Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0355

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021 (Estratti).
CE vs Il-Kumitat tar-Reġjuni.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment antiċipat bi preavviż – Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Modalitajiet ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Użu ħażin ta’ proċedura – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-355/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:369

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment antiċipat b’avviż tat-temm ta’ impjieg – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Modalitajiet ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg – Użu ħażin ta’ proċedura – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑355/19,

CE, irrappreżentata minn M. Casado García-Hirschfeld, avukata,

rikorrenti,

vs

Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, irrappreżentat minn S. Bachotet u M. Esparrago Arzadun, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukata,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament, prinċipalment, tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2019 li permezz tagħha l-Kumitat tar-Reġjuni xolja l-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti u, sussidjarjament, tal-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2019 li permezz tagħha estenda d-data sa meta r-rikorrenti setgħet tirkupra l-effetti personali tagħha u jkollha aċċess għall-indirizz elettroniku tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba dawn id-deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

[omissis]

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, ibbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża, minn naħa, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, prinċipalment, tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2019 u, min-naħa l-oħra, għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji dwar il-modalitajiet tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. B’applikazzjoni tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali ġiet sospiża.

39

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Lulju 2019, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni (T‑355/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:543), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti, għar-raġuni li din ma kinitx stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi l-urġenza għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti msemmija, u rriżerva l-ispejjeż.

40

Konformement mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali tkompliet, wara l-adozzjoni, fl‑10 ta’ Ottubru 2019, tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti.

41

Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, assenja mill-ġdid il-kawża lil imħallef relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla.

42

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti talbet l-anonimità skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

43

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

44

Fl‑24 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet diversi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet għal tweġiba orali matul is-seduta u talbet li jiġu ppreżentati ċerti dokumenti lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kumitat tar-Reġjuni kkonforma ma’ din it-talba fit-terminu mogħti lilu.

45

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2020.

46

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2019;

tordna l-kumpens għad-dannu materjali sostnut, li jammonta għas-somma ta’ EUR 19200, u għad-dannu morali sostnut, stmat għal EUR 83 208.24;

tikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ispejjeż.

47

Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq it-talbiet għal annullament

[omissis]

2.   Fuq il-mertu

[omissis]

a)   Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura u fuq ksur tal-Artikoli 47 u 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal

55

Ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni ma kinitx awtorizzata ixxolji unilateralment il-kuntratt tagħha b’avviż tat-temm ta’ impjieg, konformement mal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li ssospendiha mill-funzjonijiet tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mingħajr ma tosserva r-regoli li jirregolaw l-adozzjoni tal-miżura amministrattiva ta’ sospensjoni, kif stabbiliti mill-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ li tipprevedi kemm ix-xoljiment tal-kuntratt tagħha skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll is-sospensjoni tal-funzjonijiet tagħha matul il-perijodu kollu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg tikkostitwixxi, konformement mal-ġurisprudenza, użu ħażin ta’ proċedura.

56

Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix “eżenzjoni milli twettaq”, iżda miżura ta’ sospensjoni. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, konformement mal-ġurisprudenza, l-“eżenzjoni milli twettaq” tirreferi għal awtorizzazzjoni li ma tagħmilx dak li huwa preskritt. Issa, id-deċiżjoni kkontestata imponiet fuqha l-obbligu li ma teżerċitax il-funzjonijiet tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ż-żamma tas-salarju tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ma huwiex element rilevanti f’dan ir-rigward. Skont ir-rikorrenti, huwa evidenti li l-eżenzjoni mis-servizz li ġiet imposta fuqha ftit li xejn hija differenti minn sospensjoni mill-funzjonijiet.

57

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kumitat tar-Reġjuni ma jistax jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jissospendiha mill-funzjonijiet tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba impossibbiltà li dan il-perijodu jiġi aġġustat b’mod ieħor, li jirriżulta mill-interess tas-servizz. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, jekk il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li l-aġir tagħha kien jammonta għal motiv gravi li jista’ jwassal għat-tkeċċija tagħha mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg, huwa kellu jiftaħ proċedura dixxiplinari fil-konfront tagħha.

58

Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59

Għandu jitfakkar li l-użu ħażin ta’ proċedura jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter, li għandha portata preċiża li tirreferi għall-użu tal-poteri tagħha minn awtorità amministrattiva għal għan differenti minn dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jiġu milħuqa għanijiet oħra għajr dawk stabbiliti jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex tirrimedja għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, ZV vs Il‑Kummissjoni, T‑684/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:748, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fir-rigward tal-proċedura li tippermetti li jiġi xolt il-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju, mill-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-impjieg jintemm fi tmiem il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg previst f’dan il-kuntratt. Barra minn hekk, l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li, wara li tintemm il-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija, ir-reklutaġġ jista’ jiġi xolt mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg għal raġunijiet dixxiplinari fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi li l-membru tal-persunal temporanju huwa obbligat iwettaq, volontarjament jew b’negliġenza, u li, qabel tali xoljiment, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ jkun suġġett għal miżura ta’ sospensjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

61

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ f’każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma jobbligaha tibda proċedura dixxiplinari kontra dan tal-aħħar pjuttost milli tirrikorri għall-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u huwa biss fil-każ fejn l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ għandha l-intenzjoni li tkeċċi membru tal-persunal temporanju mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg, fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu, li huwa xieraq li tinbeda, konformement mal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-proċedura dixxiplinari organizzata fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjali u applikabbli b’analoġija għal membru tal-persunal temporanju (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, punt 97 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li x-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti kien immotivat essenzjalment mit-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn il-grupp u r-rikorrenti, minħabba ġestjoni mhux xierqa tal-kollaboraturi tagħha u tal-impatt li l-imsemmija ġestjoni kellha fuq is-saħħa tagħhom, mingħajr ma nstab motiv dixxiplinari kontra r-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni għażlet li xxolji l-kuntratt tar-rikorrenti skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u mhux li tapplika l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

63

Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni kienet awtorizzata xxolji l-kuntratt tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, qabel l-iskadenza tiegħu u b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur, mingħajr ma jkollha tipproċedi għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari.

64

Madankollu, huwa indikat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li, sa fejn ir-relazzjonijiet diretti tax-xogħol tar-rikorrenti mal-kollaboraturi tagħha kienu jirriskjaw li jiddegradaw is-saħħa ta’ dawn tal-aħħar u li jżommu ambjent ta’ xogħol diffiċli, hija kienet eżentata milli tipprovdi s-servizzi li jirriżultaw mill-kuntratt tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ sitt xhur filwaqt li kienet żgurata li żżomm ir-remunerazzjoni tagħha u s-servizzi soċjali marbuta mal-kuntratt tagħha. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni ppreċiżat li r-rikorrenti setgħet taċċedi għall-uffiċċju tagħha sabiex tirkupra l-effetti personali tagħha fi żmien ġimagħtejn wara l-bidu tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u li l-uffiċċju sussegwentement jintuża mill-istituzzjoni skont il-bżonnijiet tagħha u ma jibqax aċċessibbli għar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija indikat li l-aċċess għall-indirizz elettroniku tagħha jsir biss fil-“modalità ta’ qari” matul ix-xahar ta’ wara l-bidu tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, qabel dan l-indirizz elettroniku jiġi ddiżattivat b’mod awtomatiku. Fl-aħħar, konformement mad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti żammet id-dritt li taċċedi għall-bini tal-Kumitat tar-Reġjuni matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, iżda kellha madankollu trodd lura l-karta ta’ servizz tagħha li kienet ser tiġi ssostitwita b’karta ġdida, u għalhekk hija prekluża milli taċċedi għal-laqgħat tal-bureau tal-grupp u għas-seduti plenarji.

65

B’dan il-mod, il-konsegwenzi li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni kellha l-intenzjoni li tislet mit-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja kienu, ċertament, jikkonsistu prinċipalment fix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda wkoll, b’mod anċillari, fl-aġġustamenti tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg previst sa fejn dawn kienu jimplikaw bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, inkluża l-eżenzjoni milli tipprovdi s-servizzi ta’ xogħol li jirriżultaw mill-kuntratt tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprevedix b’mod espliċitu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membru tal-persunal li l-kuntratt tiegħu jiġi xolt jistgħu jiġu aġġustati matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, b’tali mod li dan il-perijodu huwa preżunt li jikkostitwixxi perijodu ta’ xogħol normali, xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom u fl-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, sakemm din l-assenjazzjoni hija fl-interess tas-servizz u li tirrispetta l-ekwivalenza ta’ impjiegi inkluż fir-rigward ta’ membri tal-persunal li huma f’fażi ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 42).

67

Barra minn hekk, ġie deċiż li, mingħajr ma tiġi injorata l-fakultà li għandha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, f’każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal, li tirrikorri għax-xoljiment unilaterali tal-kuntratt previst fl-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg minflok ma tibda proċedura dixxiplinari kontra dan il-membru tal-persunal, għandu jiġi kkunsidrat, madankollu, li l-għażla li wieħed jirrikorri, f’tali ċirkustanzi, għal xoljiment ta’ kuntratt timponi l-osservanza tar-rekwiżit ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li jikkostitwixxi element ċentrali tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, jekk l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tqis li n-nuqqasijiet li hija takkuża lil membru tal-persunal jopponu t-tkomplija tal-eżekuzzjoni, f’kundizzjonijiet normali, tal-kuntratt tiegħu matul perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, hija għandha tislet il-konsegwenzi u, għaldaqstant, tibda proċedura dixxiplinari filwaqt li tirrikorri għal miżura ta’ sospensjoni, konformement mal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ħlief jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet regolarment eżentata mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 51).

68

Barra minn hekk, meta, fil-każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tiddeċiedi li xxolji b’avviż tat-temm ta’ impjieg il-kuntratt tal-membru tal-persunal ikkonċernat minflok ma tibda proċedura dixxiplinari kontrih, hija l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, fil-kuntest tas-setgħa tagħha li tiddetermina l-funzjonijiet amministrattivi li dan il-membru tal-persunal huwa mitlub jeżerċita matul dan il-perijodu, li għandha tindika lil dan tal-aħħar, b’mod motivat u fit-test tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt, li huwa għandu, jekk ikun il-każ, jastjeni milli jeżerċita ċerti funzjonijiet speċifiċi (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, il-motivi ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ persuna abbażi tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg joriġinaw minn sitwazzjoni li tiġġustifika li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jistgħu jikkunsidraw, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fl-organizzazzjoni tas-servizzi u fl-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, li l-interess tas-servizz jeżiġi li l-persuna kkonċernata titneħħa mill-kompiti kollha tagħha matul il-perijodu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg tagħha.

70

Dan jista’ jkun speċifikament il-każ għal tkeċċija minħabba t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja ta’ membru tal-persunal irreklutat, bħar-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li kontrih, kif inhu l-każ tagħha wkoll, ebda nuqqas serju fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġie kkunsidrat u lanqas allegat.

71

Fil-fatt, il-membri tal-persunal temporanju rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandhom kuntratt ta’ xogħol konkluż intuitu personae li għandu bħala element essenzjali l-fiduċja reċiproka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑406/04, EU:T:2006:322, punti 47101).

72

Għalhekk, kif enfasizza l-Kumitat tar-Reġjuni waqt is-seduta, il-ksur ta’ tali rabta ta’ fiduċja reċiproka jista’ jkun ta’ natura li jagħmel impossibbli li l-persuna jew l-entità li tkun irreklutat il-membru tal-persunal temporanju tafda lil dan tal-aħħar l-iċken kompitu matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg.

73

F’każ bħal dan, id-deċiżjoni li ma jiġix fdat l-iċken kompitu matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg lill-membru tal-persunal temporanju li l-kuntratt tiegħu ġie xolt tikkostitwixxi miżura meħuda fl-interess tas-servizz u ma tistax neċessarjament tiġi assimilata, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, ma’ deċiżjoni ta’ sospensjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Bl-istess mod, meta s-sitwazzjoni li tat lok għat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja fir-rigward ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tagħmel impossibbli l-fatt li dan il-membru tal-persunal jingħata kompiti matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, ma jistax jiġi impost fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ li tiftaħ proċedura dixxiplinari matul dan il-perijodu.

74

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li hija, fir-realtà, ġiet sospiża u mkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-teżi tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv tagħha hija bbażata fuq premessa żbaljata li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni adottat, fir-rigward tagħha, miżura ta’ sospensjoni għal raġuni dixxiplinari abbażi tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, miżura li kienet timponi li x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha tiġi adottata fi tmiem proċedura dixxiplinari konformement mal-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

76

Għaldaqstant, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni setgħet, mingħajr ma dan jimplika użu ħażin ta’ proċedura, ixxolji l-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg filwaqt li tiddeċiedi li din ma kellhiex taħdem matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg.

77

Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)   Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-projbizzjoni ta’ kull tip ta’ fastidju

[omissis]

1) Fuq l-ewwel parti, ibbażata, essenzjalment, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ

[omissis]

ii) Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tipprevedi modalitajiet ta’ aġġustament tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tar-rikorrenti

92

Konformement mal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

93

B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod utli u effettiv matul proċedura amministrattiva u qabel ma tkun adottata kwalunkwe deċiżjoni li tkun tista’ tolqot l-interessi tagħha negattivament (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Dan id-dritt għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiżgura protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, li jippermetti lil din tal-aħħar tikkorreġi żball jew tinvoka elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jsostnu s-sens li fih id-deċiżjoni għandha tittieħed, jew ma titteħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’kuntest bħal dak f’dan il-każ, il-prova tal-osservanza tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata taqa’ fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47; tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 48; tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 44).

96

Għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni qatt ma invokat il-possibbiltà li taġġusta l-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tar-rikorrenti. Fil-fatt, minkejja li din l-awtorità semgħatha fir-rigward tal-materjalità u l-imputabbiltà tal-fatti kif ukoll fir-rigward tal-bażi legali li fuqha tista’ tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li l-imsemmija awtorità kellha l-intenzjoni tadotta u b’mod partikolari fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx għadha teżerċita l-funzjonijiet ta’ segretarju ġenerali tal-grupp u l-aġġustament tal-aċċess għall-indirizz elettroniku tagħha kif ukoll għall-uffiċċju tagħha u għall-uffiċċji tal-Kumitat tar-Reġjuni.

97

Issa, tali miżuri ma setgħux jiġu adottati mingħajr ma r-rikorrenti nstemgħet minn qabel sabiex tiżgura ruħha li hija setgħet tesprimi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata tippreċiża ċerti elementi jew li tinvoka oħrajn, pereżempju relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, li jistgħu jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni prevista ma titteħidx jew ikollha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 48).

98

Il-Kumitat tar-Reġjuni ma jistax utilment isostni f’dan ir-rigward li l-kuntest li fih saret l-ittra ta’ impenn kien jimplika b’mod impliċitu, iżda intrinsiku, il-possibbiltà li takkumpanja x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti b’eżenzjoni milli tipprovdi s-servizzi ta’ xogħol li jirriżultaw mill-kuntratt tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg u li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora li kien maħsub li jaġġusta l-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg meta hija ġiet mistiedna tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti allegati fil-konfront tagħha.

99

Għandu jiġi rrilevat li d-diversi dokumenti li jinsabu fil-fajl, b’mod partikolari l-messaġġi elettroniċi skambjati bejn wieħed mill-membri tal-grupp u r-rikorrenti, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li din kienet f’pożizzjoni li tifhem b’ċertezza li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni kellha l-intenzjoni li taġġusta l-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg. Minbarra l-fatt li dawn ma kinux ġejjin minn din l-awtorità, id-dokumenti tal-fajl imsemmija mill-Kumitat tar-Reġjuni insostenn tal-argument tiegħu ma kinux jirreferu għal tali miżuri, iżda kienu jsemmu jew jissuġġerixxu l-possibbiltà li r-rikorrenti tirriżenja fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kompromess.

100

Konsegwentement, fir-rigward tal-miżuri ta’ aġġustament tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tar-rikorrenti msemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kumitat tar-Reġjuni kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

101

Madankollu, ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

F’dan il-każ, il-fatt, għar-rikorrenti, li setgħet tinstema’ dwar il-modalitajiet previsti għall-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, imsemmija fil-punt 96 iktar’ il fuq, kien ta’ natura li jwassal lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex eventwalment tipprevedi modalitajiet oħra għall-imsemmi perijodu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 49).

103

Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti affermat li d-dritt għal smigħ ma huwiex limitat għas-sempliċi possibbiltà li turi l-oppożizzjoni tagħha għall-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg fih innifsu, iżda kien jimplika wkoll il-possibbiltà li tressaq osservazzjonijiet ta’ natura li jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni prevista. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti indikat li, kieku nstemgħet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg kontenzjuż, hija kienet tkun tista’ ssostni li setgħet tiġi prevista miżura bħall-eżekuzzjoni tas-servizzi ta’ xogħol tagħha mid-dar tagħha.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi raġonevolment eskluż li l-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari dik li r-rikorrenti tiġi eżentata milli tipprovdi s-servizzi ta’ xogħol li jirriżultaw mill-kuntratt tagħha matul il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, setgħu jwasslu għal riżultat differenti li kieku r-rikorrenti kienet ġiet debitament mismugħa.

105

Għaldaqstant, id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata ġie miksur fir-rigward tal-modalitajiet partikolari ta’ żvilupp tal-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg imsemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq.

106

Konsegwentement, dan l-ilment għandu jintlaqa’, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tistabbilixxi l-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba l-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. Madankollu, din l-illegalità ma tikkonfutax, minnha nnifisha, il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn hija xoljiet il-kuntratt tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2013, Gomes Moreira vs ECDC, F‑80/11, EU:F:2013:159, punt 54).

[omissis]

IV. Fuq l-ispejjeż

151

Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. F’dan il-każ, peress li t-talba għal annullament intlaqgħet parzjalment u t-talba għad-danni ġiet miċħuda, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji, li kienu ġew irriżervati.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas‑16 ta’ April 2019 li xxolji l-kuntratt ta’ xogħol ta’ CE hija annullata f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet partikolari ta’ eżekuzzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg.

 

2)

Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

da Silva Passos

Reine

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Ġunju 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top