EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0160

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.
Stichting Rookpreventie Jeugd et vs Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Rechtbank Rotterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/40/UE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Prodotti li ma josservawx il-livelli massimi ta’ emissjoni – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq – Metodi ta’ kejl – Sigaretti bil-filtru li għandu mikrotoqob ta’ ventilazzjoni – Kejl tal-emissjonijiet bbażat fuq standards ISO – Standards mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Konformità mar-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni previsti fl-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Konformità mal-prinċipju ta’ transparenza.
Kawża C-160/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:618

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑160/20

Stichting Rookpreventie Jeugd,

Stichting Inspire2live,

Rode Kruis Ziekenhuis BV,

Stichting ClaudicatioNet,

Nederlandse Vereniging voor Kindergeneeskunde,

Nederlandse Vereniging voor Verzekeringsgeneeskunde,

Accare, Stichting Universitaire en Algemene Kinder‑ en Jeugdpsychiatrie Noord‑Nederland,

Vereniging Praktijkhoudende Huisartsen,

Nederlandse Vereniging van Artsen voor Longziekten en Tuberculose,

Nederlandse Federatie van Kankerpatiëntenorganisaties,

Nederlandse Vereniging Arbeids‑ en Bedrijfsgeneeskunde,

Nederlandse Vereniging voor Cardiologie,

Koepel van Artsen Maatschappij en Gezondheid,

Nederlandse Vereniging voor Kindergeneeskunde,

Koninklijke Nederlandse Maatschappij tot bevordering der Tandheelkunde,

College van Burgemeester en Wethouders van Amsterdam

vs

Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport,

fil-preżenza ta’

Vereniging Nederlandse Sigaretten‑ en Kerftabakfabrikanten (VSK)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Sigaretti bil-filtru – Livelli massimi ta’ emissjoni – Artikolu 4(1) – Metodu ta’ kejl ta’ emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju bbażat fuq standards ISO – Assenza ta’ pubblikazzjoni tal-kontenut ta’ dawn l-istandards f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżiti fir-rigward ta’ pubblikazzjoni – It-tielet paragrafu tal‑Artikolu 297(1) TFUE – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut ta’ dawn l‑istandards – Prinċipju ta’ aċċess liberu”

I. Introduzzjoni

1.

Jista’ l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-atti leġiżlattivi li jadotta, jagħmel riferiment għal standards internazzjonali mfassla minn organizzazzjoni privata (f’dan il-każ, tal-istandards ISO ( 2 )), mingħajr ma jippubblika l-kontenut tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas jipprovdi aċċess dirett u mingħajr ħlas għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal dan il-kontenut, billi huwa mifhum li dawn l-istandards huma aċċessibbli mingħand din l-organizzazzjoni permezz ta’ ħlas għad-drittijiet tal-awtur li minnhom tapprofitta?

2.

Din hija, essenzjalment, waħda mid-domandi magħmula mir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li l-Qorti tal‑Ġustizzja hija mitluba tirrispondi f’din il-kawża.

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStichting Rookpreventie Jeugd (il-Fondazzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tipjip fost iż-Żgħażagħ, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l“iStichting”) u ħmistax‑il entità oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-iStaatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport (is‑Segretarju tal-Istat għas-Saħħa Pubblika, għall-Benesseri u għall-Isport, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”).

4.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, b’mod iktar preċiż, jekk il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO msemmija fl‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE ( 3 ), li jipprevedi għal metodu ta’ kejl tal‑emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju minn sigaretti bil-filtru, jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni previsti fit‑tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE ( 4 ) u mal-prinċipju ta’ trasparenza li, fost oħrajn, qiegħed fil-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

5.

Fl-aħħar tal-preżentazzjoni tiegħi, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE ma jeħtieġx li l-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, jien ser nindika r-raġunijiet għaliex inqis li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑kontenut ta’ dawn l-istandards ma humiex kuntrarji għall-prinċipji ġenerali li tagħhom din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

6.

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 5 ) jipprevedi:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom, sa’ fejn possibbli jagħmlu dokumenti direttament aċċessibbli lill-pubbliku f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni involuta.

2.   B’mod partikolari, dokumenti legislattivi, jiġifieri, dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9, ikunu direttament aċċessibbli.”

7.

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[…]”.

B.   Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012

8.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 ( 6 ) jipprevedi:

“Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-istandards u l-proċess ta’ żvilupp tal-istandards sabiex jilħqu livell ogħla ta’ parteċipazzjoni fis-sistema ta’ standardizzazzjoni, pereżempju billi:

[…]

(c)

jipprovdu aċċess ħieles jew rati speċjali għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni;

(d)

jipprovdu aċċess ħieles għall-abbozzi ta’ standards;

(e)

jipprovdu mingħajr ħlas sommarji ta’ standards fil-websajt tagħhom;

[…]”.

9.

Skont l-Artikolu 10(6) ta’ dan ir-regolament:

“Meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta’ tali standard armonizzat mingħajr dewmien f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ mezzi oħra f’ konformita’ mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.”

C.   Id-Direttiva 2014/40

10.

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2014/40 tiddisponi:

“Sabiex jitkejjel il-kontenut tal-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju tas-sigaretti (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘livelli ta’ emissjoni’), għandha ssir referenza għall-istandards ISO rilevanti li huma rikonoxxuti internazzjonalment. […]”.

11.

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Il-livelli ta’ emissjoni minn sigaretti li jitqiegħdu fis-suq jew immanufatturati fl-Istati Membri (‘livelli massimi ta’ emissjoni’) ma għandhomx ikunu akbar minn:

a)

10 mg ta’ qatran kull sigarett;

b)

1 mg ta’ nikotina kull sigarett;

c)

10 mg ta’ monossidu tal-karbonju għal kull sigarett.”

12.

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-emissjonijiet ta’ qatran, nikotina u monossidu tal-karbonju minn sigaretti għandu jitkejjel fuq il-bażi tal-istandard ISO 4387 għall-qatran, l-istandard ISO 10315 għan-nikotina, u l-istandard ISO 8454 għall-monossidu tal-karbonju.

L-eżattezza tal-kejl tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju għandha tiġi ddeterminata skont l-istandard ISO 8243.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

13.

Permezz ta’ ittri tal‑31 ta’ Lulju u tat‑2 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lin-Nederlandse Voedsel‑ en Warenautoriteit (l-Awtorità Olandiża tal-Kontroll tal-Prodotti tal-Ikel u tal-Konsumatur, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem n-“NVWA”) biex jiġi żgurat li s-sigaretti bil-filtru offruti lill-konsumaturi tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta jintużaw għall-iskop intenzjonat tagħhom, jikkonformaw mal-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40 u, fejn xieraq, jadottaw miżura ta’ implimentazzjoni biex jiżguraw li l-prodotti li jiksru dawn ir-rekwiżiti jiġu rtirati mis-suq ( 7 ).

14.

B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018, in-NVWA ċaħdet l-applikazzjoni għal miżura ta’ eżekuzzjoni minn waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-iStichting, li l-għan tagħha huwa l-prevenzjoni tat-tipjip fost iż-żgħażagħ. Din tal-aħħar, kif ukoll ir-rikorrenti l-oħra kollha fil-kawża prinċipali, ippreżentaw azzjoni amministrattiva minn din id-deċiżjoni quddiem l-iStaatssecretaris.

15.

Fil‑31 ta’ Jannar 2019, l-iStaatssecretaris ċaħad l-azzjoni tal-iStichting bħala infondata u dik tar-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali bħala inammissibbli.

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors fil-qorti kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Vereniging Nederlandse Sigaretten‑ en Kerftabakfabrikanten (l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Olandiżi tas-Sigaretti u t-Tabakk, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“VSK”) talbu biex jiġu rrikonoxxuti bħala parti terza fil-kawża prinċipali. Din it-talba ntlaqgħet.

17.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-iStichting issostni, essenzjalment, li l-metodu għall-kejl tal-livelli ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju fis-sigaretti bil-filtru msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma huwiex vinkolanti. Fil-fehma tagħha, dawn l-emissjonijiet għandhom jitkejlu billi jitqies, b’mod partikolari, l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti u, b’mod iktar speċifiku, il-fatt li s-swaba’ u x-xofftejn ta’ dawk li jpejpu jostakolaw parzjalment il-mikroperforazzjonijiet magħmula fil-filtru tas-sigaretti. Għaldaqstant, dawn l-emissjonijiet huma, fir-realtà, ogħla milli dan il-metodu jippermetti li jiġi ddeterminat ( 8 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm il-ħtieġa tal-użu ta’ metodu ieħor, li jagħti iktar protezzjoni lis-saħħa tal-konsumaturi ( 9 ).

18.

L-iStaatssecretaris, li hu appoġġjat mill-VSK, joġġezzjona għal dan l-argument u jsostni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwa ta’ natura obbligatorja. Għalhekk, ma jkunx possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jiddevjaw, minn rajhom, mill-metodu preskritt minn din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, huwa f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi jemendax din id-dispożizzjoni jew le.

19.

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, fl-ewwel lok, jekk il-fatt li l-istandards ISO li fuq il-bażi tagħhom jitkejlu l-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti bil-filtru ma jkunux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u huma aċċessibbli biss mingħand l-ISO bi ħlas, huwiex kompatibbli, b’mod partikolari, mas-sistema ta’ pubblikazzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ trasparenza.

20.

Fit-tieni lok, hija tistaqsi dwar in-natura vinkolanti tal-metodu ta’ kejl tal-livelli ta’ emissjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, kif ukoll fuq il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-għanijiet ta’ din l-istess direttiva u ta’ regoli tad-dritt superjuri oħrajn ( 10 ).

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam), b’deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2020, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirreferi, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja ( 11 ):

“Il-ħolqien tal-metodu ta’ kejl previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, ibbażat fuq standards ISO li ma humiex aċċessibbli liberament, huwa konformi ma[t-tielet paragrafu ta]l-Artikolu 297(1) TFUE […] kif ukoll mal-prinċipju ta’ trasparenza li huwa l-bażi ta’ dan?”

22.

L-iStichting, il-VSK, il-Gvern Olandiż, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma saret l-ebda seduta għat-trattazzjoni f’din il-kawża. Il-partijiet u l-partijiet interessati madankollu wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2021.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjoni preliminari

23.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel domanda preliminari.

24.

Permezz ta’ din id-domanda, li hija maqsuma f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tiċċara jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE jirrikjedix pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 u, min-naħa l‑oħra, tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut ta’ dawn l-istandards (li, lil hinn mill-fatt li ma humiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, ma humiex disponibbli għall-pubbliku mill-ISO għajr bi ħlas, mingħajr ma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħmlu l-kontenut tagħhom aċċessibbli direttament u mingħajr ħlas) jikkonformawx mal-prinċipju ta’ trasparenza.

25.

Bħala punt preliminari, nixtieq nenfasizza li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk ġiet adita minn kwistjoni li fl-aħħar mill-aħħar tikkonċerna l-aċċessibbiltà tal-kontenut tal-liġi, jiġifieri l-possibbiltà taċ-ċittadini li jkunu jafu biha, il-punt tat-tluq tar-risposta għal din id-domanda għandu, fl-opinjoni tiegħi, ovvjament ikun li, f’soċjetà demokratika, kull ċittadin għandu jkollu aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi. Dan huwa wieħed mill-pedamenti tal-Istat tad-Dritt ( 12 ).

26.

Dan il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tad-dritt għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ggarantit għal mill-inqas żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda tittieħed mill-massima li n-“nuqqas ta’ għarfien tal-liġi ma huwiex skuża”, li neċessarjament jimplika li l-liġi ma tistax tkun eżegwita kontra l-partijiet f’kawża qabel ma jkollhom l-opportunità li jkunu jafu dwarha. It-tieni waħda toħroġ mill-ħtieġa li ċ-ċittadini fis-sens wiesa’ jkunu jistgħu jikkonsultaw it-testi kollha adottati mill-awtoritajiet pubbliċi li jirregolaw il-ħajja fis-soċjetà sabiex ikunu jistgħu jiżguraw l-osservanza ( 13 ) tagħhom u jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet li jingħatawlhom f’soċjetà demokratika ( 14 ). Din hija, barra minn hekk, l-essenza stess tal-approċċ meħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali: bl-azzjoni tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, dawn l-entitajiet, li l-għan komuni tagħhom huwa l-prevenzjoni tat-tipjip, iridu preċiżament jargumentaw li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 jippreskrivi metodu ta’ kejl li, fl-opinjoni tagħhom, ma jipproteġix biżżejjed is-saħħa tal-konsumaturi.

27.

Jirriżulta minn dan il-prinċipju li l-istandards ISO li hemm riferiment għalihom f’att leġiżlattiv tal-Unjoni bħal, f’dan il-każ, din id-Direttiva 2014/40 ( 15 ), għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali jew, għall-inqas, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa li jiżguraw li l-kontenut tagħhom ikun direttament u mingħajr ħlas disponibbli għall-pubbliku?

28.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandi niċċara li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tittratta speċifikament ir-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni li standards internazzjonali bħall-istandards ISO inkwistjoni għandhom jissodisfaw meta jkunu hekk imsemmija f’tali att leġiżlattiv. B’mod partikolari, l-Artikolu 10(6) tar-Regolament 1025/2012, li fih obbligi speċifiċi fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ standards armonizzati ( 16 ), ma jestendix għall-istandards ISO. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirrigwardax jekk il-pubblikazzjoni ta’ standards tekniċi oħra fil-Ġurnal Uffiċjali, kemm jekk nazzjonali, armonizzati jew Ewropej ( 17 ), għandhiex tkun kompluta jew le jew jekk kontenut għandux jkun aċċessibbli liberament għall-pubbliku. F’dan il-każ, hija biss kwistjoni ta’ standards internazzjonali u, b’mod iktar speċifiku, ta’ standards ISO żviluppati minn organizzazzjoni privata, li l-finanzjament tagħha ġej, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-istandards li tagħhom hija l-awtriċi ( 18 ).

29.

Sussegwentement, u kif ser nenfasizza iktar tard fil-preżentazzjoni tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tiddependi, fl-opinjoni tiegħi, fuq il-mod li bih l-att leġiżlattiv tal-Unjoni li jirreferi għall-istandards ISO juża dawn l-istandards.

30.

Diversi elementi jidhirli li huma rilevanti f’dan ir-rigward. Din il-kawża twassalni biex nidentifika tlieta. L-ewwel, l-istandards inkwistjoni huma meħtieġa biex wieħed ikun konxju tar-“rekwiżiti essenzjali” tal-att leġiżlattiv li jirreferi għalihom jew huma ta’ natura teknika u aċċessorja għal dawn ir-rekwiżiti? It-tieni, dawn l-istandards għandhom l-għan li jimponu obbligi fuq kumpanniji li l-prodotti jew l-attivitajiet tagħhom huma affettwati minn dawn l-istandards? It-tielet, fil-każ li dawn l-istess standards huma ta’ natura teknika u aċċessorja u ma humiex intiżi li jimponu obbligi fuq impriżi bħal dawn, li minnhom jirriżulta (kif ser nispjega fit-taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet) li ma għandhomx ikunu suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE, il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jipprovdux għal kundizzjonijiet ta’ aċċess iktar ġenerużi minn dawk diġà previsti mill-ISO jfixklu b’mod sproporzjonat il-possibbiltà għall-pubbliku biex isir jaf bihom u, għalhekk, il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata din l-aħħar dispożizzjoni (taqsima C)?

31.

Inżid ngħid li dan l-aħħar element jidhirli li huwa ta’ inqas importanza meta jkun ċar li l-istandards ISO msemmija f’att leġiżlattiv jixbħu forma ta’ kodifikazzjoni ta’ għarfien tekniku minn u għal professjonisti ( 19 ). Għall-kuntrarju, iktar ma jkun viċin l-istandard għal qasam fejn iċ-ċittadini x’aktarx ifittxu li jeżerċitaw id-drittijiet li jingħatawlhom f’soċjetà demokratika (pereżempju, bħal fil-każ preżenti, fil-qasam tas-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi), iktar ma dan l-element għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni, iktar hemm bżonn li wieħed jistaqsi jekk il-kontenut tal-istandard għandux ikun aċċessibbli liberament għall-pubbliku.

B.   Fuq il-pubblikazzjoni skont it-tielet paragrafu tal‑Artikolu 297(1) TFUE (l-ewwel parti tal-ewwel domanda)

32.

Infakkar li l-Artikolu 297(1) TFUE jirrikjedi, skont it-tielet paragrafu tiegħu, li l-atti leġiżlattivi jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

33.

F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ xenarji. Jew l-istandards ISO inkwistjoni jistgħu huma stess jitqiesu bħala “atti leġiżlattivi” u, f’dan il-każ, huwa ċar li pubblikazzjoni sħiħa tal-kontenut tagħhom hija meħtieġa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (taqsima 1); jew dawn l-istandards ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw din id-definizzjoni, u għalhekk huwa meħtieġ li wieħed jistaqsi jekk il-pubblikazzjoni tal-kontenut tagħhom hijiex madankollu meħtieġa, taħt id-dispożizzjoni msemmija, fis-sens li jikkostitwixxu “elementi” ta’ att leġiżlattiv (jiġifieri tad-Direttiva 2014/40) (taqsima 2).

1. L-istandards ISO inkwistjoni ma humiex, fihom innifishom, “atti leġiżlattivi”

34.

Il-kunċett ta’ “atti leġiżlattivi” huwa ddefinit fl-Artikolu 289(3) TFUE fis-sens li “atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi” Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, konformement ma’ dik id-dispożizzjoni, att legali jista’ jiġi kkwalifikat bħala “att leġiżlattiv” tal-Unjoni biss jekk ikun ġie adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirreferi espressament jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 289(1) u fl-Artikolu 294 TFUE, jew inkella għal proċedura leġiżlattiva speċjali deskritta fl-Artikolu 289(2) TFUE ( 20 ).

35.

F’dan il-każ, il-partijiet u l-intervenjenti kollha f’dawn il-proċeduri, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jikkunsidraw li l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu, fihom innifishom, “atti leġiżlattivi”.

36.

Nikkondividi bla diffikultà din il-fehma.

37.

Fil-fatt, huwa evidenti li dawn l-istandards – li, kif ġustament indikat il-Kummissjoni, kienu tfasslu minn korp privat, jiġifieri l-ISO ( 21 ) – ma kinux is-suġġett ta’ proċedura leġiżlattiva proprja ordinarja jew speċjali, jiġifieri proċedura mmirata speċifikament għall-adozzjoni tagħhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati.

38.

Il-fatt li, wara li kienu ġew adottati mill-ISO, dawn l-istandards kienu ntgħażlu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, biex jitkejlu l-livelli ta’ emissjoni tas-sigaretti bil-filtru u jiġi vverifikat li dawn jibqgħu taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, fil-fehma tiegħi, lanqas ma jwassal għall-konklużjoni li huma stess, ġew “adottati” bħala “atti leġiżlattivi” b’din il-proċedura. Fil-fatt, l-uniku għan tagħha kien li tiġi adottata d-direttiva msemmija.

39.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u billi huwa ċar mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-Trattat FUE li l-awturi tat-Trattat adottaw approċċ formali ( 22 ), li bis-saħħa tiegħu “atti leġiżlattivi” huma kkwalifikati bħala tali biss jekk jiġu adottati skont proċedura leġiżlattiva ordinarja jew skont proċedura leġiżlattiva speċjali, jidhirli ċar li l-istandards ISO inkwistjoni ma jistgħux huma stess jitqiesu li jappartjenu għal din il-kategorija ta’ atti ( 23 ).

2. L-istandards ISO inkwistjoni huma “elementi” ta’ att leġiżlattiv, li l‑pubblikazzjoni sħiħa tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ma hijiex, madankollu, meħtieġa

40.

Jirriżulta mis-subtaqsima preċedenti li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-Direttiva 2014/40 biss, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, tista’ titqies li tissodisfa d-definizzjoni ta’ “att leġiżlattiv”, fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE. Biex intennu l-espressjoni użata mill-gvern Olandiż, l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu, l-iktar, “elementi” ta’ dan l-att leġiżlattiv.

41.

Dawn l-elementi għandhom jiġu ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal‑Artikolu 297 TFUE? Fl-opinjoni tiegħi, le.

42.

F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Heinrich ( 24 ), li kienet tirrigwarda l-każ fejn anness ta’ regolament ( 25 ) ma kienx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, l-Avukat Ġenerali Sharpston irrimarkat li l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ tali anness ammonta għal “pubblikazzjoni tal-qafas [tal-att] mingħajr is-sustanza” u b’hekk kienet “pubblikazzjoni difettuża u mhux adegwata” li ma tissodisfax l-obbligi tal-Artikolu 297(2) TFUE (relatata mal-pubblikazzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi adottati fil-forma ta’ regolamenti, ta’ direttivi u ta’ deċiżjonijiet).

43.

Naqbel ma’ din l-analiżi, li jidhirli li tista’ tiġi trasposta għas-sistema ta’ pubblikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, din l-aħħar dispożizzjoni ssir mingħajr sens jekk il-qafas biss li jifformalizza l-adozzjoni ta’ att bħal dan, u mhux is-“sustanza” tiegħu kollha, għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

44.

Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali madankollu ma jidhirx li hija meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, fil-każ li, bħal fiċ-ċirkustanzi preżenti, l-“elementi” msemmija f’dispożizzjoni waħda jew iktar tal-att leġiżlattiv huma standards ISO li jikkorrispondu mad-dettalji tekniċi u aċċessorji sempliċi fir-rigward tar-“rekwiżiti essenzjali” ta’ dan l-att (l-ewwel kriterju) u ma għandhomx l-għan li jimponu obbligi fuq impriżi li l-prodotti jew l-attivitajiet tagħhom huma kkonċernati minn tali standards (it-tieni kriterju).

a) L-istandards ISO inkwistjoni huma ta’ natura teknika u aċċessorja fir‑rigward tar-“rekwiżiti essenzjali” li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2014/40 (l-ewwel kriterju)

45.

B’“rekwiżiti essenzjali” nifhem ir-regoli li, f’att leġiżlattiv tal-Unjoni li l-għan tiegħu huwa li jiddefinixxi l-prekundizzjonijiet għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti fis-suq intern (bħal, fil-każ preżenti, sigaretti bil-filtru), jirrigwardaw preċiżament dawn il-kundizzjonijiet u, f’dan, jirriflettu l-qalba tal-għażla politika magħmula mil-leġiżlatur sabiex jimplimenta l-għanijiet tiegħu ( 26 ).

46.

Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, inqis li l-kwistjoni ta’ jekk l-istandards ISO li huma msemmija f’tali att leġiżlattiv għandhomx jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali jew le tiddependi mill-mod kif inhuma marbutin ma’ dawn ir-“rekwiżiti essenzjali”, u joqorbu, għalhekk, lejn is-“sustanza” tal-att. B’mod iktar speċifiku, fl-opinjoni tiegħi, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn dawn l-istandards huma tekniċi u aċċessorji għal dawn ir-rekwiżiti essenzjali, minn dik fejn dawn l-istandards huma meħtieġa sabiex tinftiehem il-portata tagħhom jew jinftiehem l-kontenut tagħhom.

47.

Fil-każ preżenti, ninnota, fl-ewwel lok, li l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 għandhom l-għan li jispeċifikaw, mil-lat tekniku, il-metodu li fuq il-bażi tiegħu jitkejlu l-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti bil-filtru.

48.

Fit-tieni lok, jirriżulta mill-artikolazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva li, filwaqt li dawn l-istandards għandhom x’jaqsmu biss mal-metodu ta’ kejl applikat biex tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli massimi ta’ emissjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huma jirriflettu il-qalba tal-għażla politika magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tiegħu ta’ protezzjoni tal-konsumatur u, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tas-saħħa ( 27 ). B’żieda ma’ dan huwa l-fatt, minn naħa, li s-sigaretti bil-filtru koperti mid-Direttiva 2014/40 ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jekk il-livelli msemmija jinqabżu (fi kliem ieħor, dawn l-istess livelli huma prerekwiżit għat-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fuq suq) u, min-naħa l-oħra, li dawn il-prodotti, li huma espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ( 28 ), jistgħu jkunu magħrufa minn kull ċittadin tal-Unjoni indipendentement minn dawn l-istandards.

49.

Minn dawn l-elementi niddeduċi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40, ma humiex l-istandards ISO inkwistjoni, iżda l-livelli massimi ta’ emissjoni li jidhru fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li huwa xieraq, fl-opinjoni tiegħi, li jitqiesu bħala “rekwiżiti essenzjali”. Barra minn hekk, l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva huma aċċessorji għal dawn ir-rekwiżiti.

50.

Iktar ’il quddiem ser nispjega li din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li dawn l-istess standards ma jimponu l-ebda obbligu fuq il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti bil-filtru (it-tieni kriterju).

b) L-istandards ISO inkwistjoni ma humiex maħsuba biex jimponu obbligi fuq impriżi li l-prodotti tagħhom huma affettwati minn dawn l-istandards (it‑tieni kriterju)

51.

Fir-rigward tat-tieni kriterju, huwa importanti li wieħed ifakkar li “standards” fis-sens wiesa’ huma ddefiniti, fi ħdan l-Unjoni, bħala “speċifikazzjoni[jiet] teknik[i], adottat[i] minn korp azzjoni tal-istandardizzazzjoni rikonoxxut, […] li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja” ( 29 ). Għalhekk ġeneralment ma humiex maħsuba biex jimponu obbligi fuq impriżi li l-prodotti tagħhom huma kkonċernati minn dawn l-istandards.

52.

Wara li ġie ppreċiżat dan, nirrikonoxxi, fid-dawl tat-taqsima preċedenti, li, fil-każ li l-istandards ISO jintużaw mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex joħolqu obbligi fir-rigward ta’ dawn l-impriżi, standards bħal dawn għandhom, bħala prinċipju, jintrabtu mal-kategorija ta’ “rekwiżiti essenzjali” ( 30 ) u, għalhekk, jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ( 31 ). Fil-fatt, konformità magħhom issir prerekwiżit għar-rilaxx tal-prodotti kkonċernati fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq intern ( 32 ).

53.

Fil-każ preżenti, inqis li l-istandards ISO elenkati fl‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma humiex intiżi biex jimponu obbligi fuq il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti bil-filtru.

54.

Huwa veru li, meta adotta din l-aħħar dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jidhirx li ppreveda ( 33 ) li l-emissjonijiet mis-sigaretti bil-filtru jistgħu jitkejlu fuq il-bażi ta’ metodu għajr dak preskritt mill-istandards ISO inkwistjoni, mil-laboratorji responsabbli, konformement mal-Artikolu 4(2) ta’ din direttiva, biex jiġu kkontrollati dawn l-emissjonijiet.

55.

Madankollu, u filwaqt li nirrikonoxxi din in-natura vinkolanti fir-rigward tal-laboratorji tal-kontroll ( 34 ), inqis li l-uniku obbligu reali li, f’dan il-każ, jaqa’ fuq il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti bil-filtru huwa li dawn l-emissjonijiet jikkonformaw mal-livelli massimi ta’ emissjoni previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Dawn l-importaturi u l-manifatturi ma humiex huma stess meħtieġa li japplikaw il-metodu tal-kejl preskritt mill-istandards ISO elenkati fl-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva.

56.

Barra minn hekk, peress li huwa dejjem biss f’relazzjoni ma’ dawn il-livelli massimi ta’ emissjoni li l-konformità ta’ dawn il-prodotti għandha tiġi evalwata, jidhirli li huwa possibbli għal dawn l-importaturi u l-manifatturi li jiżguraw, anki mingħajr ma jkunu konxji tal-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni, li dawn il-limiti jkunu rrispettati u għalhekk biex jintroduċu prodotti li jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti essenzjali fis-suq.

57.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li dawn l-istandards ma humiex maħsuba biex jimponu obbligi fuq il-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti bil-filtru, li jikkonferma n-natura teknika u aċċessorja tagħhom fir-rigward tar-“rekwiżiti essenzjali” li huma, min-naħa tagħhom, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40, u jinkombu fuqhom.

c) Konklużjoni intermedja

58.

L-eżami taż-żewġ kriterji identifikati fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet iwassalni biex nikkonkludi li l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jinqabdux mir-regola tal-pubblikazzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Fil-fatt, meta mqabbla mal-livelli massimi ta’ emissjoni previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva li jikkostitwixxu “rekwiżiti essenzjali” ta’ dan l-att, dawn l-istandards jibqgħu elementi tekniċi u aċċessorji li ma għandhomx, fl-opinjoni tiegħi, jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

59.

Inżid ngħid li ladarba jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji, jidhirli li dawn l-istandards jintużaw mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod li fl-aħħar mill-aħħar joqrob lejn dak stabbilit għall-istandards armonizzati adottati fuq il-bażi tal-“approċċ il-ġdid” ( 35 ), li għalihom il-leġiżlatur ikkunsidra li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ riferimenti għal dawn l-istandards kienet biżżejjed.

60.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li, fis-sentenza James Elliott Construction ( 36 ), li kienet tikkonċerna standard armonizzat bħal dan ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, wara li rrilevat li l-effetti legali ta’ tali standard kienu suġġetti għall-pubblikazzjoni minn qabel tar-riferimenti fil-Ġurnal Uffiċjali, li hi kompetenti biex tinterpreta l-kontenut għal deċiżjoni preliminari. Hija ma tat l-ebda każ għall-fatt li l-kontenut tal-istandards armonizzati ma kienx ippubblikat kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali.

61.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tonqosx, inkluż f’deċiżjonijiet preliminari, li tistaqsi dwar il-premessi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tikkunsidra dubjużi ( 38 ). Madankollu, ma għamlitx hekk f’dan il-każ, minkejja li nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni applikabbli kien jaffettwa direttament il-possibbiltà, għal dan l-istandard, li jkollu effetti legali ( 39 ).

62.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-assenza ta’ pubblikazzjoni sħiħa fil-Ġurnal Uffiċjali tal-kontenut tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jiksirx it-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE.

C.   Fuq il-prinċipji ġenerali li fuqhom huwa bbażat it-tielet paragrafu tal‑Artikolu 297(1) TFUE (it-tieni parti tal-ewwel domanda)

63.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni jikkonformawx mal-prinċipju ta’ trasparenza li, fost l-oħrajn, qiegħed fil-bażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE.

64.

L-analiżi tiegħi ta’ din il-problema ser tkun organizzata kif ġej. Fl-ewwel parti, ser niċċara x’għandu jinftiehem bil-prinċipju ta’ trasparenza li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalih fid-domanda tagħha. Ser nispjega li, fl-opinjoni tiegħi, dik il-qorti, fil-fatt, qiegħda timmira lejn il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi, li diġà fakkart fl-importanza tiegħu fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fit-tieni parti, ser nindika li l-kwistjoni li għandha tiġi kkunsidrata f’dan l-istadju hija jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhomx jipprovdu għal kundizzjonijiet ta’ aċċess iktar ġenerużi minn dawk diġà previsti mill-ISO (li timponi l-ħlasijiet fuq persuni li jixtiequ jaċċedu għall-kontenut tal-istandards li tiżviluppa), jiġifieri biex jiġi żgurat li dawn l-istandards ikunu direttament u mingħajr ħlas disponibbli għal kulħadd. Nixtieq nenfasizza li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kontenut ta’ dawn l-istandards, minn naħa, humiex iġġustifikati u, min-naħa l-oħra, ma jfixklux b’mod sproporzjonat il-possibbiltà għall-pubbliku biex ikun jaf dwarha.

1. Fuq ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ trasparenza

65.

Il-kunċett ta’ “trasparenza” ma huwiex meħud kelma b’kelma mid-dispożizzjonijiet tat-trattati. Dawn huma t-termini “prinċipju ta’ aċċess miftuħ” li ġew magħżula mill-awturi tat-trattati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, li jirreferi għal deċiżjonijiet meħuda bl-ikbar osservanza possibbli għal dan il-prinċipju u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini u l-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi li, “[s]abiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili” l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom jaħdmu bl-ikbar osservanza possibbli ta’ dak il-prinċipju.

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-prinċipju ta’ aċċess miftuħ fis-sens li huwa stabbilit b’mod ġenerali f’dawn id-dispożizzjonijiet u kkonkretizzat, b’mod partikolari, mid-“dritt ta’ aċċess” għal dokumenti li huwa sanċit fl-Artikolu 15(3) TFUE, fl-Artikolu 42 tal-Karta, u fir-Regolament Nru 1049/2001 ( 40 ).

67.

It-trasparenza hija marbuta mad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament ( 41 ). Fil-fehma tiegħi, dan id-dritt ma huwiex il-bażi, iżda jiżdied mal-obbligu ta’ pubblikazzjoni diġà previst fl-Artikolu 297 TFUE, billi jitlob lill-istituzzjonijiet jagħmlu aċċessibbli lill-pubbliku kategoriji ta’ dokumenti li ma jaqgħux taħt din l-aħħar dispożizzjoni ( 42 ).

68.

F’dan il-kuntest, jidhirli li t-trasparenza għalhekk tirreferi iktar għall-possibbiltà għaċ-ċittadini li jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li kienet tifforma l-bażi ta’ att leġiżlattiv ( 43 ), milli għal dik ta’ aċċess għall-kontenut tal-att leġiżlattiv fih innifsu u tal-“elementi” ta’ dan l-att, li jikkostitwixxi l-qalba tal-problema inkwistjoni fil-kawża preżenti.

69.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli li, bit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-fatt trid tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux fuq il-prinċipju ta’ trasparenza, iżda fuq il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi. Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li dan il-prinċipju – ċertament mhux miktub fit-testi tat-Trattati jew fil-Karta, iżda li huwa essenzjali bħala bażi tal-prinċipju ta’ Stat tad-dritt sanċit fl-Artikolu 2 TUE – huwa l-bażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Tassew, fejn tista’ ssib espressjoni iktar qawwija u iktar konkreta tal-prinċipju msemmi mill-obbligu li jiġi ppubblikat il-kontenut tal-liġi?

70.

Fl-opinjoni tiegħi, meta din id-dispożizzjoni ma teħtieġx il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ elementi msemmija f’dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv (bħal, f’dan il-każ, l-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40), dan l-istess prinċipju jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiggarantixxu l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għal dawn l-elementi għaċ-ċittadini kollha. Għalhekk, kwalunkwe restrizzjoni fuq il-possibbiltà li jkunu jafu liberament dwarha għandha, minn naħa, tkun iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, ma tfixkilx b’mod sproporzjonat din il-possibbiltà.

71.

Kif indikajt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi għandu skop doppju. Minn naħa, huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirrikjedi li r-regoli tal-liġi jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li jaqgħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 44 ). Min-naħa l-oħra, meta jiggarantixxi liċ-ċittadini aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi, jiġifieri għat-testi kollha adottati mill-awtoritajiet pubbliċi li jirregolaw il-ħajja fis-soċjetà, jippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom. Ħadd ma jista’ jikkontesta l-liġi u jfittex li jevolviha jekk ma kienx possibbli li wieħed ikun jafha.

72.

Il-kawża preżenti tolqot din it-tieni dimensjoni tal-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi. Fil-fatt, tqum preċiżament f’kuntest fejn entitajiet li fehmu b’mod ċar il-kontenut tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 joġġezzjonaw għall-metodu preskritt minn dawn l-istandards għall-iskop li jiksbu l-irtirar ta’ prodotti li huma jqisu li ma humiex konformi, u fl-aħħar mill-aħħar iridu li jpoġġu f’dubju l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li joqgħod fuq dawk l-istandards.

73.

Ser nispjega, fis-subtaqsima li jmiss, ir-raġunijiet għaliex inqis li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jipprovdux għall-pubbliku fis-sens ġenerali kundizzjonijiet ta’ aċċess iktar ġenerużi minn dawk diġà previsti mill-ISO, huma ġġustifikati u ma jfixklux b’mod sproporzjonat il-possibbiltà li dan tal-aħħar jkun jaf bih.

2. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni ma humiex kuntrarji għall-prinċipju ta’ aċċess liberu għall‑kontenut tal-liġi

a) Fuq il-ġustifikazzjoni

74.

F’dan il-każ, l-aċċess bi ħlas għall-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni huwa ġġustifikat mill-fatt li tfasslu minn organizzazzjoni privata (l-ISO) li l-finanzjament tagħha ġej, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-istandards ISO li tiżviluppa. Il-funzjonament xieraq ta’ din l-organizzazzjoni huwa bbażat fuq il-possibbiltà, għaliha, li tirċievi redditu fuq l-investiment, wara li jitqies, b’mod partikolari, li l-istandards imsemmija iktar ’il fuq, bil-kumplessità u t-teknikalità tagħhom, jimplikaw mobilizzazzjoni sinjifikattiva tar-riżorsi personali u materjali tal-ISO. Barra minn hekk, billi din l-organizzazzjoni tinvoka d-drittijiet tal-awtur fuq l-istandards li tadotta, il-fatt li dawn isiru aċċessibbli direttament u mingħajr ħlas jispiċċa biex titwarrab l-eżistenza ta’ drittijiet bħal dawn.

75.

Huwa importanti wkoll għall-membri tal-ISO (jiġifieri għall-korpi tal-istandards nazzjonali) li jkunu jistgħu jbigħu dawn l-istandards, għaliex iżommu porzjon sinjifikattiv tal-profitti magħmula fuq dak il-bejgħ ( 45 ).

76.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ovvju li d-disponibbiltà mingħajr ħlas ta’ standards, li tirriżulta minn obbligu eventwali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipprovdu aċċess dirett tal-pubbliku għalihom, ikollha l-konsegwenza li tnaqqas ( 46 ) l-investimenti ta’ dawn il-korpi ta’ standardizzazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ standards.

77.

F’dan ir-rigward, madankollu, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi miċħud li l-istandards ISO jokkupaw post importanti fix-xenarju normattiv tal-Unjoni peress li, b’mod partikolari, ħafna standards Ewropej huma mfassla fuq il-bażi tagħhom ( 47 ), u li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-ISO kkonkludew ftehim ( 48 ) ta’ kooperazzjoni teknika li jagħti, essenzjalment, l-istandards ISO prijorità fuq l-istandards Ewropej ( 49 ). L-użu ta’ standards internazzjonali u, b’mod partikolari, standards ISO, huwa meħtieġ ukoll fid-dawl tal-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) ( 50 ), li fih huma partijiet il-membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluża l-Unjoni.

78.

Miżjud ma’ dan huwa l-fatt li, b’mod iktar wiesa’, l-istandardizzazzjoni titqies mil-leġiżlatur bħala għodda strateġika ( 51 ) biex issostni l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni ( 52 ).

79.

Fil-fatt, għalkemm l-istandards tradizzjonalment ġew ippreżentati bħala forma ta’ kodifikazzjoni ta’ għarfien minn u għall-professjonisti ( 53 ), huma essenzjali għall-iżvilupp tas-suq intern. Huma rrikonoxxuti wkoll bħala ta’ importanza dejjem ikbar għall-kummerċ internazzjonali ( 54 ). Lil hinn mill-vantaġġi ekonomiċi kunsiderevoli tagħhom (speċjalment fil-qasam ta’ kompetittività tal-impriżi ( 55 ) u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ ( 56 )), huma preżenti kullimkien fil-ħajja ta’ kuljum ( 57 ), kif ukoll f’ħafna oqsma tal-politika pubblika ( 58 ).

80.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jipprovdux għal kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO iktar ġenerużi minn dawk imposti mill-ISO (u minn ċerti korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni) huwa ġġustifikat mill-ħtieġa għal din l-organizzazzjoni u dawn il-korpi biex jiffinanzjaw l-iżvilupp tal-istandards u l-attivitajiet tagħhom, minn naħa, u mill-importanza ta’ dawn l-istandards għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Madankollu, jibqagħli neżamina jekk il-piż li dawn it-tariffi jiġġeneraw għaċ-ċittadin jikkostitwixxix preġudizzju sproporzjonat għall-possibbiltà biex dan ikun jaf b’dan il-kontenut.

b) Fuq l-assenza ta’ ostakolu sproporzjonat għall-possibbiltà għall‑pubbliku li jkollu aċċess għall-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni

81.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett nixtieq infakkar li kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu aċċess għall-kontenut tal-istandards żviluppati mill-ISO. L-uniku ostakolu għal dan l-aċċess huwa ta’ natura finanzjarja, billi l-provvista ta’ dan il-kontenut minn din l-organizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li jsir il-ħlas tad-drittijiet ta’ aċċess li din timponi.

82.

Imbagħad, l-elementi li ġejjin jidhirli, b’mod partikolari, li huma enfasizzati.

83.

Fl-ewwel lok, il-piż fuq iċ-ċittadin għandu jkun ibbilanċjat mal-interess tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkun hemm sistema ta’ standardizzazzjoni effiċjenti u effettiva li mhux biss tikkostitwixxi bażi flessibbli u trasparenti, iżda li hija wkoll finanzjarjament vijabbli ( 59 ).

84.

F’dan ir-rigward, nixtieq nippreċiża li l-fatt li l-istandards huma mfassla minn entitajiet privati (bħall-ISO) għandu vantaġġi li fuqhom il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda, billi għamel riferiment għal dawn l-istandards f’regolamenti u direttivi, li jibbaża t-teknika leġiżlattiva tiegħu. Fost dawn hemm il-livell għoli ta’ għarfien espert tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jadattaw malajr għal sfidi tekniċi ġodda u l-flessibbiltà tal-proċeduri tagħhom li tippermetti, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni ta’ atturi privati ( 60 ).

85.

Fit-tieni lok, dan il-piż għandu jkun ibbilanċjat ukoll mal-interessi tal-professjonisti biex jiġi żgurat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jirrinunzjax għall-użu ta’ dawn l-istandards minħabba n-natura ta’ ħlas tagħhom. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni enfasizzat li, billi huwa komuni li l-atturi rilevanti tas-suq ikunu rrappreżentati fi ħdan korpi ta’ standardizzazzjoni ( 61 ), huwa wkoll fl-interess ta’ dawn tal-aħħar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tuża l-istandards stabbiliti minn dawn l-entitajiet privati u ma tiddefinixxix hija stess dawn speċifikazzjonijiet tekniċi.

86.

Madankollu, l-interess tal-professjonisti jidhirli li huwa ta’ importanza inqas f’kawża bħal dik prinċipali, peress li l-istandards inkwistjoni jirrigwardaw oqsma, b’mod iktar speċifiku dawk tas-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi, fejn, kif enfasizzajt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iċ-ċittadini huma iktar probabbli li jfittxu li jasserixxu d-drittijiet tagħhom. F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, fl-opinjoni tiegħi, b’mod partikolari jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għall-kontenut ta’ dawn l-istandards.

87.

Fit-tielet lok u f’dan ir-rigward, inżid ngħid li jekk jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1025/2012 li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex li l-aċċess għall-istandards (fis-sens wiesa’) għandu, ex officio, ikun mingħajr ħlas, jibqa’ l-fatt li l-korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni huma suġġetti, skont din id-dispożizzjoni, għall-obbligu li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw dan l-aċċess għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ( 62 ). Id-dispożizzjoni msemmija għalhekk diġà tirrifletti, fiha nnifisha, it-tfittxija għal bilanċ ġust bejn il-preokkupazzjoni biex l-aċċess imsemmi jkun faċli kemm jista’ jkun u r-rikonoxximent tal-fatt li n-natura ta’ ħlas għall-istandards tibqa’ komponent essenzjali tas-sistema ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni.

88.

Għalkemm dawn l-obbligi ma kinux ġewx estiżi espressament biex jiffaċilitaw l-aċċess mill-pubbliku inġenerali, jidhirli li fil-prattika dan jista’ jkun il-każ ( 63 ). B’mod iktar speċifiku, il-fatt li l-kontenut tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwa aċċessibbli biss mingħand l-ISO bi ħlas ma jfissirx li huwa impossibbli li dan ikun magħruf, mingħajr ħlas, b’mezzi oħra.

89.

F’dan ir-rigward, il-Parlament u l-VSK ġustament jirrimarkaw li, f’dan il-każ, il-korp ta’ standardizzazzjoni Olandiż jagħmilha possibbli li jiġi kkonsultat il-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni mingħajr ħlas ( 64 ). Korpi nazzjonali oħra ta’ standardizzazzjoni jipprovdu wkoll għal din il-possibbiltà ( 65 ).

90.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, is-somom li għandhom jitħallsu miċ-ċittadini tal-Unjoni ( 66 ) li jixtiequ jaċċedu għall-kontenut ta’ dawn l-istandards u jitolbuh mingħand l-ISO jew korpi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali ma jidhirlix, fi kwalunkwe każ, li huma eċċessivi ( 67 ).

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, inqis li l-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi la jeħtieġ li jiġi ggarantit, b’mod assolut, aċċess dirett u mingħajr ħlas għall-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 u lanqas li dawn jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dawn l-istandards ma jfixklux b’mod sproporzjonat il-possibbiltà għall-pubbliku li jkun jaf bihom u jirriflettu bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ dan il-prinċipju u, min-naħa l-oħra, l-interessi differenti involuti.

92.

Biex nikkonkludi, inżid ngħid li l-politika ta’ konsultazzjoni mingħajr ħlas implimentata mill-korp ta’ standardizzazzjoni Olandiż (li minnha jirriżulta, li, jekk wieħed jassumi li għamlu talba, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jkunu jafu dwar il-kontenut ta’ dawn l-istess standards mingħajr ħlas) ( 68 ) jidhirli li hija ta’ min ifaħħarha ( 69 ), speċjalment peress li ma ċċaħħadx lill-korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni mill-possibbiltà li jbigħu l-istandards ISO lil kull min jixtieq iniżżilhom elettronikament jew jikseb kopja. Fl-opinjoni tiegħi, din il-politika għandha tiġi estiża kemm jista’ jkun, jew saħansitra mħeġġa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ deċiżjoni formali, li jkollha l-għan li tissupplimenta l-garanziji stabbiliti mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1025/2012.

V. Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mir‑rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il‑preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id‑Direttiva 2001/37/KE la jiksru t-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE u lanqas il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontenut tal-liġi fil-bażi ta’ din dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Jiġifieri, l-istandards li huma stabbiliti mill-International Organization for Standardization (ISO) (l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni). Din l-organizzazzjoni mhux governattiva, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Genève (l-Isvizzera), hija magħmula minn network ta’ korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, li fi ħdanu l-Istati Membri kollha huma rrappreżentati (korp għal kull Stat Membru). L-ISO hija entità privata, li l-fondi tagħha jiġu minn miżati ta’ sħubija u kontribuzzjonijiet tal-membri tagħha, mill-bejgħ tal-pubblikazzjonijiet tagħha, mill-bejgħ tas-servizzi tagħha u minn kontribuzzjoni eventwali minn donaturi (ara l-Artikolu 21.1 tal-Istatuti tal-ISO, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.iso.org/fr/publication/PUB100322.html).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).

( 4 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, essenzjalment, l-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-istandards ISO inkwistjoni tikkonformax mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas‑7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 69, p. 1). Nixtieq nirrimarka issa li dan ir-regolament ma jidhirx li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, ir-regolament imsemmi ma fih l-ebda indikazzjoni maħsuba biex tiċċara liema dokumenti għandhom ikunu s-suġġett tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12).

( 7 ) Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni għal miżura ta’ eżekuzzjoni kienet ibbażata, konformement mad-dritt Olandiż applikabbli, fuq l-Artikolu 14 tat-Tabaks‑en rookwarenwet (il-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti tat-Tipjip). Din id-dispożizzjoni tagħti lin-NVWA s-setgħa li toħroġ inġunzjoni amministrattiva kontra manifatturi, importaturi u distributuri ta’ prodotti tat-tabakk fil-każ li ma jikkonformawx mal-Artikolu 17a(1) u (2) ta’ din l-istess liġi, jiġifieri ma jiħdux il-miżuri meħtieġa biex iġibu l-prodotti tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli jew biex jirtirawhom mis-suq, jekk ikun meħtieġ.

( 8 ) Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-metodu msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwa bbażat fuq l-użu ta’ magna għat-tipjip li fiha l-mikroperforazzjonijiet tal-filtru tas-sigaretti ma humiex imblokkati. Dawn il-mikroperforazzjonijiet jippermettu li tinġibed arja nadifa mill-filtru u għalhekk inaqqsu l-kontenut ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju fid-duħħan li jittieħed man-nifs. Bil-maqlub, persuna li tpejjep li s-swaba’ u x-xofftejn tagħha jimblokkaw parzjalment dan il-filtru tassorbi duħħan li fih dawn is-sustanzi jkunu iktar ikkonċentrati.

( 9 ) L-iStichting targumenta li għandu jiġi applikat il-metodu ta’ kejl “Canada Intense”. Hija tgħid li dan il-metodu javviċina iktar il-kundizzjonijiet attwali tal-użu ta’ sigaretti bil-filtru peress li jipprovdi għall-ostruzzjoni ta’ mikroperforazzjonijiet fil-filtru. Ninnota, għall-konvenjenza, li l-metodu msemmi qed jiġi eżaminat bħalissa mill-ISO (ara, f’dan ir-rigward, https://www.iso.org/obp/ui/#iso:std:iso:tr:19478:-2:ed-1:v1:fr).

( 10 ) B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-metodu msemmi mal-Artikolu 114(3) TFUE, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll mal-konvenzjoni qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (iffirmata f’Genève fil‑21 ta’ Mejju 2003, li tiegħu huma parti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha) u l-Artikoli 24 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jirrigwardaw, rispettivament, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tas-saħħa.

( 11 ) Peress li dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq ċerti aspetti partikolari ta’ din il-kawża preżenti, id-domanda rilevanti biss qed tinġieb hawnhekk. Id-domandi preliminari kollha jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2020, C 222, p. 17).

( 12 ) Infakkar li l-prinċipju ta’ Stat tad-Dritt huwa sanċit fl-Artikolu 2 TUE.

( 13 ) Inżid ngħid li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’dan ir-rigward, hija stess iddeċidiet li meta interferenza ma’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi”, dan jippreżupponi li l-liġi (li tinkludi kemm id-dritt miktub kif ukoll id-dritt mhux miktub) tkun aċċessibbli b’mod suffiċjenti: iċ-ċittadin għandu jkollu biżżejjed informazzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dwar l-istandards legali applikabbli għal każ partikolari. Barra minn hekk, din il-qorti indikat li wieħed jista’ jikkunsidra biss bħala “liġi” regola ddikjarata bi preċiżjoni biżżejjed biex tippermetti liċ-ċittadin jirregola l-imġiba tiegħu; billi jħejji lilu nnifsu jekk meħtieġ b’pariri informati, għandu jkun kapaċi jipprevedi, sa grad raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li x’aktarx joħorġu minn att partikolari (ara l-QEDB, 26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 49).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46).

( 15 ) Inżid ngħid li regolamenti u direttivi oħra jużaw l-istandards ISO b’mod simili għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri billi jinkludu biss riferiment għal dawn l-istandards. Ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU 2013, L 178, p. 1), li l-Anness II tiegħu, intitolat “Rekwiżiti tekniċi għat-transponders”, jirreferi għall-istandards ISO 11784 u 11785. Ara wkoll, għal darba oħra bħala eżempju, id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU 2014, L 257, p. 146, rettifika fil-ĠU 2018, L 146, p. 8), inkluż l-Anness III, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità sabiex isiru korpi nnotifiati” isemmi l-istandards ISO/IEC 17065:2012 u 17025:2005.

( 16 ) Konformement ma’ dawn ir-rekwiżiti, ir-riferiment għall-istandards armonizzati biss, u mhux il-kontenut sħiħ tagħhom, għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

( 17 ) Fi ħdan l-Unjoni, l-istandards jingħad li huma nazzjonali, internazzjonali, Ewropej jew armonizzati skont jekk humiex adottati minn korp ta’ standardizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni Ewropea jew fuq il-bażi ta’ talba fformulata mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni (ara l-Artikolu 2(1)(a), (b), (c) u (d) tar-Regolament Nru 1025/2002).

( 18 ) Nirreferi, f’dan ir-rigward, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara Brunet, A., “Chapitre I: Le paradoxe de la normalisation : une activité d’intérêt général mise en œuvre par les parties intéressées”, La normalisation en France et dans l’Union européenne : une activité privée au service de l’intérêt general ?, Presses universitaires d’Aix‑Marseille, Aix‑en‑Provence, 2012, p. 51.

( 20 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 62).

( 21 ) Kuntrarjament għall-istandards armonizzati li huma r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, peress li huma żviluppati minn korpi privati fuq mandat tal-Kummissjoni (mogħti fuq il-bażi ta’ direttiva), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma estranji għall-proċedura tat-tfassil tal-istandards ISO.

( 22 ) Biex nużaw it-termini tal-espressjoni użati mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Is‑Slovakkja vs Il‑Kunsill u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:618, punt 63).

( 23 ) Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-pubblikazzjoni sħiħa fil-Ġurnal Uffiċjali tal-istandards ISO partikolari tistax tkun espressament meħtieġa bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, ninnota, għall-finijiet utli kollha, li l-Artikolu 13 tar-Regolament 1049/2001 jipprovdi għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti li ma humiex “atti leġiżlattivi” u “atti mhux leġiżlattivi” msemmija fl-Artikolu 297 TFUE. L-istandards tekniċi msemmija f’direttivi jew regolamenti ma jistgħu, madankollu, jintrabtu ma’ ebda kategorija ta’ dokumenti msemmija f’din id-dispożizzjoni.

( 24 ) C‑345/06, EU:C:2008:212, punt 67.

( 25 ) Jiġifieri, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 tal‑4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 252).

( 26 ) Nissellef dan il-kunċett mill-Guide relatif à la mise en application des directives élaborées sur la base des dispositions de la nouvelle approche et de l’approche globale (Gwida għall-Implimentazzjoni ta’ Direttivi Mfassla Fuq il-Bażi tad-Dispożizzjonijiet tal-Approċċ il-Ġdid u l-Approċċ Globali) tal-Kummissjoni ppubblikat fl‑2000 (li tikkonċerna b’mod iktar preċiż l-istandards armonizzati adottati fuq il-bażi ta’ dan l-approċċ ġdid), u li fiha r-“rekwiżiti essenzjali” huma deskritti bħala d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta’ direttiva u li jikkundizzjonaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodott.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 59 tad-Direttiva 2014/40: “Għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligi imposti fuq il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri tat-tabakk u prodotti relatati […] jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumatur […]”.

( 28 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1025/2012 (il-korsiv huwa tiegħi).

( 30 ) F’dan ir-rigward, ninnota li, f’kuntest usa’ minn dak tal-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ atti li joħorġu mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Unjoni u tal-elementi tagħhom hija għalhekk meħtieġa, b’mod partikolari, meta dawn għandhom l-għan li jimponu obbligi fuq l-individwi. B’mod iktar speċifiku, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 61), hija qieset, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni tal-anness li qatt ma kien ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali kienet meħtieġa, fi kwalunkwe każ, peress li l-miżuri ta’ adattament li pprovda kellhom l-għan li jimponu obbligi fuq l-individwi. Hija kkonstatat ukoll, f’sentenza oħra (jiġifieri, fis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Polska Telefonia Cyfrowa, C‑410/09, EU:C:2011:294, punt 34), li l-linji gwida tal-Kummissjoni li l-adozzjoni tagħha kienet ippjanata taħt waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fil-każ li jkun fihom “obblig[i] li [jistgħu jiġu imposti], direttament jew indirettament, fuq individwi.”

( 31 ) Ninnota, għall-finijiet prattiċi kollha, li ċerti Stati Membri (jiġifieri, b’mod iktar speċifiku, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka) jipprevedu li, meta l-istandards tekniċi huma ta’ applikazzjoni obbligatorja, dawn għandhom ikunu aċċessibbli liberament u mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) barra minn hekk iddeċieda li “fl-osservanza tal-għan ta’ valur kostituzzjonali ta’ aċċessibbiltà tar-regoli tad-dritt, […] l-istandards li l-applikazzjoni tagħhom issir obbligatorja għandhom ikunu disponibbli għal konsultazzjoni mingħajr ħlas” (il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), is-6 Awla, 28 ta’ Lulju 2017, Nru 402752, ECLI:FR:CECHS:2017:402752.20170728). Minkejja dan, l-aċċess għal standards bħal dawn huwa, fil-prattika, limitat ħafna. F’dan ir-rigward, l-Association française de normalisation (AFNOR) tindika li, fuq talba tal-ISO, ġiet sospiża l-konsultazzjoni b’xejn għall-istandards kollha stabbiliti minn din l-organizzazzjoni.

( 32 ) Nippreċiża li l-punt jekk l-istandards ISO inkwistjoni humiex użati b’mod vinkolanti jew le huwa, b’mod iktar speċifiku, is-suġġett tat-tieni, u mhux tal-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, jidhirli li huwa utli, fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, li jiġu pprovduti issa xi dettalji dwar dan l-aspett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 33 ) Sakemm, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/40, il-Kummissjoni tadotta atti ddelegati biex jiġu adattati l-metodi għall-kejl ta’ dawn is-sustanzi.

( 34 ) Fuq dan il-punt, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, li targumenta li l-istandards inkwistjoni għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk is-sigaretti bil-filtru mqiegħda fis-suq jissodisfawx dawn il-livelli massimi ta’ emissjoni.

( 35 ) Jiġifieri, id-direttivi li kienu ġew adottati fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas‑7 ta’ Mejju 1985 dwar approċċ il-ġdid għall-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni (ĠU 1985, C 136, p. 1) (li ma huwiex il-każ tad-Direttiva 2014/40). L-istandards imfassla fuq il-bażi ta’ dan l-“approċċ il-ġdid” għandhom bħala punt komuni li ma humiex vinkolanti fuq impriżi li l-prodotti tagħhom huma affettwati minn dawn l-istandards (peress li huwa mifhum li l-osservanza tagħhom minn dawn tal-aħħar tfisser, għall-kuntrarju, preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali li huma applikabbli għalihom). Barra minn hekk, dawn l-istandards għandhom l-għan biss li jispeċifikaw, fil-forma ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, “rekwiżiti essenzjali”, li l-portata tagħhom tista’ tinftiehem b’mod indipendenti minn dawn tal-aħħar wara qari tad-direttiva applikabbli.

( 36 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, (C‑613/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza James Elliott Construction”, EU:C:2016:821).

( 37 ) Peress li dan l-istandard kien ġie adottat fuq il-bażi ta’ direttiva ta’ “approċċ il-ġdid” (jiġifieri, id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296)). F’dan ir-rigward nirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara, pereżempju, fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 16 sa 26).

( 39 ) Fid-dawl tas-sentenza James Elliott Construction, ma narax għalfejn għandhom japplikaw iktar rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni fir-rigward tal-istandards ISO inkwistjoni. Huwa minnu li l-istandards armonizzati li, bħal dawk inkwistjoni fis-sentenza James Elliott Construction, ġew adottati fuq il-bażi tal-“approċċ il-ġdid” għandhom il-partikolarità li huma mfassla a posteriori tal-adozzjoni ta’ direttivi li għandhom jikkontribwixxu biex jippreċiżaw ir-rekwiżiti essenzjali u li, konsegwentement, l-ebda riferiment għal dawn l-istandards ma jidher fil-korp tat-test ta’ dawn id-direttivi. Madankollu, niddubita jekk jistax jirriżulta minn din id-differenza li l-istandards ISO li għalihom jirreferi direttament att leġiżlattiv imissux iktar fuq is-“sustanza” tiegħu, u li l-kontenut tagħhom għandu jiġi ppubblikat kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali. Kieku dan kellu jkun il-każ, allura l-kwistjoni tal-pubblikazzjoni ta’ standard tekniku fil-Ġurnal Uffiċjali ssir dipendenti fuq jekk l-istandard diġà jeżistix fil-ħin tal-adozzjoni tal-att leġiżlattiv, billi rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni jkunu japplikaw b’mod differenti skont jekk dan tal-aħħar jirreferix direttament għal standard diġà mfassal minn korp privat jew jipprovdix biss għall-preparazzjoni tiegħu minn korp bħal dan. Fl-opinjoni tiegħi, din tkun distinzjoni li tista’ tiġi kkwalifikata biss bħala “artifiċjali” u ma jkollha l-ebda konnessjoni mal-kriterji sostantivi li enfasizzajt fil-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li huma, fil-fehma tiegħi, l-uniċi rilevanti.

( 40 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 53), kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament (C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Konformement mal-premessa 2 tar-Regolament 1049/2001, it-trasparenza tgħin biex tiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà tal-amministrazzjoni ikbar lejhom.

( 42 ) Pereżempju, jestendi għal “dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri” (ara l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001). F’dan ir-rigward, ninnota barra minn hekk li, fl-opinjoni tiegħi, dejjem ikun possibbli li wieħed joqgħod fuq din id-dispożizzjoni biex jiġi stabbilit li l-kontenut tal-istandards ISO inkwistjoni għandu jkun disponibbli direttament bħala dokumenti “irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri,” (il-korsiv huwa tiegħi), peress li nassumi li l-leġiżlatur kiseb kopja matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40. Wara li ppreċiżajt dan, ninnota li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi diversi eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet u li, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjonijiet jirrifjutaw, b’mod partikolari, aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jikser il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, inkluż fir-rigward tal-proprjetà intellettwali. Minħabba li l-ISO tuża d-drittijiet tal-awtur f’dawn l-istandards, id-divulgazzjoni tagħhom tista’, għalhekk, fit-teorija, tiġi rrifjutata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-kuntrarju.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46).

( 44 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, Barrios Villarreal, A., International Standardization and the Agreement on Technical Barriers to Trade, Cambridge University Press, Cambridge, 2018, p. 25 u 45. Skont dan l-awtur, madwar 70 % tal-profitti magħmula b’hekk jinżammu mill-korpi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali li huma membri tal-ISO u t-30 % li jifdal biss jitħallsu lill-ISO bħala royalties.

( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, Van Cleynenbreugel, P., u Demoulin, I., “La normalisation européenne après l’arrêt James Elliott Construction du 27 octobre 2016 : la Cour de justice de l’Union européenne a‑t‑elle élargi ses compétences d’interprétation ?”, Revue de la Faculté de droit de l’Université de Liège, vol. 2, 2017, p. 325.

( 47 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, Medzmariashvili, M., Regulating European Standardisation through Law: The Interplay between Harmonised European Standards and EU Law, teżi, Università ta’ Lund, Lund, 2019, p. 59 sa 61. Awturi oħra jenfasizzaw il-fatt li l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni mwettqa taħt il-patroċinju tal-ISO jkomplu jespandu l-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ (ara, b’mod partikolari, Penneau A., “Chapitre 7 – Standardisation et certification : les enjeux européens”, La Standardisation internationale privée ; aspects juridiques, Larcier, Brussell, 2014, p. 120).

( 48 ) Ftehim ta’ kooperazzjoni teknika bejn l-ISO u s-CEN (Ftehim ta’ Vjenna), iffirmat fl‑1991, u disponibbli, fil-verżjoni elettronika tiegħu, fl-indirizz internet li ġej: https://isotc.iso.org/livelink/livelink/fetch/2000/2122/4230450/4230458/Agreement_on_Technical_Cooperation_between_ISO_and_CEN_%28Vienna_Agreement%29.pdf?nodeid=4230688&vernum=-2.

( 49 ) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020”, tal‑1 ta’ Ġunju 2011 [KUMM/2011/0311 final], disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A52011DC0311].

( 50 ) Agreement on Technical Barriers to Trade of the World Trade Organization (WTO). Dan il-ftehim huwa disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/17-tbt.pdf. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 2.4 ta’ dan il-ftehim jipprevedi: “Where […] relevant international standards exist […], Members shall use them, or the relevant parts of them, as a basis for their technical regulations except when such international standards […] would be an ineffective or inappropriate means for the fulfilment of the legitimate objectives pursued, for instance because of fundamental climatic or geographical factors or fundamental technological problems.” Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, Mattli, W. u Büthe, T., “Setting International Standards: Technological Rationality or Primacy of Power”, World Politics, Vol. 56, Nru 1, 2003, p. 2).

( 51 ) Ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1025/2012.

( 52 ) Ara l-premessa 25 tar-Regolament Nru 1025/2012. Rigward, b’mod iktar speċifiku, l-istandards internazzjonali, ninnota li l-Kunsill insista fuq il-ħtieġa li jippromwovi, fi ħdan l-Unjoni, l-użu ta’ dawn l-istandards (ara, f’dan ir-rigward, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 1999 dwar ir-rwol tal-istandardizzazzjoni Ewropa (ĠU 2000, C 141, p. 1)).

( 53 ) Ara Brunet, A., “Le paradoxe de la normalisation : une activité d’intérêt général mise en œuvre par les parties intéressées”, La normalisation en France et dans l’Union européenne : une activité privée au service de l’intérêt général?, Presses universitaires d’Aix‑Marseille, Aix‑en‑Provence, 2012, p. 51.

( 54 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1025/2012. Ara, ukoll, Medzmariashvili, M., op. cit., p. 18.

( 55 ) Ara l-premessa 20 tar-Regolament Nru 1025/2012.

( 56 ) Skont il-Kummissjoni, l-istandards iwasslu b’mod partikolari għal tnaqqis fl-ispejjeż prinċipalment idderivat minn “minn ekonomiji ta’ skala, il-possibilità jkunu antiċipati l-ħtiġijiet tekniċi, it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni u l-possibilità li jkun hemm aċċess għal komponenti standardizzati” (ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020”, tal‑1 ta’ Ġunju 2011, KUMM/2011/0311 final, p. 6).

( 57 ) “Standards are ubiquitous in our daily life. We encounter hundreds of standards as we go about our day […]. As such, it is difficult to imagine what the world would look like without standards; nothing would fit, and life would be fraught with danger” (Medzmariashvili, M., op. cit., p. 53).

( 58 ) Ara l-premessi 19 u 22 tar-Regolament 1025/2012, li minnhom joħroġ li l-istandards jistgħu jindirizzaw “l-isfidi l-kbar soċjali”, bħat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli tar-riżorsi, l-innovazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll il-benesseri taċ-ċittadini.

( 59 ) Ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1025/2012.

( 60 ) Ara Medzmariashvili, M., op. cit., p. 21.

( 61 ) Skont is-sit web ISO, l-istandards li tiżviluppa “huma bbażati fuq l-għarfien ta’ esperti fil-qasam magħżul tagħhom […] – kemm jekk huma manifatturi, distributuri, xerrejja, utenti, assoċjazzjonijiet professjonali, konsumaturi jew korpi regolatorji” (sors: https://www.iso.org/fr/standards.html).

( 62 ) B’mod partikolari, billi jagħmlu sommarji disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web tagħhom, billi japplikaw rati speċjali għall-għoti ta’ standards u billi jipprovdu settijiet ta’ standards b’rati mnaqqsa (ara l-Artikolu 6(1)(e) u (f), ta’ dan ir-regolament).

( 63 ) Dan huwa dak li l-korpi nazzjonali tal-istandards huma mħeġġa jagħmlu. Dwar dan is-suġġett, ninnota li, fil-Green Paper dwar l-iżvilupp ta’ standardizzazzjoni Ewropea: azzjoni għal integrazzjoni teknoloġika iktar mgħaġġla fl-Ewropa tat‑8 ta’ Ottubru 1990 (COM (90) 456 final, p. 51 (ĠU 1991, C 20, p. 1)), il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fl-istandards għandhom, bħala prinċipju, ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

( 64 ) Dan il-korp huwa n-Nederlands Normalisatie Instituut (NEN). Ta’ min jinnota li, kif ġustament jindika wkoll il-Parlament, l-istandards ISO inkwistjoni kienu ġew trasposti fl-istandards NEN‑ISO (jiġifieri, b’mod iktar speċifiku l-istandards NEN‑ISO 4387, 10315, 8454 u 8243) u jistgħu jiġu kkonsultati direttament u mingħajr ħlas fil-kwartieri ġenerali tan-NEN. Is-sit web ta’ din l-organizzazzjoni (aċċessibbli fl-indirizz li ġej: https://www.nen.nl/en/contact‑en) jgħid dan li ġej: “If you do not want to purchase a standard, but just want to examine a specific standard, you can do so at NEN in Delft. You can examine all the standards there, but you cannot store them or copy any contents of the standards”.

( 65 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-VSK tenfasizza, bħala eżempju, li l-istandards ISO inkwistjoni huma aċċessibbli mingħajr ħlas, b’appuntament, mingħand il-korpi ta’ standardizzazzjoni Ġermaniż u Irlandiż (rispettivament, id-Deutsches Institut für Normung (DIN) u n-National Standards Authority of Ireland (NSAI)).

( 66 ) Skont is-sit web ISO, il-prezzijiet elenkati huma kif ġej: 118‑il frank Svizzeru (CHF) għall-istandard ISO 4387 u CHF 58 għall-istandards ISO 10315, 8454 u 8243.

( 67 ) Ma neskludix li, f’każijiet oħra, il-prezzijiet tal-istandards jistgħu, b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li jiżdied numru kbir minnhom, jikkostitwixxu ostakolu għall-atturi tas-soċjetà ċivili (ara, barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal‑2020”, KUMM/2011/0311 final).

( 68 ) Kif indikajt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ovvju li l-applikanti fil-kawża prinċipali kellhom aċċess għal dan il-kontenut (anki jekk ma kienx ġie speċifikat, matul il-proċeduri preżenti, b’liema mezz).

( 69 ) Minn dak li nista’ nifhem, dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-fatt li, biex jikkumpensa għall-aċċess mingħajr ħlas, il-Gvern Olandiż iħallas kumpens lin-NEN, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja ta’ dan il-korp. Inżid ngħid li, fir-rigward, għall-inqas, tal-istandards Ewropej (jiġifieri dawk adottati mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej), il-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara b’mod ċar li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jiżgura aċċess ġust u trasparenti għall-atturi kollha tas-suq fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-użu tagħhom jippermetti l-osservanza tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (ara l-premessa 43 tar-Regolament Nru 1025/2012).

Top