EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0013

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2021.
Top System SA vs L-Istat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter – Direttiva 91/250/KEE – Artikolu 5 – Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet – Atti meħtieġa sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ jikkorreġi żbalji – Kunċett – Artikolu 6 – Dekumpilazzjoni – Kundizzjonijiet.
Kawża C-13/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:193

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Kawża C‑13/20

Top System SA

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 91/250/KEE – Protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter – Artikolu 5(1) – Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti – Atti neċessarji għall-korrezzjoni ta’ żbalji – Artikolu 6 – Dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter”

Introduzzjoni

1.

Ingħatat okkażjoni ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ din il-kawża, sabiex tiddeċiedi dwar il-karatteristiċi tal-protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter. Fil-fatt, għalkemm huwa aċċettat, kemm fid-dritt tal-Unjoni ( 2 ) kif ukoll fid-dritt internazzjonali ( 3 ), li l-programmi tal-kompjuter huma protetti mid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet letterarji, dawn huma distinti f’diversi aspetti. In-natura speċifika tagħhom, bħala oġġetti ta’ protezzjoni, hija riflessa fil-mekkaniżmi ta’ din il-protezzjoni li tant huma differenti mir-regoli ġenerali tad-drittijiet tal-awtur li ċerti awturi jitkellmu dwar sistema de facto ta’ protezzjoni sui generis ( 4 ).

2.

Qabel kollox, mhux talli l-programmi tal-kompjuter għandhom skop utilitarju, iżda talli din l-utilità għandha natura speċjali ħafna: tħaddem il-kompjuters. Fil-fatt, tali programm huwa kkostitwit minn ġabra ta’ istruzzjonijiet li, eżegwiti minn kompjuter, jippermettulu jwettaq ċerti kompiti ( 5 ). Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ kull kategorija oħra ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, il-programmi tal-kompjuter ma humiex maħsuba biex jintużaw permezz tal-perċezzjoni tal-bniedem. Inċidentalment, l-ewwel programmi tal-kompjuter kienu kkunsidrati bħala aċċessorji għall-magna nnifisha u kien b’mod progressiv biss li s-software kiseb l-awtonomija tiegħu fil-konfront tal-hardware ( 6 ).

3.

Ċertament, f’ċerti sitwazzjonijiet, li jistgħu jkunu rilevanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, il-qari ta’ programm tal-kompjuter mill-bniedem jista’ jkun utli, pereżempju, sabiex jinħoloq programm kompetitur jew komplementari. Madankollu, bħala prinċipju, ma huwiex l-utent, iżda huwa l-kompjuter li “jaqra” l-programm u jeżegwixxih. Għalhekk, l-utilità għall-utent ma tinsabx fil-programm tal-kompjuter bħala tali, iżda fil-funzjonalitajiet li dan il-programm jippermetti lill-kompjuter li jimplimenta. Dan iqarreb il-programmi tal-kompjuter lejn invenzjonijiet protetti mill-privattiva iktar milli lejn xogħlijiet “klassiċi” protetti mid-drittijiet tal-awtur.

4.

Minn din l-ewwel karatteristika tal-programmi tal-kompjuter tirriżulta t-tieni waħda, jiġifieri l-mod ta’ espressjoni tagħhom. Fil-fatt, għalkemm il-programm tal-kompjuter ma huwiex maħsub għall-perċezzjoni tal-bniedem, iżda għall-perċezzjoni tal-magna, dan għandu jiġi espress b’mod li jkun jista’ jinftiehem minn din tal-aħħar. Dan il-mod ta’ espressjoni huwa l-kodiċi binarju, “kitba” li hija limitata għal żewġ sinjali, normalment irrappreżentati minn 0 u 1, iżda din ir-rappreżentazzjoni għadha biss konvenzjoni għall-użu mill-bniedem. Il-proċessur tal-kompjuter “jaqra” dawn is-sinjali bħala valuri differenti tal-voltaġġ elettriku.

5.

Għalkemm il-programmi għall-kompjuters imsejħa “tal-ewwel ġenerazzjoni” ħafna drabi kienu kkodifikati direttament f’forma binarja, il-programmi moderni huma kumplessi wisq biex ikunu jistgħu jinħolqu, jew anki jinqraw, f’din il-forma. Għalhekk jeżistu lingwaġġi ta’ programmazzjoni, imsejħa “lingwaġġi ta’ livell għoli”, li jinkludu l-istruzzjonijiet differenti għall-kompjuters, ikkodifikati f’forma ta’ espressjonijiet qrib il-lingwaġġ naturali u, għalhekk, perċettibbli għall-bniedem u jistgħu jinftehmu minn dawk li jafu dawn il-lingwaġġi. Programm tal-kompjuter maħluq f’tali lingwaġġ ta’ programmazzjoni jikkostitwixxi l-“kodiċi sors” tiegħu. Dan il-kodiċi sors sussegwentement jiġi “kkumpilat”, bl-għajnuna ta’ software ddedikat imsejjaħ “kumpilatur”, f’“kodiċi oġġett” jew “kodiċi magna”, jiġifieri l-forma li tinftiehem u tiġi eżegwita minn kompjuter ( 7 ).

6.

Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-prattika, il-programmi tal-kompjuter normalment jiġu kkomunikati lill-utenti biss fil-forma tal-kodiċi oġġett. Dan jippermetti li dawn il-programmi jintużaw billi jiġu eżegwiti fuq il-kompjuter, iżda ma jippermettix li l-kontenut tagħhom jiġi magħruf, u dan ma huwiex normali fir-rigward ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Il-kwistjoni dwar jekk u, eventwalment, sa fejn l-utent ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt li jittraduċi l-kodiċi oġġett tal-imsemmi programm f’kodiċi sors (tali operazzjoni tissejjaħ “dekumpilazzjoni”) sabiex jiġi magħruf il-kontenut tiegħu hija ġustament fil-qalba ta’ din il-kawża.

7.

Din il-kwistjoni twassalna għat-tielet karatteristika tal-programmi tal-kompjuter bħala suġġetti għal protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur: l-istruttura bejn din il-protezzjoni u l-prinċipju klassiku tad-drittijiet tal-awtur li jgħid li dawn ma jipproteġux l-ideat, iżda biss l-espressjoni tagħhom. Dan il-prinċipju jirrifletti r-raġuni tad-drittijiet tal-awtur li hija li ma jikkontribwixxux biss għall-ħolqien, billi jipproteġu l-ħidma kreattiva tal-awturi, iżda wkoll għat-tixrid u għall-aċċess għall-ideat, billi jevitaw il-monopolizzazzjoni tagħhom, b’tali mod li dawn jistgħu jikkostitwixxu s-sors ta’ kreazzjonijiet oħra. Madankollu, il-fatt li l-espressjoni tal-programmi tal-kompjuter, kif inhuma normalment żvelati, hija imperċettibbli għall-bniedem, jippermetti li jinħbew l-ideat li huma fil-bażi ta’ dawn il-programmi, billi b’hekk lill-awturi tagħhom tingħatalhom protezzjoni li tmur lil hinn minn dik li hija ġġustifikata mill-għanijiet tad-drittijiet tal-awtur ( 8 ). B’hekk, il-programmi tal-kompjuter jikkostitwixxu l-unika kategorija ta’ xogħlijiet protetti li għaliha l-aċċess għall-ideat sottostanti, permezz tas-sempliċi analiżi sensorjali li ma tinvolvix atti suġġetti għall-monopolju tal-awtur, huwa impossibbli ( 9 ).

8.

Dawn l-iżviluppi introduttorji jidhruli neċessarji sabiex inqiegħed din il-kawża fil-kuntest speċifiku tal-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter permezz tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, il-problema ewlenija ta’ din il-kawża, dik tad-dritt għad-dekumpilazzjoni ta’ programm, ma tista’ tqum għall-ebda kategorija oħra ta’ oġġetti protetti, għas-sempliċi raġuni li l-proċess ta’ dekumpilazzjoni, u lanqas kwalunkwe proċess simili, ma huwa neċessarju għall-aċċess għall-kontenut ta’ xogħlijiet li jaqgħu taħt kategoriji oħra minbarra l-programmi tal-kompjuter.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

9.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter ( 10 ), jipprovdi:

“1.   Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.   Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

10.

Skont l-Artikolu 4(a) u (b), ta’ din id-direttiva:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)

ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b)

it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;”

11.

Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skond il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”

12.

Finalment, l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Dekumpilazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn [ma’] programmi oħra, kemm‑il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a);

u

(ċ)

dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

(a)

li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

(b)

li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

jew

(ċ)

li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet ta’ l-awtur.

3.   Skond id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.”

13.

Id-Direttiva 91/250 tħassret, b’effett mill‑24 ta’ Mejju 2009, bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/24/KE ( 11 ). Madankollu, il-fatti fil-kawża prinċipali jibqgħu suġġetti, ratione temporis, għad-Direttiva 91/250. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva ma ġewx emendati.

Id-dritt Belġjan

14.

L-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 91/250 kienu ġew trasposti fid-dritt Belġjan, b’mod essenzjalment letterali, fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-liġi tat‑30 ta’ Ġunju 1994 li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter ( 12 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

15.

Is-Selor (l-Uffiċċju ta’ Selezzjoni tal-Amministrazzjoni Federali) huwa istituzzjoni pubblika Belġjana, li ġiet integrata fis-servizz pubbliku Federali għall-Istrateġija u għall-Appoġġ, responsabbli mis-selezzjoni u mill-gwida ta’ kollaboraturi futuri ta’ servizzi pubbliċi differenti tal-amministrazzjoni. L-État belge (l-Istat Belġjan) huwa indikat bħala parti fil-proċedura fil-kawża prinċipali.

16.

Top System SA, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, tiżviluppa programmi tal-kompjuter u tiżgura diversi servizzi informatiċi għall-klijenti tagħha. Hija ilha tikkollabora mas-Selor għal diversi snin.

17.

B’mod partikolari, Top System hija l-awtur ta’ diversi applikazzjonijiet żviluppati fuq talba tas-Selor, fosthom “SWA” (Selor Web Access), imsejħa wkoll “eRecruiting”. Dawn l-applikazzjonijiet huma komposti, minn naħa, minn elementi mfassla “skont il-bżonn”, proprji sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet u r-rekwiżiti speċifiċi tas-Selor, u, min-naħa l-oħra, minn elementi estratti minn Top System tat-“TSF” (Top System Framework”), programm li hija l-awtur tiegħu. Wieħed mill-komponenti tat-TSF huwa d-“DGE” (DataGridEditor). Is-Selor iżomm liċenzja għall-użu tal-applikazzjonijiet żviluppati minn Top System.

18.

Fis‑6 ta’ Frar 2008, is-Selor u Top System ikkonkludew kuntratti ta’ servizzi, fejn wieħed minnhom kellu bħala għan l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ ambjent ġdid ta’ żvilupp kif ukoll l-integrazzjoni u l-migrazzjoni ta’ sorsi ta’ applikazzjonijiet tas-Selor f’dan l-ambjent il-ġdid. Bejn ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Ottubru 2008, ġiet skambjata posta elettronika rigward problemi li kienu qegħdin jaffettwaw ċerti applikazzjonijiet, b’mod partikolari l-applikazzjoni eRecruiting.

19.

Minn dan segwiet tilwima quddiem il-qrati kummerċjali ta’ Brussell (il-Belġju). B’mod partikolari, fis‑6 ta’ Lulju 2009, Top System ippreżentat rikors kontra s-Selor u l-Istat Belġjan quddiem it-tribunal de commerce de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell, il-Belġju) bl-għan li tiġi kkonstatata, essenzjalment, id-dekumpilazzjoni, mis-Selor, tas-software qafas TSF. B’mod partikolari, Top System allegat ksur tad-drittijiet esklużivi tagħha fuq it-TSF u talbet il-kundanna tas-Selor u tal-Istat Belġjan għall-ħlas tad-danni. Il-kawża ntbagħtet quddiem it-tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju), li ddikjarat it-talba għad-danni bħala infondata.

20.

Top System appellat din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, is-Selor irrikonoxxa li kien ipproċeda għal dekumpilazzjoni ta’ parti mit-TSF – li l-funzjonalitajiet tiegħu kienu ġew integrati fl-applikazzjonijiet tas-Selor – sabiex jiddiżattiva funzjoni li ma kinitx qiegħda taħdem sew. Is-Selor isostni li huwa awtorizzat jipproċedi għal tali dekumpilazzjoni, fl-ewwel lok, mill-kuntratt, affermazzjoni li l-qorti tar-rinviju tiċħad bħala infondata, u, fit-tieni lok, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250. Top System min-naħa l-oħra, filwaqt li tikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe żball fis-software tagħha, issostni li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija permessa biss, lil hinn mill-kuntest kuntrattwali, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u mhux għall-finijiet ta’ korrezzjoni ta’ żbalji, iżda tal-interoperabbiltà ta’ software indipendenti.

21.

Huwa f’dan il-kuntest li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jiddekumpila l-programm kompletament jew parzjalment meta din id-dekumpilazzjoni tkun neċessarja sabiex huwa jkun jista’ jikkoreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tal-imsemmi programm, inkluż meta l-korrezzjoni tikkonsisti fid-diżattivazzjoni ta’ funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti dan il-programm?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandhom barra minn hekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-[Direttiva 91/250] jew kundizzjonijiet oħra?”

22.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Jannar 2020. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali relatati mal-kriżi tas-saħħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tannulla s-seduta. Il-partijiet wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Fuq l-ewwel domanda preliminari

23.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jippermettix lil min jikseb legalment programm tal-kompjuter jipproċedi għad-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm meta din id-dekumpilazzjoni tkun neċessarja sabiex jiġu kkorreġuti żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubju ta’ din il-qorti jirrigwarda, b’mod partikolari, l-argument imressaq minn Top System li jgħid li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija permessa biss fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ( 13 ) u, konsegwentement, hija eskluża fl-ipoteżijiet koperti mill-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li jiġu eżaminati l-prerogattivi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter fir-rigward ta’ xerrej leġittimu ta’ dan il-programm.

Fuq ir-relazzjoni bejn il-proprjetarju tad-drittijiet u x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter.

24.

L-ewwel nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250 jipprevedi d-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, ta’ natura preventiva ( 14 ), fuq il-programm tal-kompjuter tiegħu. L-ewwel wieħed minn dawn id-drittijiet huwa d-dritt ta’ riproduzzjoni, li huwa ddelimitat b’mod partikolarment wiesa’ peress li ma jiġborx fih biss kull forma ta’ riproduzzjoni, permanenti jew temporanja, iżda wkoll l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għall-użu ta’ programm. Issa, għall-kuntrarju ta’ kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, fi kwalunkwe każ dawk imqassma fuq il-mezz proprju tagħhom, programm tal-kompjuter dejjem jeħtieġ, għall-użu tiegħu, riproduzzjoni, anki jekk provviżorja biss, fil-memorja tal-kompjuter. Għalhekk, id-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju jikkostitwixxu, fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter, indħil iktar profond fl-isfera privata tal-utent milli fil-każ ta’ kategoriji oħra ta’ oġġetti protetti, peress li jeżiġu de facto awtorizzazzjoni tal-imsemmi proprjetarju anki għas-sempliċi użu tal-programm. Issa, id-Direttiva 91/250 ma tinkludix eċċezzjonijiet ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 5(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE ( 15 ).

25.

Sussegwentement, id-Direttiva 91/250 tissuġġetta għall-monopolju tal-proprjetarju kull sensiela ta’ atti intiżi għall-alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter, inkluż “[i]r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħh[a]”. Anki f’dan il-każ, id-drittijiet tal-proprjetarju huma partikolarment wiesgħa meta mqabbla mas-soluzzjonijiet klassiċi tad-drittijiet tal-awtur, li jgħidu li l-alterazzjonijiet tax-xogħol eventwalment jidħlu fl-isfera esklużiva tal-awtur biss permezz ta’ żvelar pubbliku tar-riżultat tal-alterazzjoni.

26.

B’hekk, il-monopolju tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter ma jkoprix biss l-atti klassiċi ta’ sfruttament tax-xogħol bħala drittijiet tal-awtur, iżda wkoll it-tgawdija ta’ dan ix-xogħol fl-isfera privata tal-utent.

27.

Finalment, id-Direttiva 91/250 tistabbilixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni, li ma huwiex ikkonċernat minn din il-kawża.

28.

Madankollu, din id-definizzjoni wiesgħa tal-prerogattivi tal-proprjetarju hija limitata fir-rigward tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter tiegħu. Fil-fatt, skont is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250, id-drittijiet esklużivi jingħataw lill-proprjetarju “[b]la ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6” ta’ din id-direttiva. B’hekk, għalkemm dawn l-artikoli huma ppreżentati bħala eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi ( 16 ), dawn fil-fatt jikkostitwixxu limitu inerenti għal dawn id-drittijiet. Issa, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, l-atti previsti fl-Artikolu 4(a) u (b) tagħha ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju – jiġifieri r-riproduzzjoni u kull forma ta’ alterazzjoni tal-programm – meta huma neċessarji sabiex jippermettu lix-xerrej leġittimu tal-programm li jużah, inkluż li jikkorreġi żbalji.

29.

Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jinkludi r-riżerva proprja tiegħu, jiġifieri li l-atti tax-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter imwettqa fil-kuntest tal-użu tal-imsemmi programm ma humiex suġġetti għall-monopolju tal-proprjetarju “[f]l-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali”.

30.

B’mod definittiv, ir-riżultat effettiv tal-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250 huwa li jippermetti lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ xerrej leġittimu tal-programm tiegħu, li jiddefinixxi kuntrattwalment, b’mod iddettaljat, il-modalitajiet tal-użu ta’ dan il-programm minn dan ix-xerrej. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali stipulazzjonijiet kuntrattwali, ix-xerrej huwa liberu li jwettaq l-atti suġġetti, bħala prinċipju, għall-monopolju tal-proprjetarju, bil-kundizzjoni li jibqgħu fil-kuntest tal-użu tal-programm inkwistjoni konformement mal-iskop tiegħu, u dan jinkludi l-korrezzjoni ta’ żbalji.

31.

Barra minn hekk, huwa veru li, skont is-sbatax-il [it-tmintax‑il] premessa tad-Direttiva 91/250, “l-atti li jtellgħu u jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni ta’ l-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-parti normattiva ta’ din id-direttiva twassal għall-konklużjoni inversa. Fil-fatt, l-imsemmija direttiva mhux talli ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni espressa fis-sens ta’ din il-premessa, talli din lanqas tippermetti interpretazzjoni f’dan is-sens. L-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 91/250 li tista’ tapplika, jiġifieri l-Artikolu 5(1) tagħha, tittratta bl-istess mod l-atti kollha elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tħalli l-ebda marġni ta’ interpretazzjoni li jippermetti li jiġu esklużi ċerti atti, jiġifieri t-tlugħ u t-tħaddim tal-programm tal-kompjuter kif ukoll il-korrezzjoni ta’ żbalji, mir-riżerva li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Issa, għalkemm il-premessi ta’ direttiva jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirriflettu dawn il-premessi, madankollu dawn ma għandhomx valur normattiv li jippermettilhom jieħdu post dispożizzjonijiet ineżistenti jew iwasslu għal interpretazzjoni contra legem.

32.

Dan jgħodd b’mod speċjali meta t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250 tipprovdi b’mod espliċitu li huma nulli u bla effett id-dispożizzjonijiet kuntrattwali kollha li jmorru kontra l-Artikolu 6 kif ukoll l-Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id-direttiva. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma semmiex fiha l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, għalhekk jista’ jitqies biss bħala intenzjonali.

33.

Huwa possibbli li, kif issostni l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, is-sbatax-il [it-tmintax‑il] premessa tad-Direttiva 91/250 tirrifletti l-formulazzjoni tal-proposta oriġinali ta’ din id-direttiva ( 17 ). Fil-fatt, din tal-aħħar, fl-Artikolu 5(1) tagħha, kienet stabbilixxiet distinzjoni bejn il-kuntratti ta’ liċenzja nnegozjati bejn il-partijiet u l-kuntratti msejħa “ta’ adeżjoni”, li fihom il-libertà kuntrattwali tax-xerrej ta’ programm tal-kompjuter kienet limitata għall-konklużjoni jew le tal-kuntratt. Skont il-Kummissjoni, il-projbizzjoni msemmija fis-sbatax-il [fit-tmintax‑il] premessa kienet tikkonċerna biss din it-tieni kategorija ta’ kuntratti. Xorta jibqa’ l-fatt li t-test finalment adottat tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 ma jagħmilx din id-distinzjoni. Għaldaqstant, l-istipulazzjonijiet ta’ kull kuntratt ta’ liċenzja għall-użu ta’ programm tal-kompjuter jistgħu jirregolaw l-aspetti kollha ta’ dan l-użu, inkluż it-tlugħ u t-tħaddim, kif ukoll il-korrezzjoni ta’ żbalji.

34.

Dan ma huwiex daqshekk irrazzjonali daqskemm jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Naturalment, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina liċenzja għall-użu ta’ programm li tipprojbixxi kompletament dan l-użu. Madankollu, l-użu tal-programm jista’ jkun limitat, pereżempju, fir-rigward tan-numru ta’ kompjuters li l-programm jista’ jiġi installat u użat fuqhom, b’tali mod li t-tlugħ tiegħu u t-tħaddim tiegħu fuq kompjuters supplimentari, inkluż mill-istess xerrej ( 18 ), ikunu pprojbiti. Dan jgħodd b’mod speċjali fir-rigward tal-korrezzjoni ta’ żbalji li, normalment, ma taqax fost l-atti neċessarji għall-użu ta’ programm tal-kompjuter konformement mal-iskop tiegħu. Għalhekk, il-korrezzjoni ta’ żbalji tista’ tiġi rriżervata għall-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, mingħajr ma tiġi affettwata l-koerenza ta’ liċenzja għall-użu tal-programm ( 19 ).

35.

Għalhekk nifhem il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza SAS Institute ( 20 ), li tgħid li, minħabba s-sbatax-il [it-tmintax‑il] premessa tad-Direttiva 91/250, l-operazzjonijiet ta’ tlugħ u ta’ tħaddim ta’ programm tal-kompjuter meħtieġa għall-użu ma jistgħux jiġu pprojbiti permezz tal-kuntratt, fis-sens li liċenzja għall-użu li tipprojbixxi kompletament l-atti neċessarji għal dan l-użu hija kontradizzjoni fiha nnifisha ( 21 ). Min-naħa l-oħra, din il-konstatazzjoni, fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħti valur normattiv awtonomu lil din il-premessa.

36.

F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, il-korrezzjoni ta’ żbalji, interpretazzjoni li tgħid li ma jkunx possibbli li tiġi eskluża kuntrattwalment il-possibbiltà għax-xerrej tal-programm li jagħmel dan, toħloq żbilanċ għad-detriment tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Dan l-iżbilanċ ikun iktar sinjifikattiv jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta ta’ risposta tiegħi f’din il-kawża u tikkunsidra li x-xerrej għandu jingħata l-possibbiltà li jiddekumpila l-programm għall-finijiet ta’ din il-korrezzjoni mingħajr ma qabel jitlob il-permess tal-proprjetarju. Fil-fatt, dan iċaħħad lil dan il-proprjetarju minn kull possibbiltà li jopponi tali dekumpilazzjoni ( 22 ).

37.

Madankollu, din il-kwistjoni ma tidhirx li hija importanti fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-kuntratt bejn Top System u s-Selor ma jinkludi ebda stipulazzjoni li tipprojbixxi lis-Selor il-korrezzjoni ta’ żbalji fil-programmi tal-kompjuter ta’ Top System jew fi kwalunkwe każ din il-kumpannija ma tinvokax tali stipulazzjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Is-Selor għalhekk għandu d-dritt, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, li jikkorreġi l-iżbalji fil-programmi kkonċernati.

38.

Għalhekk, issa hemm lok li jiġi analizzat jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lil xerrej ta’ programm tal-kompjuter jipproċedi għad-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm bl-għan li jikkorreġi l-iżbalji fih. Ser nibda din l-analiżi billi nagħti ċerti kjarifiki dwar il-kunċett ta’ “dekumpilazzjoni”.

Fuq il-kunċett ta’ “dekumpilazzjoni”

39.

Kif indikajt diġà ( 23 ), programm tal-kompjuter, miktub mill-programmatur f’lingwaġġ ta’ programmazzjoni li jista’ jinftiehem mill-bniedem, sussegwentement għandu jiġi alterat f’forma li tinftiehem mill-kompjuter, jiġifieri lejn il-lingwaġġ tal-magna. Din l-operazzjoni ssir bl-għajnuna ta’ programm speċjali, il-kumpilatur, u ġġib l-isem ta’ “kumpilazzjoni”. Il-verżjoni tal-programm fil-lingwaġġ ta’ programmazzjoni tissejjaħ “kodiċi sors” u l-verżjoni fil-lingwaġġ tal-magna, “kodiċi oġġett”. Din ma hijiex traskrizzjoni sempliċi tal-programm f’kodiċi binarju, iżda “traduzzjoni” tal-istruzzjonijiet ifformulati b’mod funzjonali u astratt fil-kodiċi sors lejn istruzzjonijiet konkreti għall-komponenti ta’ proċessur ta’ kompjuter li għandu arkitettura partikolari. Ċerti programmi miktuba f’lingwaġġi ta’ programmazzjoni li joqorbu iktar lejn il-lingwaġġ tal-magna (lingwaġġi msejħa “ta’ livell baxx”) ma jiġux ikkumpilati, iżda assemblati. Dan huwa proċess analogu għal dak tal-kumpilazzjoni u, peress li d-Direttiva 91/250 ma tagħmilx differenza bejn dawn iż-żewġ proċessi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-programmi kkumpilati u l-programmi assemblati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod mill-perspettiva tal-liġi.

40.

Il-programmi tal-kompjuter normalment jitqassmu biss fil-forma ta’ kodiċi oġġett. Issa, il-kodiċi oġġett ma jistax jinftiehem mill-bniedem. Għaldaqstant, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter, sa fejn ikun jixtieq isir jaf il-kontenut tal-programm u jagħmillu modifiki, b’mod partikolari sabiex jikkorreġi żbalji, għandu jipproċedi għal alterazzjoni tal-kodiċi oġġett li għandu f’forma ta’ programm li jinftiehem mill-bniedem, jiġifieri fformulat f’lingwaġġ ta’ programmazzjoni. Din l-operazzjoni, imsejħa “dekumpilazzjoni”, tikkonsisti fir-riproduzzjoni, permezz tal-istruzzjonijiet għall-proċessur miktuba fil-kodiċi oġġett, tal-istruzzjonijiet funzjonali tal-programm. Għalhekk, id-dekumpilazzjoni hija tip ta’ “inġinerija inversa” (reverse engineering), jiġifieri operazzjoni li permezz tagħha wieħed jista’ jasal sabiex jiskopri l-kostruzzjoni ta’ għodda kumplessa billi jitlaq mill-prodott lest, applikata għall-programmi tal-kompjuter.

41.

Madankollu, id-dekumpilazzjoni ma tippermettix li jiġi riprodott il-kodiċi sors oriġinali tal-programm tal-kompjuter inkwistjoni. Fil-fatt, matul il-proċess ta’ kumpilazzjoni, ċerta informazzjoni li tinsab fil-kodiċi sors, mhux essenzjali għall-funzjonament tal-proċessur tal-kompjuter, tintilef u l-proċess ta’ dekumpilazzjoni ma jippermettix ir-restituzzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-istess kodiċi sors jista’ jagħti riżultati differenti wara kumpilazzjoni, skont il-parametraġġ tal-kumpilatur. Il-prodott tad-dekumpilazzjoni jikkostitwixxi għalhekk it-tielet verżjoni tal-programm, spiss imsejħa “kważi-kodiċi sors”. Xorta jibqa’ l-fatt li l-programm iddekumpilat b’dan il-mod jista’ jiġi kkumpilat mill-ġdid f’kodiċi oġġett li jaħdem.

Fuq id-dekumpilazzjoni bħala element tal-monopolju tal-awtur

42.

Mistoqsija dwar jekk id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter hijiex koperta mid-drittijiet esklużivi tal-awtur, kif iddefiniti fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża wieġbu b’mod unanimu fl-affermattiv. Il-Kummissjoni ppreżentat tweġiba ddettaljata f’dan ir-rigward. Fil-fehma tagħha, essenzjalment, għalkemm id-dekumpilazzjoni bħala tali ma hijiex intiża direttament minn dawn id-dispożizzjonijiet, ċertu numru ta’ atti li flimkien jikkostitwixxu l-proċess ta’ dekumpilazzjoni, bħar-riproduzzjoni u l-alterazzjoni tal-programm tal-kompjuter, huma suġġetti b’mod ċar għall-monopolju tal-awtur.

43.

Jien naqbel.

44.

Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250, il-protezzjoni prevista minn din id-direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Issa, kif qieset diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-kodiċi sors kif ukoll il-kodiċi oġġett jikkostitwixxu żewġ forom ta’ espressjoni tal-istess programm tal-kompjuter, fejn it-tnejn huma protetti ( 24 ). Għalhekk, il-passaġġ minn forma għall-oħra jeħtieġ riproduzzjoni u alterazzjoni tal-programm.

45.

Fir-rigward tad-dekumpilazzjoni, din tikkonsisti f’alterazzjoni mill-programm fil-forma tal-kodiċi oġġett (protett) lejn “kważi kodiċi sors”. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi riproduzzjoni tal-programm li tirriżulta mill-alterazzjoni tiegħu, fejn din l-alterazzjoni tikkonsisti fit-traduzzjoni tal-lingwaġġ tal-magna f’lingwaġġ ta’ programmazzjoni. Tali riproduzzjoni hija suġġetta b’mod espliċitu għad-dritt esklużiv tal-awtur tal-programm skont l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 91/250.

46.

Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mid-dsatax-il [mill-għoxrin] premessa ta’ din id-direttiva, li tgħid li “r-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur”.

47.

Finalment, l-aħħar konferma li d-dekumpilazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250 tista’ tinsab fl-Artikolu 6(1) tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dekumpilazzjoni”, jirreferi għar-“riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b)” ( 25 ) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, din hija definizzjoni indiretta tal-kunċett ta’ “dekumpilazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 91/250, definizzjoni li tirreferi b’mod espliċitu għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva.

48.

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter taqa’ taħt drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ tali programm previsti fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250.

Fuq l-inklużjoni tad-dekumpilazzjoni fil-kamp tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250

49.

Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet timplika li t-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk id-dekumpilazzjoni tibbenefikax mill-eċċezzjoni (jew, fi kliem aħjar, mil-limitazzjoni) prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandha tkun fl-affermattiv. Jien naqbel mal-Kummissjoni dwar dan il-punt.

50.

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt iwettaq l-atti kollha elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, peress li dawn l-atti huma neċessarji għall-użu ta’ dan il-programm, inkluż biex jiġu kkorreġuti żbalji. Għaldaqstant, loġikament, għalkemm id-dekumpilazzjoni jew l-atti li jikkomponuha, bħar-riproduzzjoni u l-alterazzjoni tal-kodiċi, jidħlu fil-kamp protett skont l-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, dawn l-atti għandhom neċessarjament jidħlu wkoll fil-kamp kopert mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

51.

L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, imressqa minn Top System, li tgħid li d-dekumpilazzjoni tidħol fl-isfera tal-monopolju tal-awtur skont l-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, iżda hija eskluża mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, ma tistax tintlaqa’. Il-kostruzzjoni u l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw b’mod ċar li dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet ma humiex kumulabbli.

Fuq il-portata tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250

52.

Madankollu, Top System issostni li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandu jeħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva li hija differenti minn dik li pproponejt iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont din il-kumpannija, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jifforma tip ta’ lex specialis u huwa l-unika dispożizzjoni li tikkonċerna d-dekumpilazzjoni. In-natura ta’ lex specialis ta’ din id-dispożizzjoni teskludi d-dekumpilazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250. Issa, peress li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jawtorizza d-dekumpilazzjoni biss għas-sempliċi għan li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-programmi tal-kompjuter maħluqa indipendentement, id-dekumpilazzjoni bl-iskop li jiġu kkorreġuti żbalji fi programm tal-kompjuter, magħmula mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, hija pprojbita.

53.

Madankollu, dan l-argument ma jistax ma jiġix ikkritikat.

54.

Fil-fatt, kif indikajt diġà, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 ma jelenkax l-atti differenti li jkopri. Din id-dispożizzjoni hija limitata għar-riferiment għall-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, billi teżenta mill-obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur “l-atti msemmija” fl-imsemmi Artikolu 4(a) u (b), peress li huma neċessarji għall-użu ta’ programm tal-kompjuter. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda riżerva dwar l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

55.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/250 jikkonċerna żewġ kategoriji speċifiċi fost l-atti koperti mill-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-“riproduzzjoni taċ-ċifrarju” u “t-traduzzjoni tal-forma tiegħu”, u dan meta l-atti jkunu indispensabbli biex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement ma’ programmi oħra, jiġifieri skop differenti minn dak previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

56.

Għalhekk ma hemm xejn li jindika li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 huwa lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti, minħabba li jikkonċernaw żewġ xenarji differenti. L-Artikolu 5(1) jikkonċerna l-atti neċessarji għall-użu ta’ programm tal-kompjuter, inkluża l-korrezzjoni ta’ żbalji, filwaqt li l-Artikolu 6 jikkonċerna l-atti neċessarji sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ programmi maħluqa indipendentement. Għalhekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma indipendenti minn xulxin u ma għandhom l-ebda relazzjoni ta’ lex specialis u lex generalis.

57.

L-argument ta’ Top System li jgħid li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 huwa l-unika dispożizzjoni li tippermetti d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter għandu għalhekk jiġi miċħud.

L-implikazzjoni tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 91/250

58.

Il-konklużjoni, li tgħid li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 ikopri d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter bl-iskop li jiġu kkorreġuti fih żbalji, ma hijiex ikkontradetta, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Top System, mit-tagħlim li jirriżulta mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva.

59.

B’hekk, jien ma naqbilx mal-argumenti ta’ Top System, żviluppati b’mod partikolari fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħidu li x-xogħol preparatorju tad-Direttiva 91/250 juri li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter protett hija possibbli biss fiċ-ċirkustanzi u għall-finijiet iddefiniti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, id-dokumenti ċċitati minn Top System jindikaw li kien ċar sa mill-bidu tax-xogħol li d-drittijiet esklużivi tal-awturi, iddefiniti fl-Artikolu 4(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, kienu jkopru d-dekumpilazzjoni tal-programm protett. Issa, peress li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jippermetti lil xerrej leġittimu li jwettaq l-atti kollha elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, meta dan ikun neċessarju għall-użu tal-programm, inkluża l-korrezzjoni ta’ żbalji, dan jinkludi neċessarjament id-dekumpilazzjoni. B’hekk, id-diskussjoni kollha matul il-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva 91/250, li wassal għaż-żieda, mal-abbozz inizjali tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 6 attwali ta’ din id-direttiva, kienet tirrigwarda d-dekumpilazzjoni magħmula lil hinn mill-użu normali ta’ programm tal-kompjuter u, għalhekk, lil hinn mill-kuntest tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, kienet inkwistjoni d-dekumpilazzjoni għall-finijiet tal-interoperabbiltà ta’ programmi maħluqa minn awturi indipendenti.

60.

Għalhekk, huwa żbaljat li jiġi sostnut, kif tagħmel Top System, li l-kwistjoni tad-dekumpilazzjoni hija definittivament eskluża mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250. Fil-fatt, sabiex id-dekumpilazzjoni titneħħa mill-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, din ikollha titneħħa wkoll mill-Artikolu 4(a) u (b) tagħha, u dan ineħħiha totalment mill-isfera esklużiva tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni oħra li tista’ tiżguralu protezzjoni mid-dekumpilazzjoni. Issa, tali konklużjoni tkun assurda.

61.

Fil-fatt, dak li juri x-xogħol preparatorju tad-Direttiva 91/250, huwa li l-idea inizjali li tiġi inkluża eċċezzjoni għad-dekumpilazzjoni għall-finijiet tal-interoperabbiltà f’paragrafu speċifiku tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (distint mill-paragrafu 1 tiegħu) ġiet abbandunata favur il-ħolqien ta’ artikolu ġdid, iktar elaborat, iddedikat għal din l-eċċezzjoni. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.

62.

Huwa veru li l-Kunsill illimita ħafna l-portata ta’ din l-eċċezzjoni l-ġdida. B’mod partikolari, huwa abbanduna l-idea, ippreżentata inizjalment mill-Kummissjoni, li tiġi permessa d-dekumpilazzjoni għall-finijiet tal-manutenzjoni tal-programm maħluq ġdid, interoperabbli mal-programm iddekumpilat. Fil-fehma tiegħi, dan huwa spjegat mill-fatt li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250, ma jistax ikun hemm deroga minn din l-eċċezzjoni b’mezzi kuntrattwali, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ għall-Artikolu 5(1). Għalhekk, l-għan kien li l-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur jiġu protetti minn abbuż. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, id-dekumpilazzjoni titwettaq b’għanijiet li ma humiex marbuta mal-użu normali tal-programm ( 26 ).

63.

B’hekk, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li tgħid li x-xogħol preparatorju tad-Direttiva 91/250 ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet differenti minn dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni letterali u sistemika tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

Proposta għal risposta

64.

Għalhekk, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jipproċedi għal dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm meta din tkun neċessarja sabiex jiġu kkorreġuti żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu.

Fuq it-tieni domanda preliminari

65.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 kellu jiġi interpretat bħala li jippermetti lil xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jipproċedi għal dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm meta din tkun neċessarja sabiex jiġu kkorreġuti żbalji, din id-dekumpilazzjoni għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jew ukoll rekwiżiti oħra.

Fuq l-applikabbiltà tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250

66.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 jintroduċi eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter li tippermetti d-dekumpilazzjoni tiegħu meta din tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-imsemmi programm ta’ programm ieħor maħluq indipendentement. Din l-eċċezzjoni hija akkumpanjata minn ċertu numru ta’ kundizzjonijiet u ta’ projbizzjonijiet, elenkati f’din id-dispożizzjoni.

67.

Konformement mal-analiżi tiegħi ( 27 ), l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 huwa awtonomu fir-rigward tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu. L-eċċezzjoni li jistabbilixxi l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandha kamp ta’ applikazzjoni u skopijiet differenti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva u tiddefinixxi wkoll b’mod differenti l-atti li hija tawtorizza.

68.

Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 ma jistgħux japplikaw, la direttament u lanqas b’analoġija, għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

69.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar eċċezzjoni ma għandha tissodisfa l-ebda rekwiżit.

Fuq ir-rekwiżiti l-oħra applikabbli

70.

Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, ċerti kundizzjonijiet u ċerti limitazzjonijiet huma inerenti għall-eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi stabbilita f’din id-dispożizzjoni ( 28 ).

71.

Qabel kollox, din l-eċċezzjoni hija ta’ benefiċċju biss għax-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter. Dan il-punt ma jidhirx li jqajjem problema fil-proċedura fil-kawża prinċipali u għalhekk ma jeħtieġx żviluppi usa’.

72.

Sussegwentement, l-atti mwettqa, f’dan il-każ l-atti li jikkostitwixxu, flimkien, id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter ( 29 ), għandhom ikunu neċessarji sabiex jippermettu l-użu ta’ dan il-programm b’mod konformi mal-iskop tiegħu u, b’mod iktar preċiż, sabiex jiġu kkorreġuti żbalji. Din il-kundizzjoni teħtieġ il-kummenti li ġejjin.

73.

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “żball”. Fil-fatt, l-eżistenza nnifisha ta’ żball fi programm tal-kompjuter tista’ tikkostitwixxi suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtur u l-utent ta’ dan il-programm ( 30 ). Dak li, mill-perspettiva ta’ dan tal-aħħar, jista’ jikkostitwixxi żball, jista’ jkun funzjonalità jew karatteristika li jkun riedha l-awtur tal-imsemmi programm. Għalkemm id-Direttiva 91/250 ma tinkludix definizzjoni ta’ dan it-terminu, madankollu din tista’ tiġi dedotta mill-formulazzjoni u mill-iskop tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

74.

Skont din id-dispożizzjoni, l-atti mwettqa mix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandhom jippermettulu “użu [ta’ dan il-programm] skond il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball”. Għalhekk, il-korrezzjoni ta’ żbalji taqa’ taħt użu tal-programm konformi mal-iskop tiegħu.

75.

L-iskop tal-programm tal-kompjuter huwa dak iddefinit mill-awtur tiegħu jew, skont il-każ, dak miftiehem mill-fornitur u mix-xerrej tal-programm mal-akkwist tiegħu. Għalhekk, żball huwa funzjonament ħażin li jipprekludi l-użu tal-programm konformement ma’ dan l-iskop. Il-korrezzjoni ta’ tali żbalji biss tista’ tiġġustifika l-atti tal-utent, inkluża d-dekumpilazzjoni, imwettqa mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur.

76.

Min-naħa l-oħra, l-ebda modifika jew titjib tal-programm fir-rigward tal-iskop inizjali tiegħu ma jikkostitwixxu korrezzjoni ta’ żbalji li tiġġustifika tali atti. Dan jinkludi b’mod partikolari l-aġġornament tal-programm b’rabta mal-progress teknoloġiku. Fi kliem ieħor, l-obsolexxenza teknika tal-programm tal-kompjuter ma tikkostitwixxix żball fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250.

77.

Fil-fatt, peress li l-programmi tal-kompjuter ma jikkostitwixxux biss kategorija ta’ xogħlijiet utilitarji, iżda, barra minn hekk jaqgħu taħt settur għall-iżvilupp teknoloġiku partikolarment rapidu, huwa normali li dawn isiru obsoleti maż-żmien. Issa, ir-rimedju għal din l-obsolexxenza permezz tal-aġġornament tal-programmi tal-kompjuter, jew saħansitra permezz tas-sostituzzjoni tagħhom bi programmi ġodda, jaqa’ taħt l-isfruttament normali ta’ dawn il-programmi bħala oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur u, konsegwentement, bħala prerogattivi tal-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet.

78.

It-tieni nett, l-intervent tal-utent tal-programm tal-kompjuter għandu jkun neċessarju mill-perspettiva tal-għan li għandu jintlaħaq. F’dan il-każ, il-kwistjoni hija jekk u sa fejn id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija neċessarja sabiex jiġu kkorreġuti żbalji fih.

79.

Ċertament jeżistu żbalji li jistgħu jiġu kkorreġuti mingħajr l-aċċess għall-kodiċi sors tal-programm, kemm “manwalment” mill-utent, kif ukoll bl-għajnuna ta’ software ddedikat. Madankollu, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża jidher li jaqblu dwar il-fatt li din il-korrezzjoni teħtieġ l-iktar ta’ spiss l-introduzzjoni ta’ modifiki fil-kodiċi nnifsu tal-programm. Sa fejn il-kodiċi oġġett ma jistax jinftiehem mill-bniedem, tali korrezzjoni teżiġi aċċess għall-kodiċi sors ta’ oriġini jew it-traduzzjoni tal-kodiċi oġġett f’kodiċi sors (“kważi-kodiċi sors” ( 31 )). Għalhekk tqum il-mistoqsija li ġejja: f’liema ċirkustanzi dan il-bżonn jiġġustifika d-dekumpilazzjoni tal-programm mix-xerrej leġittimu tiegħu?

80.

Top System issostni li tali każijiet huma rari u eċċezzjonali ħafna. Skont din il-kumpannija, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, jew ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter ikollu diġà l-kodiċi sors, jew il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ikun jista’ jipprovdilu aċċess, jew il-proprjetarju, permezz ta’ kuntratt ta’ manutenzjoni, ikun inkarigat mill-korrezzjoni ta’ żbalji.

81.

Jien neskludi l-ipoteżi li tgħid li x-xerrej leġittimu għandu l-verżjoni mhux ikkumpilata jew diġà ddekumpilata tal-programm, jiġifieri l-aċċess għall-kodiċi sors. Huwa evidenti li, f’din is-sitwazzjoni, dekumpilazzjoni ma hijiex neċessarja. L-iktar kwistjoni problematika, hija r-relazzjoni bejn dan ix-xerrej u l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programm tal-kompjuter u l-obbligi reċiproċi tagħhom. Madankollu, hawn ma hijiex inkwistjoni n-neċessità tad-dekumpilazzjoni tal-programm għall-korrezzjoni ta’ żbalji, iżda l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, jiġifieri l-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li jipprekludu dan.

82.

Bħala tfakkira, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 japplika “[f]l-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali”. Fi kliem ieħor, il-kuntratt tal-akkwist tal-programm jista’ jorganizza l-użu tal-programm, inkluża l-korrezzjoni ta’ żbalji, billi jillimita l-possibbiltà għax-xerrej li jwettaq atti suġġetti għall-monopolju tal-proprjetarju għall-finijiet ta’ din il-korrezzjoni. Din il-limitazzjoni tista’ tasal sa projbizzjoni assoluta tal-korrezzjoni ta’ żbalji mix-xerrej ( 32 ). F’tali każ, l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax u l-atti tax-xerrej huma limitati għal dawk awtorizzati skont il-kuntratt.

83.

Min-naħa l-oħra, jekk il-kuntratt bejn il-partijiet ma jinkludix tali limitazzjoni, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter huwa, fil-fehma tiegħi, liberu li jwettaq l-atti elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, inkluża d-dekumpilazzjoni tal-programm, meta din tirriżulta neċessarja, b’mod partikolari, sabiex jiġu kkorreġuti żbalji. Dan ix-xerrej ma għandux obbligi oħra fil-konfront tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programm. Għalhekk, la huwa marbut jitlob lill-proprjetarju jikkorreġi l-iżbalji, la li jitlob l-aċċess għall-kodiċi sors tal-programm, u lanqas li jadixxi qorti sabiex din tordna lill-proprjetarju jwettaq dan l-att jew ieħor. Min-naħa l-oħra, għalkemm tali obbligi ma jirriżultawx mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, wieħed irid iżomm f’moħħu li d-dekumpilazzjoni hija proċess li fih ix-xogħol, li jiswa l-flus u b’effetti imprevedibbli. Għalhekk, fil-prattika, l-utenti ma għandhomx jirrikorru għal din it-teknika ħlief bħala l-aħħar istanza ( 33 ).

84.

Naturalment, hija l-qorti kompetenti li, f’każ ta’ tilwima, għandha tiddetermina l-kontenut eżatt tad-drittijiet u tal-obbligi kuntrattwali tal-partijiet għall-kuntratt ta’ xiri ta’ programm tal-kompjuter.

85.

Għalkemm il-korrezzjoni ta’ żball spiss tkun teħtieġ il-modifika ta’ framment żgħir tal-kodiċi ta’ programm tal-kompjuter, is-sejba ta’ dan il-framment tista’ teħtieġ id-dekumpilazzjoni ta’ parti sostanzjali tal-programm, jew saħansitra tal-programm kollu. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkunsidra tali dekumpilazzjoni bħala li ma hijiex neċessarja għall-korrezzjoni tal-iżball, peress li dan jagħmel il-korrezzjoni impossibbli u jċaħħad l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 minn effett utli. Għalhekk, ix-xerrej leġittimu tal-programm tal-kompjuter għandu d-dritt, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li jiddekumpila l-programm sa fejn neċessarju mhux biss għall-korrezzjoni ta’ żball stricto sensu, iżda wkoll għat-tfittxija ta’ dan l-iżball u tal-parti tal-programm li għandha tiġi mmodifikata.

86.

Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 ma jsemmi l-ebda restrizzjoni dwar l-użu ta’ informazzjoni miksuba permezz tad-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jkun ipproċeda għad-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm bl-għan li jikkorreġi żbalji fih, huwa liberu li sussegwentement juża l-prodott ta’ din il-kumpilazzjoni għal finijiet oħra.

87.

Fil-fatt, l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 91/250 jissuġġetta għall-monopolju tal-awtur mhux biss “it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter”, iżda wkoll “[i]r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom”, jiġifieri, fil-każ tad-dekumpilazzjoni, il-kodiċi sors li jirriżulta minn din id-dekumpilazzjoni. B’hekk, kull riproduzzjoni tal-imsemmi kodiċi sors bi skop ieħor minbarra l-korrezzjoni ta’ żbalji hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm, u dan japplika wkoll għall-kopji tal-kodiċi sors li jirriżulta mid-dekumpilazzjoni.

88.

Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250, l-informazzjoni li ma tikkostitwixxix il-programm fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri forma tal-espressjoni tiegħu, ma hijiex protetta ( 34 ).

89.

Għalhekk, nipproponi li t-tieni domanda preliminari tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter, skont din id-dispożizzjoni, minn xerrej leġittimu, sabiex jikkorreġi żbalji fih, ma hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, tali dekumpilazzjoni tista’ ssir biss sa fejn neċessarju għal din il-korrezzjoni u fil-limiti tal-obbligi kuntrattwali tax-xerrej.

Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell):

1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jipproċedi għal dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm meta din tkun neċessarja sabiex jiġu kkorreġuti żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu.

2)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter, skont din id-dispożizzjoni, minn xerrej sabiex jikkorreġi żbalji fih, ma hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, tali dekumpilazzjoni tista’ ssir biss sa fejn neċessarju għal din il-korrezzjoni u fil-limiti tal-obbligi kuntrattwali tax-xerrej.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 3 ) Ara l-Artikolu 4 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996.

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, Markiewicz, R., Ilustrowane prawo autorskie, Wolters Kluwer, Varsavja, 2018, p. 463. Awturi oħrajn jikklassifikaw il-programmi tal-kompjuter bħala “kitbiet permezz ta’ determinazzjoni tal-liġi”, ara Vivant, M., Bruguière, J.-M., Droit d’auteur et droits voisins, Dalloz, Pariġi, 2015, p. 183.

( 5 ) Janssens, M.-Ch., “The Software Directive”, fi Stamatoudi, I., u Torremans, P., EU Copyright Law. A Commentary, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2014, p. 89 sa 148, b’mod partikolari p. 93.

( 6 ) Bing, J., “Copyright Protection of Computer Programs”, f’Derclaye, E. (editriċi), Research Handbook on the Future of EU Copyright, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2009, p. 401 sa 425, b’mod partikolari p. 401.

( 7 ) Jew, b’mod iktar preċiż, għall-proċessur li jkollu ċerta arkitettura, peress li l-istruzzjonijiet tal-kodiċi oġġett huma speċifiċi għal kull tip ta’ proċessur u ma jiġux eżegwiti minn proċessur ta’ tip differenti.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, Karjala, D.S., “Copyright Protection of Computer Documents, Reverse Engeneering and Professor Miller”, University of Dayton Law Review, 1994, Vol. 19, p. 975 sa 1020.

( 9 ) Shemtov, N., Beyond the Code. Protection of Non-Textual Features of Software, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 28. Għal żviluppi iktar wiesgħa dwar id-dikotomija idea/espressjoni fid-drittijiet tal-awtur u l-applikazzjoni tagħhom għall-programmi tal-kompjuter, ara, b’mod partikolari, p. 102 sa 127 ta’ dan ix-xogħol.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114.

( 11 ) Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).

( 12 ) Moniteur belge tas‑27 ta’ Lulju 1994, p. 19315.

( 13 ) Jiġifieri, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement mill-programm iddekumpilat.

( 14 ) Il-proprjetarju għandu d-dritt “li [jagħmel] jew li [jawtorizza]”.

( 15 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

( 16 ) L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 huwa intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”.

( 17 ) Ara l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (COM(88) 816 final), ippreżentata mill-Kummissjoni fil‑5 ta’ Jannar 1989.

( 18 ) Għall-kuntrarju tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ma jsemmix lill-utent ta’ kopja tal-programm, iżda lix-xerrej tal-programm, indipendentement min-numru ta’ kopji akkwistati.

( 19 ) Barra minn hekk, il-kuntratti għall-użu ta’ programmi tal-kompjuter huma suġġetti għal regoli oħra tad-dritt, bħad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kuntratti, tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-kompetizzjoni. Dawn ir-regoli jillimitaw il-libertà kuntrattwali tal-partijiet, billi jipproteġu lix-xerrejja ta’ programmi tal-kompjuter mill-abbuż min-naħa tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-programmi.

( 20 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012 (C‑406/10, EU:C:2012:259, punt 58).

( 21 ) Bħala li tmur kontra l-għan innifsu ta’ kuntratt għall-użu ta’ programm tal-kompjuter.

( 22 ) Issa, ma jistax jiġi eskluż li d-dekumpilazzjoni ssir b’għan illeġittimu li ma jkunx marbut mal-korrezzjoni ta’ żbalji.

( 23 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punti 3738).

( 25 ) Korsiv miżjud minni.

( 26 ) Barra minn hekk, kif ser nispjega sussegwentement, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, fil-fehma tiegħi, ma jippermettix id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter għall-finijiet tal-manutenzjoni tal-programm iddekumpilat, ħlief għall-korrezzjoni ta’ żbalji fis-sens strett (ara l-punti 75 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 52 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, Janssens, M.-Ch., op.cit., p. 127.

( 29 ) Ara l-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, Top System tiċħad l-eżistenza ta’ żball fil-programm inkwistjoni, minkejja li l-qorti tar-rinviju ssemmi perizja li tikkonstata l-eżistenza ta’ tali żball.

( 31 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Tali possibbiltà teżisti, fil-fehma tiegħi, minkejja l-formulazzjoni tas-sbatax-il [tat-tmintax‑il] premessa tad-Direttiva 91/250 (ara l-punti 31 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 33 ) Din il-karatteristika tad-dekumpilazzjoni hija enfasizzata minn diversi awturi. Ara, b’mod partikolari, Bing, J., op.cit., p. 423 u 424.

( 34 ) Irrid nindika li, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma tagħtix lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter inqas protezzjoni minn dik mogħtija mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/250 fl-ipoteżi ta’ dekumpilazzjoni għall-finijiet tal-interoperabbiltà ta’ programmi maħluqa indipendentement. Fil-fatt, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 6(2) tagħha jista’ jiġi interpretat biss fis-sens li l-kelma “informazzjoni” tindika biss l-elementi ta’ programm tal-kompjuter li huma protetti bis-saħħa tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-forom tal-espressjoni tiegħu u mhux l-“[i]deat u prinċipji li jservu ta’ bażi” għal dawn l-elementi. Barra minn hekk, infakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250, id-dekumpilazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi eskluża permezz ta’ kuntratt, għall-kuntrarju tad-dekumpilazzjoni mwettqa għall-finijiet tal-korrezzjoni ta’ żbalji.

Top