EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TO0136(04)

Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tal-14 ta’ Marzu 2022.
Bulgarian Energy Holding EAD et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Miżura istruttorja – Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Produzzjoni ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti.
Kawża T-136/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:149

 DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

14 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Miżura istruttorja – Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Produzzjoni ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti”

Fil-Kawża T‑136/19,

Bulgarian Energy Holding EAD, stabbilita f’Sofia (il-Bulgarija),

Bulgartransgaz EAD, stabbilita f’Sofia,

Bulgargaz EAD, stabbilita f’Sofia,

irrappreżentati minn M. Powell u K. Struckmann, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn E. Petranova, L. Zaharieva u T. Mitova, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, G. Meessen, J. Szczodrowski u C. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Overgas Inc., stabbilita f’Sofia, irrappreżentata minn S. Cappellari u S. Gröss, avukati,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 261 u 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 8806 finali tas‑17 ta’ Diċembru 2018, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39849 – BEH Gas) u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti, Bulgarian Energy Holding EAD, Bulgartransgaz EAD u Bulgargaz EAD, ippreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament u, sussidjarjament, għar-riforma tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)8806 finali, tas‑17 ta’ Diċembru 2018, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39849 – BEH Gas), li tikkonstata abbuż min-naħa tagħhom ta’ pożizzjoni dominanti f’diversi swieq u li għalhekk timponilhom multa (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qajmu seba’ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, huma jsostnu li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea kisret b’diversi modi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Huma jallegaw, essenzjalment, li huma ma kellhomx aċċess jew li ma kellhomx aċċess suffiċjenti għal dokumenti li, fil-fehma tagħhom, fihom provi li jiskaġunaw.

3

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), wara talba li tinsab fir-rikors, ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u fid-dawl tal-garanziji previsti fl-Artikolu 103(1) tal-imsemmi regolament, biex tippreżenta l-minuti ddettaljati tat-tmien laqgħat li saru mill-Kummissjoni ma’ Overgas Inc. (iktar ’il quddiem il-“minuti ddettaljati”), it-talbiet ta’ kunfidenzjalità ta’ Overgas relattivi għalihom, il-verżjonijiet kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn Overgas SA wara dawn it-tmien laqgħat (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet dwar il-laqgħat” u l-verżjoni kunfidenzjali tar-rapport imfassal mir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sala tal-informazzjoni fit‑28 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ informazzjoni”). Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fis‑17 ta’ Ġunju 2021 billi ppreżentat fil-proċess l-annessi bir-referenza X.1 sa X.16.

4

Skont l-Artikolu 103(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali tintalab teżamina, abbażi tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt invokati minn parti prinċipali, in-natura kunfidenzjali, fir-rigward tal-parti prinċipali l-oħra, ta’ ċerta informazzjoni jew dokumenti ppreżentati quddiemha wara miżura istruttorja msemmija fl-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, hija għandha tivverifika jekk din l-informazzjoni jew dokumenti humiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-tilwima u humiex kunfidenzjali.

5

Sussegwentement, skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali tikkonkludi, matul l-eżami previst fl-Artikolu 103(1) ta’ dan ir-regolament, li ċerta informazzjoni jew atti ppreżentati quddiemha jkunu rilevanti sabiex tiġi deċiża t-tilwima u jkunu kunfidenzjali fir-rigward tal-parti prinċipali l-oħra, hija għandha tibbilanċja din il-kunfidenzjalità mar-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

6

F’dan il-każ, matul il-proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE, ir-rikorrenti opponew in-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li Overgas kienet issottomettiet quddiem il-Kummissjoni. Huwa fuq din il-bażi li huma jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq. Id-dokumenti inkwistjoni huma magħrufa kemm mill-Kummissjoni, parti prinċipali f’din il-kawża, kif ukoll minn Overgas, parti intervenjenti insostenn tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, li huma affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, huma meħtieġa li jiddefendu l-interessi tagħhom fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar mingħajr ma jkunu jafu bl-imsemmija elementi tal-fajl amministrattiv, minkejja l-kwalità tagħhom bħala partijiet prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali.

7

F’tali ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-osservanza tiegħu għandha tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni, jimplikaw, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att ikkontestat, li r-rikorrenti jingħataw l-ikbar aċċess possibbli għall-fajl, sabiex ikunu jistgħu jsostnu l-argumenti kollha disponibbli u rilevanti insostenn tar-rikors tagħhom.

8

Minn dan isegwi wkoll, f’tali ċirkustanzi, li, matul l-analiżi prevista skont l-Artikolu 103(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha qabel kollox tiġi eżaminata n-natura eventwalment kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali wara miżura istruttorja u, fil-każ fejn ma għandhomx din in-natura, li jiġu kkomunikati lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-imsemmija informazzjoni jew dokumenti jkunu ta’ natura kunfidenzjali, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tagħmel eżami doppju, li jinkludi wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-elementi inkwistjoni humiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża.

9

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunfidenzjalità ta’ element fil-fajl ma hijiex iġġustifikata fil-każ, pereżempju, ta’ informazzjoni li hija diġà pubblika jew li jista’ jkollhom aċċess għaliha l-pubbliku ġenerali jew ċerti oqsma speċjalizzati, informazzjoni li tinsab ukoll f’siltiet jew f’dokumenti oħra tal-fajl li għalihom il-parti li tixtieq iżżomm in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni naqset milli tagħmel talba għal dan il-għan, informazzjoni li ma hijiex suffiċjentement speċifika jew preċiża sabiex tiżvela data kunfidenzjali jew anki informazzjoni oħra li tirriżulta b’mod wiesa’ jew li tista’ tiġi dedotta minn informazzjoni oħra legalment aċċessibbli mill-persuni interessati (ara d-digriet tal‑11 ta’ April 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni, T‑612/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:250, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

10

Bl-istess mod għandha titfakkar, f’dan l-istadju, il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li informazzjoni li kienet kunfidenzjali, iżda li jkollha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba dan, tinżamm għall-arkivji u għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet l-oħra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li minnhom ikun jirriżulta li, minkejja ż-żmien li għadda minn fuqhom, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi sigriet essenzjali, pereżempju industrijali jew kummerċjali, li l-kxif tagħha jippreġudika lil parti jew lil terz (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ April 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni, T‑612/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:250, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li tkun qieset l-elementi msemmija fl-Artikolu 103(2), ta’ dawn ir-regoli, kif ġie espost fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tagħti l-informazzjoni jew id-dokumenti kunfidenzjali lill-parti prinċipali l-oħra, billi tissuġġetta, jekk ikun il-każ, l-iżvelar tagħhom għal impenji speċifiċi, jew tista’ tiddeċiedi li ma tikkomunikahomx, billi tippreċiża, permezz ta’ digriet immotivat, il-modalitajiet li jippermettu lill-parti prinċipali l-oħra, sa fejn ikun possibbli, li tesprimi l-opinjoni tagħha, inkluż li tordna l-preżentata ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali jew sunt ta’ dawn il-provi.

Fuq it‑talbiet ta’ Overgas għat‑trattament kunfidenzjali tar‑rendikonti ddettaljati

12

Fit‑18 ta’ Jannar 2018, Overgas informat, permezz ta’ messaġġ elettroniku, lill-Kummissjoni li hija kienet tqis li l-minuti ddettaljati kellhom jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. Overgas irrepetiet u żviluppat din it-talba fl‑20 ta’ Frar ta’ wara.

13

Mill-ittra ta’ Overgas lill-Kummissjoni tal‑20 ta’ Frar 2018 jirriżulta li din kienet tibża’, essenzjalment, li l-iżvelar ta’ ċerti elementi li jidhru fil-minuti ddettaljati jista’ jkollu konsegwenzi negattivi sinjifikattivi ta’ natura ekonomika, amministrattiva jew ġudizzjarja.

14

Għaldaqstant, fil-kuntest partikolari tal-kawża, il-motivi ta’ Overgas li jiġġustifikaw it-trattament kunfidenzjali tar-rendikonti ddettaljati huma fihom infushom ta’ natura sensittiva u għalhekk għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali.

15

Madankollu, il-motivi mressqa minn Overgas insostenn tat-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali quddiem il-Kummissjoni huma rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża. Fil-fatt, fil-parti tal-ewwel motiv tagħhom li tirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni ma tathomx aċċess għall-minuti ddetaljati, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li huma ma kinux jafu bil-ġustifikazzjonijiet imsemmija minn Overgas sabiex issostni l-kunfidenzjalità tal-imsemmija minuti, b’mod li din l-oġġezzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tilqa’ t-talbiet għal trattament kunfidenzjali ta’ Overgas, mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

16

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha tibbilanċja, kif imsemmi fl-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura, in-natura kunfidenzjali tat-talbiet inkwistjoni mar-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

17

F’dan ir-rigward, fid-dawl, minn naħa, tal-interess tal-kawża u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-iżvelar tal-motivi li jiġġustifikaw it-trattament kunfidenzjali tar-rendikonti ddettaljati flimkien ma’ dak ta’ ċerti elementi li jinsabu fihom jista’ jkollu konsegwenzi ekonomiċi, amministrattivi jew ġudizzjarji sinjifikattivi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jippermetti li jiġu rrikonċiljati l-interessi kontradittorji tal-partijiet, b’mod partikolari, bil-produzzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tad-dokumenti li jkollhom il-kontenut essenzjali tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tippreżenta t-talba tat‑18 ta’ Jannar 2018, bir-referenza X.9(1), fejn jitħassru s-siltiet li jinsabu bejn il-kliem “riperkussjonijiet oħra” u l-kliem “fil-każ fejn il-kontenut mhux kunfidenzjali”.

Fuq il‑verżjoni kunfidenzjali tar‑rapport ta’ informazzjoni

18

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni organizzat, b’kollox, tmien laqgħat ma’ Overgas. Dawn il-laqgħat inżammu fit‑13 ta’ Ottubru 2010, fit‑13 ta’ Jannar, fis‑17 ta’ Marzu u fil‑15 ta’ Diċembru 2011, fis‑17 ta’ Ġunju 2013, fit‑13 ta’ Ottubru 2015, u fis‑17 ta’ Marzu u fl‑20 ta’ Ottubru 2016.

19

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, għal kull laqgħa organizzata ma’ Overgas, il-Kummissjoni fasslet, minn naħa, minuti ddettaljati u, min-naħa l-oħra, noti fil-qosor.

20

Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti kisbu n-noti fil-qosor tat-tmien laqgħat u li, fit‑28 ta’ Ġunju 2018, ir-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti kellhom aċċess għall-minuti ddettaljati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni. Skont din il-proċedura, prevista fil-paragrafu 98 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6), ir-rappreżentanti esterni ta’ parti jista’ jkollhom aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali, taħt is-superviżjoni ta’ aġent tal-Kummissjoni u f’kamra fi ħdan il-bini tagħha. Ir-rappreżentanti jistgħu jużaw l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sala, sabiex jeżerċitaw id-difiża tal-klijent tagħhom, li madankollu ma jistgħu jiżvelawlhom ebda informazzjoni kunfidenzjali.

21

Fil-kuntest tal-proċedura tas-sala ta’ informazzjoni, ir-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti fasslu verżjoni kunfidenzjali tar-rapport ta’ informazzjoni li fiha huma esprimew b’mod partikolari l-opinjoni tagħhom dwar l-informazzjoni li tinsab fil-minuti ddettaljati. Dan ir-rapport jikkostitwixxi l-anness bir-referenza X.16.

22

Ir-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti stabbilixxew ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport imsemmi bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u kkomunikawha lir-rikorrenti.

23

Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li din il-verżjoni mhux kunfidenzjali kienet nieqsa minn interess għad-difiża tagħhom, filwaqt li l-minuti ddettaljati, eżaminati fis-sala ta’ informazzjoni, kienu jinkludu mhux biss informazzjoni mhux kunfidenzjali, iżda wkoll provi li jiskaġunaw.

24

Konsegwentement, fl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx, permezz tal-proċedura tas-sala ta’ informazzjoni, tipprekludihom milli jsiru jafu personalment bil-kontenut tal-minuti ddettaljati u li minn dan jirriżulta ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

25

Skont il-punt 8 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rapport ta’ informazzjoni jinkludix elementi li għandhom effettivament jitqiesu kunfidenzjali.

26

Qabel kollox, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti, fil-paġni 396 sa 398 u 400 sa 403 tan-numerazzjoni kontinwa, fir-rigward tal-elementi li huma kien jqisu bħala li jiskaġunaw, ma jinkludux, bħala tali, informazzjoni kunfidenzjali li tipprekludi l-iżvelar tagħha.

27

Sussegwentement, l-elementi segwenti, fi kwalunkwe każ, jew ma għadhomx jew ma għandhomx iktar, skont il-każ, natura kunfidenzjali u għaldaqstant xejn ma jipprekludi l-iżvelar tagħhom:

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Laqgħa bejn Overgas u d-Direttorat Ġenerali (DĠ) [‘]Kompetizzjoni[’] tat‑13 ta’ Ottubru 2010”, l-elementi moħbija fir-rapport ta’ informazzjoni fil-paġni 395 u 396 tan-numerazzjoni kontinwa jirriżultaw b’mod partikolari mill-punt 31(1), mill-paragrafi 77, 80 et seq., 207, 208 u 215 et seq. tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 84, mill-premessa 45(a) u mill-premessi 100 sa 103 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata, mill-punti 3 u 6 sa 8 tan-nota ta’ intervent ta’ Overgas u mill-punt 336 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors kontra Overgas kif ukoll mill-punt 404 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali komuni tar-risposta;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Laqgħa ma’ Overgas tat‑13 ta’ Jannar 2011”, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi moħbija li jidhru fil-paġna 397 tan-numerazzjoni kontinwa jidhru b’mod partikolari fil-paragrafi 77, 90 u 215 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fil-premessa 101(c), u fil-premessa 296 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-punti 6, 7 u 11 tan-nota ta’ intervent ta’ Overgas; barra minn hekk, l-element moħbi dwar in-network ta’ trasport Bulgaru ma jistax jiġi injorat mir-rikorrenti u jirreferi, barra minn hekk, għal sors pubbliku;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Laqgħa ma’ Overgas tas‑17 ta’ Marzu 2011” u tal-elementi li jinsabu fil-paġni 397 u 398 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi rrilevat dan li ġej:

l-ewwel, il-passi meħuda minn Overgas fi ħdan ir-regolatur Bulgaru jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-punti 111, 112 u 118 tar-risposta ta’ Bulgartransgaz tas‑17 ta’ Lulju 2015 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mill-punt 2(a) tat-tweġiba ta’ Bulgargaz għall-imsemmija dikjarazzjoni kif ukoll mill-premessi 104, 121 u 129 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata,

it-tieni, l-elementi l-oħra moħbija huma żvelati u ddettaljati b’mod partikolari fil-paragrafi 77, 90 u 215 et seq. tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fil-premessa 99 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata; barra minn hekk, l-isem tal-impriża msemmija fit-tieni u fil-ħames paragrafi tal-paġna 398 tan-numerazzjoni kontinwa huwa neċessarjament magħruf mir-rikorrenti, peress li hija Bulgartransgaz li tatha aċċess għan-network ta’ trasport tal-gass tagħha;

it-tielet, ir-rieda ta’ Overgas li tikkompeti ma’ Bulgargaz hija naturalment fiċ-ċentru tal-ilment tagħha lill-Kummissjoni;

ir-raba’, l-intenzjoni tagħha li tibdel l-ambjent tas-suq fil-Bulgarija tirriżulta espliċitament mill-punt 11 tan-nota ta’ intervent tagħha;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “COMP/B1/39.849 – BEH Gas, Laqgħa ma’ Overgas tal‑15 ta’ Diċembru 2011, minuti tal-laqgħa (irreġistrati fil-fajl tal-Kummissjoni fil‑21 ta’ Diċembru 2011)” u tal-elementi li jinsabu fil-paġni 399 u 400 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi osservat dan li ġej:

l-ewwel, il-kontenut tal-ewwel żewġ paragrafi tal-paġna 399 tan-numerazzjoni kontinwa huwa magħruf mir-rikorrenti, kif jixhed il-punt 35 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors fil-konfront ta’ Overgas, u huwa wkoll ittrattat fil-punti 23, 24 u 29 tan-nota ta’ intervent tiegħu. Barra minn hekk, waħda mill-informazzjonijiet inkwistjoni tidher fil-premessa 14 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata;

it-tieni, l-informazzjoni moħbija fil-paġni 399 u 400 tan-numerazzjoni kontinwa tirriżulta b’mod partikolari mill-punti 37, 38, 176 u 177 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mill-punti 88 sa 90 tar-risposta ta’ Bulgartransgaz għal din il-komunikazzjoni, kif ukoll mill-premessa 59, mill-premessa 101(e) u (g), kif ukoll mill-premessi 104, 121, 129 u 648 sa 652 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata;

it-tielet, id-data dwar in-network domestiku Bulgaru, il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ tagħha, kif ukoll iċ-ċifri msemmija f’dawn il-paġni huma neċessarjament magħrufa mir-rikorrenti;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Minuti tal-laqgħa ma’ Overgas” tas‑17 ta’ Ġunju 2013, li tinsab fil-paġni 400 u 401 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi moħbija ma jistgħux jiġu injorati mir-rikorrenti, peress li huma relatati mad-diskussjonijiet ta’ Overgas magħhom u mal-kuntratt konkluż bejn Overgas u Bulgargaz fil‑31 ta’ Jannar 2013; barra minn hekk, dawn l-elementi jidhru b’mod partikolari fil-punti 135 u 139 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 tar-risposta ta’ Bulgargaz għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-premessi 101, 110, 214 et seq., kif ukoll 312 u 313 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Minuti tal-laqgħa ma’ Overgas” tat‑13 ta’ Ottubru 2015, li tinsab fil-paġni 401 u 402 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi osservat li l-elementi moħbija, li jirrigwardaw suġġerimenti ta’ Overgas sabiex issolvi l-kawża permezz ta’ impenji, ma jidhrux li huma kunfidenzjali, peress li l-Qorti Ġenerali ma tarax ir-rabta tagħhom mal-konsegwenzi gravi li jista’ jkollhom l-iżvelar tal-minuti ddettaljati (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), li r-rapport ta’ informazzjoni jirreferi għall-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn l-elementi inkwistjoni għandhom a priori jiġu kklassifikati bħala kummerċjalment sensittivi, għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom biss valur storiku fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 10 iktar ’il fuq;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “minuti tal-laqgħa ma’ Overgas” tas‑17 ta’ Marzu 2016, li tidher fil-paġna 402 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi osservat li s-suġġerimenti ġodda ta’ Overgas sabiex issolvi l-każ permezz ta’ impenji lanqas ma jidhru li għandhom jibqgħu kunfidenzjali għar-raġunijiet esposti fl-inċiż preċedenti;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Minuti tal-laqgħa ma’ Overgas” tal‑20 ta’ Ottubru 2016, li tidher fil-paġna 403 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li Overgas ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni kontra Bulgarian Energy Holding fl-2009 huwa magħruf mir-rikorrenti; barra minn hekk, dan jissemma’ b’mod partikolari fil-punt 3 tan-nota ta’ intervent ta’ Overgas.

28

Min-naħa l-oħra, l-elementi li ġejjin huma ta’ natura kunfidenzjali u għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 8 iktar ’il fuq, għandha ssir analiżi li tirrigwarda wkoll ir-rilevanza tagħhom sabiex tiġi deċiża l-kawża:

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Laqgħa bejn Overgas u d-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Kompetizzjoni’ tat‑13 ta’ Ottubru 2010”, fil-paġna 396 tan-numerazzjoni kontinwa, is-sentenza li ssegwi l-kliem “li tipprova tikseb gass għal Bulgargaz” tinkludi element kunfidenzjali, sa fejn dan jista’ jirriżulta mill-biża’ ta’ Overgas fir-rigward tal-konsegwenzi serji li jista’ jkollu l-iżvelar tal-minuti ddettaljati (ara l-punt 13 iktar ’il fuq); madankollu, dan l-element ma huwiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża, sa fejn il-frażi oskurata tillimita ruħha li tindika minn fejn Overgas kienet siltet uħud mill-informazzjoni tagħha;

fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dokument intitolat “Minuti tal-laqgħa ma’ Overgas” tas‑17 ta’ Marzu 2016, li tidher fil-paġna 402 tan-numerazzjoni kontinwa, għandu jiġi osservat li l-elementi moħbija fit-tieni paragrafu u fl-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu jirrigwardaw ir-relazzjonijiet tan-negozju ta’ Overgas ma’ impriża terza kif ukoll kawża oħra li ġiet investigata mill-Kummissjoni; għaldaqstant, dawn l-elementi huma kunfidenzjali f’dan ir-rigward, iżda huma madankollu irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima, peress li r-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti ma semmewhomx bħala li jiskaġunaw fir-rapport ta’ informazzjoni.

29

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, sabiex ir-rikorrenti nnifishom, sa fejn huwa possibbli, ikunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tippreżenta verżjoni ġdida tar-rapport ta’ informazzjoni, bir-referenza bħala l-Anness X.16, bil-kundizzjoni li taħbi:

fil-paġna 396 tan-numerazzjoni kontinwa, il-frażi li ssegwi l-kliem “li tipprova tikseb gass għal Bulgargaz”;

fil-paġna 402 tan-numerazzjoni kontinwa, it-tmiem tas-sentenza li ssegwi l-kliem “Każijiet AT.40368 u” kif ukoll l-ewwel sentenza tal-paragrafu segwenti.

Fuq il‑minuti ddettaljati

30

Kif diġà ġie espost fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jqisu, fl-ewwel motiv tagħhom, li l-minuti ddettaljati jinkludu mhux biss informazzjoni mhux kunfidenzjali, iżda wkoll provi li jiskaġunaw.

31

Madankollu, mill-punti 13 sa 17 iktar ’il fuq jirriżulta li Overgas kellha raġun tallega li l-iżvelar ta’ ċerti elementi li jinsabu fil-minuti ddettaljati seta’ jkollu konsegwenzi serji. Konsegwentement, dawn il-minuti, meħuda globalment, għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma kunfidenzjali.

32

Barra minn hekk, fil-punt 29 iktar ’il fuq ġie konkluż li r-rikorrenti għandhom jingħataw aċċess għar-rapport ta’ informazzjoni suġġett għal żewġ elementi qosra li ma humiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża. Konsegwentement, għandu jitfakkar li, f’dan ir-rapport, ir-rappreżentanti esterni tar-rikorrenti ddeskrivew il-kontenut tal-minuti ddettaljati u li huma identifikaw fihom l-elementi li, fil-fehma tagħhom, jiskaġunaw.

33

Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi espressament il-preżentata ta’ sunt mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni u tal-fatt li r-rapport ta’ informazzjoni huwa simili għal tali sunt, inkluż bl-oskuramenti elenkati fil-punt 29 iktar ’il fuq, isir bilanċ ġust tal-interessi preżenti jekk jitqies li ma hemmx lok li jiġu kkomunikati lir-rikorrenti l-minuti ddettaljati stess, li jikkorrispondu għall-Annessi X.1 sa X.8.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat

34

Overgas kitbet u ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-laqgħat, li fihom hija żviluppat l-argumenti li hija kienet qajmet matul il-laqgħat tagħha mal-Kummissjoni.

35

Ir-rikorrenti kellhom aċċess biss għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-parti l-kbira tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat.

36

Għaldaqstant, konformement mal-punt 8 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk l-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat kinux effettivament jinkludu elementi kunfidenzjali, u sussegwentement għandha tiġi vverifikata, jekk ikun il-każ, jekk ikunu rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża u, fl-aħħar, għandhom jiġu bbilanċjati l-motivi tan-natura kunfidenzjali tagħhom mar-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ kontradittorju, konformement mal-punt 11 iktar ’il fuq.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tat‑13 ta’ Ottubru 2010

37

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tat‑13 ta’ Ottubru 2010, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.10, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li ġejjin ma għandhomx jew, fi kwalunkwe każ, ma humiex ta’ natura kunfidenzjali:

fil-paġna 74 tan-numerazzjoni kontinwa, is-silta oskurata hija preċiżazzjoni dwar il-parteċipazzjoni lill-korpi ta’ ġestjoni ta’ Overgas. Madankollu, din issa tikkostitwixxi informazzjoni storika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 10 iktar ’il fuq u ebda ċirkustanza eċċezzjonali għadha ma tidher li tiġġustifika n-natura kunfidenzjali tagħha;

fil-paġna 76 tan-numerazzjoni kontinwa, l-elementi oskurati jirrigwardaw it-tqassim tal-importazzjonijiet ta’ gass fil-Bulgarija u għalhekk neċessarjament huma magħrufa mir-rikorrenti;

fil-paġni 77 u 89 tan-numerazzjoni kontinwa, mingħajr preġudizzju għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18 (ara l-punt 38, iktar ’il quddiem), l-informazzjoni oskurata hija informazzjoni kummerċjali dwar ir-relazzjonijiet ta’ Overgas ma’ terzi. Huma jidhru, għal darba oħra, li issa jikkostitwixxu data storika nieqsa minn natura kunfidenzjali;

is-silta oskurata tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 41 fil-paġna 99 tan-numerazzjoni kontinwa tirreferi għall-preżentata ta’ lment minn waħda mir-rikorrenti quddiem prosekutur Bulgaru u b’hekk tirrapporta fatt magħruf minnhom;

fil-paġna 102 tan-numerazzjoni kontinwa, l-informazzjoni oskurata li kienet tirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ Overgas ma’ terzi għadha informazzjoni storika li issa ma għandhiex natura kunfidenzjali;

fil-paġna 104 tan-numerazzjoni kontinwa, il-paragrafu li jibda bil-kliem “fl-aħħar ta’ Settembru 2010” fih informazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari mill-punt 2(a) tar-risposta ta’ Bulgargaz għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll mill-premessa 296 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 58 tan-nota ta’ intervent ta’ Overgas;

fil-paġna 109 tan-numerazzjoni kontinwa, taħt it-Titolu “V. Monopolju tal-produzzjoni domestika tal-gass naturali”, l-ewwel paragrafu huwa rilevanti b’mod partikolari fil-paragrafi 33 u 264 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

38

Min-naħa l-oħra, wara l-eżami indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, jirriżulta li, għalkemm l-elementi li ġejjin tal-anness bir-referenza X.10 għadhom ta’ natura kunfidenzjali, ma humiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima:

fil-paġna 89 tan-numerazzjoni kontinwa, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18 telenka l-ismijiet ta’ industriji konċentrati tal-gass li riedu jikkuntrattaw ma’ Overgas matul is-snin 2010 u 2011; minkejja ż-żmien li għadda, din il-lista tista’ tkun iktar sensittiva u taqa’ taħt is-sigriet kummerċjali; madankollu, din hija irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża;

fil-paġna 103 tan-numerazzjoni kontinwa, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 42 tagħmel preċiżazzjoni dwar l-indipendenza editorjali tal-korp tal-istampa li fih il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni għamel id-dikjarazzjoni msemmija fl-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat; din l-informazzjoni, jekk wieħed jassumi li tista’ titqies kunfidenzjali, hija madankollu irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża, sa fejn din tikkonċerna lil impriża mhux attiva fis-settur tal-gass;

fir-rigward tal-iżviluppi li jinsabu fil-paġni 104 u 105 tan-numerazzjoni kontinwa taħt it-titolu “Dikjarazzjonijiet politiċi u kampanja ta’ immaġni sa mill-2009”, ma jistax jiġi eskluż li dawn jidħlu fil-kuntest tal-biżgħat li minħabba fihom Overgas kienet talbet it-trattament kunfidenzjali tal-minuti ddettaljati, u li l-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat inkwistjoni jikkostitwixxu l-iżvilupp tagħhom; madankollu, dawn ma jirrigwardawx l-aġir tar-rikorrenti, iżda s-sitwazzjoni, b’mod partikolari, politika fil-Bulgarija, u għaldaqstant ma humiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima;

fir-rigward tal-paġni 105 sa 108 tan-numerazzjoni kontinwa, id-dikjarazzjoni ta’ Overgas taħt it-titolu “III. Monopolizzazzjoni tal-gass importat mir-Russja” tista’ titqies bħala kunfidenzjali, sa fejn il-kontenut tagħha jidher, mill-ġdid, marbut mal-biżgħat esposti minn Overgas dwar il-konsegwenzi gravi li jista’ jqajjem l-iżvelar tal-minuti ddettaljati tal-laqgħat bejnha u bejn il-Kummissjoni, li, kif ġie espost iktar ’il fuq, l-osservazzjonijiet tal-laqgħat inkwistjoni jikkostitwixxu l-iżvilupp tagħhom; madankollu, din l-espożizzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima, sa fejn din tikkonċerna relazzjonijiet ta’ Bulgargaz ma’ terzi wara għażla politika, li ma jibbażawx id-deċiżjoni kkontestata; barra minn hekk, minkejja dan it-titolu, l-argumenti ta’ Overgas f’dan ir-rigward jirrigwardaw, essenzjalment, l-Artikolu 101 TFUE, li ma jikkostitwixxix il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata;

fir-rigward tal-aħħar żewġ paragrafi tal-paġna 109 tan-numerazzjoni kontinwa u tal-bidu tal-paġna 110 tal-imsemmija numerazzjoni, din hija informazzjoni dwar impriża terza u r-relazzjonijiet ta’ Overgas magħha, li jistgħu jirriżultaw mill-biżgħat esposti minn Overgas dwar il-konsegwenzi gravi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar tal-minuti ddettaljati tal-laqgħat tagħha mal-Kummissjoni; din l-informazzjoni kunfidenzjali hija wkoll irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża, preċiżament għaliex tirrigwarda impriża terza u r-relazzjonijiet ta’ Overgas magħha; barra minn hekk, dawn jirrigwardaw biss il-produzzjoni domestika tal-gass, li ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ.

39

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, sabiex ir-rikorrenti nnifishom, sa fejn huwa possibbli, ikunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom, hemm lok għalhekk li l-Kummissjoni tiġi ordnata tippreżenta verżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tat‑13 ta’ Ottubru 2010, li tikkostitwixxi l-anness bir-referenza X.10, bil-kundizzjoni li jinżamm l-oskurament li jinsab fihom:

fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18 tal-paġna 89 tan-numerazzjoni kontinwa;

fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 42 tal-paġna 103 tan-numerazzjoni kontinwa;

fl-iżviluppi mwettqa taħt it-titolu “Dikjarazzjonijiet politiċi u kampanja ta’ immaġni sa mill-2009”, fil-paġni 104 u 105 tan-numerazzjoni kontinwa;

fl-argumenti ddedikati għat-titolu “III. Monopolizzazzjoni tal-gass importat mir-Russja” mill-paġna 105 sal-paġna 108 tan-numerazzjoni kontinwa;

fl-aħħar żewġ paragrafi tal-paġna 109 tan-numerazzjoni kontinwa u fil-bidu tal-paġna 110 ta’ din in-numerazzjoni.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tat‑13 ta’ Jannar 2011

40

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tat‑13 ta’ Jannar 2011, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.11, l-elementi li ġejjin ma għandhomx jew, fi kwalunkwe każ, ma humiex ta’ natura kunfidenzjali:

is-silta moħbija tal-paġna 112 tan-numerazzjoni kontinwa tinkludi elementi magħrufa mir-rikorrenti, inkwantu tikkostitwixxi, minn naħa, sunt qasir tal-ittri bejn Transgaz Romania u Overgas li għalihom huma kellhom aċċess matul il-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, informazzjoni li tinsab b’mod partikolari fil-paragrafi 196 u 210 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni;

il-paġni oskurati 119 sa 155 tan-numerazzjoni kontinwa huma elementi magħrufa mir-rikorrenti, peress li fil-fatt dawn jikkostitwixxu jew ittri bejn Transgaz Romania u Overgas imsemmija iktar ’il fuq li dawn irċevew matul il-proċedura amministrattiva, jew ittri mingħand Bulgartransgaz jew għall-attenzjoni tagħha;

il-paġni oskurati 157 u 158 tan-numerazzjoni kontinwa huma ittra ta’ Overgas lir-regolatur Bulgaru tal‑11 ta’ Ottubru 2010; il-kontenut tagħha ġie żviluppat fl-ilment ta’ dan il-korp tal‑20 ta’ Jannar 2011, li r-rikorrenti kienu jafu bih, kif jirriżulta mill-fajl (ara l-aħħar inċiż ta’ dan il-punt iktar ’il quddiem); barra minn hekk, din hija informazzjoni storika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 10 iktar ’il fuq;

fil-paġni 170 u 171 tan-numerazzjoni kontinwa, is-siltiet oskurati fl-inċiż li jibda bil-kliem “fl-ilment tagħna tal‑20 ta’ Jannar 2011” jinkludi informazzjoni li tidher b’mod partikolari fil-premessi 109, 131, 260, 275 u 276 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata;

fil-paġna 171 tan-numerazzjoni kontinwa, il-kontenut tal-passaġġ oskurat għall-inċiż li jibda bil-kliem “fl‑20 ta’ Jannar 2011” jidher fil-premessi 104, 121, 129, 221 u 233 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata;

fil-paġna 172 tan-numerazzjoni kontinwa, l-elementi oskurati fil-paragrafu li jibda bil-kliem “eżempju tajjeb” jikkostitwixxu spekulazzjonijiet, li fuq kollox ma humiex speċifiċi jew preċiżi biżżejjed (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), fuq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u r-riżultat ta’ eventwali negozjati fl-2011 fir-rigward tal-forniment ta’ gass fil-Bulgarija dak iż-żmien;

il-paġni 178 sa 184 tan-numerazzjoni kontinwa oskurati jikkorrispondu għall-ilment ta’ Overgas lir-regolatur Bulgaru tal‑20 ta’ Jannar 2011; issa, mill-premessi 105, 121, 221 u 508 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti kienu jafu bihom.

41

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-eżami indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, jidher li s-siltiet oskurati fil-paġna 171 tan-numerazzjoni kontinwa fl-inċiż li jibda bil-kliem “Overgas bagħtet ukoll reċentement ittra” u s-silta oskurata fil-paragrafu tal-paġna 172 tal-imsemmija numerazzjoni li jibda bil-kliem “diġà matul il-laqgħa tagħna tat‑13 ta’ Jannar 2011” huma kunfidenzjali, peress li jistgħu jkunu relatati mal-konsegwenzi gravi li kienu jħassbu lil Overgas fil-każ fejn il-minuti ddettaljati, li l-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat jikkostitwixxu l-estensjoni tagħhom, jiġu żvelati. Madankollu, il-kontenut ta’ dawn is-siltiet huwa irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima, sa fejn ma jinvolvix evalwazzjoni fuq l-aġir tar-rikorrenti.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tippreżenta verżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tat‑13 ta’ Jannar 2011 bir-referenza X.11, bil-kundizzjoni li tinżamm il-kunfidenzjalità, fil-paġna 171 tan-numerazzjoni kontinwa, tas-siltiet oskurati fl-inċiż li jibda bil-kliem “Overgas ukoll bagħtet reċentement ittra” u, fil-paġna 172 tal-imsemmija numerazzjoni, tal-passaġġ oskurat fil-paragrafu li jibda bil-kliem “diġà fil-laqgħa tagħna tat‑13 ta’ Jannar 2011”.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tas‑17 ta’ Marzu 2011

43

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tas‑17 ta’ Marzu 2011, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.12, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi segwenti ma humiex kunfidenzjali:

is-siltiet oskurati fil-paġni 192 sa 197 tan-numerazzjoni kontinwa jirrigwardaw, minn naħa, il-vantaġġi li, skont Overgas, huma tal-klijenti finali meta hija tkun kisbet aċċess għall-infrastrutturi tal-gass u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għalfejn il-penetrazzjoni tas-suq minn Overgas ma twassalx għas-sostituzzjoni ta’ impriża monopolistika minn oħra; fi kliem ieħor, fis-siltiet inkwistjoni, Overgas kienet tipprevedi f’termini ġenerali, ċertu numru ta’ vantaġġi li jirriżultaw mill-intervent tal-Kummissjoni sabiex tikkonvinċiha tieħu azzjoni; għaldaqstant, dawn is-siltiet ma jikkostitwixxux informazzjoni veritiera u, fi kwalunkwe każ, ma humiex suffiċjentement speċifiċi jew preċiżi sabiex tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali (ara l-punt 9 iktar ’il fuq);

is-silta oskurata fil-paġna 198 tan-numerazzjoni kontinwa tirrigwarda azzjoni li Overgas wettqet mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Enerġija” tal-Kummissjoni, b’mod parallel mal-laqgħat tagħha mad-DĠ “Kompetizzjoni”; il-kuntatti ta’ Overgas ma’ dan id-Direttorat Ġenerali jidhru fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 42, 44 u 77 tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata u l-indikazzjoni tagħhom ma fiha ebda sigriet tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

44

Min-naħa l-oħra, għandu jinżamm kunfidenzjali dan li ġej:

l-ismijiet tal-kumpanniji terzi ċċitati fil-paġna 193 tan-numerazzjoni kontinwa. Dawn l-ismijiet huma madankollu irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża, sa fejn dawn huma ismijiet ta’ msieħba finanzjarji eventwali ta’ Overgas li setgħu jipparteċipaw f’mekkaniżmi ta’ stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tagħha lill-klijenti tagħha stess u sa fejn dawn il-kumpanniji ma humiex iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata;

it-tabelli li jidhru fil-paġni 201 u 202 tan-numerazzjoni kontinwa intitolati “Lista tal-klijenti potenzjali ta’ Overgas” fl-2011 u fl-2012; dawn it-tabelli jsemmu l-isem ta’ dawn il-klijenti u l-kwantità ta’ gass li huma kellhom l-intenzjoni li jixtru mingħand Overgas; minkejja ż-żmien li għadda, dawn it-tabelli jistgħu jkunu għadhom sensittivi u jaqgħu taħt is-sigriet kummerċjali; madankollu, dawn ma humiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża; fil-fatt, sa fejn hija tiċċita lil dawn il-klijenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma ssemmi l-fatt li huma kienu qegħdin jipprovaw jiksbu l-provvisti tagħhom mingħand Overgas.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi ordnata tippreżenta verżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tas‑17 ta’ Marzu 2011, bir-referenza X.12, bil-kundizzjoni li jinżamm l-oskurament tal-isem tal-kumpanniji terzi ċċitati fil-paġna 193 tan-numerazzjoni kontinwa u tat-tabelli li jidhru fil-paġni 201 u 202 tal-imsemmija numerazzjoni.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tal‑15 ta’ Diċembru 2011

46

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tal‑15 ta’ Diċembru 2011, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.13, għandu jiġi rrilevat li l-elementi segwenti ma humiex ta’ natura kunfidenzjali;

is-siltiet dwar il-kuntest kummerċjali tat-talba għall-aċċess ta’ Overgas għall-infrastruttura tal-gass oskurati fil-paġni 205 u 206 tan-numerazzjoni kontinwa jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Overgas ma’ fornitur terz, il-prospetti ta’ kuntratti ma’ konsumaturi finali u ftehim ma’ sieħeb ieħor. Mingħajr preġudizzju għal dak li ser jiġi espost fil-punt 47 iktar ’il quddiem, din hija madankollu data storika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 10 iktar ’il fuq.

l-ewwel informazzjoni moħbija fil-paġna 209 tan-numerazzjoni kontinwa tikkonċerna t-talba għal aċċess ta’ Overgas għall-istazzjon ta’ ħażna ta’ Chiren (il-Bulgarija) u hija magħrufa mir-rikorrenti. It-tieni waħda tesponi waħda mir-raġunijiet ta’ din it-talba, li tikkonċerna r-relazzjonijiet ta’ din il-kumpannija ma’ terz, iżda għandha biss, fi kwalunkwe każ, valur storiku.

is-siltiet oskurati fil-paġna 211 tan-numerazzjoni kontinwa jirrigwardaw il-kuntatti ta’ Overgas mar-regolatur Bulgaru, jiġifieri ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2010 u l-ilment tal‑20 ta’ Jannar 2011, li r-rikorrenti jafu l-kontenut tagħhom, kif diġà ġie espost fil-punt 40 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, dawn is-siltiet għandhom biss portata storika.

47

Għall-kuntrarju, għandu jitqies li huwa kunfidenzjali dan li ġej:

l-ismijiet tal-kumpanniji terzi ċċitati fil-paġni 205 u 206 tan-numerazzjoni kontinwa;

fit-tieni inċiż tal-paġna 205 tan-numerazzjoni kontinwa, il-kliem tal-ewwel sentenza li jindikaw l-isem tal-kumpannija kkonċernata u sussegwentement jikkaratterizzawha b’mod li jippermetti li tiġi identifikata.

Madankollu, din l-informazzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima, sa fejn huwa biżżejjed għar-rikorrenti li jkunu jafu li dawn huma impriżi attivi fis-settur tal-gass jew klijent finali, li jirriżulta mill-kuntest.

48

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tippreżenta verżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tal‑15 ta’ Diċembru 2011, bir-referenza X.13, bil-kundizzjoni li żżomm oskurati l-isem tal-kumpanniji terzi ċċitati fil-paġni 205 u 206 tan-numerazzjoni kontinwa kif ukoll tas-silta li tikkaratterizza waħda minnhom fit-tieni inċiż tal-paġna 205 tal-imsemmija numerazzjoni.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tas-17 ta’ Ġunju 2013

49

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tas‑17 ta’ Ġunju 2013, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.14, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni allegatament mhux kunfidenzjali li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma kienet tinkludi ebda oskurament.

50

Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti diġà kellhom aċċess għal dan l-anness bħala tali, it-talba tagħhom intiża għall-komunikazzjoni tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat ma għandhiex skop fir-rigward ta’ dan l-anness u ma hemmx lok li tiġi ordnata l-komunikazzjoni mill-ġdid tiegħu.

Fuq l‑osservazzjonijiet dwar il‑laqgħat tal‑laqgħa tal‑20 ta’ Ottubru 2016

51

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tal‑20 ta’ Ottubru 2016, li jikkostitwixxu l-anness bir-referenza X.15, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kisbu ebda komunikazzjoni tagħhom, anki taħt forma mhux kunfidenzjali.

52

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-osservazzjonijiet jirrigwardaw l-iżvilupp tas-suq tal-gass fil-Bulgarija u l-allegata attitudni ta’ Bulgargaz u ta’ Bulgartransgaz fil-mument meta dawn ġew redatti, fis‑16 ta’ Novembru 2016, jiġifieri wara t-tmiem tal-perijodu tal-ksur, li seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2015. B’mod iktar preċiż, l-osservazzjonijiet imsemmija ta’ Overgas kienu jikkonċernaw prattiki relatati, b’mod partikolari, mal-prezz u man-nuqqas ta’ żvilupp tal-infrastrutturi li din kienet tqis bħala meħtieġa għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fil-Bulgarija.

53

Fid-dawl tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn Overgas u r-rikorrenti, l-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tal-laqgħa tal‑20 ta’ Ottubru 2016, li jsemmu l-iżviluppi allegatament neċessarji tas-suq Bulgaru u li jmorru lura għas-sena 2016 biss, jistgħu jitqiesu li għadhom sensittivi u għalhekk kunfidenzjali.

54

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ġustament tosserva, fir-risposta tagħha għall-miżura istruttorja tas‑17 ta’ Ġunju 2021, li l-ilmenti mressqa minn Overgas fl-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tas‑16 ta’ Novembru 2016 ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

55

Fil-fatt, ċertament, il-Kummissjoni semmiet avvenimenti li seħħew fl-2016, billi rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass Rumen 1 kien l-uniku mezz vijabbli sabiex iwassal gass lejn il-Bulgarija, tal-inqas sax-xahar ta’ April 2016, u li l-ftehim kummerċjali tal-2005 li jagħti lil Bulgargaz l-użu esklużiv ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass kien intemm fit-30 ta’ Settembru 2016. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ elementi sempliċement isemmu l-istat tas-suq qabel il-laqgħa tal‑20 ta’ Ottubru 2016 li jirreferu għaliha l-osservazzjonijiet dwar il-laqgħat tas‑16 ta’ Novembru ta’ wara u mhux l-iżviluppi li għadhom neċessarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li Overgas kienet diġà kisbet aċċess għal din l-infrastruttura fl‑1 ta’ Jannar 2015, li fiha hija ffissat id-data tat-tmiem tal-ksur, anki għall-prattiki li jikkonċernaw in-network ta’ trasport Bulgaru.

56

Fir-rigward tal-istazzjon ta’ ħażna ta’ Chiren, il-Kummissjoni stabbilixxiet it‑23 ta’ Settembru 2014 bħala d-data tat-tmiem ta’ kull aġir illegali wara aċċess mogħti lil operatur terz.

57

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Anness X.15 huwa irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima.

Konklużjonijiet dwar is‑segwitu li għandu jingħata lill‑miżura istruttorja tas‑26 ta’ Mejju 2021

58

Fid-dawl tal-konklużjonijiet deċiżi fil-punti 17, 29, 33, 39, 42, 45, 48, 50 u 57 iktar ’il fuq, għandu:

jiġi ordnat li l-Kummissjoni tippreżenta:

l-Anness bir-referenza X.9(1), oskurat skont il-punt 17 iktar ’il fuq,

l-Anness bir-referenza X.10, oskurat skont il-punt 39 iktar ’il fuq,

l-Anness bir-referenza X.11, oskurat skont il-punt 42 iktar ’il fuq,

l-Anness bir-referenza X.12, oskurat skont il-punt 45 iktar ’il fuq,

l-Anness bir-referenza X.13, oskurat skont il-punt 48 iktar ’il fuq,

l-Anness bir-referenza X.16, oskurat skont il-punt 29 iktar ’il fuq,

li tistieden lill-Kummissjoni tindika, flimkien ma’ din il-preżentata, jekk l-annessi msemmija fihomx informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija;

li sussegwentement jiġi mistieden ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biex jinnotifika lir-rikorrenti l-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16 oskurati mill-Kummissjoni konformement mal-punti 17, 29, 39, 42, 45 u 48 iktar ’il fuq;

li r-rikorrenti jiġu mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-annessi msemmija u jindikaw fl-istess ħin jekk dawn fihomx informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija;

jiġi mistieden ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biex:

jinnotifika sussegwentement lill-intervenjenti bl-annessi bir-referenza X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16 oskurati mill-Kummissjoni konformement mal-punti 17, 29, 39, 42, 45 u 48 iktar ’il fuq, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija, għall-elementi ta’ dawn l-annessi li jkunu kunfidenzjali fir-rigward tagħha;

jirtira mill-proċess l-annessi bir-referenza X.1 sa X.16 fil-verżjonijiet tagħhom ikkomunikati mill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Ġunju 2021, sa fejn, bħala tali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża)

tordna:

 

1)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta, f’terminu li għandu jiġi ffissat mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, verżjoni mhux kunfidenzjali fir-rigward ta’ Bulgarian Energy Holding EAD, ta’ Bulgartransgaz EAD u ta’ Bulgargaz EAD tad-dokumenti segwenti:

l-Anness bir-referenza X.9(1), oskurat skont il-punt 17 iktar ’il fuq;

l-Anness bir-referenza X.10, oskurat skont il-punt 39 iktar ’il fuq;

l-Anness bir-referenza X.11, oskurat skont il-punt 42 iktar ’il fuq;

l-Anness bir-referenza X.12, oskurat skont il-punt 45 iktar ’il fuq;

l-Anness bir-referenza X.13, oskurat skont il-punt 48 iktar ’il fuq;

l-Anness bir-referenza X.16, oskurat skont il-punt 29 iktar ’il fuq.

 

2)

Il-Kummissjoni għandha tindika, fl-istess ħin mal-preżentata tal-verżjoni mhux kunfidenzjali fir-rigward ta’ Bulgarian Energy Holding EAD, ta’ Bulgartransgaz EAD u ta’ Bulgargaz EAD tal-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16, jekk dawn għandhomx natura kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija.

 

3)

Il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali fir-rigward ta’ Bulgarian Energy Holding, ta’ Bulgartransgaz u ta’ Bulgargaz tal-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16, li ser jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, ser jiġu kkomunikati lilhom sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom, f’terminu li għandu jiġi stabbilit mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

 

4)

Fl-istess ħin mal-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16, ippreżentati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, Bulgarian Energy Holding, Bulgartransgaz u Bulgargaz għandhom jindikaw jekk dawn l-annessi fihomx informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija.

 

5)

Fil-każ li l-Kummissjoni, Bulgarian Energy Holding, Bulgartransgaz u Bulgargaz jindikaw li l-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16, ippreżentati konformement mal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, ikollhom natura kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija, huma għandhom jippreżentaw f’terminu stabbilit mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, verżjoni mhux kunfidenzjali komuni fir-rigward ta’ din tal-aħħar għal kull wieħed mill-annessi kkonċernati.

 

6)

L-annessi bir-referenzi X.9(1), X.10 sa X.13 u X.16 oskurati mill-Kummissjoni konformement mal-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv għandhom jiġu kkomunikati lill-intervenjenti, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika tal-Bulgarija, għall-elementi ta’ dawn l-annessi li huma kunfidenzjali fir-rigward tagħha.

 

7)

L-annessi bir-referenzi X.1 sa X.16, ikkomunikati mill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Ġunju 2021, għandhom jitneħħew mill-proċess.

 

8)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Marzu 2022.

Reġistratur

E. Coulon

President

S. Gervasoni


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top