EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CC0090
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 3 June 2021.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:449
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑3 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )
Kawża C‑90/20
Apcoa Parking Danmark A/S
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Spejjeż miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata – Klassifikazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Apcoa Parking Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Apcoa”) u Skatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxa, id-Danimarka), fir-rigward tal-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata. |
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddikjara jekk dawn l-ispejjeż jikkostitwixxux somma dovuta bħala kumpens għad-dannu tal-ksur ta’ obbligi kuntrattwali, jew għall-kuntrarju, il-korrispettiv ta’ provvista individwabbli fis-sens tad-Direttiva tal-VAT. |
4. |
Ser nesponi r-raġunijiet li jwassluni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni din it-tieni klassifikazzjoni. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑Direttiva tal‑VAT
5. |
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
6. |
L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika”. |
7. |
Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli hija kkunsidrata bħala “provvista ta’ merkanzija”. |
8. |
L-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.” |
9. |
Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT: “Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:
|
10. |
L-Artikolu 135(1)(l) u (2)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: […]
2. Dan li ġej għandu jiġi eskluż mill-eżenzjoni prevista fil-punt (l) tal-paragrafu 1: […]
[…]” |
B. Id‑dritt Daniż
1. Il‑Liġi dwar il‑VAT
11. |
L-Artikolu 4(1) tal-lov om merværdiafgift (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) ( 3 ) jipprovdi: “Il-merkanzija u s-servizzi pprovduti bi ħlas fit-territorju nazzjonali huma suġġetti għat-taxxa. Huwa kkunsidrat bħala ‘provvista ta’ merkanzija’, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. Provvista ta’ servizzi tinkludi kull provvista oħra.” |
12. |
Skont il-punt 8 tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi: “Il-merkanzija u s-servizzi li ġejjin huma eżentati mit-taxxa: […]
|
13. |
L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Waqt il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi, il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mir-remunerazzjoni, inkluż is-sussidji, direttament marbuta mal-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi, iżda ma tinkludix it-taxxa prevista minn din il-liġi. Jekk il-ħlas isir kollu jew parzjalment qabel il-provvista jew qabel ma tinħareġ il-fattura, il-bażi taxxabbli togħla għal 80 % tas-somma rċevuta.” |
2. Il‑Liġi dwar it‑Traffiku fit‑Toroq
14. |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-færdselsloven (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq) ma tispeċifikax is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jinġabru spejjeż ta’ kontroll ta’ parkeġġ irregolari fi proprjetà privata. Madankollu, hija tipprovdi, wara emenda leġiżlattiva fl-Artikolu 122c(1) li seħħet fl-2014, li f’każ ta’ parkeġġ f’territorju privat miftuħ għall-pubbliku, it-tariffa ta’ kontroll (spejjeż ta’ kontroll) tista’ tiġi imposta biss jekk din tiġi indikata b’mod ċar fuq il-post (bla ħsara għal projbizzjoni ġenerali u indikata b’mod ċar fiż-żona). |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
15. |
Apcoa hija kumpannija privata li tiġġestixxi parkeġġi fi proprjetajiet privati bi qbil mal-proprjetarji tagħhom. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-ispazji ta’ parkeġġ, bħall-projbizzjoni ta’ parkeġġ mingħajr awtorizzazzjoni speċifika, it-tul massimu ta’ parkeġġ u l-ħlas eventwali ta’ tariffa b’korrispettiv għal dan. F’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-użu, Apcoa tiġbor ukoll spejjeż ta’ kontroll speċifiċi (510 kroner Daniż (DKK) (madwar EUR 69) għas-snin 2008 u 2009). |
16. |
Fid-dħul tal-parkeġġi inkwistjoni hemm tabella li tindika b’mod partikolari li “[l]-ksur tar-regolament jista’ jwassal għall-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ta’ DKK 510” jew li “[l]-ksur tar-regolament jista’ jwassal għall-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ta’ DKK 510 kuljum”. Huwa indikat ukoll li “[ż]-żona [ta’ parkeġġ] hija ġġestita skont ir-regoli tad-dritt privat”. |
17. |
Apcoa hija suġġetta għall-VAT fir-rigward tal-ħlas ta’ spejjeż miġbura f’każ ta’ parkeġġ b’konformità mar-regoli tagħha. |
18. |
Fil‑25 ta’ Ottubru 2011, Apcoa talbet lil SKAT (l-Amministrazzjoni Fiskali Daniża) ir-rimbors tal-VAT imħallsa fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kontroll miġbura bejn l‑1 ta’ Settembru 2008 u l‑31 ta’ Diċembru 2009 li l-ammont tagħhom kien tela’ għal DKK 25089292 (madwar EUR 3370000). |
19. |
It-tilwima ma tirrigwardax l-issuġġettar għall-VAT fir-relazzjonijiet ta’ bejn Apcoa u l-proprjetarju tal-art tal-parkeġġ inkwistjoni. |
20. |
Fit‑12 ta’ Jannar 2012, SKAT ċaħdet it-talba għar-raġuni li l-ispejjeż ta’ kontroll huma kkunsidrati bħala suġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-VAT, moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 8 tal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi. |
21. |
Fit‑23 ta’ Diċembru 2014, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mil-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka). |
22. |
Il-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali) elenkat it-tlettax-il każ li fihom Apcoa tista’ tiġbor spejjeż ta’ kontroll: “1. Ħlas ta’ tariffa insuffiċjenti. 2. Biljett ta’ parkeġġ validu li ma huwiex viżibbli mal-windscreen. 3. Biljett mhux verifikabbli, pereżempju, jekk il-biljett ta’ parkeġġ ma jitqiegħedx b’mod korrett. Il-każijiet 1 sa 3 japplikaw f’każ ta’ parkeġġ bi ħlas. 4. Assenza ta’ biljett ta’ parkeġġ validu, pereżempju, fil-kuntest ta’ parkeġġ residenzjali li għalih hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ spazji ta’ parkeġġ speċifiċi. 5. Parkeġġ f’post irriżervat għal persuni b’diżabbiltà. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika biss fil-presenza ta’ tabella ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabbiltà, kemm jekk il-parkeġġ ikun b’xejn kif ukoll bi ħlas. Sabiex ikun jista’ jipparkja f’dawn l-ispazji, is-sewwieq għandu jkun qiegħed prova dokumentarja mal-windscreen. 6. Parkeġġ barra l-ispazji ta’ parkeġġ ipprovduti. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika għat-tipi kollha ta’ postijiet ta’ parkeġġ meta tabella tindika parkeġġ ġewwa l-ispazji. 7. Parkeġġ ipprojbit. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika, pereżempju, f’każ ta’ parkeġġ f’linja għad-difiża kontra n-nirien. 8. Żona ta’ parkeġġ irriżervat. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika għat-tipi kollha ta’ spazji ta’ parkeġġ li għalihom huwa meħtieġ parkeġġ fl-ispazji speċifiċi. 9. Assenza ta’ arloġġ tal-ipparkjar viżibbli. 10. Arloġġ tal-ipparkjar irregolat b’mod ħażin/ħin ta’ parkeġġ indikat ikun għadda. 11. Arloġġ tal-ipparkjar illeġibbli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika, pereżempju, meta l-minutieri jkunu nqalgħu minn mal-arloġġ tal-ipparkjar jew fejn ikun hemm żball fl-arloġġ elettroniku. 12. Arloġġi tal-ipparkjar multipli. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika fil-każijiet fejn is-sewwieq qiegħed diversi arloġġi tal-ipparkjar mal-windscreen sabiex itawwal it-tul tal-parkeġġ. Ir-raġunijiet ta’ spejjeż 9 sa 12 japplikaw fil-każijiet li fihom il-parkeġġ huwa b’xejn għal tul limitat, iżda fejn arloġġ tal-ipparkjar huwa meħtieġ bħala prova tal-mument meta kienet ipparkjata l-karozza. 13. Oħrajn. Din ir-raġuni ta’ spejjeż tapplika f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ parkegg li ma humiex deskritti fl-ebda wieħed mit-tnax-il punt preċedenti. Il-punt 13 japplika, pereżempju, meta l-parkeġġ jostakola t-traffiku b’mod ċar. Jekk din ir-raġuni ta’ spejjeż tintuża sabiex tiġġustifika l-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll, din għandha tkun kompluta permezz ta’ test li jiddeskrivi l-ksur”. |
23. |
Ir-rikors ippreżentat minn Apcoa kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mir-Retten i Kolding (il-Qorti ta’ Kolding, id-Danimarka), permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2017, li kienet ikkonfermata mill-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2018. |
24. |
Apcoa ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) sabiex, b’mod partikolari, il-Ministeru tat-Taxxi jirrikonoxxi li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ parkeġġ, fir-relazzjonijiet bejn kull sewwieq u Apcoa, ma jikkostitwixxux il-korrispettiv ta’ provvista suġġetta għall-VAT fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT. |
25. |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-partijiet ma jaqblux dwar jekk, fid-dawl tas-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma ( 4 ), jeżistux provvisti reċiproċi. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, hija tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni li l-ispejjeż ta’ kontroll inkwistjoni jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ servizz. |
26. |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont l-elementi tal-fajl, l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi, Svediżi u tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-ispejjeż ta’ kontroll dovuti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ fi proprjetà privata ma humiex suġġetti għall-VAT. |
27. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ kontroll għall-ksur tar-regoli ta’ parkeġġ fi proprjetà privata jikkostitwixxu korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz, u għaldaqstant tranżazzjoni suġġetta għall-VAT?” |
28. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Daniż u dak Irlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
29. |
Apcoa u l-Gvern Daniż wieġbu l-mistoqsijiet bi tweġiba bil-miktub fit-termini imposti. |
IV. Analiżi
30. |
Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-ġbir ta’ spejjeż ta’ kontroll ( 5 ) f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ parkeġġ f’postijiet privati amministrati minn Apcoa tistax tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT. |
31. |
Preliminarjament għandhom jitfakkru diversi prinċipji. |
A. Tfakkira tal‑prinċipji applikabbli
32. |
L-ewwel nett, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér ( 6 ):
|
33. |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-VAT, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi. |
34. |
It-tielet nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, u għaldaqstant hija taxxabbli, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju. Dan huwa l-każ meta tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin ikunu jikkostitwixxu korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika ( 7 ). |
B. Klassifikazzjoni tal-ispejjeż ta’ kontroll
35. |
Peress li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax in-natura kontinwa tad-dħul ta’ Apcoa provenjenti mill-ispejjeż ta’ kontroll ( 8 ), għandhom jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-provvista ta’ servizzi kif ukoll dawk tal-korrispettiv tagħha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni inkwistjoni ( 9 ). |
36. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li:
|
37. |
Għalhekk ser neżamina suċċessivament il-mistoqsijiet li ġejjin:
|
1. Servizz
38. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Apcoa taġixxi fil-kwalità ta’ amministratriċi ta’ spazji ta’ parkeġġ għan-nom ta’ proprjetarji privati ( 13 ). |
39. |
F’dan ir-rigward, Apcoa tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-parkeġġi, bħal:
|
40. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet u l-persuni interessati jirriżulta li l-kwistjoni ċentrali li għandha tiġi solvuta hija dik dwar jekk l-analiżi sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie‑les‑Bains ( 15 ), tistax tiġi estiża b’analoġija għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, u għaldaqstant, tiġi ddistingwita minn dik sostnuta fis-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia. |
41. |
B’mod iktar speċifiku, wieħed għandu janalizza l-ispejjeż ta’ kontroll bħala kumpens, kif jissuġġerixxu Apcoa u l-Kummissjoni, jew bħala korrispettiv għal dak li minnu jibbenefika klijent, jiġifieri post sabiex jipparkja l-vettura tiegħu, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mar-regoli ta’ parkeġġ, kif diġà ddeċidiet il-Højesteret (il-Qorti Suprema) ( 16 ) u kif isostni l-Gvern Daniż? |
42. |
Jiena naqbel ma’ din it-tieni analiżi. Fil-fatt, fl-ewwel lok, infakkar li b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ provvedimenti kuntrattwali skont id-dritt ċivili nazzjonali ma hijiex ta’ natura li tipproduċi effetti jekk dawn ma jirriflettux verament ir-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju ( 17 ). |
43. |
Fit-tieni lok, jidhirli li l-ispejjeż ta’ kontroll huma elementi tal-korrispettiv tal-possibbiltà offruta lill-klijent li jipparkja l-vettura tiegħu, u dan minħabba elementi ta’ natura ekonomika li huma jinkludu. |
44. |
Fil-fatt, Apcoa tipproponi, skont diversi modalitajiet prattiċi, servizz li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ spazji ta’ parkeġġ għad-dispożizzjoni tas-sewwieqa ta’ vetturi. Għal dan il-għan, Apcoa mmarkat xi spazji u rriżervat uħud minnhom, pereżempju għall-klijenti b’diżabbiltà. Din il-provvista ta’ servizz teżisti indipendentement mill-konformità jew min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-użu li jsir. |
45. |
B’mod konkret, hekk kif sewwieq ta’ vettura jidħol f’parkeġġ amministrat minn Apcoa, huwa jitqiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika minn spazju ta’ parkeġġ għal ċertu ħin. |
46. |
Dan is-servizz jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kiri” fis-sens tal-Artikolu 135(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT, li jkopri kull attività ekonomika li tikkonsisti fil-ġbir ta’ remunerazzjoni bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazju ta’ parkeġġ ta’ vetturi, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku tal-persuna li tikrih jew tal-kwalità tagħha ta’ proprjetarja ( 18 ). |
47. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta spejjeż addizzjonali jinġabru minn Apcoa, għandu jiġi stabbilit, fir-rigward tal-issuġġettar ta’ dawn l-ispejjeż għall-VAT, liema analoġija tista’ teżisti mas-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie‑les‑Bains ( 19 ). |
48. |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għall-VAT għandhom jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mil-lukandier, bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din it-taxxa” ( 20 ). |
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li “ż-żamma tal-kapparri in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija […] il-konsegwenza ta’ l-eżerċizzju mill-klijent tal-fakultà li kienet ingħatatlu li jħassar il-prenotazzjoni u sservi biex tikkumpensa lill-imsemmi lukandier wara t-tħassir tal-prenotazzjoni” ( 21 ). Għalhekk, f’każ bħal dan, huwa għaliex il-lukandier ma setax jipprovdi s-servizz ta’ akkomodazzjoni pprenotat mill-klijent u għaliex dan, milli jidher, ma użax dan is-servizz li jikkumpensa lil-lukandier għan-nuqqas ta’ qligħ. |
50. |
Għalhekk, jidhirli li l-portata tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie‑les‑Bains ( 22 ), għandha tiġi llimitata biss għall-każijiet fejn il-kumpens tal-kontraenti huwa marbut man-nuqqas ta’ tranżazzjoni, li huwa konformi mas-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1982, BAZ Bausystem ( 23 ) (rigward interessi moratorji); tad‑29 ta’ Frar 1996, Mohr ( 24 ) (rigward il-kumpens ta’ telf ta’ attività), jew anki tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP ( 25 ) (rigward il-kumpens ekwu favur id-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni). |
51. |
F’dan il-każ, f’każ ta’ użu ta’ parkeġġ amministrat minn Apcoa, is-sewwieq li jħallas spejjeż ta’ kontroll, ibbenefika minn spazju jew żona ta’ parkeġġ. L-ammont tal-ispejjeż jirriżulta mill-fatt li l-kundizzjonijiet aċċettati minnu waqt id-dħul fil-parkeġġ huma ssodisfatti. |
52. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra, bħall-Gvern Daniż, li l-approssimazzjoni mas-sentenza Vodafone Portugal, mogħtija wara li ntbagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Apcoa, hija rilevanti, peress li tikkompleta lis-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia ( 26 ), u twassal għalhekk għal analiżi tal-portata ta’ din id-deċiżjoni differenti minn dik sostnuta minn din il-kumpannija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. |
53. |
Fis-sentenza Vodafone Portugal, il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet li:
|
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-elementi li ġejjin ( 29 ):
|
55. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, “fis-sitwazzjoni fejn dawn il-klijenti ma josservawx l-imsemmi perijodu ta’ fedeltà, il-provvista ta’ servizzi għandha titqies bħala li twettqet, u dan peress li l-imsemmija klijenti huma mqiegħda f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn dawn is-servizz” ( 30 ). |
56. |
Billi kkunsidrat ir-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ammonti dovuti mill-klijenti jikkorrispondu għall-irkupru ta’ parti mill-ispejjeż assoċjati mal-provvista tas-servizzi li dan l-operatur ipprovdielhom ( 31 ). Dawn l-ammonti jirrappreżentaw parti mill-prezz tas-servizz li l-fornitur impenja ruħu li jipprovdi ( 32 ) u huma intiżi sabiex jiżguraw lill-operatur remunerazzjoni minima għall-provvista mwettqa ( 33 ). |
57. |
Din l-analiżi jidhirli li hija trasponibbli għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li bħall-Gvern Daniż, nikkunsidra li fil-każ fejn l-ispejjeż ta’ kontroll huma dovuti, l-utenti tal-parkeġġi amministrati minn Apcoa setgħu jibbenefikaw minn parkeġġ. Il-prezz ta’ dan is-servizz jikkorrelata mal-modalitajiet tal-użu ta’ postijiet li l-operatur ma jistax jikkontrolla. |
2. Korrispettiv effettiv
58. |
Apcoa ssostni li l-ispejjeż ta’ kontroll ma humiex il-korrispettiv ta’ provvista, għaliex dawn huma tariffa standard li teċċedi bil-bosta l-valur tal-provvista li minnha jibbenefika s-sewwieq. Bħall-Kummissjoni, hija targumenta li dawn l-ispejjeż huma intiżi sabiex jissanzjonaw ksur tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-parkeġġ. |
59. |
Issa, minn naħa, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont tal-korrispettiv ma huwiex rilevanti ( 34 ). Min-naħa l-oħra, ma jistax isir argument li t-tariffa b’rata fissa hija intiża sabiex tiddisswadi lill-klijenti min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ parkeġġ peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għanijiet u r-riżultati tat-tranżazzjoni inkwistjoni ma għandhomx effett fuq il-klassifikazzjoni tagħha u li hija biss ir-realtà ekonomika li hija determinanti ( 35 ). |
60. |
Jiena tal-fehma li f’dan il-każ, fl-ewwel lok, l-ammont tal-ispejjeż ta’ kontroll jikkorrelata mal-għażla tas-sewwieq li pparkja l-vettura tiegħu fil-parkeġġ, imqiegħed għad-dispożizzjoni minn Apcoa, li jaqbeż il-ħin ta’ użu tal-ispazju tiegħu, jew li ma jiġġustifikax b’mod korrett id-dritt tiegħu li jużah jew anki li jipparkja fi spazju li mhux irriżervat għalih jew b’mod inkonvenjenti. |
61. |
Fit-tieni lok, mill-perspettiva tar-realtà ekonomika, għandu jiġi kkunsidrat li l-ammont tal-ispejjeż ta’ kontroll jieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-ogħla spiża tal-ġestjoni ta’ parkeġġi. Dawn l-ispejjeż addizzjonali jirriżultaw minn parkeġġ li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet normali ta’ użu tas-servizz offrut. Fi kliem ieħor, l-ammont tal-korrispettiv huwa intiż sabiex jiżgura lil Apcoa remunerazzjoni kuntrattwali tal-provvista mwettqa f’kundizzjonijiet attribwibbli lill-utent li ma humiex ta’ natura li jbiddlu r-realtà ekonomika u kummerċjali tar-relazzjoni tagħha miegħu. |
62. |
F’dan is-sens, nirrileva li fir-rapport ta’ Ġunju 2013 dwar protezzjoni aħjar tal-konsumaturi fil-qasam tal-parkeġġ, redatt minn grupp ta’ ħidma tal-Justitsministeriet (il-Ministeru tal-Ġustizzja, id-Danimarka), iċċitat mill-qorti tar-rinviju, hemm indikat li “ir-rappreżentanti tad-Danske Private Parkeringsselskabers Brancheforening [(l-Assoċjazzjoni Professjonali Daniża tal-Parkeġġ Privat)] informaw lill-grupp ta’ ħidma li ż-żieda għal DKK 590 [tat-tariffi ta’ parkeġġ privat ( 36 )] kienet b’mod partikolari immotivata minn żieda kontinwa tad-diversi spejjeż ta’ funzjonament ta’ intrapriża ta’ parkeġġ u mill-fatt li kienx għadu possibbli li tiġi applikata t-tariffa pubblika. F’dan ir-rigward, din l-assoċjazzjoni targumenta, b’mod iktar partikolari, li t-tariffa għandha tirrifletti l-prezz ogħla tal-parkeġġ legali, li l-kumpanniji huma suġġetti għall-VAT fuq it-tariffi ta’ parkeġġ imħallsin, u li għall-kuntrarju tat-tariffi imposti mill-awtoritajiet pubbliċi, ma teżistix possibbiltà li jintalab il-ħlas mingħand il-proprjetarju fil-kuntest ta’ responsabbiltà ċivili”. Huwa speċifikat ukoll li “l-ammont tat-tariffi ta’ parkeġġ privat huwa ddeterminat abbażi ta’ kalkoli tal-iżvilupp ġenerali tal-prezzijiet u tas-salarji attwali u barra minn hekk jiddependi b’mod ġenerali fuq l-ispejjeż u s-suq” ( 37 ). |
3. Ir‑rabta bejn is‑servizz u l‑korrispettiv effettiv
63. |
Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, u għalhekk hija taxxabbli biss jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut ( 38 ). |
64. |
Apcoa qieset, bħall-Kummissjoni, li din ir-rabta diretta ma teżistix, għar-raġuni li ma hemmx rabta ekonomika konkreta mal-valur ta’ servizz ta’ parkeġġ. |
65. |
Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rabta diretta teżisti meta żewġ servizzi huma interdipendenti, ir-remunerazzjoni li l-fornitur jirċievi tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju, jiġifieri li wieħed iseħħ biss bil-kundizzjoni li l-ieħor ikun ukoll, u reċiprokament ( 39 ). |
66. |
Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Teżisti rabta diretta bejn il-parkeġġ imwettaq mis-sewwieq f’ċirkustanzi partikolari ddeterminati minn Apcoa u l-ġbir minn din il-kumpannija ta’ spejjeż ta’ parkeġġ miżjuda. |
67. |
Barra minn hekk, nikkunsidra li t-tassazzjoni ma tistax tiddependi mill-użu ħażin jew tajjeb mill-klijent tal-provvista ta’ spazju jew żona ta’ parkeġġ. Ma tistax tiġi stabbilita differenza fit-trattament, fir-rigward tal-VAT, bejn dak li jibbenefika mill-provvista ta’ servizz ta’ parkeġġ bi prezz ġenerali u dak li jammetti li jużaha bi spiża ogħla ( 40 ). |
68. |
Għaldaqstant, nikkonkludi li l-ispejjeż ta’ kontroll miġbura minn Apcoa jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv tas-servizz ta’ parkeġġ li minnu jibbenefika l-klijent f’kundizzjonijiet partikolari li huwa għażel, u għalhekk, li huma suġġetti għall-VAT. |
V. Konklużjoni
69. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) kif ġej: L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż miġbura minn operatur ekonomiku bħala korrispettiv għall-parkeġġ ta’ vetturi, li l-ammont tagħhom huwa stabbilit skont il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dan il-parkeġġ, għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta bħala tali għal din it-taxxa. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”.
( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”.
( 4 ) C‑16/93, EU:C:1994:80.
( 5 ) Fid-dokumenti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjonijiet użati għal dawn l-ispejjeż huma differenti: “spejjeż ta’ kontroll”, “tariffa ta’ kontroll”, “tariffi ta’ parkeġġ miżjuda” jew “tariffi ta’ parkeġġ”. Apcoa speċifikat li dawn l-ispejjeż ta’ kontroll huma ħafna drabi msejħa “multa ta’ parkeġġ”. Jiena ser inżomm l-espressjoni “spejjeż ta’ kontroll” għall-finijiet ta’ koerenza mat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-kontenut tad-dokumenti uffiċjali hemm iċċitati.
( 6 ) C‑263/15, EU:C:2016:392, punti 20, 23 u 24. Ara wkoll, bħala tfakkira reċenti ta’ dawn il-prinċipji, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2021:132, punti 67 sa 69).
( 7 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR ‑ ADA (C‑501/19, EU:C:2021:50, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż speċifika li l-ġbir ta’ tariffi miżjuda ta’ parkeġġ huwa parti integrali mill-mudell ekonomiku ta’ Apcoa u li dawn it-tariffi kienu jirrappreżentaw bejn 34 u 35 % tad-dħul mill-bejgħ nett totali ta’ din il-kumpannija, jiġifieri madwar EUR 10.4 miljun fl-2008 u EUR 11-il miljun fl-2009.
( 9 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia”, EU:C:2018:942, punti 61 u 62), u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vodafone Portugal (C‑43/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vodafone Portugal, EU:C:2020:465, punti 47 sa 49). Kif fakkret l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Gmina Wroclaw (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2020:647, punt 35), “mhux kull ħlas neċessarjament iwassal għal skambju ta’ servizzi taxxabbli”.
( 10 ) Ara s-sentenzi MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck (C‑801/19, EU:C:2020:1049, punt 43).
( 11 ) Ara s-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria (C‑94/19, EU:C:2020:193, punt 29).
( 13 ) Dawn iċ-ċirkustanzi huma differenti minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha fil-kawżi preċedenti. Fil-fatt, fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ attivitajiet ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku li kienu jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sewwieqa ta’ vetturi, li jħallsu korrispettiv finanzjarju, ta’ spazji intiżi għall-parkeġġ tal-vettura tagħhom jew fuq il-highway pubblika, jew f’parks ta’ parkeġġ stabbiliti fit-territorju pubbliku tal-muniċipalità, fit-territorju privat jew anki f’artijiet proprjetà ta’ individwi, u tal-obbligu li jiġi stabbilit jekk dan l-organu jaġixxix bħala awtorità pubblika, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C‑446/98, EU:C:2000:691, punti 21 sa 23). Ara wkoll, bħala illustrazzjoni tad-diversità tas-sitwazzjonijiet f’każ ta’ rkupru ta’ spejjeż ta’ parkeġġ, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punti 27, 67, 95 u 96), fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, relattiva għall-amministrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi ta’ parkeġġ minn kumpannija kkostitwita minn komun għal dan il-għan.
( 14 ) Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, Apcoa speċifikat li “[f’]każ li jinqabeż il-ħin tal-parkeġġ, jinġabru biss spejjeż ta’ kontroll”.
( 15 ) C‑277/05, EU:C:2007:440.
( 16 ) Fit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa speċifikat, li fir-rigward tat-tassazzjoni dovuta minn Apcoa fuq l-ispejjeż ta’ kontroll, il-Landskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali) ikkonformat, fl-2007 u fl-2014, ma’ sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju fit‑12 ta’ April 1996. Il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li t-tariffi miżjuda, miġbura abbażi ta’ relazzjoni kważi kuntrattwali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala korrispettiv ta’ provvista, u għalhekk, suġġetti għall-VAT, minkejja l-fatt li dawn it-tariffi kienu stabbiliti bħala tariffa standard u sinjifikattiva meta mqabbla mat-tariffa normali tal-parkeġġ, intiżi sabiex jiġi evitat parkeġġ irregolari.
( 17 ) Ara t-tieni inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:413, punt 34), fejn enfasizzat li “huwa irrilevanti kif id-dritt nazzjonali jittratta l-pagament kumpensatorju. F’termini ta’ VAT huwa irrilevanti jekk dan jitqiesx bħala intitolament delittwali għal kumpens għad-danni jew bħala klawżola ta’ penali, jew jekk dan jiġix deskritt bħala kumpens għad-danni, kumpens jew ħlas”.
( 18 ) Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza waħda li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva. Din hija s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Henriksen (173/88 EU:C:1989:329, punt 17), relattiva għall-kiri ta’ spazji marbut ma’ kiri mhux taxxabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 135(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT (ara l-Anness XII ta’ din id-direttiva).
( 19 ) C‑277/05, EU:C:2007:440.
( 20 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie‑les‑Bains (C‑277/05, EU:C:2007:440, punt 36).
( 21 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie‑les‑Bains (C‑277/05, EU:C:2007:440, punt 32).
( 22 ) C‑277/05, EU:C:2007:440.
( 23 ) 222/81, EU:C:1982:256, punt 8.
( 24 ) C‑215/94, EU:C:1996:72, punt 21.
( 25 ) C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 30.
( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Sentenza Vodafone Portugal (punt 18).
( 28 ) Sentenza Vodafone Portugal (punt 19).
( 29 ) Sentenza Vodafone Portugal (punt 37).
( 30 ) Sentenza Vodafone Portugal (punt 41).
( 31 ) Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 38).
( 32 ) Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 39).
( 33 ) Ara s-sentenza Vodafone Portugal (punt 40). Abbażi tal-konstatazzjonijiet tagħha relattivi għall-kalkolu tas-somom dovuti (ara punt 34 ta’ din is-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju esposti fil-punti 26 u 27 tal-imsemmija sentenza dwar il-portata tas-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet relattivi għall-korrispondenza bejn l-ammont imħallas għan-nuqqas ta’ osservanza tal-fedeltà u l-ammont li l-operatur ikkonċernat kellu jiġbor matul il-bqija ta’ dan il-perijodu fl-assenza ta’ xoljiment tal-kuntratt.
( 34 ) Ara t-tielet inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara t-tieni inċiż tal-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Din l-espressjoni bbażata fuq il-kwotazzjoni mill-qorti tar-rinviju tar-Rapport ta’ Ġunju 2013 tikkorrispondi għal dik ta’ “spejjeż ta’ kontroll”, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Il-Gvern Daniż speċifika li l-ammont ta’ dawn it-tariffi żdied regolarment sa mis-sena 2009, u li għas-sena 2020, kien ġie ffissat minn diversi kumpanniji ta’ parkeġġ privat, fosthom Apcoa, għal tal-inqas DKK 750 (madwar EUR 100).
( 38 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, San Domenico Vetraria (C‑94/19, EU:C:2020:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara b’analoġija, is-sentenza MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (punt 47).