EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0035

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Lulju 2021 (Estratti).
Antonio José Benavides Torres vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Żball ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-35/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:466

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑35/19,

Antonio José Benavides Torres, residenti f’Caracas (il-Venezwela), irrappreżentat minn L. Giuliano u F. Di Gianni, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou, V. Piessevaux, P. Mahnič u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263TFUE u intiża sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas-6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq il-mertu

[omissis]

43

Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, jekk ikun il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 65).

44

Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 66).

45

Għal dan il-għan, ma huwiex rikjest li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li ġie mitlub l-annullament tiegħu. Madankollu, huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 67).

46

Fir-rigward tal-mezzi ta’ provi li jistgħu jiġu invokati, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il‑Kunsill, T‑493/10, EU:T:2013:398, punt 95 (mhux ippubblikata)).

47

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk, meta permezz tal-atti kkontestati, il-Kunsill iddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi fi tmiem l-eżami mill-ġdid perijodiku, wettaqx żball ta’ evalwazzjoni.

48

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li r-raġunijiet għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi jirreferu għal fatti li seħħew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li kienu ntemmu f’dik id-data ma jwassalx neċessarjament sabiex il-miżuri restrittivi miżmuma fir-rigward tiegħu minn dawn l-atti jkunu obsoleti. Evidentement, sa fejn il-Kunsill iddeċieda li jirreferi, fir-raġunijiet għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, għal sitwazzjonijiet konkreti li jimplikaw lill-Gwardja Nazzjonali tal-Bolivja li huwa kien jikkmanda, setgħet biss tkun kwistjoni ta’ aġir fil-passat. Tali riferiment għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala irrilevanti għar-raġuni biss li l-aġir inkwistjoni jaqa’ taħt passat xi ftit jew wisq imbiegħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1656, ikkontestata f’din il-kawża, li skontha d-Deċiżjoni 2017/2074 għandha tinżamm taħt eżami kostanti u għandha tiġi mġedda jew emendata, jekk ikun il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu. Tali dispożizzjoni tippermetti għaldaqstant lill-Kunsill ż-żamma fil-lista kontenzjuża tal-ismijiet ta’ persuni filwaqt li jinżammu r-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni inizjali tagħhom, mingħajr ma l-persuni inkwistjoni jkunu wettqu ebda ksur ġdid tad-drittijiet tal-bniedem matul il-perijodu ta’ qabel l-eżami mill-ġdid, jekk din iż-żamma tibqa’ ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma jkunux intlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi għandhom natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. B’hekk, waqt l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn il-miżuri restrittivi, huwa l-Kunsill li għandu jwettaq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 5859).

51

Għaldaqstant, għandu qabel kollox jiġi eżaminat jekk, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill wettaqx evalwazzjoni aġġornata taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent li jiġġustifikaw iż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnhom.

52

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ibbaża l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq id-degradazzjoni kostanti tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, billi esprima b’mod partikolari t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ħafna informazzjoni li tikkonstata ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-użu eċċessiv tal-forza, u billi appella lill-awtoritajiet Venezweljani sabiex josservaw il-Kostituzzjoni Venezweljana u l-istat tad-dritt u li jiżgura li l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet paċifiċi, jiġu ggarantiti (ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 1 sa 6 tad-Deċiżjoni 2017/2074). Għal dan il-għan, il-miżuri restrittivi kienu mmirati sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-persuni li jinżammu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew abbużi serji kontrihom jew atti ta’ ripressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u fuq il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom jippreġudikaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela, kif ukoll kontra l-persuni, l-entitajiet u l-korpi assoċjati magħhom (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2017/2074).

53

Huwa b’hekk li isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi kontenzjużi, permezz tad-Deċiżjoni 2018/90 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/88, minħabba li kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Gvern tad-distrett tal-belt kapitali u li huwa kien okkupa l-pożizzjoni ta’ Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal‑21 ta’ Ġunju 2017 u li dan kien involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika Venezweljana u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa taħt il-kmand tiegħu mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, u li l-azzjonijiet tiegħu u l-politiki li segwa bħala ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, b’mod partikolari meta din tal-aħħar kellu rwol ewlieni fiż-żamma tal-ordni waqt dimostrazzjonijiet ċivili u meta tkellem pubblikament favur il-kompetenza tal-qrati militari sabiex jiġġudikaw persuni ċivili, ippreġudikaw l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

54

Fis-sentenza tal-lum, Benavides Torres vs Il‑Kunsill (T‑245/18, mhux ippubblikata), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill seta’ ġustament jikkunsidra li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, taħt il-kmand tar-rikorrent, kienet għamlet użu eċċessiv tas-saħħa fil-kuntest taż-żamma tal-ordni matul dimostrazzjonijiet ċivili u li, fid-dawl tal-kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, ir-rikorrent kien implikat fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika u li kien responsabbli ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-kmand tiegħu mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana.

55

Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent li kemm il-pożizzjoni ta’ Kap tal-Gvern tad-distrett tal-belt kapitali kif ukoll dik ta’ Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana huma pożizzjonijiet ta’ livell għoli ħafna fil-Venezwela u li, billi jeżerċita dawn il-funzjonijiet, ir-rikorrent seta’ jitqies li jokkupa funzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan is-sistema istituzzjonali tal-Venezwela u peress li kien, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, kompletament marbut b’mod partikolari mar-reġim Venezweljan.

56

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ma kienx hemm bidla fir-reġim fis-setgħa fil-Venezwela.

57

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati fis‑6 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ma kienx għadu jokkupa l-pożizzjoni ta’ Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana għal madwar sena u nofs, jiġifieri mill‑21 ta’ Ġunju 2017. Barra minn hekk, kif jindika r-rikorrent, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kunsill, huwa kien waqaf ukoll iservi bħala Kap tal-Gvern tad-distrett tal-belt kapitali fl‑4 ta’ Jannar 2018, jiġifieri madwar għaxar xhur qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati f’dan il-każ.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-assenza ta’ bidla fir-reġim fil-Venezwela fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, kien rilevanti għall-Kunsill li jeżamina, f’din id-data, ir-rabtiet li kellu r-rikorrent mal-gvern fis-setgħa, sabiex jevalwa jekk għadhomx iseħħu ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent u n-neċessità taż-żamma tagħhom bil-għan li jintlaħaq l-għan tagħhom, imfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq.

59

Issa, mill-proċess jirriżulta li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienet iġġustifikata mill-istess elementi invokati insostenn tal-inklużjoni inizjali tiegħu (ara l-punt 13 iktar 'il fuq). Fil-fatt, waqt is-seduta, il-Kunsill ikkonferma li, matul l-eżami mill-ġdid li wassal għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, huwa ma kien ħa inkunsiderazzjoni ebda element sussegwenti għall-atti li inizjalment kienu jinkludu isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi.

60

Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li għadda perijodu ta’ żmien kunsiderevoli, ta’ iktar minn għaxar xhur, bejn it-terminazzjoni mir-rikorrent tal-funzjonijiet tiegħu bħala kap tad-distrett tal-belt kapitali u l-adozzjoni tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni aġġornata li l-Kunsill kien obbligat iwettaq matul l-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, la stabbilixxa u lanqas ma allega li kien impossibbli għalih li jiddisponi mill-informazzjoni dwar it-terminazzjoni, mir-rikorrent, tal-funzjonijiet tiegħu bħala Kap tal-Gvern tad-distrett tal-belt kapitali.

61

Madankollu, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi stabbilit mid-Deċiżjoni 2017/2074 jipprevedi li l-persuni li huma s-suġġett ta’ dawn il-miżuri restrittivi huma mistiedna jersqu 'l quddiem billi jitolbu eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni f’ċertu terminu. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kunsill jagħti lill-persuna kkonċernata mill-miżuri restrittivi l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet u li huwa jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu jekk jiġu fformulati osservazzjonijiet, jew jekk jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda. B’hekk, hija l-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tinforma lill-Kunsill b’kull tibdil li jseħħ fis-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

62

Fir-rigward tar-rikorrent, il-Kunsill kien stieden speċifikament lir-rappreżentant tiegħu, permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ April 2018, sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid annwali tal-miżuri restrittivi inkwistjoni sal‑1 ta’ Settembru 2018. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent informa lill-Kunsill bl-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu biss fit‑30 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri ftit jiem qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, kif ġie kkonstatat fil-punt 17 iktar ’il fuq, filwaqt li huwa kien mistenni li jkun jaf li l-Kunsill kellu jadotta deċiżjoni dwar iż-żamma jew le tal-miżuri restrittivi inkwistjoni sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Novembru 2018 (ara l-punt 11 iktar 'il fuq).

63

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda bidla fir-reġim fis-setgħa fil-Venezwela ma seħħet bejn il-mument li fih ir-rikorrent kien Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana u l-Kap tal-Gvern tad-distrett tal-belt kapitali u dak meta huwa ma kienx għadu f’dawn il-funzjonijiet. Issa, mill-proċess ma jirriżultax u lanqas ma huwa allegat mir-rikorrent, li ġie mistoqsi speċifikament fuq dan il-punt waqt is-seduta, li t-terminazzjoni tal-funzjonijiet pubbliċi differenti tiegħu kienet deċiżjoni li ħa huwa stess b’reazzjoni għall-preġudizzju għall-istat tad-dritt u għad-demokrazija fil-Venezwela sabiex jiddistakka ruħu minn tali ksur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Boshab et vs Il‑Kunsill, T‑582/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:193, punt 152, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Kande Mupompa vs Il‑Kunsill, T‑170/18, EU:T:2020:60, punt 131 (mhux ippubblikata)).

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ provi u ta’ indizji fis-sens kuntrarju, il-Kunsill seta’ leġittimament jikkunsidra li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien baqa’ marbut mar-reġim fis-setgħa fil-Venezwela, li ma kienx inbidel meta mqabbel mal-mument meta, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, huwa kien ippreġudika d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

65

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jitqiesu li jimplikaw l-istabbiliment ta’ preżunzjoni jew inverżjoni tal-oneru tal-prova għad-detriment tar-rikorrent, kuntrarjament għal dak li jsostni. Huma sempliċement ifissru li r-riferiment, fil-motivi tal-atti kkontestati, għall-funzjonijiet preċedentement eżerċitati mir-rikorrent juri li l-Kunsill kkunsidra li, għal din ir-raġuni, baqa’ marbut mas-setgħa fil-Venezwela u li l-Kunsill ma kellu beda element li jista’ jikkontesta din it-teżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 167).

66

Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Antonio José Benavides Torres huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Lulju 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis bħala utli għall-pubblikazzjoni.

Top