Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0025

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2021.
    Kawża mressqa minn NK.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Višje sodišče v Ljubljani.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 28 – Artikolu 32(2) – Terminu stabbilit għall-preżentata ta’ krediti fi proċedura ta’ insolvenza – Preżentata, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja pendenti fi Stat Membru, ta’ krediti mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali pendenti fi Stat Membru ieħor – Terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt tal-Istat fejn tressqet il-proċedura ta’ insolvenza sekondarja.
    Kawża C-25/20.

    ; Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:418

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fl‑20 ta’ Mejju 2021 ( 1 )

    Kawża C‑25/20

    ALPINE BAU GmbH, Salzburg —fergħa ta’ Celje—, fi stralċ,

    NK, stralċjarju tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza

    vs

    ALPINE BAU GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Interpretazzjoni tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ terminu għall-preżentazzjoni ta’ krediti fi proċedura ta’ insolvenza — Preżentazzjoni ta’ krediti fi proċedura sekondarja mill-istralċjarju tal-proċedura prinċipali — Terminu għall-preżentazzjoni previst mid-dritt nazzjonali”

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 ( 2 ), applikabbli għall-kawża ratione temporis fid-dawl tad-data tal-ftuħ tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza ( 3 ).

    2.

    Il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-istralċjarju ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza mressqa fl-Awstrija, li għandu l-għan li jippreżenta, fi proċedura sekondarja, imressqa fis-Slovenja kontra l-istess debitur, il-krediti li diġà ppreżenta fl-ewwel proċedura, huwiex suġġett għat-termini (u għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom) tal-leġiżlazzjoni Slovena.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni dwar l-insolvenzi transfrontalieri diversi drabi ( 4 ), iżda dan qatt ma sar, sakemm mhux sejjer żball, dwar l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-implimentazzjoni tiegħu tinvolvi ħafna diffikultajiet ( 5 ).

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea. Ir‑Regolament Nru 1346/2000

    4.

    Konformement mal-premessa 21:

    “Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment pendenti fil-Komunità u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur […]”.

    5.

    Skont il-premessa 23:

    “Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment”.

    6.

    L-Artikolu 4 (“Liġi applikabbli”) jindika li:

    “2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

    […]

    (h)

    ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

    […]”.

    7.

    Skont l-Artikolu 28 (“Liġi applikabbli”):

    “Ħlief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċediment sekondarji għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji.”

    8.

    L-Artikolu 32 (“Eżerċizzju tad-drittijiet ta’ kredituri”) jipprovdi li:

    “1.   Kwalunkwe kreditur jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-proċedimenti prinċipali u fil-proċedimenti sekondarji.

    2.   Il-likwidaturi fil-proċedimenti prinċipali u xi proċedimenti sekondarji għandhom jippreżentaw fil-proċedimenti l-oħra t-talbiet li jkunu diġa ġew ippreżentati fil-proċedimenti li għalihom ikunu ġew maħtura, basta illi l-interessi tal-kredituri f’dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar ikunu b’hekk moqdija, suġġett għad-dritt tal-kredituri li jopponu li jew li jwarrbu l-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom meta l-liġi applikabbli hekk tipprovdi.

    3.   Il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jew sekondarji għandu jkun awtoriżżat illi jipparteċipa fi proċedimenti oħra bl-istess bażi bħala kreditur, b’ mod partikolari billi jattendi laqgħat ta’ kredituri.”

    B. Id‑dritt nazzjonali

    1.   Id‑dritt Awstrijak. Insolvenzordnung ( 6 )

    9.

    Konformement mal-Artikolu 107(1), għandha tinżamm seduta speċjali sabiex jiġu rrikonoxxuti l-krediti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan, li ma jkunux ġew eżaminati waqt is-seduta ġenerali għad-determinazzjoni tal-passiv. Għal dawn il-krediti għandu japplika l-Artikolu 105(1). Ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-krediti ppreżentati wara erbatax‑il jum fir-rigward tas-seduta għall-eżami tal-passiv.

    2.   Id‑dritt Sloven. Zakon o finančnem poslovanju, postopkih zaradi insolventnosti in prisilnem prenehanju ( 7 )

    10.

    Skont l-Artikolu 59(2) tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-kreditur għandu jippreżenta l-kreditu tiegħu fil-konfront tad-debitur insolventi f’terminu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, ħlief meta jiġi previst mod ieħor fl-Artikolu 59(3) u (4) ( 8 ).

    11.

    Konformement mal-Artikolu 298(1), meta l-kreditu jkun iggarantit bi privileġġ, il-kreditur għandu wkoll jippreżenta dan il-privileġġ fil-proċedura ta’ falliment fit-terminu previst għall-preżentazzjoni tal-kreditu, ħlief meta jiġi previst mod ieħor fl-Artikolu 281(1) ( 9 ), jew fl-Artikolu 282(2) ( 10 ).

    12.

    L-Artikolu 296(5) jipprovdi li, meta kreditur ma jippreżentax il-kreditu tiegħu fil-konfront tad-debitur insolventi fit-terminu previst għal dan il-għan, il-kreditu għandu jiġi estint u l-qorti għandha tiċħad il-preżentazzjoni tardiva tiegħu.

    13.

    Skont l-Artikolu 298(5), meta l-kreditur ma josservax it-terminu għall-preżentazzjoni tad-dritt preferenzjali, dan id-dritt għandu jiġi estint.

    II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari

    14.

    Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2013, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) fetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-kumpannija ALPINE Bau GmbH.

    15.

    Inizjalment, il-proċedura nfetħet bħala ta’ ristrutturazzjoni, iżda fl‑4 ta’ Lulju 2013 inbidlet fi proċedura ta’ falliment.

    16.

    Mid-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2013 tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) jirriżulta li dik imressqa kontra ALPINE Bau GmbH hija “proċedura prinċipali ta’ insolvenza”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    17.

    Fis‑6 ta’ Awwissu 2013, l-istralċjarju tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza ( 11 ) ressaq quddiem l-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celju, is-Slovenja) talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja kontra ALPINE BAU GmbH, Salzburg —fergħa ta’ Celje—.

    18.

    Permezz tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2013, l-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celju):

    fetħet il-proċedura sekondarja kontra din il-fergħa;

    informat lill-kredituri u lill-istralċjarji li, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000, huma setgħu jippreżentaw il-krediti tagħhom fil-proċedura prinċipali u fi kwalunkwe proċedura sekondarja. Hija ddikjarat dan f’avviż ippubblikat fuq is-sit internet tal-Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve (l-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Reġistri Uffiċjali Pubbliċi u Servizzi Relatati) fl-istess jum.

    19.

    Skont l-avviż, il-preżentazzjoni tal-krediti (preferenzjali jew le) fil-proċedura sekondarja kellha ssir f’terminu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni tiegħu. Tfakkar ukoll li, jekk il-krediti u d-drittijiet preferenzjali ma jiġux ppreżentati fit-terminu, dawn jiġu estinti fil-konfront tad-debitur f’din il-proċedura sekondarja u l-qorti tirrifjuta t-talba, fis-sens tal-Artikolu 296(5), jew tal-Artikolu 298(5) taż-ZFPPIPP.

    20.

    Fit‑30 ta’ Jannar 2018, NK ressaq talba għall-preżentazzjoni ta’ krediti (fis-sens tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000) fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja. Huwa talab lill-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celju) sabiex tilqagħha u tinkludiha fit-tqassim kollu tal-kwantitajiet lill-kredituri mwettaq sussegwentement fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.

    21.

    F’digriet tal‑5 ta’ Lulju 2019, l-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celju) ċaħdet it-talba, minħabba n-natura tardiva tagħha, skont l-Artikolu 296(5) taż-ZFPPIPP.

    22.

    NK appella minn dan id-digriet quddiem il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

    “L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplikaw għall-preżentazzjoni ta’ talbiet fi proċedura sekondarja mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, id-dispożizzjonijiet relatati mat-termini ta’ preżentazzjoni ta’ talbiet tal-kredituri u mal-konsegwenzi tal-preżentazzjoni tardiva abbażi tal-liġi tal-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura sekondarja?”

    III. Il‑proċedura

    23.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2020.

    24.

    ALPINE BAU GmbH, NK, il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja Pollakk u dak tar-Repubblika tas-Slovenja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. Iż-żamma ta’ seduta ma tqisitx neċessarja.

    IV. Analiżi

    A. Preċiżazzjonijiet preliminari

    25.

    L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi li kwalunkwe stralċjarju, kemm jekk tal-proċedura prinċipali, kif ukoll jekk ta’ dik sekondarja, għandu s-setgħa (jekk ikun il-każ, l-obbligu) ( 12 ) sabiex jippreżenta ( 13 ) fi proċeduri ta’ insolvenza oħrajn, miftuħa kontra l-istess debitur, il-krediti li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-proċedura li għaliha jkun inħatar.

    26.

    Ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jistabbilixxix espressament f’liema mument għandu jsir użu mill-possibbiltà deskritta. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istralċjarju ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza huwiex suġġett għat-termini (u għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom) li jirregola d-dritt tal-Istat fejn tkun infetħet proċedura sekondarja.

    27.

    Bl-eċċezzjoni ta’ NK, dawk li dehru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma inklinati li jifhmu li s-sistema tat-termini għall-preżentazzjoni tal-krediti, u l-effetti li din tkun tardiva, hija rregolata mil-lex concursus ta’ kull proċedura.

    28.

    Għal NK, madankollu, il-verifika u r-rikonoxximent ta’ krediti fil-proċedura prinċipali għandhom jippreċedu l-preżentazzjoni tagħhom fi kwalunkwe proċedura oħra. Impliċitament, isostni li t-termini għal din il-preżentazzjoni huma ddeterminati konformement mal-lex concursus tal-ewwel proċedura.

    29.

    Jiena tal-istess opinjoni bħal dik tal-maġġoranza fir-rigward tal-liġi li tirregola t-termini għall-preżentazzjoni tal-krediti fil-proċeduri sekondarji. Barra minn hekk, jiena ma naqbilx mal-argument ta’ NK fir-rigward tal-eżami u tar-rikonoxximent tal-krediti qabel il-preżentazzjoni tagħhom fil-proċedura sekondarja.

    30.

    L-ewwel għandi nittratta ċerti aspetti tas-sistema Ewropea ta’ insolvenza transfrontaliera li jgħinu sabiex wieħed jifhem aħjar dak li qiegħed jiġi diskuss fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    B. Insolvenzi transfrontalieri

    1.   Il‑leġiżlazzjoni ( 14 )

    31.

    L-ewwel proposti ta’ regolamentazzjoni tal-insolvenzi transfrontalieri għal (dik li llum hija) l-Unjoni Ewropea imorru lura għas-snin sittin tas-seklu preċedenti. Dak iż-żmien diġà kienet tiddomina l-konvinzjoni li biss qafas regolatorju komuni jista’ jindirizza aġir opportunist tad-debitur fallut, jew tal-kredituri tiegħu, u jippermetti l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ impriża f’diffikultà li l-assi tagħha kienu jinsabu f’diversi Stati Membri.

    32.

    Wara diversi tentattivi mingħajr suċċess, fit‑23 ta’ Novembru 1995 infetħet għall-firma Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) ( 15 ), li ma waslitx sabiex tidħol fis-seħħ. Din kienet akkumpanjata minn rapport imħejji u nnegozjat mill-Istati ( 16 ). Għalkemm dan id-dokument qatt ma ġie adottat uffiċjalment, jintuża bħala riferiment għall-interpretazzjoni tat-testi sussegwenti għall-Konvenzjoni, meta dawn jirriproduċu l-kontenut tagħha ( 17 ).

    33.

    Ir-Regolament Nru 1346/2000 ġie stabbilit fuq il-bażi tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 32 tiegħu jirriproduċi dispożizzjoni minn tiegħu.

    34.

    Fl‑2012, konformement mal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-Kummissjoni fasslet rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu. Hija annettiet proposta għal riforma ( 18 ) li wasslet għar-Regolament 2015/848, applikabbli b’mod ġenerali mis‑26 ta’ Ġunju 2017 għall-proċeduri miftuħa f’dak il-jum jew sussegwentement.

    35.

    It-test tal‑2015 iżomm is-sustanza ta’ dak preċedenti, filwaqt li jintroduċi, għal dak li huwa inkwistjoni f’dan il-każ, titjib fir-rigward tal-interrelazzjoni bejn proċeduri ta’ insolvenza paralleli, l-informazzjoni lill-kredituri u l-preżentazzjoni tal-krediti tagħhom fi Stat Membru differenti mid-domiċilju, ir-residenza jew is-sede tagħhom ( 19 ).

    36.

    B’mod partikolari, id-dispożizzjoni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tagħha baqgħet l-istess, issa bħala l-Artikolu 45 tar-Regolament 2015/848.

    2.   Il‑mudell tar‑Regolament Nru 1346/2000

    37.

    Ir-Regolament Nru 1346/2000 jinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u għall-koordinazzjoni ta’ proċeduri. B’mod ġenerali, dan jistabbilixxi sistema konformi mal-mudell ta’ “universaliżmu mtaffi” jew “attenwat” ( 20 ).

    a)   Pluralità ta’ proċeduri (prinċipali u sekondarji)

    38.

    Il-mudell adottat jaċċetta li proċedura unika ta’ insolvenza b’validità universali tista’ ma tirriżultax prattika. Għalhekk, dan jawtorizza li, flimkien ma’ proċedura prinċipali, ikunu jeżistu oħrajn “territorjali” (indipendenti, jekk ikunu preċedenti għall-ftuħ ta’ dik prinċipali; u sekondarji, jekk ikunu sussegwenti), li jkunu limitati għall-beni li jinsabu fil-pajjiż fejn ikunu nfetħu l-proċeduri ( 21 ).

    39.

    Il-proċedura prinċipali tinfetaħ quddiem “[il-]qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur” ( 22 ). Hija għandha portata ġenerali għall-passiv u għall-attiv. Il-ftuħ ta’ proċedura fi Stat Membru ieħor titlob li jkun hemm stabbiliment tad-debitur f’dan l-Istat. L-attiv huwa magħmul biss mill-beni tad-debitur f’dan it-territorju ( 23 ).

    40.

    Fil-proċeduri territorjali u sekondarji, il-passiv jinkludi l-kredituri kollha tad-debitur. Kull kreditur, irrispettivament minn fejn jinsabu d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede tiegħu fl-Unjoni ( 24 ), għandu d-dritt “li jippreżenta t-talbiet tiegħu […] li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur” fi kwalunkwe proċedura miftuħa fl-Istati Membri li fir-rigward tagħhom japplika r-Regolament Nru 1346/2000 ( 25 ).

    41.

    Il-fatt li jkun hemm diversi proċeduri ta’ insolvenza pendenti fl-istess ħin b’rabta mal-istess debitur iwassal għall-ħtieġa li dawn jiġu kkoordinati. Ir-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi, għal dan il-għan, regoli sostantivi, bħal dik dwar id-distribuzzjoni tal-prodott tal-attiv illikwidat ( 26 ) u regoli dwar il-kooperazzjoni tal-istralċjarji, b’mod partikolari permezz tal-iskambju suffiċjenti ta’ informazzjoni ( 27 ).

    42.

    Bl-istess għan (li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-proċeduri pendenti), il-leġiżlatur jirrikonoxxi natura predominanti lil dik li tinfetaħ fl-Istat taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Dan ir-rikonoxximent jinbidel fil-possibbiltà li l-istralċjarju nnominat għall-proċedura prinċipali jintervjeni wkoll fil-proċeduri sekondarji għal ċerti finijiet (pereżempju sabiex jipproponi pjan ta’ ristrutturazzjoni jew jitlob id-differiment tal-likwidazzjoni tal-assi fil-proċedura sekondarja) ( 28 ).

    b)   Il‑liġi applikabbli

    43.

    Ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jistabbilixxix dritt Ewropew tal-insolvenza, iżda regoli ta’ kunflitt uniformi li jidentifikaw il-liġi nazzjonali li għandha tirregola kull proċedura, kif ukoll l-effetti tagħhom.

    44.

    Flimkien mar-regoli ta’ kunflitt, dan jinkludi regoli sostantivi jew proċedurali, ta’ applikazzjoni diretta, li jissostitwixxu lil dawk tal-ordinamenti tal-Istati Membri ( 29 ).

    45.

    Ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja fir-Regolament Nru 1346/2000 innifsu, il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ (lex concursus) għandha tiġi applikata għal kull proċedura, kemm jekk prinċipali, territorjali jew sekondarja ( 30 ).

    46.

    L-għażla tal-lex concursus, komuni fl-istrumenti li jirregolaw l-insolvenza transfrontaliera, hija ġġustifikata minn tliet argumenti ( 31 ):

    L-unità tas-soluzzjonijiet, indispensabbli sabiex tintemm b’suċċess proċedura kollettiva bħal dik ta’ insolvenza u sabiex tingħata ċertezza lill-persuni involuti dwar l-obbligi u d-drittijiet tagħhom.

    L-iffaċilitar tal-amministrazzjoni tal-proċess, billi l-forum u l-ius jikkoinċidu. B’dan il-mod jiġu evitati wkoll l-ispejjeż marbuta mal-prova u l-applikazzjoni tad-dritt barrani.

    L-iżgurar li l-kredituri kollha tal-istess debitur jiġu suġġetti, fir-rigward tal-pożizzjoni tagħhom fil-falliment, għall-istess ordinament fil-kuntest ta’ kull proċess.

    47.

    Għalhekk, hija l-lex concursus li għandha tirregola l-ftuħ, l-iżvilupp u t-tmiem tal-proċedura ta’ insolvenza, fl-aspetti sostantivi u proċedurali tagħha.

    48.

    Konformement ma’ dan il-kriterju, permezz ta’ lista mhux eżawrjenti ( 32 ), l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 jassenja d-determinazzjoni, b’mod partikolari, ta’ ċerti elementi lil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ. Fosthom hemm, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li jipprevedi r-regolament iċċitat ( 33 ), “ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet” ( 34 ).

    c)   Il‑liġi li tirregola l‑preżentazzjoni tal‑krediti

    49.

    Minn dak li ntqal qabel jirriżultaw tliet konsegwenzi għall-kredituri (ċertament, għal dawk residenti fl-Unjoni) fil-każijiet ta’ insolvenza transfrontaliera:

    Id-dritt tagħhom sabiex jippreżentaw il-kreditu fi kwalunkwe proċedura, prinċipali jew sekondarja (jew territorjali, jekk ikun il-każ), li tinbeda kontra l-istess debitur fi Stat Membru marbut mir-Regolament Nru 1346/2000.

    Il-kreditur ikollu jeżerċita dan id-dritt konformement mal-liġi applikabbli għall-proċedura li fiha jagħżel li jippreżenta l-kreditu.

    Ir-rikonoxximent ta’ kreditu fi proċedura ma jimplikax awtomatikament li jkun irrikonoxxut fi proċedura oħra. L-eżami u r-rikonoxximent tal-krediti jiddependu mil-liġi applikabbli għal kull proċedura ( 35 ).

    50.

    Konxju mid-diffikultajiet marbuta mal-preżentazzjoni ta’ krediti fi proċeduri miftuħa barra mill-pajjiż, il-leġiżlatur inkluda ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament Nru 1346/2000:

    Skont l-Artikolu 32(2), ma huwiex meħtieġ li jkunu l-kredituri nfushom dawk li jippreżentaw il-krediti: dan jista’ jagħmlu, minflokhom, l-istralċjarju maħtur għal proċedura, b’rabta mal-krediti diġà ppreżentati fiha ( 36 ).

    Konformement mal-Artikolu 40, huwa meħtieġ li jiġu informati l-kredituri magħrufa kollha, li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede tagħhom tkun tinsab fi Stat differenti minn dak tal-ftuħ, li dan ikun seħħ. Il-komunikazzjoni, permezz ta’ ittra individwali, għandu jkollha kontenut minimu, li jinkludi r-riferiment għat-termini għall-preżentazzjoni tal-krediti u għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ( 37 ).

    51.

    Ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jirrendix it-termini għall-preżentazzjoni tal-krediti uniformi. Dan ma jagħmlu fir-rigward ta’ ebda proċedura jew ta’ ebda attur b’mod partikolari ( 38 ).

    52.

    Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-lex concursus ta’ kull proċedura, l-Istati Membri jistgħu, għalhekk, jirregolaw it-termini b’mod jew ieħor, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 39 ).

    C. Terminu sabiex l-istralċjarju jippreżenta l-krediti

    53.

    Ser nittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 billi nagħti l-motivi li għalihom, fl-opinjoni tiegħu, l-istralċjarju tal-proċedura prinċipali għandu jikkonforma ruħu mat-termini previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja, jekk ikun beħsiebu jitlob, f’din tal-aħħar, il-krediti diġà ppreżentati fl-ewwel proċedura.

    54.

    Għal dan il-għan, ser nuża l-kriterji ermenewtiċi normali, jiġifieri, il-kriterju letterali, storiku, teleoloġiku u dak sistematiku.

    1.   Il‑kriterju letterali

    55.

    Ladarba ġiet ammessa l-pluralità ta’ proċeduri ta’ insolvenza kontra l-istess debitur, l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jindika li “[l-]likwidaturi fil-proċedimenti prinċipali u xi proċedimenti sekondarji għandhom jippreżentaw fil-proċedimenti l-oħra t-talbiet li jkunu diġa ġew ippreżentati fil-proċedimenti li għalihom ikunu ġew maħtura […]”.

    56.

    Fit-test xejn ma jindika li l-krediti għandhom jiġu ppreżentati f’xi mument jew ieħor. Għaldaqstant, għandha tiġi applikata s-sistema ġenerali, jiġifieri, dik li tirriżulta mir-regola ta’ kunflitt bażika (Artikoli 4 u 28 tar-Regolament Nru 1346/2000) li tindika, kif diġà semmejt, il-lex concursus tal-Istat tal-ftuħ ta’ kull proċedura ( 40 ).

    57.

    B’mod partikolari, mill-Artikolu 4(2)(h) jirriżulta li l-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tiddetermina s-sistema tal-preżentazzjoni, l-eżami u r-rikonoxximent tal-krediti, inklużi t-termini sabiex titwettaq din il-preżentazzjoni. Il-klassifikazzjoni proċedurali ta’ din il-kwistjoni kienet twassal ukoll għall-applikazzjoni tal-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, inkluż fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita ( 41 ).

    58.

    Is-sentenza ENEFI tikkonferma din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, fiha jiġi ddikjarat li l-lex concursus tapplika għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-preżentazzjoni ta’ krediti u, b’mod partikolari, tat-termini ( 42 ).

    2.   Il-kriterju storiku u dak teleoloġiku

    59.

    L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriproduċi d-dispożizzjoni korrelattiva tal-Konvenzjoni (mingħajr suċċess). Mill-kontinwità taż-żewġ strumenti jirriżulta li l-preżentazzjoni ta’ krediti mill-istralċjarju tissodisfa l-istess funzjoni u għandha l-istess għan fiż-żewġ testi. Konsegwentement, ir-rekwiżiti ta’ din il-preżentazzjoni għandhom ikunu l-istess ukoll.

    60.

    L-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ġie introdott fil-kuntest tal-mudell ta’ universaliżmu attenwat, fejn il-pluralità ta’ proċeduri ta’ insolvenza kontra l-istess debitur hija possibbli. L-Artikolu 32(1) stabbilixxa, bħala eċċezzjoni għar-regola li tissuġġetta l-preżentazzjoni ta’ krediti għal-lex concursus, id-dritt ta’ kull kreditur sabiex jitlob il-krediti tiegħu fil-proċedura li jagħżel ( 43 ), jew inkluż f’diversi proċeduri ( 44 ).

    61.

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ( 45 ), ġie mfassal mekkaniżmu li jinkariga lill-istralċjarju ta’ kull proċedura bil-provvista ta’ servizz ( 46 ) lill-kredituri li jirrappreżenta: l-istralċjarju jikkomunika dawn il-krediti fi proċeduri miftuħa oħrajn ( 47 ), bir-riserva għad-detentur ta’ kull kreditu tal-possibbiltà li jopponi.

    62.

    Sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu, l-istralċjarju ingħata s-setgħa fil-Konvenzjoni sabiex jitlob, fi proċeduri oħrajn, il-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura li fiha huwa jopera. B’ċertu mod, huwa jaġixxi minflok il-kredituri, f’isimhom u għan-nom tagħhom ( 48 ), u għandu jipproċedi għall-komunikazzjoni tal-krediti, sa fejn din tkun utli għal dawn il-kredituri.

    63.

    Madankollu, id-deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ kreditu ma timplikax li jinbidel id-detentur tiegħu: il-kreditu jibqa’ jkun ta’ kull kreditur individwali. Il-Konvenzjoni tħares id-dritt tal-kredituri, billi tippermettilhom kemm li jopponu għall-preżentazzjoni mill-istralċjarju, kif ukoll li jirtiraw il-kreditu diġà ppreżentat fi proċedura oħra ( 49 ).

    64.

    Konformement ma’ dan il-prinċipju, il-komunikazzjoni mill-istralċjarju tipproduċi l-istess effetti bħal dik tal-kreditur innifsu ( 50 ). Għaldaqstant, huma identiċi l-kundizzjonijiet u t-termini tagħhom, li, skont il-Konvenzjoni, huma rregolati mil-lex concursus, irrispettivament minn min jippreżenta l-krediti ( 51 ).

    3.   Il‑kriterju sistematiku

    a)   Id-dmir tal‑istralċjarju, estensjoni tad-dritt tal‑kreditur

    1) Il‑pożizzjoni tal‑istralċjarju fl‑Artikolu 32 tar‑Regolament Nru 1346/2000

    65.

    Id-dmir li, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000, jaqa’ fuq l-istralċjarju, isegwi r-regola li tagħti s-setgħa lill-kredituri sabiex jippreżentaw il-krediti tagħhom fi kwalunkwe proċedura ta’ insolvenza.

    66.

    Il-pożizzjoni tad-dispożizzjoni tikkonferma dak li indikajt fir-rigward tal-oriġini u l-għan tagħha: il-pożizzjoni tal-istralċjarju maħtur fi proċedura, li jippreżenta l-krediti fi kwalunkwe proċedura oħra, hija ta’ kontinwità u ta’ dipendenza fir-rigward ta’ dik li għandhom il-kredituri nnifishom ( 52 ).

    67.

    Għalkemm ir-rabta bejn l-istralċjarju u l-kredituri tiġġustifika li jkunu suġġetti għall-istess sistema meta jippreżentaw il-krediti fi proċedura oħra, il-prijorità mogħtija lill-kreditur tikkonferma li hija s-sitwazzjoni tiegħu dik li tiddefinixxi din is-sistema. Għalhekk:

    Il-lex concursus, applikabbli għall-preżentazzjoni tal-krediti skont l-Artikoli 4 u 28 tar-Regolament Nru 1346/2000, taffettwa b’mod ugwali lill-kredituri u lill-istralċjarji.

    Ikun possibbli li jiġi eżentat l-istralċjarju ta’ proċedura mit-termini għal preżentazzjoni previsti mil-lex concursus li tirregola proċeduri oħrajn jekk anki l-kredituri jkunu jgawdu mill-eżenzjoni. Madankollu, il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1346/2000, li jistabbilixxi regoli sostantivi derogatorji mill-lex concursus favur il-kredituri b’residenza abitwali, domiċilju jew sede fi Stat Membru li huwa differenti minn dak tal-ftuħ, ma jipprevedix din il-possibbiltà ( 53 ).

    2) L‑utilità tal‑preżentazzjoni ta’ krediti mill-istralċjarju

    68.

    L-istralċjarju ma għandux biss is-setgħa sabiex jippreżenta fi proċeduri oħrajn il-krediti ppreżentati f’dik tiegħu, iżda huwa obbligat li jagħmel dan, sa fejn dan ikun utli għall-kredituri ( 54 ).

    69.

    Is-setgħa li jippreżenta l-krediti tagħti lill-istralċjarju locus standi attiv fil-proċeduri kollha, irrispettivament minn jekk l-ordinament tal-Istat ta’ ftuħ jipprevedihx jew le. B’dan il-mod, huwa jkun jista’ jwettaq l-obbligu legali tiegħu ( 55 ) u jiġi żgurat l-għan tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    70.

    Madankollu, id-dmir tal-istralċjarju ma huwiex assolut: dan jitlob eżami tal-utilità ( 56 ) jew tal-vantaġġi potenzjali li jirriżultaw mill-preżentazzjoni, fi proċedura sekondarja, tal-krediti diġà mitluba fil-proċedura li għaliha jkun inħatar.

    71.

    Dan l-eżami ma jirrigwardax kull kreditu individwali u l-aspettattivi ta’ ħlas tiegħu ( 57 ). Huwa pjuttost eżami globali dwar il-krediti kollha ( 58 ) ippreżentati fil-proċedura li fiha dan inħatar.

    72.

    Evalwazzjoni speċifika, skont il-liġi applikabbli għall-kreditu u, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tiegħu, skont il-liġi tal-Istat fejn jiġi ppreżentat, tikkorrispondi għall-kreditur partikolari, għal raġunijiet evidentement prattiċi ( 59 ).

    73.

    Għalhekk, l-aħħar kelma dwar il-preżentazzjoni ta’ kreditu tkun tad-detentur tiegħu (jiġifieri, il-kreditur) li għalih, fl-Artikolu 32(2) in fine tar-Regolament Nru 1346/2000, tinżamm il-possibbiltà li jopponi għall-komunikazzjoni mill-istralċjarju, u li jirtira l-kreditu, jekk jikkonkludi li din il-komunikazzjoni ma hijiex adatta għalih ( 60 ).

    74.

    Fir-realtà, l-istralċjarju ma jiddefendix interess differenti, jew superjuri, għal dak tal-kredituri, li jiġġustifika li tiġi applikata fir-rigward tiegħu sistema speċjali meta jiġu kkomunikati l-krediti fi proċeduri oħrajn. Il-punt ta’ għeluq tas-sistema, li jħalli f’idejn kull kreditur individwali d-deċiżjoni dwar jekk jiġix ippreżentat jew le l-kreditu tiegħu, jikkonferma l-konverġenza tal-interessi tal-istralċjarju u tal-kredituri.

    75.

    Ir-raġunijiet għalfejn l-evalwazzjoni tal-istralċjarju ma hijiex l-istess bħal dik ta’ kreditur ma humiex dommatiċi, iżda prattiċi ( 61 ). Il-kreditur li ppreżenta l-kreditu tiegħu fi proċedura juri, bħala prinċipju, interess sabiex ikoprih bl-assi tad-debitur, ikun fejn ikun ( 62 ). Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, huwa leġittimu li l-kompitu tal-istralċjarju jiġi limitat għal ponderazzjoni ta’ vantaġġi u inkonvenjenzi għall-krediti kollha ppreżentati fil-proċedura li fiha huwa jopera.

    b)   Id‑dmir tal-istralċjarju fi kwalunkwe proċedura?

    76.

    L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jappartjeni għall-Kapitolu III tiegħu, dwar il-proċeduri sekondarji ta’ insolvenza. Madankollu, id-dmir previst f’din id-dispożizzjoni jirrigwarda, letteralment, lill-istralċjarji kollha, kemm dawk tal-proċedura prinċipali, kif ukoll ta’ dik sekondarja. It-tnejn li huma għandhom “jippreżentaw fi proċeduri oħrajn il-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura li għaliha jkunu nħatru” ( 63 ).

    77.

    Ma għandux jinftiehem li, minħabba l-pożizzjoni sistematika tal-artikolu, l-istralċjarju tal-proċedura prinċipali jgawdi minn pożizzjoni speċjali, meta kkomparat mal-istralċjarji tal-proċeduri pendenti l-oħrajn, meta jintalbu l-krediti ppreżentati fil-proċedura prinċipali.

    78.

    In-natura subordinata tal-proċeduri sekondarji, fir-rigward ta’ dik miftuħa fiċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, tirriżulta ċertament f’pożizzjoni speċjali tal-istralċjarju ta’ din il-proċedura b’rabta mal-oħrajn ( 64 ). Madankollu, ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jagħtihx privileġġ fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-krediti, li jista’ jiġi rifless fil-fatt li ma jiġix suġġett għat-termini stabbiliti fil-lex concursus ta’ kull proċedura.

    c)   Rabta mal‑Kapitolu IV tar‑Regolament Nru 1346/2000

    79.

    Taħt it-titolu “Proviżjon ta’ informazzjoni għal kredituri u preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom”, il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi regoli derogatorji mill-lex concursus li, bħall-Artikolu 32(2), huma intiżi li jiffaċilitaw il-preżentazzjoni tal-krediti.

    80.

    Dawn ir-regoli, ta’ applikazzjoni diretta, jiffavorixxu lill-kredituri li għandhom residenza abitwali, domiċilju jew sede fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza. Inqis li dawn jistgħu jiġu applikati ukoll, mutatis mutandis, għall-istralċjarju ta’ proċedura barranija.

    81.

    L-għarfien professjonali li b’mod leġittimu jiġi preżunt minn stralċjarju mhux neċessarjament jinkludi l-insolvenza transfrontaliera, lanqas ma jirriżulta f’kundizzjonijiet iktar severi għal atti li jistgħu jwettqu l-kredituri nnifishom, meta l-istralċjarju, billi jassumihom, li jagħmel huwa li jipprovdilhom servizz, billi jpoġġi lilu nnifsu flokhom ( 65 ).

    82.

    Fir-Regolament Nru 1346/2000 l-ebda waħda mir-regoli msemmija ma tagħmel riferiment speċifikament għas-sistema tat-termini ( 66 ). It-tifsira ta’ dan is-silenzju hija doppja: a) jagħmilha diffiċli sabiex jiġi sostnut li l-istralċjarju ma huwiex suġġett għas-soluzzjoni ġenerali, jiġifieri, għal-lex concursus ta’ kull proċedura; u b) jobbliga, jekk ma jkunx il-każ, li jiġi deċiż, permezz ta’ interpretazzjoni, liema soluzzjoni għandha tapplika, minflok dik ġenerali ( 67 ).

    83.

    In-nuqqas ta’ issuġġettar tal-istralċjarju għat-termini tal-lex concursus ta’ kull proċedura jkun ifisser, definittivament, trattament differenti, imprevist u mhux irregolat, għalih (u b’estensjoni, għall-kredituri li jkun qiegħed jippreżenta l-krediti tagħhom) ( 68 ), meta mqabbel mal-kredituri lokali, suġġetti għal dawn it-termini u għall-konsegwenzi ta’ preżentazzjoni tardiva tal-krediti tagħhom ( 69 ).

    4.   Rikapitolazzjoni

    84.

    Fil-qosor, naħseb li l-preżentazzjoni tal-krediti imwettqa mill-istralċjarju (tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali) fi proċedura sekondarja hija rregolata mit-termini previsti fil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ din tal-aħħar.

    85.

    Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija imposta minn perspettiva prammatika. Jekk l-istralċjarju ma kienx suġġett għal dawn it-termini fil-proċedura sekondarja, it-tmexxija, il-progress u l-iżvilupp tagħha jkunu jwasslu għal inkonvenjenzi serji.

    D. Krediti ppreżentati (mhux “eżaminati u rrikonoxxuti”)

    86.

    Sabiex inkun eżawrjenti, ser nanalizza fil-qosor l-interpretazzjoni li NK jipproponi għall-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000. Fl-opinjoni tiegħu, fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jistgħu jiġu ppreżentati biss il-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura prinċipali, ladarba jkunu ġew eżaminati u rrikonoxxuti fiha.

    87.

    Fil-fehma tiegħi, l-argument ta’ NK ma huwiex sostnut la mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu la mill-oriġini tiegħu u lanqas mill-għan tiegħu, u lanqas ma jirriżulta minn interpretazzjoni sistematika. Barra minn hekk, il-fatt li jiġi aċċettat jikkomprometti t-tmexxija effikaċi ta’ kull proċedura ta’ insolvenza.

    88.

    Dan l-argument, nirrepeti, għandu jiġi miċħud, peress li:

    Fl-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tat-test ma huwa stabbilit li l-krediti, barra milli jiġu ppreżentati fi proċedura, għandhom ikunu ġew eżaminati u rrikonoxxuti bħala prerekwiżit għat-talba sussegwenti tagħhom fi proċeduri oħrajn.

    La l-Konvenzjoni u lanqas ir-rapport li jakkumpanjaha ma jillimitaw il-preżentazzjoni ta’ krediti mill-istralċjarju għal dawk eżaminati u ammessi fil-proċedura li għaliha jkun inħatar.

    Din il-limitazzjoni ma hijiex konformi mal-għan tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000: tiġġenera spejjeż u ddewwem il-komunikazzjoni tal-krediti, mingħajr ma twassal għal benefiċċji. Minħabba li l-ammissjoni u r-rikonoxximent tal-krediti jiddependu, f’kull proċedura, mil-lex concursus, il-fatt li jiġu ssuperati dawn l-istadji f’waħda minnhom ma jiżgurax l-eżitu fil-bqija tal-proċeduri ( 70 ).

    Ma huwiex possibbli li wieħed jifhem li l-aġġettiv “ippreżentati” fl-imsemmi Artikolu 32(2) jinkludi l-aġġettivi “eżaminati u rrikonoxxuti”. Ir-Regolament Nru 1346/2000 iddistingwa, f’dispożizzjonijiet oħrajn, dawn it-termini ( 71 ), billi rrifletta l-partijiet jew l-istadji karatteristiċi differenti ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    Timmilita fl-istess sens ir-relazzjoni sistematika bejn l-Artikolu 32 u l-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1346/2000, li jirrigwarda esklużivament il-formalitajiet ta’ preżentazzjoni ta’ dawn il-krediti. Għall-koerenza, it-tifsira tat-terminu “ippreżentati” għandha tkun l-istess fiż-żewġ każijiet.

    Id-dritt ta’ kwalunkwe kreditur sabiex jitlob kreditu f’diversi proċeduri ma jiddependix mill-eżami tiegħu u mir-rikonoxximent minn qabel tiegħu f’ebda waħda. Minħabba li l-istralċjarju jaġixxi f’isem u għan-nom tal-kreditur, huwa koerenti li d-dmir tiegħu lanqas ma jkun suġġett għall-issuperar ta’ dawn l-istadji.

    E. Kunsiderazzjonijiet addizzjonali (qosor tat-termini previsti fid-dritt applikabbli)

    89.

    Spjegajt li ma jeżistux, fl-opinjoni tiegħi, argumenti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 fis-sens li d-dmir tal-istralċjarju huwa limitat għall-krediti diġà eżaminati u rrikonoxxuti fil-proċedura li għaliha jkun inħatar.

    90.

    Lanqas ma ninnota li hemm argumenti konvinċenti sabiex wieħed jifhem li, għal dan il-motiv jew ieħor, l-istralċjarju jgawdi minn sistema ta’ termini għall-preżentazzjoni derogatorja minn dik li tapplika għall-kredituri lokali jew għal dawk li, filwaqt li jkunu talbu il-krediti tagħhom fi proċedura, jagħżlu li jippreżentawhom f’oħrajn individwalment.

    91.

    NK isostni ( 72 ) li t-termini previsti fiż-ZFPPIP huma qosra ħafna u, b’dan il-mod, inkompatibbli mat-tfassil Awstrijak tal-proċeduri ta’ insolvenza. Għalhekk, jirriżulta impossibbli li l-obbligu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jitwettaq fil-prattika.

    92.

    Minħabba li nqis li NK wettaq żball inizjali diġà indikat (fir-rigward tal-karatteristiċi tal-krediti li għandu jippreżenta fi proċeduri oħrajn), l-argument tiegħu, marbut ma’ dan l-iżball, ma jistax jiġi aċċettat.

    93.

    Għall-kuntrarju, huwa korrett li jiġi sostnut li t-termini imposti għall-preżentazzjoni ta’ krediti fi kwalunkwe Stat Membru ma għandhomx iċaħħdu regola tad-dritt tal-Unjoni mill-utilità tagħha. F’dan is-sens, il-problema mqajma minn NK tista’ tkun reali.

    94.

    Il-qosor tat-termini previsti għall-preżentazzjoni tal-krediti fl-Istati differenti ( 73 ), kif ukoll id-differenzi bejniethom, anki fir-rigward tal-effetti tal-preżentazzjoni tardiva ( 74 ), jista’ jimmina l-prattika tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    95.

    Fir-rigward tal-Artikolu 32(2), l-applikazzjoni tiegħu tista’ tikkontribwixxi għall-preżentazzjoni rrepetuta tal-istess kreditu: kreditur li ma jafdax li l-istralċjarju jikkunsidra utli l-preżentazzjoni tal-krediti fi proċedura barranija jista’ jħossu obbligat li jikkomunikahom huwa stess, sabiex ikun ċert li jkun għadu fit-terminu stabbilit ( 75 ).

    96.

    Madankollu, il-leġiżlatur Ewropew jikkunsidra d-differenzi fl-ordinamenti tal-Istati Membri, meta jipprevedi l-applikazzjoni tal-lex concursus għall-preżentazzjoni tal-krediti.

    97.

    Ir-riforma li wasslet għar-Regolament 2015/848 tenniet id-diffikultajiet tal-kredituri, b’mod partikolari tal-kredituri ż-żgħar u tal-impriżi żgħar u medji, għall-preżentazzjoni tal-krediti tagħhom fi proċeduri miftuħa barra mill-pajjiż.

    98.

    Ir-Regolament 2015/848 indirizza dawn id-diffikultajiet billi stabbilixxa regola uniformi li, minn naħa, tikkonferma b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-lex concursus għat-termini; u, min-naħa l-oħra, temendaha billi timponi terminu minimu (u d-dies a quo tiegħu) sabiex kreditur barrani jippreżenta l-kreditu tiegħu ( 76 ).

    99.

    It-tul taż-żmien ta’ dan il-perijodu (30 jum) ( 77 ) juri li l-leġiżlatur Ewropew ikkunsidra s-soluzzjoni diġà adottata fil-maġġoranza tal-Istati Membri bħala tiegħu nnifsu.

    100.

    Minħabba li ma jidhirx probabbli li l-Istati Membri jsolvu, huma stess, il-problemi ta’ adattament tat-termini differenti għall-preżentazzjoni, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000 (kif ukoll tal-Artikolu 45 tar-Regolament 2015/848) titlob il-kooperazzjoni bejn l-istralċjarji sabiex tiġi evitata l-preżentazzjoni multipla ta’ kreditu fl-istess proċedura ta’ insolvenza ( 78 ).

    V. Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja) kif ġej:

    “L-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2020 dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-istralċjarju ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza jippreżenta l-krediti fi proċedura sekondarja, it-termini għall-preżentazzjoni ta’ dawn il-krediti, kif ukoll il-konsegwenzi tat-tardività tagħha, huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn tkun infetħet il-proċedura sekondarja”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191). Dan kien fis-seħħ mill‑31 ta’ Mejju 2002 sakemm tħassar mir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

    ( 3 ) Artikolu 91 tar-Regolament 2015/848.

    ( 4 ) Fir-rigward tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000, ta’ interess għal din il-kawża, ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:841; iktar ’il quddiem is-“sentenza ENEFI”), u tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel (C‑47/18, EU:C:2019:754).

    ( 5 ) L-awturi jaqblu li, minħabba l-kumplessità tiegħu, l-Artikolu 32(2) ma japplikax de facto, fatt li wassal sabiex ma jiġix mibdul fir-Regolament 2015/848. Ara Koller, C. u Slonina, M., “Information for creditors and lodging of claims”, fi Hess, B. u Oberhammer, P., European Insolvency Law (Heidelberg‑Luxembourg‑Vienna Report), Beck, C. H., Hart, Nomos, 2014, punti 945 et seq, b’mod partikolari l-punt 951; kif ukoll Maesch, S. C. u Knof, B., “Art. 45”, fi Brinkmann, M., European Insolvency Regulation, Beck, C. H., Hart, Nomos, 2019, punt 18.

    ( 6 ) Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura ta’ Insolvenza.

    ( 7 ) il-Liġi dwar it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, il-Proċeduri ta’ Insolvenza u l-Likwidazzjoni Forzata (iktar ’il quddiem iż-“ZFPPIPP”) (Uradni list RS Nru 126/2007 u l-emendi sussegwenti).

    ( 8 ) Dawn iż-żewġ paragrafi jagħmlu riferiment għal krediti li jqumu fuq il-bażi ta’ atti ġuridiċi li jistgħu jiġu kkontestati jew li ġew ikkontestati.

    ( 9 ) Dan il-paragrafu jirrigwarda d-drittijiet preferenzjali li jirriżultaw mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni, li l-iżvilupp tagħha ma jiġix affettwat mill-proċedura ta’ falliment.

    ( 10 ) Dan il-paragrafu jirregola d-drittijiet preferenzjali eżiġibbli b’mod ekstraġudizzjarju.

    ( 11 ) Li, iktar ’il quddiem, ser insejjaħ “NK”.

    ( 12 ) Punti 68 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 13 ) L-espressjonijiet użati fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti jinkludu varjazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jiġi ddefinit dan il-kunċett. L-azzjoni tal-istralċjarju tikkonsisti fi “presentar su crédito” (verżjoni Spanjola), “produire sa créance” (verżjoni Franċiża); “lodge his claim” (verżjoni Ingliża); “insinuare il propio credito” (verżjoni Taljana); “reclamar o respectivo crédito” (verżjoni Portugiża) u “seine Forderung anmelden” (verżjoni Ġermaniża). Permezz ta’ din l-azzjoni, il-krediti jitqiesu li ġew ippreżentati, mitluba, ikkomunikati, aċċennati jew irreġistrati, aġġettivi li jistgħu jintużaw mingħajr distinzjoni. Madankollu, ser nillimita ruħi, b’mod ġenerali, għas-sintamma “krediti ppreżentati”.

    ( 14 ) Inwarrab ir-regolamentazzjoni tal-insolvenza tal-impriżi ta’ assigurazzjoni; tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu; tal-impriżi ta’ investiment li jipprovdu servizzi li jimplikaw iż-żamma ta’ fondi jew ta’ titoli negozjabbli ta’ terzi; u tal-organi ta’ investiment kollettiv, li għalihom ma japplikax ir-Regolament Nru 1346/2000 (Artikolu 1(2) riprodott fir-Regolament 2015/848).

    ( 15 ) Dokument tal-Kunsill CONV/INSOL/X1.

    ( 16 ) Ir-rapport huwa magħruf bl-isem tal-awturi tiegħu, Virgós, M. u Schmit, E. Huwa ddatat it‑8 ta’ Lulju 1996 u r-riferiment tiegħu huwa Dokument tal-Kunsill Nru 6500/1/96 REV1 DRS (CFC).

    ( 17 ) Ara, inter alia, ir-riferimenti għar-rapport fil-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali sussegwenti: Jacobs fil-kawża Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2005:579), punti 2, 95, 103, 131, 141, 143150; Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Seagon (C‑339/07, EU:C:2008:575), punti 30 et seq; Szpunar fil-kawża Lutz (C‑557/13, EU:C:2014:2404), punti 48, 5860; Bobek fil-kawża ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:427), punt 70; u Bot fil-kawża Riel (C‑47/18, EU:C:2019:292), punti 5255.

    ( 18 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, COM/2012/0744 final.

    ( 19 ) Innovazzjonijiet oħrajn ma jaffettwawx dak inkwistjoni f’dan il-każ: dawn jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ proċeduri ta’ “preinsolvenza” u “ibridi”, li diversi Stati Membri kienu introduċew wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000; ir-reġistru tal-proċeduri u l-interkonnessjoni tar-reġistri; u r-regolamentazzjoni tal-insolvenza transfrontaliera ta’ gruppi ta’ kumpanniji.

    ( 20 ) Jieħu elementi mill-mudell territorjali, li jaqsam it-trattament tal-insolvenza f’ħafna proċeduri daqs l-Istati fejn id-debitur għandu beni, filwaqt li jissepara wkoll l-attiv u l-passiv ta’ kull wieħed minnhom; u mill-mudell universali, li, fil-forma l-iktar estrema tiegħu, jipprevedi proċedura unika għall-beni kollha, kif ukoll ordinament uniku applikabbli għall-benassi kollha tal-insolvent, irrispettivament minn fejn dawn ikunu jinsabu.

    ( 21 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1346/2000. Ir-raġunijiet li jħeġġu l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja jvarjaw skont min tkun il-persuna li titlob dan; f’din il-kawża, din hija l-istralċjarju tal-proċedura prinċipali (NK).

    ( 22 ) Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    ( 23 ) Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    ( 24 ) Id-diskussjoni dwar jekk humiex inklużi wkoll il-kredituri b’domiċilju fi Stati terzi ma twassal għal xejn f’din il-kawża.

    ( 25 ) Premessa 21 u Artikoli 32(1) u 39.

    ( 26 ) Premessa 21 u Artikolu 20(2).

    ( 27 ) Premessa 20 u Artikolu 31.

    ( 28 ) Premessa 20 u Artikoli 31, 33, 34 jew 37.

    ( 29 ) Uħud minn dawn ir-regoli jagħmlu riferiment għall-preżentazzjoni ta’ krediti mill-kredituri barranin u, b’dan il-mod, huma rilevanti għal din il-kawża. Madankollu, l-ebda waħda ma tittratta l-kwistjoni tat-termini.

    ( 30 ) Artikolu 4, għall-proċedura prinċipali, u Artikolu 28, għal dawk sekondarji. Ir-regoli ta’ kunflitt li jidderogaw mill-lex concursus jinsabu fl-Artikoli 5 sa 15, li jaffettwaw ukoll, minkejja l-pożizzjoni sistematika tagħhom, il-lex concursus tal-proċedura sekondarja.

    ( 31 ) Virgós Soriano, M., u Garcimartín Alférez, F. J., Comentario al Reglamento Europeo de Insolvencia, Thomson‑Civitas, 2003, punt 118.

    ( 32 ) Sentenza ENEFI, punt 21.

    ( 33 ) L-Artikolu 32(1) u (2), li jistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni diretta dwar il-preżentazzjoni tal-krediti, huwa wieħed minnhom.

    ( 34 ) Artikolu 4(2)(h). L-istess kamp ta’ applikazzjoni jikkorrispondi għall-Artikolu 28, dwar, kif indikajt, il-liġi applikabbli għall-proċeduri sekondarji ta’ insolvenza.

    ( 35 ) Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel (C‑47/18, EU:C:2019:754), punt 53: “ir-regoli li jikkonċernaw il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti jibqgħu […] iddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza”. Il-kundizzjonijiet u l-persuni li jistgħu jopponu dan ma għandhomx għalfejn ikunu l-istess f’kull ordinament.

    ( 36 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 236. Ir-rapport jagħmel riferiment ukoll għall-għan li tissaħħaħ l-influwenza tal-istralċjarji fil-bqija tal-proċeduri miftuħa kontra l-istess debitur. Ir-realtà ta’ din l-affermazzjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3), li dwarha hemm ċerti dubji: ara Maesch, S. u C., Knof, B., loc. cit., punti 21 u 22. B’mod partikolari, wieħed mill-aspetti inkwistjoni huwa jekk id-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-istralċjarju, konformement ma’ dan l-artikolu, huwiex ikkundizzjonat għall-fatt li jkun ikkomunika l-krediti -talbiet tal-kredituri li jirrappreżenta: Wessels, B., International Insolvency Law (Part II — European Insolvency Law), Wolters Kluwer, 2017, punti 10866 u 10868.

    ( 37 ) Dispożizzjonijiet oħrajn fuq l-istess linja, bħal dik dwar il-kontenut tal-preżentazzjoni tal-kreditu (Artikolu 41) jew il-lingwi tal-komunikazzjoni (Artikolu 42) ma humiex inkwistjoni f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    ( 38 ) Dan kien wieħed mill-aspetti kklassifikati bħala problematiċi fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, li semmejt qabel. Illum, ara, l-Artikolu 55(6) tar-Regolament 2015/848.

    ( 39 ) Dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji b’rabta mar-Regolament Nru 1346/2000, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690), punt 28.

    ( 40 ) Punti 45 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) B’rabta ma’ din ir-regola fir-Regolament 2015/848, Piekenbrok, A., “Art. 7”, fi Brinkmann, M., loc. cit., punt 69. L-Artikolu 55(6) tiegħu jipprevedi espressament l-applikazzjoni tal-lex concursus tal-Istat Membru ta’ ftuħ għat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ krediti mill-kredituri.

    ( 42 ) Sentenza ENEFI, punt 18: “[…] il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli tal-lex fori concursus dwar ir-reġistrazzjoni tal-krediti u, b’mod partikolari, tat-termini previsti f’dan ir-rigward għandhom ukoll jiġu evalwati abbażi tal-imsemmija lex fori concursus”.

    ( 43 ) Ma hemmx għalfejn ngħid li l-preżentazzjoni tal-kreditu ma hijiex għan fiha nnifisha, iżda pass sabiex il-kredituri jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom (bħala kredituri tal-parti falluta) u jipparteċipaw fid-distribuzzjoni tal-attiv illikwidat.

    ( 44 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 235. L-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni (li jirriproduċi r-Regolament Nru 1346/2000) jirrepeti dan id-dritt b’rabta mal-kredituri li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede tagħhom jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak tal-ftuħ.

    ( 45 ) B’mod partikolari, għall-“kredituri ż-żgħar”, li l-krediti tagħhom jistgħu jiġu rreġistrati f’iktar minn proċedura waħda mingħajr spiża eċċessiva. Rapport Virgós‑Schmit, punt 36, numru 2.

    ( 46 ) L-idea ta’ “servizz” tidher f’Kemper, J., “Art. 32”, f’Kübler, B. M., Prütting, H. u Bork, R., Kommentar zur Insolvenzordnung, Beck, C. H., 2015, punt 4; b’rabta mal-Artikolu 45 attwali, fi Mankowski, P., Müller, M. u Schmidt, J., Europäische Insolvenzverordnung 2015, Beck, C. H., 2016, punt 51.

    ( 47 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 236.

    ( 48 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 238. Idealment, ikunu biss il-kreditur jew l-istralċjarju li jippreżentaw il-kreditu fil-proċedura parallela. Madankollu, waħda mid-diffikultajiet marbuta mar-regola hija li din tippermetti li kreditu wieħed jiġi ppreżentata darbtejn fl-istess proċedura: mill-istralċjarju u mill-kreditur. Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 49 ) Artikolu 32(2), in fine, tar-Regolament Nru 1346/2020. Rapport Virgós‑Schmit, punt 237. L-indipendenza tad-dritt tal-kreditur u tad-deċiżjoni tiegħu sabiex jeżerċitah hija l-punt tat-tluq tal-Artikolu 32(1).

    ( 50 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 238.

    ( 51 ) Artikolu 4(2)(h) tal-Konvenzjoni u Rapport Virgós‑Schmit, punti 238 u 267.

    ( 52 ) Din il-pożizzjoni subordinata tal-istralċjarju hija speċifika: hija direttament marbuta man-natura transnazzjonali tal-insolvenza. Barra minn hekk, fir-Regolament Nru 1346/2000, l-istralċjarju ma jirrappreżentax biss l-interessi tad-debitur jew tal-kredituri; il-kompitu tiegħu huwa li jipprovdi l-aħjar soluzzjoni għaż-żewġ partijiet, taħt is-superviżjoni ta’ awtorità (li tista’ tkun ġudizzjarja).

    ( 53 ) Ara, għall-kuntarju, l-Artikolu 55 tar-Regolament 2015/848.

    ( 54 ) Huwa komuni li fil-ġurisprudenza jsir riferiment għal setgħa jew possibbiltà mogħtija lill-istralċjarju: ara, pereżempju, Geroldinger, A., Verfahrenskoordination im Europäischen Insolvenzrecht, Manzsche Veerlags‑ und Universitätsbuchhandlung, 2010, p. 317; b’rabta mar-Regolament 2015/848, Maesch, S. C. u Knof, B., loc cit., punt 12. Ir-Rapport Virgós‑Schmit, punt 236, juża t-terminu dritt. Fir-realtà, ir-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi dmir tal-istralċjarju sabiex jikkomunika, fi proċeduri ta’ insolvenza oħrajn, il-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura tiegħu. Madankollu, huwa possibbli li l-ordinamenti nazzjonali jitolbu awtorizzazzjoni speċifika lill-istralċjarju. Ir-Regolament Nru 1346/2000 jagħti din b’mod impliċitu fl-Artikolu 32(2), filwaqt li jissostitwixxi l-lex concursus f’dan ir-rigward.

    ( 55 ) Min-natura obbligatorja xi awturi kkonkludew li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, l-istralċjarju jitqies responsabbli: Raimon, M., Le règlement communautaire 1346/2000 du 29 mai 2000 relatif aux procédures d’insolvabilité, LGDJ, 2007, punt 716.

    ( 56 ) Fil-punt 239 tar-Rapport Virgós‑Schmit, jingħata bħala eżempju ta’ utilità l-ipoteżi fejn l-istralċjarju jikkonstata li l-assi li għandhom jitqassmu fi proċeduri oħrajn huma ta’ ammont tant sinjifikattiv li anki l-kredituri ordinarji tal-proċedura tiegħu stess jistgħu jiksbu “dividend”, f’kompetizzjoni mal-kredituri ordinarji li jkunu ppreżentaw il-krediti tagħhom f’dawn il-proċeduri l-oħrajn.

    ( 57 ) Il-komunikazzjoni għandha ssir b’tali mod li kull kreditu u d-detentur tiegħu jistgħu jiġu individwalizzati mill-istralċjarju tal-proċedura li fiha jiġi ppreżentat il-kreditu.

    ( 58 ) Dawn jistgħu jinkludu l-krediti kollha jew dawk li jikkorrispondu għal ċerta klassi ta’ kredituri: Rapport Virgós‑Schmit, punt 239.

    ( 59 ) Rapport Virgós‑Schmit, punt 239. Dwar il-liġi applikabbli għall-klassifikazzjoni tal-krediti, ara l-Artikolu 4(2)(i) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    ( 60 ) Għall-kuntrarju, jekk l-istralċjarju ma jikkomunikax kreditu, il-kreditur ikollu l-għażla li jagħmel dan.

    ( 61 ) L-għan tal-evalwazzjoni ta’ kull operatur ma jvarjax; tinbidel il-profondità tiegħu.

    ( 62 ) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-preżentazzjoni titwettaq fil-proċedura miftuħa fl-Istat taċ-ċentru tal-interessi tad-debitur, fejn l-attiv ikun universali. Il-ftuħ sussegwenti ta’ proċedura fi Stat ieħor (proċedura, għalhekk, sekondarja) iwassal għat-tnaqqis tal-beni tad-debitur fit-territorju minn dak il-passiv. Huwa raġonevoli li wieħed jippreżupponi li kull kreditur li jkun ippreżenta l-kreditu tiegħu fil-proċedura prinċipali għandu interess, bħala prinċipju (għalhekk, ħlief jekk dan juri l-kuntrarju), li dan il-kreditu jiġi kkunsidrat wkoll fil-proċedura/i sekondarja/i.

    ( 63 ) Fil-prattika, is-sitwazzjoni l-iktar probabbli hija li l-istralċjarju tal-proċedura prinċipali jippreżentahom fil-proċeduri sekondarji: Virgós Soriano, M. u Garcimartín Alférez, F. J., loc. cit., punt 425.

    ( 64 ) Punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 65 ) Punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 66 ) Ara, għall-kuntrarju, l-Artikolu 55(6) tar-Regolament 2015/848. Sitwazzjoni differenti hija dik fejn il-lex concursus stess tistabbilixxi xi regola speċjali, għall-istralċjarju tal-proċedura barranija, jew għall-kredituri barranin, b’teħid inkunsiderazzjoni, ġustament, ta’ din in-natura. Fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprekludix dan it-trattament differenti li jimmira, fir-realtà, li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza materjali fost il-kredituri kollha.

    ( 67 ) Bil-problema addizzjonali li s-soluzzjoni għandha tkun l-istess.

    ( 68 ) Il-preżentazzjoni individwali minn kull kreditur għandha tiġi suġġetta wkoll għal-lex concursus tal-Istat Membru fejn tiżviluppa l-proċedura li fiha jiġu ppreżentati l-krediti.

    ( 69 ) Fl-aħħar lok, minħabba li l-preżentazzjoni tal-krediti hija marbuta mal-parteċipazzjoni fid-distribuzzjoni tal-attiv illikwidat, hija r-regola pari passu dik li tirriżulta affettwata.

    ( 70 ) Punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, in fine.

    ( 71 ) Ara l-Artikolu 4(2)(h), jew l-Artikolu 31.

    ( 72 ) Punt 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub.

    ( 73 ) Il-maġġoranza tal-Istati stabblixxewhom b’mod astratt: dawn ivarjaw bejn tletin jum u tliet xhur. Fi Stati oħrajn, il-qorti tiddetermina, b’mod partikolari, it-tul taż-żmien, għalkemm normalment tkun suġġetta għall-osservanza ta’ terminu minimu. Il-varjazzjonijiet huma ikbar fir-rigward tal-preżentazzjoni barra mit-terminu. Ara McCormack, G., Keay, A. u Brown, S., European Insolvency Law. Reform and Harmonization, Edward Elgar 2017, p. 193 sa 196 (tabella 5.2).

    ( 74 ) Ibidem.

    ( 75 ) Reinhart, S., “Art. 32”, fi Stürner, R., Eidenmüller, H. u Schoppmeyer, H., Münchener Kommentar zur Insolvenzordnung, Beck, C. H., 2016, punt 17.

    ( 76 ) Artikolu 55(6). Ir-Regolament 2015/848 isaħħaħ ukoll il-mekkaniżmi sabiex il-kreditur barrani jsir jaf bil-ftuħ tal-proċedura miftuħa f’pajjiż ieħor, b’regoli dwar il-pubbliċità tar-reġistrazzjoni tal-proċeduri, l-interkonnessjoni tar-reġistri u l-aċċess għalihom. Barra minn hekk, jintroduċi titjib fil-kapitolu dwar il-preżentazzjoni tal-krediti.

    ( 77 ) Kontra l‑45 jum li stipulat il-Kummissjoni fil-proposta tagħha (iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u li qabel magħha l-Parlament Ewropew (Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil‑5 ta’ Frar 2014 bil-ħsieb li tadotta r-Regolament (UE) Nru …/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, P7_TC1‑COD(2012)0360 (ĠU 2017, C 93, p. 366), Artikolu 41(4)).

    ( 78 ) Wessels, B., loc. cit., ap. 10867. B’mod iktar espliċitu mir-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 41 tar-Regolament 2015/848 jistabbilixxi d-dmir tal-istralċjarji sabiex jikkooperaw bi kwalunkwe mod, inkluż il-konklużjoni ta’ protokolli.

    Top