EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0118

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-1 ta’ Lulju 2021.
JY vs Wiener Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Rinunzja tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sabiex tinkiseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jinnaturalizza lill-persuna kkonċernata – Revoka ta’ din l-assigurazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Sitwazzjoni ta’ persuna apolida.
Kawża C-118/20.

;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:530

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI SZPUNAR

ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑118/20

JY

fil-preżenza ta’:

Wiener Landesregierung

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Rinunzja għan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jinnaturalizza lill-persuna kkonċernata – Revoka ta’ din l-assigurazzjoni minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku – Sitwazzjoni ta’ apolidija – Kriterji għall-kisba tan-nazzjonalità – Proporzjonalità”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt internazzjonali

 

1. Il-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija

 

2. Il-konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta’ ċittadinanza multipla

 

3. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità

 

B. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 

C. Id-dritt Awstrijak

 

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

 

IV. Analiżi legali

 

A. Rimarki preliminari

 

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari: is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni?

 

1. Fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni

 

a) Is-sentenza Micheletti et: il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba u t-telf tan-nazzjonalità għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni

 

b) Is-sentenzi Rottmann u Tjebbes et: il-konferma u l-kjarifika tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza Micheletti

 

2. Fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni

 

a) L-applikazzjoni tal-prinċipji li rriżultaw mis-sentenzi Rottmann u Tjebbes et għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

 

b) Il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Ruiz Zambrano: iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni

 

c) Is-sentenza Lounes: il-loġika tal-integrazzjoni progressiva

 

3. Fuq id-deċiżjoni tar-Repubblika tal-Estonja li biha ġiet xolta r-relazzjoni statali ma’ JY

 

C. Fuq it-tieni domanda preliminari: il-konformità tad-deċiżjoni kontenzjuża mal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

1. Fuq il-motiv ta’ interess ġenerali mfittex mill-leġiżlazzjoni li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża

 

2. Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni ta’ JY

 

a) Fuq iċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata

 

1) In-natura tar-reati

 

2) Iż-żmien li għadda bejn id-data li fiha ngħatat l-assigurazzjoni u dik tar-revoka tagħha

 

3) Il-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni kollha

 

4) Il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tirkupra n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha

 

5) L-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali

 

b) Fuq il-koerenza u l-adegwatezza tar-regoli nazzjonali sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà tat-toroq

 

V. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tippermettilu li jirrevoka, minħabba reati amministrattivi marbuta mas-sigurtà fit-toroq, l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità lil ċittadin li, filwaqt li jkollu biss in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed, ikun irrinunzja għal dik in-nazzjonalità u, għalhekk, għall-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea sabiex jikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, konformement mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-imsemmi Stat li tinkludi tali assigurazzjoni; b’hekk dan jimpedixxi lil din il-persuna milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

2.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE fil-kuntest tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi Rottmann ( 2 ) u Tjebbes et ( 3 ) u tiftaħ it-tielet parti ta’ kapitolu relattivament delikat, li jirrigwarda l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba u tat-telf tan-nazzjonalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

1.   Il-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija

3.

Ir-Repubblika tal-Awstrija aderixxiet mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, adottata fi New York fit-30 ta’ Awwissu 1961 u li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija”), fit-22 ta’ Settembru 1972. Din il-konvenzjoni tipprevedi fil-paragrafi 2, 3 u 6 tal-Artikolu 7 tagħha:

“2.   Individwu li jippossjedi n-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti u li jitlob in-naturalizzazzjoni f’pajjiż barrani jitlef in-nazzjonalità tiegħu biss jekk jikseb jew ikun assigurat li jikseb in-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu, ħadd ma jista’ jitlef in-nazzjonalità tiegħu jekk minħabba dan il-fatt isir persuna mingħajr stat, minħabba li jkun telaq mill-pajjiż fejn ikollu n-nazzjonalità tiegħu, li jirrisjedi f’pajjiż barrani, li ma jirreġistrax ruħu jew għal kull raġuni simili oħra.

[…]

6.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti minn dan l-artikolu, individwu ma jistax jitlef in-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti jekk minħabba dan il-fatt huwa jispiċċa bħala persuna mingħajr stat, u dan minkejja li dan it-telf ma jkunx espressament eskluż minn kull dispożizzjoni oħra ta’ din il-konvenzjoni.”

4.

L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati kontraenti ma għandhom iċaħħdu lil ebda individwu min-nazzjonalità tiegħu jekk din iċ-ċaħda tagħmlu persuna mingħajr stat.

[…]

3.   Minkejja d-dispożizzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, Stat kontraenti jista’ jżomm id-dritt li jċaħħad lil individwu minn-nazzjonalità tiegħu, jekk jipproċedi, fil-mument tal-iffirmar, tar-ratifika jew tal-adeżjoni, għal dikjarazzjoni f’dan is-sens filwaqt li jispeċifika raġuni waħda jew iktar previsti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu f’din id-data li jaqgħu f’dawn il-kategoriji segwenti:

a)

Jekk individwu, f’ċirkustanzi li juru nuqqas ta’ lealtà minn naħa tiegħu lejn l-Istat kontraenti,

[…]

ii)

Wera mġieba tali li tippreġudika b’mod serju l-interessi essenzjali tal-Istat;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.   Il-konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta’ ċittadinanza multipla

5.

Il-konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta’ ċittadinanza multipla u dwar l-obbligi militari fil-każijiet ta’ ċittadinanza multipla, iffirmata fi Strasbourg fis-6 ta’ Mejju 1963 u li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 1968, ilha applikabbli għar-Repubblika tal-Awstrija mill-1 ta’ Settembru 1975.

6.

L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta’ ċittadinanza multipla”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “[i]ċ-ċittadini maġġorenni tal-Partijiet kontraenti li wara manifestazzjoni espressa ta’ volontà, permezz ta’ naturalizzazzjoni, għażla jew reintergazzjoni, jiksbu n-nazzjonalità ta’ Parti oħra, jitilfu n-nazzjonalità preċedenti tagħhom; dawn ma jistgħux jiġu awtorizzati li jżommuha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.   Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità

7.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis-6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar in-Nazzjonalità”), hija applikabbli għar-Repubblika tal-Awstrija mill-1 ta’ Marzu 2000.

8.

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, intitolat “Prinċipji” jipprevedi li r-regoli dwar in-nazzjonalità ta’ kull Stat Parti għandhom ikunu bbażati fuq, b’mod partikolari, il-prinċipji li jgħidu li kull individwu għandu dritt għal nazzjonalità u l-apolidija għandha tkun evitata.

9.

L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Il-kisba tan-nazzjonalità” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[k]ull Stat Parti għandu jipprevedi fid-dritt intern tiegħu, għall-persuni li jirrisjedu legalment u abitwalment fit-territorju tiegħu, il-possibbiltà ta’ naturalizzazzjoni. Ma għandux jipprovdi, fost il-kundizzjonijiet ta’ naturalizzazzjoni, perijodu ta’ residenza li jaqbeż l-għaxar snin qabel il-preżentata tal-applikazzjoni”.

10.

L-Artikolu 7 tal-konvenzjoni msemmija, intitolat “Telf tan-nazzjonalità bħala dritt jew fuq inizjattiva tal-Istat Parti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Stat Parti ma jistax jipprevedi fid-dritt intern tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu bħala dritt jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil-każijiet segwenti:

a.

il-kisba volontarja ta’ nazzjonalità oħra;

b.

il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Parti bħala riżultat ta’ mġieba frawdolenti, informazzjoni falza jew il-ħabi ta’ fatt rilevanti minn-naħa tar-rikorrent;

[…]

d.

imġieba li tippreġudika serjament l-interessi essenzjali tal-Istat Parti;

[…]

3   Stat Parti ma jistax jipprovdi fid-dritt intern tiegħu għat-telf tan-nazzjonalità tiegħu skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jekk il-persuna kkonċernata b’hekk issir persuna mingħajr stat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punt b tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.”

11.

L-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Telf tan-nazzjonalità fuq l-inizjattiva tal-individwu”, jipprovdi, b’mod partikolari, li “[k]ull Stat Parti għandu jippermetti r-rinunzja tan-nazzjonalità tiegħu, bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati ma jsirux persuni apolidi”.

12.

Skont l-Artikolu 10 tal-konvenzjoni dwar in-nazzjonalità, intitolat “Ipproċessar tal-applikazzjonijiet”, “[k]ull Stat Parti għandu jagħmel mod li jipproċessa fi żmien raġonevoli l-applikazzjonijiet dwar il-kisba, iż-żamma, it-telf tan-nazzjonalità tiegħu, l-integrazzjoni mill-ġdid fin-nazzjonalità tiegħu jew il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ nazzjonalità”.

13.

L-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni intitolat “Każijiet oħra possibbli ta’ nazzjonalità multipla”, jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ma jillimitawx id-dritt ta’ kull Stat Parti li jiddetermina fid-dritt intern tiegħu jekk:

a.

iċ-ċittadini tiegħu li jiksbu jew jippossjedu n-nazzjonalità ta’ Stat ieħor iżommu jew jitilfu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Parti,

b.

il-kisba jew iż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu hija suġġetta għar-rinunzja jew għat-telf ta’ nazzjonalità oħra.”

14.

L-Artikolu 16 tal-konvenzjoni msemmija, intitolat “Żamma tan-nazzjonalità preċedenti” jistipula li “Stat Parti ma għandux jagħmel ir-rinunzja jew it-telf ta’ nazzjonalità oħra kundizzjoni għall-kisba jew għaż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu meta din ir-rinunzja jew dan it-telf ma jkunx possibbli jew ma jistax jiġi rikjest b’mod raġonevoli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

15.

L-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 20(2)(a) TFUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri”.

C. Id-dritt Awstrijak

16.

L-Artikolu 10 tal-iStaatsbürgerschaftsgesetz 1985, (il-Liġi Awstrijaka dwar in-nazzjonalità tal-1985), tat-30 ta’ Lulju 1985 ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“StbG”), intitolat “Għoti”), jipprovdi:

“(1)   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din il-liġi federali, in-nazzjonalità ma tistax tingħata lil barrani ħlief

[…]

6.

jekk dan jippreżenta l-garanzija, fir-rigward tal-imġieba tiegħu preċedenti, li huwa għandu attitudni pożittiva fir-rigward tar-Repubblika u li huma ma jikkostitwixxix riskju għall-paċi, għall-ordni u għas-sigurtà pubblika, u lanqas ma jhedded l-interessi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950];

[…]

(2)   Iċ-ċittadinanza ma tistax tingħata lil barrani

[…]

2.

jekk huwa għandu iktar minn kundanna eżekuttiva waħda għal reat amministrattiv serju bi grad ta’ gravità partikolari […]

[…]

(3)   In-nazzjonalità ma tistax tingħata lil barrani li għandu nazzjonalità barranija meta dan

1.

jonqos milli jipproċedi bl-atti neċessarji għax-xoljiment tar-relazzjoni tiegħu preċedenti ma’ Stat, meta dawn l-atti jkunu possibbli għalih u jistgħu jiġu raġonevolment rikjesti minnu […]

[…]”

17.

L-Artikolu 20 tal-StbG jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“(1)   Barrani għandu jkun assigurat li n-nazzjonalità ser tingħatalu qabel kollox fil-każ li dan jistabbilixxi, fi żmien sentejn, li r-relazzjoni tiegħu mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu ġiet xolta, meta

1.

ma jkunx persuna mingħajr stat;

2.

ma jkunu japplikaw la l-Artikolu 10(6), la l-Artikolu 16(2), u lanqas l-Artikolu 17(4), u

3.

din l-assigurazzjoni tagħmilha possibbli għalih jew tista’ tiffaċilitalu x-xoljiment tar-relazzjoni mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu.

(2)   L-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità għandha tiġi revokata meta l-barrani, bl-eċċezzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 10(1), ma jkunx jissodisfa iktar kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għal dan l-għoti.

(3)   In-nazzjonalità li ġiet assigurata li tingħata għandha tingħata malli

1.

r-relazzjoni tal-barrani mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu tkun ġiet xolta jew

2.

l-barrani jistabbilixxi li l-azzjonijiet rikjesti sabiex tiġi xolta r-relazzjoni preċedenti tiegħu ma’ Stat ma kinux possibbli jew ma setgħux jiġu raġonevolment rikjesti minnu”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

18.

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2008, JY, dak iż-żmien ċittadina Estonjana, talbet l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka.

19.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2014, in-Niederösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Awstrija ta’ Isfel, l-Awstrija), li kien għalhekk kompetenti fir-rigward tal-post ta’ residenza ta’ JY, taha l-assigurazzjoni, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 11a(4), moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 39 tas-StbG, li n-nazzjonalità Awstrijaka kienet ser tingħatalha jekk JY tipprova, fi żmien sentejn, ix-xoljiment tar-relazzjoni tagħha mar-Repubblika tal-Estonja.

20.

JY stabbilixxiet ir-residenza prinċipali tagħha fi Vjenna (l-Awstrija) u fiż-żmien previst ta’ sentejn ippreżentat il-konferma tar-Repubblika tal-Estonja li tgħid li, permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern ta’ dak l-Istat Membru tas-27 ta’ Awwissu 2015, ir-relazzjoni ta’ nazzjonalità miegħu kienet ġiet xolta. Wara x-xoljiment ta’ din ir-relazzjoni, JY saret persuna mingħajr stat.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2017, il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija), li saret kompetenti sabiex teżamina t-talba ta’ JY, irrevokat id-deċiżjoni tan-Niederösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Awstrija ta’ Isfel), konformement mal-Artikolu 20(2) tas-StbG, u ċaħdet, skont il-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, it-talba ta’ JY sabiex tingħata n-nazzjonalità Awstrijaka (iktar ’il-quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

22.

Il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna), iġġustifika din id-deċiżjoni billi indika li JY, min-naħa, kienet wettqet, wara li kienet ingħatat l-assigurazzjoni li kienet ser tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka, żewġ reati amministrattivi serji, li rriżultaw min-nuqqas ta’ twaħħil tal-istiker tal-kontroll tekniku fuq il-vettura tagħha kif ukoll is-sewqan ta’ vettura bil-mutur waqt li kienet taħt l-influwenza tal-alkoħol, u, min-naħa l-oħra, li kienet responsabbli għal tmien reati amministrattivi, imwettqa matul il-perijodu bejn l-2007 u l-2013, qabel ma kienet ingħatat din l-assigurazzjoni. Konsegwentement, din l-awtorità amministrattiva qieset li JY ma baqatx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG. JY ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni.

23.

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors, billi qieset, essenzjalment, li kien hemm lok li l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka tiġi rrevokata, konformement mal-Artikolu 20(2) tas-StbG, wara li deheret raġuni għal rifjut sussegwentement għall-produzzjoni tal-prova tax-xoljiment tar-relazzjoni Statali preċedenti u li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni għall-għoti prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi ma kinitx sodisfatta. Fil-fatt, iż-żewġ reati amministrattivi serji inkwistjoni huma tali li jqiegħdu fil-perikolu, l-ewwel nett, il-protezzjoni tas-sigurtà tat-traffiku pubbliku u, it-tieni nett, is-sigurtà ta’ utenti tat-toroq oħra. Skont din il-qorti, dawn iż-żewġ reati amministrattivi serji, ikkunsidrati flimkien mat-tmien reati amministrattivi mwettqa matul il-perijodu bejn l-2007 u l-2013, kienu jwasslu għal dubju dwar l-imġieba korretta ta’ JY fil-futur, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, peress li r-residenza twila ta’ JY fl-Awstrija kif ukoll l-integrazzjoni professjonali u personali tagħha ma setgħux ipoġġu indiskussjoni din il-konklużjoni.

24.

Barra minn hekk, il-qorti msemmija qieset li s-sentenza Rottmann ma tapplikax għar-raġuni li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, JY kienet diġà persuna mingħajr stat u għalhekk ma kinitx iktar ċittadina tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ reati serji wasslet biex jitqies li l-miżuri meħuda bid-deċiżjoni kontenzjuża kienu proporzjonati fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija.

25.

JY ippreżentat rikors għal ritrattazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

26.

F’dan il-każ, fid-dawl tar-reati amministrattivi mwettqa minn JY qabel u wara li rċeviet l-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fid-dritt Awstrijakk, ma jistgħu jiġu kkontestati la l-fatt li l-kundizzjonijiet għar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità huma sodisfatti, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tas-StbG, u lanqas iċ-ċaħda tat-talba għall-għoti ta’ din in-nazzjonalità, konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi.

27.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li għalkemm il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) eżaminat il-proporzjonalità ta’ din ir-revoka, fir-rigward tas-sitwazzjoni bħala persuna mingħajr stat ta’ JY, fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija u kkonkludiet li din kienet proporzjonali, fid-dawl tar-reati mwettqa minnha, madankollu, mill-perspettiva tal-Unjoni, din il-qorti ma wettqitx stħarriġ tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tar-revoka tal-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq dik tal-membri tal-familja tagħha, meta qieset li s-sentenzi Rottmann u Tjebbes et ma kinux applikabbli f’dan il-każ.

28.

Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tindika qabel kollox li, fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u legali ta’ JY fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, determinanti sabiex teżamina l-fondatezza tas-sentenza tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), JY ma kinitx ċittadina tal-Unjoni. B’differenza mas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Rottmann u Tjebbes et, it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex, f’dan il-każ, il-korollarju tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għall-kuntrarju, bħala riżultat tar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità, flimkien maċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, JY tilfet id-dritt, miksub b’mod kundizzjonali, li tirkupra ċ-ċittadinanza tal-Unjoni li hija stess kienet diġà abbandunat.

29.

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk tali sitwazzjoni taqax, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni u jekk, sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorità amministrattiva kompetenti kellhiex tosserva dan id-dritt. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qieset, bħall-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), li sitwazzjoni bħal din ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

30.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq jekk l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhomx jistħarrġu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ir-revoka tal-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, li tipprekludi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tiegħu, hijiex kompatibbli, mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din il-qorti tqis li tali stħarriġ tal-proporzjonalità għandu jkun meħtieġ u tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk il-fatt waħdu li JY kienet irrinunzjat għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħha u xoljiet ir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà mal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u ta’ dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità ( 5 ), huwiex deċiżiv.

31.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2020, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2020, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tissottometti d-domandi preliminari li ġejjin għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika li, bħar-rikorrenti fi “proċedura ta’ reviżjoni” fil-kawża prinċipali, irrinunzjat għan-nazzjonalità tagħha ta’ Stat Membru wieħed tal-Unjoni, u bl-istess mod għaċ-ċittadinanza tagħha tal-Unjoni, sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni li din in-nazzjonalità, li hija talbet, ser tingħatalha, u li l-possibbiltà tagħha li tikseb mill-ġdid iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija sussegwentement eskluża permezz tar-revoka ta’ din l-assigurazzjoni, taqa’, fid-dawl tan-natura u tal-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dak li jirrigwarda ir-revoka tal-imsemmija assigurazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, għandhom jivverifikaw, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar ir-revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità tal-Istat Membru, jekk ir-revoka tal-assigurazzjoni li teskludi l-kisba mill-ġdid taċ-ċittadinanza tal-Unjoni hijiex, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata?”

32.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn JY, mill-Gvernijiet tal-Awstrija u ta’ Franza, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet ikkonċernati, kif ukoll il-Gvernijiet tal-Estonja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kienu rappreżentati matul is-seduta li nżammet fl-1 ta’ Marzu 2021.

IV. Analiżi legali

A. Rimarki preliminari

33.

L-Artikolu 20(1) TFUE jipprovdi li “Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”. Għalhekk, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 6 ), li hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 7 ). Dan ifisser li n-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija l-prekundizzjoni għat-tgawdija tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li magħha huma marbuta d-dmirijiet u d-drittijet kollha previsti mit-Trattat FUE ( 8 ). Għalhekk, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha natura mhux biss idderivat iżda wkoll addizzjonali, sa fejn hija tagħti drittijiet supplimentari liċ-ċittadini tal-Unjoni, bħad-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri jew id-dritt tal-vot u ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll għall-elezzjonijiet muniċipali ( 9 ). F’dan is-sens, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri ċittadinanza “lil hinn mill-Istat” ( 10 ).

34.

Il-kawża preżenti, li taqa’ taħt dan il-kuntest legali, tikkonċerna direttament l-istatus fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jsegwu s-sentenzi Rottmann u Tjebbes et, li huma partikolarment rilevanti f’dan il-każ.

35.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nanalizza, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ser nesponi l-ġurisprudenza relatata mat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni qabel ma nanalizza, fid-dawl ta’ dan, il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża (l-ewwel domanda). Fit-tieni lok, wara li nkun għamilt referenza għad-deċiżjoni tal-Gvern Estonjan relatata max-xoljiment tar-relazzjoni Statali ma’ JY, ser neżamina l-proporzjonalità ta’ din l-ewwel deċiżjoni (it-tieni domanda).

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari: is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni?

36.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika li, filwaqt li ma jkollhiex ħlief in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u, għalhekk, għall-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, konformement mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar li jipprovdu l-assigurazzjoni li din in-nazzjonalità ser tingħatalha, iżda madankollu sussegwentement din id-deċiżjoni ġiet irrevokata u t-talba tagħha għall-imsemmija nazzjonalità ġiet miċħuda, u għalhekk ċaħħdet lil din il-persuna milli tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, taqax, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

37.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tindika li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, JY kienet diġà rrinunzjat għan-nazzjonalità Estonjana tagħha u, konsegwentement, għall-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni. Għalhekk, b’differenza mas-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi f’Rottmann u f’Tjebbes et, it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex il-korollarju tad-deċiżjoni kontenzjuża u s-sitwazzjoni ta’ JY ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

38.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet, il-Gvern Awstrijak jaqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju u jsostni li JY irrinunzjat għan-nazzjonalità Estonjana fuq inizjattiva tagħha stess u, għalhekk, għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, JY tenfasizza li qatt ma kellha l-intenzjoni li tirrinunzja l-kwalità tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni bħala status fundamentali. Hija xtaqet biss – b’aspettattiva leġittima – li tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u, finalment, tilfet b’mod involontarju ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. JY issostni li, sa fejn ir-revoka tal-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka tirrigwarda d-drittijiet tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu obbligati li josservaw id-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

39.

Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jqisu li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

40.

Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż iqis li JY, wara li rrinunzjat għan-nazzjonalità Estonjana ta’ oriġini tagħha minħabba l-assigurazzjoni mogħtija minn Stat Membru li n-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar kienet ser tingħatalha, qed tikkonfronta deċiżjoni ta’ revoka ta’ din l-assigurazzjoni li għandha bħala effett li żżommha f’sitwazzjoni ta’ persuna mingħajr stat, ikkaratterizzata mit-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħti mill-Artikolu 20 TFUE u tad-drittijiet marbuta miegħu. F’sitwazzjoni bħal din, l-Istati Membri huma marbuta li josservaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tan-nazzjonalità.

41.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tammetti li s-sitwazzjoni li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi Rottmann u Tjebbes et. Madankollu, hija ssostni li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni li jixtieq jintegra ruħu aħjar fl-Istat Membru ospitanti, billi jitlob in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar, jadotta mġieba konformi mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru u huwa lest li jaċċetta li jsir temporanjament persuna mingħajr stat, ma jistax ikun ta’ preġudizzju għalih fuq il-bażi li r-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità tkun eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-apolodija imposta mis-sistema Awstrijaka ta’ kisba ta’ nazzjonalità.

42.

Il-Gvernijiet tal-Estonja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma wkoll, sostnew matul is-seduta li s-sitwazzjoni ta’ JY taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

43.

Għalhekk ser neżamina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, sitwazzjoni bħal din taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

1.   Fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni

44.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel referenza għas-sentenzi Rottmann u Tjebbes et. Madankollu jidhirli li huwa utli li nibda l-analiżi tiegħi tal-ġurisprudenza rilevanti billi neżamina s-sentenza Micheletti et ( 11 ).

a)   Is-sentenza Micheletti et: il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba u t-telf tan-nazzjonalità għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni

45.

Fis-sentenza Micheletti et ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità taqa’, konformement mad-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, kompetenza li għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, ladarba li Stat Membru, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, ikun attribwixxa n-nazzjonalità tiegħu lil persuna, Stat Membru ieħor ma jistax “jirrestrinġi l-effetti […], billi jimponi kundizzjoni addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ din in-nazzjonalità fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat” ( 13 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46.

Jidhirli importanti li nenfasizza, f’dan l-istadju, li r-riżerva fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, li tgħid li għandu jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, tinkludi kemm il-kundizzjonijiet għall-kisba kif ukoll dawk tat-telf tan-nazzjonalità. Nirritorna iktar ’il quddiem fuq dan il-punt ( 14 ).

b)   Is-sentenzi Rottmann u Tjebbes et: il-konferma u l-kjarifika tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza Micheletti

47.

Il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Micheletti et ( 15 ) ġie kkonfermat fis-sentenza Rottmann ( 16 ). Fil-kuntest tal-eżami ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll il-portata ta’ dan il-prinċipju ( 17 ). Għalhekk, wara li fakkret il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba u t-telf tan-nazzjonalità ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “il-fatt li settur huwa ta’ kompetenza tal-Istati Membri, ma jipprekludix, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, li r-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar” ( 19 ). F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita relatata ma’ sitwazzjonijiet li fihom leġiżlazzjoni adottata f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali hija evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ). Peress li dawn is-sitwazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u huma suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu u, għaldaqstant, id-drittijiet li jagħti ma jistgħux jinkisru permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri Statali ( 22 ).

48.

Fis-sentenza Rottmann ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat li, fid-dawl tan-natura fundamentali tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ rtirar tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tpoġġih, wara li jkun tilef in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor li kellu oriġinarjament, f’sitwazzjoni li tista’ twassal għat-telf tal-imsemmi status u tad-drittijiet marbuta miegħu taqa’, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

49.

Għalhekk din is-sentenza fetħet it-triq għall-possibbiltà, li ċerti aspetti tal-leġiżlazzjonijiet dwar in-nazzjonalità tal-Istati Membri marbuta mat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jkunu suġġetti għal eżami bir-reqqa fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 24 ). Opportunità bħal din ippreżentat ruħha disa’ snin iktar tard, bil-kawża li tat lok għas-sentenza Tjebbes et ( 25 ).

50.

F’dik is-sentenza, kienet kundizzjoni ġenerali tat-telf awtomatiku tad-dritt tan-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi u, għaldaqstant, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-partijiet ikkonċernati li kienet is-suġġett ta’ eżami fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ( 27 ) il-prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza preċedenti ( 28 ). Billi għamlet referenza għall-punti 42 u 45 tas-sentenza Rottmann, hija kkonfermat li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba t-telf ta’ din in-nazzjonalità, huma kkonfrontati bit-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE, kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu taqa’, minħabba n-natura tagħha u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom għalhekk, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tan- nazzjonalità, josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

51.

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest ta’ ġurisprudenza ( 30 ), il-mistoqsija li tqum f’dan il-każ hija s-segwenti: is-sitwazzjoni ta’ JY taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

52.

Jiena konvint, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, li din il-mistoqsija għandha titwieġeb fl-affermattiv.

2.   Fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni

a)   L-applikazzjoni tal-prinċipji li rriżultaw mis-sentenzi Rottmann u Tjebbes et għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

53.

Huwa ċertament minnu, f’dan il-każ, li fid-data rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża ( 31 ), JY kienet diġà persuna mingħajr stat u, konsegwentement, kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni. Huwa wkoll minnu li t-telf ta’ dan l-istatus ma jirriżultax direttament mid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, JY kisbet ix-xoljiment tar-relazzjoni statali tagħha mar-Repubblika tal-Estonja permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern ta’ dan l-Istat Membru.

54.

Barra minn hekk, huwa ċar li t-telf tal-imsemmi status ma jirriżultax minn kundizzjoni ta’ telf ta’ nazzjonalità ( 32 ) iżda minn kundizzjoni tal-kisba tiegħu prevista mill-leġiżlazzjoni Awstrijaka ( 33 ). Fil-fatt, l-awtoritajiet Awstrijaċi ġġustifikaw il-miżuri adottati bid-deċiżjoni kontenzjuża billi invokaw il-fatt li JY ma ssodisfatx iktar il-kundizzjonijiet għall-kisba tan-nazzjonalità Awstrijaka, previsti fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG ( 34 ).

55.

Kif indikajt diġà ( 35 ), fid-dawl ta’ dawn il-partikolaritajiet, is-sitwazzjoni ta’ JY hija differenti mis-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi Rottmann u Tjebbes et. Madankollu jiena tal-fehma li dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex ta’ natura li jeskludu s-sitwazzjoni ta’ JY mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan għar-raġunijiet segwenti.

56.

Fl-ewwel lok, għalkemm id-deċiżjonijiet tal-Gvern Estonjan u tal-Wiener Landesregierung (Gvern tal-Land ta’ Vjenna) huma ċertament ibbażati fuq is-sistema tal-kisba u tat-telf tan-nazzjonalità ta’ żewġ ordinamenti ġuridiċi differenti ( 36 ), madankollu naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-revoka tal-assigurazzjoni dwar in-naturalizzazzjoni ta’ persuna mingħajr stat fid-data ta’ tali revoka ma għandhiex titqies b’mod iżolat, iżda fid-dawl tal-fatt li din il-persuna kienet ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u kellha għalhekk l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 37 ). Għaldaqstant, f’dan l-istadju, it-telf minn JY tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Estonjani, iżda wkoll tal-proċedura ta’ naturalizzazzjoni Awstrijaka, meqjusa b’mod sħiħ ( 38 ).

57.

Fit-tieni lok, nixtieq nerġa’ lura fuq il-punt imqajjem preċedentement, jiġifieri li r-riżerva fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Micheletti et ( 39 ) tinkludi wkoll kemm il-kundizzjonijiet għall-kisba tan-nazzjonalità kif ukoll dawk tat-telf ta’ tagħha. Il-prinċipju stabbilit f’din is-sentenza ġie kkonfermat fis-sentenzi Rottmann ( 40 ) u Tjebbes et ( 41 ). Għaldaqstant, dan il-prinċipju japplika fil-każijiet bħal dak f’din il-kawża, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-kisba tan-nazzjonalità, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet għandhom bħala konsegwenza t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-parti kkonċernata. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-kompetenza fil-qasam tat-telf u tal-kisba tan-nazzjonalità jista’, peress li jaffettwa d-drittijiet kollha mogħtija u protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ikun suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt tal-Unjoni.

58.

F’dan il-każ, mill-kuntest ġuridiku ppreżentat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li skont l-Artikolu 20(1) tas-StbG, l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka hija suġġetta għall-kundizzjoni sine qua non li l-persuna kkonċernata għandha, f’perijodu ta’ sentejn, ixxolji r-relazzjoni tagħha mal-Istat Membru ta’ oriġini. Fi kliem ieħor, din il-persuna għandha taċċetta mhux biss li ssir persuna mingħajr stat, iżda wkoll li titlef iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ( 42 ).

59.

F’dan ir-rigward, jidhirli importanti li neżamina, minn naħa, in-natura volontarja jew le tar-rinunzja tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-aspettattivi leġittimi maħluqa minn tali assigurazzjoni.

60.

Fir-rigward, qabel kollox, tan-natura tal-kundizzjoni ta’ rinunzja, skont il-Gvern Awstrijak, JY irrinunzjat volontarjament għan-nazzjonalità Estonjana u, għalhekk, għall-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni. Iżda tali rinunzja tista’ tiġi kkwalifikata bħala “volontarja”?

61.

Kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni l-Gvern Awstrijak, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li, bħal JY, irrinunzja għan-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu bil-għan waħdieni li jissodisfa l-kundizzjoni intiża sabiex jikseb l-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka imposta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali u, għaldaqstant, bil-perspettiva waħdanija li jirkupra ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “rinunzja volontarja”. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali rinunzja seħħet meta l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu taw l-assigurazzjoni lil JY li, minbarra x-xoljiment tar-relazzjoni Statali preċedenti, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha relatati mal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka kienu ssodisfatti. Għalhekk, huwa evidenti li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tagħha, JY riedet tippreżerva l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni.

62.

Fil-fatt, minħabba li, fil-kuntest tal-assigurazzjoni tan-naturalizzazzjoni, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka teħtieġ bħala kundizzjoni sine qua non ir-rinunzja tan-nazzjonalità tal-Istat ta’ oriġini, filwaqt li żżomm madankollu d-dritt tar-revoka ta’ din l-assigurazzjoni, l-eżerċizzju ta’ tali revoka sistematikament jikkonfronta liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat bit-telf tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni u għalhekk, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

63.

Sussegwentement, fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi, huwa ċar li, sa fejn l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka hija kundizzjonali fuq ir-rinunzja u fuq it-telf tan-nazzjonalità ta’ oriġini, din l-assigurazzjoni toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-persuna kkonċernata ( 43 ). B’mod partikolari, jidhirli evidenti li, f’dan il-każ, l-aspettattiva leġittima ta’ JY li tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni taqa’ taħt il-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 44 ). Għalhekk, billi adottaw deċiżjoni ta’ assigurazzjoni dwar in-naturalizzazzjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi huma obbligati li ċittadina bħal JY ma tiġix imċaħħda mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni – inkluż fil-każ ta’ ksur imwettqa qabel jew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni – billi jiffaċilitawlha l-kisba tan-nazzjonalità mitluba. Kif jirriżulta mill-proposta tiegħi għat-tieni domanda preliminari, jiena nqis li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-awtoritajiet Awstrijaċi huma wkoll obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni, billi japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 45 ).

64.

L-apolidija imposta mis-sistema Awstrijaka tal-kisba tan-nazzjonalità tikkonfronta liċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jikseb in-nazzjonalità Awstrijaka, bħal JY, għat-telf temporanju tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mogħti mill-Artikolu 20 TFUE. Madankollu, din tista’ tikkonfronta lil dan tal-aħħar ukoll, sussegwentement, bit-telf permanenti ta’ dan l-istatus, peress li, bħal f’dan il-każ, l-assigurazzjoni dwar in-naturalizzazzjoni tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet Awstrijaċi minħabba t-twettiq ta’ reat, u b’hekk iċċaħdu mid-drittijiet kollha marbuta miegħu.

65.

Minn dan isegwi, kif sostniet il-Kummissjoni, li r-revoka tal-assigurazzjoni dwar in-naturalizzazzjoni, wara x-xoljiment tar-relazzjoni Statali mal-Istat Membru tal-oriġini, flimkien maċ-ċaħda tat-talba għal naturalizzazzjoni, hija paragunabbli, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha, ma’ deċiżjoni ta’ rtirar tan-naturalizzazzjoni. F’dan il-każ, din ir-revoka għandha bħala konsegwenza t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

66.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni ta’ persuna li, wara li rrinunzjat għan-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha sabiex tissodisfa kundizzjoni għall-għoti tan-nazzjonalità imposta mill-liġi tal-Istat Membru ospitanti, hija kkonfrontata b’deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità adottata mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, li tpoġġiha b’hekk f’sitwazzjoni ta’ telf permanenti tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

67.

Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni hija sostnuta, mhux biss mis-sentenza Tjebbes et ( 46 ), iżda wkoll mill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi Ruiz Zambrano ( 47 ) u Lounes ( 48 ).

b)   Il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Ruiz Zambrano: iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni

68.

L-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE għas-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li ma għamlux użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom li, minħabba deċiżjoni ta’ dan l-Istat Membru, jiġu mċaħħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza Ruiz Zambrano ( 49 ).

69.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, ma narax kif jista’ jitqies li sitwazzjoni bħal dik ta’ JY, li fiha d-deċiżjoni kontenzjuża kkonfrontat lil ċittadina ta’ Stat Membru bit-telf permanenti tal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni u, għaldaqstant, mhux għat-telf tat-tgawdija tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE iżda għat-telf tat-totalità ta’ dawn id-drittijiet, ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, kuntrarjament għal ulied G. Ruiz Zambrano, JY eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha billi rresjediet legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

70.

Fid-dawl ta’ din l-aħħar ċirkustanza, ser nanalizza fil-qosor is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-loġika tal-integrazzjoni progressiva stabbilita fis-sentenza Lounes ( 50 ).

c)   Is-sentenza Lounes: il-loġika tal-integrazzjoni progressiva

71.

Qabel kollox nirrileva li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, JY ikkonfermat li hija ilha tirrisjedi fl-Awstrija mill-1993 ( 51 ). Konsegwentement, huwa stabbilit li, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni fl-2004, hija, bħala ċittadina Estonjana, kienet tirrisjedi u taħdem fl-Awstrija fil-kwalità tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni.

72.

Għalhekk, minbarra l-fatt li huwa stabbilit li JY hija benefiċjarja tad-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni mill-Artikolu 20 TFUE, JY hija wkoll benefiċjarja tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE, li jgħid li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom.

73.

F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “id-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE, inklużi d-drittijiet idderivati li jgawdu minnhom il-membri tal-familja tiegħu, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti” ( 52 ). Issa, ċittadina tal-Unjoni bħal JY li, wara li marret, fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tagħha, u rresjediet għal diversi snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, f’dan il-każ, l-Awstrija, skont u bl-osservanza tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 53 ), tixtieq tikseb in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru għandha t-tendenza li tintegra ruħha b’mod permanenti fis-soċjetà ta’ dan tal-aħħar.

74.

Għalhekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk jitqies li tali ċittadin, li jkun ingħata drittijiet bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment liberu tiegħu, ikollu jirrinunzja għall-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet […], għaliex ikun ipprova, permezz tan-naturalizzazzjoni f’dan l-Istat Membru, jintegra ruħu iktar fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, dan ikun imur kontra l-loġika ta’ integrazzjoni progressiva ffavorizzata minn din id-dispożizzjoni” ( 54 ).

75.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma, kif indikajt diġà, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

3.   Fuq id-deċiżjoni tar-Repubblika tal-Estonja li biha ġiet xolta r-relazzjoni statali ma’ JY

76.

Għalkemm mill-analiżi tiegħi relatata mal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li t-telf tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni ta’ JY jirriżulta mill-proċedura ta’ naturalizzazzjoni Awstrijaka, ikkunsidrata b’mod sħiħ ( 55 ), madankollu jidhirli rilevanti, f’dan l-istadju, li nispjega fil-qosor ir-raġunijiet għalfejn inqis, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż li, fil-kuntest tar-rinviju preliminari fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni li għandha tiġi eżaminata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Estonjani iżda d-deċiżjoni kontenzjuża.

77.

Il-Gvern Franċiż isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li t-telf tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni ta’ JY jirriżulta biss mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Estonjani li, mingħajr ma stennew li JY kienet effettivament kisbet in-nazzjonalità Awstrijaka, aċċettaw it-talba tagħha tar-rinunzja tan-nazzjonalità Estonjana. Fil-fehma tiegħu, l-aċċettazzjoni ta’ talba ta’ rinunzja tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru minn ċittadin tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għall-kisba effettiva tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz sabiex jiġi evitat li dan tal-aħħar jitpoġġa, anki jekk temporanjament, f’sitwazzjoni ta’ apolidija ( 56 ).

78.

Il-Gvern Estonjan, sostnut fuq dan il-punt mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, enfasizza matul is-seduta li r-Repubblika tal-Estonja ma kinitx f’pożizzjoni li tirrifjuta x-xoljiment tar-relazzjoni statali ma’ JY. Fil-fatt, ladarba ċittadin Estonjan jitlob li jirrinunzja n-nazzjonalità tiegħu u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-leġiżlazzjoni Estonjana, billi jippreżenta l-provi meħtieġa, b’mod partikolari l-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità maħruġa mill-Istat Membru kkonċernat li tiċċertifika li dan iċ-ċittadin ser jikseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, huwa impossibbli għalih li jirrifjuta talba bħal din.

79.

Jiena sensittiv għal dan l-argument.

80.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza Rottmann ( 57 ), li “li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza preżenti f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni japplikaw kemm għall-Istat Membru ta’ naturalizzazzjoni kif u kemm għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza oriġinali”, filwaqt li speċifikat li dan kien jirrigwarda “il-kuntest tar-rinviju preliminari preżenti”.

81.

Ċertament, miżura bħal dik prevista mill-Kodiċi Ċivili Franċiż tippermetti li jiġi żgurat li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jinżamm u għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-mezzi li bihom l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jiżguraw li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata ma titlifx dan l-istatus.

82.

Madankollu, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, il-Gvern Estonjan ma jistax jiġi kkritikat talli aċċetta t-talba ta’ rinunzja ta’ JY għan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru sa fejn din ir-rinunzja hija kundizzjoni sine qua non, imposta mill-proċedura tal-kisba tan-nazzjonalità Awstrijaka fil-kuntest tal-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Kif indikajt diġà ( 58 ), din l-assigurazzjoni ma ħolqitx biss aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ JY, iżda wkoll aspettattivi fir-rigward tal-awtoritajiet Estonjani li jistħoqqilhom protezzjoni permezz tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. F’dan ir-rigward, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Estonjan matul is-seduta, l-Artikolu 26 tal-liġi Estonjana dwar in-nazzjonalità tipprevedi li dan il-Gvern għandu l-fakultà li ma jirtirax in-nazzjonalità ta’ parti kkonċernata jekk dan l-irtirar ikollu bħala konsegwenza sitwazzjoni ta’ apolidija ( 59 ). Peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi pprovdew assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni, il-Gvern Estonjan jindika li kien impossibbli għalih li jipprevedi li dawn kienu ser jirrevokawha ( 60 ). Għalhekk, ir-Repubblika tal-Estonja bbażat ruħha fuq l-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità, billi qieset li seta’ kellha aspettattiva leġittima fil-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ser jissodisfaw l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru jenfasizza li, kieku ma awtorizzax ix-xoljiment tar-relazzjoni ta’ nazzjonalità, JY ma kinitx tkun f’pożizzjoni li titlob l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka.

83.

Għalhekk, jiena tal-fehma li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, id-dritt Estonjan, kif applikat f’dan il-każ, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

84.

Barra minn hekk, huwa inkontestabbli li hija d-deċiżjoni kontenzjuża li hija fl-oriġini tat-telf permanenti tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni ta’ JY u għalhekk huma l-awtoritajiet Awstrijaċi li huma obbligati li jiżguraw li ċittadina bħal JY ma tkunx imċaħħda mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni, mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE, u jċaħħadha mid-drittijiet kollha marbuta miegħu, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

85.

Għalhekk ser nanalizza t-tieni domanda preliminari billi nqis li hija d-deċiżjoni kontenzjuża li għandha tosserva d-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

C. Fuq it-tieni domanda preliminari: il-konformità tad-deċiżjoni kontenzjuża mal-prinċipju ta’ proporzjonalità

86.

Huwa evidenti li, sa fejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità jinsab fil-qalba tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, kif qed nissuġġerixxi, ir-risposta għat-tieni domanda jkollha għalhekk tkun fl-affermattiv ukoll. Fid-dawl ta’ din l-evidenza, inqis li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss jekk hija għandhiex tivverifika jekk id-deċiżjoni kontenzjuża hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda wkoll jekk hija għandhiex tivverifika n-natura proporzjonata jew le ta’ din id-deċiżjoni.

87.

Għalhekk, it-tieni domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li tfittex, essenzjalment, li jiġi aċċertat jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi, skont il-każ, il-qrati nazzjonali, humiex obbligati li jivverifikaw il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni relatata mar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru – u maċ-ċaħda tat-talba għall-kisba ta’ din in-nazzjonalità – mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri t-telf permanenti tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u, għaldaqstant, il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju msemmi.

88.

Sabiex inwieġeb għal din il-mistoqsija, ser neżamina, fl-ewwel lok, in-natura tal-interess ġenerali tal-għan imfittex mill-Artikolu 20(1) u (2) u mill-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG, li fuqhom kienu bbażati l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità kif ukoll id-deċiżjoni ta’ revoka ta’ din l-assigurazzjoni, qabel ma neżamina, fit-tieni lok, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha fuq is-sitwazzjoni ta’ JY kif ukoll fuq in-natura sproporzjonata ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża.

1.   Fuq il-motiv ta’ interess ġenerali mfittex mill-leġiżlazzjoni li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża

89.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Awstrijak dwar in-nazzjonalità huwa intiż sabiex jevita nazzjonalitajiet multipli, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 1 tal-Artikolu 10(3) tas-StbG. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi tistabbilixxi dritt għall-għoti tan-nazzjonalità bil-kundizzjoni biss tal-prova tax-xoljiment tar-relazzjoni Statali barranija. Din tispeċifika li l-Artikolu 20(2) tal-liġi msemmija madankollu jipprevedi r-revoka ta’ din l-assigurazzjoni meta l-persuna kkonċernata ma tissodisfax iktar waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għoti, bħal dik prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tal-istess liġi.

90.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Awstrijak jispjega li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa biss jekk l-applikant għan-nazzjonalità jipprova, fil-perijodu previst għal dan il-għan, ix-xoljiment tar-rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u jkompli jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti l-oħra li tingħatalu n-nazzjonalità Awstrijaka.

91.

Għandi nfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun jixtieq jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta tan-nazzjonalità ( 61 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(1) u (2) u l-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG li stabbilixxew l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità kif ukoll id-deċiżjoni ta’ revoka ta’ din l-assigurazzjoni, jifformaw parti mill-eżerċizzju tal-kompetenza tar-Repubblika tal-Awstrija relatata mad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kisba jew tat-telf tan-nazzjonalità Awstrijaka.

92.

Huwa leġittimu għal Stat Membru li jiżgura dritt għall-għoti ta’ nazzjonalità li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 20(1) tas-StbG, huwa kundizzjonali għall-prova waħdanija tax-xoljiment tar-relazzjoni Statali ma’ Stat Membru ieħor jew ma’ Stat terz ( 62 ). Dan huwa kkorroborat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tan-nazzjonalitajiet multipli ( 63 ) u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-apolidija ( 64 ).

93.

Fir-rigward tar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità, ibbażata fuq l-Artikolu 20(2) u fuq il-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG, jiena tal-fehma li, fil-prinċipju, din tfittex għan leġittimu.

94.

Madankollu, nixtieq nenfasizza li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza fil-qasam tal-kisba u tat-telf tan-nazzjonalità, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari. Barra minn hekk, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata mhux biss fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll tad-dritt internazzjonali.

95.

F’dan ir-rigward, dwar l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-apolidija ( 65 ), nosserva li mill-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ esperti dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-apolidija, ippubblikati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem l-“UNHCR”), relatati mal-Artikolu 7(2) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li “huwa aċċettabbli biss li jiġi permess it-telf tan-nazzjonalità jekk l-assigurazzjoni hija inkundizzjonata” ( 66 ). Fil-fatt, konformement ma’ dawn il-konklużjonijiet “jeżisti obbligu impliċitu skont il-Konvenzjoni tal-1961 li jgħid li, ladarba jinħarġu, l-assigurazzjonijiet ma jistgħux jiġu rtirati għar-raġuni li l-kundizzjonijiet tan-naturalizzazzjoni ma humiex sodisfatti, liema ħaġa twassal biex il-persuna ssir mingħajr stat” ( 67 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni jipprojbixxi lill-Istati kontraenti milli jċaħħdu lil individwu min-nazzjonalità tiegħu “jekk din iċ-ċaħda tagħmlu persuna mingħajr stat”. Konsegwentement, għandi dubji fir-rigward tal-leġittimità, fir-rigward tad-dritt internazzjonali, ta’ leġiżlazzjoni, bħall-Artikolu 20(2) tas-StbG, li jippermetti r-revoka ta’ din l-assigurazzjoni meta l-persuna kkonċernata ma tibqax tissodisfa anki waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti tan-nazzjonalità, kif prevista mill-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tal-liġi msemmija, li għalhekk tikkonfrontah b’sitwazzjoni ta’ apolidija ( 68 ).

96.

Fid-dawl ta’ dan, nosserva wkoll li l-konklużjonijiet u l-prinċipji gwida dwar il-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-apolidija, ippubblikati mill-UNHCR, jaqgħu taħt id-dritt mhux vinkolanti (“soft law”), b’mod li għandhom ċerta awtorità, iżda ma humiex vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, huwa ċert li dawn il-konklużjonijiet jinkludu indikazzjonijiet utli għall-Istati Membri. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn l-elementi f’dan il-każ.

97.

Issa ser ngħaddi għall-eżami tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2.   Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni ta’ JY

98.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma sarx stħarriġ tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

99.

F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk, meta tagħmel it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu permanenti, id-deċiżjoni relattiva għar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità u għar-rifjut tat-talba għall-kisba ta’ din in-nazzjonalità tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li għandha fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, skont il-każ, tal-membri tal-familja tagħha, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 69 ). Għalhekk, sabiex tali deċiżjoni tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-regoli nazzjonali rilevanti għandhom jippermettu eżami individwali tal-konsegwenzi li għandha r-revoka tal-assigurazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 70 ).

100.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt waħdu li JY irrinunzjat għall-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni u xoljiet b’inizjattiva tagħha stess ir-relazzjoni Statali mar-Repubblika tal-Estonja, jistax ikun deċiżiv fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità.

101.

Kif spjegajt ( 71 ), kemm is-sitwazzjoni ta’ apolidija kif ukoll it-telf tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni ta’ JY jirriżultaw mill-proċedura ta’ naturalizzazzjoni Awstrijaka, fl-intier tagħha. Għalhekk, inqis li s-sitwazzjoni ta’ ċittadina ta’ Stat Membru, bħal JY, li rrinunzjat għan-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha bil-għan waħdieni li tissodisfa l-kundizzjoni tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka imposta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 72 ) u, għaldaqstant, bil-perspettiva waħdanija li tirkupra ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ma għandha l-ebda rilevanza fid-determinazzjoni ta’ jekk ir-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, tali rinunzja ma tistax titqies bħala kriterju rilevanti fil-kuntest tal-verifika taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata.

a)   Fuq iċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata

102.

Infakkar li mill-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Rottmann ( 73 ) jirriżulta li ċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata u, skont il-każ, tal-membri tal-familja tiegħu, li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-verifiki li għandhom iwettqu l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali, huma, b’mod partikolari, il-gravità tar-reat imwettaq mill-persuna kkonċernata, iż-żmien li għadda bejn id-data tad-deċiżjoni tal-assigurazzjoni u dik tar-revoka tagħha u l-possibbiltà għal din il-persuna li tirkupra n-nazzjonalità tagħha ( 74 ).

1) In-natura tar-reati

103.

Għandi dubji dwar jekk id-deċiżjoni kontenzjuża hijiex iġġustifikata fir-rigward tar-reati mwettqa minn JY.

104.

JY ġiet akkużata, minn naħa, li wara li ġiet assigurata li ser tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka, wettqet żewġ reati amministrattivi serji, relatati, l-ewwel wieħed, man-nuqqas ta’ twaħħil mal-vettura tagħha tal-istiker tal-kontroll tekniku tal-vettura u, it-tieni wieħed, mas-sewqan ta’ vettura bil-mutur waqt li kienet taħt l-influwenza tal-alkoħol, u, min-naħa l-oħra, li kienet responsabbli għal tmien reati amministrattivi mwettqa bejn l-2007 u l-2013, qabel ma ngħatatilha din l-assigurazzjoni.

105.

Fir-rigward tat-tmien reati amministrattivi, naqbel mal-fehma ta’ JY u tal-Kummissjoni li tgħid li dawn ir-reati kienu magħrufa fid-data li fiha ngħatat din l-assigurazzjoni u ma kinux ta’ ostakolu għall-għoti ta’ din l-assigurazzjoni. Għalhekk, dawn ir-reati ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tar-reati mwettqa minn JY.

106.

Fir-rigward taż-żewġ reati amministrattivi serji, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, l-ewwel reat iqiegħed f’perikolu l-protezzjoni tas-sigurtà tat-traffiku pubbliku u, it-tieni wieħed, iqiegħed fil-perikolu b’mod partikolari s-sigurtà tal-utenti tat-toroq. Din tal-aħħar tista’, waħedha, tkun deċiżiva fir-rigward tal-fatt li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità, previsti fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG, ma humiex sodisfatti.

107.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Awstrijak isostni li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 20(2) u tal-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG jiżguraw li l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka ma tistax tiġi rrevokata ħlief għal raġuni serja ta’ interess ġenerali, marbuta mal-fatt li l-persuna kkonċernata ma tippreżentax (jew ma tippreżentax iktar) il-garanzija, fir-rigward tal-imġieba preċedenti tagħha, li ma tikkostitwixxix riskju għall-paċi, għall-ordni u għas-sigurtà pubblika, u lanqas theddida għal interessi pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

108.

Ovvjament naqbel man-natura punibbli ta’ tali mġieba. Iżda huwa possibbli li deċiżjoni relatata mar-revoka tal-assigurazzjoni dwar in-nazzjonalità, li jagħmel it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-persuna kkonċernata permanenti, tiġi bbażata fuq reati amministrattivi marbuta mas-sigurtà tat-toroq?

109.

Ma naħsibx.

110.

Fl-ewwel lok, fl-osservazzjonijiet tagħha JY tindika li la l-ewwel ( 75 ) u l-anqas it-tieni reat serju ( 76 ) ma kienu ta’ natura li jwasslu għall-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan tagħha. F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li mit-tweġiba tal-Gvern Awstrijak għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta jirriżulta li d-dritt Awstrijak ma jipprevedix is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan fil-każ ta’ sewqan b’livell ta’ alkoħol fid-demm bħal dak ta’ JY.

111.

Fit-tieni lok, kif spjegajt fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sitwazzjoni li fiha, bħal f’dan il-każ, ċittadin ta’ Stat Membru jkun ikkonfrontat bit-telf permanenti tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni u, għalhekk, bit-telf tad-drittijiet kollha mogħtija mill-Artikolu 20 TFUE hija paragunabbli ma dik li fiha persuna kkonċernata tkun ikkonfrontata bit-telf tat-tgawdija tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija minn dan l-artikolu fis-sens li, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kien imċaħħad mill-effett utli tiegħu ( 77 ).

112.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, għandha tiġi applikata ( 78 ) l-ġurisprudenza li tgħid li, fir-rigward tal-possibbiltà tal-introduzzjoni tal-limitazzjonijiet għal dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinvokaw eċċezzjoni marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika ( 79 ). F’dan ir-rigward, kif sostniet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika”, bħala ġustifikazzjoni għal deroga mid-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, għandhom jinftiehmu b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 80 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra ta’ tfixkil għall-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li dan ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għaldaqstant, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, kif ukoll ir-riskju ta’ tfixkil serju fir-relazzjonijiet esterni jew fil-koeżistenza paċifika tal-popli, jew ukoll il-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika ( 81 ).

113.

Għalhekk, inqis li, fid-dawl tar-reati amministrattivi mwettqa minn JY, ir-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

2) Iż-żmien li għadda bejn id-data li fiha ngħatat l-assigurazzjoni u dik tar-revoka tagħha

114.

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u mill-qrati nazzjonali taż-żmien li għadda bejn id-data li fiha ingħatat l-assigurazzjoni u dik tar-revoka tagħha, infakkar li d-deċiżjoni relatata max-xoljiment tar-relazzjoni Statali bejn JY u r-Repubblika tal-Estonja ġiet adottata fis-27 ta’ Awwissu 2015 u dik relatata mar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka ġiet adottata fis-6 ta’ Lulju 2017.

115.

Id-dewmien bejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jidhirli eċċessiv fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi għall-parti kkonċernata li, matul kważi sentejn wara r-rinunzja tan-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha, sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ apolidija u, għalhekk, imċaħħda mid-drittijiet kollha marbuta mal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, inkluż id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera tagħha.

3) Il-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni kollha

116.

Fir-rigward tal-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Unjoni kollha, l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara r-revoka tal-assigurazzjoni dwar in-nazzjonalità, il-persuna kkonċernata, bħal ma huwa l-każ ta’ JY, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni u li t-telf ta’ dan l-istatut għalhekk isir permanenti.

117.

Bħal f’dan il-każ, din il-persuna tkun ikkonfrontata, b’mod partikolari, bit-telf tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera tagħha fit-territorju tal-Istati Membri u, skont il-każ, b’diffikultajiet sabiex tmur fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari l-Estonja, sabiex iżżomm rabtiet effettivi u regolari mal-membri tal-familja tagħha hemmhekk, li teżerċita l-attività professjonali tagħha hemmhekk jew sabiex tieħu l-passi neċessarji sabiex teżerċita tali attività fl-Awstrija jew fi Stati Membri oħra.

4) Il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tirkupra n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha

118.

Fir-rigward tal-possibilità għall-persuna kkonċernata li tirkupra n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha, mit-tweġiba tal-Gvern Estonjan għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta jirriżulta li, fid-dritt Estonjan, dan huwa impossibbli wara x-xoljiment tar-relazzjoni Statali ma’ dik il-persuna, sa fejn waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinkiseb dik in-nazzjonalità hija li wieħed jirrisjedi għal tmien snin f’dan l-Istat Membru. B’hekk, sitwazzjoni bħal din ma tistax tiġi injorata mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

5) L-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali

119.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa l-obbligu, b’mod partikolari, tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, tal-qrati nazzjonali li jiżguraw li tali telf ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru jkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il-quddiem “il-Karta”) li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 82 ).

120.

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet ta’ JY ippreżentati matul is-seduta jirriżulta li l-aġenzija tar-refuġjati u l-persuni apolidi eżaminat is-sitwazzjoni ta’ JY u kkonkludiet, b’deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2020, li kienet tinsab fl-Awstrija b’mod illegali. Konsegwentement, JY kienet tibbenefika biss minn permess ta’ residenza għal skopijiet umanitarji, abbażi tal-Artikolu 55(2) tal-liġi dwar l-ażil, u kienet obbligata li tikseb minn qabel, sabiex taċċedi għas-suq tax-xogħol, awtorizzazzjoni ta’ xogħol mill-aġenzija tal-impjiegi.

121.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, tal-konsegwenzi sproporzjonati li ser tkun esposta għalihom il-persuna kkonċernata u li jaffettwaw l-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali tagħha.

122.

L-elementi deskritti fil-punti preċedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-qrati nazzjonali kompetenti matul l-evalwazzjoni tagħhom tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

b)   Fuq il-koerenza u l-adegwatezza tar-regoli nazzjonali sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà tat-toroq

123.

Fir-rigward, qabel kollox, tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ser nillimita ruħi li nagħmel il-mistoqsija segwenti: huwa koerenti, għall-ordinament ġuridiku nazzjonali, li reati marbuta mas-sigurtà fit-toroq ikunu jistgħu ma jitqisux bħala suffiċjentement serji sabiex iwasslu għall-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan iżda jistgħu jwasslu għar-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata u għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tad-drittijiet kollha marbuta magħha?

124.

Ma nistax nara liema raġunament jista’ jippermetti li jiġi konkluż li ma teżistix problema ta’ koerenza.

125.

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kapaċità ta’ din il-leġiżlazzjoni li tippromwovi l-għanijiet imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tas-StbG, nirrileva nuqqas ċar ta’ adegwatezza bejn il-gravità tar-reati previsti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konsegwenzi li dan jinvolvi fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

126.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonkludi li deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, li tagħmel permanenti t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ persuna kkonċernata, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, minħabba reati amministrattivi marbuta mas-sigurtà fit-toroq, fuq kollox dawk li ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni.

127.

Sabiex intemm l-analiżi tiegħi, jidhirli interessanti li niċċita lill-Avukat Ġenerali Mengozzi li kien qies, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tjebbes et ( 83 ), li “f’każ estrem – u nispera kompletament ipotetiku ‐ fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi r-revoka tan‑naturalizzazzjoni ta’ individwu, li għandu bħala effett it-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni, minħabba kontravenzjoni tal-Kodiċi tat-Traffiku, in‑natura sproporzjonata ta’ din il-miżura tqum fir-rigward tal-assenza ta’ ekwivalenza bejn il-livell baxx ta’ gravità tal-ksur u l-konsegwenza drammatika tat-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”.

V. Konklużjoni

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija):

1)

Is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika li, filwaqt li jkollha biss in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u, għalhekk, għall-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, konformement mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar dwar l-assigurazzjoni li din in-nazzjonalità ser tingħatalha, iżda meta madankollu sussegwentement din id-deċiżjoni ġiet irrevokata u t-talba tagħha għall-għoti tan-nazzjonalità msemmija ġiet miċħuda, u b’hekk tipprevjeni lil din il-persuna milli tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, taqa’, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

2)

L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil dan l-Istat Membru, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, li jirrevoka l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità tiegħu, minkejja li din id-deċiżjoni ta’ revoka tagħmel it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni permanenti għall-persuna kkonċernata u twassal, għal din il-persuna, għall-impossibbiltà li tirkupra dan l-istatus u d-drittijiet marbuta miegħu, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi, skont il-każ, il-qrati nazzjonali, jeżaminaw il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju msemmi.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk tali deċiżjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-gravità tar-reati mwettqa minn din il-persuna, taż-żmien li għadda bejn id-data li fiha ngħatatilha l-assigurazzjoni u dik tar-revoka tagħha, tal-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza tagħha, tal-possibbiltà li tirkupra n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha, u jekk l-imsemmija persuna hijiex ser tkun esposta għal konsegwenzi sproporzjonati li jaffettwaw l-iżvilupp normali tal-ħajja tal-familja u professjonali tagħha, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

Konsegwentement, deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità, bħad-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2017, tal-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija), li tagħmel permanenti t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ persuna kkonċernata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba reati amministrattivi marbuta mas-sigurtà fit-toroq, fuq kollox dawk li ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rottmann, EU:C:2010:104).

( 3 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2019, (C‑221/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tjebbes etEU:C:2019:189).

( 4 ) BGBl. 311/1985, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I, 136/2013.

( 5 ) Ara s-sentenza Tjebbes et, punt 33.

( 6 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 27) u, iktar riċentement, tas-27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 35).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).

( 8 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jipprevedi, b’mod partikolari li “[i]ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati”.

( 9 ) L-inċiż (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE. Ara wkoll l-inċiżi (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE. B’mod partikolari mill-inċiż (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jirriżulta li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex irriżervat għaċ‑ċittadini tal-Istati Membri li huma residenti jew li huma preżenti fit‑territorju tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 38).

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 16).

( 11 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992 (C‑369/90, EU:C:1992:295).

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992 (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10). Bħala tfakkira, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda sitwazzjoni ta’ ċittadin li kellu ċittadinanza doppja Taljana u Arġentina. Billi xtaq jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru ospitanti (Spanja), l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, billi invokaw id-dritt nazzjonali tagħhom, kienu żammew in-nazzjonalità tal-post ta’ residenza abitwali, jiġifieri dik tal-Istat terz.

( 13 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà spjegat din l-idea fis-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Airola vs Il‑Kummissjoni (72/80, EU:C:1981:267, punti 8 et seq), u tas-7 ta’ Frar 1979, Auer (136/78, EU:C:1979:34, punt 28). Fl-ewwel waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, in-naturalizzazzjoni Taljana ta’ uffiċjal ta’ nazzjonalità Belġjana, għar-raġuni li din kienet ġiet imposta fuqu, bl-applikazzjoni tad-dritt Taljan, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzja għaliha minħabba ż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadin ta’ nazzjonalità Taljana, bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn persunal maskili u femminili. Fit-tieni waħda, hija kienet iddeċidiet li “ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tippermetti, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, li ċittadini ta’ Stat Membru jkunu trattati b’mod differenti, skont iż-żmien li fih jew il-mod kif kisbu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, sakemm fil-mument meta huma jinvokaw il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, huma jkollhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri”.

( 14 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992 (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10).

( 16 ) Punti 39 u 45. Bħala tfakkira, J. Rottmann kien kiseb in-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni, b’mod frawdolenti.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, Lagarde, P., “Retrait de la nationalité acquise frauduleusement par naturalisation”, Revue critique de droit international privé, 2010, p. 540; Kostakopoulou, D., “European Union citizenship and Member State nationality: updating or upgrading the link?”, Has the European Court of Justice Challenged Member State Sovereignty in Nationality Law?, Shaw, J. (editur), EUI Working Papers, RSCAS 2011/62, Robert Schuman Centre for Advanced Studies, EUDO Citizenship Observatory, p. 21 sa 26, u, fl-istess xogħol, Kochenov, D., “Two Sovereign States vs. a Human Being: CJEU as a Guardian of Arbitrariness in Citizenship Matters”, p. 11 sa 16, kif ukoll De Groot, G.R. u Seling, A., “The consequences of the Rottmann judgment on Member State autonomy – The Courts avant gardism in nationality matters”, p. 27 sa 31.

( 18 ) Sentenza Rottmann, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 19 ) Sentenza Rottmann, punt 41. Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 20): “Xorta jibqa’ l-fatt li, meta s-sitwazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom ma jistax ikun diskrezzjonarju. Dan huwa limitat mill-obbligu tal-osservanza tar-regoli Komunitarji.”

( 20 ) Sentenza Rottmann, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, għal analiżi dottrinali tal-ġurisprudenza relatata ma’ dan il-qasam, Konstadinides, T., “La fraternité européenne? The extent of national competence to condition the acquisition and loss of nationality from the perspective of EU citizenship”, European Law Review, 2010, 35(3), p. 401 sa 414, u Pudzianowska, D., Warunki nabycia i utraty obywatelstwa Unii Europejskiej. Czy dochodzi do autonomizacji pojęcie obywatelstwa Unii?”, Ochrona praw obywatelek i obywateli Unii Europejskiej, éd. Baranowska, G., Bodnar, A., Gliszczyńska-Grabias, A., Varsavja, 2015, p. 141 sa 154.

( 22 ) Ara, dwar din is-sentenza, Mengozzi, P., “Complémentarité et coopération entre la Cour de justice de l’Union européenne et les juges nationaux en matière de séjour dans l’Union des citoyens d’États tiers”, Il Diritto dell’Unione Europea, 2013, Nru 1, p. 29 sa 48, b’mod partikolari, p. 34. Ara, ukoll, Barbou Des Places, S., “La nationalité des États membres et la citoyenneté de l’Union dans la jurisprudence communautaire: la nationalité sans frontières”, Revue des Affaires européennes, Bruylant/Larcier, 2011, p. 29 sa 50, b’mod partikolari p. 26: “Ma huwiex l-irtirar tan-nazzjonalità bħala tali li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, iżda l-fatt li dan l-irtirar għandu effett fuq il-pussess tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni”.

( 23 ) Punt 42. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 34): “fis-sentenza Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-Avukat Ġenerali tagħha [ara l-punt 13 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588)], ma fittxitx rabta bejn ir-revoka tan-naturalizzazzjoni ta’ Janko Rottmann u l-eżerċizzju minn dan tal-aħħar tad-dritt tiegħu li jiċċaqlaq fl-Unjoni.” Ara, ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), fejn il-punt 42 huwa ispirat mill-punt 42 tas-sentenza Rottmann.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, Shaw, J., “Setting the scene: the Rottmann case introduced”, Has the European Court of Justice Challenged Member State Sovereignty in Nationality Law?, op. cit., p. 4.

( 25 ) Bħala tfakkira, din is-sentenza kienet tikkonċerna ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi li kellhom in-nazzjonalità ta’ Stat terz li adixxew il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi wara ċ-ċaħda mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jeżamina t-talbiet tagħhom għat-tiġdid tal-passaport nazzjonali. Iċ-ċaħda tal-Ministeru kienet ibbażata fuq il-liġi dwar in-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kienet tipprevedi b’mod partikolari li persuna maġġorenni titlef din in-nazzjonalità jekk għandha wkoll nazzjonalità barranija u jekk hija kellha, matul l-età maġġorenni tagħha, ir-residenza prinċipali tagħha matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Unjoni Ewropea.

( 26 ) U mhux deċiżjoni individwali ta’ rtirar tan-nazzjonalità, ibbażata fuq l-imġiba tal-parti kkonċernata, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rottmann.

( 27 ) Ara l-punti 45 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenza Tjebbes et, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 28), l-Avukat Ġenerali Mengozzi qies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux tilfu definittivament l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni mogħti mill-Artikolu 20 TFUE, iżda li kienu tpoġġew f’“sitwazzjoni li tista’ twassal għat-telf ta’ dan l-istatus”, filwaqt li kkonkludiet li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha, ma analizzatx l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni.

( 29 ) Sentenza Tjebbes et, punt 32. Nosserva li minn dan il-punt jirriżulta li ma humiex biss is-“sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għat-telf ta’ dan l-istatus” li jaqgħu, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħhom, taħt id-dritt tal-Unjoni [sentenza Rottman, punt 42], iżda wkoll dawk li fihom il-persuni “huma kkonfronati bit-telf tal-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE kif ukoll id-drittijiet marbuta miegħu”. Korsiv miżjud minni. Fil-fehma tiegħi, id-deskrizzjoni ta’ dan it-tieni tip ta’ sitwazzjoni hija iktar diretta peress li tagħmel referenza għal sitwazzjonijiet li fihom il-persuni kkonċernati jinsabu kostretti li jikkonfrontaw it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

( 30 ) Ara l-punti 45 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Kemm jekk hija kundizzjoni ta’ rtirar tan-nazzjonalità miksuba permezz ta’ naturalizzazzjoni, bħal fil-kawża Rottmann, jew ta’ kundizzjoni ta’ telf awtomatiku ta’ nazzjonalità, bħal fis-sentenza Tjebbes et.

( 33 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara l-punti 28 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) L-ewwel deċiżjoni tirrigwarda l-proċedura ta’ telf tan-nazzjonalità Estonjana peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda l-proċedura tal-kisba tan-nazzjonalità Awstrijaka.

( 37 ) Il-fatt li JY kellha n-nazzjonalità Estonjana qabel ma rrinunzjat għaliha sabiex tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka tiddistingwi s-sitwazzjoni tagħha minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106), li fiha, peress li M. Kaur, ma kinitx tissodisfa t-tifsira ta’ ċittadina tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, ma setgħetx tiġi mċaħħda mid-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, peress li din qatt ma kellha tali drittijiet. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rottmann, punt 49.

( 38 ) Dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Estonjani, ara l-punt 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10). Ara l-punti 46 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Punti 39 u 45.

( 41 ) Punti 30 u 32.

( 42 ) Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Gvern Awstrijak spjega li, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ġietx emendata, l-awtoritajiet Awstrijaċi madankollu emendaw il-prassi tagħhom sabiex jevitaw l-apolidija.

( 43 ) Fuq il-mekkaniżmi marbuta mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-kuntest tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ nazzjonalità, ara de Groot, G.R., u Wautelet, P., “Reflections on Quasi-Loss of Nationality from Comparative, International and European Perspectives”, European Citizenship at the Crossroads. The Role of the European Union on Loss and Acquisition of Nationality, Carrera Nuñez, S. u De Groot, G.R. (edituri), Wolf Legal Publishers, Oisterwijk, p. 117 sa 156, b’mod partikolari, p. 138 et seq.

( 44 ) Fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża, uħud jistgħu jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fiż-żamma tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, peress li kienet teżisti, fil-fehma tiegħi, aspettattiva li jistħoqqilha protezzjoni fir-rigward ta’ JY, li kienet obbligata li tirrinunzja għan-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha. Fuq ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi lil J. Rottmann, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 31).

( 45 ) Ara l-punti 102 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Punt 32. Kif diġà indikajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għat-“telf tal-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu”.

( 47 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124). Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 80), u tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 49).

( 48 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C‑165/16, EU:C:2017:862).

( 49 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42). F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ ulied G. Ruiz Zambrano, “li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni” u dik ta’ J. Rottmann, “li tista’ […] twassal sabiex jitlef l-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE u d-drittijiet marbuta miegħu” (sentenza Rottmann, punt 42) huma paragunabbli fis-sens li, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kien ġie mċaħħad mill-effett utli tiegħu. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75, punti 114115).

( 50 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C‑165/16, EU:C:2017:862). Bħala tfakkira, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna lil ċittadina Spanjola li, wara li rrisjediet fir-Renju Unit mill-1996, kienet kisbet iċ-ċittadinanza tar-Renju Unit permezz ta’ naturalizzazzjoni matul l-2009, filwaqt li żammet in-nazzjonalità Spanjola tagħha. Fl-2014, hija żżewwġet lil ċittadin ta’ pajjiż terz. L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni ppreżentata minn dan tal-aħħar ġiet miċħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit għar-raġuni li huwa kien qabeż il-perijodu ta’ residenza awtorizzat f’dan l-Istat Membru, bi ksur tal-liġi fil-qasam tal-immigrazzjoni.

( 51 ) Matul is-seduta, il-Gvern Awstrijak indika li, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni Ewropea, JY kellha ċertifikat ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

( 52 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 56).

( 53 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma nistax neskludi li JY kisbet dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, nirrileva li huwa suffiċjenti li l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jibbenefika mid-dritt ta’ residenza permanenti, konformement mad-dritt tal-Unjoni, jiġu sodisfatti mill-persuna kkonċernata sabiex dan id-dritt jiġi aċċettat mill-Istati Membri. Għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 11a(4) tas-StbG, jekk il-persuna kkonċernata hija ċittadina ta’ Stat parti għaż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE), in-nazzjonalità Awstrijaka tista’ tingħatalha jekk hija ilha tirrisjedi legalment u mingħajr interruzzjoni fit-territorju federali għal tal-inqas sitt snin.

( 54 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 58). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:407, punt 86).

( 55 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Dan il-Gvern indika li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23-9 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż jipprevedi li t-telf tan-nazzjonalità Franċiża iseħħ fid-data tal-kisba tan-nazzjonalità barranija, liema ħaġa tevita s-sitwazzjoni ta’ apolidija. Fir-rigward tal-Gvern tal-Estonja, dan jikkonferma, meta wieġeb għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlazzjoni Estonjana ma teħtieġx il-kisba minn qabel tan-nazzjonalità l-ġdida sabiex tawtorizza x-xoljiment tar-rabta statali maċ-ċittadin Estonjan u li ma huwiex possibbli li wieħed jirrinunzja n-nazzjonalità Estonjana b’mod temporanju jew kundizzjonali.

( 57 ) Punt 62.

( 58 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Repubblika tal-Estonja ma hijiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-nazzjonalità u għalhekk ma hijiex suġġetta għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’din tal-aħħar.

( 60 ) Għalhekk, Stat Membru li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħar-Repubblika tal-Estonja jista’ jiġi kkritikat talli awtorizza x-xoljiment meta kienet prevedibbli s-sitwazzjoni ta’ apolidija, li f’dan il-każ, tal-inqas mill-perspettiva tal-Gvern Estonjan, ma kienx il-każ. Fil-fatt, ir-rinunzja ta’ JY għan-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha kienet ifformulata sabiex tkun tista’ tikseb in-nazzjonalità Awstrijaka u tirkupra l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni. Il-Gvern Estonjan, barra minn hekk, sostna wkoll li wettaq evalwazzjoni tal-proporzjonalità għal kull deċiżjoni fil-qasam ta’ nazzjonalità u, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi individwali għall-parti kkonċernata.

( 61 ) Sentenzi Rottmann, punt 51, u Tjebbes et, punt 33).

( 62 ) Il-Konvenzjoni dwar in-nazzjonalità tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, li “ir-regoli dwar in-nazzjonalità ta’ kull Stat Parti għandhom ikunu bbażati fuq prinċipju li bihom, b’mod partikolari, kull individwu għandu dritt għal nazzjonalità u l-apolidija għandha tkun evitata”.

( 63 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, l-Artikolu 8(3)(a)(ii) ta’ din il-konvenzjoni.

( 65 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, l-Artikolu 8(3)(a)(ii) tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-apolidija.

( 66 ) Expert Meeting. Interpreting the 1961 Statelessness Convention and Avoiding Statelessness resulting from Loss and Deprivation of Nationality. Summary Conclusions, UNHCR, Tunis, it-Tuneżija, 31 ta’ Ottubru – 1 ta’ Novembru 2013, p. 1 sa 15, b’mod partikolari, p. 10, paragrafu 44. Dawn il-konklużjonijiet huma disponibbli fl-indirizz li ġej: https://www.refworld.org/pdfid/533a754b4.pdf. Korsiv miżjud minni.

( 67 ) Ibid., p. 10, paragrafu 45.

( 68 ) Ara l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità. Ara wkoll l-Artikolu 15(2) tad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-10 ta’ Diċembru 1948 mill-Assemblea Ġeneral tan-Nazzjonijiet Uniti, li jipprevedi li “[ħ]add ma jista’ jiġi mċaħħad arbitrarjament min-nazzjonalità tiegħu, lanqas mid-dritt li jibdel in-nazzjonalità”.

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tjebbes et, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 70 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jgħodd ukoll fil-każ tat-telf tan-nazzjonalità, anki jekk din inkisbet b’mod frawdolenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rottmann, punt 59.

( 71 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-kundizzjoni tapplika għall-applikanti kollha għan-nazzjonalità Awstrijaka.

( 73 ) Punt 56.

( 74 ) Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, nirrileva li din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix numerus clausus.

( 75 ) JY indikat li l-multa kienet tammonta għal EUR 112.

( 76 ) JY indikat li l-multa kienet tammonta għal EUR 300.

( 77 ) Ara, wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix direttament għall-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

( 79 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81).

( 80 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 82). Ara, ukoll, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 18); tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore (67/74, EU:C:1975:34, punt 6); tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punt 27); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 33); tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, EU:C:1999:6, punt 23), u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 et C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 6465).

( 81 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 83).

( 82 ) Sentenza Tjebbes et, p. 45 u l-ġurisprudenza ċċitata. Infakkar li, skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat, “Dinjità”, “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun rispettata u protetta”.

( 83 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 88).

Top