EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0008

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-18 ta’ Marzu 2021.
L.R. vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal‑protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata mill-persuna kkonċernata fi Stat terz li kkonkluda mal-Unjoni Ewropea ftehim dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati partijiet f’dan il-ftehim – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tan-Norveġja.
Kawża C-8/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:221

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit‑18 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Kawża C‑8/20

L. R.

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein, il‑Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2)(d) – Inammissibbiltà fil-każ ta’ deċiżjoni finali meħuda fuq applikazzjoni preċedenti – Deċiżjoni finali meħuda min-Norveġja – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 19(3) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara t-tneħħija effettiva tal-applikant lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 ( 2 ). Dan il-motiv jirrigwarda l-“applikazzjonijiet sussegwenti” ( 3 ) li fihom ma jkun jidher jew ma jkun ġie ppreżentat mill-applikant ebda element jew fatt ġdid dwar l-eżami intiż li jiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefika minn tali protezzjoni.

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn ċittadin Iranjan, L. R., u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge – Außenstelle Boostedt (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, fergħa ta’ Boostedt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li L. R., diversi snin qabel, kien ippreżenta l-ewwel applikazzjoni fir-Renju tan-Norveġja, li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni finali negattiva.

3.

Kif ifformulata, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża li tikseb kjarifiki dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fis-sistema Ewropea komuni tal-ażil għall-finijiet li tkun taf, essenzjalment, jekk deċiżjoni finali negattiva ta’ dan l-Istat terz li tikkonċerna applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tistax tkun ittrattata bħallikieku ġiet meħuda minn “Stat Membru” u tippermetti lill-Uffiċċju li jiddikjara inammissibbli, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, “applikazzjoni sussegwenti” tal-istess applikant.

4.

Qabel ma nkun nista’ nirrispondi għal din id-domanda, jidhirli madankollu li jeħtieġ li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, il-fatt li l-applikant irritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu bejn l-ewwel u t-tieni applikazzjoni tiegħu, minnu nnifsu, huwiex ta’ ostakolu biex din tal-aħħar tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”.

5.

Fi tmiem l-espożizzjoni tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, peress li L. R. kien tneħħa mir-Renju tan-Norveġja lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fi tmiem l-eżami tal-ewwel applikazzjoni tiegħu, l-applikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi ttrattata bħala applikazzjoni ġdida. Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-proposta, ser nindika r-raġunijiet li minħabba fihom jidhirli li l-fatt li d-deċiżjoni ttieħdet minn Stat Membru ieħor jew, bħal f’dan il-każ, mir-Renju tan-Norveġja, ma jipprekludix lill-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni li jiddikjaraha inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti”.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja

6.

Il-Ftehim bejn [l-Unjoni] Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju [ażil] ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 78, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja”) ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2001/258/KE ( 4 ).

7.

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim:

“1.   Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, elenkati fil-Parti 1 ta’ l-Anness ta’ dan il-Ftehim u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat stabbiliti bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin elenkati fil-Parti 2 ta’ l-imsemmi l-Anness għandhom ikunu implimentati mill-Islanda u n-Norveġja u applikati fir-relazzjonijiet konġunti tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-Istati Membri, suġġett għall-paragrafu 4.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, suġġett għall-paragrafu 4, b’relazzjoni ma’ l-Islanda u n-Norveġja.

[…]

4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, referenzi fid-disposizzjonijiet koperti bl-Anness għal ‘l-Istati Membri’ għandhom ikunu jinftiehmu bħala li jinkludu l-Islanda u n-Norveġja.

[…]”.

8.

La d-Direttiva 2011/95 ( 5 ) u lanqas id-Direttiva 2013/32 ma huma msemmija fl-anness tal-imsemmi ftehim.

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Dublin III

9.

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li:

“1.   L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza”.

10.

L-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18 (1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18 (1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli”.

2. Id-Direttiva 2013/32

11.

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32 hija fformulata kif ġej:

“L-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dawn il-movimenti jkunu kkawżati mid-differenzi fl-oqsfa legali, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95/UE fl-Istati Membri”.

12.

Il-premessa 36 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata”.

13.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(q)

‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)”.

14.

Skont l-Artikolu 33(2) ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet [fatti] ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

[…]”.

15.

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti” jipprovdi:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE.

[…]

5.   Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

[…]

7.   Fejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament [Dublin III] tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva”.

C.   Id-dritt Ġermaniż

16.

L-Artikolu 29 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

[…]

5.   Fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 71 jew tat-tieni applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 71a, ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura ta’ ażil. […]”

17.

L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni” jipprovdi:

“(1)   Jekk barrani, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] Ewropea li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali fuq dan is-suġġett, jippreżenta fit-territorju federali applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni), ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil meta biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-[Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva)] ikunu ssodisfatti; l-eżami huwa obbligu tal-[Uffiċċju]. […]”

18.

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fil-każ tat-tieni applikazzjoni għall-ażil, l-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva jeżiġi espożizzjoni tal-fatti konklużivi, li ma tistax tkun mhux adegwata mill-bidu, wara kull eżami ġustifikabbli, biex jinkiseb id-dritt mitlub.

II. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Fit‑22 ta’ Diċembru 2014, L. R., ċittadin Iranjan, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju.

20.

Waqt l-eżami tal-applikazzjoni, irriżulta li L. R. kien preċedentement talab l-ażil fin-Norveġja. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet għaldaqstant lir-Renju tan-Norveġja li jieħu lura lil L. R., skont l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Dublin III u li huma applikabbli għal dan l-Istat terz.

21.

Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2015, ir-Renju tan-Norveġja rrifjuta li jilqa’ din it-talba, minħabba li r-responsabbiltà tiegħu kienet spiċċat, skont l-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament. Fir-risposta tiegħu lill-Uffiċċju, ir-Renju tan-Norveġja ppreċiża li L. R. kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtorità kompetenti Norveġiża fl‑1 ta’ Ottubru 2008, li din kienet ċaħdet fil‑15 ta’ Ġunju 2009 u li, fid‑19 ta’ Ġunju 2013, L. R. kien ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Iranjani.

22.

Matul il-proċedura ta’ eżami mill-Uffiċċju, L. R. indika li telaq mill-Iran tmintax‑il xahar qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu fil-Ġermanja u li kien għex fl-Iraq sa tliet xhur qabel il-wasla tiegħu fit-territorju Ġermaniż.

23.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2017, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ L. R. bħala inammissibbli, wara li applika l-Artikolu 29(1)(5) tal-AsylG. L-Uffiċċju kkunsidra li din kienet it-tieni applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG u li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva biex jiġġustifikaw proċedura ġdida ta’ ażil ma kinux issodisfatti, peress li l-fatti mressqa minn L. R. insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ma dehrux kredibbli fl-assjem tagħhom.

24.

L. R. adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra din id-deċiżjoni. Huwa jrid, b’mod prinċipali, jikseb l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u, sussidjarjament, il-protezzjoni sussidjarja ( 6 ). B’mod iktar sussidjarju, huwa qiegħed jitlob li tiġi kkonstatata l-projbizzjoni tat-tneħħija skont id-dritt Ġermaniż.

25.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, biex tiddeċiedi fuq it-tilwima pendenti quddiemha, hija għandha bżonn tkun taf jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tistax tkun ikklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, meta l-proċedura li kienet wasslet għaċ-ċaħda, b’deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata kienet seħħet mhux fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, iżda fin-Norveġja.

26.

F’dan ir-rigward, hija tindika, fl-ewwel lok, li, fil-fehma tagħha, il-motiv ta’ inammissibbiltà msemmi fl-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva jista’ jkun applikat ukoll meta din il-proċedura tkun twettqet fl-istess Stat Membru kif ukoll meta tkun twettqet fi Stat Membru ieħor. Il-fatt li l-applikant, wara li jkun kiseb deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti fl-ewwel Stat Membru, jerġa’ jitlob protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru differenti minn dak tal-aħħar ma jipprekludix li l-applikazzjoni tiegħu tkun tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti”.

27.

Fit-tieni lok, dik il-qorti tirrikonoxxi li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(b), (e) u (q) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” jippreżumi li d-“deċiżjoni finali” li tkun ċaħdet applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun ġiet adottata minn Stat Membru, u mhux minn Stat terz. Madankollu, hija inklinata taħseb li din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod iktar wiesa’ fil-kuntest tas-sħubija tar-Renju tan-Norveġja mas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, kif tirriżulta mill-Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Jannar 2020, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi miċħuda bħala applikazzjoni sussegwenti li hija inammissibbli, hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE […], jekk l-ewwel proċedura għal ażil li tkun ġiet miċħuda tkun saret mhux fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda fin-Norveġja?”

29.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali fit‑3 ta’ Diċembru 2020 li fiha pparteċipaw il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż.

III. Analiżi

30.

Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-partikolarità tal-kawża prinċipali qiegħda, fil-fehma tiegħi, fil-fatt li L. R., minħabba miżuri ta’ tneħħija, telaq mit-territorju Norveġiż fi tmiem l-ewwel proċedura ta’ ażil li kienet tirrigwardah u rritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma ppreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

31.

B’kuntrast ma’ dak li l-Gvern Ġermaniż ta lil wieħed x’jifhem b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, din it-tneħħija effettiva ta’ L. R. bejn l-ewwel u t-tieni applikazzjoni għandha konsegwenzi kbar għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”. Jiena ser nispjegahom fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ser nindika li, taħt il-kappa tar-Regolament Dublin III, l-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħalma huma L. R. li, wara li tneħħew lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jerġgħu jitolbu l-protezzjoni internazzjonali ma jaqgħux, fil-fehma tiegħi, taħt dan il-kunċett. Għaldaqstant, f’kawża bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata sempliċement ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

32.

Sussidjarjament (Taqsima B), ser neżamina l-fondatezza tal-premessa li minnha titlaq il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, jiġifieri li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ikklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” minn Stat Membru ieħor differenti minn dak li adotta d-deċiżjoni finali negattiva preċedenti jekk id-dritt nazzjonali tiegħu jippermetti dan. Ser nuri li l-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-imsemmija dispożizzjoni jista’ japplika mhux biss meta l-applikazzjonijiet sussegwenti jiġu ppreżentati quddiem l-istess Stat Membru, imma wkoll fil-każijiet ta’ movimenti sekondarji, meta l-Istat Membru li għandu tidħol it-tieni applikazzjoni mill-applikant isir l-Istat Membru responsabbli.

33.

Biex nagħlaq, ser nifformula xi rimarki fuq is-sitwazzjoni partikolari tar-Renju tan-Norveġja, bħala Stat terz li la aderixxa mad-Direttiva 2013/32 u lanqas mad-Direttiva 2011/95, imma li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III (Taqsima Ċ).

A.   Dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fil-każ fejn l-applikant ikun tneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma reġa’ talab il-protezzjoni internazzjonali

34.

Qabelxejn, jidhirli li jkun utli li jiġi ppreċiżat li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le ( 7 ).

35.

F’dan il-każ, l-elementi pprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju juru, fil-fehma tiegħi, li, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jiġu interpretati wkoll dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk previsti mir-Regolament Dublin III.

36.

F’dan ir-rigward, infakkar li, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1), dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-loġika li hemm Stat Membru wieħed biss li huwa responsabbli għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament, l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li jieħu lura lill-applikant jekk dan tal-aħħar, wara li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda, japplika fi Stat Membru ieħor.

37.

Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kawża prinċipali tikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari ħafna fejn tali teħid lura ma huwiex possibbli minħabba li r-responsabbiltà tal-Istat li kien analizza l-applikazzjoni preċedenti ta’ L. R. (f’dan il-każ, ir-Renju tan-Norveġja) spiċċat. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-obbligi ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ L. R. intemmu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) ta’ dan l-istess regolament. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-każ fejn l-applikant ikun telaq mit-territorju tal-Istat Membru responsabbli mal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ miżura ta’ tneħħija adottata wara l-irtirar jew iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu.

38.

Issa, f’dan il-każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li kull applikazzjoni ppreżentata mill-applikant wara li tkun seħħet it-tneħħija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida, li twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

39.

Minn dan għandu jiġi dedott li, fid-dawl tat-tneħħija effettiva li kien milqut biha L. R., l-applikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, b’kuntrast ma’ dak li l-Gvern Ġermaniż ta lil wieħed x’jifhem bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, titqies bħala “applikazzjoni ġdida”, mingħajr ma huwa possibbli, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tikklassifikaha bħala “applikazzjoni sussegwenti” u tiddikjaraha inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32?

40.

Jien naħseb li iva.

41.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li applikazzjoni ppreżentata wara t-tneħħija tal-applikant lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu la taqa’ taħt l-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, u lanqas taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija hemmhekk, li jirrigwardaw it-“teħid lura” mill-Istat Membru responsabbli. Għaldaqstant, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni netta, fuq livell ġuridiku, bejn tali applikazzjoni u dawk ippreżentati fil-kuntest ta’ movimenti sekondarji (jiġifieri meta l-applikant jiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor mingħajr ma joħroġ mit-territorju tal-Unjoni) li huma koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li jistgħu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, jiġu ddikjarati inammissibbli bħala “applikazzjonijiet sussegwenti”, taħt ċerti kundizzjonijiet ( 8 ).

42.

L-għan ta’ dan ir-regolament u tad-Direttiva 2013/32 ma jidhirlix li jeħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva differenti minn dik li nipproponi fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tal-imsemmi regolament.

43.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li, bil-fatt li adotta r-Regolament Dublin III, il-leġiżlatur ried b’mod partikolari jħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali billi jiggarantixxi lill-applikanti l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom fil-mertu minn Stat Membru wieħed identifikat b’mod ċar, ħaġa li tippermetti li jiġi evitat il-“forum shopping” ( 9 ) u l-konġestjoni tas-sistema bl-obbligu li jkollhom l-Istati Membri li jipproċessaw applikazzjonijiet multipli ppreżentati mill-istess applikant ( 10 ).

44.

Tali għanijiet joħorġu wkoll, essenzjalment, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.

45.

Issa, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u kif indikajt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma jinvolvix moviment sekondarju minn Stat Membru (jew minn Stat terz li jipparteċipa f’dan ir-regolament) lejn ieħor, imma jinvolvi ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlaq, għat-tieni darba, mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

46.

Iktar minn hekk, iċ-ċittadin jinsab f’sitwazzjoni li fir-realtà ma hijiex ħafna differenti minn dik tal-ewwel applikant ( 11 ). B’mod iktar preċiż, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ L. R., ma kienx għad hemm Stat Membru responsabbli għalih. Il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun obbligata tissuġġetta din it-tieni applikazzjoni għal eżami sħiħ ma jikkawża għaldaqstant ebda preġudizzju għat-twettiq tal-għan tal-imsemmi regolament li jiċċentralizza l-applikazzjonijiet, sabiex jipprekludi li l-persuna kkonċernata tippreżenta diversi applikazzjonijiet fi Stati Membri oħra, minkejja li jkun jeżisti diġà, għal dak li jikkonċernah, Stat Membru responsabbli.

47.

Minn dak kollu li intqal jirriżulta li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din, għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ippreżentata minn L. R., fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti”. Din is-soluzzjoni hija meħtieġa taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, li minnu jirriżulta li l-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini li diġà kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ ażil li fi tmiemha ġiet adottata deċiżjoni finali negattiva u li, fil-frattemp, tneħħew lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett ( 12 ).

48.

Fit-taqsima li ġejja, li ser niżviluppa sussidjarjament hawn taħt, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’kuntrast ma’ dak li nipproponi jien, li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża jew li jeħtieġ li tinterpretaha fis-sens li t-tneħħija effettiva ta’ L. R. qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ din bħala “applikazzjoni sussegwenti”, ser neżamina il-fondatezza tal-premessa li minnha titlaq il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, jiġifieri li huwa possibbli għal Stat Membru, sakemm ikun jippermetti d-dritt nazzjonali tiegħu, li jiġu ddikjarati inammissibbli bħala “applikazzjonijiet sussegwenti” l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali indirizzati lilu kemm wara li Stat Membru ieħor ikun adotta deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-applikant kif ukoll meta jkun adotta huwa stess tali deċiżjoni.

B.   Sussidjarjament, fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fil-każ fejn l-applikant jitlob il-protezzjoni internazzjonali mingħand Stat Membru differenti minn dak li jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva

49.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli ( 13 ). In-natura eżawrjenti tal-elenku li jinsab f’din id-dispożizzjoni hija bbażata kemm fuq il-formulazzjoni tiegħu ( 14 ), kif ukoll fuq l-għan tiegħu li jikkonsisti, preċiżament, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jittaffa billi jiġu ddefiniti każijiet fejn tali applikazzjoni titqies inammissibbli ( 15 ).

50.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn il-każijiet fejn applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni finali (Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva) u dawk fejn protezzjoni internazzjonali tkun diġà ngħatat (Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva).

51.

Din l-aħħar dispożizzjoni tagħmel espliċitament riferiment għas-sitwazzjoni fejn “Stat Membru ieħor” ( 16 )jilqa’ l-ewwel applikazzjoni tal-persuna kkonċernata ( 17 ). Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, u lanqas l-Artikolu 2(q) tagħha, li jagħti d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, ma jippreċiżaw jekk, fil-każ fejn deċiżjoni finali tikkonċerna applikazzjoni sussegwenti tal-persuna kkonċernata tkun negattiva, din għandhiex sistematikament tkun ittieħdet mill-istess Stat Membru li lilu saritlu l-applikazzjoni sussegwenti jew tistax, min-naħa l-oħra, tkun ittieħdet minn Stat Membru ieħor ( 18 ).

52.

Kif indikajt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li tgħid li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” jista’ jiġi applikat ukoll għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru differenti minn dak li adotta d-deċiżjoni finali negattiva preċedenti, kif ukoll għal applikazzjoni indirizzata lill-istess Stat Membru.

53.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern Ġermaniż jaqblu ma’ din l-analiżi. Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-motiv ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, jista’ jiġi applikat biss f’dan l-aħħar każ.

54.

Jien ser nesponi hawn taħt ir-raġunijiet li minħabba fihom jidhirli li, wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali negattiva fuq applikazzjoni preċedenti, kull applikazzjoni ppreżentata mill-istess applikant fi Stat Membru, ikun liema jkun, tista’ titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” ( 19 ). Fl-ewwel lok, jidhirli li jkun utli li jsiru xi tfakkiriet fuq il-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” previst fir-Regolament Dublin III, sabiex jiġi ċċarat il-kuntest li fih Stat Membru li ma huwiex dak li jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva preċedenti, jista’, jekk ikun il-każ, jasal biex jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta’ tali applikazzjoni.

1. Tfakkiriet fuq il-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” tar-Regolament Dublin III

55.

Kif diġà indikajt fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” huwa intiż, fil-kuntest tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, b’mod partikolari, li jevita li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi eżaminata minn Stat Membru differenti minn dak li jkun ħa d-deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti taċ-ċittadin ( 20 ).

56.

B’mod iktar preċiż, meta persuna taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni (li għall-finijiet ta’ ċarezza ser nindikah bħala li huwa l-“Istat Membru B”) jista’ jitlob lil dak li jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva (jiġifieri l-“Istat Membru responsabbli” jew l-“Istat Membru A”) għall-finijiet ta’ teħid lura tal-persuna kkonċernata ( 21 ).

57.

Wara l-aċċettazzjoni tat-talba mill-Istat Membru A, l-Istat Membru B jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jsir it-trasferiment u, jekk ikun il-każ, li ma jeżaminax l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha ( 22 ). Fi kliem ieħor, huwa jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami.

58.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet b’mod ċar id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami tad-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà meħuda skont id-Direttiva 2013/32. B’mod partikolari, hija indikat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]”, kif ukoll mill-għan ta’ ekonomija tal-ġudizzju mfittex minn din id-dispożizzjoni, jirriżulta li, fis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 33(2) tal-imsemmija direttiva, din tippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli mingħajr ma dawn tal-aħħar għandhom jirreferu bħala prijorità għall-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura previsti mir-Regolament Dublin III ( 23 ).

59.

Minn dan isegwi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax, fl-istess ħin, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami, u tiġi ddikjarata inammissibbli.

60.

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi li l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabbli (jiġifieri mill-Istat Membru A), b’mod li ma huwiex possibbli, għal Stat Membru differenti minn dan (jiġifieri għall-Istat Membru B), li jiddeċiedi fuq l-eventwali inammissibbiltà tagħhom ( 24 ).

61.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li kull applikazzjoni ppreżentata quddiem Stat Membru differenti minn dak li jkun adotta deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-applikant għandha, skont l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, tkun suġġetta, bi prijorità, għall-mekkaniżmu ta’ “teħid lura”. Fil-fehma tagħha, huwa biss fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru A, meta t-teħid lura ma jkunx possibbli skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għal tali applikazzjoni tista’ eventwalment tqum f’kuntest li jimplika diversi Stati Membri.

62.

Issa, fl-ewwel lok, kif esponejt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta t-teħid lura ma huwiex possibbli skont l-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament, kull applikazzjoni ppreżentata mill-applikant wara li jkun tneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħala “applikazzjoni ġdida”.

63.

Fit-tieni lok, jidhirli li huwa ċar li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 taqa’, fir-realtà, f’kuntest iktar wiesa’ minn dak imsemmi mill-Kummissjoni, peress li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” ġew limitati b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

64.

F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-espressjoni “jista’ jitlob” użata minnu fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-proċedura ta’ “teħid lura” mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tiġi implimentata bid-diskrezzjoni tal-Istati Membri ( 25 ). Għaldaqstant, flok jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami, l-Istat Membru B jista’ effettivament iqis lilu nnifsu bħala l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fil-konfront tiegħu l-Istat Membru A diġà jkun adotta deċiżjoni finali negattiva ( 26 ).

65.

Min-naħa l-oħra, huwa obbligat iwettaq dan l-eżami, fi kwalunkwe każ, jekk ma jagħmel ebda talba għal teħid lura mal-Istat Membru A f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi riżultat pożittiv mid-database Eurodac ( 27 ). L-istess japplika jekk it-trasferiment ma jkunx ġie eżegwit f’terminu ta’ sitt xhur b’effett mill-aċċettazzjoni tat-talba għat-teħid lura mill-Istat Membru A ( 28 ).

66.

Minn dan isegwi li, anki jekk, meta tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni sussegwenti mal-Istat Membru B wara li deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-applikant tkun ittieħdet mill-Istat Membru A, il-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” jikkostitwixxi l-eżitu ppreferut mir-Regolament Dublin III, dan ma huwiex obbligatorju, u lanqas ma huwa dejjem possibbli li l-Istat Membru B jużah ( 29 ). Dawn il-konsegwenzi joħorġu mill-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu dan ippreveda t-trasferiment tar-responsabbiltà bejn l-Istat Membru A u l-Istat Membru B f’ċerti sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

67.

Huwa f’dan il-kuntest, li jmur lil hinn minn dak ikkontemplat mill-Kummissjoni, li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk, kif jipproponu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern Ġermaniż, fil-każ li l-applikant jippreżenta, wara deċiżjoni finali negattiva ta’ Stat Membru A, it-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru B, dan jista’ jibbaża ruħu fuq il-motiv ta’ inammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 u jipprovdi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, li tali applikazzjoni hija inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti”.

68.

Għar-raġunijiet li ser nesponi fis-subtaqsima li ġejja, nikkunsidra li, sakemm l-Istat Membru B jsir l-Istat Membru responsabbli flok l-Istat Membru A, skont il-kriterji uniformi stabbiliti mir-Regolament Dublin III (jiġifieri minħabba li huwa jiddeċiedi li jagħmel hekk jew minħabba li t-termini għall-preżentazzjoni tat-talba għat-teħid lura jew għat-trasferiment ma jkunux osservati ( 30 )), jeħtieġ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

2. Fuq il-possibbiltà għall-Istat Membru B li jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti”

69.

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, diversi drabi, li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni ( 31 ). B’mod partikolari, hija rrikonoxxiet espressament li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 kien jikkostitwixxi espressjoni ta’ dan il-prinċipju ( 32 ).

70.

Il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ intenzjoni espressa tal-leġiżlatur, ma jistax jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni biss li l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva tapplika, hija wkoll, f’kuntest transkonfinali fi ħdan l-Unjoni. L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 huwa eċċezzjoni għall-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix attwalment, bejn l-Istati Membri, għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-ażil.

71.

Din il-fehma tal-Kummissjoni toriġina b’mod partikolari mill-fatt li l-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 torbot l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva mal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ( 33 ). Din tgħid li, peress li, fi ħdan l-Istati Membri, huma d-deċiżjonijiet nazzjonali biss li jistgħu jakkwistaw is-saħħa ta’ res judicata, din id-dispożizzjoni tista’ tkopri biss is-sitwazzjonijiet fejn id-deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-applikant tingħata mill-istess Stat Membru bħal dak li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sussegwenti.

72.

Jiena naqbel, mingħajr ebda diffikultà, mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, fil-każ fejn l-applikant jippreżenta applikazzjonijiet suċċessivi quddiem l-istess Stat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti, skont il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ( 34 ), li tiġi ddikjarata inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” li fiha ma jkun jidher jew ma jkun ġie ppreżentat ebda element jew fatt ġdid li jirrigwardaw l-eżami intiż li jiddetermina jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

73.

Min-naħa l-oħra, ma naqbilx mat-teżi li tgħid li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni negattiva meħuda fuq applikazzjoni preċedenti tista’ tkun irrikonoxxuta biss fi ħdan l-Istat Membru tal-awtorità amministrattiva li tkun adottatha, u mhux ukoll minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mill-istruttura ġenerali u mill-għan tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32 ma jirriżulta li dan għandu jkun il-każ.

74.

F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li fis-sentenza tagħha Ibrahim ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva kien intiż li jippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni bħala inammissibbli wkoll fis-sitwazzjonijiet fejn l-applikant ikun ingħata biss protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, u mhux biss meta l-applikant kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Peress li l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja tinvolvi neċessarjament iċ-ċaħda tal-applikazzjoni sa fejn din hija intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li nikkunsidra, l-istess bħall-Gvern Ġermaniż, li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, diġà estendiet il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka għad-deċiżjonijiet parzjalment negattivi meħuda mill-Istati Membri ( 36 ).

75.

Imbagħad, il-fatt li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru B, skont l-imsemmi prinċipju u sakemm id-dritt nazzjonali jipprovdi tali possibbiltà, jiddikjara inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala “applikazzjoni sussegwenti” meta huwa jsir l-Istat Membru responsabbli biex jeżaminaha, jidhirli li huwa kompatibbli mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” mogħtija fl-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, li hija wiesgħa biżżejjed biex taċċetta din l-interpretazzjoni.

76.

Fl-aħħar nett, din is-soluzzjoni taqa’ taħt il-kontinwità tal-għanijiet ta’ din id-direttiva u tar-Regolament Dublin III.

77.

Fl-ewwel lok, hija tippermetti li jkun issodisfatt il-bżonn li jiġu preklużi b’mod effikaċi l-movimenti sekondarji bejn l-Istati Membri li dan ir-regolament u l-imsemmija direttiva huma intiżi speċifikament li jipprekludu ( 37 ).

78.

Fuq dan il-punt, infakkar li, jekk applikazzjoni sussegwenti ma tiġix miċħuda bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2103/32 ( 38 ), l-Istat Membru responsabbli jista’ jiddeċiedi li jissuġġetta lill-imsemmija applikazzjoni għal proċedura ta’ eżami mgħaġġla ( 39 ). Jekk ikun il-każ, huwa jista’, fi tmiem din il-proċedura, jikkunsidra l-applikazzjoni bħala “manifestament bla bażi” ( 40 ). Huwa għandu l-fakultà wkoll li jagħmel eċċezzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, għad-dritt, tal-applikant, li jibqa’ fit-territorju tiegħu ( 41 ).

79.

X’jiġri mbagħad jekk, meta l-applikant jippreżenta applikazzjoni sussegwenti, ikun biss l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva preċedenti (jiġifieri l-Istat Membru A) li jkun jista’ japplika d-dispożizzjoni msemmija qabel, filwaqt li kull Stat Membru għajr dan tal-aħħar ikun obbligat jipproċedi b’eżami sħiħ ġdid tal-applikazzjoni mingħajr ma jkun jista’ jipproċessa tali applikazzjoni bħala “applikazzjoni sussegwenti”? Ir-riżultat ikun ċertament, kif espona l-Gvern Ġermaniż, li, wara li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni finali negattiva fl-Istat Membru A, iċ-ċittadini jkunu inkoraġġuti jimmultiplikaw applikazzjoni simili ma’ Stati Membri oħra sabiex jiksbu eżami sħiħ ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom, ħaġa li tinvolvi movimenti sekondarji li jmorru kontra l-għanijiet imfittxija kemm mir-Regolament Dublin III u mid-Direttiva 2013/32.

80.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha reċentement fuq dawn l-istess għanijiet tar-Regolament Dublin III fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal Protezzjoni Internazzjonali fl-Irlanda) ( 42 ), għall-finijiet li tippermetti lil Stat Membru, li għalih japplika dan ir-regolament iżda li ma huwiex marbut bid-Direttiva 2013/32, li jikkunsidra bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-applikant jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

81.

Fit-tieni lok, l-obbligu li jsir eżami sħiħ ġdid tal-applikazzjonijiet sussegwenti ppreżentati fi Stati Membri differenti minn dak li jkun analizza applikazzjoni preċedenti tal-applikant jaffettwa b’mod sinjifikattiv id-dewmien tal-proċeduri, filwaqt li d-Direttiva 2013/32 taċċetta bħala prinċipju li huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti li, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplet, l-applikazzjonijiet jingħataw deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun ( 43 ).

82.

Huwa b’rabta ma’ dawn l-għanijiet li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, l-applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu l-ewwel suġġetti, skont l-Artikolu 40(2) ta’ din id-direttiva, għal eżami preliminari intiż li jiddetermina jekk dehrux jew ġewx ippreżentati elementi jew fatti ġodda mill-applikant.

83.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-fatt li l-Istat Membru B, li ma adottax id-deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni sussegwenti tal-istess applikant, jipproċedi għal dan l-eżami preliminari ma jqajjem, minnu nnifsu, ebda diffikultà partikolari għal dak li jikkonċerna l-aċċess effettiv tal-applikant għal eżami xieraq tas-sitwazzjoni.

84.

Fil-fatt, kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, l-iskambji ta’ informazzjoni stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Dublin III u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, irendu dan l-eżerċizzju perfettament fattibbli minn kull Stat Membru. Din id-dispożizzjoni tippermetti li tinkiseb l-informazzjoni kollha adegwata, rilevanti u raġonevoli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (b’mod partikolari, li tikkonċerna d-data u l-post tal-preżentazzjoni tal-eventwali applikazzjoni preċedenti, l-istat ta’ progress tal-proċedura, il-kontenut u d-data tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet) ( 44 ).

85.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din l-istess direttiva, ma jipprekludix li jkun hemm regola nazzjonali li tippermetti lill-Istat Membru B li jiddikjara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti” meta Stat Membru ieħor jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant. Tali regola għandha madankollu turi biċ-ċar li l-Istat Membru B ikun jista’ jiddikjara tali applikazzjoni bħala inammissibbli biss jekk, kif indikajt fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa jkun sar l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji uniformi stabbiliti mir-Regolament Dublin III ( 45 ).

86.

Il-konsegwenza prattika tal-approċċ li jiena nirrakkomanda hija sempliċement li dan l-Istat Membru, meta jsir l-Istat Membru responsabbli, ikun jista’ jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni finali negattiva preċedenti tal-Istat Membru l-ieħor u li japplika l-istess regoli li dak l-Istat Membru l-ieħor seta’ japplika kieku l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata quddiemu ( 46 ).

3. Konklużjoni intermedja

87.

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni konġunta tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32, huwa possibbli, għal Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li jadotta, fid-dritt nazzjonali tiegħu, regola li tippermetti li tiġi ddikjarata inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din tal-aħħar, meta ma jkunx, huwa stess, adotta d-deċiżjoni finali li wasslet għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant iżda jkun sar l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni.

88.

Min-naħa l-oħra, kif indikajt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-imsemmi Stat Membru ma għandux din il-possibbiltà meta l-applikant kien is-suġġett ta’ tneħħija effettiva bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali preċedenti ta’ ċaħda u l-applikazzjoni l-ġdida.

C.   Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fil-każ fejn l-ewwel proċedura ta’ ażil tkun seħħet fin-Norveġja

89.

Infakkar li r-Renju tan-Norveġja huwa marbut bil-politika ta’ ażil u ta’ immigrazzjoni tal-Unjoni permezz, b’mod partikolari, tal-ftehim ta’ Schengen ( 47 ). Dan l-Istat huwa wkoll marbut bis-sistema ta’ Dublin u bil-Eurodac ( 48 ), peress li r-Regolament Dublin III ġie inkorporat fid-dritt Norveġiż ( 49 ), skont il-Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja.

90.

L-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja ma’ dan ir-regolament hija sħiħa, mingħajr skemi partikolari u lanqas eċċezzjonijiet.

91.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament tfassal f’kuntest li jippermetti li jkun preżunt li l-Istati kollha li jipparteċipaw fih, kemm jekk huma Stati Membri jew Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal‑1967 ( 50 ), jiġifieri l-prinċipju ta’ non-refoulement, kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 51 ) u, għaldaqstant, li dawn l-Istati jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, peress li dawn l-istess Stati huma, barra minn hekk, kollha kontraenti kemm għall-Konvenzjoni ta’ Genève u għal dan il-Protokoll kif ukoll għall-KEDB ( 52 ).

92.

Minn dan jirriżulta li l-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fis-sistema ta’ Dublin hija bbażata, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, fuq il-preżunzjoni li tgħid li t-trattament irriżervat minn dan l-Istat terz għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huwa konformi mar-rekwiżiti kollha li għalihom huma suġġetti l-Istati Membri, skont dawn l-istrumenti.

93.

Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li r-Renju tan-Norveġja la aderixxa mad-Direttiva 2013/32 u lanqas mad-Direttiva 2011/95, li tirregola, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “protezzjoni internazzjonali”, żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, dik mogħtija mill-protezzjoni sussidjarja.

94.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 33 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni sussidjarja għandha bħala għan li tikkompleta l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève ( 53 ), li l-applikazzjoni globali u sħiħa tagħha hija, barra minn hekk, l-għan tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil ( 54 ).

95.

Inżid ngħid li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tippreċiża jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u, jekk le, tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja.

96.

Għaldaqstant, meta Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan jippreżumi li huwa eżamina mhux biss jekk il-persuna kkonċernata setgħetx tikseb l-istatus ta’ refuġjat, iżda wkoll jekk hija setgħetx tibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

97.

Huwa minnu li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tan-Norveġja ma humiex marbuta b’dan l-eżerċizzju skont l-imsemmija direttiva. Madankollu, id-dritt Norveġiż ( 55 ) jipprovdi li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ “refuġjat” mhux biss il-persuni ddefiniti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, imma wkoll dawk “f’perikolu reali li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għall-pieni oħra jew trattamenti inumani jew degradanti mar-ritorn tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jiġifieri dawk li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja fi ħdan l-Unjoni”.

98.

Barra minn hekk, qabel ma tiċħad b’mod definittiv applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtorità Norveġiża kompetenti ( 56 ) teżamina, skont dak li fhimt mill-proċedura prevista mir-Renju tan-Norveġja, mhux biss jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt il-konvenzjoni ta’ Genève, imma wkoll jekk hija tinsabx f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ perikolu reali ( 57 ).

99.

F’dan il-kuntest, u jekk wieħed jippreżupponi li l-eżami li għalih hija suġġetta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat terz jiggarantixxi lill-persuna kkonċernata livell ta’ protezzjoni tal‑inqas għoli daqs dak li huma marbutin bih l-Istati Membri skont is-sistema doppja prevista mid-Direttiva 2011/95, ħaġa li għandha tivverifikaha l-qorti tar-rinviju, jidhirli li, il-fatt li d-deċiżjoni finali negattiva li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-applikant tkun ittieħdet mill-imsemmi Stat ma jistax, minnu nnifsu, jipprekludi Stat Membru bħalma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tiddikjara inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” tal-istess applikant, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

100.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li tgħid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva f’dan is-sens hija impossibbli, fid-dawl tal-fatt li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi espressament għad-Direttiva 2011/95, li minnha jsegwi li huma biss id-deċiżjonijiet finali meħuda abbażi ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk meħuda mill-Istati Membri, li jkunu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

101.

Fil-fatt, ir-Regolament Dublin III jagħmel, huwa wkoll, riferiment għad-Direttiva 2011/95 fl-Artikolu 2(d) tiegħu, li jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, mingħajr ma dan jipprekludi lir-Renju tan-Norveġja milli jkun ikklassifikat bħala “Stat Membru” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

102.

Biex nagħlaq, nenfasizza li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju hija intiża biss biex tiċċara jekk Stat Membru jistax, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, jiddikjara applikazzjoni inammissibbli f’tali ċirkustanzi, mingħajr ma tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bil-kontra, l-istess trattament jistax ikun irriżervat għall-applikazzjonijiet sussegwenti ppreżentati fin-Norveġja, wara li Stat Membru jkun adotta deċiżjoni finali negattiva.

IV. Konklużjoni

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja):

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti” meta l-applikant ikun tneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma jkun ippreżentaha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/32”). Din id-direttiva hija assoċjata mar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 3 ) Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien ma’ din l-ewwel dispożizzjoni.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE tal‑15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76).

( 5 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 6 ) Dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, ara l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95.

( 7 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen (C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Kif ser nispjega fit-taqsima li ġejja ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jikklassifikaw bħala “applikazzjonijiet sussegwenti” l-applikazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest ta’ movimenti sekondarji hija intiża, fil-fehma tiegħi, preċiżament sabiex tippermettilhom li jevitaw, meta jsiru l-Istat Membru responsabbli flok Stat Membru ieħor, peress li jiddeċiedu huma hekk jew peress li t-teħid lura ma huwiex possibbli, li l-eżami tal-applikazzjoni jkun suġġett għal kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-applikant milli meta l-istess Stat Membru jeżamina suċċessivament iż-żewġ applikazzjonijiet. Fil-kuntest ta’ applikazzjoni ppreżentata wara t-tneħħija effettiva tal-applikant, din id-domanda sempliċiment ma tqumx peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III għandu bħala konsegwenza li tali applikazzjoni titqies bħala “applikazzjoni ġdida” anki meta hija tiġi ppreżenta quddiem l-istess Stat Membru bħal dak li eżamina l-applikazzjoni preċedenti.

( 9 ) L-espressjoni “forum shopping” tindika, essenzjalment, il-movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma dovuti għad-differenzi li jeżistu bejn il-kuntesti ġuridiċi tal-Istati Membri.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, kull applikazzjoni ppreżentata wara t-tneħħija effettiva tal-applikant tagħti lok għal proċedura ġdida ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

( 12 ) Għall-finijiet u skopijiet kollha, nikkonstata li fl-Artikolu 3(5) tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (COM(2016) 270 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Riforma tar-Regolament Dublin III”, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2016:0270:FIN), il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tneħħi l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament kollu kemm hu u ddaħħal dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istat Membru responsabbli jibqa’ responsabbli biex jeżamina kull applikazzjoni tal-applikant ikkonċernat, inkluż kull applikazzjoni sussegwenti, irrispettivament minn jekk l-applikant ikunx ħalla jew tneħħa mit-territorju tal-Istati Membri (ħaġa li, fil-fehma tiegħi, jkollha bħala konsegwenza li, f’kawża bħalma hija l-kawża prinċipali, ir-Renju tan-Norveġja jkun obbligat jieħu lura lil L. R.). Madankollu, dawn il-proposti, sal‑lum ma ġewx adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

( 13 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, il-kelma “biss” li tippreċedi l-elenku tal-motivi ta’ inammissibbiltà previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

( 15 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Enfasi miżjuda minni.

( 17 ) Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219). Din is-sentenza tittratta l-każ fejn il-persuni kkonċernati telqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u ngħataw protezzjoni sussidjarja (rispettivament fil-Bulgarija u fil-Polonja), qabel ma ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

( 18 ) Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li jissemma wkoll mill-partijiet f’din il-kawża, huwa minnu li dan huwa iktar espliċitu mill-Artikoli 2(q) u 33(2)(d) ta’ din id-direttiva (peress li jikkontempla sitwazzjonijiet fejn tiġi ppreżentata applikazzjoni sussegwenti jew isiru dikjarazzjonijiet ġodda fl-istess Stat Membru bħal dak fejn iċ-ċittadin ikun talab preċedentement biex jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru differenti minn dak li jkun adotta d-deċiżjoni finali negattiva preċedenti jkun jista’, huwa wkoll, jiddikjara inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti” l-applikazzjoni tal-istess persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-imsemmija dispożizzjoni ma fiha, barra minn hekk, ebda riferiment għall-Artikolu 33(2)(d) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li l-Artikolu 40(2) sa (5) ta’ din l-istess direttiva jagħmel riferiment għalih b’mod espliċitu.

( 19 ) Għall-finijiet u skopijiet kollha, inżid ngħid li l-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi hija konformi mal-kjarifika ssuġġerita mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposti tagħha għal riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 42(1) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM(2016) 467 final) (disponibbli fis-sit internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:52016PC0467)).

( 20 ) Min-naħa l-oħra, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara li Stat Membru jkun laqa’ jew parzjalment laqa’ applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata (jiġifieri dawk koperti mill-Artikolu 33(2)(a)) tad-Direttiva 2013/32), il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li ċ-ċaħda kellha tkun żgurata b’deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, iktar milli jiġi applikat il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżami previst fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda), C‑616/19, EU:C:2020:1010, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III.

( 22 ) Ara l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III.

( 23 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 7780).

( 24 ) Inżid li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrobora, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” skont il-premessa li minnha titlaq il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tuża l-espressjoni “applikazzjoni sussegwenti” biex tindika l-applikazzjonijiet ippreżentati fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru responsabbli.

( 25 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 33), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għandhom il-fakultà, skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament li jagħmlu talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata.

( 26 ) Ara l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li jipprevedi li “kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz […]. L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà”.

( 27 ) Dan l-obbligu joħroġ mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Dublin III. Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punti 3435 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. Fil-każ ta’ priġunerija jew ħarba tal-applikant, dan it-terminu jista’ jittawwal, rispettivament, għal sena jew massimu ta’ tmintax‑il xahar.

( 29 ) Il-Gvern Ġermaniż sewwa, fil-fehma tiegħi, ġabar fil-qosor waħda mill-problemi inerenti għar-Regolament Dublin III meta ddikjara, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li fil-fatt jeżisti, fit-teorija, obbligu ta’ teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament, iżda li, fil-prattika, it-trasferiment huwa rarament implimentat. Għall-finijiet u skopijiet kollha, nippreċiża li, skont dan il-gvern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl‑2019, għamlet 50000 talba għall-finijiet tat-teħid lura (fosthom 9000 li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet sussegwenti). Madwar 17 % biss minn dawn it-talbiet wasslu għal trasferiment tal-persuna kkonċernata. Inżid ngħid li, fil-proposta ta’ riforma tar-Regolament Dublin III (p. 11), il-Kummissjoni rrilevat li, fl‑2014, fl-Unjoni, madwar kwart biss min-numru totali ta’ talbiet aċċettati mill-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura wasslu effettivament għal trasferiment (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal riferiment sħiħ għal dan id-dokument).

( 30 ) Ara l-punti 64 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 85) (ara, għal iktar dettalji fuq il-kawżi li wasslu għal din is-sentenza, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 33 ) Kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-premessa tipprovdi li “[f]ejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, […] l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata” (enfasi miżjuda minni).

( 34 ) F’dan ir-rigward, nippreċiża li, għalkemm il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jirrigwarda d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-fatt, barra minn hekk, li, fil-qasam tal-politika tal-ażil, id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jeżiġi li awtorità amministrattiva tkun, bħala prinċipju, obbligata li tbiddel deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet natura definittiva mal-iskadenza tat-termini għall-appell raġonevoli jew mal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 186).

( 35 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 58).

( 36 ) Mill-bqija, nenfasizza li, fil-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża X (C‑213/17, EU:C:2018:434, punt 107), l-Avukat Ġenerali Bot indika li l-Istati Membri kienu diġà ftehmu li jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet dwar l-ażil meħuda mill-Istati Membri l-oħra meta dawn ikunu negattivi.

( 37 ) Ara l-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Peress li din hija applikazzjoni li fiha ma jidher jew ma ġie ppreżentat mill-applikant ebda element jew fatt ġdid li jirrigwarda l-eżami intiż li jiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefika mill-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95.

( 39 ) Ara l-Artikolu 31(8)(f) tad-Direttiva 2013/32.

( 40 ) Ara l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32.

( 41 ) Ara l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2013/32. Nippreċiża li, sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija huma s-suġġett ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri (ara d-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU 2001, L 149, p. 34)), jidhirli li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata, mhux biss fis-sitwazzjonijiet interni għal kull Stat Membru, imma wkoll fis-sitwazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għaldaqstant insostenn tat-teżi li tgħid li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” għandu jkun interpretat b’mod wiesa’ u ma jistax ikun limitat biss għall-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati fl-istess Stat Membru bħal dak li jkun diġà adotta deċiżjoni finali negattiva.

( 42 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punti 5152, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Nirreferi wkoll għall-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑616/19, EU:C:2020:648, punt 62), li fihom indikajt li, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Dublin III, wieħed mill-għanijiet primordjali u kostanti tal-leġiżlatur kien li jillimita l-movimenti sekondarji taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

( 43 ) Ara l-premessa 18 ta’ din id-direttiva. Inżid ngħid li mill-premessa 25 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li kull applikant għall-ażil għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, l-opportunità li jikkoopera u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u jkollu l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura.

( 44 ) Għal dawn l-istess raġunijiet, jidhirli li l-fatt li l-Istat Membru B jipprovdi għaldaqstant għall-possibbiltà, kif jipprovdi l-Artikolu 42(2)(b) tad-Direttiva 2013/32, li jsir eżami preliminari b’mod li jillimitah biss għall-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati barra mill-kuntest tal-intervista personali tal-applikant (jiġifieri mingħajr ma tingħata intervista personali lill-applikant), l-istess kif jista’ jagħmel l-Istat Membru A kieku dan l-eżami jkun responsabbiltà tiegħu, ma jqajjimx, minnu nnifsu, problema. Inżid, f’dan ir-rigward, li irrispettivament minn jekk isirx mill-Istat Membru A jew mill-Istat Membru B, l-eżami preliminari għandu, fi kwalunkwe każ, josserva l-garanziji previsti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.

( 45 ) Biex inkun kompletament ċar, nenfasizza li, kif jirriżulta mis-subtaqsima preċedenti f’dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 isegwi loġika differenti minn dik li fuqha huwa bbażat il-mekkaniżmu ta’ “teħid lura” li jippreżumi, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru A jkompli jkun l-Istat Membru responsabbli.

( 46 ) Nippreċiża għall-finijiet u skopijiet kollha li, jekk l-Istat Membru jixtieq hekk, huwa naturalment liberu li jipproċedi b’eżami komplet tal-applikazzjoni sa fejn id-dritt nazzjonali tiegħu jipprovdi għal dan. F’dan ir-rigward, infakkar li mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istat Membri għandhom l-awtorità ġenerali biex jipprovdu jew iżommu regoli iktar favorevoli u li, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet sussegwenti, l-Istati Membri jistgħu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva, jipprovdu raġunijiet supplimentari biex jeżaminaw tali applikazzjoni.

( 47 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, intlaħaq ftehim, fit‑18 ta’ Mejju 1999, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4). Ara wkoll, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/777/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, u fl-Islanda u n-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 22).

( 48 ) Għal dak li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja mal-Eurodac, nirreferi għall-Artikolu 1(5) tal-Ftehim bejn l-Unjoni, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, li ċċitajt id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu fit-Taqsima I.A ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Lov av 17. desember 2013 nr. 132. om endringer i utlendingsloven (gjennomføring av Dublin III-forordningen) (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Immigrazzjoni (Implimentazzjoni tar-Regolament Dublin III), tas‑17 ta’ Diċembru 2013), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014.

( 50 ) Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954). Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll li Jirrigwarda l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal‑1967”), li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

( 51 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessi 32 u 39 tar-Regolament Dublin III.

( 53 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Skont l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 55 ) Ara, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 28(1)(a) u (b) tal-Lov av 15. Mai 2008 nr. 35 om utlendingers adgang til riket og deres opphold her (il-Liġi dwar l-Aċċess tal-Barranin fir-Renju tan-Norveġja u l-Permanenza tagħhom), tal‑15 ta’ Mejju 2008.

( 56 ) L-awtorità kompetenti hija l-Utlendingsdirektoratet (id-Direttorat tal-Barranin) tar-Renju tan-Norveġja.

( 57 ) Kif jirriżulta mill-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt Norveġiż jipprovdi li l-istatus ta’ refuġjat jingħata kemm lill-persuni msemmija fil-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll lil dawk f’“perikolu reali li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għall-pieni oħra jew trattamenti inumani jew degradanti mar-ritorn tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom”. Dan jippreżupponi, fil-fehma tiegħi li, għal kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fin-Norveġja, l-awtorità kompetenti teżamina jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt kategorija jew oħra minn dawn (ara, wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 3.2 u 3.3 tal-gwida prattika tad-Direttorat tal-Barranin disponibbli fis-sit internet li ġej: https://www.udiregelverk.no/en/documents/udi-guidelines/udi-2010-071/udi-2010-071v1/). Inżid li, fil-Prop 90 L “Endringer i utlendingsloven mv. (innstramninger II)” (l-Abbozz ta’ Liġi Intitolat “Emendi għal-Liġi dwar il-Barranin (Tisħiħ II)” (2015‑2016), Artikolu 6.1), ġie propost, sabiex id-dritt Norveġiż jiġi allinjat mad-dritt tal-Unjoni, li tiddaħħal dispożizzjoni li tagħti d-dritt għall-protezzjoni sussidjarja, iktar milli għall-istatus ta’ refuġjat, lill-persuni li jkunu jinsabu f’“perikolu reali”. Jirriżulta minn din il-proposta, li ma ġietx adottata mil-leġiżlatur Norveġiż, li l-livell ta’ protezzjoni mogħtija min-Norveġja huwa, fil-preżent, ogħla minn dak mogħti skont l-iskema doppja prevista mid-Direttiva 2011/95.

Top