Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0177

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fis-16 ta’ Settembru 2021.
ˮGrossmaniaˮ Mezőgazdasági Termelő és Szolgáltató Kft vs Vas Megyei Kormányhivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Győri Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Supremazija – Effett dirett – Kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 63 TFUE – Obbligi ta’ Stat Membru li jirriżultaw minn deċiżjoni preliminari – Interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni – Obbligu għal qorti nazzjonali li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja – Deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva fl-assenza ta’ azzjoni ġudizzjarja – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Responsabbiltà tal-Istat Membru.
Kawża C-177/20.

;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:748

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑16 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑177/20

“Grossmania” Mezőgazdasági Termelő és Szolgáltató Kft

vs

Vas Megyei Kormányhivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali, Győr, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Supremazija – Effett dirett – Kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali – Ksur tad-dritt tal-Unjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’deċiżjoni preliminari, kif ukoll f’azzjoni ta’ ksur – Obbligi u drittijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi u qrati nazzjonali – Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għal każijiet li jkunu simili għal dawk inkwistjoni f’dik id-deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni amministrattiva ssir finali jekk ma tkunx ikkontestata quddiem il-qrati – Assenza ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ tali deċiżjoni minħabba li tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Linja ġurisprudenzjali Kühne & Heitz (C‑453/00)”

1.

Dan il-każ jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja dilemma Korneljana fundamentali fid-dritt tal-Unjoni: l-għażla bejn il-prinċipju ta’ legalità u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ntbagħat mill-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali, Győr, l-Ungerija) fil-kuntest ta’ deċiżjoni li ċaħdet ir-reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet għal użufrutt ikkanċellati tar-rikorrent fuq art agrikola.

I. Il-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda mressqa għal deċiżjoni preliminari

2.

Grossmania hija kumpannija kummerċjali bbażata fl-Ungerija u hija magħmula minn ċittadini ta’ Stati Membri minbarra l-Ungerija. Grossmania kellha drittijiet ta’ użufrutt fuq proprjetajiet immobbli fl-Ungerija. Dawn id-drittijiet kienu ġew ikkanċellati fir-reġistru tal-proprjetà skont l-Artikolu 108(1) tal-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. Évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. Évi CCXII. Törvény (il-Liġi Nru CCXII tal-2013 li Tistabbilixxi Diversi Dispożizzjonijiet u Miżuri Tranżitorji dwar il-Liġi Nru CXXII tal-2013 dwar Tranżazzjonijiet f’Art Agrikola u Forestali; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji”) u skont l-Artikolu 94(5) tal-az ingatlan-nyilvántartásról szóló 1997. Évi CXLI. törvény (il-Liġi Nru CXLI tal-1997 dwar ir-Reġistru tal-Proprjetà; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistru tal-Proprjetà”). Grossmania ma appellatx kontra l-kanċellazzjoni tad-drittijiet tagħha ta’ użufrutt.

3.

Bis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, (Kawżi magħqudaC‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157) (iktar ’il quddiem is-“sentenza SEGRO u Horváth”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 63 TFUE ma kienx jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha drittijiet ta’ użufrutt li qabel kienu nħolqu fuq art agrikola u li d-detenturi tagħhom ma kellhomx l-istatus ta’ relazzjoni mill-qrib mas-sid tal-art kienu ntemmu b’liġi u, għaldaqstant, kienu tħassru mir-reġistri tal-proprjetà.

4.

B’riżultat ta’ dan, Grossmania applikat quddiem il-Vas Megyei Kormányhivatal Celldömölki Járási Hivatala (ir-Reġistru Distrettwali ta’ Celldömölk, parti mid-Dipartiment Amministrattiv tar-Reġjun Vas, l-Ungerija; “l-Awtorità Amministrattiva tal-Ewwel Livell”) sabiex jerġgħu jiġu rreġistrati d-drittijiet tagħha ta’ użufrutt fuq il-proprjetajiet imsemmija. B’deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2019, huwa ċaħad dik it-talba, billi rrefera b’mod partikolari għall-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar miżuri tranżitorji.

5.

Grossmania ppreżentat appell amministrattiv u, b’deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2019, id-Dipartiment Amministrattiv tar-Reġjun Vas ikkonferma l-imsemmija deċiżjoni. Huwa ddikjara li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-ġdid kienet inammissibbli b’mod partikolari minħabba li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji kien għadu fis-seħħ. Fil-fehma tiegħu, is-sentenza fil-kawża SEGRO u Horváth u s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq Art Agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija”) ma kinux japplikaw għal dan il-każ.

6.

Grossmania ressqet azzjoni taħt id-dritt amministrattiv quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2019. Il-qorti tar-rinviju tinnota li ma jistax ikun hemm kumpens finanzjarju għal Grossmania minħabba li ma kienx hemm dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jippermettu tali kumpens. Hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija). Dik il-ġurisprudenza qieset li kienet inħolqot sitwazzjoni kuntrarja għad-Dritt Fundamentali Ungeriż minħabba li, fir-rigward ta’ drittijiet ta’ użufrutt u drittijiet ta’ użu estinti skont l-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, il-leġiżlatura ma kinitx adottat leġiżlazzjoni li kienet tippermetti kumpens li għandu jingħata għal ħsara pekunjarja eċċezzjonali li ma jistax jintalab fil-kuntest ta’ ftehim bejn il-partijiet għall-kuntratt iżda li għandu rabta ma’ kuntratti validi. L-Alkotmánybíróság stiednet lil-leġiżlatura tirrettifika dak in-nuqqas, li kien kuntrarju għad-Dritt Fundamentali, sal‑1 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, sa ħames snin u nofs wara ma kienet adottata ebda dispożizzjoni f’dak ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-fatti fil-kawża SEGRO u Horváth huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża, sa fejn Grossmania ma ressqitx azzjoni kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li kkanċellaw id-drittijiet tagħha ta’ użufrutt.

7.

Għalhekk, il-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali, Győr) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’deċiżjoni mogħtija fi proċedura għal domanda preliminari, tkun iddikjarat dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva lanqas ma tista’ tiġi applikata fi proċedimenti amministrattivi jew proċeduri ġudizzjarji nazzjonali sussegwenti, minkejja li l-fatti fl-oriġini tal-proċeduri sussegwenti ma humiex totalment identiċi għal dawk tal-proċedura għal domanda preliminari preċedenti?”

II. Analiżi

A.   Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet

8.

Osservazzjonijiet bil-miktub tressqu minn Grossmania, mill-Gvern Ġermaniż, Spanjol u Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea.

9.

Minħabba li l-partijiet kollha (għajr il-Gvern Ungeriż) jistrieħu fuq l-istess ġurisprudenza u jagħmlu argumenti li jikkoinċidu sabiex jissottomettu li għall-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv, ser nirreferi biss, fl-evalwazzjoni tiegħi, għall-argumenti ewlenin tagħhom.

10.

Il-Gvern Ungeriż jissottometti, l-ewwel, li – kif il-qorti tar-rinviju nnifisha osservat – is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li ssostni s-sentenza SEGRO u Horváth, minħabba li Grossmania ma kinitx appellat fl-2014 kontra l-kanċellazzjoni tad-drittijiet tagħha ta’ użufrutt. Isegwi mis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kühne & Heitz”) li awtorità amministrattiva jeħtiġilha biss terġa’ teżamina tali deċiżjoni jekk ikunu tħarsu l-erba’ kundizzjonijiet tal-punt 28 ta’ dik is-sentenza. Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li hawnhekk dan ma huwiex il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ ikun hemm bilanċ bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ legalità skont id-dritt tal-Unjoni u li jkun ivverifikat jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunux osservati, sabiex individwi jkunu jistgħu jressqu pretensjonijiet abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Ungeriż jargumenta li r-regoli nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien rilevanti sabiex jittieħdu azzjonijiet legali kienu jħarsu dawk ir-rekwiżiti. It-tieni, il-Gvern Ungeriż jissottometti li, fil-ġejjieni qarib, ser ikunu adottati regoli nazzjonali li jkunu jippermettu li jiġi ggarantit – b’rabta ma’ drittijiet ta’ użufrutt ikkanċellati – li l-interessi tal-partijiet ikkonċernati jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Din it-tema bħalissa hija s-suġġett ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni.

B.   Evalwazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

11.

Dan il-każ iqajjem il-kwistjoni dwar jekk sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – li tkun iddikjarat dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji) li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni għal sitwazzjonijiet li jistgħu jitqabblu ma’ dik li tkun tat lok għal dik is-sentenza, iżda li ma jkunux identiċi. Għal din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

12.

Dan isegwi, inter alia, mill-fatt li l-obbligu impost fuq qrati tal-aħħar istanza li jressqu domanda għal deċiżjoni preliminari għandu eċċezzjoni: meta “id-domanda magħmula tkun materjalment identika għal domanda li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili” ( 2 ).

13.

Fis-sentenza SEGRO u Horváth, punt 129, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 63 TFUE jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji ( 3 ). Minkejja l-fatt li d-domanda magħmula ssemmi biss is-sentenza SEGRO u Horváth, huwa ċar li jeħtieġ li f’dawn il-konklużjonijiet titqies ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija. Tabilħaqq, dik is-sentenza ddikjarat speċifikament li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), meta adottat l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji.

14.

Fl-ewwel lok, dik is-sentenza li stabbilixxiet ksur ta’ obbligi hija res judicata fir-rigward tal-fatti u tad-dritt deċiżi f’dik is-sentenza. Fit-tieni lok, “il-konstatazzjoni li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt [tal-Unjoni] jimplika, l-ewwel nett, projbizzjoni awtomatika, tal-applikazzjoni, kemm mill-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll minn dawk amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru, tal-[miżura nazzjonali inkwistjoni] u, it-tieni nett, obbligu min-naħa ta’ dawk l-awtoritajiet li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jaffaċilitaw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 4 ).

15.

Mill-premess isegwi li l-awtoritajiet Ungeriżi (inkluża l-qorti tar-rinviju) huma obbligati ma japplikawx l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, li – xi sentejn u nofs wara s-sentenza li stabbilixxiet ksur ta’ obbligi mill-Ungerija – għadha miżmuma fis-seħħ mil-leġiżlatur Ungeriż.

16.

Fil-fatt l-Ungerija mhux biss naqset milli taġixxi ulterjorment wara dawk iż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda introduċiet ukoll dispożizzjonijiet ġodda li jipprekludu l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu iktar diffiċli r-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użufrutt, wara l-kanċellazzjoni illegali tagħhom. Ser nittratta d-dispożizzjonijiet il-ġodda (l-Artikolu 108(4) u (5) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji) lejn tmiem il-konklużjonijiet tiegħi.

2. Din hija sitwazzjoni “ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali finali”?

17.

Fuq il-bażi tad-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ ma jkunx meħtieġ li d-deċiżjonijiet li kkanċellaw id-drittijiet ta’ użufrutt jiġu annullati. Jekk dan ikun il-każ, ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn deċiżjoni nazzjonali finali għandha ma tiġix applikata.

18.

Skont il-Gvern Ungeriż, Grossmania tinsab f’sitwazzjoni fattwali differenti minn dik ta’ SEGRO jew Horváth li appellaw id-deċiżjonijiet li kkanċellaw id-drittijiet tagħhom ta’ użufrutt. Id-deċiżjonijiet Grossmania huma res judicata, jew fi kliem ieħor deċiżjonijiet nazzjonali finali, bil-konsegwenza li ma għadux iktar possibbli li d-deċiżjonijiet li jikkanċellaw id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania jiġu emendati.

19.

Madankollu, b’mod kuntrarja għal dawk l-argumenti, jidher li d-dritt Ungeriż jipprevedi proċedura speċjali, msejħa “proċedura ta’ stħarriġ”, li tista’ tintalab mill-amministrazzjoni nazzjonali b’inizjattiva tagħha nnifisha fi żmien ħames snin mill-mument li fih deċiżjoni ssir finali.

20.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju jkollha tiddetermina diversi kwistjonijiet. L-ewwel, kif innotat mill-Kummissjoni, ikollha tiddetermina jekk l-awtorità kompetenti naqsitx milli tqajjem l-argument li d-deċiżjonijiet li jikkanċellaw id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania kienu saru deċiżjonijiet finali. It-tieni, ikollha tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ikkanċellati ta’ Grossmania jew, jekk ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni kontestata (li ċaħdet l-applikazzjoni ta’ Grossmania sabiex id-drittijiet ta’ użufrutt jiġu rreġistrat mill-ġdid). It-tielet, il-qorti tar-rinviju jkollha tordna lill-awtorità twettaq proċedura ġdida, fejn din l-awtorità tkun obbligata li din id-darba tinterpreta r-regoli nazzjonali billi tgħaddihom mill-priżma tal-effet utile tad-dritt tal-Unjoni. Jekk ikun meħtieġ, f’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni għandha tieħu vantaġġ mill-proċedura ta’ kontroll imsemmija iktar ’il fuq biex tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ikkanċellati.

21.

Tabilħaqq, isegwi mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Ungeriżi sempliċement naqsu jivverifikaw jekk id-deċiżjonijiet li kkanċellaw id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania kinux finali jew le. Lanqas ma kkunsidraw kif id-dritt Ungeriż seta’ jiġi applikat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

22.

Il-partijiet kollha kkonċentraw fuq l-allegat kunflitt bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, madankollu, huwa importanti li, l-ewwel, jiġi stabbilit jekk, fil-fatt, dan il-kunflitt jirriżultax fil-każ tal-kawża prinċipali.

23.

Nirrileva (kif jagħmel il-Gvern Ġermaniż) li l-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li l-kanċellazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt kienet saret ex lege u li, fil-fatt, ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni amministrattiva leġittima. Dan huwa element li huwa għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi, iżda f’każ bħal dan aħna ma nkunux fis-sitwazzjoni ta’ Kühne & Heitz ( 5 ) u ta’ i-21 Germany ( 6 ).

24.

F’każ bħal dan, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE), “l-Istati Membri huma marbuta li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt [tal-Unjoni]” u “ikun l-obbligu ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt [tal-Unjoni] fuq it-territorju tagħhom […] Filwaqt li jkollhom l-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, l-awtoritajiet imsemmija għandhom b’mod partikolari jassiguraw li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt [tal-Unjoni] u li d-drittijiet ta’ l-individwi taħt id-dritt [tal-Unjoni] jkunu jistgħu jiġu invokati” ( 7 ).

25.

Barra minn dan, “l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru […] [R]egoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, jippreġudikaw l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni” ( 8 ).

26.

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Ungeriżi jkun jeħtiġilhom jistabbilixxu jekk id-deċiżjonijiet ta’ kanċellazzjoni humiex finali. Jekk huma, imbagħad ikun jeħtiġilhom jivverifkaw jekk ikunux jistgħu jeżaminawhom mill-ġdid taħt id-dritt nazzjonali. Ladarba l-awtoritajiet Ungeriżi jkunu temmew din l-evalwazzjoni, huma jkun jeħtiġilhom iqisu l-effet utile u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

3. L-obbligu li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali bħala konsegwenza ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Jekk, minkejja l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ikun meħtieġ li l-qorti tar-rinviju tindirizza l-obbligu li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

28.

Qabelxejn, il-partijiet kollha (il-Gvern Ungeriż ukoll) jaqblu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SEGRO u Horváth (paragrafi 45 u 46) timplika, f’dan il-każ, l-obbligu li ma tkunx applikata l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tkun kuntrarja għall-Artikolu 63 TFUE.

29.

Il-proċedura preliminarja tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għan tagħha huwa li tkun iggarantita s-supremazija u l-uniformià tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, kif innotat mill-Gvern Spanjol, jeħtieġ li tkun żgurata n-natura vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li xort’oħra ma tkunx biss f’riskju l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll issir ħsara lill-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li tinħoloq diskriminazzjoni fid-dritt tal-Unjoni.

30.

Barra minn dan, minkejja li l-qorti tar-rinviju hija għalkollox marbuta bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti erga omnes tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa applikabbli fl-Unjoni kollha ( 9 ) għal sitwazzjonijiet ekwivalenti.

31.

L-effett vinkolanti tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja hija relatata mal-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni u dik l-interpretazzjoni “[hija] purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata” ( 10 ). Dan l-effett vinkolanti għandu konnessjoni man-norma tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Li kieku tali effett vinkolanti kellu jkun strettament limitat għas-sitwazzjoni partikolari biss, dan kien imur kontra l-għan tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, li huwa li tkun iggarantita interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 11 ).

32.

In-natura vinkolanti ta’ din l-interpretazzjoni hija dedotta mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza Da Costa u Cilfi ( 12 ), min-natura dikjaratorja u retroattiva tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-għan tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari li huwa li jkunu żgurati l-unità u l-konsistenza (jiġifieri, li tkun evitata interpretazzjoni diverġenti), l-effett sħiħ u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

33.

Tabilħaqq, fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “[s]abiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”. F’dan il-kuntest, “konformement mal-Artikolu 19 TUE, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja huma responsabbli sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt” ( 13 ). B’mod partikolari, “l-element ċentrali ta’ din is-sistema ġudizzjarja huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati” ( 14 ).

34.

Minn dan isegwi li “[b]is-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija, fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet billi, jekk ikun meħtieġ, tħalli mhux applikata, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor” ( 15 ). F’dan ir-rigward, jekk il-qorti nazzjonali jkollha dubji, “anki meta jkun hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun” ( 16 ). Madankollu, huwa ċar li l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tagħmel hekk jekk ma jkollhiex tali dubji ( 17 ).

4. L-impatt tan-natura finali ta’ deċiżjonijiet li jikkanċellaw drittijiet ta’ użufrutt

35.

Imbagħad, minkejja li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li s-sentenzi SEGRO u Horváth u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija għandhom iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni invokati mill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jiċħdu l-applikazzjoni ta’ Grossmania li talbet reġistrazzjoni mill-ġdid – u tabilħaqq il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li għandha tipproċedi b’dan il-mod – isegwi mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw pjuttost l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet amministrattivi (li kkanċellaw dawk id-drittijiet) li kienu sar finali.

36.

Huwa minnu li “huwa għall-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u jistabbilixxi r-regoli proċedurali għal azzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li individwi jiksbu permezz tal-effett dirett tad-dritt tal-[Unjoni], sakemm tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li fuqhom huma bbażati azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ifformulati b’tali mod li jagħmlu impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-[Unjoni] (il-prinċipju ta’ effettività)” ( 18 ).

37.

Madankollu, kif il-Kummissjoni rrimarkat, meqjusa l-importanza taċ-ċertezza legali, dan il-prinċipju ma għandux jiġi invokat sabiex Stat Membru jkun iġġustifikat inaqqas l-effet utile tad-dritt tal-Unjoni. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li “huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw il-qrati u/jew l-istituzzjonijiet kompetenti għall-istħarriġ tal-validità ta’ dispożizzjoni nazzjonali u jipprevedu r-rimedji ġudizzjarji u l-proċedurali li jippermettu l-kontestazzjoni ta’ din il-validità, u, meta r-rikors ikun fondat, jannullaw l-imsemmija dispożizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, jiddeterminaw l-effetti ta’ tali annullament” ( 19 ).

38.

Jidher mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Ungeriżi ma invokawx in-natura finali tad-deċiżjonijiet li kkanċellaw id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania. Il-kwistjoni ta’ jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex finali tiddependi mir-regoli proċedurali Ungeriż applikabbli, iżda, bħala prinċipju, tali ommissjoni għandha twassal għall-preklużjoni ta’ dawn l-awtoritajiet milli jkunu jistgħu jistrieħu fuq din in-natura finali. Huwa possibbli li d-dritt Ungeriż jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jirrinunzjaw għad-dritt li jinvokaw in-natura finali ta’ dawn id-deċiżjonijiet – jew, li jammonta għall-istess ħaġa, li d-dritt nazzjonali jippermetti lill-awtoritajiet ireġġgħu lura tali deċiżjonijiet. Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza, “jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali [jew awtorità amministrattiva nazzjonali] tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex trendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni” ( 20 ). Għalhekk, il-qorti tar-rinviju jkollha tieħu dan inkunsiderazzjoni sabiex tipprekludi ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza f’dan il-każ.

39.

Isegwi, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Byankov”) li “il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, bil-konsegwenza li d-dritt tal-Unoni ma jeħtieġx li korp amministrattiv jitqiegħed taħt obbligu, fil-prinċipju, li jiftaħ mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva” (punt 76 ta’ dik is-sentenza).

40.

Madankollu, “ċirkustanzi partikolari jistgħu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, jimponu lil korp amministrattiv nazzjonali sabiex jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva sabiex, b’mod partikolari, jieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni rilevanti mogħtija sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja […] Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet u tal-interessi inkwistjoni sabiex issib ekwilibru bejn ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u dak tal-legalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni” ( 21 ).

41.

Barra minn dan, isegwi mill-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ effettività (bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwivalenza) huwa dedott mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (iktar ’il quddiem is-“sentenza XC”) ( 22 ).

42.

Skont il-paragrafu 23 tas-sentenza XC, “Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji japplikaw kemm għal dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-qrati kompetenti sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tar-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw dawn il-kawżi”.

43.

Imbagħad, il-punt 24 tal-istess sentenza jgħid li “[i]l-konformità ta’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċeduri kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem id-diversi qrati nazzjonali”.

44.

Mill-premess isegwi li r-rekwiżit li tiġi osservata in-natura finali ta’ deċiżjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali għandu jkun eżaminat fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività.

45.

F’dan il-każ, jeħtieġ li tiġi applikata s-sentenza Byankov. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha proċedura amministrattiva li tkun irriżultat fl-adozzjoni ta’ projbizzjoni dwar tluq minn territorju, li tkun saret finali u ma tkunx ġiet ikkontestata quddiem il-qrati, tista’, essenzjalment, ma terġax tinfetaħ, jekk il-projbizzjoni tkun b’mod ċar kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u minkejja l-fatt li tali projbizzjoni tibqa’ tipproduċi effetti legali fir-rigward tad-destinatarju tagħha.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali riżultat ma jistax raġonevolment ikun iġġustifikat mill-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 23 ).

47.

Bħalma ġie deċiż fis-sentenza Byankov, inqis (kif jagħmlu l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni) li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jkun ibbilanċjat mar-rekwiżit ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni – ma għandux jintuża minn Stat Membru sabiex iservi ta’ mezz sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 24 ).

48.

Ma naħsibx li l-Ungerija tista’ leġittimament tinvoka, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali filwaqt li żżomm fl-ordinament ġuridiku tagħha dispożizzjonijiet li kienu ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni xi sentejn u nofs ilu. Tabilħaqq, kif kien jipprovdi d-dritt Ruman: “Commodum ex injuria sua nemo habere debet” (min jonqos ma għandux jitħalla mil-liġi jieħu vantaġġ mill-azzjonijiet tiegħu). Barra minn hekk, kien ikun faċli li l-argument dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitwaqqaf ħesrem li kieku l-awtoritajiet Ungeriżi osservaw dawk is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u wettqu l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-leġiżlatur Ungeriż għandu jadotta regoli li jkunu jippermettu li jingħata kumpens lil persuni li d-drittijiet tagħhom ta’ użufrutt kienu kkanċellati, bil-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ dawk id-drittijiet u, jekk dan ma jkunx għadu possibbli, li jkun permess kumpens finanzjarju korrispondenti. Billi dawn il-passi għadhom ma ttieħdux, u kif il-Kummissjoni ssottomettiet fis-seduta, wieħed jista’ raġonevolment jassumi, f’dan il-każ, li l-awtoritajiet Ungeriżi qegħdin ifittxu li jnaqqsu l-effetti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49.

Huwa minnu li s-sentenza Byankov ingħatat f’kawża li fiha l-osservanza tan-natura finali tad-deċiżjoni inkwistjoni kienet twassal sabiex tipperpetwa l-projbizzjoni tat-tluq minn territorju ta’ Stat Membru, li kienet adottata għal żmien indeterminat u, b’hekk, kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 21 TFUE.

50.

Madankollu, hemm paralleliżmu ċar bejn din il-kawża u l-kawża Byankov sa fejn fil-kawża preżenti kien hemm ksur serju tad-dritt fundamentali għall-proprjetà skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 17 tal-Karta. Dan huwa hekk a fortiori minħabba li jidher li dan il-ksur qiegħed jitwettaq fuq skala kbira ( 25 ).

51.

Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-istess raġunament applikat fis-sentenza Byankov sabiex tnaqqas l-importanza li għandha tingħata lin-natura finali ta’ deċiżjoni.

52.

Sussegwentement, huwa rilevanti li jiġi eżaminat kif għandu jkun interpretat il-fatt li l-awtoritajiet Ungeriżi bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom tas‑17 ta’ Mejju 2019 u tal‑5 ta’ Awwissu 2019 (li ċaħdu t-talba ta’ Grossmania għal reġistrazzjoni mill-ġdid) mhux fuq in-natura finali tad-deċiżjonijiet ta’ kanċellazzjoni, iżda pjuttost fuq il-fatt li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji kien għadu fis-seħħ.

53.

Jiena nqis (kif tagħmel il-Kummissjoni) li l-awtoritajiet Ungeriżi wettqu żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Madankollu, l-iżball ma huwiex ikkostitwit biss mill-fatt li ġiet identifikata l-bażi legali żbaljata. Minflok, nibża’ li dan jindika problema iktar serja, sistemika. B’mod kuntrarju għall-argumenti magħmula mill-Gvern Ungeriż, l-awtoritajiet Ungeriżi ma ttrattawx il-problema mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – huma sempliċement injoraw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan imur kontra l-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u/jew il-prinċipju ta’ effettività li joriġina minn hemm.

5. Hemm obbligu ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt?

54.

Naqbel ma’ Grossmania u mal-Kummissjoni li r-reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ Grossmania tkun tikkostitwixxi konsegwenza loġika tal-kanċellazzjoni illegali tagħhom. Tabilħaqq, f’dan il-każ, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ użufrutt, li kienu kkanċellati abbażi tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, għandhom jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni bħallikieku l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni qatt ma kienet ġiet adottata. Skont is-sentenza Jonkman, l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jieħdu kull miżura individwali jew ġenerali sabiex jiggarantixxu li drittijiet li individwi għandhom mid-dritt tal-Unjoni jingħataw effett sħiħ. Dan huwa partikolarment minnu f’każ bħal dan fejn mhux biss jeżisti preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħti f’kawża ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (li tittratta l-istess kwistjoni legali), iżda fejn, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet illegali skont id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża dwar ksur.

55.

Madankollu, jista’ jkun hemm ostakoli oġġettivi għal tali rimedju (pereżempju fejn wara l-kanċellazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt, sid ġdid ikun kiseb l-art inkwistjoni jew fejn sid l-art u d-detentur preċedenti ta’ dawk id-drittijiet jilħqu ftehim ta’ kumpens bejniethom b’rabta mal-kanċellazzjoni tad-drittijiet jew jiġi rreġistrat dritt ieħor ta’ użu fuq l-art inkwistjoni). Sussegwentement, jekk ma jkunx possibbli kumpens finanzjarju, minħabba li l-leġiżlatur Ungeriż ma introduċiex regoli f’dan ir-rigward, imbagħad, bħala rimedju finali, il-qorti tar-rinviju jkollha tivverifika jekk Grossmania tkunx tista’ tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-kawżi Brasserie du pêcheur u Fattortame ( 26 ) sabiex teżiġi li l-Istat jagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata lil Grossmania minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-Istat.

6. Kunsiderazzjonijiet ġenerali u kritika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-finalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u l-irtirar tagħhom

56.

L-irtirar ta’ deċiżjonijiet amministrattivi huwa strument legali magħruf, bħala prinċipju, fid-drittijiet amministrattivi tal-Istati Membri kollha ( 27 ).

57.

B’mod simili għall-approċċ li l-Avukati Ġenerali Léger ( 28 ), Ruiz-Jarabo Colomer ( 29 ) u Bot ( 30 ) diġà ddefendew, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tmur lil hinn mil-linja ġurisprudenzjali tagħha fis-sentenza Kühne & Heitz. Dik il-ġurisprudenza tqajjem problemi ddokumentati sewwa ta’ interpretazzjoni, pereżempju, il-kwistjoni mqajma mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) fil-kawża li tat lok għas-sentenza i-21 Germany. Barra minn hekk, is-sentenza Kühne & Heitz ġiet ikkritikata bħala każwistika u oskura ( 31 ) fil-letteratura legali) ( 32 ).

58.

Fl-ewwel lok, fl-opinjoni tiegħi, sabiex jitħarsu d-drittijiet ta’ partijiet bħal Grossmania, l-approċċ li ttieħed fis-sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punt 32) (u kawżi bħal Simmenthal, Fattortame u Larsy ( 33 ), li jiffavorixxi l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività), għandu jiġi ppreferut minn dak meħud fis-sentenza Kühne & Heitz. Fis-sentenza Ciola, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi invokata wkoll fir-rigward ta’ deċiżjonijiet amministrattivi individwali b’mod li s-supremazija ma hijiex rilevanti biss f’kunflitti ta’ normi astratti ( 34 ). Għalhekk, b’mod ġenerali, il-każ ineżami juri li l-prinċipju ta’ supremazija għandu jingħata, f’sitwazzjonijiet bħal din, iktar piż mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ( 35 ). Sabiex nagħmel parafrażi tas-sentenza Tridimas ( 36 ), il-kwistjoni reali ma hijiex jekk l-approċċ li ssuġġerejt inaqqarx mill-finalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u miċ-ċertezza legali, iżda jekk dan l-effett ta’ tnaqqir huwiex megħlub mill-ħtieġa li tkun żgurata l-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Jiena nemmen ferm li hawnhekk l-approċċ tas-sentenza Ciola u l-ħtieġa li jiġi osservat l-Istat tad-dritt jipprevalu.

59.

L-approċċ fis-sentenza Kühne & Heitz għandu jwassal għal diskrepanzi fil-protezzjoni ta’ drittijiet individwali fid-diversi Stati Membri u din hija r-raġuni għaliex l-applikazzjoni tal-linja ta’ raġunament tas-sentenzi Simmenthal u Ciola għandha tiġi ppreferuta sabiex l-osservanza tal-Istat tad-dritt tiġi żgurata ( 37 ).

60.

Fit-tieni lok, raġuni qawwija għaliex il-ġurisprudenza ta’ Kühne & Heitz ma għandhiex tiġi segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja hija li skont din il-ġurisprudenza l-“eżistenza” tad-dritt li jkun irtirat att amministrattiv nazzjonali, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, ma toriġinax mid-dritt tal-Unjoni, iżda bħalissa tiddependi mid-drittijiet nazzjonali ta’ Stati Membri differenti ( 38 ).

61.

Tabilħaqq, naqbel mal-Avukat Ġenerali Bot meta jgħid li “[L-Artikolu 4(3) TUE] jimponi hawnhekk li għandhom jinġabru flimkien il-mezzi kollha potenzjalment preżenti fid-dritt nazzjonali ta’ proċedura sabiex isir, jekk dan ta’ l-aħħar jawtorizzah, eżami mill-ġdid u, skond il-każ, revoka tad-deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni]” ( 39 ).

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-importanza tal-koerenza fil-qasam tal-protezzjoni legali f’kull żmien, meta hija ddeċidiet li “il-protezzjoni provviżorja li d-dritt [tal-Unjoni] jiżgura għall-individwi quddiem il-qrati nazzjonali ma għandhiex tvarja, u dan irrispettivament minn jekk dawn humiex qed jikkontestaw il-kompatibbilità ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali mad-dritt [tal-Unjoni] jew il-validità ta’ atti tad-dritt [tal-Unjoni] sekondarju, peress illi, fiż-żewġ każijiet, il-kontestazzjoni hija bbażata fuq id-dritt [tal-Unjoni nnifsu]” ( 40 ).

63.

Barra minn hekk, fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Fattortame, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “il-kundizzjonijiet sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt [tal-Unjoni] ma għandhomx, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni partikolari, ikunu differenti minn dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-[Unjoni] f’ċirkustanzi paragunabbli. Il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jidderivaw mid-dritt [tal-Unjoni] ma għandhiex tvarja skont jekk l-awtorità li kkawżat id-danni hijiex awtorità nazzjonali jew awtorità tal-Unjoni” ( 41 ).

64.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja armonizzat is-sistema dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni u s-sistema dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 42 ).

65.

Kif ġie nnotat sewwa fil-letteratura legali ( 43 ), ir-rekwiżit ta’ koerenza diġà jidwi xi ftit fil-qasam tal-protezzjoni legali ta’ ċittadini b’rabta ma’ kwistjoni li ma hijiex wisq ’il bogħod mill-kwistjoni tal-irtirar ta’ atti amministrattivi nazzjonali, li jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

66.

Tabilħaqq, fis-sentenza Gerekens u Procola ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ir-rekwiżiti li joħorġu mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] […] Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi miżura [tal-Unjoni] milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’, eċċezzjonalment, jiġri mod ieħor meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati”.

67.

Għalhekk, kif tqies fil-punt 24 ta’ dik is-sentenza u kif inhu rilevanti għall-kwistjonijiet fil-każ ineżami, “bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jinkisirx minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli retroattivament, meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati”.

68.

B’mod simili, peress li għandu jittieħed approċċ koerenti għall-ibbilanċjar tal-prinċipju ta’ legalità u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan l-approċċ ma għandux, fil-fehma tiegħi, ivarja skont jekk il-kwistjoni tkunx l-irtirar ta’ att illegali tal-Unjoni jew dik ta’ att illegali nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tħalli d-determinazzjoni ta’ dan l-approċċ għal-liġijiet tal-Istati Membri f’isem l-awtonomija proċedurali nazzjonali ( 45 ). Għall-kuntrarju, kif kien il-każ fis-sentenza Gerekens u Procola, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġġib is-sistema ta’ rtirar ta’ atti amministrattivi nazzjonali illegali konformi ma’ dik ta’ atti amministrattivi illegali tal-Unjoni ( 46 ).

69.

Tabilħaqq, kif indikat mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha “toħloq bilanċ bejn is-supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] u ċ-ċertezza legali, […] sabiex b’hekk tibdel ir-rotta stabbilita bis-sentenza Kühne & Heitz, […] ir-regola li twassal għal intopp” u “dipendenza fuq id-dritt nazzjonali, kif issostni l-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet bħal dawn, tagħti lok għal problemi serji, b’mod partikolari, differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet li joriġinaw mill-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” ( 48 ).

7. Il-paragrafi 4 u 5 ġodda tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji

70.

Fl-aħħar nett, anki jekk dan ma huwiex indirizzat b’mod espress fid-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari, isegwi mid-digriet tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, li kienu ddaħħlu wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenza SEGRO u Horváth. Il-qorti tar-rinviju manifestament tqis li dawn il-paragrafi japplikaw f’dan il-każ (paġna 11 tad-digriet ta’ rinviju). Għalhekk, sabiex nagħti risposta li tkun utli għar-riżoluzzjoni tal-każ fil-kawża prinċipali, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk iż-żewġ paragrafi, li skonthom il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ikkanċellati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu sospiżi sakemm jintemmu l-investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-proċeduri ġudizzjarji li jirriżultaw.

71.

Naqbel mal-Gvern Ġermaniż u mal-Kummissjoni li dawk id-dispożizzjonijiet jidhru li jmorru kontra l-Artikolu 63 TFUE minħabba li (għal darba oħra) jolqtu b’mod ħażin il-moviment liberu ta’ kapital u jċaħħdu d-dritt tal-Unjoni mill-effet utile tiegħu – dan ma huwiex biss minħabba li jfittxu, bl-effetti tagħhom, li jfixklu l-applikazzjoni effettiva tas-sentenza SEGRO u Horváth, iżda wkoll minħabba li jagħmluha diffiċli għad-detenturi ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (li kienu diġà ġarrbu ħsara b’mod illegali bis-sentenza SEGRO u Horváth) li jasserixxu d-drittijiet tagħhom.

72.

Dawn id-dispożizzjonijiet ġodda qiegħdu fi żvantaġġ detenturi ta’ drittijiet ta’ użufrutt minn Stati Membri oħra, mill-inqas indirettament, minħabba li b’dawn id-dispożizzjonijiet tali detenturi jibqgħu jiġu mċaħħda – matul dawk il-proċeduri – mid-drittijiet tagħhom ta’ użufrutt, li kienu ġew irtirati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn dan, ma huwiex ċar liema rekwiżiti japplikaw għal investituri fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, lanqas liema diffikultajiet huma qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom f’dak il-kuntest.

73.

Barra minn hekk, jidher li l-paragrafi 4 u 5 ddaħħlu bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE. Tabilħaqq, fl-Artikolu 108(4) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, il-leġiżlatur Ungeriż jitlaq minn premessa jew sitwazzjoni (il-kanċellazzjoni ta’ dritt in rem bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1) – li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – u jfittex li jżomm dik is-sitwazzjoni fil-każijiet previsti fil-paragrafu 5. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija kellha twassal lill-Ungerija tneħħi kompletament u fl-iqsar żmien possibbli s-sitwazzjoni illegali maħluqa mill-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, mingħajr ma tirrestrinġi iktar il-moviment liberu ta’ kapital permezz tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dik id-dispożizzjoni.

74.

B’riżultat ta’ dan, kif innota l-Gvern Spanjol, fid-dawl tas-sentenzi SEGRO u Horváth u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll fid-dawl tal-paragrafi 4 u 5 ġodda tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, ma hemmx dubju li, fil-każ ineżami, il-fatt li Grossmania naqset milli tappella d-deċiżjonijiet ta’ kanċellazzjoni ma huwiex, f’kull każ, element fattwali li minnu jista’ jiġi dedott li l-ipoteżi hawnhekk hija fundamentalment differenti, b’mod li jiġġustifika, fil-każ ineżami, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SEGRO u Horváth – li stabbilixxiet, mingħajr ma ħalliet ebda marġni ta’ diskrezzjoni b’rabta ma’ fatti, li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji u l-Artikolu 94(5) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Proprjetà huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

75.

L-istess konklużjoni hija meħtieġa minħabba l-bżonn li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-għan li jkunu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bejn l-Istati Membri differenti sabiex tkun iggarantita applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-kunsiderazzjonijiet dwar l-effetti erga omnes u ex tunc tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-funzjoni tal-imħallfin nazzjonali li jeżerċitaw ir-rwol tagħhom bħala mħallfin tad-dritt tal-Unjoni.

III. Konklużjoni

76.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali, Győr, l-Ungerija) kif ġej:

1.

Il-qorti tar-rinviju għandha tkun konformi mas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), u għandha, sabiex tiżgura l-effet utile tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax, ex officio, dispożizzjonijiet nazzjonali li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, imorru kontra l-Artikolu 63 TFUE. Id-dmir li jkun żgurat l-effet utile tad-dritt tal-Unjoni huwa obbligatorju mhux biss għall-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża, iżda wkoll għal kull awtorità nazzjonali oħra. Dawn l-awtoritajiet ma għandhomx japplikaw regoli legali nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni u għandhom japplikaw id-dritt nazzjonali b’mod li jippermetti li tintemm, malajr kemm jista’ jkun, il-kontradizzjoni bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u li jannulla l-konsegwenzi legali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

2.

Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, sa fejn il-proċedura ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ dritt ikkanċellat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tkun sospiża sakemm jintemmu l-investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-proċeduri ġudizzjarji li jirriżultaw.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punti 1314).

( 3 ) Ara Leitner, P., ‘Enteignung’ in Ungarn?, ecolex, 2018, p. 680, Guski, R., Kapitalverkerhrsfreiheit vs. Agrarpolitik, GPR, 3/2019, p. 102, Mok, M.R., Redactionele aantekening, Nederlandse Jurisprudentie, 2019/68, p. 1090, Petit, Y., commentaire, Droit rural, n. 466, October 2018, 163, u Ludwigs, M., Anmerkung, EuZW, Nru 8/2018, p. 339.

( 4 ) Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1993, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑101/91, EU:C:1993:16, punt 24).

( 5 ) Din is-sentenza ħolqot ħafna kontroversja: are Caranta, R., Kawża C‑453/00, Kühne & Hei[t]z, CMLR 42, 2005, p. 179, u Prechal, S., Annotation of Kühne & Heitz, Sociaal-Economische Wetgeving, 2004, p. 278, Katz, D., Une autorité administrative peut être tenue de réexaminer une décision administrative définitive pour prendre en compte une interprétation postérieure de la Cour de justice, JCP A, 2004, p. 707, Peerbux-Beaugendre, Z., Une administration ne peut invoquer le principe de la force de chose définitivement jugée pour refuser de réexaminer une décision dont une interprétation préjudicielle ultérieure a révélé la contrariété avec le droit communautaire, RDUE, 2004, p. 559, and Simon, D., Obligation de réexamen d’une décision administrative définitive. L’autorité d’un arrêt préjudiciel en interprétation postérieur à une décision administrative devenue définitive impose la prise en compte de la demande de retrait de celle-ci, Europe, 2004, p. 66. Dwar il-partikolarità ta’ din il-kawża, ara Lenaerts, K., u Corthaut, Rechtsvinding door het Hof van Justitie, 55 AA, 2006, p. 581 u 582.

( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586; iktar ’il quddiem is-“sentenza i-21 Germany”). Ara nota dwar il-kawża ta’ Taborowski, M., Kawżi magħquda C‑392/04 u C‑422/04, CMLR 44, 2007, p. 1463.

( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 u C‑233/06, EU:C:2007:373, punti 3738) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Jonkman”).

( 8 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 148).

( 9 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 38).

( 10 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 35). Ara n-nota dwar il-kawża ta’ Simon, D., Europe, April 2008, p. 13.

( 11 ) Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf (166/73, EU:C:1974:3, punt 2).

( 12 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1963, 28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6, u tas‑6 ta’ Ottubru 1982, 283/81, EU:C:1982:335.

( 13 ) Enfasi miżjuda (Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 36).

( 14 ) Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 214215).

( 16 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 46).

( 17 ) Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 5354).

( 18 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 31).

( 19 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, The Minister for Justice and Equality u Commissioner of Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 34).

( 20 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin (C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 29).

( 21 ) Punt 77 ta’ dik is-sentenza. Ara, dwar il-ġurisprudenza b’rabta mar-regoli proċedurali nazzjonali, Biondi, A., The European Court of Justice and certain national procedural limitations: Not such a tough relationship, 36 CMLR, 1999, p. 1271, u Hoskins, Tilting the balance: Supremacy and national procedural rules, 21 European Law Review, 1996, p. 365.

( 22 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, is-“sentenza XC”, punt 22).

( 23 ) Sentenza Byankov, punti 79, 81 u 82.

( 24 ) Ara s-sentenzi Kühne & Heitz (punti 25 u 26) u Byankov (punt 77).

( 25 ) Mill-punt 71 tas-sentenza SEGRO u Horváth isegwi li 5058 ċittadin minn Stati Membri oħra kellhom id-drittijiet tagħhom ta’ użufrutt ikkanċellati. Din il-kanċellazzjoni ma’ kellha magħha ebda forma ta’ kumpens, sabiex b’hekk hija sempliċement ċaħdet lil dawk iċ-ċittadini mill-proprjetà/investimenti tagħhom.

( 26 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 21, 22, 3136.

( 27 ) Ritleng, D., Le retrait des actes administratifs contraires au droit communautaire, Bestand und Perspektiven des europäischen Verwaltungsrechts, 2008, p. 237 u Taborowski, M., op. cit., p. 1481. Ara wkoll Müller, H., Die Aufhebung von Verwaltungsakten unter dem Einfluss des Europarechts, Duncker & Humblot, Berlin 2000 u Kovar, R., Le retrait des actes administratifs nationaux contraires au droit communautaire, Mél. L. Favoreu, Dalloz 2007. Barra minn hekk, b’rabta mal-irtirar ta’ atti amministrattivi tal-Unjoni, ara Lübbig, T., Die Aufhebung (Rücknahme und Widerruf) von Verwaltungsakten der Gemeinschaftsorgane), EuZW, 2003, p. 233.

( 28 ) Konklużjonijiet Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2003:350).

( 29 ) Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:181).

( 30 ) Konklużjonijiet fil-kawża Kempter (C‑2/06, EU:C:2007:245).

( 31 ) Ara iktar referenzi f’Wallerman, A., Towards an EU Law Doctrine on the Exercise of Discretion in National Courts? The Member States’ Self-Imposed Limits on National Procedural Autonomy, CMLR, 53, 2016, p. 350.

( 32 ) Kif tinnota b’mod kritiku l-letteratura legali dwar din is-sentenza, hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja fetħet il-kaxxa ta’ Pandora minħabba li, filwaqt li qagħdet ittella’ u tniżżel fir-rigward ta’ wieħed mill-prinċipji l-iktar fundamentali ta’ ċertezza legali, din is-sentenza jonqosha ġustifikazzjoni li tinftiehem tal-pożizzjoni adottata u tifrex l-inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-erba’ kundizzjonijiet ta’ Kühne & Heitz. Il-letteratura tinnota wkoll li din is-sentenza twassal sabiex il-qrati nazzjonali jkollhom problemi bl-applikazzjoni tagħha (Taborowski, M., op. cit., p. 1464, 1465 u 1469). Bħala attentat sabiex din is-sentenza tkun taqbel mal-qafas tal-prinċipji ta’ supremazija, effettività, ekwivalenza u awtonomija, ara Becker, F., Application of Community Law by Member States’ Public Authorities: Between Autonomy and Effectiveness, 44 CMLR, 2007, p. 1035.

( 33 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49); tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C-213/89, EU:C:1990:257); u tat‑28 ta’ Ġunju 2001, Larsy (C‑118/00, EU:C:2001:368).

( 34 ) Ara, b’mod ġenerali, dwar dawn it-temi Ruffert, M., The Stability of Administrative Decisions in the Light of EC Law: Refining the Case Law, Review of European Administrative Law, Vol. 1, Nru 2, 2008, p. 127 sa 135.

( 35 ) Ara, b’sostenn għall-istess fehma, inter alia, Ginter, C. u Schasmin, P., Options Arising from European Union Law to Review Final Judgments and Administrative Decisions: Implications for Future Developments?, jinsab f’researchgate.net, p. 157.

( 36 ) Tridimas, T., General Principles of EU Law, OUP, 2006, p. 528.

( 37 ) Din il-fehma hija sostnuta wkoll minn Groussot, X. u Minssen, T., Res Judicata in the Court of Justice Case-Law: Balancing Legal Certainty with Legality?, European Constitutional Law Review, 3, p. 401.

( 38 ) Ara wkoll Ritleng, D., op. cit., p. 248.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kempter (C‑2/06, EU:C:2007:245, punt 79).

( 40 ) Sentenza tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 20).

( 41 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 42.

( 42 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 PEU:C:2000:361, punti 41 sa 44).

( 43 ) Ritleng, D., op. cit., p. 252.

( 44 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola (C‑459/02, EU:C:2004:454, punti 21 sa 24; iktar ’il quddiem is-“sentenza Gerekens u Procola”).

( 45 ) Dwar id-dibattitu fuq il-pożizzjoni tal-awtonomija proċedurali fid-dritt tal-Unjoni, ara Kakouris, K.N., Do the Member States possess judicial procedural ‘autonomy’?, 34 CMLR, 1997, p. 1389 u Rodriguez Iglesias, G.-C., u Keppenne, J.-P., L’incidence du droit communautaire sur le droit national, f’Mélanges en hommage à Michel Waelbroeck, Vol. 1, Bruylant, 1999, p. 517. Ara wkoll Bobek, M., Why There is no ‘Principle of Procedural Autonomy’ of the Member States, f’de Witte, B., u Micklitz, H.-W., (eds), The European Court of Justice and the Autonomy of the Member States, Intersentia, 2011, p. 305.

( 46 ) Ara Ritleng, D., op. cit., p. 253.

( 47 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:181, punti 367). Galetta, D.U., “Autotutela decisoria e diritto comunitario”, fir-Rivista Italiana di Diritto Pubblico, 2005, p. 35 sa 59, isostni li kull kunsiderazzjoni ta’ miżura amministrattiva li ma tistax tiġi kkontestata jeħtiġilha jkollha bilanċ sewwa ta’ valuri. Fil-keffa l-waħda tal-miżien hemm is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sostnuta mill-prinċipji ta’ legalità, ekwivalenza, effettività u kooperazzjoni leali. Fil-keffa l-oħra hemm iċ-ċertezza legali (p. 50).

( 48 ) Dawk il-konklużjonijiet jiċċitaw hawnhekk lil Coutron, A., “Cour de Justice, 13 janvier 2004, Kühne & Heitz NV/Productschap voor Pluimvee en Eieren”, fir-Revue des affaires européennes, it-13-il sena (2003-2004), 3, p. 417 sa 434. Peerbux-Beaugendre, Z., “Commentaire de l’arrêt de la CJCE du 13 janvier 2004”, fir-Revue du droit de l’Union européenne, 3-2004, p. 566. Martín Rodríguez, P., “La revisión de los actos administrativos firmes: ¿Un nuevo instrumento de garantía de la primacía y efectividad del derecho comunitario? Comentario a la sentencia del TJCE de 13 de enero de 2004, C‑453/00, Kühne & Heitz NV”, fir-Revista General de Derecho Europeo, Nru 5, Ottubru 2004 (www.iustel.com).

Top