EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0055

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-17 ta’ Ġunju 2021.
Minister Sprawiedliwości vs Prokurator Krajowy – Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego u Rzecznik Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura – Investigazzjoni dixxiplinari miftuħa fir-rigward ta’ avukat – Deċiżjoni tal‑Aġent Dixxiplinari li tikkonkludi li ma kienx hemm nuqqas dixxiplinari u li tagħlaq l‑investigazzjoni – Rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja quddiem it‑Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Punt 6 tal-Artikolu 4 u Artikolu 10(6) – Skema ta’ awtorizzazzjoni – Irtirar tal‑awtorizzazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Inapplikabbiltà.
Kawża C-55/20.

;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:500

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑17 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )

Kawża C‑55/20

Ministerstwo Sprawiedliwości

intervenjent fil-kawża:

Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego, Prokurator Krajowy,

Rzecznik Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti pariri legali – Proċedimenti dixxiplinari kontra avukat – Kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2006/123/KE u d-Direttiva 98/5/KE – Applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123/KE għal proċedimenti dixxiplinari – Skemi ta’ awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura lokali kompost minn imħallfin onorarji – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u Artikolu 19(1) TUE – Setgħat ta’ qrati inferjuri fejn qorti nazzjonali superjuri ma tkunx indipendenti”

I. Introduzzjoni

1.

F’Lulju 2017, il-Prokurator Krajowy – Pierwszy Zastępca Prokuratora Generalnego (il-Prosekutur Pubbliku – l-Ewwel Prosekutur Ġenerali Sostitut) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Nazzjonali”) talab lix-Rzecznik Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (l-Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja” jew l-“Aġent Dixxiplinari”) biex jibda proċedimenti dixxiplinari kontra l-avukat tal-ex President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk. Fil-fehma tal-Prosekutur Nazzjonali, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn dan l-avukat meta kien qiegħed jikkummenta pubblikament dwar il-possibbiltà li l-klijent tiegħu jiġi akkużat b’reat kriminali kienu jammontaw għal theddid illegali u nuqqas dixxiplinari serju. Għal darbtejn, l-Aġent Dixxiplinari jew irrifjuta li jibda dawn il-proċeduri jew iddeċieda li jwaqqafhom. Għal darbtejn, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem it-“Tribunal Dixxiplinari”), wara appell ippreżentat mill-Prosekutur Nazzjonali jew mill-Ministru għall-Ġustizzja, ħassar dawn id-deċiżjonijiet u bagħat il-każ lura lill-Aġent Dixxiplinari.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fit-tielet “sensiela” ta’ dawn il-proċeduri, li fih it-Tribunal Dixxiplinari qiegħed jeżamina d-deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jwaqqaf għal darba oħra l-investigazzjoni dixxiplinari kontra dan l-avukat, wara appell ippreżentat għal darba oħra mill-Prosekutur Nazzjonali u mill-Ministru għall-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2006/123/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi” ( 2 )) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) humiex applikabbli għal proċedimenti dixxiplinari pendenti quddiemha. Madankollu, jidher li l-qofol tal-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tinsab x’imkien ieħor: x’konsegwenzi konkreti, f’termini proċedurali, għandha tislet il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A.K. et ( 3 ), fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi sussegwentement appellata quddiem l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, il-Polonja)? Kif tista’ dik il-qorti, f’termini speċifiċi u prattiċi, tiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni?

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva dwar is-Servizzi

3.

Il-premessa 33 tad-Direttiva dwar is-servizzi tiddikjara li “[i]s-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu […] Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal parir legali jew fiskali […]”.

4.

Skont il-premessa 39, “[i]l-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ għandu jkopri, fost oħrajn, il-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji, approvazzjonijiet jew konċessjonijiet, u kif ukoll l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni jew imdaħħal f’reġistru, lista jew database, biex jkunu uffiċjalment maħtura f’korp jew jikseb kard ta’ sħubija ta’ professjoni partikolari. […]”.

5.

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi li:

“Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.”

6.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Servizzi fih numru ta’ definizzjonijiet għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 4(6), “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”.

7.

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar is-servizzi, li jifforma parti mit-Taqsima I, intitolata “Awtorizzazzjonijiet” fi ħdan Kapitolu III dwar “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, jipprovdi li din it-taqsima ma għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma rregolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.

8.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li huwa intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jistipula dan li ġej:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(c)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.

[…]

6.   Ħlief fil-każ ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u għandha tkun miftuħa għal sfida quddiem il-qrati jew istanzi oħrajn ta’ appell.

[…]”

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Kamra tal-Avukati

9.

Bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-ustawa z dnia 26 maja 1982 r. – Prawo o adwokaturze (il-Liġi tas‑26 ta’ Mejju 1982 dwar l-Avukatura) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Avukatura”):

“1.   Dawn li ġejjin huma l-korpi tal-Avukatura: l-Assemblea Nazzjonali tal-Avukatura, il-Kunsill Suprem tal-Avukatura, it-Tribunal Dixxiplinari Superjuri, l-Aġent Dixxiplinari tal-Avukatura u l-Kumitat ta’ Verifika Superjuri.

2.   Huma biss avukati li jistgħu jkunu membri tal-korpi tal-Avukatura.”

10.

L‑Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Avukatura jipprovdi li:

“1.   Elezzjonijiet għall-korpi tal-Avukatura u għall-korpi tal-Kmamar tal-Avukati u tal-Awli tal-Avukatura għandhom isiru permezz ta’ vot sigriet mingħajr limitu fuq in-numru ta’ kandidati.

2.   Il-mandat tal-korpi tal-Avukatura u tal-korpi tal-Kmamar tal-Avukati u tal-Awli tal-Avukatura huwa ta’ erba’ snin, iżda dawn huma obbligati jkomplu joperaw sakemm jiġu stabbiliti korpi eletti ġodda.

[…]

4.   Membri individwali tal-korpi msemmija f’paragrafu 1 jistgħu jitkeċċew mill-korp li jkun eleġġiehom qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom.

[…]”

11.

Skont l-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Il-materji li ġejjin jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura:

[…]

(13) sospensjoni tad-dritt li jiġu eżerċitati funzjonijiet minħabba ksur ta’ obbligi essenzjali minn membri individwali tal-korpi ta’ Kmamar ta’ Avukati u korpi ta’ Awli tal-Avukatura, bl-eċċezzjoni ta’ membri ta’ Tribunali Dixxiplinari, u l-applikazzjoni mal-korpi kompetenti għar-revoka tal-istess;

2. Dispożizzjonijiet dwar nuqqas dixxiplinari serju

12.

Skont l-Artikolu 80 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Avukati u avukati b’tiroċinju għandhom ikunu suġġetti għal responsabbiltà dixxiplinari għal aġir li jmur kontra l-liġi, il-prinċipji etiċi jew id-dinjità tal-professjoni jew għal ksur tal-obbligi professjonali tagħhom […]”.

13.

L-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-Avukatura jipprovdi li:

“Is-sanzjonijiet dixxiplinari huma s-segwenti:

(1) twissija;

(2) ċanfira;

(3) multa;

(4) sospensjoni tad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali għal perijodu ta’ bejn tliet xhur u ħames snin;

[…]

(6) tkeċċija mill-Avukatura.”

14.

Skont l-Artikolu 82(2) tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Tkeċċija mill-Avukatura tinvolvi tneħħija mir-reġistru tal-avukati mingħajr ebda dritt ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-ġdid f’dan ir-reġistru għal perijodu ta’ 10 snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-Avukatura ssir finali.”

3. Dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja mit-Tribunali Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati

15.

Konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 40 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Il-portata tal-attivitajiet tal-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati tinkludi […] l-għażla tal-President, tal-President tat-Tribunal Dixxiplinari, tal-Aġent Dixxiplinari, tal-President tal-Kumitat ta’ Verifika u tal-membri u l-membri alternattivi tal-Kunsill tal-Avukatura Distrettwali, tat-Tribunal Dixxiplinari u tal-Kumitat ta’ Verifika.”

16.

Skont l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“1.   Dawn l-ġejjin għandhom jagħtu deċiżjoni f’kawżi dixxiplinari:

(1)

Tribunal Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati;

(2)

it-Tribunal Dixxiplinari Superjuri.

2.   It-Tribunal Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati għandu jisma’ l-kawżi kollha bħala l-qorti tal-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni tal-kawżi speċifikati fl-Artikolu 85(3) u seduti ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ Aġent Dixxiplinari li ma jinbdewx proċedimenti dixxiplinari jew li jitwaqqfu proċedimenti dixxiplinari.

3.   It-Tribunal Dixxiplinari Superjuri għandu jisma’:

“(1)

bħala l-qorti tat-tieni istanza, kawżi mismugħa fl-ewwel istanza mit-Tribunali Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati;

(2)

bħala qorti tal-ewwel istanza, kawżi dixxiplinari ta’ membri tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura u tal-kunsilli tal-avukatura reġjonali;

(3)

kawżi oħra stipulati f’din il-liġi.

[…]”

17.

Skont l-Artikolu 89 tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Tribunal Dixxiplinari għandu jkun indipendenti fir-rigward tad-deliberazzjonijiet tiegħu.”

4. Dispożizzjonijiet rigward il-proċedura quddiem it-Tribunali Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati

18.

Skont l-Artikolu 88a(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Il-partijiet fil-proċedura u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom id-dritt jippreżentaw appell kontra deċiżjonijiet u digrieti li jitterminaw proċedimenti dixxiplinari fi żmien 14-il jum mid-data ta’ notifika ta’ kopja tad-deċiżjonijiet jew digrieti, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, u struzzjonijiet rigward it-termini ta’ żmien, u l-mod ta’ preżentata ta’ appell.”

19.

Skont l-Artikolu 91c tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“Appell ta’ kassazzjoni għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Suprema permezz tat-Tribunal Dixxiplinari Superjuri fi żmien 30 jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet.”

20.

Skont l-Artikolu 95n tal-Liġi dwar l-Avukatura:

“F’kawżi li ma humiex irregolati minn din il-liġi, għandhom japplikaw mutatis mutandis għal proċedimenti dixxiplinari d-dispożizzjonijiet:

(1) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali;

(2) tal-Kapitoli I sa III tal-Kodiċi Kriminali.”

21.

Skont l-Artikolu 100 § 8 tal-Kodeks postępowania karnego (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”):

“Wara l-għoti jew in-notifika tad-deċiżjoni jew digriet, il-partijiet fil-proċedura għandhom jingħataw struzzjonijiet rigward id-dritt tagħhom li jippreżentaw appell, u t-termini ta’ żmien u l-metodu għall-istess preżentata, jew li d-deċiżjoni jew digriet ma humiex appellabbli.”

22.

Skont l-Artikolu 521(1) tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali:

“Il-Prosekutur Ġenerali u anki l-Ombudsman jistgħu jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra kwalunkwe deċiżjoni finali tal-qorti li ttemm il-proċeduri.”

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23.

Fl‑20 ta’ Lulju 2017, il-Prosekutur Nazzjonali talab lill-Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja biex iressaq proċedimenti dixxiplinari kontra R.G., l-avukat tal-ex President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk. Fil-fehma tal-Prosekutur Nazzjonali, R.G. kien qabeż il-limiti tal-libertà ta’ espressjoni ta’ avukat meta kkummenta pubblikament fl‑10 u l‑11 ta’ Ottubru 2016 rigward il-possibbiltà li l-klijent tiegħu jiġi akkużat b’reat kriminali. Mill-perspettiva tal-Prosekutur Nazzjonali, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn R.G. setgħu jiġu interpretati bħala theddid illegali u nuqqas dixxiplinari serju.

24.

Fis‑7 ta’ Novembru 2017, l-Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja rrifjuta li jibda investigazzjoni dixxiplinari. Fit‑23 ta’ Mejju 2018, wara appell mill-Prosekutur Nazzjonali, din id-deċiżjoni tħassret mit-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja. Il-kawża ntbagħtet lura lill-Aġent Dixxiplinari.

25.

Fit‑18 ta’ Ġunju 2018, l-Aġent Dixxiplinari beda investigazzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ R.G. abbażi tal-fatti msemmija hawn fuq. Fit‑28 ta’ Novembru 2018, l-Aġent Dixxiplinari ddeċieda li jwaqqaf l-investigazzjoni wara li sab li l-azzjonijiet ta’ R.G. ma kinux jammontaw għal nuqqas dixxiplinari serju. Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, wara appell mill-Prosekutur Nazzjonali u mill-Ministru għall-Ġustizzja, din id-deċiżjoni tħassret mit-Tribunal Dixxiplinari. Il-kawża ntbagħtet lura, għat-tieni darba, lill-Aġent Dixxiplinari għal kunsiderazzjoni mill-ġdid.

26.

Fit‑8 ta’ Awwissu 2019, l-Aġent Dixxiplinari waqqaf għal darba oħra l-inkjesta pubblika dwar R.G. Kemm il-Prosekutur Nazzjonali kif ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja appellaw minn din id-deċiżjoni. Konsegwentement, jidher li t-Tribunal Dixxiplinari bħalissa huwa adit b’din il-kwistjoni għat-tielet darba.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi fattwali u legali, is-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-[Direttiva dwar is-Servizzi], b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva japplikaw għal proċeduri ta’ responsabbiltà dixxiplinari ta’ avukati, kif ukoll ta’ professjonisti legali barranin iskritti mal-Kamra tal-Avukati, fejn taħt din ir-responsabbiltà l-avukat jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mill-attivitajiet professjonali jew jitkeċċa mill-professjoni, filwaqt li l-professjonist legali barrani jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mid-dritt tiegħu li jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja jew jiġi pprojbit milli jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tal-[Karta], b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, għandhom jiġu applikati għall-imsemmija proċeduri quddiem Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet ta’ dawn it-tribunali ma huma suġġetti għal ebda appell quddiem il-qrati nazzjonali jew f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti esklużivament għal appell straordinarju, bħalma huwa appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema, u dan anki f’każijiet fejn l-elementi kollha rilevanti jseħħu fi ħdan Stat Membru wieħed?

(2)

F’każ li fih, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, l-istanza kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jew minn ilment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli hija organu li, fil-fehma ta’ dan it-tribunal, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mill-Qorti Suprema fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kompetenza ta’ tali organu, u t-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu dmir li jirreferi tali kassazzjoni jew ilment lil istanza ġudizzjarja li kien ikollha kompetenza li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha?

(3)

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, konformement mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura l-kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ dan it-tribunal la tkun kompetenza tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali) u lanqas tax-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman), u din il-pożizzjoni tkun:

(a)

kuntrarja għall-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, f’formazzjoni ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, tas-27 ta’ Novembru 2019, sygnatura akt II DSI 67/18, jiġifieri l-istanza li, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, hija kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ lment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni, iżda li, skont il-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mill-Qorti Suprema fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta;

(b)

konformi mal-pożizzjoni espressa preċedentement mill-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza ġudizzjarja li tkun kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ dan l-ilment, li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha;

it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jista’ (jew għandu) jinjora l-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema?

(4)

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fit-tielet domanda, [il-Ministerstwo Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja)] jressaq appell quddiem it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, iżda:

(a)

wieħed mill-fatturi li, fil-fehma tal-Qorti Suprema espressa fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, kif ukoll fil-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, jiġġustifikaw il-fehma li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ma hijiex qorti imparzjali u indipendenti konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa l-influwenza tas-setgħa eżekuttiva, inkluż tal-Ministru għall-Ġustizzja, fuq il-kompożizzjoni tagħha;

(b)

il-liġi tipprevedi li l-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali hija eżerċitata esklużivament mill-Ministru għall-Ġustizzja, li skont il-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ikollu d-dritt jippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni mogħtija b’riżultat ta’ appell, filwaqt li konformement mal-pożizzjoni espressa mill-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza ġudizzjarja msemmija fl-inċiż b) tat-tielet domanda, kif ukoll skont il-pożizzjoni tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, huwa ma għandux dan id-dritt,

dan it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu joqgħod lura milli jieħu konjizzjoni tal-appell jekk b’dan il-mod biss ikun jista’ jiżgura li l-proċedura tosserva l-Artikolu 47 tal-Karta u b’mod partikolari jevita indħil f’dawn il-proċeduri min-naħa ta’ istanza li ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement ma’ din id-dispożizzjoni?”

28.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Prosekutur Nazzjonali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Pollakk, u mill-Kummissjoni Ewropea.

29.

Fis‑16 ta’ Frar 2021, it-Tribunal Dixxiplinari wieġeb għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika magħmula skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Evalwazzjoni

30.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati bil-mod segwenti. L-ewwel sejjer neżamina jekk it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ġewwa Varsavja huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (A). Sejjer imbagħad nindirizza l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi u tal-Artikolu 47 tal-Karta għal proċedimenti dixxiplinari kontra avukati (B) qabel ma ndur għat-tieni u r-raba’ domanda dwar is-setgħat tat-Tribunal Dixxiplinari biex tiġi żgurata konformità mad-dritt tal-Unjoni (C).

A.   It-Tribunal Dixxiplinari huwa qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE?

31.

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi: jekk l-organu huwiex stabbilit bil-liġi; jekk huwiex permanenti; jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex mandatorja; jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja; jekk japplikax regoli tad-dritt; u jekk huwiex indipendenti ( 4 ).

32.

It-Tribunal Dixxiplinari jissodisfa ħafna minn dawn il-kundizzjonijiet. Kif ġie spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma ġiet ikkontestata minn ebda parti interessata, it-Tribunal Dixxiplinari ġie stabbilit mil-Liġi Pollakka dwar l-Avukatura; huwa permanenti; japplika regoli proċedurali stabbiliti fil-Liġi dwar l-Avukatura u fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; u d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti u jistgħu jiġu inforzati. Barra minn hekk, it-Tribunal Dixxiplinari jidher li għandu kompetenza mandatorja fuq it-tilwimiet dixxiplinari fdati lilu mid-dritt nazzjonali.

33.

Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li t-Tribunal Dixxiplinari huwa għalhekk “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kemm il-Prosekutur Nazzjonali kif ukoll il-Gvern Pollakk ma jaqblux ma’ din il-konklużjoni.

34.

Skont il-Prosekutur Nazzjonali, it-Tribunal Dixxiplinari ma huwiex qorti jew tribunal fid-dawl tal-istadju li fih waslu l-proċedimenti dixxiplinari inkwistjoni u s-suġġett tat-tilwima. Fil-kawża prinċipali, l-Aġent Dixxiplinari tal-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja għadu ma akkużax lil R.G. bit-twettiq ta’ reat dixxiplinari. Bħala tali, l-istadju tal-proċedura li fih tinstema’ kull naħa tal-argument għadu ma bediex. Barra minn hekk, fl-istħarriġ tiegħu tad-deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jwaqqaf il-proċedimenti dixxiplinari, it-Tribunal Dixxiplinari ma għandux jiddeċiedi dwar id-dritt ta’ R.G. li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi, iżda sempliċement jivverifika jekk id-deċiżjoni li pprekludiet deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari ta’ R.G. kinitx fondata.

35.

Skont il-Gvern Pollakk, mhux biss it-Tribunal Dixxiplinari ma huwiex qorti fis-sens tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni Pollakka, iżda wkoll ma jistax jiġi kkunsidrat indipendenti għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE. L-ewwel nett, il-membri tiegħu huma eletti mill-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati kkonċernata għal mandat ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded. Għaldaqstant, l-imħallfin tat-Tribunal Dixxiplinari jagħtu deċiżjonijiet dwar kawżi dixxiplinari li għandhom x’jaqsmu ma’ kollegi tagħhom stess, li permezz tal-appoġġ tagħhom ikunu ġew eletti u jistgħu potenzjalment jerġgħu jiġu eletti. It-tieni, membri tat-Tribunal Dixxiplinari ma jgawdu minn ebda garanziji rigward il-mandat tagħhom. Jistgħu jitneħħew qabel jispiċċa l-mandat tagħhom mill-korp li eleġġihom, senjatament l-Assemblea Ġenerali kkostitwita mill-avukati kollha tal-Kmamar tal-Avukati kkonċernati. It-tielet, hemm dubju kemm imħallfin sedenti fit-Tribunal Dixxiplinari huma impermeabbli għal elementi esterni. F’dan il-każ, il-President tat-Tribunal Dixxiplinari, għalkemm mhux membru tal-awla, ikun informa lill-partijiet fil-kawża li setgħu jikkontestaw is-sospensjoni tal-proċeduri għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li l-awla li tiddeċiedi kienet tal-fehma li d-deċiżjoni tar-rinviju ma setgħetx tiġi kkontestata.

36.

Fi ftit kliem, filwaqt li l-Prosekutur Nazzjonali jikkontesta l-eżistenza ta’ tilwima inter partes ġenwina pendenti quddiem it-Tribunal Dixxiplinari, il-Gvern Pollakk jikkunsidra li dan il-korp ma huwiex indipendenti. Sejjer issa nittratta dawn iż-żewġ punti.

1. Tilwima inter partes?

37.

Sabiex ikun hemm qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, din id-dispożizzjoni teħtieġ li jkun hemm proċedura inter partes. Għalkemm tifforma parti mill-kriterji ta’ Dorsch ( 5 ), huwa forsi ġust li jiġi rikonoxxut li din il-kundizzjoni ma hijiex insormontabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament li dan ma huwiex kriterju assolut ( 6 ).

38.

Barra minn hekk, qorti nazzjonali tista’ tressaq domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemha u jekk tintalab tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 7 ). F’dawn il-limiti, madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi eżattament f’liema stadju tal-proċedura jeħtieġ li titressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ biss li t-tilwima tkun pendenti fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 9 ).

39.

F’dan il-każ, il-Prosekutur Nazzjonali jsostni li l-proċeduri quddiem it-Tribunal Dixxiplinari ma humiex inter partes peress li t-“tilwima” tikkonċerna d-deċiżjoni (tal-Aġent Dixxiplinari) li ma jinbdewx proċedimenti dixxiplinari (għall-kuntrarju ta’ deċiżjoni li jitressqu dawn il-proċeduri jew li tiġi imposta sanzjoni dixxiplinari effettiva). B’dan il-mod, jidher li qiegħed jiġi ssuġġerit li l-istadju tal-proċeduri huwa wieħed iżjed bikri, b’ebda skambju dirett bejn R.G. u l-korpi dixxiplinari kompetenti. Għalhekk ma hemm ebda tilwima ġenwina pendenti.

40.

Jiena ma naqblix.

41.

Il-Prosekutur Nazzjonali jidher li qiegħed jgħaqqad żewġ affarijiet: il-fatt li jkun hemm proċeduri kontenzjużi bejn xi partijiet u l-bżonn li jkun hemm tilwima speċifika ħafna li tikkonċerna żewġ partijiet konkreti. Fuq din il-bażi, il-Prosekutur Pubbliku essenzjalment jissuġġerixxi li, peress li ma hemm ebda “proċess sħiħ” fuq il-mertu bħala parti minn proċedimenti dixxiplinari bejn żewġ partijiet speċifiċi, għaldaqstant ma teżisti ebda tilwima reali; u, għaldaqstant, ebda proċeduri inter partes.

42.

Madankollu, sabiex ikun hemm tilwima inter partes, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq sempliċement teħtieġ tilwima ġenwina dwar il-liġi u l-applikazzjoni tagħha bejn xi partijiet ( 10 ). F’dan il-kuntest, ċertament li teżisti tilwima inter partes ta’ dan it-tip peress li l-partijiet jikkonsistu fl-Aġent Dixxiplinari, fuq naħa, u l-Prosekutur Nazzjonali u l-Ministru għall-Ġustizzja, fuq in-naħa l-oħra, u t-tilwima qed titressaq quddiem terza persuna, senjatament it-Tribunal Dixxiplinari. Il-kwistjoni dwar jekk R.G. huwiex teknikament diġà parti f’din it-tilwima, u l-istadju li fih, taħt id-dritt nazzjonali, huwa jingħata drittijiet sħaħ bħala l-parti akkużata, hija, f’termini ta’ jekk teżistix tilwima inter partes ġenwina, irrilevanti.

43.

L-istess għandu jingħad fir-rigward tal-istadju tal-proċedura: għal darba oħra, ukoll f’termini ta’ ammissibbiltà, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax l-istadju eżatt tal-proċedura nazzjonali li fih tista’ ssir talba għal deċiżjoni preliminari. Kull ma huwa meħtieġ hu li jkun hemm tilwima ġenwina ( 11 ) bejn xi partijiet, li, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, jidher b’mod ċar li huwa l-każ.

44.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ma hemm ebda dubju li fil-kawża prinċipali hemm tilwima inter partes fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

2. Indipendenza

45.

Il-kunċett ta’ “indipendenza” għandu żewġ karatteristiċi. L-ewwel nett, fir-rigward tal-indipendenza esterna, hija ġurisprudenza stabbilita li l-korp ikkonċernat irid ikun kapaċi jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma jkun suġġett għal restrizzjoni ġerarkika jew ikun subordinat għal kwalunkwe korp ieħor, u mingħajr ma jieħu ordnijiet jew struzzjonijiet mingħand kwalunkwe sors ieħor, b’mod li għaldaqstant ikun protett kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jfixklu l-ġudizzju indipendenti tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom ( 12 ).

46.

L-irremovabbiltà tal-membri tal-korp ikkonċernat tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza ġudizzjarja peress li din hija intiża għall-protezzjoni tal-persuna li għandha l-kompitu li tiddeċiedi ( 13 ). Il-garanzija ta’ irremovabbiltà tal-membri ta’ qorti jew tribunal teżiġi għalhekk li t-tkeċċija ta’ membri ta’ dan il-korp tkun iddeterminata minn regoli speċifiċi, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw f’każ ta’ tkeċċija illegali ( 14 ). Tali garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u tal-ħatra, tat-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll tar-raġunijiet għal astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tiegħu, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ dan il-korp fir-rigward ta’ fatturi esterni u tan-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi quddiemu ( 15 ).

47.

It-tieni aspett tal-kunċett ta’ indipendenza, li huwa ta’ natura interna, jirrelata prinċiparjament mal-kunċett ta’ imparzjalità. Dan ifittex li jiżgura kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-proċedura lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “indipendenza”, li huwa inerenti għall-kompitu ta’ għoti ta’ deċiżjoni, jimplika qabel kollox li l-korp ikkonċernat jaġixxi bħala terza persuna fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata ( 16 ).

48.

F’dan il-każ, żewġ elementi relatati mal-kompożizzjoni tat-Tribunal Dixxiplinari ġew essenzjalment identifikati mill-Gvern Pollakk bħala potenzjalment problematiċi mill-perspettiva ta’ indipendenza: l-allegata assenza ta’ irremovabbiltà tal-membri tiegħu u l-fatt li huwa magħmul minn avukati, membri tal-Kamra tal-Avukati, li jaġixxu, sa ċertu punt, bħala “imħallfin onorarji” pjuttost milli bħala mħallfin professjonisti.

49.

Ma nistax ma naqbilx mal-Gvern Pollakk rigward l-importanza ta’ indipendenza ġudizzjarja u l-importanza li korp, jekk jixtieq jissejjaħ “qorti”, jikkonforma mar-rekwiżiti kollha relatati mad-dimensjonijiet kemm esterni kif ukoll interni tal-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja. Madankollu, f’dan il-każ, wara kjarifiki magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma narax għalfejn it-Tribunal Dixxiplinari ma għandux jissodisfa dawn il-kriterji jekk jiġi evalwat għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

50.

L-ewwel nett, rigward l-allegata assenza ta’ irremovabbiltà tal-membri tat-Tribunal Dixxiplinari, fit-test tiegħu, l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura tabilħaqq jgħid li l-membri individwali tal-korpi tal-Avukatura, inkluż għalhekk it-Tribunal Dixxiplinari, li huwa wieħed minn dawn il-korpi, jistgħu jitkeċċew mill-korp li jkun eleġġiehom, senjatament mill-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati, qabel jintemm il-mandat tagħhom ( 17 ).

51.

Madankollu, ma jidher li hemm ebda dispożizzjonijiet legali ulterjuri, jew almenu ebda waħda li nġabet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn waħda mill-partijiet ikkonċernati, li jindikaw b’mod espress meta, kif u għalfejn il-membri tat-Tribunal Dixxiplinari jistgħu jitkeċċew. L-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet tista’ tindika li l-arranġamenti għat-tkeċċija tal-membri ma ġewx iddeterminati minn regoli speċifiċi u minflok japplikaw regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali. Konsegwentement, it-tkeċċija tal-membri tiegħu ma tkunx limitata għal ċerti każijiet eċċezzjonali, kif inhu meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkaratterizzat bħala “qorti jew tribunal” ( 18 ).

52.

Madankollu, fuq talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal Dixxiplinari qal li l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura minn dejjem kien jikkostitwixxi liġi ineffettiva u qatt ma ġie implimentat. Ma hemm ebda dispożizzjoni li tispeċifika kif u meta l-Assemblea Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati tista’ tkeċċi membru tat-Tribunal Dixxiplinari qabel ma jintemm il-mandat tiegħu jew tagħha. Skont it-Tribunal Dixxiplinari, isegwi wkoll mill-punt 13 Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Avukatura li membru tat-Tribunal Dixxiplinari ma jistax jitkeċċa qabel ma jintemm il-mandat tiegħu. Bl-istess raġunament, ir-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea Nazzjonali tal-Avukatura ma fihom ebda dispożizzjoni rigward it-tkeċċija ta’ membri tat-Tribunal Dixxiplinari. Finalment, u fi kwalunkwe każ, l-Assemblea tal-Avukatura ta’ Varsavja qatt ma keċċiet membru tat-Tribunal Dixxiplinari.

53.

Fil-fehma tiegħi, it-Tribunal Dixxiplinari pprovda biżżejjed informazzjoni biex jiġi stabbilit li l-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar l-Avukatura huwa ineffettiv. Għaldaqstant jidher li l-membri tat-Tribunal Dixxiplinari tabilħaqq ma jistgħux jitneħħew u, b’konsegwenza ta’ dan, l-indipendenza esterna ta’ dik il-qorti f’termini ta’ irremovabbiltà tal-membri tagħha ma toħloq ebda kwistjoni.

54.

It-tieni nett, ġie ssuġġerit ukoll, din id-darba rigward l-indipendenza interna u l-imparzjalità, li t-Tribunal Dixxiplinari ma huwiex indipendenti peress li huwa magħmul minn avukati, membri tal-Kamra tal-Avukati, u mhux minn imħallfin professjonisti. Għal din ir-raġuni, it-Tribunal Dixxiplinari ma jirrappreżentax terz indipendenti, iżda pjuttost kollezzjoni ta’ individwi li huma kemm eletti kif ukoll imġedda, u għaldaqstant possibbilment influwenzati mill-kollegi tagħhom.

55.

Tabilħaqq, hemm tħassib li kultant jiġi espress fir-rigward ta’ proċeduri, b’mod partikolari proċedimenti dixxiplinari, li jitwettqu mill-kollegi ta’ dak li jkun. Dawn ivarjaw minn allegazzjonijiet ta’ korporatiżmu fi ħdan professjoni għal probabbiltà ta’ kunflitti ta’ interessi. Fuq naħa waħda tal-ispettru, “solidarjetà professjonali falza” tiġi mċanfra, b’mod partikolari mill-pubbliku inġenerali, li kultant ma jkunx kuntent bl-eżitu ta’ proċedimenti dixxiplinari individwali, u li ħafna drabi jħoss li s-sanzjonijiet huma wisq laxki, fejn saħansitra jissuġġerixxi li f’dawn is-sistemi ma jeżisti ebda proċess indipendenti minħabba “protezzjoni reċiproka żgurata” fi ħdan dik il-professjoni. Fuq in-naħa l-oħra ta’ dan l-ispettru, kultant jiġi ssuġġerit, forsi iktar ta’ spiss minn ġewwa l-professjoni nnifisha, li korp dixxiplinari kompost b’dan il-mod ma kienx imparzjali f’każ konkret minħabba ġibdiet, konnessjonijiet, jew għira personali, li jwasslu għal interess reali li kollega jiġi ssanzjonat.

56.

Jekk u sakemm ma tiġix stabbilita xi waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ġenerali, jew fuq livell tal-liġi, jew fil-prattika u fl-applikazzjoni tal-liġi ( 19 ), li tippermetti li l-indipendenza ta’ korp ġudizzjarju tiġi kkontestata, inqis li tali insinwazzjonijiet jew konġetturi ftit huma ta’ rilevanza għall-finijiet ta’ evalwazzjoni dwar jekk korp nazzjonali jistax jikkwalifika bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Kif issuġġerejt reċentement, l-evalwazzjoni ta’ indipendenza taħt l-Artikolu 267 TFUE teħtieġ li l-kunċett ta’ qorti jew tribunal jiġi eżaminat fil-livell strutturali u istituzzjonali. Dan jiġi eżaminat permezz ta’ ħarsa lejn il-korp ġuridiku li jagħmel ir-rinviju, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li dan il-korp għandu jeżerċita fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ ( 20 ).

57.

Ma narax għalfejn f’termini strutturali, korpi ġudizzjarji komposti minn “imħallfin onorarji” ma jistgħux jitqiesu bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, sakemm ċertament, bħala parti mill-attività ġudizzjarja tagħhom, jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ indipendenza ġudizzjarja. Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit ta’ indipendenza huwa eżattament l-istess għal kwalunkwe qorti, kemm jekk komposta minn “imħallfin professjonisti” jew “imħallfin onorarji”, jew taħlita tat-tnejn.

58.

Għandu jitfakkar li l-istruttura tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali hija awtomatikament l-għażla ta’ kull Stat Membru ( 21 ). F’dan ir-rigward, huwa ċertament il-każ f’numru ta’ Stati Membri li kwistjonijiet rigward id-dixxiplina ta’ membri ta’ ċerti professjonijiet jiġu deċiżi mill-membri ta’ dawk il-professjonijiet stess, u għalhekk minn imħallfin “onorarji”. Dan huwa normalment il-każ f’numru ta’ professjonijiet “liberali” bħal ma huma tobba, veterinarji, dentisti, periti, spiżjara jew, f’dan il-każ, avukati. Il-benefiċċji ta’ għażla istituzzjonali bħal din huma pjuttost ċari: l-għarfien espert meħtieġ fi kwistjonijiet ta’ rekwiżiti professjonali u dixxiplina fil-qasam rilevanti u li ħafna drabi jkun kumpless ( 22 ).

59.

Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tirrispondi talbiet għal deċiżjoni preliminari minn dawn il-korpi jekk ikun ġie kkonstatat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE ġew issodisfatti. F’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma daħlitx f’diskussjoni ddettaljata dwar in-natura tal-korp inkwistjoni, pereżempju, fir-rigward tal-Commissie van Beroep Huisartsgeneeskunde (il-Kumitat tal-Appell għall-Mediċina Ġenerali, il-Pajjiżi l-Baxxi ( 23 )) jew tal-Consiglio Nazionale Forense Taljan (il-Kunsill Nazzjonali tal-Avukatura) ( 24 ). F’każijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għad-domanda jew domandi preliminari mingħajr ma eżaminat jekk tressqux minn “qorti jew tribunal”. Dan ġara, pereżempju, fir-rigward tal-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission für Rechtsanwälte (Bord tal-Appelli u Dixxiplinari għall-Avukati, l-Awstrija ( 25 )), Kamra Dixxiplinari Lokali tad-Dentisti ġewwa Franza ( 26 ), jew Kumitat tal-Appelli tal-Assoċjazzjoni tal-Periti ġewwa l-Belġju ( 27 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari fejn sabet li l-korp tar-rinviju ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza ( 28 ).

60.

L-iżjed fattur importanti f’dawn il-każijiet kollha, fir-rigward ta’ korpi ġudizzjarji komposti minn “imħallfin onorarji” ( 29 ), huwa r-raġuni għalfejn issir l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza taħt l-Artikolu 267 TFUE. Din l-evalwazzjoni, għalkemm fundamentalment għandha l-istess kriterju ta’ indipendenza bħal dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex, għall-kuntrarju tal-Artikolu 47 tal-Karta, pereżempju, ikkonċernata b’identifikazzjoni metikoluża ta’ kull ksur individwali ta’ drittijiet individwali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 30 ). L-għan ta’ din l-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 267 TFUE huwa li jiġu identifikati sħab istituzzjonali xierqa fl-Istati Membri li jistgħu jidħlu fi djalogu mal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Huwa tabilħaqq sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha opportunità li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u validità tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw minn proċedimenti nazzjonali u li jistgħu jaffettwaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ).

61.

F’dan l-isfond, il-Gvern Pollakk ma spjegax, minbarra sempliċi dikjarazzjonijiet astratti bbażati fuq konġetturi, għalfejn it-Tribunal Dixxiplinari ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza, li huwa integrali għall-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Wara kjarifika mogħtija mit-Tribunal Dixxiplinari, ma jidhirx li dan tal-aħħar ma għandux indipendenza (esterna jew interna) b’mod li ma jkunx kapaċi jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

62.

Jiena għalhekk tal-fehma li t-Tribunal Dixxiplinari (tal-Avukatura ta’ Varsavja) huwa intitolat li jressaq it-tilwima fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE.

B.   L-ewwel domanda: id-Direttiva dwar is-servizzi u l-Artikolu 47 tal-Karta

1. Ammissibbiltà

63.

Għandu jitfakkar mill-bidu nett li skont ġurisprudenza stabbilita, domandi preliminari mressqa minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li għalih hija responsabbli dik il-qorti li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu ta’ din il-Qorti li tiddetermina, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 32 ).

64.

F’dan il-kuntest, kemm il-Prosekutur Nazzjonali kif ukoll il-Gvern Pollakk jikkunsidraw li t-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li ma hijiex meħtieġa risposta għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dawn il-partijiet isostnu li t-tieni u r-raba’ domanda huma inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju hija biss ikkonċernata bl-istadju sussegwenti tal-kawża prinċipali, senjatament l-appell ipotetiku fl-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema). Fir-rigward tal-ewwel domanda, iż-żewġ partijiet ikkonċernati jsostnu li din hija wkoll inammissibbli peress li din id-domanda saret biss għall-finijiet tal-kisba ta’ risposta għat-tieni u r-raba’ domanda. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tapplika għal dan il-każ u għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma huwa ta’ ebda utilità għal R.G.

65.

Jiena ma naqbilx. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel domanda hija kjarament ammissibbli.

66.

L-ewwel nett, fuq livell kunċettwali, ma nistax naqbel mal-“inammissibbiltà b’assoċjazzjoni” li effettivament qiegħda tiġi ssuġġerita mill-Prosekutur Nazzjonali u mill-Gvern Pollakk. Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment ittrattat kull domanda mressqa mill-qrati tar-rinviju b’mod indipendenti, ċertament sa fejn tali domandi jistgħu jiġu ddissoċjati b’mod loġiku. Kull domanda hija eżaminata b’mod separat fir-rigward tal-merti tagħha stess, li ħafna drabi jwassal (kif jiġri ta’ spiss fil-ġurisprudenza) għal sitwazzjoni fejn jingħataw risposti għal ċerti domandi filwaqt li oħrajn jiġu ddikjarati inammissibbli fl-istess proċedura. Ma hemm ebda (in)ammissibbiltà minħabba domanda oħra.

67.

It-tieni, il-ġurisprudenza tħaddan approċċ għal ammissibbiltà li huwa pjuttost ġeneruż ( 33 ). Fir-rigward tat-tqassim ta’ rwoli bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-motivi ulterjuri ta’ qorti nazzjonali. Huwa saħansitra ħafna inqas xieraq li effettivament jiġi implikat li qorti nazzjonali aġixxiet in mala fide u, abbażi ta’ din il-konġettura, tirrifjuta li tagħti risposta għad-domanda preliminari.

68.

It-tielet, fir-rigward tal-kontenut tal-ewwel domanda għall-finijiet ta’ ammissibbiltà, hemm rabta suffiċjenti bejn il-fatti ta’ din il-kawża u d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, minn naħa, u d-Direttiva dwar is-Servizzi, min-naħa l-oħra – li l-interpretazzjoni tagħha qiegħda tintalab mill-qorti tar-rinviju. Ma jistax jingħad li l-ewwel domanda qiegħda titlob interpretazzjoni li b’mod manifest ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti jew mal-għan tal-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, l-ewwel domanda hija marbuta b’mod sostantiv ma’ strument tad-dritt tal-Unjoni li huwa identifikat b’mod ċar u li l-interpretazzjoni tiegħu qiegħda tintalab mill-qorti tar-rinviju ( 34 ).

69.

Ir-raba’, jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkunx jista’ jgawdi benefiċċju effettiv mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba tingħata deċiżjoni finali fuq il-mertu mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ ammissibbiltà ( 35 ). Li l-ammissibbiltà tiġi magħmula dipendenti fuq ċertu tweġiba fuq il-mertu jfisser li l-karrettun proverbjali jkun qiegħed jitqiegħed qabel iż-żiemel ( 36 ).

70.

Fil-qosor, ċertament ma jidhirlix li r-risposta għall-ewwel domanda mressqa mil-qorti tar-rinviju rigward id-Direttiva dwar is-Servizzi ma hija ta’ ebda rilevanza għad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali. Dan ifisser, mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni eventwali rigward l-ammissibbiltà tat-tieni, it-tielet, u r-raba’ domanda, li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

2. L-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi

71.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi, b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 10(6) tagħha, hijiex applikabbli għall-proċeduri rigward responsabbiltà dixxiplinari ta’ avukat li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jwasslu għal deċiżjoni bħal ma hija dik li tirriżulta fit-tkeċċija tiegħu jew tagħha mill-avukatura. Fl-eventwalità li tingħata risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni parti tad-domanda tagħha, jekk il-Karta, inkluż l-Artikolu 47 tagħha, tapplikax għax tali proċeduri quddiem il-qrati tal-Kamra tal-Avukati.

72.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għaż-żewġ partijiet ta’ din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Sabiex nispjega għalfejn nemmen hekk, ser neżamina l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva dwar is-Servizzi u tad-Direttiva 98/5/KE ( 37 ) (a), qabel ma ndur għall-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi għal servizzi legali u, b’mod partikolari, għal proċedimenti dixxiplinari kontra avukati (b).

a) Il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva dwar is-servizzi u tad-Direttiva 98/5

73.

Skont il-Gvern Pollakk, id-dritt tal-Unjoni ma japplikax għal dan il-każ. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar is-Servizzi ma hijiex applikabbli għaliex id-Direttiva 98/5 sservi bħala lex specialis u din il-lex specialis ma hijiex applikabbli b’mod materjali għall-każ.

74.

Jiena ma naqbilx.

75.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, “[j]ekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi”. L-Artikolu 3(1) isemmi wkoll erba’ atti sekondarji tal-Unjoni bħal dawn ( 38 ). Għalkemm id-Direttiva 98/5 ma hijiex waħda minnhom, il-lista ta’ atti msemmija hemmhekk ma hijiex eżawrjenti ( 39 ).

76.

Tabilħaqq, fir-rigward tal-kontenut tagħha, id-Direttiva 98/5 tirregola r-regoli ta’ kondotta professjonali (l-Artikolu 6) u l-proċedimenti dixxiplinari (l-Artikolu 7) ta’ avukati li jipprattikaw fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 7 jirregola s-setgħat u obbligi dixxiplinari rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti u tal-Istat ta’ oriġini. L-Artikolu 9 tad-Direttiva jeħtieġ li deċiżjonijiet għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ avukat u deċiżjonijiet li jimponu miżuri dixxiplinari għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Barra minn hekk, għandu jkun hemm rimedju kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem qorti jew tribunal skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika.

77.

Madankollu, minbarra dan, għadni konfuż bl-argument imressaq mill-Gvern Pollakk. Qiegħed insib diffikultà biex nifhem kif lex specialis, senjatament id-Direttiva 98/5, li kjarament ma hijiex applikabbli għal avukat domestiku, tista’ tipprevjeni l-applikazzjoni ta’ lex generalis, jiġifieri d-Direttiva dwar is-servizzi, li hija kjarament applikabbli, kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae.

78.

L-ewwel nett, il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jikkonċerna l-libertà għall-istabbiliment, japplika għal sitwazzjonijiet purament interni, u għalhekk għall-provvista ta’ servizzi legali minn avukati li ma jkunux eżerċitaw il-moviment liberu ( 40 ). Għalhekk, awtomatikament, sa fejn huwa applikabbli wkoll għal servizzi legali, il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi japplika għall-avukati kollha, irrispettivament minn jekk humiex, skont il-kwalifiki tagħhom, avukati “purament domestiċi” jew “transkonfinali”.

79.

It-tieni nett, speċifikament rigward avukati barranin, id-Direttiva dwar is-Servizzi tkun awtomatikament applikabbli biss sa fejn id-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha ma ġewx issostitwiti, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, minn dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 98/5. Madankollu, anki fir-rigward ta’ avukati barranin, huwa dubjuż kemm id-Direttiva 98/5 tipprovdi mod ieħor fir-rigward tal-garanziji speċifiċi tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 41 ).

80.

It-tielet nett, għalkemm huwa fil-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika dan, ma jidhirx li R.G. huwa avukat barrani, fis-sens tad-Direttiva 98/5 ( 42 ). Bħala avukat domestiku, id-Direttiva dwar is-Servizzi tkun tapplika għalih fi kwalunkwe każ, filwaqt li d-Direttiva 98/5 ma tkun b’ebda mod rilevanti għall-kawża preżenti.

81.

Fil-qosor, fiż-żewġ każijiet, id-Direttiva 98/5 sempliċement ma tipprovdix mod ieħor. Ma jidher li hemm ebda kunflitt viżibbli ma’ xi dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni li tirregola l-kwistjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

b) Id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-proċedimenti dixxiplinari kontra avukati

82.

Il-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll il-qorti tar-rinviju, jaqblu li d-Direttiva dwar is-Servizzi hija applikabbli għal servizzi legali u li reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati sabiex wieħed jitħalla jipprattika tikkostitwixxi skema ta’ awtorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva. Dan premess, ma hemmx qbil dwar jekk proċedimenti dixxiplinari jikkostitwixxux parti minn tali skema ta’ awtorizzazzjoni. Filwaqt li l-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni huma tal-fehma li jikkostitwixxu parti minn tali skema, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Pollakk ma jaqblux.

83.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva, jiddikjara li l-provvista ta’ pariri legali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Tabilħaqq, ma hemmx dubju li r-rappreżentanza legali hija tip speċifiku ta’ servizz li, minħabba l-importanza tagħha fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, tiġi pprovduta minn professjoni rregolata mill-qrib u li hija suġġetta għal regoli deontoloġiċi speċifiċi ( 43 ). Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm suġġetta għal regoli speċifiċi r-rappreżentanza legali hija servizz taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi.

84.

Skont l-Artikolu 9(1), l-Istati Membri ma għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni sakemm: (a) dik l-iskema ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat; (b) il-ħtieġa għal tali skema hija ġġustifikata minn raġuni iktar importanti li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku; (ċ) l-għan li għandu jintlaħaq ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi.

85.

Bi qbil mal-partijiet ikkonċernati kollha, ma hemmx dubju li regoli relatati ma’ reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati jiffurmaw parti minn skema ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar is-Servizzi peress li dawn ir-regoli jikkonċernaw l-aċċess innifsu għall-professjoni bħala avukat ( 44 ).

86.

Madankollu, proċedimenti dixxiplinari kontra avukat għandhom ukoll jitqiesu bħala element ieħor ta’ din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni?

87.

Skont il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, proċeduri dixxiplinari kontra avukat irreġistrat huma wkoll parti mill-iskema peress li, b’konsegwenza ta’ dawn il-proċeduri, avukati jistgħu jiġu sospiżi, jew imkeċċija, jew ipprojbiti milli jerġgħu jirreġistraw għal għaxar snin. Tali miżuri jikkostitwixxu rtirar ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

88.

Għall-kuntrarju, skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Pollakk, il-proċedura dixxiplinari, meta meħuda waħedha, ma hijiex “skema ta’ awtorizzazzjoni” fis-sens tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u lanqas ma hija parti mill-iskema ta’ awtorizzazzjoni. Għalkemm sanzjoni dixxiplinari tista’ eventwalment tfisser li jkun impossibbli li jibqa’ jiġi pprovdut is-servizz, din ma tammontax għal ċaħda jew irtirar tal-awtorizzazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali peress li t-tilwima preżenti tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jwaqqaf il-proċeduri, mhux deċiżjoni li jimponi sanzjoni dixxiplinari. B’konsegwenza ta’ dan, ebda deċiżjoni ta’ sospensjoni jew tkeċċija ta’ avukat ma tista’ tiġi adottata f’dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod ġenerali regoli dixxiplinari ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

89.

Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju u mal-Kummissjoni.

90.

Huwa minnu li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma fihiex xi dispożizzjoni speċifika rigward regoli jew proċeduri dixxiplinari. Dan bilkemm huwa sorprendenti peress li d-Direttiva dwar is-Servizzi (b’mod partikolari l-Kapitolu III, iżda mhux dan il-kapitolu biss) tapplika orizzontalment, u għalhekk hija redatta fil-biċċa l-kbira tagħha f’termini ġenerali u astratti, u tfittex li tissalvagwardja l-libertà tal-istabbiliment għal fornituri u l-provvista libera ta’ sensiela vasta ta’ servizzi.

91.

Naqbel li proċeduri dixxiplinari kontra avukat, meħuda waħedhom, bilkemm jistgħu jammontaw għal skema ta’ awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, ma nifhimx ukoll il-loġika dwar għalfejn tali proċeduri evalwati fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom qatt jitqiesu bħala skema separata. Minflok, mill-perspettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi, tali proċeduri huma kjarament parti minn pakkett ta’ regoli rigward aċċess, eżerċizzju, u fl-aħħar mill-aħħar il-waqfien sfurzat tal-provvista ta’ servizzi.

92.

Taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri la għandhom jimpedixxu l-aċċess għal attività koperta mid-Direttiva dwar is-Servizzi, u lanqas l-eżerċizzju tagħha. Għalkemm id-Direttiva dwar is-Servizzi għandha tendenza li tiffoka fuq l-aċċess, din fiha diversi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kemm l-aċċess kif ukoll l-eżerċizzju ( 45 ), jew sempliċement l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 46 ). Proċeduri dixxiplinari għandhom l-għan, sa ċertu punt, li jiżguraw il-kwalità tal-eżerċizzju tal-provvista ta’ pariri legali. F’din id-dimensjoni, jistgħu tabilħaqq jitqiesu bħala element wieħed mill-iskema usa’ li jiġi rregolat l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dan it-tip ta’ servizz. Dan ikun ifisser li regoli dixxiplinari u l-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri speċifiċi għandhom jiġu “ssorveljati” bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-Artikolu 10(2) tagħha rigward skemi ta’ awtorizzazzjoni.

93.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tneħħi kwalunkwe dubju dwar jekk deċiżjonijiet li effettivament “jitterminaw” l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ tip ta’ servizz speċifiku humiex inklużi jew le. Dan jistipula li: “Ħlief fil-każ ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u għandha tkun miftuħa għal sfida quddiem il-qrati jew istanzi oħrajn ta’ appell” ( 47 ).

94.

Fil-kuntest ta’ din il-formulazzjoni, u tal-loġika tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ma narax kif wieħed jista’ jsostni b’mod raġonevoli li deċiżjoni li tneħħi lil avukat mir-reġistru ma tammontax għal irtirar tal-awtorizzazzjoni biex dan jipprattika u, għalhekk, biex jipprovdi servizzi legali. Irtirar ta’ awtorizzazzjoni diġà mogħtija hija sempliċement revoka tal-aċċess diġà mogħti. Din id-dispożizzjoni fformulata b’mod wiesa’ mhux biss tissuġġerixxi li kwalunkwe deċiżjoni (sfavorevoli) rigward l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ servizz hija koperta mid-Direttiva dwar is-Servizzi, iżda wkoll li għandha tkun miftuħa għal sfida.

95.

Din il-konklużjoni ma hijiex mibdula bir-riferiment magħmul mill-Gvern Pollakk għall-Artikolu 1(5) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jiddikjara li din id-direttiva “ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri”. Proċedimenti dixxiplinari ma humiex fihom infushom identiċi għal-liġi kriminali u proċedura kriminali. Barra minn hekk, anki li kieku kienu, quod non, l-Artikolu 1(5) jispeċifika li “l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva” ( 48 ).

96.

B’mod simili, ma nara ebda eżitu fl-argument imressaq mill-Gvern Pollakk, li skontu ebda deċiżjoni li tneħħi lil R.G. mill-Kamra tal-Avukati għadha ma ġiet imposta fuq R.G., u li effettivament ma tistax tiġi imposta fil-proċeduri speċifiċi li jikkonċernaw l-istħarriġ tad-deċiżjoni mill-Aġent Dixxiplinari li ma jsegwix reat allegatament dixxiplinari.

97.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jingħad li l-kamp ta’ applikazzjoni normattiv ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi definit ex post facto b’mod li jiddependi fuq l-eżitu, bil-każ jaqa’ ’l ġewwa jew ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont jekk persuna eventwalment tinstabx ħatja jew tiġix illiberata ( 49 ). B’mod ġenerali, il-fatt li ċertu proċeduri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni huwa biżżejjed għat-totalità ta’ dawn il-proċeduri, irrispettivament mill-eżitu aħħari jew l-istadju li fih jingħalqu, sabiex jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

98.

Fil-qosor, b’risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi japplika wkoll, bħala parti minn skema ta’ awtorizzazzjoni li tirregola l-eżerċizzju tal-attività ta’ avukati, għal proċeduri dixxiplinari mibdija kontra avukati, li r-riżultat tagħhom jista’ jaffettwa l-kapaċità kontinwa ta’ dawn l-avukati li jipprovdu servizzi legali taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi.

3. L-Artikolu 47 tal-Karta

99.

Ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda, li tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikolu 47, għall-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, hija pjuttost sempliċi.

100.

Hija ġurisprudenza stabbilita li drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni. Jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta mitluba tagħti deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti ta-Ġustizzja ( 50 ).

101.

Għalhekk, ladarba d-Direttiva dwar is-Servizzi hija applikabbli, il-Karta, inkluż l-Artikolu 47, bħal prinċipju hija wkoll applikabbli għall-każ. Dan ifisser li l-qorti tar-rinviju għandha tapplika l-Artikolu 47 tal-Karta fil-proċeduri pendenti quddiemha.

102.

Madankollu, kif sostnew il-Prosekutur Nazzjonali u l-Gvern Pollakk fis-sottomissjonijiet tagħhom rigward ammissibbiltà, huwa tabilħaqq mhux għal kollox ċar eżattament liema dritt individwali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jista’ jkun speċifikament inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Tabilħaqq, filwaqt li l-eżitu prospettiv fil-kawża prinċipali jista’ eventwalment ikollu effetti detrimentali fuq il-pożizzjoni legali ta’ R.G. (billi jkun issuġġettat għal proċeduri dixxiplinari b’riżultat ta’ dan), ġie rrilevat li R.G. għadu ma huwiex parti fil-kawża prinċipali. Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tidher li hija bejn l-Aġent Dixxiplinari, fuq naħa, u l-Prosekutur Nazzjonali u l-Ministru għall-Ġustizzja fuq in-naħa l-oħra ( 51 ). Għalhekk tabilħaqq ma huwiex immedjatament ovvju liema minn dawn (jidher li huma entitajiet tad-dritt pubbliku) ikun mogħni bid-drittijiet fundamentali taħt il-Karta fil-kawża prinċipali.

103.

Minkejja dan, anki jekk l-Artikolu 47 tal-Karta ma kienx applikabbli quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba l-assenza ta’ xi impatt fuq dritt individwali speċifiku ggarantit taħt il-Karta, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 19(1) TUE, li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 47 tal-Karta ( 52 ), ikun japplika xorta waħda ( 53 ). Għall-kuntrarju tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa tabilħaqq biżżejjed, sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 19(1) TUE, li qorti nazzjonali tista’ tissejjaħ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 54 ).

104.

Ma hemmx dubju li, anki fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti relatata mal-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi għall-proċedura quddiem it-Tribunal Dixxiplinari b’mod ġenerali, il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tissejjaħ biex tiddeċiedi dwar id-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

C.   It-tieni sar-raba’ domanda: is-setgħat ta’ qrati nazzjonali li jiżguraw konformità mad-dritt tal-Unjoni

105.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk għandhiex twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-organu (senjatament l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema)) li huwa kompetenti li jisma’ appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjoni tal-istess qorti tar-rinviju (jew ilment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali appell ta’ kassazzjoni) meta dan l-organu ma huwiex indipendenti u imparzjali fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Ikun imbagħad l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tirreferi tali appelli ta’ kassazzjoni lil istanza ġudizzjarja li kellha ġurisdizzjoni qabel (senjatament, l-Izba Karna Sądu Najwyższego (l-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema))?

106.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iżjed speċifiku jekk tistax (jew għandhiex) twarrab il-pożizzjoni legali espressa mill-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema)) rigward id-dritt ta’ appell ta’ kassazzjoni tal-Prosekutur Ġenerali (li fl-istess waqt huwa l-Ministru għall-Ġustizzja) u l-Ombudsman.

107.

Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk għandhiex tinjora l-appell ippreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja (li fl-istess waqt huwa l-Prosekutur Ġenerali) jekk dan huwa l-uniku mod kif tkun ċerta li l-proċedura pendenti quddiemha hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju tindika r-riskju li, anki jekk jitwettqu l-miżuri msemmija fit-tieni u t-tielet domanda, l-appell ta’ kassazzjoni potenzjali ppreżentata mill-Prosekutur Ġenerali (li fl-istess waqt huwa l-Ministru għall-Ġustizzja) xorta tista’ tispiċċa tinstema’ mill-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema).

108.

Ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni huwa meħtieġ sabiex wieħed japprezza b’mod sħiħ il-portata tat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda. Għaldaqstant, fit-taqsimiet li ġejjin, sejjer nibda billi niddeskrivi l-kuntest u l-bidliet reċenti magħmula fid-dritt u l-proċedura nazzjonali (1), qabel ma neżamina l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (2). Wara li nkun irriformulajt dawn id-domandi, ser nagħlaq billi nfakkar fis-setgħat tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali (3).

1. L-isfond leġiżlattiv u ġudizzjarju nazzjonali

109.

Hemm tliet elementi tal-kuntest legali nazzjonali, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, li għandhom jiġu enfasizzati.

110.

L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) hijiex qorti indipendenti u imparzjali għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 55 ). B’riferiment għal din is-sentenza, is-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja) iddeċidiet fil‑5 ta’ Diċembru 2019 li l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) ma kinitx qorti indipendenti u imparzjali għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 56 ). Wieħed mill-fatturi li wassal lill-Qorti Suprema għal din il-konklużjoni kien l-influwenza tal-eżekuttiv u, b’mod partikolari, dik tal-Ministru għall-Ġustizzja fuq il-kompożizzjoni ta’ dak l-organu.

111.

It-tieni, sa fejn huwa kkonċernat ir-rwol tal-Prosekutur Ġenerali/Ministru għall-Ġustizzja ( 57 )), il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rwol tiegħu fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-membri tal-Kamra tal-Avukati ġie reċentement estiż, wara interpretazzjoni kontroversjali tad-dritt nazzjonali mill-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema).

112.

Skont il-qorti tar-rinviju, fil-ġurisprudenza tal-Izba Karna Sądu Najwyższego (l-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema), u anki fil-letteratura legali, il-pożizzjoni inekwivokabbilment sostnuta sa reċentement kienet univokali kienet li la l-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), u lanqas ix-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman) ma kellhom dritt, taħt l-Artikolu 521 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali flimkien mal-Artikolu 95n(1) tal-Liġi dwar l-Avukatura, li jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjonijiet tat-Tribunali Dixxiplinari tal-Kmamar tal-Avukati li jikkonfermaw deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jirrifjuta li jibda investigazzjoni dixxiplinari jew li jwaqqaf tali investigazzjoni. Din il-fehma hija kompletament kondiviża mill-qorti tar-rinviju.

113.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li ġiet adottata pożizzjoni dijametrikament opposta fir-riżoluzzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2019 ta’ kulleġġ ta’ seba’ imħallfin tal-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) ( 58 ). Skont din il-pożizzjoni, l-Artikolu 521 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali japplika fi proċeduri dixxiplinari tal-Kamra ta-Avukati u għalhekk il-Prosekutur Ġenerali jista’ jippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjoni tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura li tikkonferma deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari li jwaqqaf investigazzjoni dixxiplinari.

114.

Jidher li din is-soluzzjoni ġiet adottata f’kawża differenti, għalkemm li tikkonċerna lill-istess avukat, R.G., li fiha l-Aġent Dixxiplinari kien waqqaf investigazzjoni dixxiplinari u fejn il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Prosekutur Nazzjonali kienu wkoll ippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni tiegħu f’dik il-kwistjoni. F’dik il-kawża, it-Tribunal Dixxiplinari kien ikkonferma d-deċiżjoni kkontestata iżda d-deċiżjoni tiegħu ġiet ikkontestata mill-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni.

115.

Għalkemm mhux qed niddikjara li fhimt bis-sħiħ id-dettalji kollha tal-proċedura nazzjonali, qiegħed nifhem li l-prinċipju huwa li, wara bidla fil-linja ġurisprudenzjali preċedenti, l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) effettivament tat id-dritt lill-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali li jippreżenta appell u, b’mod indirett, lilha nnifisha, il-kompetenza li tisma’ appelli ta’ kassazzjoni kontra deċiżjonijiet tal-Aġent Dixxiplinari li jwaqqaf proċeduri dixxiplinari.

116.

It-tielet, meta ż-żewġ elementi preċedenti jiġu magħquda flimkien, dik li tidher bħala bidla proċedurali ordinarja fid-dritt nazzjonali tieħu dimensjoni kompletament differenti. Billi deċiżjonijiet li ma jinbdewx proċeduri dixxiplinari jiġu appellati sistematikament jew ripetutament, il-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali (jew prosekutur nazzjonali li jaġixxi skont struzzjonijiet tiegħu) jistgħu effettivament ikunu kapaċi jimbuttaw għat-tressiq ta’ proċeduri dixxiplinari, jew li dawn jitkomplew (possibbilment għal dejjem) kontra ċerti membri tal-Avukatura. Tali appelli fl-aħħar mill-aħħar jiġu ppreżentati quddiem organu li preċedentement instab li kien nieqes minn indipendenza preċiżament minħabba li l-eżekuttiv, u b’mod partikolari l-Ministru għall-Ġustizzja, kien qiegħed jeżerċita influwenza indebita fuq il-kompożizzjoni tiegħu ( 59 ).

2. Ammissibbiltà

117.

Il-Prosekutur Nazzjonali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jqisu li t-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli. Skont il-Gvern Pollakk b’mod partikolari, dawn id-domandi huma ipotetiċi peress li huma prematuri. Kieku kellu jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal Dixxiplinari, dan l-appell ikollu jiġi ppreżentat quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li mbagħad tassenja l-kawża u lill-istanza li jkollha kompetenza li tismagħha u tibgħat il-proċess lilha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirrispondi domandi purament ipotetiċi li jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali futuri li għandhom jiġu eżaminati wara li l-qorti tar-rinviju tkun tat id-deċiżjoni tagħha.

118.

Il-partijiet interessati kollha huma tal-fehma li r-raba’ domanda hija wkoll inammissibbli. Għall-Gvern Pollakk b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux jiġi interpretat b’mod li jwarrab jew irendi ineffettivi rimedji legali quddiem qrati għall-allegat għan li l-partijiet jiġu żgurati li t-tilwima tagħhom tkun qiegħda tinstema’ minn qorti indipendenti. Il-qorti tar-rinviju ssib lilha nnifisha f’pożizzjoni fejn tipproteġi l-interessi ta’ parti għad-detriment tal-oħra, u għaldaqstant tmur kontra l-essenza nnifisha tal-Artikolu 47 tal-Karta.

119.

Ikolli nammetti li l-mod kif il-qorti tar-rinviju fformulat id-domandi preliminari, joħloq xi diffikultajiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni u r-raba’ domanda.

120.

Minn naħa, risposta għat-tieni u r-raba’ domanda tista’ tabilħaqq tidher superfluwa għall-finijiet ta’ soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ dawn id-domandi, jidher li l-qorti tar-rinviju hija kkonċernata bil-pass sussegwenti u potenzjalment aħħari fil-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Dan huwa, madankollu, kundizzjonali fuq il-fatt li d-deċiżjoni pendenti fil-kawża prinċipali tiġi appellata permezz ta’ kassazzjoni quddiem l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema).

121.

Sa dan il-punt, it-tieni u r-raba’ domanda jidhru prematuri. Il-fatt li dik il-qorti trid teżamina, għat-tielet darba, fl-istess proċeduri, deċiżjoni tal-Aġent Dixxiplinari rigward R.G. ma jbiddilx il-konklużjoni preċedenti. Fil-kawża preżenti l-qorti tar-rinviju ma hijiex iffaċċjata bil-problema li l-Aġent Dixxiplinari ma huwiex lest li jsegwi d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha wara li l-kawża ntbagħtet lura lil dan tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju hija fil-fatt ikkonċernata dwar jekk il-prospett (futur) tal-kawża eventwalment jasalx quddiem it-tielet parti li hija s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (b’mod iktar speċifiku l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Alwa Dixxiplinari tal-Qorti Suprema)), jekk il-qorti tar-rinviju din id-darba tiddeċiedi li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata tal-Aġent Dixxiplinari.

122.

Għaldaqstant, filwaqt li jidher li l-qorti tar-rinviju ssib lilha nnifisha f’ċirku li ma jispiċċa qatt, it-tieni sar-raba’ domanda fil-fatt huma relatati ma’ tip differenti ta’ ċirku li għadu ma mmaterjalizzax ( 60 ).

123.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju madankollu stabbilixxiet ċerti rabtiet rilevanti bejn it-tieni u r-raba’ domanda u l-kawża pendenti quddiemha.

124.

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju qalet li hija tikkunsidra li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tikkjarifika liema organu jkollu kompetenza biex jisma’ appell ta’ kassazzjoni potenzjali kontra d-deċiżjonijiet tagħha stess (jew oġġezzjoni għal rifjut li tintlaqa’ tali kassazzjoni) minħabba l-kontenut tal-istruzzjoni li l-qorti tar-rinviju hija marbuta li tagħti meta tagħti d-deċiżjoni tagħha lill-partijiet. Permezz tad-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu, fid-deċiżjoni finali tagħha, li tagħti struzzjonijiet lill-partijiet fil-kawża dwar il-limitu ratione temporis għall-preżentata ta’ appell kif ukoll il-mod kif dan għandu jsir jew li tinnotifikahom li ma hemm ebda dritt ta’ appell. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkontempla l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tal‑5 ta’ Diċembru 2019 u, għalhekk, tagħti struzzjoni lill-partijiet li l-appelli għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-Izba Karna Sądu Najwyższego (l-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema) u mhux quddiem l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema).

125.

Fir-rigward tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju ssuġġeriet li, b’riżultat tal-Artikolu 47 tal-Karta, tista’ hija stess toqgħod lura milli teżamina l-kawża pendenti quddiemha sabiex tibblokka l-appell ta’ kassazzjoni potenzjali sussegwenti lill-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), u b’hekk teskludi kwalunkwe interferenza possibbli minn din tal-aħħar.

126.

Minn dan isegwi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u r-raba’ domanda jistgħu verament ikollhom xi impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, nirrikonoxxi li numru ta’ elementi għadhom ma humiex ċari. Pereżempju, ma huwiex immedjatament evidenti kif, f’termini prattiċi, il-qorti tar-rinviju tista’ tipprevjeni appelli ta’ kassazzjoni milli jiġu ppreżentati quddiem l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema); jew, tabilħaqq, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk rigward l-assenjazzjoni ta’ kawżi fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kif il-qorti tar-rinviju ser jirnexxielha tidderieġi kawża speċifikament lejn l-Izba Karna Sądu Najwyższego (l-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema).

127.

Fl-aħħar nett, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li t-tieni u r-raba’ domanda huma, minn ċertu perspettiva, domandi relatati mal-interpretazzjoni tal-konsegwenzi prattiċi ta’ sentenza li kienet ingħatat preċedentement minn din il-Qorti, senjatament A.K. et. Tabilħaqq, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi “li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali” ( 61 ). Peress li, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi, huwa leġittimu għall-qorti tar-rinviju li essenzjalment tistaqsi: kollox sew, eżattament x’suppost għandi nagħmel dwar dan? Kif, f’termini speċifiċi u prattiċi, nista’ niżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni u nsegwi sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja?

128.

Għaldaqstant, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni u r-raba’ domanda tabilħaqq jikkonċerna kwistjonijiet li huma pendenti u rilevanti għad-deċiżjoni li għandha tagħti l-qorti tar-rinviju, allura, tabilħaqq sa dan il-punt, dawn id-domandi huma ammissibbli. Madankollu, il-karatteristiċi segwenti tal-proċedura preliminari għandhom jiggwidaw ir-riformulazzjoni ta’ dawn id-domandi.

129.

L-ewwel nett, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn din il-Qorti u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali b’punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa sabiex jiddeċiedu tilwim pendenti quddiemhom. Il-proċedura preliminari ma tippermettix li jingħataw opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi. Ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom pjuttost ikunu neċessarji għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima, li l-qorti nazzjonali trid tkun kapaċi li tieħu inkunsiderazzjoni fil-kawża prinċipali ( 62 ).

130.

Minn dan isegwi, loġikament, li l-portata ta’ kwalunkwe risposti potenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi hija limitata għal dak li l-qorti nazzjonali tista’ tagħmel fil-kawża pendenti quddiemha. Ma tistax tiġi estiża għal dak li qrati jew istituzzjonijiet oħra għandhom jagħmlu fil-futur. Dan jipprekludi gwida dwar l-atti jew azzjonijiet potenzjali futuri ta’ qrati oħra.

131.

It-tieni, kwalunkwe gwida li tista’ tagħti din il-Qorti permezz ta’ deċiżjoni preliminari hija strettament limitata għal kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux tad-dritt nazzjonali. Ma huwiex kompitu ta’ din il-Qorti li tinterpreta d-dritt nazzjonali, a fortiori biex tarbitra bejn interpretazzjonijiet differenti tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw fuq livell nazzjonali. B’mod partikolari, ma huwiex kompitu ta’ din il-Qorti li tissuġġerixxi liema mill-interpretazzjonijiet opposti tar-regoli nazzjonali proċedurali hija korretta, u liema regola eżatta jew rotta disponibbli taħt id-dritt tal-Unjoni għandha tieħu qorti tar-rinviju sabiex tiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni.

132.

B’dawn il-limiti f’moħħi, jiena tal-fehma li t-tieni sar-raba’ domanda huma ammissibbli. Dan premess, dawn id-domandi għandhom jiġu indirizzati minn livell ta’ astrazzjoni ħafna ogħla u wieħed għandu jitratta biss il-parti ta’ dawn id-domandi li hija relatata mad-dritt tal-Unjoni, kif ser nipprova nagħmel f’dan l-istadju.

3. Is-setgħat tal-qrati nazzjonali biex tiġi żgurata konformità mad-dritt tal-Unjoni

133.

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk għandhiex is-setgħa, taħt id-dritt tal-Unjoni, li twarrab, sabiex tiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni: (i) leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-istabbiliment ta’ kompetenza (it-tieni domanda); (ii) interpretazzjoni legali (normalment vinkolanti) tad-dritt nazzjonali mogħtija minn qorti superjuri (it-tielet domanda); (iii) l-appell jew is-sottomissjonijiet magħmula minn parti quddiem il-qorti tar-rinviju (ir-raba’ domanda).

134.

Dwar l-ewwel u t-tieni punt, fil-fatt diġà hemm linja rikka ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija, qorti nazzjonali għandha tapplika d-dritt tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u tipproteġi d-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi. Konsegwentement, hija obbligata twarrab kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tista’ tkun kunfliġġenti miegħu, sew jekk tkun ġiet introdotta qabel sew jekk wara r-regola tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, kull dispożizzjoni legali nazzjonali jew kull prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li tista’ tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni billi żżomm mill-qorti kompetenti mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt is-setgħa li tagħmel dak kollu li huwa neċessarju, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, biex twarrab dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jistgħu jipprekludu lil regoli tal-Unjoni milli jkollhom effettività sħiħa, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni ( 63 ). Sabiex tiżgura din il-konformità, il-qorti tar-rinviju tista’ jew tinterpreta regoli nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni jew, fejn ikun neċessarju, tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekluduha milli tiżgura konformità ( 64 ).

135.

It-tieni, fejn jidħlu opinjonijiet legali jew sentenzi ta’ qrati superjuri, hija wkoll tabilħaqq ġurisprudenza stabbilita li qrati nazzjonali għandhom, jekk ikun meħtieġ, iwarrbu d-deċiżjonijiet ta’ qorti superjuri jekk iqisu li dawn ma humiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni ( 65 ). Sa ċertu punt, il-loġika u l-konsegwenzi huma l-istess fiż-żewġ xenarji: jekk il-qorti tar-rinviju, jew kwalunkwe qorti oħra ( 66 ), ma titħalliex tiżgura konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, is-sorsi ta’ inkompatibbiltà potenzjali, sew jekk ikollha oriġini leġiżlattiva, sew jekk ikollha oriġini individwali ġudizzjarja, jistgħu jitwarrbu, naturalment suġġett għall-kundizzjoni li l-bidla minn tali sorsi tkun debitament immotivata u spjegata ( 67 ).

136.

Iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza deskritti hawn fuq ġew żviluppati fil-kuntest ta’ kawżi dwar kompatibbiltà individwali, mingħajr ma dawn il-kawżi neċessarjament kellhom implikazzjonijiet strutturali usa’. Madankollu, ma hemmx dubju li l-istess approċċ huwa applikabbli, forsi anki a fortiori, fir-rigward ta’ kwistjonijiet strutturali, bħal dawk relatati ma’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-kompetenzi għal organi li strutturalment ma għandhom ebda indipendenza. L-iżjed ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-estensjoni li hija tabilħaqq għal kollox loġika.

137.

L-ewwel nett, fis-sentenza tagħha A.K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ qorti li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, in casu l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), suġġett għal verifika mill-qorti nazzjonali. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li qrati nazzjonali jħallu mhux applikati d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżerva l-kompetenza sabiex tingħata deċiżjoni dwar kawżi lil tali qorti, sabiex b’hekk dawn il-kawżi jkunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li kienet tkun kompetenti fil-qasam ikkonċernat li kieku ma kienx għall-imsemmija dispożizzjoni ( 68 ).

138.

It-tieni, iktar reċentement, fil-kawża A.B. et ( 69 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mill-kwistjoni ta’ kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ emendi fid-dritt nazzjonali li ċaħħdu lill-qorti tar-rinviju mill-kompetenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn jiġi pprovat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ikun inkiser, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tħalli mhux applikati l-emendi inkwistjoni, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ oriġini leġiżlattiva jew kostituzzjonali, u li, konsegwentement, tkompli tassumi l-kompetenza li kienet tagħha biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim li kellha quddiemha qabel ma saru dawn l-emendi ( 70 ).

139.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hawn deskritta, kif ikkonfermata mill-iżjed sentenzi reċenti speċifikament dwar l-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), tabilħaqq isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha, bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tħalli mhux applikat id-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), u tapplika minflok id-dritt nazzjonali preċedenti dwar ġurisdizzjoni. Għalkemm kemm fil-kawża A.K. et kif ukoll fil-kawża A.B. et, il-qorti tar-rinviju ma kinitx qorti inferjuri ( 71 ), ma nemminx li din id-differenza hija ta’ rilevanza. Is-sentenza fil-kawża A.K. et hija ugwalment rilevanti għall-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti.

140.

Fil-qosor, id-dritt tal-Unjoni b’mod ċar jagħti s-setgħa lil qorti nazzjonali, taħt il-kundizzjonijiet spjegati iktar ’il fuq, biex twarrab leġiżlazzjoni nazzjonali jew opinjoni ġudizzjarja ta’ qorti superjuri, jekk dan ikun l-uniku mod kif tiġi żgurata konformità mad-dritt tal-Unjoni.

141.

Li huwa tabilħaqq ġdid hija t-tielet kwistjoni mqajjma mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tistaqsi jekk għandhiex sempliċement tinjora l-appell pendenti quddiemha. Nifhem li l-motiv li fuqha hija bbażata din il-proposta huwa l-ħolqien ta’ ċertu vojt ġuridiku. Tabilħaqq, jekk ma hemm ebda deċiżjoni, allura xejn ma jista’ jiġi appellat. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jista’ potenzjalment jipprogressa għal qorti li ma hijiex indipendenti.

142.

Minkejja s-sempliċità attraenti u radikali ta’ din l-idea, bħall-Gvern Pollakk fil-fatt, ma nistax ma nissuġġerix risposta fin-negattiv. L-Artikolu 47 tal-Karta (u, għal dak il-għan, l-Artikolu 19(1) TUE) jissalvagwarda d-dritt għal rimedju legali effettiv. Anki jekk il-“livell li jmiss” f’ġerarkija ġudizzjarja ma jissodisfax dan l-istandard, din id-dispożizzjoni bilkemm tista’ tiġi interpretata bħala li għandha effett kumulattiv fuq il-livell iżjed baxx, li ma jħallieha tagħti ebda deċiżjoni.

143.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġuni għal dan hija pjuttost sempliċi, iżda oneruża ħafna: il-projbizzjoni ta’ denegatio iustitiae. Sa mill-Artikolu 4 tal-Kodiċi Ċivili Franċiża, “imħallef li jirrifjuta li jiddeċiedi, bl-iskuża li l-liġi hija siekta, oskura jew difettuża, jista’ jitressaq b’akkuża ta’ ċaħda ta’ ġustizzja” [traduzzjoni libera] ( 72 ).

144.

Għalkemm oriġinarjament stabbilita fil-kuntest tad-dritt ċivili, u sa fejn naf jien qatt ma ġiet iddikjarata li hija parti mid-dritt tal-Unjoni, din il-projbizzjoni hija aspett tant fundamentali tal-funzjoni ġudizzjarja moderna li lanqas is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma tista’ tbiddilha. Ma jistax ikun il-każ li qorti tibqa’ sempliċement inattiva deliberatament, u tirrifjuta li tagħti kwalunkwe deċiżjoni, mhux biss għaliex il-liġi hija difettuża iżda wkoll għaliex qorti superjuri apparentament hija difettuża. Minflok, is-sistema diġà tippermetti li qorti turi n-nuqqas ta’ qbil tagħha billi tippermetti lil qorti tiddeċiedi fuq kawża u, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-gwida minn qorti superjuri, dejjem permezz ta’ deċiżjoni debitament immotivata.

145.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa sa fejn tista’ tasal din il-Qorti tal-Ġustizzja fl-għoti ta’ (almenu) xi gwida utli lill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tibqa’ fil-parametri tal-proċedura preliminari spjegati hawn fuq ( 73 ). Nerġa’ ntenni li r-rwol ta’ din il-Qorti huwa li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni u mhux id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, anki jekk teżamina l-kompatibbiltà ta’ ċerti regoli nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni fil-prattika, din l-evalwazzjoni tradizzjonalment ġiet limitata għal dikjarazzjonijiet negattivi ta’ inkompatibbiltà, iżda qatt għal dikjarazzjonijiet pożittivi dwar kif tista’ tinkiseb kompatibbiltà f’termini speċifiċi. Dan tal-aħħar huwa tabilħaqq il-kompitu esklużiv tal-qorti tar-rinviju u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat.

146.

Nirrikonoxxi li tali diviżjoni ta’ kompetenzi fil-proċedura preliminari tista’ ma tkunx ideali biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet essenzjalment patoloġiċi fi Stat Membru, li fih jidher li regoli normali ta’ involviment legali u fair play qegħdin jitkissru. Madankollu, f’termini realistiċi, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandha limiti inerenti f’termini tal-potenzjal tagħha biex issolvi l-konfronti istituzzjonali f’tali kuntest speċifiku, fejn attur jew numru ta’ atturi jirrifjutaw li jsegwu l-gwida maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’tali każijiet, intervent minn parti terza u infurzar estern tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal ma huwa dak prevista fl-Artikoli 258 sa 260 TFUE, jibqgħu rimedju iżjed xieraq, jekk mhux ukoll l-uniku.

V. Konklużjoni

147.

Qiegħed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tas-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura ġewwa Varsavja, il-Polonja):

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern, japplika, bħala parti minn skema ta’ awtorizzazzjoni li tirregola l-eżerċizzju tal-attività ta’ avukati, għal proċeduri dixxiplinari mibdija kontra avukati, li r-riżultat tagħhom jista’ jaffettwa l-kapaċità kontinwa ta’ dawn l-avukati li jipprovdu servizzi legali taħt din id-direttiva. Konsegwentement, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 19(1) TUE, japplikaw ukoll għal tali proċeduri.

Fuq il-bażi tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni:

Qorti nazzjonali hija obbligata li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza biex tingħata deċiżjoni dwar kawżi lil qorti li ma hijiex indipendenti u imparzjali, b’tali mod li dawn il-kawżi jkunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità u li kienet tkun kompetenti li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tipprekludi dan.

Qorti nazzjonali għandha, jekk ikun meħtieġ, twarrab id-deċiżjonijiet ta’ qorti superjuri jekk tikkunsidra li dawn huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, inkluż sitwazzjonijiet li fihom l-inkompatibbiltà tirriżulta minn assenza ta’ indipendenza u imparzjalità ta’ dik il-qorti superjuri.


( 1 ) Lingwa Oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36).

( 3 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 27); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 23).

( 5 ) Is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413) Ara iktar ’il fuq, il-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 31), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 88).

( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C‑96/04, EU:C:2006:254, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 24); u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Salvoni (C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 26).

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen and Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 19).

( 10 ) Ara, bl-istess mod, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) A contrario, għall-finijiet ta’ ammissibbiltà ta’ tilwim artifiċjali – ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (I) (104/79, EU:C:1980:73), u tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (II) (244/80, EU:C:1981:302). Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, b’mod partikolari l-punti 12 u 26).

( 12 ) Reċentement, ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, b’mod partikolari punti 117 sa 119).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 5758 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 60). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punti 3235).

( 15 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 32).

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 6162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Riprodotta iktar ’il fuq, fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll l-Artikolu 40(2) tal-Liġi Pollakka dwar l-Avukatura, iktar ’il fuq f’punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punti 33 sa 36), u tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 66 sa 68).

( 19 ) Fid-dettall, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 240 sa 248).

( 20 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WB et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 52166).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Jista’ jingħad ukoll li l-istess jgħodd ukoll għall-imħallfin infushom u d-dixxiplina ġudizzjarja: numru ta’ kumitati dixxiplinari għall-imħallfin fl-Istati Membri huma komposti minn imħallfin, jew esklużivament, jew b’mod predominanti. Jekk wieħed isegwi l-argument tal-Gvern Pollakk għall-konsegwenza (il)loġika tiegħu, dan ifisser ukoll li kumitati dixxiplinari għall-imħallfin ma jistgħux ikunu komposti minn imħallfin (oħra) peress li dawn il-kumitati jkunu komposti mill-kollegi ta’ dak li jkun u għaldaqstant ma jkunux indipendenti?

( 23 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, EU:C:1981:218, punti 8 sa 17).

( 24 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 15 sa 30). Ara wkoll, għalkemm impliċitament, is-sentenza preċedenti tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411).

( 25 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Koller (C‑118/09, EU:C:2010:805) fil-kuntest ta’ tilwima rigward iċ-ċaħda ta’ talba relatata ma’ ammissjoni għat-test ta’ idoneità għall-professjoni ta’ avukat.

( 26 ) Digriet tat‑23 ta’ Ottubru 2018, Conseil départemental de l’ordre des chirurgiens-dentistes de la Haute-Garonne (C‑296/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:857), fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari kontra dentist.

( 27 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 1992, Bauer (C‑166/91, EU:C:1992:184), f’kawża fejn resident Belġjan kien applika mingħajr suċċess biex ikollu ismu mniżżel fuq il-lista ta’ tiroċinju ma’ Assoċjazzjoni lokali ta’ Periti.

( 28 ) Ara, pereżempju, id-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2013, Devillers (C‑167/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:804).

( 29 ) Naturalment mhux limitat għal korpi dixxiplinari biss, iżda anki għal korpi ġudizzjarji oħra. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), wara rinviju mill-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) li, matul l-istorja tiegħu, kien magħmul prinċiparjament minn imħallfin onorarji, li ħafna drabi kienu anki jinkludu persuni li ma humiex avukati. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Eurobox Promotion et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punti 215 sa 219).

( 30 ) Ara, b’mod dettaljat, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WB et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 161 sa 169).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, EU:C:1981:218, punt 16).

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punti 2627), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, għal eżempju iktar reċenti, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punti 31 sa 39).

( 34 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 49). Ara wkoll id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Prokuratura Rejonowa w Słubicach (C‑623/18, EU:C:2020:800).

( 35 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 38 sa 40).

( 36 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2020:939, punt 34).

( 37 ) Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).

( 38 ) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015 L 16, p. 66); Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35); Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224); u Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007 L 271, p. 18, fil-ĠU 2008 L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014 L 305, p. 115).

( 39 ) Kif indikat mill-kliem “dawn jinkludu” użati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u mill-iskop globali ta’ dik id-dispożizzjoni.

( 40 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari u f’dan is-sens, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi rigward skemi ta’ awtorizzazzjoni: “din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn” (enfasi tiegħi), li jindika li ma tapplikax għal aspetti oħra ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni. Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2019, Monachos Eirinaios (C‑431/17, EU:C:2019:368, punti 3031), li tiddistingwi bejn ir-reġistrazzjoni (armonizzata) ta’ avukati barranin u l-eżerċizzju (mhux armonizzat) tal-attività fil-kuntest tad-Direttiva 98/5.

( 42 ) Kif jindika wkoll, fl-aħħar parti tal-ewwel domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju, ir-riferiment għal “każijiet fejn l-elementi kollha rilevanti jseħħu fi ħdan Stat Membru wieħed”.

( 43 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2019:774, punti 103104).

( 44 ) Kif imfisser fl-Artikolu 4(6), moqri fid-dawl tal-premessa 49, tad-Direttiva dwar is-servizzi.

( 45 ) Pereżempju, l-Artikoli 3(1), 5(1), 6(1)(b), 8(1), 9(1), 10(4), 14(1), 15(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 46 ) Diġà fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 47 ) Enfasi tiegħi.

( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein (C‑393/17, EU:C:2019:563, punti 61 sa 63). Ara wkoll, għalkemm mhux vinkolanti, Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi (p. 15).

( 49 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punti 109 sa 115), rigward l-istess argument imressaq fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE.

( 50 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 4950); u tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 5960).

( 51 ) Ara wkoll il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 115116).

( 53 ) Rigward ir-relazzjoni u l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WB et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 161 sa 169).

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

( 56 ) Deċiżjoni Nru III PO 7/18.

( 57 ) Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-Polonja, l-uffiċċju tal-Ministru għall-Ġustizzja ngħaqad ma’ dak tal-Prosekutur Ġenerali – ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WB et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403). Għal evalwazzjoni kritika u (tabilħaqq) negattiva tal-amalgamazzjoni taż-żewġ uffiċċji, ara Il-Kummissjoni ta’ Venezja, Opinion on the Act on the Public Prosecutor’s Office, kif emendata (2017) Opinjoni 892/2017.

( 58 ) Kawża Nru. II DSI 67/18.

( 59 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

( 60 ) Ikkuntrasta, f’dan ir-rigward, pereżempju, il-kawża Torubarov fejn, wara l-iskambji suċċessivi bejn l-istess partijiet, il-proċedura nazzjonali kienet weħlet minħabba n-nuqqas ta’ rieda apparenti tal-awtorità amministrattiva li tapplika d-deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti. Madankollu, hemmhekk, il-qorti tar-rinviju qajjmet kwistjoni speċifika għall-impass li kien diġà mmaterjalizza – ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 23 sa 32).

( 61 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 171).

( 62 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 4446 u l-ġurisprudenza ċċitata); jew id-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher (C‑256/19, EU:C:2020:523, punti 4244).

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 2122); tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 20); u tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 44).

( 64 ) Ara, b’iktar riferimenti, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 50 et seq).

( 65 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 30), u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 69).

( 66 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret li qorti nazzjonali hija naturalment intitolata li tikkonstata inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u tislet il-konsegwenzi xierqa minn din il-konstatazzjoni, anki mingħajr talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE – ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 53 sa 55); tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 28); u d-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó (C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 75).

( 67 ) Ara, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punti 235 sa 243).

( 68 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 171).

( 69 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153).

( 70 ) Ibid., punti 142 sa 150.

( 71 ) Iżda min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) u s-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) rispettivament.

( 72 ) Portalis, J.E.M., “Discours préliminaire sur le projet de Code Civil présenté le 1er pluviôse an IX” (p. 12) f’Portalis, J.E.M., Discours et rapports sur le Code civil, Caen, Fontes & Paginae, 2010, p. 70.

( 73 ) Ara iktar ’il fuq, punti 128 sa 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top