Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0148

Kawża T-148/19: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2019 — PKK vs Il-Kunsill

ĠU C 164, 13.5.2019, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/55


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2019 — PKK vs Il-Kunsill

(Kawża T-148/19)

(2019/C 164/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Kurdistan Workers’ Party (PKK) (rappreżentanti: A. van Eik u T. Buruma, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/25 tat-8 ta’ Jannar 2019 (1) sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent (filwaqt li r-rikorrent jikkontesta l-allegazzjoni li Kadek u Kongra Gel huma psewdonimi);

sussidjarjament, tiddikjara li miżura inqas restrittiva miż-żamma tal-inklużjoni fi-lista tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-terroriżmu hija ġustifikata;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, miżjuda bl-interessi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent peress li dan tal-aħħar seta’ ma jiġix ikklassifikat bħala organizzazzjoni terroristika skont id-definizzjoni tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001. (2)

Il-konvenut allegatament naqas milli jistabbilixxi li r-rikorrent huwa grupp strutturat li qed jaġixxi bi pjan li jwettaq attakki terroristiċi. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-atti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-motivi ma tistax tiġi attribwita lir-rikorrent, ma hijiex inkluża fil-lista eżawrjenti tal-atti fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK u/jew ma tistax serjament tikkaġuna l-ħsara ta’ pajjiż. Finalment, l-iskop tar-rikorrent ma kienx “skop terroristiku” hekk kif iddefinit fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK. B’mod partikolari, dan l-iskop għandu jitqies fid-dawl tal-kunflitt armat għall-awtodeterminazzjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent inkwantu ebda deċiżjoni minn awtorità kompetenti, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, ma tidher li ttieħdet.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent peress li l-konvenut ma jidhirx li wettaq stħarriġ adegwat skont kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK.

Id-dikjarazzjoni tal-motivi ma turix li sar stħarriġ adegwat, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll mill-konvenut innifsu. Ma tingħatax il-kunsiderazzjoni dovuta lill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent fi proċeduri preċedenti fir-rigward tal-proċess ta’ paċi, il-ġlieda kontra Daesh u l-iżviluppi awtokratiċi fit-Turkija.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent inkwantu d-deċiżjoni ma tidhirx li kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.

B’mod partikolari, id-diaspora tal-Kurdi tiġi ppreġudikata b’mod sproporzjonat minħabba din l-inklużjoni fil-lista.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent inkwantu din ma hijiex konformi mal-obbligu ta’ motivazzjoni konformement mal-Artikolu 296 TFUE.

Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T-316/14, EU:T:2018:788), il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni simili bbażata fuq l-eżatt stess motivazzjoni.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/25 sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrent peress li din kienet tikser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

B’mod partikolari, il-konvenut jidher li injora s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T-316/14, EU:T:2018:788), u l-proċeduri li taw lok għaliha.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/25 tat-8 ta’ Jannar 2019 li temenda u taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1084 (ĠU 2019 L 6, p. 6).

(2)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).


Top