġi invokat ukoll ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma għandhomx effett dirett mid-dritt nazzjonali fil-kuntest tar-rikors kontra l-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju.

    95.

    Nippreċiża li dan l-ilment huwa rilevanti biss għal dak li jikkonċerna d‑danni kkawżati mil-liġi, b’interpożizzjoni ta’ att amministrattiv, sa fejn, kif urejt fil-punti 83 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biss f’din is-sitwazzjoni li huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività li l-azzjoni għad-danni tal-Istat tkun suġġetta għall-preżentata ta’ rikors kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d‑dannu. Fl-ipoteżi fejn id-dannu huwa kkawżat direttament mil-liġi, ftit li xejn huwa rilevanti jekk huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività li tintalab l‑invokazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-istadju tar-rikors kontra l-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju, peress li tali rikors ma jistax manifestament jiġi impost.

    96.

    Kif tosserva l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din tal‑aħħar ma jkollha ebda effett dirett ( 35 ). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma nemminx li dan jimplika jkun superfluwu, fil-kuntest ta’ rikors kontra att amministrattiv, li jiġi invokat il-ksur minn dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma għandhomx effett dirett.

    97.

    Ċertament, l-invokazzjoni mill-parti leża tal-ksur mid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjoni li ma għandhiex effett dirett ma tistax għalhekk twassal għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tar-rikors kontra l-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju.

    98.

    Madankollu, l-invokazzjoni utli tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni quddiem il‑qrati nazzjonali ma tistax tiġi spjegata biss għall-invokabbiltà ta’ esklużjoni, kif jidher li qiegħda tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni li ma għandhomx effett dirett jistgħu b’mod partikolari jiġu invokati quddiem il-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ta’ din tal-aħħar u jkollhom effett fuq l-eżitu tat-tilwima, anki fl-assenza ta’ effett dirett.

    99.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li t-tielet kundizzjoni imposta għall-preżentata ta’ azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, marbuta mal-invokazzjoni tal-ksur tad-dritt tal‑Unjoni fil-kuntest ta’ rikors kontra l-att li jikkawża preġudizzju għandha l‑effett li tillimita l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ effett dirett.

    100.

    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-kundizzjoni dwar in‑neċessità li jiġi invokat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors kontra l‑att amministrattiv li jikkawża preġudizzju, sabiex sussegwentement tkun tista’ tiġi stabbilita validament ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, hija konformi mal‑prinċipju ta’ effettività.

    101.

    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi fil-fatt li l-individwu għandu jkun invoka, fil-kuntest tar-rikors minn qabel, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni “rikonoxxut sussegwentement” fid-deċiżjoni li tiddikjara li r-regola tmur kontra d‑dritt tal-Unjoni. Għalhekk, mhux biss l-individwu għandu jkun ikkontesta l‑validità tal-att amministrattiv li jikkawżalu preġudizzju iżda għandu, barra minn hekk, ikun identifika korrettament id-dispożizzjoni preċiża tad-dritt tal-Unjoni li nkisret u li ta lok, skont il-loġika tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt.

    102.

    Għalkemm huwa minnu li l-preżentata ta’ rikors kontra l-att li jikkawża preġudizzju, minn naħa, tixhed li l-persuna leża wriet diliġenza raġonevoli biex tevita jew tillimita l-portata tad-dannu u, min-naħa l-oħra, tista’ għalhekk, f’dan ir‑rigward, tkun kundizzjoni għal rikors għad-danni sussegwenti, il-fatt li ma ġietx identifikata korrettament id-dispożizzjoni preċiża tad-dritt tal-Unjoni li nkisret ma jistax, fil-fehma tiegħi, jipprevjeni l-kumpens għad-dannu. Fil-fatt, individwu ma jistax jiġi kkritikat, bil-konsegwenza tat-telf tad-dritt tiegħu għal kumpens għal dannu subit, li ma ddeterminax huwa stess id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura mill-Istat, minkejja li huwa qabel kollox l-Istat li għandu jiżgura l‑konformità tad-dritt tiegħu mad-dritt tal-Unjoni u l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    103.

    Tali rekwiżit iwassal għalhekk sabiex jiġi impost fuq l-individwi leżi oneru li jmur lil hinn mid-diliġenza raġonevoli mistennija minnhom sabiex jillimitaw il-portata tad-dannu, b’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ effettività.

    104.

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 imur kontra l-prinċipju ta’ effettività sa fejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta l‑istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-konstatazzjoni minn qabel, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u għall-preżentata minn qabel ta’ rikors kontra l-att amministrattiv li jikkawża preġudizzju li fil-kuntest tiegħu ġie invokat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut sussegwentement mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma l‑imsemmija dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà għall-każ fejn id-dannu huwa kkawżat minn att leġiżlattiv mingħajr interpożizzjoni ta’ att amministrattiv.

    4) Il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-limitazzjoni tad-danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens, skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015

    105.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 67 tal-Liġi 39/2015, li jipprevedi li d‑dritt li jintalab kumpens għal dannu huwa preskritt sena wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni li tiddikjara l-att leġiżlattiv kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, u l-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, li jipprovdi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens biss id-danni li jseħħu f’terminu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ din l-istess pubblikazzjoni jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    106.

    Skont il-Kummissjoni, peress li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, id‑dispożizzjonijiet li jissuġġettaw għal tali deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja t‑terminu ta’ preskrizzjoni u d-danni li jistgħu jiġu kkumpensati huma wkoll kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

    107.

    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni mill-ġdid li l-eżistenza minn qabel ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal‑Istat leġiżlatur ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, fejn għalhekk it-terminu ta’ preskrizzjoni u l-limitazzjoni tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati lanqas ma jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività, u dan iktar u iktar meta t-tul tat-termini inkwistjoni ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

    108.

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif urejt fil-punti 68 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015, dwar l-eżistenza minn qabel ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    109.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur kif ukoll il-limitazzjoni tad-danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens f’dan ir-rigward, li kull waħda minnhom tiddependi mill-eżistenza ta’ tali deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn din tikkostitwixxi l-punt tat-tluq ta’ dawn iż-żewġ termini, huma daqstant kuntrarji għall-prinċipju ta’ effettività.

    110.

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni hija, fil-fehma tiegħi, kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività.

    2.   Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

    111.

    Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema Spanjola ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza sa fejn tipprevedi, fl‑Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, li, sabiex l-Istat leġiżlatur ikun jista’ jinżamm responsabbli fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li r-regola tad‑dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lil individwu u li l‑ksur ikun suffiċjentement serju, filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex meħtieġa għar-rikors għad-danni tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tal‑Kostituzzjoni Spanjola. L-azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad‑dritt tal-Unjoni hija għalhekk suġġetta għal kundizzjonijiet inqas favorevoli mill‑azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola, prevista fl-Artikolu 32(4) tal-Liġi 40/2015, filwaqt li ż-żewġ rikorsi huma ekwivalenti.

    112.

    Ir-Renju ta’ Spanja joġġezzjona li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jobbligax lil Stat Membru jestendi s-sistema interna l-iktar favorevoli għall-azzjonijiet kollha ppreżentati f’ċertu qasam tad-dritt u li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippreżumi għalhekk li r-rikorsi jkunu simili, sa fejn ikollhom suġġett u kawża simili. Fil-fehma tiegħu, dan ma huwiex il-każ. Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jsostni li, anki jekk ir-rikorsi kellhom jitqiesu li huma simili, l‑Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 sempliċement jikkodifika r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li, fi kwalunkwe każ, dawn ir‑rekwiżiti huma inerenti għas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ antikostituzzjonalità.

    113.

    Huwa minnu li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il‑ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk simili bbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali ( 36 ).

    114.

    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat, għandu għalhekk jiġi eżaminat qabel kollox jekk, fid-dawl tal-għan tagħhom, tal‑effett tagħhom, u tal-elementi essenzjali tagħhom, l-azzjoni għad-danni tal‑Istat leġiżlatur ibbażata fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u dik ibbażata fuq l‑antikostituzzjonalità ta’ att leġiżlattiv jistgħux jitqiesu li huma simili ( 37 ).

    115.

    Fir-rigward preċiżament taż-żewġ azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet fl-affermattiv. L-azzjoni għad-danni tal-Istat leġiżlatur dwar ksur tal‑Kostituzzjoni Spanjola u dik dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-istess għan, jiġifieri l-kumpens għad-dannu, u l-istess effett, il-ksur ta’ dispożizzjoni legali ta’ natura superjuri ( 38 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l‑unika differenza li teżisti bejn iż-żewġ azzjonijiet li tikkonsisti fil-fatt li l-ksur tad‑dritt li fuqhom huma bbażati huma kkonstatati, fir-rigward ta’ waħda, mill‑Qorti tal-Ġustizzja, u tal-oħra, minn sentenza tat-Tribunal Constitucional (il‑Qorti Kostituzzjonali, Spanja) ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita distinzjoni bejn dawn iż-żewġ azzjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 39 ).

    116.

    Peress li r-Renju ta’ Spanja ma ressaqx, f’dan ir-rigward, argumenti ġodda li jistgħu jibdlu din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-istess soluzzjoni għandha tiġi adottata f’dan il-każ. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, iż-żewġ azzjonijiet jistgħu jitqiesu li huma simili.

    117.

    Jibqa’ l-fatt li r-Renju ta’ Spanja jsostni, b’mod partikolari, li l‑Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 sempliċement jikkodifika l-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar‑responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi bi ksur tad-dritt tal‑Unjoni.

    118.

    Jidhirli li dan l-element huwa determinanti.

    119.

    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jirriproduċi fedelment it-tliet rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja neċessarji għall-ħolqien ta’ dritt għal kumpens fil-konfront tal-individwi fil-każ ta’ ksur mill-Istat tad-dritt tal‑Unjoni. Huwa t-tlaqqigħ ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet, li jimponu li d‑dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li dan il-ksur ikun suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu mġarrab, li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat u l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat. Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfata, ma jkunx jeżisti dritt għal kumpens abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

    120.

    Huwa biss ladarba l-eżistenza ta’ tali dritt tkun ġiet ikkonstatata, minħabba li dawn it-tliet kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, li l-Istat għandu jikkumpensa l‑konsegwenzi tad-dannu kkawżat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali u b’kundizzjonijiet li josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

    121.

    Dawn it-tliet kundizzjonijiet, neċessarji u suffiċjenti sabiex jingħata dritt għal kumpens favur l-individwi ( 40 ), għandhom għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġu kkunsidrati qabel il-problema dwar l-effettività u l-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, li huma intiżi biss sabiex jipprovdu qafas għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Huwa effettivament id-dritt nazzjonali li jirregola l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens, proċedurali u materjali, kif ukoll il-kontenut tiegħu, li jista’ wkoll jitwassal biex ivarja skont il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali (pereżempju, it-tip ta’ danni li għandhom jiġu kkumpensati), bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. L-eżistenza stess ta’ dan id-dritt nazzjonali hija, min-naħa l-oħra, esklużivament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, inkella tkun tista’ tiġi kompromessa l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

    122.

    Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa rilevanti biss ladarba jitnissel id-dritt għal kumpens, skont il-kundizzjonijiet iddikjarati fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u riprodotti fl-Artikolu 32(5) tal‑Liġi 40/2015. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jistax jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jippermettu t-tnissil ta’ dritt għal kumpens f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    123.

    Il-Kummissjoni tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni b’ebda mod ma jeskludi li r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dan id-dritt tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi. Issa, għandi nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi huwa permess “abbażi tad-dritt nazzjonali” ( 41 ). F’tali ipoteżi, it-tnissil ta’ dritt għal kumpens f’sitwazzjoni li ma timplikax ksur suffiċjentement serju ta’ regola li tagħti drittijiet lill-individwi ma huwiex għalhekk ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni u l-eżerċizzju tiegħu ma jistax għalhekk jiġi suġġett għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

    124.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikors għad-danni tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, bid-differenza tar-rikors għad-danni tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jimplika ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li dan il-prinċipju ma huwiex intiż li japplika f’tali ipoteżi.

    125.

    Għaldaqstant, għar-raġunijiet kollha stabbiliti, jiena tal-fehma li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    C. Fuq l-ispejjeż

    126.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l‑Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir‑rigward ta’ kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

    127.

    F’dan il-każ, peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja tilfu fir-rigward ta’ ċerti lmenti, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    VI. Konklużjoni

    128.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li:

    ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-prinċipju ta’ effettività, li jillimita l-awtonomija proċedurali li għandhom l-Istati Membri meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tagħhom għad-danni kkawżati lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi adotta u żamm fis-seħħ l-Artikolu 32(3) sa (6) u l-Artikolu 34(1) tal-Ley 40/2015 de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar is-Sistema Ġuridika tas-Settur Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015, kif ukoll l-Artikolu 67(1) tal‑Ley 39/2015 del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi 39/2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal‑1 ta’ Ottubru 2015;

    il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

    il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 35); tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 31); tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 24); kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 29).

    ( 3 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51); tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C-5/94, EU:C:1996:205, punt 25); kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30).

    ( 4 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 58), u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31).

    ( 5 ) Peress li l-espressjoni “awtonomija proċedurali” tirreferi kemm għall-kundizzjonijiet proċedurali nnifishom kif ukoll għal kundizzjonijiet sostantivi.

    ( 6 ) BOE Nru 157, tat‑2 ta’ Lulju 1985, p. 20632.

    ( 7 ) BOE Nru 174, tat‑22 ta’ Lulju 2015, p. 61593.

    ( 8 ) BOE Nru 167, tal‑14 ta’ Lulju 1998, p. 23516.

    ( 9 ) BOE Nru 302, tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 23186.

    ( 10 ) BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89343.

    ( 11 ) Ley 40/2015 de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar is-Sistema Legali tas-Settur Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89411) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 40/2015”).

    ( 12 ) Sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255 punt 65); tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Valuri limitu – NO2) (C‑635/18, mhux ippubblikata, EU:C:2021:437, punt 47); u tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Deterjorament tal-kampanja ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 160).

    ( 13 ) Ir-Renju ta’ Spanja jsostni diversi drabi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li analiżi globali tal-imsemmija sistema hija wkoll neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Madankollu, minn naħa, mis-sustanza tal-argumenti żviluppati minn dan l-Istat Membru jirriżulta b’mod ċar li din l-analiżi globali kienet tippermetti biss li tintwera l-effettività tas-sistema inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa bbażat esklużivament fuq paragun bejn ir-rikorsi għad-danni tal-Istat ippreżentati minħabba liġi antikostituzzjonali previsti fl-Artikolu 32(4) tal-Liġi 40/2015 u r-rikorsi għad-danni tal-Istat ippreżentati minħabba liġi inkompatibbli previsti fl-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma tantx huwa importanti li jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet kollha tal-ordinament ġuridiku Spanjol dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, naqbel ma’ dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar is-sempliċi eżami tal-eżistenza jew le ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

    ( 14 ) Jiġifieri r-rikors kontenzjuż amministrattiv kontra l-att li kkawża d-dannu, il-proċedura ta’ reviżjoni ex officio tal-atti amministrattivi, il-proċedura ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu fil-qasam fiskali u l-proċedura ta’ estensjoni tal-effetti ta’ sentenza fil-qasam fiskali.

    ( 15 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 85); tal‑20 ta’ Mejju 2021, X (Véhicules-citernes GPL) (C‑120/19, EU:C:2021:398, punt 72); u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28).

    ( 16 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 130).

    ( 17 ) Ir-Renju ta’ Spanja jsostni diversi drabi li dannu huwa diffiċilment ikkawżat minn att tal‑leġiżlatur fl-assenza ta’ kull att amministrattiv li japplikah, b’tali mod li r-rikors kontra l-att amministrattiv jista’ jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-individwi jiksbu kumpens għad-danni li huma ġarrbu minħabba l-liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tixhed il-kuntrarju u s-sentenzi fondaturi dwar ir-responsabbiltà tal‑Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkonċernaw preċiżament nuqqas jew traspożizzjoni ħażina ta’ direttivi mil-leġiżlatur li kkawża danni lil individwi.

    ( 18 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Kummissjoni tinkludi wkoll ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur bħala li jimplika s-sitwazzjonijiet fejn id-dannu huwa kkawżat minn att amministrattiv, adottat b’applikazzjoni ta’ liġi, meta l-amministrazzjoni ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni għall‑adozzjoni ta’ dan l-att.

    ( 19 ) Ser nittratta b’mod iktar preċiż din il-kwistjoni fil-kuntest tal-istudju tal-ilmenti dwar il-prinċipju ta’ effettività fformulat mill-Kummissjoni. Ara l-punti 67 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 20 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 21 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 49), u tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81).

    ( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 32).

    ( 23 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 33).

    ( 24 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li dan l-Istat Membru ma ppreċiżax jekk is-sentenza inkwistjoni hijiex sentenza ta’ kassazzjoni għall-finijiet tal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, ħaġa li ma tistax tiġi indikata mis-sempliċi fatt li ngħatat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Fil-fatt, kif isostni l-imsemmi Stat Membru, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija l-unika qorti msejħa sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet dwar ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur.

    ( 25 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 37).

    ( 26 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 38).

    ( 27 ) Huwa jikklassifika wkoll dan ir-rimedju bħala “residwu”, iżda ddiskuta l-użu ta’ dan it-terminu waqt is-seduta.

    ( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 39).

    ( 29 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 40); tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 58), kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 64).

    ( 30 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 84), kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 60).

    ( 31 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 84), kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 61).

    ( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2009:437, punti 19 et seq.).

    ( 33 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 59).

    ( 34 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 69).

    ( 35 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68).

    ( 36 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, EU:C:1998:401, punt 36); tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 41); u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 33).

    ( 37 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 35).

    ( 38 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 36). Dwar dan il-punt, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2009:437, punt 30).

    ( 39 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punti 4344).

    ( 40 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 37).

    ( 41 ) Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 66).

    Top