EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0267

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-28 ta’ Ottubru 2021.
AB Volvo u DAF TRUCKS NV vs RM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial - León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Direttiva 2014/104/UE – Artikoli 10, 17 u 22 – Azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea – Terminu ta’ preskrizzjoni – Preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu – Kwantifikazzjoni tad-danni mġarrba – Traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva – Applikazzjoni ratione temporis – Dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali.
Kawża C-267/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:884

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑28 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawża C‑267/20

AB Volvo,

DAF TRUCKS NV

vs

RM

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ León, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 101 TFUE – Direttiva 2014/104/UE – Azzjonijiet għad-danni skont id-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa bħala l-punt ta’ riferiment tar-retroattività d-data tas-sanzjoni u mhux dik tal-eżerċizzju tal-azzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kwantifikazzjoni tad-danni mġarrba – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża ssegwi d-direzzjoni tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/104/UE ( 2 ) dwar l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikoli 10, 17 u 22 tad-Direttiva 2014/104.

3.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AB Volvo u DAF Trucks NV (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”) u RM (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) dwar rikors għad-danni ppreżentat minn dan tal-aħħar li għandu bħala suġġett il-kumpens għad-dannu li rriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ikkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea, li allegatament twettaq minn ċertu numru ta’ impriżi, fosthom il-konvenuti.

4.

Din il-kawża ser twassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, kompitu mwettaq għall-ewwel darba fis-sentenzi Cogeco Communications ( 3 ) u Skanska Industrial Solutions et ( 4 ). B’dan il-mod, ir-risposti li l-Qorti ser tagħti lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża jista’ jkollhom impatt fuq it-tilwim attwalment pendenti quddiem il-qrati nazzjonali madwar l-Unjoni li jqajjem il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni li jirrigwardaw fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

5.

L-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 )jipprevedi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.”

6.

Skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Publikazzjoni tad-deċiżjonijiet”:

“1.   Il-Kummissjoni ħa tippublika id-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu skond l-Artikoli 7 sa 10, 23 u 24.

2.   Il-pubblikazzjoni ħa ssemmi il-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, incluż kwalunkwe pieni imposti. Hi ħa jkollha rigward għall-interessi leġitimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

2.   Id-Direttiva 2014/104

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Perijodi ta’ preskrizzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.   Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(a)

bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)

bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

(c)

l-identità tal-kontraventur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.”

8.

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kwantifikazzjoni tal-ħsara”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-piż u lanqas l-istandard tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw l-ammont ta’ ħsara jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab ħsara iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat b’mod preċiż il-ħsara mġarrba abbażi tal-evidenza disponibbli.

2.   Għandu jiġi preżunt li ksur minn kartelli jikkaġuna ħsara. Il-kontraventur għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti marbuta ma’ azzjoni għal danni, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tista’, fuq talba ta’ qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward taddeterminazzjoni tal-quantum tad-danni fejn dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li tali assistenza hija adatta.”

9.

L-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas‑27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.”

10.

L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, bit-titolu “Applikazzjoni temporali [ratione emporis]”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.”

B. Id-dritt Spanjol

11.

Skont l-Artikolu 74(1) tal-Ley 15/2007 de Defensa de la Competencia (il-Liġi 15/2007 dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni) tat‑3 ta’ Lulju 2007 ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 15/2007”):

“It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ta’ ħames snin.”

12.

L-Artikolu 76(2) tal-Liġi 15/2007 jipprevedi:

“Jekk jiġi stabbilit li rikorrent sofra dannu, iżda huwa prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li d-dannu mġarrab jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni abbażi tal-provi disponibbli, il-qrati huma awtorizzati li jistmaw l-ammont tal-kumpens għad-dannu.”

13.

L-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tar-Real Decreto-ley 9/2017 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017), intitolat “Sistema tranżitorja fil-qasam ta’ azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea”, tgħid:

“1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv irjali ma japplikawx retroattivament.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv irjali japplikaw biss għall-proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.”

14.

L-Artikolu 1902 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jiddisponi:

“Kull min bl-att jew bl-ommissjoni tiegħu jikkawża dannu lil ħaddieħor, minħabba tort jew negliġenza, huwa obbligat jikkumpensa d-dannu kkawżat.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Matul is-snin 2006 u 2007, ir-rikorrent xtara tliet trakkijiet immanifatturati mill-konvenuti.

16.

Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”) ( 7 )u ppubblikat stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa”).

17.

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi manifatturi internazzjonali ta’ trakkijiet, fosthom il-konvenuti, kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi ftehmu, minn naħa, fuq l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet ta’ piż ta’ bejn 6 u 16‑il tunnellata (“trakkijiet medji”) jew ta’ piż ta’ iktar minn 16‑il tunnellata (“trakkijiet tqal”) fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, fuq l-iskeda u t-twaqqit tal-kostijiet għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet meħtieġa mill-Istandards Euro 3 sa 6. F’dak li jikkonċerna l-konvenuti, il-ksur dam mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

18.

Fl‑1 ta’ April 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra l-konvenuti quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de León (il-Qorti Kummerċjali ta’ León, Spanja). Dan ir-rikors huwa intiż għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-prattiki antikompetittivi li wettqu dawn iż-żewġ kumpanniji. L-imsemmi rikors huwa bbażat, prinċipalment, fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 15/2007, kif emendata wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, u, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi s-sistema ġenerali tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali. Ir-rikors jikkostitwixxi, fir-rigward tal-konvenuti, azzjoni għad-danni ppreżentata wara deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE (azzjoni għad-danni tat-tip “follow-on”).

19.

Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, il-qorti tal-ewwel istanza, il-Juzgado de lo Mercantil de León (il-Qorti Kummerċjali ta’ León), laqgħet parzjalment it-talba għad-danni u kkundannat lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrent kumpens li jikkorrispondi għal 15 % tal-prezz tax-xiri tat-trakkijiet, flimkien mal-interessi legali, mingħajr madankollu ma kkundannat lil dawn il-kumpanniji għall-ispejjeż. B’mod iktar preċiż, din il-qorti ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni mqajjem mill-konvenuti, għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 74(1) tal-Liġi 15/2007, li jittrasponi l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/104, huwa applikabbli. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti applikat il-preżunzjoni ta’ dannu kkawżat mill-ksur imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju prevista fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, trasposta fl-Artikolu 76(3) tal-Liġi 15/2007 u użat is-setgħa ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja tad-dannu prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva, traspost fl-Artikolu 76(2) tal-Liġi 15/2007, minħabba li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ natura proċedurali fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-oneru tal-prova.

20.

Il-konvenuti appellaw mis-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ Léon, Spanja), billi sostnew li l-azzjoni hija suġġetta għas-sistema ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, li tissuġġetta l-azzjonijiet imressqa skont dan l-artikolu għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena previst fl-Artikolu 1968(2) tal-imsemmi kodiċi. Skont il-konvenuti, dan it-terminu beda jiddekorri mill-pubblikazzjoni, fid‑19 ta’ Lulju 2016, tal-istqarrija għall-istampa u għalhekk huwa preskritt, peress li t-talba għad-danni tressqet fl‑1 ta’ April 2018. Il-konvenuti jikkunsidraw ukoll li ma teżisti l-ebda prova tar-rabta kawżali bejn l-aġir deskritt fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u ż-żieda fil-prezz tat-trakkijiet mixtrija mir-rikorrent u li, peress li l-Artikolu 1902 tal-imsemmi kodiċi ċivili huwa applikabbli għar-rikors, jekk ir-rikorrent ma jirnexxilux jipprova d-dannu subit, it-talba għandha tiġi miċħuda.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 101 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tqis li kemm it-terminu għall-eżerċizzju tal-azzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2014/104], kif ukoll l-Artikolu 17 dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni ma humiex retroattivament applikabbli, sa fejn bħala l-punt ta’ riferiment tar-retroattività tiffissa d-data tas-sanzjoni u mhux dik tal-eżerċizzju tal-azzjoni?

2)

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104/UE u t-terminu “retroattivament” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa applikabbli għal azzjoni bħal dik eżerċitata fil-kawża prinċipali, li, għalkemm tressqet wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u tal-liġi ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda, madankollu, fatti jew sanzjonijiet preċedenti?

3)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 76 tal-[Liġi 15/2007], l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/104/UE, dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa regola ta’ natura proċedurali li tapplika għall-kawża prinċipali, jiġifieri għal azzjoni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni?”

22.

Waqt il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent, il-konvenuti, il-Gvern ta’ Spanja u dak tal-Estonja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern tal-Estonja, wieġbu wkoll bil-miktub fit-terminu mogħti għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A. Osservazzjonijiet preliminari

23.

Din il-kawża (imsejħa tat-“Trakkijiet”) tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi kumplessi u sensittivi li jirrigwardaw l-applikazzjoni ratione temporis ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 għal rikors għad-danni li, għalkemm ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jirrigwarda ksur li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ kemm tal-imsemmija direttiva kif ukoll ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

24.

Għandu jitfakkar li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li ta lok għall-azzjoni għad-danni, twettaq bejn is-sena 1997 u s-sena 2011. Huwa kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ġiet adottata fid‑19 ta’ Lulju 2016. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali u s-sommarju ta’ din id-deċiżjoni ġew ippubblikati fis‑6 ta’ April 2017.

25.

Fir-rigward tad-Direttiva 2014/104, infakkar li din daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Diċembru 2014 u li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fil‑31 ta’ Diċembru 2016. Din id-direttiva ġiet, min-naħa tagħha, trasposta fid-dritt Spanjol fis‑26 ta’ Mejju 2017.

26.

L-azzjoni għad-danni, min-naħa tagħha, tressqet wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/104, jiġifieri fl‑1 ta’ April 2018.

27.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Renju ta’ Spanja żgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 billi adotta d-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017. Permezz tal-Artikoli 3 u 4 tiegħu, dan id-digriet leġiżlattiv irjali żamm id-distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali. L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv irjali jimplimenta d-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2014/104 (inklużi dawk dwar il-preskrizzjoni u l-kwantifikazzjoni tad-dannu, rispettivament riprodotti fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 17(1) ta’din id-direttiva) billi jemenda l-Liġi 15/2007 (l-Artikoli 74 u 76 il-ġodda ta’ din il-liġi). L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 jimplimenta d-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2014/104 billi jemenda l-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

28.

B’hekk, il-punti kontenzjużi f’din il-kawża jirrigwardaw is-sistema legali applikabbli, minn naħa, għall-preskrizzjoni tal-azzjoni mressqa mir-rikorrent (u b’mod iktar partikolari t-tul u d-data tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) u, min-naħa l-oħra, għall-evalwazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tad-dannu subit.

29.

Nipproponi li tingħata risposta fl-ewwel lok għat-tieni u għat-tielet domanda, peress li dawn jirrigwardaw l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/104, li, f’dan il-kuntest, jistgħu jitqiesu li huma lex specialis, u wara, fit-tieni lok, għall-ewwel domanda li tirrigwarda l-obbligi li l-Istati Membri għandhom skont prinċipji tad-dritt primarju li l-kjarifika tagħhom issir rilevanti biss jekk l-obbligu inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi ta’ din id-direttiva.

B. Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

30.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, rispettivament, dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva 2014/104, fis-sens tal-Artikolu 22 tagħha, għar-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrent kontra l-konvenuti u dwar in-natura, sostantiva jew proċedurali, tar-regoli li jirriżultaw minn din id-direttiva.

31.

Fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żewġ domandi huma marbuta mill-qrib, jiena tal-opinjoni li dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien. Fil-fatt, huwa biss fi tmiem l-analiżi konġunta ta’ dawn iż-żewġ domandi li tista’ tingħata risposta utli għal kull waħda minnhom.

1.   Dwar l-interpretazzjoni tal-effett retroattiv previst fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 u l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet “sostantivi” ta’ din id-direttiva

32.

Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva sabiex, jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-imsemmija direttiva, ma japplikawx retroattivament.

33.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-avverbju “retroattivament” użat minn din id-dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-effett retroattiv jirreferix, l-ewwel, għad-data tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-akkordju, it-tieni, għad-data tas-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni jew inkella, jekk ikun il-każ, it-tielet. għad-data tal-preżentata tal-azzjoni għad-danni.

34.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha u, għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li nħolqu u eżistenti definittivament taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda (il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi) ( 8 ). Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata minn dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha ( 9 ).

35.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett ( 10 ).

36.

Issa, id-Direttiva 2014/104 fiha regoli speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva huwa limitat mill-Artikolu 22 tagħha, li jistabbilixxi distinzjoni bejn id-“dispożizzjonijiet sostantivi”, li ma japplikawx retroattivament ( 11 ), u d-“dispożizzjonijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 [ta’ dan l-Artikolu 22]” (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet proċedurali”), li japplikaw fil-kuntest ta’ rikorsi li min-naħa tagħhom ġew ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva (jiġifieri s‑26 ta’ Diċembru 2014) ( 12 ).

37.

B’dan il-mod, il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 tirrifletti l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li, kuntrarjament għar-regoli proċedurali, li huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi pendenti kollha meta dawn jidħlu fis-seħħ, ir-regoli sostantivi huma normalment interpretati bħala li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal “sitwazzjonijiet eżistenti” qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ( 13 ).

38.

Għalhekk issa għandu jiġi eżaminat il-mument li fih is-sitwazzjoni legali saret eżistenti fil-kawża msejħa tat-“Trakkijiet” u, b’mod iktar preċiż, jekk seħħitx qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104 u tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

39.

F’dan ir-rigward, ninnota li fis-sentenzi Cogeco u Skanska Industrial Solutions et ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2014/104 ma kinitx applikabbli ratione temporis għal “fatti” li seħħew qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, mingħajr madankollu ma ppreċiżat jekk dan ir-riferiment kienx jikkonċerna biss il-ksur jew kienx jieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kif ukoll l-azzjoni għad-danni. Infakkar li, b’differenza mill-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, li fihom l-azzjonijiet għad-danni seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104, f’din il-kawża, l-azzjoni għad-danni tressqet wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u abbażi tal-Liġi 15/2007 li tittrasponi l-imsemmija direttiva ( 15 ).

40.

Il-konvenuti jsostnu li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-regoli sostantivi applikabbli għall-allegat dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-mument meta s-sitwazzjoni saret eżistenti huwa l-mument meta l-imsemmi dannu ġie kkawżat, jiġifieri l-mument meta, matul il-perijodu tal-ksur ikkonstatat, ir-rikorrent xtara t-trakkijiet inkwistjoni.

41.

Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li s-sitwazzjoni legali tiegħu saret eżistenti fil-mument meta ġiet ippreżentata l-azzjoni għad-danni. Għalhekk, id-Direttiva 2014/104 hija applikabbli fl-intier tagħha, mingħajr ma tqum il-kwistjoni tar-retroattività.

42.

Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tielet riferiment kronoloġiku sabiex jiġi stabbilit il-mument meta s-sitwazzjoni legali saret eżistenti, jiġifieri d-data tas-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

43.

Ninnota qabelxejn li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104 tqajjem dubji f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. B’mod iktar speċifiku, Dan l-artikolu ma jidentifikax liema – minn fost id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva – huma ta’ natura “sostantiva” jew “proċedurali”. Barra minn hekk, il-portata tal-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet sostantivi ma hijiex stabbilita b’mod suffiċjentement ċar. Dan wassal għal approċċi differenti bejn l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-istess direttiva, fatt li jirriskja li jippreġudika kemm l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 16 ) kif ukoll l-imperattiv ta’ ċertezza legali ( 17 ).

44.

Inqis, barra minn hekk, li l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni tar-rikorrent twassal għall-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet sostantivi li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex effett retroattiv. B’hekk tinħoloq sitwazzjoni li tippreġudika l-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ uniformità segwiti mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104. Issa, tali interpretazzjoni tirriskja li “terġa’ tqajjem” azzjonijiet potenzjalment diġà preskritti qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni ( 18 ).

45.

Għal dak li jirrigwarda l-kriterju tad-data tas-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni, nirrikonoxxi li, fid-dawl tal-fatt li din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq l-inizjattiva tal-isfera privata (“private enforcement”) u, b’mod iktar preċiż, tirrigwarda rikors għad-danni wara ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat minn awtorità tal-kompetizzjoni (azzjoni għad-danni tat-tip “follow‑on”), wieħed jista’ jistaqsi jekk il-kriterju li għandu jintuża biex jiġi stabbilit il-mument li fih seħħet is-sitwazzjoni legali għandux ikun pjuttost marbut mal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat il-ksur. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni tat-tip “follow‑on”, is-sitwazzjoni legali tal-parti leża mhux biss hija marbuta mal-konstatazzjoni tal-ksur minn awtorità tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi stadju preliminari primordjali sabiex il-parti leża tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tikseb kumpens, iżda tiddependi intrinsikament minnha.

46.

F’dan ir-rigward ninnota li t-teħid bħala punt ta’ riferiment tad-data tad-dannu mġarrab jew dik tal-ksur imwettaq biss sabiex jiġi stabbilit il-mument meta s-sitwazzjoni legali saret eżistenti jikkostitwixxi ċertament approċċ rilevanti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mill-isfera pubblika (“public enforcement”), kif jixhed l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, jew fil-kuntest ta’ kawżi għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali, indipendentement mill-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonstata ksur (“stand‑alone actions”), iżda jista’ eventwalment jaqa’ barra mill-qafas kunċettwali u kuntestwali tal-azzjonijiet għad-danni tat-tip “follow‑on”, li jippresupponu l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u jużaw din tal-aħħar bħala bażi għall-azzjoni tagħhom.

47.

Madankollu, għalkemm l-argument preċedenti jidher sensibbli, dan ma jistax jiġi aċċettat.

48.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ retroattività jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-rekwiżit tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiġi ggarantit li l-persuni suġġetti għad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jkunux affettwati minn leġiżlazzjoni li ma tkunx “ċara u prevedibbli” ( 19 ). Għalhekk, bħas-sanzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni imposti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mill-isfera pubblika, in-nuqqas ta’ retroattività tar-regoli sostantivi ġodda dwar l-azzjonijiet għad-danni għandu l-għan li jiżgura li l-awtur tal-ksur ikun jista’ jipprevedi l-konsegwenzi tat-twettiq tal-att illegali u, b’mod partikolari, il-portata possibbli tar-responsabbiltà tiegħu skont ir-regoli sostantivi fis-seħħ fil-mument tal-ksur. Minn dan isegwi li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 jirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiggarantixxi, għall-partijiet fil-kawża, il-prevedibbiltà tar-regoli sostantivi li jiddeterminaw ir-responsabbiltà għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u b’hekk jipprojbixxi l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha ( 20 ).

49.

Għalhekk, fil-qasam ta’ azzjonijiet għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni fattwali rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2014/104 li jiddeterminaw il-ħolqien tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali hija l-okkorrenza tal-fatti li jagħtu lok għall-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà li, f’din il-kawża, saqru eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni tat-tip “follow-on”, għalkemm ċertament l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju bħal dak f’dan il-każ setgħu jbassru li l-aġir tagħhom kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jista’ jiġi kkastigat minn awtorità tal-kompetizzjoni u seta’ potenzjalment iwassal sabiex partijiet leżi jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tal-ksur. Din il-pożizzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata kemm mid-Direttiva 2014/104 ( 21 ) kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u mill-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri ( 22 ). Irrid nenfasizza li dan ma jippreġudikax id-dritt tal-partijiet leżi li jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab. Fil-fatt, kif spjegat fil-punti 93 u 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan tal-aħħar huwa ggarantit mid-dritt primarju tal-Unjoni u b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ effettività tal-Artikolu 101 TFUE.

50.

Fit-tieni lok, l-għażla tad-data tal-ksur, li tikkostitwixxi kriterju ċar, oġġettiv u verifikabbli tkun jippermetti wkoll li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2014/104 u jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ din id-direttiva ( 23 ).

51.

Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat ukoll li numru kbir ta’ Stati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 jidhru li ddeċidew b’mod ftit jew wisq espliċitu li d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’din id-direttiva ma japplikawx għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn id-dannu mġarrab minħabba l-ksur seħħ qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jew id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-istess direttiva. Issa, jidher li l-leġiżlatur Spanjol għażel tali mudell billi ppreveda li, għalkemm id-dispożizzjonijiet proċedurali japplikaw biss għall-proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tad-digriet leġiżlattiv irjali li jittrasponi d-Direttiva 2014/104 (jiġifieri mis‑27 ta’ Mejju 2017), id-dispożizzjonijiet sostantivi ma japplikawx “retroattivament” jiġifieri għal fatti li seħħew qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104. Barra minn hekk, tali approċċ ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ( 24 ).

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li għalkemm id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2014/104 japplikaw għall-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet ikklassifikati bħala “sostantivi” ma għandhomx effett retroattiv u ma japplikawx.

2.   Fuq id-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jinsabu fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104

53.

Infakkar li it-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104 fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar terminu ta’ preskrizzjoni (Artikolu 10), tal-awtorizzazzjoni tal-qrati nazzjonali li jistmaw l-ammont tad-dannu (Artikolu 17(1)), u tal-preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu kkawżat minn akkordju (Artikolu 17(2)).

54.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq humiex dispożizzjonijiet sostantivi jew le fis-sens tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva u jekk japplikawx għal azzjoni għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

a)   Fuq il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-Direttiva 2014/104

55.

Qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri għandhomx il-libertà li jikklassifikaw ir-regoli adottati sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 bħala regoli ta’ natura sostantiva jew proċedurali.

56.

Il-Gvern Spanjol u dak Estonjan isostnu li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba pożittiva. Għalhekk, dawn il-gvernijiet isostnu li, sakemm il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tal-azzjonijiet għad-danni ma tkunx armonizzata b’mod eżawrjenti fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, l-ordinament ġuridiku nazzjonali rispettiv jibqa’ liberu li jikklassifika r-regoli li jirregolaw din il-preskrizzjoni bħala regoli sostantivi jew regoli proċedurali.

57.

Il-Gvern Estonjan isostni wkoll li l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija proċedurali li tagħtihom marġni ta’ manuvra fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/104 li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tosserva bil-kundizzjoni li l-Istat Membru josserva, min-naħa tiegħu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Skont dan il-gvern, il-klassifikazzjoni ta’ regola bħala waħda ta’ natura “sostantiva” jew “proċedurali” wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi intervent inaċċettabbli fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

58.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u waħda mill-konvenuti huma tal-fehma li l-punt dwar liema dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 huma sostantivi u liema ma humiex għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u mhux fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali applikabbli.

59.

Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni.

60.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104 ma jiddefinixxix liema huma d-dispożizzjonijiet sostantivi u dawk ta’ natura proċedurali, dan l-artikolu jirreferi espressament għad-“dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva”, li jidher li jindika li n-natura tad-dispożizzjonijiet tagħha hija kwistjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni.

61.

Fit-tieni lok, infakkar li, fost l-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2014/104, hemm ir-rieda li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li tissaħħaħ l-effettività tal-azzjonijiet għad-danni f’dan il-qasam, kif ukoll li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ( 25 ). Madankollu, jekk l-Istati Membri jitħallew b’diskrezzjoni bħal din ikun hemm ir-riskju ta’ applikazzjoni mhux konsistenti u mhux uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-diversi ordinamenti ġuridiċi, li jmur kontra l-għanijiet imsemmija qabel. Min-naħa l-oħra, il-fatt li jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni għandu jiddetermina, fost id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, dawk li huma sostantivi u dawk li ma humiex ikun jippermetti li tiżdied iċ-ċertezza legali u li l-persuni leżi minn ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunu pprevenuti u skoraġġuti milli jressqu azzjoni għad-danni quddiem qorti partikolari li tkun intgħażlet minħabba li dan l-approċċ ser iwassal għall-applikazzjoni tar-regoli sostantivi u proċedurali iktar favorevoli għall-interessi tagħhom minn dawk li jistgħu jiġu applikati minn qorti nazzjonali oħra. Fi kliem ieħor, dan l-approċċ jippermetti li jiġi evitat il-“forum shopping”.

62.

Fit-tielet lok, ninnota li, anki jekk jiġi aċċettat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ħalla lill-Istati Membri l-għażla li jiddeterminaw liema dispożizzjonijiet kienu ta’ natura sostantiva jew proċedurali, xorta jibqa’ l-fatt li din l-għażla għandha ssir konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex tiġi żgurata sistema effikaċi ta’ sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li kontrih tittieħed azzjoni fuq l-inizjattiva tal-isfera privata.

63.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li t-tieni u t-tielet domanda għandhom jiġi eżaminati billi wieħed jitlaq mill-premessa li d-determinazzjoni tan-natura tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 hija kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni.

b)   Ir-regoli li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni konformement mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104

64.

Għandu jiġi nnotat li, bħal fil-każ tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur Spanjol ittraspona l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva fid-dritt Spanjol bħala dispożizzjoni sostantivi nieqsa minn effett retroattiv.

65.

Infakkar li l-Avukata Ġenerali Kokott iddeċidiet dwar il-klassifikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Cogeco, billi kkunsidrat li din ma hijiex dispożizzjoni purament proċedurali ( 26 ).

66.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, b’differenza mit-termini tal-proċedura, it-terminu ta’ preskrizzjoni jaqa’ taħt id-dritt sostantiv, ladarba għandu l-funzjoni li jipproteġi kemm lill-persuna leża – li għandu jkollha biżżejjed żmien sabiex tiġbor informazzjoni xierqa bil-għan ta’ rikors eventwali – kif ukoll lill-persuna responsabbli għad-dannu, billi jevita li l-persuna leża tkun tista’ ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni ( 27 ).

67.

Ninnota wkoll li l-kwistjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni taqa’ taħt id-dritt sostantiv fil-parti l-kbira tad-drittijiet nazzjonali u li, minħabba f’hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 ġie traspost bħala dispożizzjoni sostantivi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ( 28 ).

68.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, b’kuntrast ma Stati Membri oħra ( 29 ), il-leġiżlatur Spanjol donnu ma pprevediex regoli tranżitorji speċjali f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regoli l-ġodda ta’ preskrizzjoni.

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva ma japplikax għal azzjoni għad-danni li, minkejja li tressqet wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda fatti u sanzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

c)   Is-setgħa ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja u ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu previst fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104

70.

Fir-rigward tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan jirrigwarda fuq kollox il-livell ta’ prova meħtieġ għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni tad-dannu mġarrab mill-persuni leżi u l-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali rispettiva tal-provi li fuqhom ir-rikorrenti tista’ tibbaża ruħha sabiex tipprova l-portata tad-dannu mġarrab.

71.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li la l-piż u lanqas l-istandard tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tad-dannu ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

72.

Qabel kollox ninnota li din id-dispożizzjoni hija espressjoni tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ).

73.

L-istess jgħodd, fil-fehma tiegħi, f’dak li jirrigwarda t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 li ma jistabbilixxix obbligu sostantiv ġdid impost fuq il-partijiet fil-proċedura.

74.

Għalhekk, billi tnaqqas il-livell ta’ prova meħtieġ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu mġarrab, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni eżistenti għad-detriment tar-rikorrent u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tad-dannu mġarrab, b’mod partikolari fil-kawżi dwar akkordji, teżiġi li jiġi evalwat il-mod kif kien jiżviluppa s-suq ikkonċernat fl-assenza ta’ ksur, kompitu kważi impossibbli li jitwettaq minn parti leża.

75.

Ninnota wkoll li, bil-kontra tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva ma jirtirax l-oneru tal-prova u l-obbligu prinċipali impost fuq ir-rikorrent li jikkwantifika u jipprova l-ammont tad-dannu mġarrab. Din id-dispożizzjoni tillimita ruħha biss li tipprovdi lill-qrati nazzjonali metodu ta’ kwantifikazzjoni tal-ammont tad-dannu billi tagħti lil dawn tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jaġġustaw il-livell ta’ prova meħtieġ għall-istabbiliment tal-ammont tad-dannu u li jaċċettaw, għalhekk, livell ta’ prova inferjuri meta mqabbel ma dak normalment meħtieġ meta r-rikorrenti jkollhom diffikultajiet biex jikkwantifikaw bi preċiżjoni d-dannu kkawżat.

76.

Billi tagħmel dan, jiena nqis li din l-għodda sempliċement issaħħaħ dik li hija, barra minn hekk, il-missjoni naturali tal-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, jiġifieri d-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu mġarrab.

77.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 jista’ jitqies bħala dispożizzjoni “proċedurali” fis-sens tal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva u, bħala tali, dan japplika għal azzjoni għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għalkemm inbdiet wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda ksur li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ kemm tal-istess direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

d)   Il-preżunzjoni tad-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104

78.

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 huwiex dispożizzjoni sostantiva jew le fis-sens tal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, huwa preżunt li l-ksur imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju jikkawża dannu. Il-kontraventur madankollu għandu d-dritt li jirribatti din il-preżunzjoni.

79.

Qabelxejn ninnota li din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha għat-tqassim tal-oneru tal-prova dwar l-eżistenza tad-dannu (li hija kwistjoni ta’ natura proċedurali), iżda li tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli dwar l-eżistenza tad-dannu li jirriżulta mill-akkordju kkonċernat, li jirrigwarda direttament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-kontraventuri tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

80.

F’dan ir-rigward, infakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta teżisti rabta kawżali bejn dan id-dannu u ftehim jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE ( 31 ). L-eżistenza ta’ dannu u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq huma bla dubju parti mill-elementi kostituttivi tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali.

81.

F’dan il-kuntest, jiena tal-opinjoni li l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 ma għandhiex għan purament probatorju. Min-naħa l-oħra, billi tattribwixxi l-oneru tal-prova lill-kontraventur u billi teħles lill-persuna leża mill-obbligu li tipprova l-eżistenza ta’ dannu mġarrab minħabba l-akkordju jew rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u dan l-akkordju, din il-preżunzjoni hija direttament marbuta mal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali lill-kontraventur ikkonċernat u, konsegwentement, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għalhekk, jidhirli li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104, u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tiegħu, jikkostitwixxi regola marbuta mill-qrib mal-ħolqien, mal-attribuzzjoni u mal-portata tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-impriżi li kisru l-Artikolu 101 TFUE bil-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju. Issa, mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li tali regoli jistgħu jiġu kklassifikati bħala “regoli sostantivi” ( 32 ).

82.

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx effett retroattiv lil dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2014/104 li huma wkoll strettament marbuta mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontraventuri. Pereżempju, fis-sentenza Skanska Industrial Solutions et, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-istabbiliment tar-responsabbiltà in solidum tal-impriżi li kisru d-dritt tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir konġunt, ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni, li kienu jirrigwardaw rikors għad-danni ppreżentat wara l-akkordju li kien wassal għalih ( 33 ).

83.

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, ċerti indikazzjonijiet għandhom tendenza li jsaħħu l-pożizzjoni li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu preżunzjonijiet bħal dik stabbilita fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104, jistgħu jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet sostantivi ( 34 ).

84.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li, bil-kontra tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi kklassifikat bħala dispożizzjoni “sostantiva” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva u, konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex ikun hemm konformità ma din id-dispożizzjoni ma għandiex tapplika għal fatti li jikkostitwixxu responsabbiltà mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

85.

Dan espost, kif spjegat fil-punti 139 sa 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma tipprekludi lill-qrati nazzjonali milli japplikaw preżunzjonijiet relatati mal-oneru tal-prova fir-rigward tal-preżenza ta’ dannu li kienu jeżistu qabel ir-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni rispettivi, li l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prinċipji ġenerali ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

86.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni adottati biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva dwar is-setgħa mogħtija lill-qrati nazzjonali sabiex jevalwaw l-ammont tad-dannu, għal danni mġarrba minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni. L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva, li jipprevedi preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu kkawżat mill-akkordji, għall-ksur imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

C. Fuq l-ewwel domanda preliminari

87.

Fid-dawl tar-risposti li nipproponi li jingħataw għat-tieni u għat-tielet domanda, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

88.

L-ewwel domanda preliminari tinkludi żewġ partijiet.

89.

Minn naħa, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont id-dritt primarju, jiġifieri dwar l-effett tal-Artikolu 101 TFUE u tal-prinċipju ta’ effettività sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 10(3), it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 japplikawx għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 101 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jeżiġux li l-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 tiġi interpretata fis-sens li l-emendi magħmula għal-liġi ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ preskrizzjoni, il-preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu fil-kuntest ta’ akkordju u l-kwantifikazzjoni tad-dannu japplikaw għall-azzjonijiet eżerċitati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv irjali, bħal fil-każ tal-azzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, inklużi l-każijiet fejn it-talba tirrigwarda fatti u sanzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi digriet leġiżlattiv irjali.

90.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol, u b’mod iktar partikolari fuq id-dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li tikkostitwixxi l-bażi legali alternattiva tar-rikors għad-danni fil-kawża prinċipali, mal-Artikolu 101 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività, fil-każ fejn l-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva 2014/104 ma humiex applikabbli ratione temporis.

91.

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, ninnota li l-prinċipju ta’ effettività ma jistax jimponi l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2014/104. Dan ikun imur kontra prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk inqis li l-fatt li l-leġiżlatur Spanjol iddeċieda li d-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 10 u l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva huma dispożizzjonijiet sostantivi li ma japplikawx retroattivament, klassifikazzjoni li barra minn hekk hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif spjegat fl-analiżi tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, l-istess raġunament ma japplikax għall-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva li huwa dispożizzjoni proċedurali u li jista’ japplika għar-rikors għad-danni li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża.

92.

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ din id-domanda, ninnota qabelxejn li l-projbizzjoni tar-retroattività tal-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2014/104, skont l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, f’dak li jirrigwarda l-fatti li jikkostitwixxu r-responsabbiltà mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni, ma teskludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b’mod konformi mal-obbligi li huma diġà kellhom taħt id-dritt primarju, skont il-prinċipju ta’ effettività ( 35 ).

93.

B’hekk huwa paċifiku li, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam applikabbli ratione temporis, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mill-effett dirett ta’ dawn ir-regoli, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 36 ).

94.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 101 TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet fir-rigward tal-partijiet fil-kawża, li għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali. Għalhekk, l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE tirrikjedi li kull persuna li tkun ġarrbet dannu għandha tkun tista’ titlob kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens), iżda wkoll għat-telf ta’ qligħ (lucrum cessans) kif ukoll il-ħlas ta’ interessi ( 37 ).

95.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kontenut u l-portata ta’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-aspetti partikolari tal-azzjonijiet għad-danni. Għalhekk, hija ddikjarat li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ “prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli” ( 38 ).

96.

Għandu jiġi nnotat ukoll li l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera pubblika u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq l-inizjattiva tal-isfera privata għandhom jitqiesu bħala għodda li jservu għan komuni li huwa dak tal-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni. Ninnota f’dan ir-rigward li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u aktarx jiskoraġġixxi dawn il-ftehimiet jew prattiki, li spiss isiru bil-moħbi u li għandhom it-tendenza li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew joħolqu distorsjoni fiha. Minn din il-perspettiva, l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea ( 39 ). Għalhekk, għalkemm fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera pubblika l-effett dissważiv jimmanifesta ruħu permezz tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, dan l-effett dissważiv fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq l-inizjattiva tal-isfera privata huwa żgurat mir-riskju għall-impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju li jaffaċċjaw għadd kbir ta’ azzjonijiet għad-danni minn partijiet potenzjalment leżi fi qrati differenti (b’mod partikolari meta l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun transkonfinali u jkun mifrux fuq diversi Stati Membri, bħal fil-każ inkwistjoni).

1.   L-eżami tas-sistema ta’ preskrizzjoni prevista mill-Kodiċi Ċivili Spanjol fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività

97.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema ta’ preskrizzjoni speċifika hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-preskrizzjoni u b’mod iktar speċifiku, l-ewwel, it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ( 40 ), it-tieni, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu jibdiex jiddekorri qabel ma l-vittma tkun saret taf bid-dannu mġarrab ( 41 ) u t-tielet, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu jistax jiġi sospiż jew interrott ( 42 ).

98.

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali prevista mill-Kodiċi Ċivili Spanjol fid-dawl ta’ dawn il-kriterji.

a)   It-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni

99.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax ikun “tant qasir sal-punt li, flimkien ma’ regoli oħra ta’ preskrizzjoni, jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli” ( 43 ).

100.

Ninnota li t-terminu ta’ sena previst mis-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kodiċi Ċivili Spanjol huwa kunsiderevolment iqsar meta mqabbel mat-tul ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/104.

101.

Ninnota, madankollu, li fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza Cogeco, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tas-sistema ta’ preskrizzjoni inkwistjoni ( 44 ). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-effettività ma huwiex suffiċjenti li ċerti elementi individwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni jiġu eżaminati b’mod iżolat ( 45 ).

102.

Qabel ma nanalizza l-punt tat-tluq u l-avveniment li jiskatta t-terminu ta’ preskrizzjoni, nirrileva li f’din il-kawża ma qamitx il-kwistjoni tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni (minkejja l-importanza tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk it-terminu ta’ sena huwiex kompatibbli mal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cogeco). F’dak li jikkonċerna, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività f’dan il-livell nirreferi għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Cogeco ( 46 ).

b)   Id-dies a quo għall-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni

103.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkonkludi li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 ma huwiex applikabbli għal azzjoni għal danni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tkun, bħala prinċipju, marbuta li tapplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena previst mis-sistema ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali prevista fl-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili u li tiddetermina d-dies a quo għall-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

104.

F’dan ir-rigward, il-konvenuti jqisu li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili beda jiddekorri mill-jum tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa, jiġifieri d‑19 ta’ Lulju 2016. Peress li l-azzjoni tar-rikorrent ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ April 2018, din hija għalhekk preskritta.

105.

Min-naħa tagħhom, ir-rikorrent, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu li huwa l-jum tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri s‑6 ta’ April 2017, li għandu jitqies bħala dies a quo, li jimplika, f’dan il-każ, li l-azzjoni għad-danni ma hijiex preskritta.

106.

Infakkar qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun adattata għall-aspetti speċifiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati ( 47 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq l-avveniment li jagħti bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, billi speċifikat li kien essenzjali, biex il-persuna leża tkun tista’ tressaq azzjoni għad-danni, li din tkun taf l-identità tal-kontraventur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 48 ).

107.

Dawn il-kriterji jinstabu wkoll fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/104 li jipprevedi li l-punt tat-tluq tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa suġġett għall-fatt li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, il-waqfien tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-għarfien ta’ ċerta informazzjoni indispensabbli għat-tressiq tal-azzjoni għad-danni ( 49 ).

108.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema dokument, bejn il-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa jew il-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (u tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni), jista’ jiġi kklassifikat bħala l-avveniment rilevanti li minnu jista’ raġonevolment jitqies li r-rikorrent sar jaf bl-informazzjoni indispensabbli għall-eżerċizzju tal-azzjoni għad-danni.

109.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu analizzati s-suġġett, in-natura u b’mod partikolari l-kontenut tal-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni billi tiġi mqabbla mas-sommarju tad-deċiżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-kawża msejħa tat-“Trakkijiet”. Wieħed għandu jistaqsi wkoll dwar l-eżistenza ta’ eventwali obbligu ta’ diliġenza li għandu jkun issodisfatt mill-partijiet leżi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fuq l-inizjattiva tal-isfera privata.

1) Fuq il-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

110.

B’mod konformi mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija obbligata li tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu skont l-Artikoli 7, 9, 10 u 24 ta’ dan ir-regolament.

111.

Il-Kummissjoni tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu billi tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sommarju tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE bil-lingwi uffiċjali kollha “ftit wara” l-adozzjoni tagħhom ( 50 ).

112.

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu wkoll il-prassi li jippubblika “fl-iqsar żmien possibbli” verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE fuq is-sit internet tiegħu, anki jekk, kuntrarjament għas-sommarji, id-deċiżjonijiet jiġu ppubblikati biss bil-lingwa tal-proċedura. Minħabba l-obbligu li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kunfidenzjali tal-partijiet, dawn il-verżjonijiet pubbliċi ġeneralment jiġu ppubblikati ċertu żmien wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ( 51 ).

113.

Infakkar li, f’din il-kawża, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet adottata fid‑19 ta’ Lulju 2016. Fl-istess jum, hija ħabbret l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit internet tagħha ( 52 ). Imbagħad, fis‑6 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppubblikat sommarju tal-imsemmija deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’din l-istess data, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja tad-deċiżjoni fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

2) Fuq l-eżistenza ta’ dmir ta’ informazzjoni impost fuq il-parti leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

114.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, tqum il-kwistjoni dwar jekk jeżistix obbligu għall-partijiet potenzjalment leżi li jikkonformaw ruħhom ma’ ċertu dmir ta’ diliġenza fit-trattament tal-kawżi tagħhom sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja li tippermettilhom jibdew azzjoni għad-danni, u fl-affermattiv, sa fejn dan id-dmir ta’ diliġenza jeżiġi li jiġu segwiti l-pubblikazzjonijiet tal-istqarrijiet għall-istampa tal-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE.

115.

Il-konvenuti jidhru li qegħdin isostnu li, peress li l-lanjanti kienu impriżi jew professjonisti ta’ esperjenza, tali dmir ta’ diliġenza għandu jkun meħtieġ. Skont dawn il-partijiet, ċertu numru ta’ indizji – bħall-kopertura mill-midja tal-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-jum tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa jew il-fatt li uffiċċji tal-avukati, fondi ta’ investiment u esperti oħra involuti f’talbiet simili għad-danni jidher li ħabbru l-possibbiltà li jfittxu lill-manifatturi tat-trakkijiet – jindikaw li x-xerrejja tat-trakkijiet ma setgħux jallegaw li ma kinux jafu bid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

116.

B’hekk, skont il-konvenuti, ir-rikorrent għandu jitqies li kien jaf bil-ksur, sa mill-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa, u kien f’pożizzjoni li jressaq azzjoni għad-danni jew, tal-inqas, li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni billi jibgħat ittra sa minn din id-data, li jidher li kien il-każ ta’ xerrejja oħra ta’ trakkijiet li attwalment qed ifittxu lill-manifatturi tat-trakkijiet quddiem il-qrati Spanjoli.

117.

Ma nikkontestax il-fatt li, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa, ċertu numru ta’ atturi attivi fis-suq ikkonċernat mill-akkordju saru jafu bil-fatt li l-Kummissjoni adottat tali deċiżjoni. Huwa ċar ukoll li, fid-dawl tat-tul tal-investigazzjoni u tal-istqarrijiet għall-istampa maħruġa mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni (li probabbilment ġew riprodotti mill-istampa f’diversi Stati Membri) ( 53 ) kif ukoll tal-isfidi għax-xerrejja ta’ dawn il-prodotti, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li parti mis-suq kienet taf bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni u a fortiori bid-deċiżjoni mogħtija minn din tal-aħħar.

118.

Madankollu ma nqisx li jeżisti dmir ġenerali ta’ diliġenza min-naħa tal-vittmi ta’ ksur tal-kompetizzjoni li jimponilhom li jsegwu l-pubblikazzjoni ta’ tali stqarrijiet għall-istampa.

119.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti qrati, jitressqu azzjonijiet għad-danni wara l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa, jekk mhux saħansitra qabel ( 54 ). Madankollu, din il-prattika (li barra minn hekk ma hijiex unanima b’mod partikolari fid-dawl tad-diversi approċċi magħżula mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ( 55 )), ma toħloqx, fil-fehma tiegħi, “dmir ta’ diliġenza” li jimponi fuq il-vittmi kollha ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni l-obbligu li jressqu kawżi għad-danni abbażi tal-imsemmija stqarrijiet għall-istampa.

120.

B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi preżunt li, wara sempliċi pubblikazzjoni ta’ stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni fis-sit internet tagħha, il-persuna leża kkonċernata saret taf bl-informazzjoni kollha indispensabbli għall-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal rikors għad-danni. Bħall-Kummissjoni, inqis li l-fatt li wieħed jeżiġi li parti potenzjalment leża turi grad ta’ diliġenza eċċessivament għoli, jiġifieri li jmur lil hinn minn dak li din il-parti setgħet raġonevolment tkun taf bih, jippreġudika d-dritt tagħha li titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika antikompetittiva. Għalhekk, il-prinċipju ta’ effikaċja sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali inerenti għall-istabbiliment tal-preskrizzjoni jeżiġu li dan id-dmir ta’ diliġenza ma jkunx wisq vinkolanti għall-persuna li titlob danni ( 56 ).

121.

Fl-aħħar nett, ninnota li l-prattika ġudizzjarja ta’ ċerti Stati Membri tidher li tagħmel distinzjoni bejn il-konsumaturi “professjonisti” jew l-impriżi kbar u l-konsumaturi “ordinarji” f’dak li jirrigwarda dan l-allegat “dmir ta’ diliġenza”. Tal-ewwel huma preżunti li jiġu ttrattati bħala li għandhom obbligu ta’ diliġenza superjuri għal tal-aħħar, li jimponilhom li jsegwu l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni.

122.

Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina każ b’każ jekk id-dmir ta’ diliġenza tal-persuna leża kienx jobbligaha ssegwi l-iżvilupp ta’ kawża ta’ kompetizzjoni sabiex teżerċita d-drittijiet tagħha, inqis li l-istabbiliment ta’ tali distinzjoni bejn il-persuni leżi jirriskja li jżid l-inċertezza (diġà eżistenti) fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fuq l-inizjattiva tal-isfera privata. Peress li l-isfera li fiha joperaw il-partijiet potenzjalment leżi ma hijiex omoġenja, il-grad ta’ diliġenza meħtieġ f’kull każ jiddependi neċessarjament minn għadd kbir ta’ kriterji li jirreferu għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-parti potenzjalment leża, bħal, pereżempju, id-daqs tax-xerrej ikkonċernat, il-kwantità jew il-volum tal-prodott mixtri, l-istruttura tas-suq, il-kundizzjonijiet ta’ dan ix-xiri kif ukoll kriterji oħra li jixhdu d-diffikultà prattika biex tiġi stabbilita tali distinzjoni. Għalhekk inqis li, tal-inqas fir-rigward tal-istqarrijiet għall-istampa u tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-ksur marbut mad-dritt tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari u prevedibbli dwar “l-għarfien”, bħar-rabta (pereżempju) mal-pubblikazzjoni tas-sommarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, fil-kuntest tal-azzjonijiet għal responsabbiltà tat-tip “follow-on”, ir-rabta ma’ element oġġettiv bħall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata dan il-ksur f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkostitwixxi l-fażi finali tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mill-isfera pubblika, tippermetti li jiġi stabbilit b’mod ċar, preċiż u trasparenti, il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni, kemm għall-impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju kif ukoll għall-partijiet leżi. B’hekk, id-dritt li l-parti leża tressaq azzjoni għad-danni wara aġir antikompetittiv jinħoloq waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata dan l-aġir, u b’mod iktar preċiż meta din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

124.

Barra minn hekk ninnota li, fid-dawl tal-kontenut tas-sommarju tad-deċiżjoni, insibha diffiċli li nifhem għalfejn dan ma jistax jiġi ppubblikat fl-istess jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni u l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa. Fil-fatt, kuntrarjament għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni, li għaliha huwa ġġustifikat li jkun hemm intervall ta’ żmien bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u l-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha minħabba l-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kunfidenzjali tal-partijiet, ma jidhirx li tali ħtieġa hija neċessarja f’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 57 ).

3) Il-kontenut tal-istqarrija għall-istampa u tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kawża msejħa tat-“Trakkijiet”

125.

Qabelxejn għandu jiġi osservat li, meta mqabbla mas-sommarji tad-deċiżjonijiet ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-istqarrijiet għall-istampa ġeneralment jinkludu informazzjoni inqas dettaljata dwar l-aġir restrittiv tal-kompetizzjoni u r-raġunijiet li għalihom dan l-aġir jikkostitwixxi ksur.

126.

Barra minn hekk, l-istqarrijiet għall-istampa ma humiex indirizzati direttament lill-partijiet li għalihom l-informazzjoni ppubblikata tista’ tkun ta’ interess partikolari u għalhekk ma humiex intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Avviż legali f’dan is-sens jinsab fis-sit internet tal-Kummissjoni ( 58 ).

127.

F’dan il-każ, kuntrarjament għas-sommarju tad-deċiżjoni fil-kawża msejħa tat-“Trakkijiet” li ġie ppubblikat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, l-istqarrija għall-istampa ġiet ippubblikata biss b’sitt lingwi uffiċjali ( 59 ). Nenfasizza, barra minn hekk, li ma ġietx ippubblikata fil-lingwa Spanjola, il-lingwa tal-pajjiż ta’ oriġini tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Ninnota wkoll li l-istqarrija għall-istampa tirreferi għall-possibbiltà li l-persuni jew l-impriżi leżi minn prattiki antikompetittivi bħal dawk deskritti għandhom li jressqu l-każ quddiem il-qrati tal-Istati Membri u li jitolbu d-danni ( 60 ).

128.

Issa għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ stqarrija għall-istampa li jippermettu li parti leża tressaq azzjoni għad-danni.

129.

L-ewwel, l-istqarrija għall-istampa ma tidentifikax id-destinatarji speċifiċi tad-deċiżjoni (il-kumpannija omm u l-eventwali sussidjarji kkonċernati mid-deċiżjoni ma humiex iċċitati kollha) u ma tindikax l-isem tal-kumpannija tal-entitajiet ġuridiċi destinatarji tad-deċiżjoni ( 61 ), iżda biss l-ismijiet kummerċjali tal-impriżi involuti. Għall-kuntrarju, is-sommarju tad-deċiżjoni jsemmi l-kontraventuri.

130.

It-tieni, l-istqarrija għall-istampa ma tinkludix deskrizzjoni suffiċjentement dettaljata tal-ksur u, b’mod partikolari, it-tipi preċiżi ta’ trakkijiet ikkonċernati mill-ksur. Hija tindika sempliċement li l-ksur jikkonċerna t-trakkijiet “medji” (ta’ piż inkluż bejn 6 u 16‑il tunnellata) u “tqal” (ta’ piż ta’ iktar minn 16‑il tunnellata), filwaqt li s-sommarju tad-deċiżjoni jippreċiża li t-trakkijiet tratturi huma inklużi mat-trakkijiet medji u tqal, u li d-deċiżjoni ma tirrigwardax is-servizzi ta’ wara l-bejgħ jew servizzi oħrajn u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħrajn.

131.

It-tielet, l-istqarrija għall-istampa la tindika t-tul eżatt tal-ksur u lanqas it-tul tiegħu imputat lil kull entità ġuridika destinatarja tad-deċiżjoni. Hija tinnota sempliċement li l-ksur “dam 14‑il sena, mill‑1997 sal‑2011”, filwaqt li s-sommarju tad-deċiżjoni jindika t-tul eżatt (mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011), filwaqt li jippreċiża t-tul attribwit lil kull waħda mill-impriżi kkonċernati f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju kkonstatat.

132.

Issa, dawn l-elementi jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, indizji kruċjali li jippermettu li persuna leża tidentifika jekk il-ksur seħħx f’suq ġeografiku li jikkonċernaha u matul perijodu li matulu din tal-aħħar fil-fatt xtrat it-tip u l-mudell tat-trakkijiet li huma s-suġġett tal-akkordju.

133.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fid-dawl tal-għan u tan-natura tal-istqarrijiet għall-istampa u fuq kollox tal-kontenut tagħhom, huwa evidenti, fil-fehma tiegħi, li l-parti leża ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li jkollha elementi li jippermettulha tibda azzjoni għad-danni biss mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

134.

F’dan ir-rigward ninnota li, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol u bla ħsara għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, donnu jidher li l-qrati Spanjoli jinterpretaw is-sistema ta’ preskrizzjoni fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni ppreżentati abbażi tal-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena jibda’ jiddekorri biss b’effett mill-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

135.

Għalhekk inqis li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-azzjoni ma hijiex preskritta.

2.   Il-preżunzjoni tad-dannu fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni

136.

F’dak li jirrigwarda l-prova tal-eżistenza tad-dannu mir-rikorrent, din għandha ssir skont is-sistema tad-dritt komuni, fid-dawl tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 ikkonstatata waqt l-analiżi tat-tielet domanda preliminari.

137.

Fl-ewwel lok, ninnota li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari s-sentenza Masterfoods u HB ( 62 ), jipprevedi li, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 jew 102 TFUE u li diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

138.

Dan jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment tar-rabta kawżali bejn il-ksur (diġà kkonstatat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni) u d-dannu mġarrab mingħajr ma ssir applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104.

139.

Fit-tieni lok, kif imsemmi fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemm xejn li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli japplikaw preżunzjonijiet dwar l-oneru tal-prova dwar il-preżenza ta’ dannu li kienu jeżistu qabel id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni rispettivi, li l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prinċipji ġenerali ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 63 ).

140.

F’dan ir-rigward, nosserva li, skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni (u għalhekk barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva), ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ittrattati fl-imsemmija direttiva, bħall-kunċett ta’ “rabta kawżali” bejn il-ksur u d-dannu, għandhom josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

141.

Dan ifisser li r-regoli nazzjonali “ma għandhomx ikunu fformulati jew applikati b’mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE”, b’mod li l-qorti nazzjonali jkollha marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ interpretazzjoni fl-istima tad-dannu mġarrab ( 64 ).

142.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni tar-regola nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni retroattiva tat-terminu ta’ azzjoni ta’ ħames snin u tal-preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu kkawżat mill-akkordji rispettivament previsti fl-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104. Madankollu, l-Artikolu 101 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jimponu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-azzjoni għad-danni tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-jum tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

V. Konklużjonijiet

143.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ Léon, Spanja):

1)

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni retroattiva tat-terminu ta’ azzjoni ta’ ħames snin u tal-preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu kkawżat mill-akkordji rispettivament previsti fl-Artikolu 10(3) fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-Artikolu 101 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jimponu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-azzjoni għad-danni tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-jum tal-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2)

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva ma japplikax għal azzjoni għad-danni li, għalkemm imressqa wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda fatti u sanzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

3)

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni adottati biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva dwar is-setgħa mogħtija lill-qrati nazzjonali sabiex jevalwaw l-ammont tad-dannu, għal danni mġarrba qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni. L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva, li jipprevedi preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu kkawżat mill-akkordji, għall-ksur imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

( 3 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019 (C‑637/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cogeco, EU:C:2019:263).

( 4 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019 (C‑724/17, EU:C:2019:204).

( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 6 ) BOE Nru 159 tal‑4 ta’ Lulju 2007, p. 28848.

( 7 ) Is-sanzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex, barra minn hekk, finali għal waħda mill-impriżi, li qiegħda tikkontestaha fil-kuntest ta’ rikors pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Scania et vs Il‑Kummissjoni (T‑799/17), ippreżentat fil‑11 ta’ Diċembru 2017.

( 8 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ April 1970, Bundesknappschaft vs Brock (68/69, EU:C:1970:24, punt 7), u tal‑10 ta’ Lulju 1986, Licata vs ECOSOC (270/84, EU:C:1986:304, punt 31).

( 9 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32); u tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32), kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 50).

( 10 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni (C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104.

( 12 ) Ara l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104.

( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni (C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019 (C‑724/17, EU:C:2019:204).

( 15 ) Barra minn hekk, kif imsemmi fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża msejħa tat-“Trakkijiet” ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104 iżda qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, filwaqt li l-pubblikazzjoni tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni seħħet wara t-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva iżda qabel it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt Spanjol permezz tal-Liġi 15/2007.

( 16 ) Ara l-premessa 34 tad-Direttiva 2014/104

( 17 ) F’dan ir-rigward ninnota li l-l-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tal-iskema l-ġdida ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 turi b’mod ċar din il-problema fid-dawl tad-diversi approċċi ta’ traspożizzjoni segwiti mill-Istati Membri.

( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 63).

( 19 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (Kawżi magħquda 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10).

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 50 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 31).

( 23 ) Ara l-premessa 34 tad-Direttiva 2014/104.

( 24 ) Ara r-“Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni”, tal-14 ta’ Diċembru 2020.

( 25 ) Ara l-premessa 34 tad-Direttiva 2014/104.

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 61).

( 27 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 5253).

( 28 ) Thomas, B., u Aubin, F., f’Amaro, R. (ed.), Private Enforcement of Competition Law in Europe, l-ewwel edizzjoni, Brussell, Bruylant, 2021, “Chapter 7 - Limitation period”, p. 165.

( 29 ) Ara, pereżempju, l-approċċ segwit minn Franza fl-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 2017-303 tad‑9 ta’ Marzu 2017 dwar l-azzjonijiet għad-danni minħabba parattiċi antikompetittivi (JORF Nru 59 tal‑10 ta’ Marzu 2017).

( 30 ) Ara s-sentenzi Cogeco u tat-12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et (C‑435/18, EU:C:2019:1069).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis (C‑361/02 u C‑362/02, EU:C:2004:401, punt 20).

( 33 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 34).

( 34 ) Ara l-Artikolu 15(c) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ((“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40)) u l-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 35 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.

( 36 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29); tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 24) kif ukoll is-sentenza Cogeco (punt 42).

( 37 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 95).

( 38 ) Ara s-sentenzi Cogeco (punti 38 sa 55) u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis et (C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 29).

( 40 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 48).

( 41 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 49).

( 42 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 51).

( 43 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 48).

( 44 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 45).

( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 81).

( 46 ) Ara s-sentenza Cogeco (punti 44 sa 55).

( 47 ) Ara s-sentenza Cogeco (punt 47).

( 48 ) Ara s-sentenza Cogeco (punti 48, 49 u 50).

( 49 ) Għalhekk inqis li l-analiżi li ġejja hija wkoll rilevanti sabiex jiġu stabbiliti d-dies a quo f’każ ipotetiku fejn l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jkun applikabbli.

( 50 ) Ara l-premessa 148 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6).

.

( 51 ) Ara l-premessa 149 tal-Komunikazzjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

( 52 ) Ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_16_2582.

( 53 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl‑2011 il-Kummissjoni kkonfermat, li wettqet spezzjonijiet għal għarrieda bħala parti mill-investigazzjoni tagħha fis-settur tal-kostruzzjoni tat-trakkijiet (ara l-iskeda ta’ informazzjoni tat‑18 ta’ Jannar 2011“Antitrust: Commission confirms unannounced inspections in the truck sector”, disponibbli bil-lingwa Ingliża biss fis-sit internet https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/MEMO_11_29). Sussegwentement, fl‑2014, il-Kummissjoni kkonfermat ukoll permezz tal-istqarrija għall-istampa li hija kienet bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil xi manifatturi tat-trakkijiet issuspettati li pparteċipaw f’akkordju (ara l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ Novembru 2014“Antitrust: Commission sends statement of objections to suspected participants in trucks cartel”, disponibbli fil-lingwa Ingliża, f’dik Ġermaniża u f’dik Franċiża fis-sit internet https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_14_2002). Madankollu, dawn iż-żewġ dokumenti la jidentifikaw l-impriżi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, la s-swieq ġeografiċi u lanqas il-prodotti kkonċernati jew it-tul tal-ksur taħt investigazzjoni f’dan il-perijodu.

( 54 ) Thomas, B., u Aubin, F., f’Amaro, R. (ed.), Private Enforcement of Competition Law in Europe, l-ewwel edizzjoni, Brussell, Bruylant, 2021, “Chapter 7 - Limitation period”, p. 170 sa 172.

( 55 ) Van Bael & Bellis, Competition Law of the European Union, is-6 edizzjoni, Kluwer Law International, 2021, “Chapter 11: Private Enforcement”, p. 1322.

( 56 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26).

( 57 ) F’dan ir-rigward ninnota li l-intervall ta’ żmien li jirriżulta bejn il-pubblikazzjoni tas-sommarju ta’ deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea diversi xhur wara l-adozzjoni tagħha u l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa fil-jum tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jista’ joħloq inċertezza legali li tipperikola l-applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni fid-dawl tad-diversi approċċi magħżula mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-dies a quo.

( 58 ) Ara f’dan is-sens: https://ec.europa.eu/info/legal-notice_mt.

( 59 ) L-istqarrija għall-istampa ġiet ippubblikata fil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Taljana, Olandiża u Svediża.

( 60 ) Link għad-Direttiva 2014/104 kif ukoll għas-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni li fih iktar informazzjoni dwar l-azzjonijiet għad-danni f’kawżi ta’ akkordji u ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kif ukoll gwida prattika dwar il-mod kif jiġi kkwantifikat id-dannu kkawżat mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huma disponibbli għall-pubbliku.

( 61 ) Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, wara t-tniżżil tal-istqarrija għall-istampa mill-internet, diversi jiem wara l-pubblikazzjoni tagħha (fil‑25 ta’ Lulju 2016), fis-sezzjoni dwar il-każ imsejjaħ tat-“Trakkijiet” fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, l-ismijiet tal-kumpanniji tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienu diġà jidhru fil-parti ta’ fuq tal-paġna ddedikata għall-każ (ara https://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39824). Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-persuni li kkonsultaw l-istqarrija għall-istampa setgħu jkunu jafu bl-identità tad-destinatarji tad-deċiżjoni.

( 62 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000 (C‑344/98, EU:C:2000:689).

( 63 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.

( 64 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.

Top