EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0091

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2021.
LW vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal.
Kawża C-91/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:384

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2021 ( 1 )

Kawża C‑91/20

LW

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Standards relatati mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-kontenut ta’ tali protezzjoni – Artikolu 23(2) – Żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Benefiċċji mogħtija lill-membri tal-familja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Artikolu 3 – Standards iktar favorevoli – Dispożizzjoni nazzjonali li testendi l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali għall-wild minuri ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Wild li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż ieħor li jista’ jitlob il-protezzjoni tiegħu – Prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

Fis-snin reċenti, il-kwistjoni tar-refuġjati u l-akkoljenza tagħhom kienet is-sors ta’ tensjonijiet kultant qawwija bejn l-Istati Membri. L-influss massiv u f’daqqa ta’ refuġjati mal-bieb tal-Unjoni Ewropea heżżeż severament uħud mill-valuri li fuqhom din hija msejsa u seta’ jwassal sabiex l-Istati Membri jingħalqu fihom innifishom.

2.

Għaldaqstant, sa mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, dawn tal-aħħar qablu li jaħdmu għall-istabbiliment ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 ( 2 ). Fost l-istrumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 2011/95/UE ( 3 ), fejn wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha huwa “li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” ( 4 ), u dan, b’mod partikolari, sabiex “jgħin biex jillimita l-moviment sekondarju ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dan il-moviment huwa purament ikkaġunat minn differenzi f’qafas legali [ta’ dawn tal-aħħar]” ( 5 ).

3.

Id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża hija jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2011/95, jippermettix, sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-unità tal-familja ta’ refuġjat, li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tagħti l-istess protezzjoni internazzjonali lill-wild minuri ta’ dan ir-refuġjat mingħajr ma din l-awtorità tagħmel eżami individwali tas-sitwazzjoni li fiha jinsab dan il-minuri u indipendentement minn jekk għandux bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-direttiva

4.

Din id-domanda hija magħmula fil-kuntest ta’ tilwima bejn LW, wild ta’ nazzjonalità Tuneżina, u l-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u r-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar deċiżjoni li biha l-Uffiċċju rrifjuta li jagħtiha l-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lil missierha ta’ oriġini Sirjana. L-Uffiċċju ddeċieda, minn naħa, li din il-wild ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ dan l-istatus u, min-naħa l-oħra, li setgħet titlob il-protezzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

5.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina sa liema punt Stat Membru jista’ juża l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 sabiex jestendi l-kamp tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għall-membri tal-familja ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-unità tal-familja ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, l-imsemmija kawża hija relatata ma’ problema klassika ta’ bbilanċjar bejn għanijiet fundamentali differenti, dak tal-garanzija tad-dritt għall-ażil u dak li jiġi żgurat ir-rispett tal-ħajja tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, mal-ħtieġa li dawn jintlaħqu u mal-possibbiltà li dan isir mingħajr ma jinkisru l-oqsma speċifiċi għal kull waħda mis-sistemi stabbiliti għal dan il-għan mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

6.

Il-kjarifika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel hawnhekk hija indispensabbli għal applikazzjoni koerenti u uniformi fl-Istati Membri kollha, min-naħa, tal-kriterji ta’ kisba ta’ protezzjoni internazzjonali kif iddefiniti fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fis-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet u l-benefiċċji relatati mal-għoti ta’ din il-protezzjoni. Għalhekk huwa neċessarju li tingħata interpretazzjoni ċara tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 sabiex l-Istati Membri ma jkollhomx marġni ta’ manuvra kbir wisq kemm sabiex jagħtu protezzjoni internazzjonali, kif ukoll sabiex jirrifjutawha ( 6 ).

7.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li la l-Artikolu 3 u lanqas l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ma jippermettu lil Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, billi testendiha għall-wild minuri ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma din l-awtorità tagħmel eżami individwali tal-applikazzjoni u indipendentement minn jekk is-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiżvelax l-eżistenza ta’ ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali jew għandhiex rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

8.

Fil-fatt, nemmen li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lis-sistema Ewropea komuni tal-ażil għodda ġuridika li tippermetti li tiġi protetta l-ħajja tal-familja tar-refuġjat u tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja kif ukoll li tiġi ggarantita d-difiża tal-aħjar interessi tal-wild mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi kompromessa l-uniformità tal-istatus li tagħti l-protezzjoni internazzjonali u, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jwettaq fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tagħha.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt internazzjonali

9.

L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi li t-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kull persuna:

“Li, […] billi tibża’ b’mod iġġustifikat li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha f’ċertu grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tridx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma għandhiex nazzjonalità u tinsab barra mill-pajjiż li fih kellha r-residenza abitwali tagħha wara avvenimenti bħal dawn, ma tistax jew, minħabba l-biża’ msemmija, ma tridx tirritorna hemmhekk.

Fil-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu’ tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li din il-persuna għandha n-nazzjonalità tiegħu. Ma għandhiex titqies li ġiet imċaħħda mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu kull persuna li, mingħajr raġuni valida fondata fuq biża’ ġġustifikata, ma tkunx talbet il-protezzjoni lil wieħed mill-pajjiżi li għandha n-nazzjonalità tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B. Id‑dritt tal‑Unjoni

10.

Skont l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), is-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li fiha hija integrata d-Direttiva 2011/95, hija bbażat fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

11.

Il-premessi 4, 5, 9, 12, 14 u 36 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdu kif ġej:

“(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll [tal‑1967] jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

(5)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu li Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea għandha tinkludi, fuq terminu qasir, l-approssimazzjoni ta’ regoli dwar l-għarfien ta’ refuġjati u l-kontenut tal-istatus tar-refuġjat.

[…]

(9)

Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali […]

[…]

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(14)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

[…]

(36)

Membri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-refuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta’ persekuzzjoni f’manjiera li tista’ tkun il-bażi ta’ status ta’ refuġjat.”

12.

Fi ħdan il-Kapitolu 1 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Dispiżizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 1 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

13.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-kunċetti li ġejjin b’dan il-mod:

“ […]

(d)

‘refuġjat’, ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

[…]

(f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]

(j)

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli […],

it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali,

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat […];

[…]”

14.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jgħid dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

15.

Fi ħdan il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, l-Artikolu 23(1) u (2) jgħid:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment [li ma jissodisfawx individwalment il-kundizzjonijiet meħtieġa] għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.”

16.

L-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxu d-drittijiet u l-benefiċċji varji li jingħataw lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali u lill-membri tal-familja tiegħu, skont l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva.

C. Id‑dritt Ġermaniż

17.

L‑Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 ( 7 ) u emendata l-aħħar bl-Artikolu 48 tal-Liġi tal‑20 ta’ Novembru 2019 ( 8 ), jipprovdi li:

“(1)   Barrani huwa refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] meta huwa

1.

jibża’ b’mod iġġustifikat li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu f’ċertu grupp soċjali;

2.

jinsab barra mill-pajjiż (pajjiż ta’ oriġini),

a)

li għandu n-nazzjonalità tiegħu u ma jistax jew, minħabba din il-biża’, ma jridx jitlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż,

[…]”

18.

L-Artikolu 26(2) u (5) tal-AsylG jgħid:

“(2)   Il-wild mhux miżżewweġ ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil, li jkun minuri fil-mument li japplika għall-ażil, ikun, fuq talba tiegħu, irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għall-ażil meta r-rikonoxximent taċ-ċittadin barrani bħala benefiċjarju tad-dritt għal-ażil ma jkunx għadu jista’ jiġi kkontestat, u meta dan ma jkunx jista’ jiġi rrevokat u lanqas irtirat iktar.

[…]

(5)   Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja, kif imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Il-kunċetti ta’ ‘status ta’ refuġjat’ jew ta’ protezzjoni sussidjarja jieħdu post dak ta’ ‘benefiċjarju tad-dritt għall-ażil’ […]”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

19.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twieldet fil-Ġermanja fl‑2017 minn omm Tuneżina u missier Sirjan, li kiseb l-istatus ta’ refuġjat fl‑2015 f’dan l-Istat Membru, u għandha n-nazzjonalità Tuneżina.

A. L‑eżami tal‑applikazzjoni

20.

B’deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2017, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara t-twelid tagħha bħala manifestament infondata. Għalkemm, permezz ta’ sentenza ddatata s‑17 ta’ Jannar 2019, il-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) annullat din id-deċiżjoni għar-raġuni li kellha tiġi miċħuda mhux bħala manifestament infondata, iżda bħala infondata, madankollu, hija ċaħdet it-talba tar-rikorrenti. Din il-qorti ddeċidiet, l-ewwel nett, li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, fin-nuqqas ta’ biża’ ta’ persekuzzjonijiet fit-Tuneżija. Imbagħad, hija ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjonijiet fis-Sirja, billi ddeċidiet, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali, li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tuża l-protezzjoni tal-istat Tuneżin. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li r-rikorrenti lanqas ma setgħet tingħata l-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 26(2) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG, peress li, fil-fatt, ikun kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali li tiġi estiża l-protezzjoni internazzjonali għal persuni li, minħabba l-istatus personali tagħhom, jibbenefikaw mill-protezzjoni ta’ Stat li huma għandhom in-nazzjonalità tiegħu, u huma esklużi mill-kategorija tal-persuni li jeħtieġu tali protezzjoni.

21.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra minn din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

B. Ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju

22.

Fil-kuntest tar-rikors tagħha għal “Reviżjoni”, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali ma jipprekludix li minuri jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26 (5) tal-AsylG, anki fil-każ li l-ġenituri tiegħu jkollhom nazzjonalitajiet differenti u fil-każ li l-istatus ta’ refuġjat ikun ingħata biss lil wieħed minnhom. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jawtorizza lil Stat Membru jestendi l-protezzjoni internazzjonali li persuna tibbenefika minnha għal membri oħra tal-familja tagħha, sakemm dawn ma jkunux jaqgħu taħt waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni elenkati fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-ħtieġa li tinżamm l-unità tal-familja, relazzjoni mal-għan tal-protezzjoni internazzjonali. Fil-fehma tagħha, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tal-minuri u għall-interessi tal-wild.

23.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tisħaq li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) u fl-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG sabiex tiġi rrikonoxxuta l-istatus ta’ refuġjat. Madankollu, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, mad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, fl-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-obbligu li tagħti awtomatikament lill-wild minuri mhux miżżewweġ ta’ refuġjat, status ta’ refuġjat “idderivat”, irrispettivament mill-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjonijiet u inkluż il-każ fejn dan il-wild jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu stess. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni msemmija tista’ tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali li fuqu huma bbażati diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 u s-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève. B’hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax tippretendi li tingħata l-istatus ta’ refuġjat taħt dritt li huwa tagħha stess, peress li hija tkun f’pożizzjoni li tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija.

24.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tenfasizza, madankollu, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tirriżulta fl-għoti ta’ “status ta’ refuġjat b’mod idderivat”, ma tippreżumix l-osservanza tal-kundizzjonijiet materjali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat stabbiliti fid-Direttiva 2011/95. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-membru tal-familja jkun f’pożizzjoni li jibbenefika minn protezzjoni nazzjonali ma jikkostitwixxix raġuni għall-esklużjoni mill-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-direttiva.

C. Id‑domandi preliminari

25.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lil wild minuri mhux miżżewweġ, liema status huwa dderivat minn persuna li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat (hekk imsejħa protezzjoni tal-familja ta’ refuġjat), inkluż fil-każ fejn il-wild inkwistjoni jiġi rrikonoxxut – permezz tal-ġenitur l-ieħor – li fi kwalunkwe każ għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż ieħor, li ma huwiex identiku għall-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat u li l-wild jista’ jinvoka l-protezzjoni tiegħu?

2)

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-restrizzjoni li permezz tagħha l-membri tal-familja ma jistgħux jitolbu l-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva ħlief sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja, tipprojbixxi li jiġi rrikonoxxut lill-wild minuri, fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, l-istatus ta’ refuġjat li huwa dderivat mill-persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat?

3)

Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, li jkun magħruf jekk huwiex possibbli u raġonevoli, għall-wild u għall-ġenituri tiegħu, li jirrisjedu fil-pajjiż fejn il-wild u ommu għandhom in-nazzjonalità, fejn jistgħu jitolbu protezzjoni li ma hijiex identika għal dik tal-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat (missier), jew huwa suffiċjenti li l-unità tal-familja tista’ tinżamm fit-territorju Ġermaniż abbażi ta’ regoli fil-qasam tar-residenza?”

26.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Ġermaniż, dak Belġjan u dak Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jew orali waqt is-seduta tat‑22 ta’ Frar 2021, u wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali li kienet indirizzatilhom il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

27.

Qabel ma nipproċedi għall-analiżi tad-domandi preliminari, jidhirli li huwa neċessarju li ssir osservazzjoni preliminari relatata mas-suġġett ta’ dawn id-domandi u l-ordni li fiha, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu ttrattati.

28.

Dawn id-domandi joriġinaw mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja msemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 billi tuża mezzi differenti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Kif tosserva l-qorti tar-rinviju u kif ġie kkonfermat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel li jagħti lill-wild minuri tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, li, individwalment, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn tali protezzjoni, il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva mhux bl-adozzjoni ta’ sensiela ta’ dispożizzjonijiet ad hoc, iżda billi jagħti lil dan tal-aħħar, b’mod idderivat, l-istatus ta’ refuġjat jew dak mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja.

29.

Jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 26(2) u (5) tal-AsylG li l-awtorità nazzjonali kompetenti b’hekk tirrikonoxxi lill-wild minuri ta’ refuġjat jew ta’ persuna li tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali mingħajr ebda kundizzjoni oħra għajr dik relatata man-natura definittiva tal-istatus miksub mill-ġenitur tiegħu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan ir-rikonoxximent ikun awtomatiku u ma jinvolvix il-verifika tal-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjonijiet jew ta’ dannu serju fil-konfront tal-wild. Din il-leġiżlazzjoni tkun applikabbli wkoll irrispettivament minn jekk il-wild għandux nazzjonalità oħra minbarra dik tal-ġenitur tiegħu u jibbenefikax minn protezzjoni nazzjonali, fatt li madankollu l-Gvern Ġermaniż jidher li kkontesta waqt is-seduta.

30.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tixtieq, l-ewwel nett, tkun taf jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix standard iktar favorevoli li l-Istati Membri jistgħu jadottaw b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95.

31.

Imbagħad, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva jipprekludux din il-leġiżlazzjoni, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw l-għoti tal-benefiċċji li l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjoni li dan l-għoti jkun kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tagħhom.

32.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet u l-aħħar domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex rilevanti, għall-finijiet tal-eżami tal-ewwel u t-tieni domanda, li jitqiesu l-possibbiltajiet ta’ reinstallazzjoni tal-familja fil-pajjiż li l-wild u l-omm tal-familja għandhom in-nazzjonalità tiegħu jew jekk huwiex biżżejjed li l-unità tal-ħajja tal-familja tkun żgurata bl-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-dritt ta’ residenza.

33.

Minn naħa, l-eżami tal-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, li tinqaleb l-ordni tal-ewwel u t-tieni domanda. Fil-fatt, il-punt sa fejn l-Istati Membri jistgħu jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li jingħatalhom mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 sabiex jadottaw jew iżommu standards iktar favorevoli minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva għandu, l-ewwel nett, jiġi evalwat fid-dawl tar-regoli stabbiliti f’dan l-artikolu.

34.

Min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din il-kwistjoni jeħtieġ analiżi tat-tielet domanda mhux b’mod iżolat, iżda, kif il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni domanda.

A. Fuq it‑tieni domanda, dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95

35.

Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, li bis-saħħa tagħha l-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jistgħu jitolbu biss il-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva sa fejn dan ikun kompatibbli mal-“istatus legali personali” tagħhom, tipprekludix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista’ tagħti, b’mod idderivat, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri mhux miżżewweġ ta’ persuna li ngħatat dan l-istatus fil-każ fejn dan il-wild għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż li ma huwiex dak ta’ oriġini tar-refuġjat.

36.

Din il-kwistjoni tidher li hija bbażata fuq l-assunzjoni li l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva jawtorizza, bħala prinċipju, tali estensjoni tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-membri tal-familja ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. Issa, naħseb li din l-assunzjoni hija żbaljata fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

1.   Interpretazzjoni letterali tal‑Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95

37.

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 jinsab fil-Kapitolu VII tagħha. Dan il-kapitolu, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, għandu l-għan li jiddefinixxi d-drittijiet u l-benefiċċji li l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ( 9 ) wara eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom.

38.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva għandu bħala għan iż-“[ż]amma ta’ unità tal-familja” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ( 10 ).

39.

L-użu tal-espressjoni “żamma ta’ unità tal-familja” jimplika li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa l-membru ta’ familja li l-unità tagħha hija fil-perikolu li tiġi kompromessa minħabba t-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini u l-installazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. B’differenza mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 11 ), id-Direttiva 2011/95 għalhekk ma hijiex maħsuba sabiex tiżgura l-ħolqien tal-ħajja tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ( 12 ).

40.

B’mod iktar partikolari, mill-kliem stess tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiggarantixxi li l-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali tinżamm fil-każ partikolari fejn il-membri tal-familja tiegħu ma jissodisfawx, individwalment, il-“[kundizzjonijiet meħtieġa]” sabiex jiksbu tali protezzjoni. Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni koperta minn din id-dispożizzjoni u dik imsemmija fil-premessa 36 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għall-membri tal-familja tar-refuġjat inkwantu dawn huma esposti jew jirrikorru r-riskju li jkunu esposti personalment għal atti ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, minħabba s-sempliċi parentela tagħhom ma’ dan tal-aħħar, u b’hekk jistgħu jibbenefikaw mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ( 13 ). L-istess kwalità hija għalhekk irrikonoxxuta lilhom minħabba r-riskji ta’ persekuzzjonijiet li jġarrbu personalment.

41.

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom għandha tinżamm l-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru ospitanti billi jiddefinixxi n-natura tal-benefiċċji mogħtija għal dan il-għan kif ukoll iċ-ċirku ta’ dawk li jingħatawlhom dawn il-benefiċċji.

a)   Il‑benefiċċji

42.

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi l-prinċipju li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li ma jissodisfawx, individwalment, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn tali protezzjoni, jistgħu jitolbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva. Dan huwa “livell minimu ta’ benefiċċju” ( 14 ). Il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jibqa’ l-element determinanti li mingħajru ma jkunx possibbli, għall-membru tal-familja tiegħu li ma jkunx eliġibbli għall-għoti ta’ tali protezzjoni, li jibbenefika minn dawn il-benefiċċji.

43.

L-Istat Membru ospitanti għandu għalhekk jiżgura li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn permess ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat, validu għal perijodu ta’ inqas minn tliet snin u li jista’ jiġġedded. L-Istat Membru ospitanti għandu b’mod partikolari jiżgura li l-membri tal-familja jkollhom dokumenti tal-ivvjaġġar sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw barra mit-territorju tagħhom, li jistgħu jiċċaqalqu liberament fit-territorju ta’ dan l-Istat, li jistgħu jibbenefikaw minn akkomodazzjoni kif ukoll mill-aċċess sħiħ għas-sistema edukattiva u l-kura tas-saħħa. Il-membri tal-familja għandu jkollhom ukoll aċċess għall-impjieg kif ukoll għat-taħriġ vokazzjonali u jibbenefikaw minn għajnuna soċjali ( 15 ). Dawn id-drittijiet u benefiċċji għandhom jingħataw taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali. Mill-premessi 41 sa 48 u mill-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li dawn il-benefiċċji għandhom jippermettu lill-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u jintegraw fl-Istat Membru ospitanti

44.

Il-benefiċċji hekk mogħtija lill-membri tal-familja huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk mogħtija lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.

45.

Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova ( 16 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovdiex għal estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, kif ipproponiet il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istandards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li, għal raġunijiet oħra, teħtieġ protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istatus ( 17 ). Din tal-aħħar riedet tiggarantixxi tali estensjoni għall-membri tal-familja dipendenti li jakkumpanjaw lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ( 18 ), bl-eċċezzjoni tal-persuni esklużi mill-benefiċċju ta’ tali protezzjoni. Din l-inizjattiva ma ġietx adottata, billi l-Parlament ikkunsidra li kien meħtieġ li jitqiesu l-każijiet fejn il-membri tal-familja “jistgħu jkollhom bi dritt tagħhom status ġuridiku differenti minn dak tal-[applikant], li jista’ ma jkunx kompatibbli mal-protezzjoni internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 19 ). Il-Kummissjoni ma ġedditx din l-inizjattiva fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għad-Direttiva 2011/95, għalkemm l-għan ta’ din huwa li jiġu stabbiliti “standards ogħla” mill-istandards minimi stabbiliti qabel fid-Direttiva 2004/83/KE ( 20 ).

46.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, mill-kliem tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jagħti l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja b’mod idderivat lill-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għall-finijiet li tinżamm l-unità tal-familja.

b)   Il‑benefiċjarji tal‑benefiċċji

47.

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jissuġġetta l-intitolament għall-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tagħha għat-twettiq ta’ tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-membru tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandu jaqa’ taħt il-kunċett iddefinit fl-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva. Imbagħad, huwa ma għandux personalment jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Fl-aħħar nett, l-istatus ġuridiku personali tiegħu għandu jkun kompatibbli mal-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

48.

Għalkemm dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, jistgħu, madankollu, jirriżultaw insuffiċjenti meta l-membru tal-familja jkun jaqa’ taħt waħda mill-klawżoli li jeskludu l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali stabbiliti fil-Kapitoli III u V ta’ din id-direttiva ( 21 ) jew meta din tal-aħħar tirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku ( 22 ).

1) Il‑kwalità ta’ “membru tal-familja”

49.

Jirriżulta mid-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 li membru tal-familja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-membru ta’ familja li “tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini [tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali]” u li jkun preżenti fl-istess Stat Membru bħal dan tal-aħħar minħabba l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

50.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jistabbilixxi żewġ kriterji għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “membru tal-familja” u, għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-istandards relatati maż-żamma tal-unità tal-familja.

51.

L-ewwel kriterju jirrigwarda l-post u l-mument li fihom twieldet ir-rabta tal-familja.

52.

Għalkemm huwa stabbilit li l-familja ma hijiex iddefinita la mill-post u lanqas mill-mument li fihom inħolqot, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu jillimita l-benefiċċju taż-żamma tal-unità tal-familja għar-rabtiet familjali li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sawwar, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, qabel l-għoti ta’ din il-protezzjoni, kemm jekk dawn ir-rabtiet ikunu ta’ natura bijoloġika, bħat-twelid ta’ wild, jew ġuridika, bħall-adozzjoni jew iż-żwieġ. Kif jinnota l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), fil-gwida tiegħu dwar il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, il-bżonnijiet tal-familja għandhom ikunu jeżistu diġà fil-pajjiż ta’ oriġini ( 23 ).

53.

L-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn il-membru tal-familja u l-pajjiż ta’ oriġini tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali hija element deċiżiv, kif jidher ukoll mill-kliem tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2011/95. Għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva għall-“qraba oħra qrib” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, dawn għandhom ikunu qraba “li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini”. Huwa għalhekk meħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ komunità ta’ ħajja f’dan il-pajjiż, qabel it-tluq.

54.

Iż-żamma tal-unità tal-familja msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 għalhekk tapplika għall-membri tal-familja li għexu mal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar. Din id-dispożizzjoni ma hijiex b’hekk maħsuba sabiex tipproteġi l-familja li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali stabbilixxa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Din tiddistingwi s-sistema tad-Direttiva 2011/95 minn dik stabbilita mid-Direttiva 2003/86, li tapplika kemm jekk ir-rabtiet familjali jkunu qabel jew sussegwenti għad-dħul tal-isponsor ( 24 ) fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 25 ).

55.

It-tieni kriterju stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirrigwarda l-preżenza tal-membri tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti “rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”. Kundizzjoni bħal din timplika li dawn tal-aħħar akkumpanjaw lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż ta’ oriġini għall-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, u b’hekk juru r-rieda tagħhom li jibqgħu magħqudin. Dan huwa stabbilit fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, li tispeċifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-“applikanti u [tal]-membri tal-familja li jakkompanjawhom” ( 26 ).

56.

Dan it-tieni kriterju għal darba oħra jiddistingwi d-Direttiva 2011/95 mid-Direttiva 2003/86, li abbażi tagħha l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ppreżentata meta l-membri tal-familja jkunu jinsabu, bħala prinċipju, barra mit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi l-isponsor ( 27 ).

57.

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, minn lat letterali, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex maħsub sabiex ikopri s-sitwazzjoni tal-membri tal-familja meta din tal-aħħar tkun ġiet stabbilita barra mill-pajjiż ta’ oriġini u wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali lil wieħed mill-membri tagħha.

2) Il‑membru tal‑familja ma jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali

58.

It-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 tirrigwarda l-ineliġibbiltà tal-membri tal-familja għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, jiġifieri għal status ta’ refuġjat jew għall-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja. L-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva ma jkoprix il-membri tal-familja li huma stess jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali minħabba r-riskji li huma jġarrbu personalment fil-pajjiż ta’ oriġini.

3) Il‑membru tal‑familja għandu status ġuridiku personali li ma jipprekludix l‑għoti tal‑benefiċċji previsti mid‑Direttiva 2011/95

59.

It-tielet kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 tikkonċerna l-“istatus legali personali tal-membru tal-familja”. Huwa speċifikat li dan l-istatus għandu jkun kompatibbli mal-għoti tal-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva.

60.

Il-kunċett ta’ “status ġuridiku personali” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2011/95. Hemm, madankollu, ftehim komuni ta’ dan il-kunċett. Fil-każ ta’ persuna fiżika, dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi kollha li jirregolaw is-sitwazzjoni ġuridika ta’ din il-persuna kif ukoll l-istatus varji li huma rrikonoxxuti lilha minħabba, b’mod partikolari, l-età tagħha (status ta’ minuri jew ta’ adult, pereżempju), il-post tat-twelid tagħha (nazzjonalità miksuba mill-ius soli), ir-rabta ta’ filjazzjoni tagħha (filjazzjoni naturali jew adottiva), in-nazzjonalità/jiet tagħha, jew saħansitra r-reġim matrimonjali tagħha (żwieġ, koabitazzjoni, eċċ.), is-sitwazzjoni ta’ dipendenza tagħha (sistema ta’ tutela, kurazija, eċċ.), l-anteċedenti tagħha jew ir-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, eċċ. L-istatus ġuridiku ta’ persuna fiżika għalhekk jista’ jirregola l-aspetti kollha ta’ ħajjitha.

61.

Fil-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, il-punt sa fejn il-membru tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jista’ jibbenefika mill-benefiċċji previsti minn din id-direttiva jiddependi fuq l-istatus ġuridiku personali tiegħu. L-Istat Membru ospitanti ma jistax għalhekk ikun meħtieġ joħroġ permess ta’ residenza jew dokumenti tal-ivvjaġġar lil membru tal-familja li jirriżulta li huwa ċittadin tal-Unjoni, jew saħansitra ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, pereżempju.

62.

Issa, huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kuntest, u mbagħad l-istruttura tal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva.

2.   Il-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95

63.

L-eżami tal-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 juri li s-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma teħtieġx l-estensjoni tal-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali għall-membri tal-familja ta’ refuġjat li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni.

64.

Għandu jiġi rrilevat, bħala punt preliminari, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati mhux biss fid-dawl tas-sens ġenerali u l-iskop ta’ din id-direttiva, iżda wkoll b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 28 ). Għalkemm id-direttiva msemmija tistabbilixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sistema normattiva li tinkludi kunċetti u kriterji komuni għall-Istati Membri u, għalhekk, speċifiċi għall-Unjoni, hija madankollu bbażata fuq applikazzjoni sħiħa u globali ta’ din il-konvenzjoni u għandha, b’mod partikolari, bħala skop li jkun hemm osservanza sħiħa tal-Artikolu 1 tagħha ( 29 ). F’dan ir-rigward, il-konsultazzjonijiet ipprovduti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) huma partikolarment rilevanti fid-dawl tar-rwol li tafdalu l-konvenzjoni msemmija ( 30 ).

65.

Huwa għalhekk importanti li jiġi eżaminat il-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din tistabbilixxi fl-Artikoli 3 sa 34 tagħha d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li huma marbuta mar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Dawn id-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali għandhom l-għan, essenzjalment, li jiggarantixxu l-integrazzjoni tar-refuġjat fil-pajjiż ospitanti billi jippermettulu jipparteċipa fil-ħajja ta’ dan il-pajjiż mingħajr ma jsofri, minħabba r-razza, ir-reliġjon jew il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, diskriminazzjoni jew trattament inqas favorevoli minn dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali.

66.

Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Genève, bħall-Protokoll tal‑1967, ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika relatata mal-unità tal-familja tar-refuġjat ( 31 ). Għal dan il-għan, għandu jsir riferiment għal att diplomatiku anness ma’ din il-konvenzjoni, jiġifieri l-att finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Plenipotenzjarji dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, tal‑25 ta’ Lulju 1951. Kif innotat id-duttrina, huwa f’dan it-test li l-abbozzaturi tal-konvenzjoni msemmija stabbilixxew “rabta” bejn is-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-biża’ ta’ persekuzzjonijiet tar-refuġjat u l-familja ta’ dan tal-aħħar ( 32 ). Peress li “l-unità tal-familja […] hija dritt essenzjali tar-refuġjat, u li din l-unità hija mhedda kontinwament” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan l-att “jirrakkomanda lill-[Istati firmatarji] jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat u b’mod partikolari sabiex […] [t]iġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat, b’mod partikolari fil-każ li l-kap tal-familja jkun issodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-dħul tiegħu f’pajjiż [tradizzjoni mhux uffiċjali]” ( 33 ).

67.

Huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2004/83, imbagħad dik li ssostitwixxietha, id-Direttiva 2011/95 ( 34 ).

68.

Skont l-Artikolu 78(2) TFUE, li fuqu hija bbażata, id-Direttiva 2011/95 tfittex li tistabbilixxi favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi “status uniformi ta’ asil” ibbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll “status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja” ( 35 ). Din id-direttiva tiddefinixxi, fil-Kapitoli I, III, IV, V u VI tagħha, il-kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni “ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” ( 36 ) u li għandhom jingħataw wieħed miż-żewġ status qabel ma tiddetermina, fil-Kapitolu VII tagħha, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija minn dawn l-istatus. Issa, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex li jestendi l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali għall-membri tal-familja ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja.

69.

Madankollu, ċerti rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR jimmilitaw f’dan is-sens. Fil-kummenti annotati tiegħu dwar id-Direttiva 2004/83 ( 37 ), il-UNHCR kien enfasizza, fir-rigward tal-Artikolu 23(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li l-membri tal-istess familja għandhom jingħataw l-istess status bħall-applikant prinċipali (status idderivat), sakemm dan ikun kompatibbli mal-istatus personali tagħhom. Fil-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-familja, tal‑4 ta’ Ġunju 1999 ( 38 ), il-Kumitat Permanenti tal-UNHCR kien diġà indika wkoll li “mill-prinċipju tal-unità tal-familja jirriżulta li, jekk il-kap tal-familja kien jissodisfa l-kriterji li jirregolaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, il-membri dipendenti tal-familja tiegħu għandhom normalment jiġu rrikonoxxuti l-kwalità ta’ refuġjati” ( 39 ), bla ħsara għall-kompatibbiltà ta’ tali status mal-istatus ġuridiku personali tagħhom.

70.

Bl-istess mod, kif indikajt qabel, il-Kummissjoni kienet għamlet l-istess proposta meta kienet qiegħda tħejji d-Direttiva 2004/83, mingħajr ma ġiet adottata din il-proposta.

3.   L-istruttura li taħtha jaqa’ l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95

71.

Meta neżaminaw l-istruttura tad-Direttiva 2011/95, jidher li l-applikazzjoni tar-regoli relatati maż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bl-għoti ta’ ċerti benefiċċji teħtieġ li ssir evalwazzjoni individwalizzata tas-sitwazzjoni ta’ kull membru tal-familja ( 40 ). Din għandha tippermetti li l-għoti tad-drittijiet u tal-benefiċċji jiġi aġġustat skont is-sitwazzjoni tagħhom u l-istatus ġuridiku tagħhom.

72.

L-ewwel nett, dan ir-rekwiżit li jitwettaq eżami individwali huwa previst għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u jirriżulta mill-premessi 41, 45 u 47 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll mir-“[r]regoli ġenerali” dwar il-kontenut ta’ din il-protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 20 tagħha.

73.

L-Artikolu 20(3) u (4) tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika li, meta jiddeċiedu dwar id-dritt għall-benefiċċji previsti minn din id-direttiva għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni li fiha jsibu ruħhom il-persuni vulnerabbli, bħall-minuri, il-minuri mhux akkumpanjati, l-anzjani jew il-vittmi ta’ torturi, sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet partikolari tagħhom ( 41 ). Il-premessa 41 tad-Direttiva 2011/95 tindika li l-Istati Membri jistgħu b’hekk jadottaw standards iktar favorevoli “[s]abiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju […] tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva” filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u d-diffikultajiet ta’ integrazzjoni partikolari li jiffaċċjaw.

74.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika, b’mod partikolari, li għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja l-aħjar interessi tat-tfal. Issa, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) ( 42 ), hija biss evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni tal-minuri – f’dan il-każ, mhux akkumpanjat – li tippermetti li jiġu identifikati l-“aħjar interessi tat-tfal” ( 43 ).

75.

Imbagħad, il-ħtieġa għal eżami individwali tas-sitwazzjonijiet tirriżulta mir-regoli partikolari dwar iż-żamma tal-unità tal-familja previsti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 ( 44 ) u b’mod partikolari mill-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, tal-kundizzjoni dwar tal-istatus ġuridiku tal-membru tal-familja jew saħansitra tat-teħid inkunsiderazzjoni meħtieġ tal-interessi tal-wild jew tas-sitwazzjonijiet individwali ta’ dipendenza ( 45 ).

76.

Fl-aħħar nett, il-klawżola ta’ esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/95 teħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw jekk il-membru tal-familja huwiex jew huwiex ser jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 17 ta’ din id-direttiva, pereżempju minħabba delitt li allegatament wettaq ( 46 ), fatt li jċaħħdu mill-benefiċċji li huwa seta’ jibbenefika minnhom minħabba r-rabtiet familjali tiegħu. Fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-implimentazzjoni ta’ din il-klawżola ta’ esklużjoni ma tistax tkun awtomatika, u teħtieġ eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali ( 48 ). Fir-rigward tal-klawżola ta’ esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, hija teħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Istati Membri jevalwaw każ b’każ jekk l-imġiba personali tal-membru tal-familja tistax tirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku ( 49 ).

77.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, eżami individwali biss tas-sitwazzjoni tal-familja li fiha jinsab il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jippermetti li jiġi ddeterminat sa liema punt huwa għandu jkun jista’ jibbenefika mid-dritt li tinżamm l-unità tal-familja u, fejn applikabbli, sa liema punt il-membri tal-familja tiegħu għandhom ikollhom aċċess għall-benefiċċji msemmija fid-Direttiva 2011/95 – bħall-aċċess għall-edukazzjoni jew l-impjieg – jew, għall-kuntrarju, jirrikorru r-riskju li jkunu mċaħħda minnhom minħabba s-sitwazzjoni ġuridika personali tagħhom jew il-fatti preċedenti tagħhom. Anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippermetta lill-Istati Membri jestendu l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali għall-wild minuri ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, tali benefiċċju ma jistax jingħata skont proċedura li ma tippermettix li tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali ta’ dan il-wild.

4.   L‑analiżi teleoloġika tad‑Direttiva 2011/95

78.

Id-Direttiva 2011/95 hija bbażata fuq l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri relatati ma’ sistema Ewropea komuni tal-ażil li tinkludi status uniformi għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali valida fl-Unjoni kollha.

79.

Fl-ewwel lok, din id-direttiva tesprimi b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri kollha jidentifikaw l-persuni li huma “ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” u jagħtu din il-protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi ta’ kriterji komuni billi jeżaminaw individwalment is-sitwazzjoni ta’ kull applikant ( 50 ). Huma stabbiliti żewġ status, jiġifieri l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jissupplimenta l-protezzjoni tar-refuġjati sanċita fil-Konvenzjoni ta’ Genève bl-istabbiliment ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni, għandu jiġi kkonstatat li ma pprevedix li jżid ma’ dawn is-sistemi protezzjoni addizzjonali li tingħata b’mod idderivata lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.

80.

Mill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(d) u (f) tagħha, jirriżulta li l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jippreżumi l-issodisfar ta’ żewġ elementi essenzjali. L-ewwel wieħed huwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjonijiet li l-persuna kkonċernata tkun vittma tagħhom minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, l-opinjonijiet politiċi tagħha jew is-sħubija tagħha f’ċertu grupp soċjali (refuġjat), jew ta’ dannu serju (protezzjoni sussidjarja), ladarba tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. It-tieni wieħed huwa r-responsabbiltà diretta jew indiretta ta’ dan il-pajjiż fl-eżistenza ta’ dan ir-riskju. Il-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ dak mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huwa għalhekk irriżervat għall-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini ma żgurawx il-protezzjoni kontra r-riskji ta’ persekuzzjonijiet jew ta’ dannu serju jew billi kienu fl-oriġini tal-persekuzzjonijiet, jew billi inkoraġġew jew ittolleraw il-persekuzzjonijiet minn milizzji jew gruppi privati oħra. Skont l-EASO, l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini hija għalhekk pass obbligatorju fl-analiżi tal-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali, fejn din tal-aħħar hija sekondarja u titqies biss jekk ma tiġi żgurata l-ebda protezzjoni minn dan il-pajjiż ( 51 ).

81.

Dawn iż-żewġ elementi huma determinanti għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali peress li jiffurmaw il-bażi tal-biża’ tal-individwu u jispjegaw l-impossibbiltà jew ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. F’dan il-kuntest, dawn jikkostitwixxu prinċipji ta’ gwida tas-sistema tal-protezzjoni internazzjonali.

82.

Fid-dawl tas-suġġett ta’ din il-kawża, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tieni wieħed minn dawn l-elementi. Dan jirrifletti l-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali msemmi diversi drabi mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, il-protezzjoni internazzjonali hija protezzjoni ta’ sostituzzjoni li tingħata lil applikant meta, u sakemm, il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma jkunx jista’ jipproteġih mir-riskji ta’ persekuzzjonijiet jew minn dannu serju li tagħhom huwa vittma ( 52 ). Bħall-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, id-Direttiva 2011/95 tinkorpora dan il-prinċipju fil-kuntest kemm tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tat-terminazzjoni ( 53 ) jew tal-esklużjoni tiegħu ( 54 ). Fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department ( 55 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk fakkret li ċ-ċirkustanzi li juru l-inkapaċità jew, bil-maqlub, il-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu element deċiżiv fl-evalwazzjoni li twassal għall-għoti jew, fejn xieraq, simetrikament, għat-terminazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat ( 56 ).

83.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għandu jkun eskluż meta l-membru tal-familja jibbenefika mid-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu stess u, b’mod partikolari, mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

84.

Fit-tieni lok, id-Direttiva 2011/95 tesprimi wkoll b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi status ta’ refuġjat u status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja li jkunu uniformi u li fil-kuntest tagħhom għandhom jingħataw l-istess drittijiet u l-istess benefiċċji ( 57 ). L-iskop ta’ din l-uniformità huwa li tiggarantixxi livell ekwivalenti ta’ trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, irrispettivament mill-Istat Membru ospitanti u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ moviment sekondarju tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mmotivati mid-diversità ta’ dawn kundizzjonijiet ( 58 ). Għaldaqstant u bla ħsara għal eżami individwalizzat, il-membri tal-familja huma għalhekk intitolati li jibbenefikaw, irrispettivament minn liema huwa l-Istat Membru ospitanti, mill-istess drittijiet u l-istess benefiċċji ( 59 ).

85.

Għalkemm, kif ser nispjega, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra sabiex jipprovdu għal trattament iktar favorevoli, dan il-marġni ma jistax iwassal għal ksur manifest tal-ugwaljanza fit-trattament li jrid hawnhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni.

86.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, id-Direttiva 2011/95 tesprimi b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiggarantixxi lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif sanċiti b’mod partikolari fil-Karta, fil-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 60 ).

87.

L-Artikolu 7 tal-Karta għalhekk jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jitqiesu l-aħjar interessi tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tagħha, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa għal wild li jżomm relazzjonijiet personali regolari maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) ( 61 ). Hemm kunsens universali dwar il-fatt li, bħala element fundamentali tas-soċjetà, il-familja għandha dritt għar-rispett u l-protezzjoni u li l-Istat għandu jagħmel dak kollu li jista’ sabiex iżomm ir-rabtiet bejn wild u l-familja tiegħu, fejn huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jwasslu għal ksur tar-rabta tal-familja ( 62 ).

88.

F’dan il-kuntest, iż-żamma tal-unità tal-familja hija dritt li huwa rikonoxxut bħala dritt essenzjali tar-refuġjat ( 63 ).

89.

Dan id-dritt joriġina minn, u huwa bbażat fuq, l-appoġġ materjali u psikoloġiku li l-membri tal-familja jistgħu jipprovdu lil xulxin, u b’hekk jikkontribwixxu għall-benesseri u l-protezzjoni ta’ kull wieħed minnhom ( 64 ). Filwaqt li l-eżilju forzat jesponi lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għal riskju reali li jkun isseparat b’mod permanenti mill-familja tiegħu, dan l-eżilju jesponi lill-membri tal-familja tiegħu, li jkunu baqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini u mċaħħda mill-appoġġ tiegħu, mhux biss għal riskji ta’ persekuzzjonijiet, iżda wkoll għal riskju ta’ prekarjetà ekonomika u soċjali, għal riskji ta’ vjolenza u sfruttament, anki għall-abbandun, peress li l-ħarba ta’ spiss tikkostitwixxi punt ta’ ebda ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini għal perjodu twil ( 65 ). Għalkemm ir-riskji ta’ persekuzzjonijiet jew dannu serju li għalihom huma esposti personalment il-membri tal-familja jiġġustifikaw l-għoti fir-rigward tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, għall-kuntrarju, ir-riskji ta’ prekarjetà ekonomika u soċjali li dawn jistgħu jsofru ma humiex biżżejjed sabiex ikun hemm bażi għal tali rikonoxximent.

90.

Il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ifittex li jiggarantixxi li l-unità tal-familja tinżamm f’dan l-aħħar każ. Għalkemm dan il-għan ma jidhirx fost l-għanijiet ewlenin ta’ din id-direttiva msemmija fil-premessa 12 tagħha, madankollu l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi għal obbligi partikolarment ċari u preċiżi għall-Istat Membru ospitanti. Dan għandu jippermetti lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jgħix ħajja normali tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, billi jagħti lill-membri tal-familja tiegħu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali meħtieġa sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom essenzjali u għall-integrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat ( 66 ).

91.

Skont il-UNHCR, iż-żamma tal-unità tal-familja għandha għalhekk tikkostitwixxi “mezz sabiex tkun żgurata dehra ta’ normalità f’ħajja... maqlugħa mill-għeruq” ( 67 ).

92.

Mingħajr ma jrid jikkomprometti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, l-għan essenzjali hekk segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li tinżamm l-unità tal-familja li l-komponent essenzjali tagħha, jiġifieri l-koppja u t-tfal, huwa diġà preżenti fl-Istat Membru ospitanti. Billi jagħti lill-konjuġi l-mezzi sabiex jaqla’ l-għajxien tiegħu stess f’dan l-Istat u lit-tfal il-mezzi sabiex imorru l-iskola, billi jagħtihom il-possibbiltà li jkollhom permess ta’ residenza li jiġġedded, li jkollhom akkomodazzjoni deċenti u li jibbenefikaw mill-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 isaħħaħ is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-familja, billi jipproteġi lil kull wieħed mill-membri tagħha. Permezz tat-tħaddim innifsu ta’ dan il-mekkaniżmu mfassal favur l-unità tal-familja u l-integrazzjoni ta’ kull wieħed mill-membri tagħha, il-familja għandha takkwista sitwazzjoni stabbli u awtonoma fl-Istat Membru ospitanti.

93.

Minn dan isegwi – u qiegħed infittex li nirrispondi għat-tielet domanda preliminari hawnhekk – li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ma tistax tiddependi fuq il-possibbiltajiet ta’ reinstallazzjoni tal-familja f’pajjiż terz, anki jekk uħud mill-membri tagħha jkollhom in-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż. Fil-fatt, ir-raġuni għal dan l-artikolu hija li jippermetti lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jgawdi d-drittijiet li tagħtih din il-protezzjoni filwaqt li tinżamm l-unità tal-ħajja tal-familja tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Il-fatt li tittieħed inkunsiderazzjoni tali possibbiltà jwassal sabiex jirrendi d-dispożizzjonijiet sanċiti fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva mingħajr effett utli peress li din tkun timplika li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jirrinunzja għad-dritt għall-ażil li qiegħed jingħatalu hawnhekk.

94.

Bħala konklużjoni, jidhirli li, fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali billi jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħtu l-istess protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja tiegħu u, b’mod partikolari, lill-wild minuri tiegħu, mingħajr ma dawn jagħmlu eżami individwali tal-applikazzjoni u indipendentement mill-punt jekk is-sitwazzjoni tal-membru tal-familja tiżvelax l-eżistenza ta’ ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-direttiva.

95.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, billi tagħti protezzjoni bħal din lill-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar u, b’mod partikolari, lill-wild minuri tiegħu, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb protezzjoni internazzjonali.

B. Fuq l‑ewwel domanda dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2011/95

96.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’, għall-finijiet li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja, tagħti lill-wild minuri ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta dan il-wild ikollu n-nazzjonalità ta’ pajjiż li ma jkunx dak tal-ġenitur tiegħu, li, bħala prinċipju, huwa jista’ jitlob il-protezzjoni tiegħu.

1.   Il‑portata tal‑marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mill‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2011/95 lill‑Istati Membri

97.

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, “[l]-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva” ( 68 ).

98.

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu standards iktar favorevoli fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġu identifikati l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha.

99.

Minn naħa, il-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja”. Huwa speċifikat li l-applikant ma jitlobx b’mod espliċitu tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

100.

Min-naħa l-oħra, meta jirreferi għall-“[kundizzjonijiet għall-għoti]” tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi biss għall-kundizzjonijiet għall-għoti li huwa jistabbilixxi espressament fil-Kapitoli II sa VI ta’ din id-direttiva.

101.

Fit-tieni lok, jirriżulta mir-riżerva espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il-kompatibbiltà meħtieġa ta’ dawn l-istandards iktar favorevoli mad-Direttiva 2011/95 li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tar-regoli materjali u proċedurali stabbiliti minn din id-direttiva u l-għanijiet li ssegwi ( 69 ).

102.

Infakkar li, skont l-Artikolu 78(2) TFUE, id-Direttiva 2011/95 tfittex li tiggarantixxi l-uniformità tal-istatus ta’ ażil u tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja billi tagħti protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi ta’ kriterji komuni għall-Istati Membri, wara eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-applikant.

103.

B’differenza mid-Direttiva 2004/83, li tistabbilixxi standards minimi, id-Direttiva 2011/95 hija parti minn sett komplet ta’ regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni, is-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li tfittex standard ta’ regoli ogħla. Għalkemm, fi ħdan il-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, dan il-leġiżlatur jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva kif ukoll il-kunċetti fundamentali għall-finijiet tal-implimentazzjoni tagħha, huwa jiddetermina l-kundizzjonijiet materjali u proċedurali għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fil-Kapitoli II sa VI. Fis-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) ( 70 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi kunċetti u kriterji komuni li huma speċifiċi għall-Unjoni ( 71 ).

104.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li Stat Membru jista’ juża l-marġni ta’ manuvra tiegħu sabiex jiddefinixxi b’mod differenti dawn il-kunċetti u dawn il-kriterji komuni u sabiex jadotta leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jkun jista’ tingħata għal raġunijiet li ma humiex dawk espressament imsemmija fid-Direttiva 2011/95 u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni li ma tkunx individwali.

105.

Din l-interpretazzjoni ma ċċaħħadx lill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu.

106.

Fil-fatt, il-libertà disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 tibqa’ wiesgħa biżżejjed sabiex tippermettilhom jadottaw regoli iktar favorevoli, f’sens li jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’din id-direttiva.

107.

Minn naħa, id-Direttiva 2011/95 fiha bosta dispożizzjonijiet fakultattivi li kull Stat Membru huwa liberu li jimplimenta ( 72 ).

108.

Min-naħa l-oħra, ċerti kunċetti li huma fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma humiex iddefiniti stricto sensu. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-kunċett ta’ “persekuzzjoni”. Kif jinnota l-EASO, dan huwa kunċett “flessibbli, adattabbli u wiesgħa biżżejjed sabiex tirrifletti l-forom dejjem jinbidlu ta’ persekuzzjoni” ( 73 ). Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jelenkax b’mod eżawrjenti l-forom li din tista’ tieħu u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata jistgħu jiġu evalwati b’mod differenti mill-Istati Membri, kif muri fit-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

109.

Infakkar li d-determinazzjoni tal-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali taqa’ taħt evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni. Kull Stat Membru huwa liberu li jevalwa sa liema punt il-kunċetti u l-kriterji komuni ddefiniti fid-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu implimentati sabiex jirrendi l-applikazzjoni tagħhom iktar effettiva wara dan l-eżami. Bħala parti minn din l-evalwazzjoni individwali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti iktar flessibbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ persekuzzjonijiet jew dannu serju li għalihom huwa espost l-applikant ( 74 ). Huma jistgħu jadottaw ukoll regoli iktar favorevoli meta jevalwaw il-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-membri tal-istess familja u, b’mod partikolari, tal-ulied, pereżempju billi jbaxxu l-livell ta’ persekuzzjoni jew ta’ dannu serju meħtieġ mit-testi. L-evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali għandha, fil-fatt, tqis il-vulnerabbiltà partikolari tal-membri tal-familja. L-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-kap tal-familja jesponihom, pereżempju, għal riskju ogħla ta’ persekuzzjonijiet jew dannu serju għal raġunijiet speċifiċi għalihom jew minħabba s s-sempliċi parentela tagħhom ( 75 ). Għalhekk, l-UNHCR irrakkomanda r-rikonoxximent “b’mod idderivat” tal-istatus ta’ refuġjat għall-qraba ta’ vittmi potenzjali ta’ mutilazzjonijiet ġenitali femminili ( 76 ), fil-każ li dawn tal-aħħar ikunu esposti għal riskji ta’ persekuzzjonijiet minħabba l-oppożizzjoni għal din il-prattika li huma jkunu pprovaw.

110.

L-evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali għandha tqis ukoll il-vulnerabbiltà partikolari tal-ulied. Atti jew theddid li, għal adult, jistgħu jitqiesu bħala insuffiċjenti sabiex jilħqu l-livell ta’ persekuzzjonijiet jistgħu jilħqu dan il-livell fil-każ ta’ wild.

111.

Dawn huma parametri li d-Direttiva 2011/95 ma tistabbilixxix u tħalli għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru.

112.

Huwa f’dan is-sens li s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova ( 77 ), għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi interpretata. Fil-kuntest partikolari tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li Stat Membru jista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, jestendi l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali li ngħatat lil membru ta’ familja lil membri oħra ta’ din il-familja sakemm, madankollu, il-membru tal-familja kkonċernata ma jkunx jaqa’ taħt waħda mill-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u s-sitwazzjoni tiegħu tippreżenta, minħabba l-bżonn li tinżamm l-unità tal-familja, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

113.

F’dik il-kawża, it-tliet membri tal-familja kienu mill-Ażerbajġan, pajjiż li fih kemm il-missier kif ukoll l-omm tal-familja kienu jqisu lilhom innifishom vittmi ta’ riskji ta’ persekuzzjonijiet u l-membri kollha ta’ din il-familja kienu marru l-Bulgarija sabiex kull wieħed individwalment u simultanjament jippreżenta hemmhekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fejn l-omm talbet l-għoti ta’ din il-protezzjoni wkoll favur binha, Ażerbajġani. Kollha kienu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “membri tal-familja” fit-tifsira tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 u ħadd ma kellu status ġuridiku personali li jimpedixxi l-għoti ta’ protezzjoni. Din l-identità, kemm fattwali kif ukoll ġuridika, tas-sitwazzjoni tal-membri tal-familja kienet, fil-fehma tiegħi, deċiżiva għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 f’dik il-kawża.

114.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ħadet ħsieb tipprovdi qafas għall-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

115.

L-ewwel, meta rreferiet għar-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja wriet ir-rieda tagħha li ma tippermettix l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil membru tal-familja li b’mod ċar ma jkollux bżonn tali status – minħabba li jibbenefika mill-protezzjoni ta’ korp tan-Nazzjonijiet Uniti jew minħabba li huwa kkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti bħala li għandu d-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat jew drittijiet u obbligi ekwivalenti ( 78 ) – jew li jitqies li ma jimmeritax il-protezzjoni marbuta miegħu ( 79 ).

116.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk kienet konformi mas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D ( 80 ), li fiha ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 ma jippermettux li jingħata l-status ta’ refuġjat lil persuna li hija eskluża minnu bis-saħħa tal-Artikolu 12(2), ta’ din id-direttiva minħabba t-twettiq ta’ delitt mhux politiku, u dan sabiex “tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni” pprovduta mid-direttiva msemmija ( 81 ).

117.

Jekk l-estensjoni tal-protezzjoni internazzjonali hija eskluża fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95 għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-membru tal-familja huwa kkunsidrat bħala li jibbenefika mid-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ residenza, tali estensjoni ma għandhiex, iktar u iktar, tkun possibbli meta dan il-membru jibbenefika mid-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu stess u, b’mod partikolari, mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

118.

It-tieni, meta ħtieġet li s-sitwazzjoni tal-membru tal-familja tkun tippreżenta, “minħabba l-bżonn ta’ żamma tal-unità familjari, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali” ( 82 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, irreferiet għall-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 u wriet ir-rieda tagħha li tillimita l-benefiċċju ta’ tali estensjoni għall-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 49 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-direttiva tfittex, fil-fatt, li tinżamm l-unità taċ-ċellola tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali meta huwa jkun imġiegħel jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba persekuzzjonijiet jew dannu serju li huwa l-vittma tagħhom f’dan il-pajjiż, bir-riskju li jinqatgħu r-rabtiet mal-familja.

119.

Il-kriterju li s-sitwazzjoni tal-membru tal-familja għandha tippreżenta “minħabba l-bżonn ta’ żamma tal-unità familjari, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali” huwa konformi, din id-darba, mas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj ( 83 ).

120.

Fil-fatt, huwa fid-dawl ta’ din il-loġika segwita mill-protezzjoni internazzjonali li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj ( 84 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja seta’ jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, vittma ta’ aggressjoni fl-Istat Membru ospitanti u li l-istat ta’ saħħa tiegħu kien fil-perikolu li jiddeterjora minħabba l-ineżistenza ta’ kura adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kienet tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt l-“għoti tal-istatus, previsti fid-Direttiva 2004/83, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali, [kien] imur kontra l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-imsemmija direttiva” ( 85 ).

121.

Huwa fid-dawl ta’ dan il-qafas analitiku li għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tal-AsylG jaqgħux fil-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jagħti lill-Istati Membri.

2.   Eżami tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni

122.

Fid-dawl tal-elementi li għadhom kemm ġew stabbiliti, inqis li, bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 26(2) tal-AsylG, il-leġiżlatur Ġermaniż mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 ( 86 ).

123.

Fil-fatt, fil-każ fejn il-wild minuri tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta’ tali protezzjoni, l-applikazzjoni li jagħmel fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni tista’ twassal għall-għoti ta’ din il-protezzjoni għal finijiet, f’dan il-każ, ta’ protezzjoni tal-familja, u skont kundizzjonijiet materjali u proċedurali differenti minn dawk imsemmija fid-Direttiva 2011/95.

124.

Nikkunsidra li applikazzjoni bħal din, ippreżentata għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 ( 87 ) u tikkostitwixxi applikazzjoni li biha dan il-wild jitlob tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

125.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ahmedbekova ( 88 ), l-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreċiża li “l-applikazzjoni li permezz tagħha l-membru tal-familja ta’ persuna li tissodisfa l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jitlob li huwa wkoll jingħata l-kwalità ta’ refuġjat, indipendentement mill-eżistenza ta’ biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni li tirrigwardah personalment, ma tistax tiġi kkunsidrata, strictu sensu, bħala bbażata fuq l-Artikolu 1, Sezzjoni A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din tal-aħħar” ( 89 ).

126.

L-ewwel, din l-applikazzjoni tfittex l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja lil wild, meta dan tal-aħħar ma għandux bżonn protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/95.

127.

Fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-familja li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, din tissostitwixxi l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2011/95 b’kundizzjoni oħra relatata ma’ rabta ta’ filjazzjoni bejn l-applikant u l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Din il-leġiżlazzjoni għalhekk tagħmilha possibbli li tingħata protezzjoni internazzjonali, filwaqt li l-applikant ma kien jissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji essenzjali għal dan il-għan, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ persekuzzjoni jew dannu serju minn attur u li kontrihom protezzjoni hija meħtieġa minħabba n-nuqqas tal-pajjiż ta’ oriġini li jieħu azzjoni.

128.

Il-konsegwenza ta’ sostituzzjoni bħal din hija li ċċaħħad mill-effett utli l-klawżoli ta’ terminazzjoni jew ta’ esklużjoni tal-protezzjoni internazzjonali, li huma marbutin fil-fond mal-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha. Għalhekk, wild jista’ jingħata l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja f’sitwazzjoni li fiha jista’ ma jkollux bżonn protezzjoni internazzjonali, iżda wkoll f’sitwazzjoni li fiha bħala prinċipju jkun eskluż minnha, minħabba, pereżempju, l-istatus ġuridiku personali tiegħu, għaliex huwa jibbenefika mid-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew sempliċement għaliex ikun f’pożizzjoni li jitlob, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu stess.

129.

It-tieni, l-applikazzjoni ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 26(2) tal-AsylG tista’ twassal għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, anki jekk is-sitwazzjoni tal-wild ma tippreżentax, minħabba l-ħtieġa li tinżamm l-unità tal-familja, rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova ( 90 ).

130.

Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 26(1) (dritt idderivat tal-konjuġi jew tas-sieħeb mhux miżżewweġ) u (3) (dritt idderivat tal-axxendenti) tal-AsylG, l-Artikolu 26(2) ta’ din il-liġi, jidher li japplika indipendentement minn jekk il-wild kienx parti mill-familja fiż-żmien meta l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali kien imġiegħel jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini.

131.

It-tielet, applikazzjoni bħal din tista’ tirriżulta fl-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali permezz ta’ tip ta’ “effett kollettiv” mingħajr ma l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun wettqet eżami individwali tas-sitwazzjoni li fiha jinsab il-wild.

132.

Għalkemm, kif sostna l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, l-għoti awtomatiku ta’ din il-protezzjoni jagħmilha possibbli li jiġi ssimplifikat u mtaffi l-piż tal-eżami li għandha tagħmel l-awtorità nazzjonali kompetenti, inqis li sistema awtomatika bħal din ma tippermettix li s-sitwazzjoni individwali tal-wild titqies kif jixraq. L-obbligu li tinstab soluzzjoni fl-aħjar interessi ta’ dak il-wild jirrikjedi li l-Istat Membru ospitanti jwettaq eżami bir-reqqa tal-fatti u ċ-ċirkustanzi li fihom ikun jinsab dan il-wild u li jqis kif xieraq is-sitwazzjoni personali tiegħu. Dan l-inkonvenjent huwa ggravat mill-fatt li, kif irrikonoxxa l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, in-natura “dderivata” tal-istatus mogħti lill-wild għandha l-effett li, jekk, għal xi raġuni jew oħra, il-missier jitlef l-istatus ta’ refuġjat, il-wild jitilfu wkoll awtomatikament.

133.

Barra minn hekk, ma jienx konvint li l-aħjar interessi tal-wild jirrikjedu li huwa jingħata awtomatikament l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fejn ma għandux bżonn protezzjoni internazzjonali. Infakkar li d-dritt għall-ażil, kif sanċit fl-Artikolu 18 tal-Karta, la għandu l-għan u lanqas huwa intiż li jiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja, iżda li jissodisfa ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali. L-għoti ta’ tali status għalhekk ma huwiex neċessarjament iktar protettiv fir-rigward tad-drittijiet tal-familja u tal-wild milli huwa l-għoti tad-drittijiet speċifikament previsti għal dan il-għan fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jew fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86.

134.

Nenfasizza, minn naħa, li l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huwa partikolari u jinvolvi l-applikazzjoni ta’ korp ta’ regoli u obbligi speċifiċi. F’ċerti Stati Membri, l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jimplika li l-benefiċjarju ma għandux iktar relazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, inkluż mal-awtoritajiet konsulari tiegħu, u ma jmurx f’dan il-pajjiż, taħt piena ta’ irtirar jew terminazzjoni ta’ din il-protezzjoni. Għalkemm din ir-regola hija ġġustifikata perfettament sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ dawk li jirrikorru r-riskju li jkunu esposti għal atti ta’ tpattija minħabba l-ħarba tagħhom, naħseb li l-applikazzjoni tagħha, għall-kuntrarju, ma tagħmel l-ebda sens f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fejn il-wild jiġi mċaħħad mir-rabtiet mal-pajjiż li għandu n-nazzjonalità tiegħu, mingħajr raġuni leġittima. Bl-istess mod, jidhirli mhux ġustifikat, f’sitwazzjoni bħal din, li l-Istat Membru ospitanti jissostitwixxi l-protezzjoni nazzjonali li jibbenefika minnha dan il-wild b’protezzjoni internazzjonali u jeżerċita fil-konfront tiegħu l-obbligi li huma tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

135.

Min-naħa l-oħra, ma għandniex ninsew li, lil hinn mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, is-sistema Ewropea komuni tal-ażil tagħmilha possibbli li tiġi protetta l-ħajja tal-familja tar-refuġjati u li tiġi ggarantita d-difiża tal-interessi superjuri tal-wild permezz ta’ strumenti oħra tad-dritt idderivat, fatt li jiddistingwi l-Unjoni minn sistemi ġuridiċi oħra.

136.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Direttiva 2003/86 għalhekk tipprovdi għal sistema partikolari u kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ( 91 ). Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija hawnhekk maħsuba bħala l-korollarju tad-dritt tar-refuġjat għall-unità tal-familja u għaż-żamma tagħha. Fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S ( 92 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat ir-rabta bħala “intrinsika […] bejn id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja previst fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 u l-istatus ta’ refuġjat” ( 93 ). L-eżistenza ta’ din ir-rabta timplika mhux li wieħed iħallat ir-regoli speċifiċi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma’ dawk intiżi għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, iżda pjuttost li wieħed jartikola dawn iż-żewġ settijiet ta’ regoli, billi jiġu żgurati s-sens u l-effett utli ta’ kull wieħed minnhom.

137.

Kif jidher mill-premessa 6, id-Direttiva 2003/86 hija intiża mhux biss sabiex iżżomm il-ħajja tal-familja, iżda wkoll sabiex toħloq il-ħajja tal-familja, billi r-rabtiet tal-familja jistgħu jkunu qabel jew wara d-dħul tal-isponsor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 94 ). Jirriżulta, ukoll, minn ġurisprudenza stabbilita, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikoli 24(2) u (3) tal-Karta, li jeħtieġu li l-Istati Membri jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interessi tal-ulied ikkonċernati u bil-ħsieb li tiġi promossa l-ħajja tal-familja ( 95 ).

138.

F’dan il-kuntest u sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari, naħseb li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni li tidher li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, ma huwiex rilevanti li jitqiesu l-possibbiltajiet għar-reinstallazzjoni tal-familja f’pajjiż terz sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-ħajja tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jistax ikun meħtieġ jew saħansitra raġonevolment mistenni li jagħżel, għal dan il-għan, li jirrinunzja għall-protezzjoni internazzjonali li joffrilu l-Istat Membru ospitanti billi jinstalla ruħu f’pajjiż terz mingħajr ma tiġi injorata r-raġuni ta’ din id-direttiva.

139.

Ir-raba’, l-Artikolu 26(2) tal-AsylG jidhirli li jmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti l-istess drittijiet u l-istess benefiċċji lill-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali b’mod li dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn trattament u kundizzjonijiet tal-għajxien ekwivalenti irrispettivament mill-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, billi tipprovdi kważi awtomatikament l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-wild minuri tal-benefiċjarju ta’ tali protezzjoni, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha jinsab dan il-wild, din il-leġiżlazzjoni tista’ tqajjem ir-riskju ta’ movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

140.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 26(2) tal-AsylG jwassal, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni, għall-għoti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ protezzjoni internazzjonali, filwaqt li din tal-aħħar, l-ewwel, twieldet fit-territorju Ġermaniż, sentejn wara li kiseb l-istatus ta’ refuġjat missierha, ċittadin Sirjan, it-tieni, għandha nazzjonalità oħra minbarra dik ta’ missierha u tista’, bħala prinċipju, tibbenefika mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu (it-Tuneżija), it-tielet, ma hijiex qiegħda titlob il-protezzjoni internazzjonali minħabba riskji ta’ persekuzzjonijiet fil-pajjiż li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu, ir-raba’, għandha, bħala prinċipju, minħabba t-twelid tagħha fit-territorju Ġermaniż, permess ta’ residenza ( 96 ) u, fl-aħħar nett, il-ħames, tista’ tibbenefika, preċiżament minħabba l-istatus ta’ refuġjat li għandu missierha fil-Ġermanja, mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja sanċit fid-Direttiva 2003/86.

141.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ikun għalhekk kuntrarju għas-sens ġenerali u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 li wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni, li ma għandha, fl-opinjoni tiegħi, ebda rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova ( 97 ), jibbenefika mill-istatus li din id-direttiva tipprevedi.

142.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat jew tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja billi tagħti lill-wild minuri ta’ dan tal-aħħar protezzjoni internazzjonali mingħajr ma tagħmel eżami individwali tal-applikazzjoni u indipendentement minn jekk is-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiżvelax l-eżistenza ta’ ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2011/95 jew turi rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

143.

Fid-dawl tar-risposti li nipproponi li jingħataw għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari, ma hemmx għalfejn tingħata risposta, fl-opinjoni tiegħi, b’mod iżolat, għat-tielet domanda preliminari.

V. Konklużjoni

144.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, billi tagħti protezzjoni bħal din lill-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar u, b’mod partikolari, lill-wild minuri tiegħu, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb protezzjoni internazzjonali.

2)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tfittex li tiggarantixxi ż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat jew tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja billi tagħti lill-wild minuri ta’ dan tal-aħħar protezzjoni internazzjonali mingħajr ma tagħmel eżami individwali tal-applikazzjoni u indipendentement minn jekk is-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiżvelax l-eżistenza ta’ ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-direttiva jew turi rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Konvenzjoni li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”. Din ġiet issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal‑1967”).

( 3 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 4 ) Premessa 12 ta’ din id-direttiva.

( 5 ) Premessa 13 ta’ din id-direttiva.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029).

( 7 ) BGB1. 2008 I, p. 1798.

( 8 ) BGBl. 2019 I p. 1626, iktar ’il quddiem l-“AsylG”.

( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 68).

( 10 ) Ara t-titolu u l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

( 12 ) Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2003/86, li tgħid li din hija intiża “[b]iex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja”.

( 13 ) Il-premessa 36 tad-Direttiva 2011/95 tirrigwarda biss il-membri tal-familja ta’ refuġjat, bl-esklużjoni tal-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja.

( 14 ) Ara l-premessa 12 ta’ din id-direttiva.

( 15 ) Madankollu, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi għal limitazzjoni fuq is-servizzi essenzjali relatati mal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.

( 16 ) C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68.

( 17 ) COM(2001) 510 final.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-ex Artikolu 6(1) ta’ din il-proposta.

( 19 ) Ara l-emenda 22 tar-rapport tat‑8 ta’ Ottubru 2002 dwar il-proposta msemmija għal direttiva (A5‑0333/2002 Final).

( 20 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 7, p. 96). Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2011/95.

( 21 ) L-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika li, “[i]l-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V [ta’ din id-direttiva]”.

( 22 ) L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/95 jippreċiża li, “[m]inkejja paragrafi 1 u 2 [ta’ dan l-artikolu], l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku”.

( 23 ) EASO Analiżi ġuridika, Kundizzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (Direttiva 2011/95/UE), 2018 (p. 106).

( 24 ) “Sponsor” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha.

( 25 ) Ara l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/86.

( 26 ) Korsiv miżjud minni.

( 27 ) Ara l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/86.

( 28 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punti 1920), kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 3839, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta. Ara, ukoll, il-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 80 sa 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, Feller, E., Türk, V., u Nicholson, R., La protection des réfugiés en droit international, Larcier, Brussell, b’mod partikolari, id-Disa’ parti intitolata “L’unité de la famille (Acte final, Conférence des Nations unies de 1951)”, p. 678.

( 32 ) Ara Feller, E., Türk, V., u Nicholson, R., op. cit., p. 624.

( 33 ) Rakkomandazzjoni B, 1). Ara, ukoll, Il-Gwida għall-Proċeduri u l-Kriterji Li Għandhom Jiġu Applikati fid-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat Taħt il-Konvenzjoni tal‑1951 u l-Protokoll tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, UNHCR, Genève, 1992, punt 183.

( 34 ) Huwa wkoll f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2003/86, li għandha bħala għan, skont il-premessi 2, 6 u 8 tagħha, li tiżgura l-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat, kif ukoll iż-żamma jew il-ħolqien tal-ħajja tal-familja ta’ dan tal-aħħar billi tirregola l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

( 35 ) Ara l-premessi 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95.

( 37 ) Disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/fr/protection/operations/4b151d86e/commentaires-annotes-hcr-directive-200483ce-conseil-29-avril-2004-concernant.html.

( 38 ) Disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/fr/excom/standcom/4b30a618e/questions-relatives-protection-famille.html.

( 39 ) Kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-familja (punt 9. Korsiv miżjud minni.

( 40 ) Bħall-eżami dwar id-determinazzjoni tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li jeħtieġ, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha, iżda wkoll il-“pożizzjoni individwali u […] tal-applikant” (Artikolu 4(3)(c)) u l-eżistenza ta’ protezzjoni nazzjonali (Artikolu 4(3)(e)).

( 41 ) Ara, ukoll, il-premessa 38 tad-Direttiva 2011/95, li bis-saħħa tagħha, “[m]eta jiddeċiedu dwar il-jedd għall-benefiċċji inklużi f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ dak il-benefiċjarju”.

( 42 ) C‑441/19, EU:C:2021:9.

( 43 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C-441/19, EU:C:2021:9, punt 46).

( 44 ) Ara, ukoll, il-Manwal ta’ Reinstallazzjoni tal-UNHCR, 2011 (disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/en/5162da949.pdf), b’mod partikolari, il-punt 3.1.5 “Status idderivat b’konnessjoni mar-riunifikazzjoni tal-familja”, li jispeċifika li “l-applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat idderivat għandhom jiġu eżaminati mill-persunal responsabbli għall-protezzjoni jew għall-eliġibbiltà u jinvolvu kontroll iddettaljat tad-dokumenti kollha disponibbli u tal-informazzjoni varja relatati mal-identità tar-rikorrent u r-relazzjoni tiegħu mar-refuġjat” p. 86.

( 45 ) Ara l-premessa 19 ta’ din id-direttiva, li bis-saħħa tagħha l-kunċett ta’ “membri tal-familja” jista’ jitwessa’ “sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti partikolari tad-dipendeza u l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata fl-aħjar interessi tat-tfal.” Ara, wkoll, EASO, Judicial Analysis, Evidence and Credibility Assessment in the Context of the Common European Asylum System, 2018, p. 62 (“Individual assessment”), p. 126 (“The best interests of the child”) u p. 136 (“Family relationships and evidence assessment”).

( 46 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra) (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) C‑369/17, EU:C:2018:713.

( 48 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 4849). Ara, ukoll, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 51).

( 49 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra) (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punti 5354).

( 50 ) Ara l-premessa 12 ta’ din id-direttiva. Ara, ukoll, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 37), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 79).

( 51 ) Ara Gwida Prattika [tal-EASO]: Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-ibbenefikar mill-protezzjoni internazzjonali, April 2018, b’mod partikolari p. 11, 12 u 36.

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 90 tal-Gwida tal-UNHCR iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn l-UNHCR jinnota li “l-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tibżax b’mod iġġustifikat li tiġi ppersegwitata trid tiġi eżaminata fir-rigward tal-pajjiż li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu. Sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex biża’ fir-rigward tal-pajjiż li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu, jista’ jkun mistenni minnha li tuża l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. Hija ma għandhiex bżonn protezzjoni internazzjonali u għalhekk ma hijiex refuġjata” (ara, ukoll il-punti 106 u 107 ta’ din il-gwida). Fid-duttrina, ara, b’mod partikolari, Hathaway, J. C., u Foster, M., The law of refugee status, it-tieni edizzjoni., Cambridge University Press, Cambridge, 2014, p. 55: “Id-dritt tar-refuġjati huwa bbażat fuq l-ipoteżi sottostanti li, meta din tkun disponibbli, il-protezzjoni nazzjonali tipprevali fuq il-protezzjoni internazzjonali ta’ sostituzzjoni. Waqt ir-redazzjoni tal-Konvenzjoni, id-delegati esprimew b’mod ċar l-opinjoni tagħhom li ebda persuna ma għandha tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ refuġjat sakemm hija ma tistax jew ma tridx għal raġuni leġittima tinvoka l-protezzjoni tal-pajjiż li hija ċittadina tiegħu”, kif ukoll p. 462: “l-għan tad-dritt tar-refuġjati huwa li tingħata protezzjoni ta’ sostituzzjoni fl-istennija tat-tkomplija jew tal-istabbiliment ta’ protezzjoni nazzjonali sinjifikattiva”, u p. 494 u 495. Ara, ukoll, Goodwin‑Gill, G. S., u McAdam, J., The refugee in international law,it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 421: “L-assenza jew ir-rifjut ta’ protezzjoni huma l-karatteristiċi prinċipali tar-refuġjat, u huwa d-dritt internazzjonali, min-naħa tiegħu, li għandu jissostitwixxi l-protezzjoni li l-pajjiż ta’ oriġini ma jistax jew ma jridx jipprovdi b’dik tiegħu”; u p. 72: “Dawk li jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat ieħor ikollhom, f’ċirkustanzi normali, dritt għall-protezzjoni tiegħu u għaldaqstant ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ refuġjat” (traduzzjonijiet liberi).

( 53 ) Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95.

( 54 ) Ara l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95.

( 55 ) C‑255/19, EU:C:2021:36.

( 56 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department (C‑255/19, EU:C:2021:36, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara l-premessi 5, 9 u 10 tad-Direttiva 2011/95.

( 58 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2011/95.

( 59 ) Bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li joħorġu mill-prinċipju ta’ non‑refoulement.

( 60 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Ara l-premessi 4, 16 u 17 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 78), u tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara l-Artikoli 3 u 9 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Wild, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni tagħha 44/25 tal‑20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990. Ara, ukoll, il-Qorti EDB, 6 ta’ Lulju 2010, Neulinger u Shuruk vs L‑Iżvizzera, CE:ECHR:2010:0706JUD004161507, punti 49 sa 64.

( 63 ) Dan jixhdu l-post tiegħu fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95.

( 64 ) Ara Feller, E., Türk, V., u Nicholson, R., op. cit.: “Respecter le principe de l’unité de la famille est un des principaux moyens de protéger la famille du réfugié”, p. 624.

( 65 ) Ara Feller, E., Türk, V., u Nicholson, R., op. cit. p. 626 u 627.

( 66 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 41 sa 48 tad-Direttiva 2011/95.

( 67 ) Kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-familja, tal‑4 ta’ Ġunju 1999, punt 15 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 68 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Sa fejn dawn għandhom ikunu standards iktar favorevoli, huwa mifhum li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi eżerċitat b’rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

( 70 ) C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403.

( 71 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 83).

( 72 ) Ara, pereżempju, dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 previsti fl-Artikolu 5(3) (applikazzjoni sussegwenti), fl-Artikolu 14(4) u (5) (revoka tal-istatus ta’ refuġjat), fl-Artikolu 17(3) (esklużjoni tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja), fl-Artikolu 19(2) (revoka tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja), fl-Artikolu 21(2) u (3) (protezzjoni kontra r-refoulement), fl-Artikolu 23(4) u (5) (żamma tal-unità tal-familja), fl-Artikolu 29(2) (protezzjoni soċjali), kif ukoll l-Artikolu 35 (ripatrijazzjoni).

( 73 ) Gwida Prattika [tal‑EASO]: Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-ibbenefikar mill-protezzjoni internazzjonali, April 2018, p. 16.

( 74 ) Qiegħed naħseb, pereżempju, fil-livell ta’ gravità tal-att ta’ persekuzzjoni, fin-natura ripetuta tiegħu, fl-atturi u fir-raġunijiet tal-persekuzzjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518), dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “libertà ta’ reliġjon”.

( 75 ) Ara l-premessa 36 tad-Direttiva 2011/95.

( 76 ) Ara n-Nota ta’ Gwida tal-UNHCR fuq Talbiet għall-Ażil dwar il-Mutilazzjonijiet Ġenitali Femminili, Mejju 2009, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.unhcr.org/fr/publications/legal/4fd737379/note-dorientation-demandes-dasile-relatives-mutilations-genitales-feminines.html, punt 11.

( 77 ) C‑652/16, EU:C:2018:801.

( 78 ) Ara l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95 li jinkorpora r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 1D u E tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 4950).

( 79 ) Ara l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, li jeskludi mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-persuna li tkun wettqet delitt kontra l-paċi jew l-umanità, delitt tal-gwerra jew delitt serju mhux politiku jew li kienet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-artikolu jinkorpora r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 80 ) C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661. Fil-kawża B (C‑57/09), l-awtorità nazzjonali kompetenti qieset li B kellu jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat minħabba d-delitt serju mhux politiku li huwa kien wettaq. Fil-kawża D (C‑101/09), D kien ibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat qabel ma nbdiet proċedura ta’ revoka minħabba t-twettiq allegat ta’ delitt serju u l-eżistenza ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

( 81 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 114115).

( 82 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 74).

( 83 ) C‑542/13, EU:C:2014:2452.

( 84 ) C‑542/13, EU:C:2014:2452.

( 85 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 44).

( 86 ) Għalhekk naqbel mal-fehma espressa mill-qorti tar-rinviju li l-leġiżlatur Ġermaniż mar “b’mod ċar lil hinn” mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 li “jipproteġi” lill-membri tal-familja li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

( 87 ) Fid-dritt Ġermaniż, dan l-istatus huwa kklassifikat bħala “ażil tal-familja”. It-titolu tal-Artikolu 26 huwa kif ġej: “Familienasyl und internationaler Schutz für Familienangehörige” (Ażil tal-familja u protezzjoni internazzjonali tal-membri tal-familja).

( 88 ) C‑652/16, EU:C:2018:514.

( 89 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:514, punt 55).

( 90 ) C‑652/16, EU:C:2018:801.

( 91 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 32). Ara, ukoll, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (COM (2014) 210 final) (punt 6). Ara, għal darba oħra, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Lulju 2014, Tanda‑Muzinga vs Franza, CE:ECHR:2014:0710JUD000226010, punt 76. Id-Direttiva 2003/86 tkopri biss ir-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati. Madankollu, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jibbenefikaw mid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lir-refuġjati, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2011/95 (adottata wara d-Direttiva 2003/86) u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-UNHCR fit-tweġiba tiegħu għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) (COM(2011) 735 finali) (disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/protection/operations/4f54e3fb13/refugee-family-reunification-unhcrs-response-european-commission-green.html).

( 92 ) C‑550/16, EU:C:2018:248.

( 93 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 62).

( 94 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 59). Ara, ukoll, il-Green Paper tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punt 4.2, “Kwistjonijiet oħra relatati mal-ażil” (p. 7). Ara, f’dan is-sens ukoll, il-Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2014, Mugenzi vs Franza, CE:ECHR:2014:0710JUD005270109, punt 54.

( 95 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 96 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 33 tal-Gesetz über den Aufenhalt, die Erwerbstätigung und die Integration von Ausländern in Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950). Fil-każ preżenti, mill-fajl ma jirriżultax li r-residenza, fit-territorju Ġermaniż, tal-familja jew ta’ membru tagħha hija mhedda.

( 97 ) C‑652/16, EU:C:2018:801.

Top