Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0492

    Kawża T-492/19: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2019 — GlaxoSmithKline Finance u Setfirst vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 312, 16.9.2019, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 312/33


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2019 — GlaxoSmithKline Finance u Setfirst vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-492/19)

    (2019/C 312/28)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: GlaxoSmithKline Finance plc (Brentford, ir-Renju Unit) u Setfirst Ltd (Brentford) (rappreżentanti: K. Bacon QC, u A. Lyle-Smythe, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 2526 finali, tat-2 ta’ April 2019, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit sa fejn tikkonċerna ċ-CFC Group Financing Exemption (l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi fil-kuntest tar-regoli relatati mal-kumpanniji barranin ikkontrollati) kollha kemm hi;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna jew tista’ tikkonċerna kumpanniji barranin ikkontrollati realment stabbiliti u li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi ġenwini fi Stat Membru ieħor;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ma tipprovdix informazzjoni suffiċjenti lill-benefiċjarju sabiex jiġi kkalkolat l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħajr diffikultajiet eċċessivi;

    sussidjarjament, tagħti l-annullament parzjali li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq, u

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti meta kkonstatat li l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi tikkostitwixxi vantaġġ peress li, għall-kumpanniji barranin ikkontrollati realment stabbiliti fi Stat Membru ieħor, l-effett tas-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (1) huwa li l-kumpanniji omm tagħhom ma għandhom jiġu suġġetti għal ebda taxxa fuq il-kumpanniji barranin ikkontrollati (anki taxxa mnaqqsa imposta wara l-eżenzjoni parzjali fuq il-finanzjament tal-gruppi).

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kkonstatat li l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi ma hijiex iġġustifikata mill-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà ta’ stabbiliment.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-eżenzjoni fuq il-finanzjament tal-gruppi ma hijiex deroga ġġustifikata min-neċessità li jiġi evitat tqassim tal-profitti kumplessi u sproporzjonatament tqal għal funzjonijiet umani sinjifikattivi fuq il-bażi tal-approċċ tal-OECD dwar it-tqassim tal-profitti bejn stabbilimenti permanenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma pprovdietx informazzjoni adegwata li tikkonċerna l-parametri tal-irkupru.


    (1)  Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544).


    Top