EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0159

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2022.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:198

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑17 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑159/20

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Renju tad‑Danimarka

(Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Artikoli 1(1), 4 u 13 – Użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka iżda intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali)

I. Introduzzjoni

1.

Erġajna qegħdin naffaċjaw il-kwistjoni tal-“Feta”. Dan huwa l-mod kif din il-kawża tista’ tiġi introdotta mal-istudenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, peress li dan huwa tal-inqas ir-raba’ stadju ta’ dik li ġiet imsejħa s-saga tal-“Feta” ( 2 ).

2.

F’din il-kawża, billi tippreżenta rikors skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 ( 3 ) billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu tal-isem “Feta” fuq il-ġobon prodott fid-Danimarka intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE, waħdu jew flimkien mal-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament Nru 1151/2012.

3.

Il-“Feta” huwa tip ta’ ġobon, tradizzjonalment prodott mill-ħalib tan-nagħaġ, jew nagħaġ u mogħoż, f’partijiet mill-Greċja. Għal dawk li jridu jkunu jafu iktar dwar il-“Feta”, nirreferi għad-deskrizzjoni poetika mogħtija mill-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer, peress li ma nistax inpoġġiha fi kliem aħjar ( 4 ). Importanti għal każ inkwistjoni, li sa mill‑2002, l-isem “Feta” ġie rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (“DOP”) skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 5 ).

4.

L-Unjoni rregolat il-protezzjoni tal-prodotti skont l-oriġini ġeografika tagħhom fir-rigward ta’ prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel ( 6 ), kif ukoll ta’ nbid ( 7 ), spirti ( 8 ) u prodotti tal-inbid aromatizzat ( 9 ). Il-protezzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel u l-inbid hija bbażata fuq il-kunċetti ta’ DOP u indikazzjoni ġeografika protetta (“IĠP”), filwaqt li l-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika (“IĠ”) kien użat b’konnessjoni max-xorb spirituż u prodotti tal-inbid aromatizzat. Il-kunċett ta’ DOP jinkludi rabta speċjali bejn il-kwalità tal-prodott u żona ġeografika partikolari, li hija aqwa minn IĠP peress li l-istadji kollha tal-produzzjoni u l-komponenti rilevanti jridu joriġinaw miż-żona ġeografika partikolari ( 10 ). Minbarra d-DOP “Feta” fil-Greċja, eżempji oħra ta’ DOPs huma “Parmigiano Reggiano” fl-Italja, “Champagne” fi Franza u “Paški sir” fil-Kroazja, biex inkunu semmejna wħud biss.

5.

Ir-reġistrazzjoni tal-isem “Feta” bħala DOP seħħet biss wara serje ta’ kawżi li fihom numru ta’ Stati Membri kienu kkontestawha. Madankollu, is-saga tal-“Feta” bdiet saħansitra iktar kmieni. L-ewwel kawża kienet tinvolvi rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri Griegi għall-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-Greċja ta’ ġobon mid-Danimarka bl-isem “Feta” mar-regoli tal-moviment liberu tal-Unjoni. Madankollu, dan ir-rinviju kien ġie rtirat qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi ( 11 ). It-tieni kawża kienet rikors għal annullament kontra r-Regolament tal-Kummissjoni li rreġistra l-“Feta” bħala DOP fl‑1996 ( 12 ), li kien ippreżentat mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika Franċiża. Fis-sentenza tagħha ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors, annullat ir-regolament għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat debitament il-fatturi kollha meħtieġa fl-evalwazzjoni jekk isem ikunx sar ġeneriku ( 14 ). Madankollu, fit-tielet kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Renju tad-Danimarka u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra r-Regolament Nru 1829/2002, li permezz tiegħu l-Kummissjoni, wara evalwazzjoni ulterjuri, irreġistrat għal darba oħra l-“Feta” bħala DOP ( 15 ).

6.

Abbażi tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Feta” bħala DOP tfisser li jista’ jintuża biss għal ġobon li joriġina miż-żona ġeografika speċifika fil-Greċja u li huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fir-Regolament Nru 1829/2002.

7.

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ DOPs irreġistrati fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika ta’ Ċipru, issostni li r-Renju tad-Danimarka kiser dan l-obbligu billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu tal-isem “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka u intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

8.

Ir-Renju tad-Danimarka ma jiċħadx li huwa ma jipprevjenix jew ma jwaqqafx lill-produtturi fit-territorju tiegħu milli jużaw l-isem “Feta” jekk il-prodotti tagħhom ikunu intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Madankollu, huwa jikkunsidra li r-Regolament Nru 1151/2012 japplika biss għal prodotti mibjugħa fl-Unjoni u ma jkoprix esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Fil-fehma tiegħu, l-użu tal-isem “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka, iżda intiż biss għall-esportazzjoni lejn is-swieq ta’ pajjiżi terzi fejn l-isem “Feta” ma huwiex protett abbażi ta’ ftehim internazzjonali, ma jammontax għal ksur tar-Regolament Nru 1151/2012. Għalhekk, nuqqas ta’ prevenzjoni jew twaqqif tal-użu tal-isem “Feta” għal ġobon esportat ma jmurx kontra l-obbligu skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 għax tali obbligu ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni.

9.

Essenzjalment, it-tilwima ewlenija bejn il-partijiet f’din il-kawża hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni rilevanti jipprekludix l-użu tal-isem “Feta” għal prodotti esportati lejn pajjiżi terzi li ma humiex prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Feta” bħala DOP irreġistrata.

10.

Sabiex inkun ċara, it-tilwima ma hijiex dwar il-kompetenzi tal-Unjoni. Ir-Renju tad-Danimarka ma jsostnix li l-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tilleġiżla bil-għan li tipprojbixxi l-użu tal-isem “Feta” għal prodotti esportati. Huwa jsostni biss li skont il-leġiżlazzjoni attwali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għażilx li jipprojbixxi tali użu.

11.

Għaldaqstant, din il-kawża teħtieġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012. Il-prerekwiżit għal dan huwa għarfien tar-raġuni u l-iskop wara l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, u b’mod iktar preċiż ta’ DOPs, kif intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Din il-kawża tqajjem ukoll mistoqsijiet importanti dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal ksur ippreżentati kontra l-Istati Membri.

II. Il‑kuntest ġuridiku

12.

Sabiex tiddeċiedi din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tinterpreta r-Regolament Nru 1151/2012. L-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Objettivi”, li jinsab fit-Titolu I tiegħu (“Dispożizzjonijiet Ġenerali”) jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u l-attributi tal-biedja ta’ dawk il-prodotti u oġġetti tal-ikel, u b’hekk jiżgura:

(a)

kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkollhom karatteristiċi u attributi li jżidu l-valur;

(b)

id-disponibbiltà għall-konsumaturi ta’ informazzjoni affidabbli li tappartjeni għal dawk il-prodotti;

(c)

rispett għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u

(d)

l-integrità tas-suq intern.

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma maħsubin biex jappoġġaw attivitajiet agrikoli u ta’ pproċessar kif ukoll is-sistemi tal-biedja assoċjati ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali.

[…]”

13.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Objettiv”, li jifforma parti mit-Titolu II ta’ dan ir-regolament (“Denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”) jipprevedi:

“B’dan hija stabbilita skema għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti relattivi għal żona ġeografika billi:

(a)

tiżgura li jkollhom dħul ġust għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom;

(b)

tiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi tal-ismijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni;

(c)

tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott.”

14.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti ( 16 ), intitolat “Protezzjoni”, li wkoll jifforma parti mit-Titolu II tiegħu, jipprevedi:

“1.   L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta, idgħajjef jew inaqqas ir-reputazzjoni tal-isem protett, inkluż f’każijiet meta dawn il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;

(b)

kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat b’espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew xi espressjoni simili, inkluż il-każ meta dawk il-prodotti jintużaw bħala ingredjent;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq il-pakkett minn ġewwa jew minn barra, fuq il-materjal ta’ riklamar jew fuq dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)

kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

Fejn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jkollha fiha l-isem ta’ prodott li jitqies bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku m’għandux jitqies bħala użu li jmur kontra l-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu.

2.   Id-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ma għandhomx isiru ġeneriċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji adatti biex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li huma prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru.

[…]”

III. Il‑proċedura prekontenzjuża

15.

Fis‑26 ta’ Jannar 2018, wara lmenti magħmula mill-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni formali lir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 258 TFUE, li fiha stabbilixxiet il-fehma tagħha, li billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf produtturi Daniżi milli jesportaw ġobon bl-isem “Feta” lejn pajjiż terzi, minkejja l-fatt li dan il-ġobon ma kienx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Feta” fir-Regolament Nru 1829/2002, dan l-Istat Membru kiser id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 4 TUE u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

16.

Fil‑21 ta’ Marzu 2018, ir-Renju tad-Danimarka wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni formali u kkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

17.

Fil‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Rejnu tad-Danimarka, fejn talbet lil dan l-Istat Membru jtemm il-ksur allegat tal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni motivata.

18.

Fit‑22 ta’ Marzu 2019, ir-Renju tad-Danimarka wieġeb għall-opinjoni motivata u żamm il-pożizzjoni tiegħu li l-ksur allegat kien infondat.

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

19.

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fit‑8 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1) tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu minn produtturi Daniżi tal-isem irreġistrat “Feta” għal ġobon li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fir-Regolament Nru 1829/2002;

(2) tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(3) TUE flimkien mal-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, billi awtorizza produtturi Daniżi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw imitazzjonijiet ta’ “Feta”; u

(3) tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż tal-proċeduri.

20.

Fir-risposta tiegħu ppreżentata fis‑6 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1) ti ċħad dan ir-rikors kollu bħala infondat; u

(2) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

21.

Il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fl‑1 ta’ Diċembru 2020 u fid‑29 ta’ Jannar 2021 rispettivament.

22.

B’digrieti tat‑8 u tat‑18 ta’ Settembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-intervent tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika ta’ Ċipru f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23.

Ebda seduta ma ntalbet u ebda waħda ma nżammet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ċerti mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika ta’ Ċipru bil-għan li tirċievi tweġiba bil-miktub skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet kollha taw it-tweġibiet bil-miktub tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom fit-terminu mogħti.

V. Analiżi

A.   L‑ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1151/2012

24.

Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1151/2012 ma jinkludix dispożizzjoni li tindika espressament li huwa japplika għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, ma huwiex ovvju jekk dan ir-regolament jistax jiġi interpretat li japplika għal dawn l-esportazzjonijiet. Meħudin waħedhom u mingħajr preġudizzju għall-analiżi tiegħi li sejjer nesponi, il-pożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni u mir-Renju tad-Danimarka dwar din il-kwistjoni jidhirli li huma ugwalment raġonevoli. Għalhekk, hemm żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.

25.

Iż-żewġ interpretazzjonijiet kuntrarji tar-Regolament Nru 1151/2012 donnhom joriġinaw minn oqfsa interpretattivi differenti.

1. Oqfsa interpretattivi

26.

Niddeskrivi l-perspettiva tal-Kummissjoni bħala waħda li tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tqis id-DOPs neċessarji għall-promozzjoni ta’ valuri għall-komunitajiet lokali. Ser nirreferi għal din il-perspettiva bħala l-qafas interpretattiv tal-proprjetà intellettwali.

27.

Ir-Renju tad-Danimarka pjuttost jibni l-interpretazzjoni tiegħu tar-Regolament Nru 1151/2012 billi jibda mill-perspettiva tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Nifhem dan il-qafas interpretattiv bħala wieħed ibbażat fuq il-loġika li bħala prinċipju l-kummerċ huwa tajjeb u għalhekk ma għandux jiġi pprojbit. L-ostakoli għall-kummerċ jistgħu jiġu awtorizzati, iżda dawn għandhom ikunu meqjusa bħala l-eċċezzjoni, u mhux ir-regola. Ser nirreferi għal din il-perspettiva bħala l-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ.

28.

Din il-pożizzjoni Daniża ma hijiex sorprendenti. Huwa neċessarju li wieħed jiftakar il-fatt li l-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ ġobon bl-isem “Feta” ilhom jeżistu fid-Danimarka sa mis‑snin 1960 ( 17 ). Dan preċedentement għar-reġistrazzjoni ta’ “Feta” bħala DOP fl‑2002. Jidher ukoll li inċentiv tal-esportazzjoni ta’ ġobon bl-isem “Feta” kien jeżisti bħala riżultat tar-rifużjonijiet ta’ esportazzjoni tal-Unjoni ( 18 ). B’differenza għall-“Feta” protett illum bħala DOP, il-“Feta Daniż” huwa prodott mill-ħalib tal-baqra bl-użu ta’ metodi ta’ produzzjoni differenti. Produtturi Daniżi jikkompetu, flimkien ma’ produtturi oħra ta’ dak li ser insejjaħlu “Feta falz”, ma’ produtturi ta’ “Feta” ġenwini fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, fejn l-isem “Feta” ma huwiex protett.

29.

Iż-żewġ perspettivi interpretattivi differenti jirriżultaw fl-argumenti varji li l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka jressqu f’din il-kawża u jwasslu għal nuqqas ta’ qbil dwar xiex hija din il-kawża verament.

30.

Skont ir-Renju tad-Danimarka, din it-tilwima tirrigwarda l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li fil-fehma tiegħu, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, ma kellux l-intenzjoni li jipprevjeni l-esportazzjonijiet ta’ “Feta falz” lejn pajjiżi terzi. Għalhekk, dan ir-regolament ma jistax jinqara b’mod li jipprojbixxi produtturi Daniżi (jew oħrajn) ta’ “Feta falz” milli jikkompetu fis-swieq internazzjonali disponibbli (dawk li ma jipproteġux il-“Feta”). Għal din ir-raġuni, ir-Renju tad-Danimarka jikkunsidra li huwa ma għandux obbligu li jipprevjeni tali esportazzjonijiet.

31.

Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika ta’ Ċipru bħala intervenjenti, din it-tilwima tirrigwarda l-użu illegali tal-isem “Feta” mill-produtturi Daniżi. Skont il-perspettiva tagħhom, id-destinazzjoni tal-prodott hija irrilevanti għall-istabbiliment tal-allegat ksur.

32.

Il-partijiet iressqu t-tipi ta’ argumenti tas-soltu sabiex jiġġustifikaw il-pożizzjonijiet tagħhom abbażi tal-formulazzjoni, tal-għanijiet u l-istorja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-approċċ meħud fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). Ser nuri li jekk jitqiesu fl-oqfsa interpretattivi tagħhom stess, dawn l-argumenti jidhru konvinċenti, jew tal-inqas, pjuttost konvinċenti għal kull naħa. Dan għaliex il-partijiet jagħżlu dawk l-argumenti l-iktar addattati għall-qafas interpretattiv rispettiv tagħhom.

33.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiżen u tagħżel bejn dawn l-argumenti, iżda pjuttost bejn iż-żewġ oqfsa interpretattivi. Il-qafas li fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-iktar addattat ( 20 ) għall-politika wara l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini huwa l-qafas li l-argumenti tiegħu għandhom jipprevalu.

34.

Peress li jintużaw f’oqfsa interpretattivi differenti, l-argumenti tal-partijiet mhux dejjem “ikellmu” lil xulxin. Madankollu, okkażjonalment, parti waħda jew oħra tressaq ukoll argumenti fil-qafas interpretattiv użat mill-parti l-oħra. Fit-taqsima li ġejja, ser nippreżenta sommarju tal-iktar argumenti rilevanti mressqa mill-partijiet, u nissistematizzahom fil-kategoriji tradizzjonali relatati mal-formulazzjoni, l-għanijiet u l-istorja leġiżlattiva, flimkien ma’ dawk relatati mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). Imbagħad ser nipproponi l-fehma tiegħi fir-rigward tal-perspettiva li nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffavorixxi u nispjega għaliex.

35.

B’antiċipazzjoni, niżvela mill-bidu li l-preferenza tiegħi hija tal-qafas interpretattiv sostnut mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti. Għalhekk, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

2. Sistematizzazzjoni u evalwazzjoni tal‑argumenti tal‑partijiet

a) Argumenti dwar il‑formulazzjoni

36.

Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jipprovdi għall-protezzjoni ta’ ismijiet irreġistrati kontra “kwalunkwe” użu dirett u indirett ( 22 ). Hija tibbaża wkoll fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(3) tiegħu, li jindika li l-obbligi tal-Istati Membri jqumu meta isem irreġistrat jintuża għal prodotti li huma “prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru” ( 23 ). Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jagħmluha ċara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni kontra l-użu ta’ ismijiet irreġistrati bħala DOPs f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet: l-ewwel, meta l-prodotti li jużaw dawn l-ismijiet huma prodotti fit-territorju tagħhom, u t-tieni, meta prodotti minn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi li jużaw illegalment l-isem irreġistrat jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju tagħhom.

37.

Ir-Renju tad-Danimarka ma jikkunsidrax li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa ċar daqskemm tqisu l-Kummissjoni. Huwa jargumenta li l-fatt li din id-dispożizzjoni tirrigwarda prodotti “prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru” ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi ddeterminat l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. L-eżistenza ta’ użu illegali li skont din id-dispożizzjoni għandu jiġi pprojbit tiddependi fuq jekk il-ġobon huwiex intiż li jitqiegħed fis-suq intern jew esportat lejn pajjiżi terzi. Ir-Renju tad-Danimarka jaqbel mal-Kummissjoni li l-protezzjoni għandha tingħata sa mill-mument tal-produzzjoni, iżda biss jekk l-isem irreġistrat bħala DOP huwa użat illegalment f’dak il-mument. Madankollu, l-użu ta’ ismijiet irreġistrati fuq prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ma huwiex użu illegali. Għalhekk, ma hemm ebda obbligu tal-prevenzjoni tal-użu tal-isem “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka, iżda intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jkunu koperti mir-Regolament Nru 1151/2012, huwa kien jiddikjara dan espressament.

38.

Fil-kuntest tal-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, dan l-argument huwa persważiv. Il-projbizzjoni tal-użu ta’ isem li bih jitqiegħed fis-suq prodott esportat tirrappreżenta ostakolu għall-kummerċ ( 24 ). Għalhekk, wieħed jista’ jaċċetta li skont il-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, dan l-ostakolu ma jistax ikun impliċitu, iżda għandu jkun espressament previst u sabiex ikun legali, għandu jkun ukoll iġġustifikat u proporzjonat. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni l-argument tiegħu li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi għandhom jissemmew espressament bil-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fid-dawl tal-konsegwenzi fuq l-esportaturi ta’ ġobon bl-isem “Feta”, huwa jsostni, li projbizzjoni ta’ tali esportazzjonijiet għandha tkun ċara abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012.

39.

Waqt li tipprova tindirizza dawn l-argumenti mill-qafas tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tagħha, li l-użu tal-isem “Feta” għandu jiġi pprojbit anki jekk il-prodott huwa intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ma tirrappreżentax projbizzjoni tal-esportazzjoni peress li l-produtturi Danizi xorta jistgħu jesportaw il-ġobon; sempliċement ma jistgħux isejħulu “Feta”. Madankollu, anki jekk ma hijiex projbizzjoni tal-esportazzjoni, il-projbizzjoni tal-użu ta’ dak l-isem xorta hija ostakolu għall-esportazzjonijiet. Għalhekk, mill-perspettiva tal-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex konvinċenti.

40.

Madankollu, skont il-qafas interpretattiv tagħha, il-Kummissjoni tikkaratterizza l-esklużjoni ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi mir-Renju tad-Danimarka, bħala attentat ta’ introduzzjoni ta’ deroga mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012. Mill-perspettiva tal-qafas tal-proprjetà intellettwali, din il-formulazzjoni tipprojbixxi b’mod ċar kwalunkwe użu ta’ ismijiet irreġistrati bħala DOPs. Għalhekk, minn din il-perspettiva, esklużjoni espressa tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi tidher superfluwa.

b) Argumenti dwar il‑kuntest

41.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-kuntest ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tinkludi, fost oħrajn, dispożizzjonijiet oħra tal-istess miżura, flimkien ma’ miżuri oħra li huma relatati jew konnessi b’mod sostantiv mal-miżura inkwistjoni ( 25 ). Insostenn tal-pożizzjonijiet tagħhom, iż-żewġ partijiet jibbażaw ruħhom fuq dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll fuq miżuri tal-Unjoni oħra relatati.

42.

B’mod partikolari, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-premessi 20 u 27 tar-Regolament Nru 1151/2012, li jsejħu għal mekkaniżmi għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-Unjoni fuq livell internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) u bl-użu ta’ ftehimiet internazzjonali bilaterali u multilaterali ( 26 ), huma superfluwi jekk ir-Regolament Nru 1151/2012 innifsu jirrigwarda l-esportazzjonijiet. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istess premessi ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jfissru li ftehimiet internazzjonali huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li produtturi tal-Unjoni ma jippreġudikawx l-isforzi tal-Unjoni sabiex tipproteġi DOPs fuq il-livell internazzjonali. Dawn il-ftehimiet huma neċessarji sabiex jipproteġu produtturi DOP tal-Unjoni minn prodotti foloz imqiegħda fuq swieq barranin minn produtturi barranin. Skont il-Kummissjoni, il-qari tar-Renju tad-Danimarka ta’ dawn il-premessi jmur kontra l-għan tagħhom u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jmorru kontra dawn il-ftehimiet.

43.

Ir-Repubblika ta’ Ċipru, insostenn tal-Kummissjoni u tal-qafas interpretattiv tal-proprjetà intellettwali tagħha, tirreferi għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1151/2012. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li DOPs ma għandhomx isiru ġeneriċi. Ir-Repubblika ta’ Ċipru tinnota li din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għat-territorju tal-Unjoni.

44.

B’kunsiderazzjoni tal-kuntest iktar wiesa’, ir-Renju tad-Danimarka tinvoka miżuri tal-Unjoni oħra relatati mal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi li jirrigwardaw l-inbid, spirti u prodotti tal-inbid aromatizzat. Hija tinnota li dawn il-miżuri jinkludu dispożizzjonijiet li jirreferu espressament għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ( 27 ). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ referenza espressa fir-Regolament Nru 1151/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ovvjament ma riedx ikopri esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Madankollu, skont il-Kummissjoni u l-intervenjenti, ir-referenza espressa għal tali esportazzjonijiet f’dawk il-miżuri tista’ tiġi spjegata mill-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tagħhom. Bid-differenza għar-Regolament Nru 1151/2012, dawn ikopru wkoll rekwiżiti relatati mal-prodott. Barra minn hekk, referenzi għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ma humiex imsemmija fit-taqsimiet rilevanti li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi ( 28 ). Dan iwassal għall-konklużjoni li l-fatt li tali esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi huma msemmija espressament f’dawn il-miżuri ma jistax jintuża bħala argument li n-nuqqas ta’ tali referenza fir-Regolament Nru 1151/2012 tfisser li huwa ma japplikax għal tali esportazzjonijiet.

45.

Waqt li jidħol fil-qafas tal-proprjetà intellettwali, ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li miżuri oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jinkludu dispożizzjonijiet espliċiti dwar l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ( 29 ). Kieku r-Regolament Nru 1151/2012 kellu japplika wkoll għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, kieku kien jkollu wkoll isemmi dan.

46.

Fir-rigward tal-kuntest usa’, il-Kummissjoni tinvoka r-Regolament Nru 608/2013 ( 30 ), li jipprovdi protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (inklużi DOPs) fi proċeduri doganali, inkluż meta dawn ikunu intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Skont dan ir-regolament, merkanzija li tmur kontra d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tista’, pereżempju, tiġi meqruda mill-awtoritajiet doganali. Din tinkludi DOPs foloz intiżi għall-esportazzjoni, li huwa argument insostenn tal-projbizzjoni tal-użu ta’ ismijiet irreġistrati fuq prodotti mmanifatturati fl-Unjoni u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

c) Argumenti dwar l‑għanijiet

47.

Kull biċċa leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, jew tal-inqas tista’ tinftiehem li għandha, diversi għanijiet. Ir-Regolament Nru 1151/2012 jelenka diversi għanijiet fl-Artikoli 1(1) u 4 tiegħu. Għalhekk, skont l-oqfsa interpretattivi differenti, il-partijiet jenfasizzaw l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-konsumatur jew il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

48.

Ir-Renju tad-Danimarka jagħmel enfasi fuq l-għan li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni xierqa. Għalhekk, huwa jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1151/2021, li jistabbilixxi li wieħed mill-għanijiet tar-regolament huwa li jgħin lill-produtturi jikkomunikaw il-karatteristiċi tal-prodotti lill-konsumaturi. Skont ir-Renju tad-Danimarka, moqri fid-dawl tal-premessi 2, 29 u 40 tar-Regolament Nru 1151/2012 ( 31 ) huwa ċar li dan ir-regolament jirrigwarda l-konsumaturi fis-suq intern. Peress li prodotti mqiegħda fis-suq barra mill-Unjoni ma jagħtux informazzjoni dwar il-prodotti lil konsumaturi fis-suq intern, il-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 1151/2012 jirreferi għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ma tikkontribwixxix għall-għanijiet tiegħu.

49.

Il-Kummissjoni tikkontesta li l-uniku, jew tal-inqas, l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li fost l-għanijiet l-iktar importanti tar-Regolament Nru 1151/2012 hemm il-protezzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali abbażi ta’ DOPs. Id-drittijiet tagħhom jiġu protetti biss jekk ir-Regolament Nru 1151/2012 jitqies li japplika wkoll għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Din il-protezzjoni sservi sabiex tiżgura kompetizzjoni leali għall-produtturi DOP. Dan huwa konformi mal-għanijiet tal-politika agrikola komuni “li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura”, kif jipprovdi l-Artikolu 39 TFUE. Il-Kummissjoni tinnota li flimkien mal-Artikolu 118 TFUE dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-bażi legali tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa l-Artikolu 43(2) TFUE li jipprovdi l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta miżuri għall-kisba tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

50.

Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jistabbilixxi l-integrità tas-suq intern bħala wieħed mill-għanijiet tiegħu. Huwa jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li r-Regolament Nru 1151/2012 jirrigwarda s-suq intern, u mhux is-swieq ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni twieġeb għal dawn l-argumenti billi tiddikjara li l-għan tas-salvagwardja tal-integrità tas-suq intern huwa fil-fatt kompromess mill-użu illegali ta’ DOPs irreġistrati fl-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

d) Argumenti dwar l‑istorja leġiżlattiva

51.

Ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li matul il-proċess leġiżlattiv il-Parlament ippropona ż-żieda ta’ subparagrafu ieħor fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 kif oriġinarjament propost ( 32 ). L-emenda proposta kienet taqra kif ġej: “Sabiex tipprevjeni t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jew l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ prodotti mhux ittikkettjati b’konformità ma’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 53 fir-rigward tad-definizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri f’dan ir-rigward” ( 33 ). Madankollu, din l-emenda ma kinitx inkluża fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 1151/2012. Ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, iżda ma inkludihomx fit-test finali, ir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jkoprix tali esportazzjonijiet.

52.

Il-Kummissjoni tispjega li l-emenda inkwistjoni ma kinitx inkluża fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 1151/2012 mhux għax kienet issemmi l-esportazzjonijiet, iżda pjuttost għax kienet tipproponi li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiddelega.

53.

Ir-Renju tad-Danimarka jinvoka wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-proposta tal-Kummissjoni ( 34 ). Waħda mit-taqsimiet tagħha ddedikata lir-rakkomandazzjonijiet politiċi kienet tirrigwarda “l-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ kummerċ internazzjonali ta’ kwalità”. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni talab “li jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiġi evitat il-bejgħ fl-Unjoni jew l-esportazzjoni lejn pajjiżi barra mill-Unjoni ta’ prodotti li l-ittikkettjar tagħhom ma huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni” ( 35 ). Mill-fatt li l-formulazzjoni li tirreferi għall-esportazzjonijiet ma kinitx riflessa fit-test finali tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-Renju tad-Danimarka jiddeduċi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li ma jinkludix l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012. Madankollu, il-Kummissjoni tispjega li fil-fatt kien permezz tal-emenda proposta mill-Parlament li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 isemmi l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ DOPs u IĠPs li huma “prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru”. Għalhekk, minn dan il-punt tal-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, ma jistax jiġi dedott li esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ma kinux intiżi li jkunu koperti bir-Regolament Nru 1151/2012.

e) Argumenti dwar il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

54.

Ir-Renju tad-Danimarka jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco ( 36 ). Din il-kawża rriżultat minn rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità ta’ direttiva tal-Unjoni dwar il-manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk. Fost affarijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li kien jirrigwarda deskrizzjonijiet tal-prodott, kien japplika biss għal sigaretti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, u mhux għal dawk esportati lejn pajjiżi terzi. Ir-Renju tad-Danimarka jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni abbażi tal-kuntest u l-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex tikkonkludi jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni riedx jestendi din id-dispożizzjoni għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kuntest tas-sentenza BAT huwa differenti minn dak ta’ din il-kawża, peress li d-direttiva inkwistjoni f’din is-sentenza kellha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

55.

Insostenn tal-argument tiegħu li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-obbligu li jsemmi b’mod espliċitu l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi sabiex dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-Renju tad-Danimarka jibbaża ruħu wkoll fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza) ( 37 ). Din il-kawża kienet tirrigwarda l-portata territorjali tad-dritt tat-tneħħija ta’ referenza u l-effetti ekstraterritorjali potenzjali tad-Direttiva 95/46 ( 38 ) u s-suċċessur tagħha, ir-Regolament (UE) 2016/679 ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx evidenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi fuq operatur, bħal Google, obbligu ta’ tneħħija ta’ referenza li jmur lil hinn mit-territorju tal-Istati Membri. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679 ma kinux japplikaw barra mill-Unjoni. Il-Kummissjoni twieġeb billi tiddikjara li s-sentenza Google kienet tirrigwarda l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ekstraterritorjali tad-dritt tal-Unjoni. Hija tispjega li madankollu, f’din il-kawża, il-Kummissjoni mhix qiegħda tipprova tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal pajjiż terz. Il-kawża tirrigwarda biss l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 fl-Unjoni stess. Għalhekk, is-sentenza Google hija irrilevanti għal din il-kawża.

f) Konklużjoni interim

56.

Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed minn dawn l-argumenti, kemm fir-rigward tal-formulazzjoni, tal-kuntest, tal-għanijiet jew tal-storja leġiżlattiva tar-Regolament Nru 1151/2012, ma huwa konklużiv, b’tali mod li jimmilita favur waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet opposti. Għalhekk, huwa neċessarju li wieħed jagħżel bejn iż-żewġ oqfsa interpretattivi u jilqa’ dawk l-argumenti li jiġġustifikaw is-soluzzjoni offruta mill-qafas magħżul.

3. Ir‑Regolament Nru 1151/2012 għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ “Feta falz” lejn pajjiżi terzi

57.

Kif żvelajt fil-bidu, jiena naqbel u nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li r-Regolament Nru 1151/2012 japplika wkoll għal prodotti mmanifatturati fl-Istati Membri, iżda intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

58.

Wasalt għal din il-konklużjoni għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel, għax dan ir-riżultat jista’ jiġi ġġustifikat fil-kuntest taż-żewġ oqfsa interpretattivi, jiġifieri, dawk li jirrigwardaw il-proprjetà intellettwali u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni li tipprovdi li r-Regolament Nru 1151/2012 ma japplikax għal prodotti b’ismijiet irreġistrati li huma intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tista’ taħdem biss fil-kuntest tal-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. It-tieni, sa fejn l-intenzjoni mhux ambigwa tal-leġiżlatur tal-Unjoni qatt tista’ teżisti u “tinstab”, nikkunsidra li l-interpretazzjoni proposta hija iktar addattata fir-rigward tal-mod kif nifhem l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni wara l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi.

59.

Fir-rigward tal-ewwel raġuni tiegħi, il-kummerċ ħieles huwa bla dubju wieħed mill-valuri osservati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ żgur li ma kinitx l-unika forza motivanti, u lanqas l-iktar importanti. Sa minn kmieni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-interessi tal-kummerċ ħieles għandhom ikunu bbilanċjati ma’ interessi oħra ( 40 ). Huwa minnu li l-analiżi ġudizzjarja ta’ regoli, meta ssir fil-kuntest tal-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, għandha tibda mill-premessa li ostakoli għall-kummerċ għandhom jiġu pprojbiti. Madankollu, ostakolu jista’ jkun aċċettabbli, jekk ikun iġġustifikat minn u proporzjonat għal interessi oħra minbarra l-kummerċ, bħall-protezzjoni ambjentali, protezzjoni tal-konsumatur jew protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, biex insemmi ftit minnhom.

60.

Il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi hija mingħajr dubju importanti mill-perspettiva tal-kummerċ. Skont studji reċenti ( 41 ), din is-sistema għandha valur ekonomiku kunsiderevoli għall-Unjoni, b’bejgħ stmat ta’ iktar minn EUR 77 elf miljun fl‑2017 u parti sostanzjali tal-bejgħ ekstra-Unjoni ta’ 22 %. Għalhekk, hija toħloq opportunitajiet ta’ kummerċ importanti għall-produtturi DOP. Min-naħa l-oħra, dawn l-opportunitajiet, maħluqa permezz tal-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, jirriżultaw f’ostakoli għall-kummerċ għal oħrajn. Il-projbizzjoni ta’ użu tal-isem “Feta” għal prodotti mqiegħda fi swieq ta’ pajjiżi terzi huwa ostakolu għall-esportazzjonijiet. L-argument tal-Kummissjoni li din il-projbizzjoni ma tirrappreżentax projbizzjoni tal-esportazzjoni, peress li l-ġobon jista’ jitqiegħed fis-suq taħt isem differenti, ma jagħmilx differenza. Ostakolu għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi diġà jeżisti meta l-esportazzjonijiet isiru iktar diffiċli.

61.

Madankollu, ostakoli għall-kummerċ maħluqa minn leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni huma permissibbli jekk ikunu ġġustifikati. Naqbel mar-Renju tad-Danimarka li ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-konsumatur (li tiġi żgurata informazzjoni kredibbli dwar il-prodott) ma tissodisfax it-test ta’ adegwatezza, speċjalment jekk il-konsumaturi protetti huma dawk fis-suq intern. “Feta falz” esportat ma jistax jagħti informazzjoni żbaljata lil dawn il-konsumaturi, peress li ma humiex preżenti fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, l-ostakolu għall-kummerċ maħluq mill-interpretazzjoni li tipprovdi li r-Regolament Nru 1151/2012 japplika wkoll għall-esportazzjoni tal-prodotti lejn pajjiżi terzi ma jistax ikun iġġustifikat minn kwistjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-konsumatur.

62.

Madankollu, jiena tal-fehma li l-projbizzjoni tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ “Feta falz” immanifatturat fit-territorju tal-Unjoni tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Anki jekk l-Unjoni ma tistax tirregola s-swieq ta’ pajjiżi terzi bil-leġiżlazzjoni tagħha stess u għalhekk id-DOPs tal-Unjoni jistgħu jkunu esposti għal kompetizzjoni minn prodotti foloz f’dawn is-swieq, il-parteċipazzjoni ta’ prodotti foloz immanifatturi fl-Unjoni xorta jagħmel agħar il-pożizzjoni kompetittiva ta’ DOPs ġenwini f’dawn is-swieq. Projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ta’ ġobon imsejjaħ “Feta Daniż” immanifatturat fid-Danimarka jaqa’ taħt il-poteri leġiżlattivi tal-Unjoni ( 42 ), filwaqt li pereżempju, il-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ “Feta Wisconsin” ( 43 ) fis-suq tal-Istati Uniti ma jaqax. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex sproporzjonat li l-Unjoni tagħmel dak li tista’ sabiex tissalvagwardja l-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi ta’ DOPs tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, in-nuqqas ta’ protezzjoni ta’ DOPs tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi ma jistax jintuża bħala argument li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 bħala li tirrigwarda l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ma tissodisfax it-test ta’ proporzjonalità meta bħala ġustifikazzjoni tingħata l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Għalhekk, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 li tipprojbixxi esportazzjonijiet ta’ “Feta falz” lejn pajjiżi terzi tidher difensibbli anki fil-kuntest tal-qafas interpretattiv tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ.

63.

Apparti dan, u fir-rigward tat-tieni raġuni tiegħi, jiena tal-opinjoni wkoll li l-qafas interpretattiv tal-proprjetà intellettwali jispjega b’mod adegwat l-intenzjoni leġiżlattiva wara r-Regolament Nru 1151/2012. Skont dan il-qafas interpretattiv, l-iskop tad-DOPs bħala drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa li tiġi żgurata kompetizzjoni leali għall-produtturi ta’ prodotti DOP inkontrakambju għall-isforzi tagħhom li jżommu u jiżguraw il-kwalità għolja tal-prodotti tagħhom. Dan jiżgura s-sopravivenza ta’ negozji tradizzjonali u jiżgura d-diversità tal-prodotti fis-suq. Għalhekk, din il-perspettiva tieħu inkunsiderazzjoni interessi oħra minbarra interessi ekonomiċi, li huma wkoll parti mill-perċezzjonijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar x’inhi kwalità ta’ ħajja tajba ( 44 ).

64.

Indikazzjoni waħda tal-“intenzjoni tal-leġiżlatur”, li hija oġġettivament aċċertabbli fid-dritt tal-Unjoni, hija l-għażla tal-bażi legali għal miżura. Ir-Regolament Nru 1151/2012 kien adottat fuq bażi legali doppja tal-Artikoli 43(2) u 118 TFUE. Dan jindika li l-idea ewlenija wara dan ir-regolament huwa t-titjib tas-sitwazzjoni tal-produtturi agrikoli tal-Unjoni billi tingħata protezzjoni tal-proprjetà intellettwali lil prodotti li jinvolvu metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali, li huma pprattikati fi u marbuta ma’ żoni ġeografiċi partikolari. Il-lingwa Franċiża għandha kelma sabiex tiddeskrivi din ir-rabta speċjali bejn il-kwalità tal-prodotti u l-oriġini ġeografika tagħhom – terroir ( 45 ).

65.

Sa mill-1970 l-Unjoni bdiet tistabbilixxi network ta’ miżuri li jirregolaw u jipproteġu ċerti tipi ta’ prodotti li għandhom denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi u r-rekwiżiti għall-għoti, protezzjoni u kontroll ta’ dawn tal-aħħar ( 46 ). Barra mill-prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel, dawn il-miżuri jkopru l-inbid, spirti u prodotti tal-inbid aromatizzat. Ir-Regolament Nru 1151/2012 huwa strument legali ewlieni f’din is-sistema ( 47 ).

66.

Ir-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema uniformi u eżawrjenti għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel ( 48 ). Huwa jistabbilixxi proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ tali prodotti fuq livell tal-Unjoni, sabiex il-protezzjoni tagħhom tkun żgurata minn kull Stat Membru ( 49 ).

67.

Il-partikolarità ta’ DOPs, kif ukoll indikazzjonijiet ġeografiċi protetti oħra, bħala dritt tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni, hija li bid-differenza għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali oħra, speċjalment it-trade marks ( 50 ), dawn jiddependu fuq sorveljanza pubblika u mhux fuq sorveljanza privata biss ( 51 ). Huwa għal din ir-raġuni li r-Regolament Nru 1151/2012 jobbliga lill-Istati Membri jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ ismijiet irreġistrati bħala DOPs. L-użu ta’ sorveljanza pubblika tista’ tinftiehem fil-kuntest li fih kienet żviluppata l-protezzjoni ta’ DOPs fl-Unjoni – bħala mezz ta’ protezzjoni u li jiżgura dħul ġust għall-produtturi tradizzjonali li mhux neċessarjament ikollhom l-għarfien (jew il-fondi) sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom permezz ta’ sorveljanza privata.

68.

Din l-idea ma hijiex aċċettata globalment. Pajjiżi terzi bħall-Kanada u l-Istati Uniti għażlu li jipproteġu l-kwalità ta’ prodotti permezz tal-kunċett ta’ trade marks (inkluż trade marks kollettivi) ( 52 ).

69.

Il-leġiżlazzjoni interna tal-Unjoni ma tistax tirregola s-swieq ta’ pajjiżi terzi sabiex tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni tad-DOPs tal-Unjoni bħal dak li jgawdu fis-suq intern. Dan huwa possibbli biss permezz ta’ negozjati fuq livell multilaterali (il-WTO jew l-Uffiċċju Dinji għall-Proprjetà Intellettwali) jew bilaterali. Huwa għalhekk li l-Unjoni, bħala parti mill-politika iktar wiesgħa tal-protezzjoni ta’ prodotti marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom, tieħu azzjoni fuq livell internazzjonali bil-għan li tilħaq ftehimiet li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi inkluż id-DOPs ( 53 ). L-isforzi tal-Unjoni sabiex tiżgura protezzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi wkoll huma ddikjarati b’mod ċar bħala għan politiku fil-preambolu tar-Regolament Nru 1151/2012 ( 54 ). Din il-politika hija evidenti fin-negozjati, ftit jew wisq ta’ suċċess, ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi bħall-Kanada, iċ-Ċina, Singapor jew l-Istati Uniti, ( 55 ), kif ukoll fl-impenji tal-Unjoni fuq livell multilaterali ( 56 ).

70.

L-isforzi tal-Unjoni sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tad-DOPs tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi huma motivati wkoll mill-valur kulturali u ekonomiku sinjifikattiv li din il-protezzjoni għandha għall-komunitajiet lokali ( 57 ).

71.

Għalhekk hemm rekord ta’ azzjonijiet tal-Unjoni li jifformaw politika tal-Unjoni kredibbli u koerenti intiża għall-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni ta’ prodotti tal-Unjoni li l-kwalità tagħhom tista’ tkun irrikonoxxuta mill-konnessjoni tagħhom ma’ żona ġeografika partikolari, li tista’ tkabbar il-kompetittività ta’ produtturi ta’ dawn il-prodotti.

72.

Din il-politika timmilita favur l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 fis-sens li jipprojbixxi l-esportazzjonijiet ta’ DOPs foloz lejn is-swieq ta’ pajjiżi terzi. Kif indikat mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika ta’ Ċipru, ikun verament illoġiku għall-Unjoni li tinnegozja ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi sabiex teħtieġhom jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti li jkun fihom ismijiet irreġistrati b’mod illegali u fl-istess waqt tittollera din il-prattika fit-territorju tagħha stess fir-rigward tal-prodotti tagħha stess.

73.

Barra minn hekk, il-preżenza ta’ DOPs foloz prodotti fl-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi tikkontribwixxi għall-perċezzjoni tal-ismijiet tagħhom bħala ġeneriċi. Dan jirrendi iktar diffiċli għall-Unjoni li tiżgura l-protezzjoni tagħhom fuq dawn is-swieq permezz ta’ negozjati. L-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 li jipprevedi li DOPs ma għandhomx isiru ġeneriċi jista’ tabilħaqq, kif propost mir-Repubblika ta’ Ċipru ( 58 ), jintuża insostenn tal-pożizzjoni li r-Regolament Nru 1151/2012 japplika għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

74.

Għaldaqstant, meta titqiegħed fil-politika tal-Unjoni ġenerali intiża għall-protezzjoni tad-DOPs bħala tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali speċjali fis-suq intern u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 fis-sens li jipprojbixxi l-esportazzjonijiet ta’ prodotti li jużaw illegalment ismijiet irreġistrati anki lejn pajjiżi terzi fejn din il-protezzjoni (għadha) mhix mogħtija, tidher għażla kredibbli. Tidher li hija l-interpretazzjoni li tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

75.

Abbażi tar-raġunijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat u tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu tal-isem “Feta” fuq ġobon prodott fid-Danimarka, iżda intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi fejn l-Unjoni għadha ma kkonkludietx ftehim internazzjonali li jiżgura l-protezzjoni ta’ dan l-isem.

B.   It‑tieni lment dwar ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali

76.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka wettaq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE flimkien mal-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament Nru 1151/2012. Dan il-ksur jirriżulta min-nuqqas tal-awtoritajiet Daniżi li jipprevjenu jew iwaqqfu produtturi Daniżi milli jipproduċu jew iqiegħdu fis-suq imitazzjonijiet ta’ “Feta”, li jippreġudika l-għanijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012. Minbarra din t-talba magħmula fil-petitum, il-Kummissjoni tagħmel talba oħra fil-motivi u t-talbiet (iżda mhux fil-petitum) tar-rikors. Skont din l-allegazzjoni, ir-Renju tad-Danimarka wettaq ukoll ksur indipendenti tal-Artikolu 4(3) TUE billi mar kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni ta’ ismijiet irreġistrati tal-Unjoni.

77.

Dawn iż-żewġ allegazzjonijiet huma differenti. Fil-fehma tiegħi, it-tieni waħda minn dawn iż-żewġ allegazzjonijiet ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni ma talbithiex fil-petitum tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar din l-allegazzjoni, jiena ser nagħti l-opinjoni tiegħi dwarha.

78.

Ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li ma wettaq ebda ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, waħdu jew flimkien mal-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-fatt li nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jammontax fih innifsu għal ksur tal-obbligu ta’ Stat Membru ta’ kooperazzjoni leali.

1. Allegat ksur tal‑Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal‑Artikoli 1(1) u 4 tar‑Regolament Nru 1151/2012

79.

Skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jesprimi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur ta’ dan id-dritt. Dan l-obbligu huwa impost, fl-isfera tal-kompetenza tiegħu, fuq kull organu tal-Istat Membru kkonċernat ( 59 ).

80.

Jeżistu eżempji fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru kiser l-Artikolu 4(3) TUE waħdu ( 60 ) jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 61 ).

81.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE huwa differenti minn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi speċifiċi li fihom joħroġ dan l-obbligu ġenerali. Għaldaqstant, ksur ta’ dan l-obbligu ġenerali jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn jirrigwarda aġir differenti minn dak li jikkostitwixxi l-ksur ta’ dawn l-obbligi speċifiċi ( 62 ). Jekk l-allegat ksur tal-Artikolu 4(3) TUE jirrigwarda l-istess aġir bħall-allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, l-evalwazzjoni taħt dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi hija suffiċjenti ( 63 ).

82.

F’din il-kawża, it-tieni lment li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 4(3) TUE flimkien mal-Artikoli 1(1) u 4 tar-Regolament Nru 1151/2012 jidhirli li essenzjalment jirrigwarda l-istess suġġett u aġir bħal dak allegat fl-ewwel ilment fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligi speċifiċi skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012. Dan joriġina mill-istess opinjoni diverġenti dwar l-interpretazzjoni tal-portata territorjali tar-Regolament Nru 1151/2012 u mill-istess aġir tal-awtoritajiet Daniżi li naqsu milli jipprevjenu jew iwaqqfu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-imitazzjonijiet ta’ “Feta”. Kif ġustament indikat mir-Renju tad-Danimarka, l-awtoritajiet Daniżi jawtorizzaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ imitazzjonijiet ta’ “Feta” minħabba l-interpretazzjoni tar-Renju tad-Danimarka ta’ dak li jikkostitwixxi użu illegali fis-sens tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012. Għaldaqstant, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar it-tieni lment.

83.

Fil-fehma tiegħi, hemm raġuni importanti li fuqha hija bbażata il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema l-ksur ta’ obbligu speċifiku tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżultax fi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Din ir-raġuni toriġina mill-iskop tal-proċedura ta’ ksur u ta’ metodi ġudizzjarji għas-soluzzjoni ta’ tilwim b’mod iktar ġenerali. Il-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn Stat Membru hija mezz sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi tal-Istati Membri f’każijiet fejn teżisti differenza fl-interpretazzjoni tal-istess regola legali. F’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ tilwim dwar it-tifsira ta’ regola legali, fejn il-Kummissjoni jkollha fehma, u l-Istat Membru fehma differenti, il-proċedura ta’ ksur tagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja ssolvi tilwima interpretattiva. Dan huwa rrikonoxxut mill-ġurisprudenza ( 64 ).

84.

Għalhekk, jiena naqbel mal-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(3) TUE ġie miksur minn Stat Membru għax ma jaqbilx mal-Kummissjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-każ inkwistjoni. Il-fatt li Stat Membru jinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod differenti mill-Kummissjoni, ma jammontax fih innifsu għal ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minn dak l-Istat Membru.

85.

Huwa minnu li jekk dan ikun il-każ, ikun perikoluż peress li jista’ jipprojbixxi li tilwim dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Nuqqas ta’ qbil dwar it-tifsira tal-liġi huwa parti minn kull sistema legali. Sistemi bbażati fuq l-istat tad-dritt isolvu dan it-tilwim billi jagħtu s-setgħa lill-qrati jiddeċiedu x’inhi t-tifsira tal-liġi. Jekk jiġi deċiż li l-Istat Membru kiser l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali minħabba interpretazzjoni differenti tal-liġi, dan imur kontra l-isforzi li tiġi żgurata s-soluzzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil bi proċeduri ġudizzjarji. It-tifsira tal-liġi f’demokraziji liberali għandha tkun miftuħa għall-kontestazzjoni, u l-parti li l-interpretazzjoni tagħha ma tiġix milqugħa mill-qorti ma tistax titqies żleali għas-sistema tal-liġi sempliċement għax kienet “żbaljata”. Ikun każ differenti, jekk wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi x’inhi l-liġi, Stat Membru jibqa’ japplikaha b’mod kuntrarju għal dik l-interpretazzjoni.

86.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tilwima f’din il-kawża toriġina essenzjalment minn nuqqas ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012. In-nuqqas ta’ qbil jeżisti dwar jekk dan ir-regolament għandux jiġi interpretat bħala li japplika għal prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Lil hinn minn din il-parti kkontestata tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, l-awtoritajiet Daniżi indikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja (u dan ma kienx ikkontestat mill-Kummissjoni) li huma jimplimentaw l-miżuri ta’ eżekuzzjoni xierqa fir-rigward tas-suq intern. Huma ma jimplimentawx dawn il-miżuri biss fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi (peress li ma hemm ebda ftehim internazzjonali konkluż mal-Unjoni) għax fil-fehma tagħhom dawn l-esportazzjonijiet ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni alternattiva ta’ dan ir-regolament mogħtija mir-Renju tad-Danimarka, ma tikkostitwixxix fiha nnifisha aġir li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE.

87.

Jista’ jiżdied li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma humiex komparabbli ma’ dawk li jagħtu lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju ( 65 ), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni. F’dak il-każ, l-ilment kien jikkonsisti fir-rifjut tal-Istat Membru li jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni u l-Istat Membru wettaq l-obbligu tiegħu biss taħt theddida diretta ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mbagħad kiser dan l-obbligu hekk kif it-theddida kienet tidher li spiċċat. Il-Kummissjoni ma pprovatx li f’din il-kawża, ir-Renju tad-Danimarka wettaq xi atti jew ommissjonijiet iddeliberati f’dan il-każ.

88.

Għalhekk, l-ilment li jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka jikser l-Artikolu 4(3) TUE għax ma jwettaqx l-għanijiet tar-Regolament Nru 1151/2012, li huwa jinterpreta b’mod differenti, ma jistax jiġi milqugħ.

2. Allegat ksur tal‑Artikolu 4(3) TUE waħdu

89.

Il-Kummissjoni tallega li r-Renju tad-Danimarka kiser ukoll l-Artikolu 4(3) TUE billi dgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ ismijiet irreġistrati.

90.

F’dan ir-rigward, kif indikat mid-duttrina ( 66 ), l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali għandu fil-fatt importanza partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.

91.

Dan huwa rifless ukoll f’numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżultaw minn proċeduri ta’ ksur.

92.

Pereżempju, fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 4(3) TUE, billi ssottomettiet proposta lil organizzazzjoni internazzjonali li bdiet proċedura li setgħet twassal għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda li jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk aġixxiet fuq bażi individwali f’qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva.

93.

Fis-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja ( 68 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju tal-Isvezja kiser l-Artikolu 4(3) TUE billi ppropona unilateralment iż-żieda ta’ sustanza partikolari fl-anness ta’ konvenzjoni internazzjonali f’qasam ta’ kompetenza kondiviża. B’hekk, dak l-Istat Membru ddiżassoċja ruħu minn strateġija komuni miftehma fil-Kunsill u li kellha konsegwenzi fuq l-Unjoni.

94.

Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 69 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont deċiżjoni tal-Unjoni u l-Artikolu 4(3) TUE billi vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita f’dik id-deċiżjoni u billi opponiet pubblikament dik id-deċiżjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot ipprovduti fiha. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li permezz tal-aġir tiegħu, dan l-Istat Membru tbiegħed mill-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita f’dik id-deċiżjoni u rriskja li jippreġudika s-setgħa tal-Unjoni li tinnegozja fil-kuntest tal-konvenzjoni internazzjonali kkonċernata.

95.

Madankollu, f’din il-kawża, ma tressqet ebda informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li r-Renju tad-Danimarka prova jippreġudika n-negozjati tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ ismijiet irreġistrati fuq livell internazzjonali (multilaterali jew bilaterali). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja indikata fil-punti 92 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija differenti minn din il-kawża. B’mod partikolari, ma ġiex ipprovat li r-Renju tad-Danimarka ħa xi tip ta’ azzjoni konkreta fuq il-livell internazzjonali jew fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali, li tmur kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni.

96.

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

VI. Fuq l‑ispejjeż

97.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom jekk kull parti tirbaħ fuq xi punti u titlef fuq oħrajn. Għalhekk, peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka tilfu parzjalment, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

98.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri li intervjenew fil-proċeduri jbatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII. Konklużjoni

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)

tiddikjara li, billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu mill-produtturi Daniżi tal-isem irreġistrat “Feta” għal ġobon intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel;

(2)

tiċħad il-bqija tar-rikors;

(3)

tordna lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Renju tad-Danimarka jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom; u

(4)

tordna lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika ta’ Ċipru jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara f’dak ir-rigward, O’Connor, B. u Kireeva, I., “What’s in a name? The ‘feta’ cheese saga”, International Trade Law & Regulation, Vol. 9, 2003, p. 110.

( 3 ) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 2016, p. 40). Dan ir-regolament kien emendat l-iktar reċenti bir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU 2021, L 435, p. 262).

( 4 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Canadane Cheese Trading and Kouri (C‑317/95, EU:C:1997:311, punti 9 sa 19).

( 5 ) Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 tal‑14 ta’ Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem “Feta” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 37, p. 195).

( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Ara r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130. p. 8 u fil-ĠU 2020, L 1, p. 5). Dan ir-regolament kien emendat l-iktar reċenti bir-Regolament 2021/2117.

( 8 ) Ara r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU 2019, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 316, p. 3 u fil-ĠU 2021, L 178, p. 4).

( 9 ) Ara r-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU 2014, L 84, p. 14, rettifika fil-ĠU 2014, L 105, p. 12 u fil-ĠU 2020, L 182, p. 11). Dan ir-regolament kien emendat l-iktar reċenti bir-Regolament 2021/2117. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Ara l-Artikoli 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012. Għall-inbid, ara l-Artikolu 93(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

( 11 ) Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Awwissu 1997, Canadane Cheese Trading u Kouri (C‑317/95, EU:C:1997:393). Imma ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Canadane Cheese Trading u Kouri (C‑317/95, EU:C:1997:311).

( 12 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat‑12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 176, rettifika fil-ĠU 2015, L 60, p. 70) sa fejn irreġistra d-denominazzjoni “Feta” bħala DOP.

( 13 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Id‑Danimarka et vs Il‑Kummissjoni (C‑289/96, C‑293/96 u C‑299/96, EU:C:1999:141).

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Id‑Danimarka et vs Il‑Kummissjoni (C‑289/96, C‑293/96 u C‑299/96, EU:C:1999:141, punti 81 sa 103).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Il‑Ġermanja u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636).

( 16 ) Ir-Regolament Nru 1151/2012 kien emendat bir-Regolament 2021/2117. Huwa introduċa bidliet, fosthom, għat-test tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, li madankollu ma humiex sinjifikattivi għal din il-kawża.

( 17 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1829/2002.

( 18 ) Ara l-premessa 32 tar-Regolament Nru 1829/2002.

( 19 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 16).

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward, Dworkin, R., Law’s Empire, Harvard University Press, Cambridge, 1986. Għalkemm jiena xettiku dwar il-proposta ta’ Dworkin dwar l-eżistenza ta’ tweġiba legali waħda korretta, jiena konvint bl-idea tiegħu li t-tfittxija għall-iktar waħda addattata hija waħda mill-prinċipji li għandhom jiggwidaw lill-qrati.

( 21 ) Inqis li huwa neċessarju li jiġi spjegat li xi argumenti jistgħu jitqiegħdu f’iktar minn kategorija waħda. Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni, tali argumenti qegħedthom fil-kategorija li deherli li hija l-iktar rilevanti.

( 22 ) Enfasi magħmula minni.

( 23 ) Enfasi magħmula minni.

( 24 ) Fl-ewwel kawża “Feta”, li kienet tirrigwarda miżuri Griegi li kienu jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ ġobon mid-Danimarka bl-isem “Feta”, l-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer ikkunsidra li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija u għalhekk kienu jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi miżuri ta’ effetti ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet (dak li llum huwa l-Artikolu 34 TFUE). Madankollu, l-Avukat Ġenerali kien tal-opinjoni li tali miżuri, anki jekk huma ostakolu għall-kummerċ, jistgħu jiġu ġġustifikati mill-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punti 23 sa 28).

( 26 ) Il-premessa 20 tar-Regolament Nru 1151/2012 tipprovdi fil-parti rilevanti: “Għandu jkun hemm provvediment għall-iżvilupp tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell tal-Unjoni u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ mekkaniżmi għall-protezzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) jew ta’ ftehimiet multilaterali u bilaterali, sabiex b’hekk isir kontribut għar-rikonoxximent tal-kwalità tal-prodotti u tal-mudell ta’ produzzjoni tagħhom bħala fattur li jżid il-valur”. Barra minn hekk, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1151/2012 ssemmi li l-Unjoni “tinnegozja ftehimiet internazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, mas-sħab kummerċjali tagħha” u li sabiex tiżgura l-protezzjoni u l-kontroll tal-użu li jsir minn dawk l-ismijiet, dawn jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tad-DOPs u IĠPs.

( 27 ) Għall-inbid, ara b’mod partikolari, l-Artikoli 89, 119(1) u 122(4) tar-Regolament Nru 1308/2013. Għax-xarbiet spiritużi, ara l-Artikolu 1(2) u l-premessa 7 tar-Regolament Nru 2019/787. Għall-prodotti tal-inbid aromatizzat, ara l-Artikolu 1(3) u l-premessa 6 tar-Regolament Nru 251/2014.

( 28 ) Għall-inbid, ara l-Artikoli 93 sa 111 tar-Regolament Nru 1308/2013. Għax-xarbiet spiritużi, ara l-Artikoli 21 sa 42 tar-Regolament 2019/787. Għall-prodotti tal-inbid aromatizzat, permezz tal-emendi introdotti mir-Regolament 2021/2117, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ tali prodotti tmexxew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 (ara l-Artikolu 3 u l-premessa 77 tar-Regolament 2021/2117). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 251/2014 issa jirrigwardaw biss id-definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni u ttikkettjar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat, u r-referenzi għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi baqgħu l-istess.

( 29 ) Kif indikat mir-Renju tad-Danimarka, miżuri oħra jinkludu, fost oħrajn, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142); l-Artikoli 10(3)(c), 11(b) u 16(5)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5); l-Artikoli 9(3)(c), 10(b) u 18(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 30 ) Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15).

( 31 ) Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1151/2012 tipprovdi: “Iċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-Unjoni qed jitolbu dejjem iżjed kwalità kif ukoll prodotti tradizzjonali. Huma jixtiequ wkoll iżommu d-diversità tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni. Dan jiġġenera domanda għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel b’karatteristiċi speċifiċi identifikabbli, b’mod partikolari dawk marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom”. Fil-parti rilevanti tagħha, il-premessa 29 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li: “Għandha tingħata protezzjoni lill-ismijiet inklużi fir-reġistru bl-għan li jkun żgurat li dawn jintużaw b’mod ġust u sabiex jitrażżnu prattiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi”. Barra minn hekk, il-premessa 40 tiegħu tipprovdi: “Sabiex l-ismijiet irreġistrati jkunu protetti minn xi abbuż, jew minn prattiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi, l-użu tagħhom għandu jkun riżervat.”

( 32 ) Ara l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, COM(2010) 733 finali, tal‑10 ta’ Diċembru 2010. Il-formulazzjoni oriġinali tal-Artikolu 13(3) proposta f’din il-proposta kienet is-segwenti: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kif imsemmi fil-paragrafu 1, b’mod partikolari fuq talba ta’ grupp ta’ produtturi kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 42.”

( 33 ) Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew rapport dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli, abbozz tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, A7‑0266/2011, tat‑12 ta’ Lulju 2011, emenda 55. Enfasi magħmula minni.

( 34 ) Ara l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn politika Ewropea ambizzjuża għal skemi tal-politika agrikola”, tat‑12 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, C 192, p. 28) (“Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni”), Taqsima C.

( 35 ) Ara l-punt 24 tal-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Enfasi magħmula minni.

( 36 ) C‑491/01, EU:C:2002:741 (“is-sentenza BAT”), punti 203 sa 217.

( 37 ) C‑507/17, EU:C:2019:772 (“is-sentenza Google”), punti 53 sa 65.

( 38 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 39 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2)

( 40 ) Sabiex nieħu eżempju klassiku, fis-sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe‑Zentral (Cassis de Dijon) (120/78, EU:C:1979:42), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet wessgħet il-lista ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għaż-żamma ta’ ostakoli għall-kummerċ meta mqabbla ma’ dawk previsti mit-Trattati u ħalliet il-lista miftuħa.

( 41 ) Ara pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea, Studju dwar il-valur ekonomiku ta’ skemi ta’ kwalità tal-Unjoni, indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠs) u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STGs), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.

( 42 ) Kif diġà spjegajt, ir-Renju tad-Danimarka ma jikkontestax l-eżistenza ta’ tali kompetenza. Huwa jallega biss li din ma kinitx eżerċitata fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 43 ) L-isem huwa ivvintat.

( 44 ) Ara f’dan ir-rigward, Davies, G., “Free Movement, the Quality of Life and the Myth that the Court Balances Interests”, fi Koutrakos, P. et (edituri), Exceptions from EU Free Movement Law: Derogation, Justification and Proportionality, Hart, Publishing, Oxford, 2016, p. 214.

( 45 ) L-idea kontemporanja tal-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi bħala drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha l-għeruq tagħha fil-kunċett Franċiż terroir, li kien żviluppat fir-rigward tal-inbid. Dan imur lura għall-attentati tal-prevenzjoni tal-frodi fis-suq tal-inbid Franċiż wara l-qerda tad-dwieli mill-phylloxera. Ara Calboli, I., “Geographical Indications between Trade, Development, Culture, and Marketing: Framing a Fair(er) System of Protection in the Global Economy?”, f’Calboli, I. u Wee Loon, N.‑L. (edituri) Geographical Indications at the Crossroads of Trade, Development, and Culture, Focus on Asia-Pacific, Cambridge University Press, Cambridge 2017, p. 3. Ara wkoll, pereżempju, Chaisse, J. et (edituri), Wine Law and Policy: From National Terroirs to a Global Market, Brill Nijhoff, Leiden,2021; Zappalaglio, A., The Transformation of EU Geographical Indications Law: The Present, Past and Future of the Origin Link, Routledge, London, 2021.

( 46 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona) (C‑389/15, EU:C:2017:798, punt 15).

( 47 ) Ara wkoll, pereżempju, Kireeva, I., “The new European Regulation on Quality Schemes for Agricultural Products and Foodstuffs”, f’McMahon, J.A. u Cardwell, M.N. (edituri), Research Handbook on EU Agricultural Law, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2015, p. 285; Nathon, N., “The Protection of Geographical Indications for Agricultural Products in the European Union”, f’Sundara Rajan, M.T. (editur), The Cambridge Handbook of Intellectual Property in Central and Eastern Europe, Cambridge University Press, Cambridge, 2019, p. 349.

( 48 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 114), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bayerischer Brauerbund (C‑120/08, EU:C:2010:798, punt 59).

( 49 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punti 2526), u tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 107).

( 50 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li indikazzjonijiet ġeografiċi u trade marks għandhom għanijiet differenti. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs L‑EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 62).

( 51 ) Ara f’dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:730, punt 29).

( 52 ) Dwar id-differenza bejn l-approċċi tal-Unjoni u tal-Kanada jew tal-Istati Uniti għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ara pereżempju, Matthews, A., “What Outcome to Expect on Geographical Indications in the TTIP Free Trade Agreement Negotiations with the United States?”, u O’Connor, B., “The Legal protection of GIs in TTIP: Is there an Alternative to the CETA Outcome”, f’Arfini, F. (Editur), Intellectual Property Rights for Geographical Indications. What is at Stake in the TTIP?, Cambridge Scholars Publishing, Newcastle upon Tyne, 2016, p. 1 u 19.

( 53 ) Għal elenku tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti konklużi mill-Unjoni li jipproteġu l-isem “Feta” f’pajjiżi terzi, ara r-reġistru GIview, disponibbli fuq https://ec.europa.eu.

( 54 ) Ara l-premessi 20 u 27 tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 55 ) L-Unjoni kellha suċċess fin-negozjar tal-protezzjoni tal-isem “Feta” fi ftehimiet iffirmati mal-Kanada, Ċina u Singapor. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Għal diskussjoni ddettaljata, ara pereżempju, Gangjee, D.S. (editur), Research Handbook on Intellectual Property and Geographical Indications, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2016; Blakeney, M., The Protection of Geographical Indications: Law and Practice, it-tieni edizzjoni, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2019.

( 57 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU 2019, L 271, p. 1).

( 58 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 119124), u tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 176).

( 60 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑391/17, EU:C:2019:919), u tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑395/17, EU:C:2019:918). F’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE kien jikkonsisti fir-rifjut mill-Istati Membri rispettivi li jikkumpensaw t-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, li seħħ minħabba d-deċizjonijiet tal-gvernijiet tal-pajjiżi u territorji ekstra‑Ewropej li għalihom l-Istati Membri inkwistjoni kienu responsabbli. Sitwazzjoni oħra li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ksur awtonomu tal-Artikolu 4(3) TUE tirrigwarda waħda li fiha Stat Membru ma pprovdiex lill-Kummissjoni informazzjoni neċessarja matul il-proċedura preliminari għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ara pereżempju, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti tat-trattament ta’ ilma mormi) (C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 149) u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Rikors kontra l-frodi ta’ sottovalutazzjoni) (C 213/19, EU:C:2022:167, punt 598).

( 61 ) Għal eżempju klassiku, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, EU:C:1997:595) (imsejħa b’mod komuni bħala l-kawża tal-“frawli Spanjol”, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-regoli tal-moviment liberu tal-Unjoni, flimkien ma’ dak li llum huwa l-Artikolu 4(3) TUE, u skont l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli, billi naqset milli tadotta l-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex tipprevjeni l-ostakolu tal-moviment liberu ta’ frott u ħaxix permezz ta’ miżuri meħuda minn individwi privati).

( 62 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 69), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 121).

( 63 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 168 sa 182) u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 122 sa 129).

( 64 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1971, Il‑Kummissjoni vs Franza (7/71EU:C:1971:121, punt 49), u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 24).

( 65 ) C‑374/89, EU:C:1991:60, punti 12 sa 16.

( 66 ) Ara pereżempju, De Baere, G. u Roes, T., “EU loyalty as good faith”, International & Comparative Law Quarterly, vol. 64, 2015, p. 829; Cremona, M. (editur), Structural Principles in EU External Relations Law, Hart, Publishing, Oxford, 2018; Van Elsuwege, P., “The Duty of Sincere Cooperation and Its Implications for Autonomous Member State Action in the Field of External Relations”, f’Varju, M. (editur), Between Compliance and Particularism: Member State Interests and European Union Law, Springer, Cham, 2019, p. 283; Eckes, C., “Disciplining Member States: EU Loyalty in External Relations”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, Vol. 22, 2020, p. 85.

( 67 ) C‑45/07EU:C:2009:81.

( 68 ) C‑246/07, EU:C:2010:203.

( 69 ) C‑620/16, EU:C:2019:256.

Top