EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0021

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Lulju 2020 (Estratti).
Pablosky, SL vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva mediFLEX easySTEP – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva preċedenti Stepeasy – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001.
Kawża T-21/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:310

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva mediFLEX easySTEP – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva preċedenti Stepeasy – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑21/19,

Pablosky, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn M. Centell, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, H. O’Neill u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

docPrice GmbH, stabbilita f’Koblenz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Landes, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-8 ta’ Novembru 2018 (Każ R 76/2018-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Pablosky u docPrice,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President tal-Awla, P. Škvařilová-Pelzl (Relatur) u I. Nõmm, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ April 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ April 2019,

wara li rat id-deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2019 li l-Kawżi T‑20/19 u T‑21/19 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura,

wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2020, li matula saru diversi mistoqsijiet lir-rikorrenti u lill-EUIPO,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-3 ta’ Awwissu 2016, l-intervenjenti, docPrice GmbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jaqgħu fil-klassijiet 10 u 25 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għall kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 10: “Żraben ortopediċi, suletti ortopediċi u suletti interni għaż-żraben, mollol biċ-ċappetti għaż-żraben; stvali għal skopijiet mediċi; faxxex u qassaba ortopediċi”;

klassi 25: “Ilbies; xedd ir-ras; żraben u l-partijiet tagħhom, b’mod partikolari suletti ta’ żraben, bokkli ta’ żraben u tkaken ta’ żraben, żraben sanitarji”.

4

Fil-15 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti, Pablosky, SL, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha ċċitati fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trademark tal-Unjoni Ewropea figurattiva riprodotta hawn isfel, ippreżentata fl-4 ta’ Frar 2016 u rreġistrata fit-22 ta’ Ġunju 2016, bin-Numru 15076961, għall-“ilbies”, iż-“żraben” u x-“xedd ir-ras” fil-klassi 25:

Image

6

Il-motivi invokati mir-rikorrenti kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

7

Fis-6 ta’ Diċembru 2017, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment, minħabba li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, u li, għal din ir-raġuni, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kellha tiġi miċħuda għaż-“żraben ortopediċi” u għall-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, u għall-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras”, iż-“żraben” u ż-“żraben sanitarji”, fil-klassi 25 5 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“prodotti kontenzjużi”), iżda qieset li t-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni setgħet tiġi rreġistrata għall-prodotti l-oħra, jiġifieri s-“suletti ortopediċi u [s-]suletti interni għaż-żraben, [il-]mollol biċ-ċappetti għaż-żraben” kif ukoll il-“faxxex u [l-]qassaba ortopediċi”, fil-klassi 10, u l-“partijiet [ta’ żraben], b’mod partikolari [s-]suletti ta’ żraben, [il-]bokkli ta’ żraben u [t-]tkaken ta’ żraben”, fil-klassi 25.

8

Fil-11 ta’ Jannar 2018, l-intervenjenti appellat quddiem l-EUIPO, konformement mal-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti kontenzjużi jew, minn tal-inqas, għaż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata“), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li, għall-prodotti kollha inkwistjoni, għanki għal dawk li kienu identiċi, ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Konsegwentement, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha, inkluż fir-rigward tal-prodotti kontenzjużi.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha fil-klassijiet 10 u 25 imsemmija fl-applikazzjoni;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12

L-intervenjenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

[omissis]

Fuq il-mertu

23

Insostenn tat-talba tagħha għal annullament jew għal bidla, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

24

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li r-rikors jiġi, fit-totalità tiegħu, miċħud minħabba li l-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

25

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/2001, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati miż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku tat-territorju li fih tkun protetta t-trade mark preċedenti. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

26

L-assenza ta’ kontestazzjoni, mill-partijiet li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, ta’ ċerti fatturi essenzjali għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tippreġudikax il-fatt li l-Qorti Ġenerali tista’ jew għandha tistħarreġ il-fondatezza tagħha, meta dawn il-fatturi jikkostitwixxu stadju essenzjali tar-raġunament li hija għandha twettaq sabiex teżerċita l-imsemmi stħarriġ. Meta waħda mill-partijiet li qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari x-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti u tas-servizzi koperti, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza li teżamina l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi mwetta mill-imsemmi bord (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 47). Fil-fatt, meta tintalab tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun marbuta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti magħmula minn dan il-bord, sa fejn l-imsemmija evalwazzjoni tagħmel parti mid-deċiżjonijiet li l-legalità tagħhom qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 48).

[omissis]

Fuq il-pubbliku rilevanti u fuq il-livell tiegħu ta’attenzjoni

32

Fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li l-prodotti inkwistjoni kienu intiżi “prinċipalment għall-pubbliku inġenerali, li għandu livell ta’ attenzjoni medju fir-rigward tagħhom, peress li dawn huma artikoli li jdumu li ma jinxtrawx b’mod partikolarment frekwenti fi żminijiet normali”.

33

Ir-rikorrenti ma tikkuntestax li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku inġenerali, iżda donnha tqis li l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan il-pubbliku, fil-mument tax-xiri tal-prodotti inkwistjoni, huwa dgħajjef u mhux medju, kif iqis il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-imsemmija prodotti huma prodotti ta’ konsum normali li l-għażla tagħhom ma tingħatax wisq żmien mill-konsumatur medju.

34

Filwaqt li l-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti, huma josservaw li l-Bord tal-Appell wettaq ċerti evalwazzjonijiet żbaljati tal-fatti.

35

L-EUIPO jikkonferma li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku inġenerali, iżda josserva li, għalkemm jaqbel mal-Bord tal-Appell meta jqis li l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan il-pubbliku huwa medju f’dak li jirrigwarda l-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras” u ż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, huwa jqis, min-naħa l-oħra, li dan il-livell huwa għoli kemm fir-rigward taż-“żraben sanitarji”, jiġifieri ż-żraben li jipprovdu vantaġġi għas-saħħa tas-saqajn tal-persuni li jilbsuhom, inklużi fil-klassi 25, kif ukoll fir-rigward taż-“żraben ortopediċi” u tal-“istvali għal skopijiet mediċi”. Minħabba l-bżonnijiet speċifiċi li jinsabu fil-qofol tax-xiri tal-prodotti msemmija l-aħħar u tal-possibbiltà li dawn jiġu mmanifatturati fuq il-qies jew li jeħtieġu li jiġu aġġustati għad-diżabbiltajiet personali tad-destinatarju tagħhom kif ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku inġenerali fil-kuntest tax-xiri ta’ prodotti li jaffettwaw is-saħħa, hemm lok li jitqies li l-imsemmi pubbliku jkollu livell ta’ attenzjoni għoli meta jixtri l-imsemmija prodotti.

36

Għalkemm l-intervenjenti ma tikkontestax li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku inġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa medju, f’dak li jirrigwarda l-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras” u ż-“żraben” inklużi fil-klassi 25, hija tqis, kemm fir-rigward taż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, kif ukoll taż-“żraben ortopediċi” u tal-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, li dawn ma humiex indirizzati għall-pubbliku inġenerali, iżda għal professjonisti tas-saħħa speċjalizzati fl-ortopedija u għal kategorija speċifika ta’ konsumaturi li jsofru minn problemi fiżiċi partikolari li jeħtieġu x-xedd ta’ żraben ortopediċi, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom għandu jkun għoli, fir-rigward ta’ prodotti marbutin mas-saħħa.

37

Meta t-trade marks kunfliġġenti jiġu rreġġistrati jew għalihom isiru applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni fir-rigward ta’ diversi prodotti jew servizzi, il-Bord tal-Appell huwa obbligat li jidentifika l-konsumaturi li, fit-territorju rilevanti, jistgħu jużaw kull wieħed minn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi (sentenza tas-17 ta’ Frar 2017, Construlink vs EUIPO – Wit-Software (GATEWIT), T‑351/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:101, punt 44).

38

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni huwa kompost biss minn konsumaturi li jistgħu jużaw kemm il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Apple Computer vs UASI – TKS-Teknosoft (QUARTZ), T‑328/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:238, punt 23, u tat-30 ta’ Settembru 2010, PVS vs UASI – MeDiTA Medizinische Kurierdienst (medidata), T‑270/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:419, punt 28).

39

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, li huwa meqjus ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-“ilbies”, iż-“żraben” u x-“xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25, huma meqjusa bħala prodotti ta’ konsum normali intiżi għall-pubbliku inġenerali, li għandu juri livell ta’ attenzjoni medju fil-kuntest tax-xiri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2012, Tuzzi fashion vs UASI – El Corte Inglés (Emidio Tucci), T‑535/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:495, punti 3629; tal-24 ta’ Novembru 2016, CG vs EUIPO – Perry Ellis International Group (P PRO PLAYER), T‑349/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:677, punti 3627 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Frar 2019, Serendipity et vs EUIPO – CKL Holdings (CHIARA FERRAGNI), T‑647/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:73, punti 362021).

41

Barra minn hekk, ġie deċiż li l-pubbliku rilevanti, f’dak li jirrigwarda l-artikoli ortopediċi, kien kompost mill-professjonisti ta’ dan is-settur u mill-pazjenti affettwati minn deformazzjonijiet jew malfunzjonamenti li jeħtieġu korrezzjoni permezz tal-ilbies ta’ dawn l-artikoli, b’tali mod li l-livell ta’ għarfien tekniku tal-imsemmi pubbliku rilevanti għandu jitqies li huwa għoli (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Fideliovs UASI (Hallux), T‑286/08, EU:T:2010:528, punt 42). Ġie ukoll deċiż li, għalkemm iż-“żraben ortopediċi”, inklużi fil-klassi 10, setgħu jinxtraw minn konsumaturi li jifformaw parti mill-pubbliku inġenerali jew minn professjonisti tas-saħħa, dawn dejjem jintgħażlu b’attenzjoni (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Birkenstock Sales vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin), T‑579/14, EU:T:2016:650, punti 2932). Fil-fatt, il-prodotti u s-servizzi relatati mas-saħħa jistgħu jkunu intiżi kemm għal professjonisti kif ukoll għal konsumaturi finali li juru livell ta’ attenzjoni għoli fir-rigward ta’ prodotti u ta’ servizzi marbutin mal-istat tas-saħħa tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2014, Laboratoires Polive vs UASI – Arbora & Ausonia (DODIE), T‑77/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:862, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha titwettaq billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju li għandu l-iktar livell ta’ attenzjoni baxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Ergo Versicherungsgruppe vs UASI – Société de développement et de recherche industrielle (ERGO), T‑220/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:392, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, l-EUIPO jista’ jieħu inkunsiderazzjoni biss il-lista ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni hekk kif tirriżulta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, bla ħsara għal eventwali emendi ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Oro Clean Chemie vs UASI – Merz Pharma (PROSEPT), T‑284/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:454, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta qies li l-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras” u ż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade marks kunfliġġenti kienu prodotti ta’ konsum normali intiżi għall-pubbliku inġenerali, li għandu juri livell ta’ attenzjoni medju meta jixtrihom.

45

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell wettaq żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta qies li ż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni huma intiżi għall-pubbliku inġenerali li għandu livell ta’ attenzjoni medju, pjuttost milli għall-professjonisti tas-saħħa speċjalizzati fl-ortopedija u għall-konsumaturi tal-pubbliku inġenerali li jsofru minn problemi ortopediċi li jinvolvu x-xedd ta’ żraben adattati, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa għoli fir-rigward ta’ prodotti marbuta mal-attività professjonali tagħhom jew mal-istat tas-saħħa tagħhom. L-istess jgħodd fir-rigward taż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni li, hekk kif jirriżulta mid-denominazzjoni magħżula fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huma kategorija partikolari ta’ żraben li għandhom, b’mod anċillari, vantaġġi għas-saħħa tas-saqajn tal-persuni li jxedduhom u jinxtraw, għaldaqstant, minn konsumaturi tal-pubbliku inġenerali li jsofru minn problemi tas-saħħa ta’ natura ortopedika u li għandhom livell ta’ attenzjoni għoli.

Fuq il-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni

46

Fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tgħid li l-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras”, iż-“żraben” u ż-“żraben sanitarji”, fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni kienu identiċi għall-“ilbies”, għax-“xedd ir-ras” u għaż-“żraben”, fl-istess klassi, koperti mit-trade mark preċedenti, filwaqt li ppreċiża li ż-“żraben sanitarji” kienu inklużi fil-kategorija iktar wiesgħa taż-“żraben”. Fil-punt 15 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa kkonferma wkoll l-evalwazzjoni tal-imsemmija diviżjoni li tgħid li ż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni kienu jixbhu, minn tal-inqas fi grad dgħajjef, iż-“żraben”, fil-klassi 25, koperti mit-trade mark preċedenti. Fl-opinjoni tiegħu, il-konsumatur kellu l-possibbiltà li jixtri jew żraben ordinarji, inklużi ċerti tipi ta’ żraben sanitarji, jew inkella żraben ortopediċi, iktar speċjalizzati, jew stvali għal skopijiet mediċi, skont il-bżonnijiet ortopediċi jew mediċi tiegħu. Madankollu, b’mod ġenerali, dawn il-prodotti kollha jixtiebhu minħabba x-xebh tan-natura tagħhom, l-użu li jsir minnhom, il-metodu ta’ kif jiġu mmanifatturati u l-utenti finali tagħhom kif ukoll għaliex dawn jistgħu jikkompetu kontra xulxin minħabba l-finalità komuni tagħhom, jiġifieri l-protezzjoni tas-sieq.

47

Ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ “xebh strett” bejn iż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni, u ż-“żraben”, fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija titlob li l-Qorti Ġenerali tqis li l-prodotti inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, il-prodotti kontenzjużi kkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-“ilbies”, iż-“żraben” u x-“xedd ir-ras”, fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti huma “identiċi”. Minkejja din il-kontradizzjoni apparenti, hija donnha għalhekk tikkuntesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni, sempliċement jixbhu, għalkemm fuq grad dgħajjef, iż-“żraben”, fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti.

48

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. L-intervenjenti madankollu tosserva li l-Bord tal-Appell wettaq ċerti evalwazzjonijiet żbaljati ta’ fatt. Fl-opinjoni tagħha, iż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, kif ukoll iż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, koperti mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni ma jistgħux jitqiesu li jixbhu l-prodotti kkonċernati mit-trade mark preċedenti.

49

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, fost oħrajn, in-natura tagħhom, il-finalità tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, pereżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Meta l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati mit-trade mark preċedenti jinkludu l-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni għat-trade mark, dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi jitqiesu li huma identiċi (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadasvs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, kien mingħajr ma wettaq ebda żball li l-Bord tal-Appell qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-“ilbies”, ix-“xedd ir-ras” u ż-“żraben”, fil-klassi 25, ikkonċernati minn kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti kienu, rispettivament, prodotti identiċi.

52

Bl-istess mod, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni kienu identiċi għaż-“żraben”, fl-istess klassi, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, b’differenza miż-żraben ortopediċi, li huma prinċipalment maħsuba bħala prodotti tas-saħħa, iż-żraben sanitarji huma kategorija partikolari ta’ żraben li għandhom, b’mod anċillari, vantaġġi għas-saħħa tas-saqajn tal-persuni li jxedduhom. Għalhekk, iż-“żraben sanitarji” huma tabilħaqq inklużi, kif josserva l-imsemmi bord fl-imsemmija deċiżjoni, fil-kategorija iktar ġenerali taż-“żraben”.

53

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, filwaqt li titwarrab l-evalwazzjoni żbaljata mwettqa f’dan ir-rigward mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u ż-“żraben”, fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti jixtiebhu fi grad dgħajjef u mhux, kif josserva l-imsemmi bord, “minn tal-inqas fi grad dgħajjef”, u dan jgħati x’jifhem li x-xebh jista’ jkun fi grad li huwa għola minn “dgħajjef”.

54

Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata għal diversi raġunijiet.

55

Qabel kollox, minkejja l-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ Nice ġiet adottata għal finijiet esklużivament amministrattivi, in-noti ta’ spjega fir-rigward tad-diversi klassijiet ta’ din il-kfikazzjoni huma rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura u tal-finalità tal-prodotti u tas-servizzi pparagunati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2014, Sunrider vs UASI – Nannerl (SUN FRESH), T‑221/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:25, punt 31; u tal-10 ta’ Settembru 2014, DTM Ricambi vs UASI – STAR (STAR), T-199/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:761, punt 36, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, Bundesverband Deutsche Tafel vs EUIPO – Tiertafel Deutschland (Tafel), T‑326/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:380, punt 45). Fil-fatt, b’mod partikolari meta l-formulazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tiġi rreġistrata trade mark tkun talment ġenerali li tista’ tkopri prodotti jew servizzi differenti ħafna, ma jistax jiġi eskluż li jitteħdu inkunsiderazzjoni, għal finijiet ta’ interpretazzjoni jew bħala indikazzjoni ta’ preċiżazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-prodotti jew tas-servizzi, il-klassijiet li l-applikanti għal trade mark għażlu fl-imsemmija klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2018, Brunner vs EUIPO – CBM (H HOLY HAFERL HAFERL SHOE COUTURE), T‑367/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:28, punt 50, u tad-19 ta’ Ġunju 2018, Erwin Müller vs EUIPO – Novus Tablet Technology Finland (NOVUS), T‑89/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:353, punt 33). F’dan il-każ, il-fatt li n-nota ta’ spjega dwar il-klassi 25 tal-imsemmija klassifikazzjoni tippreċiża li din il-klassi, li essenzjalment tirrigwarda “l-artikoli ta’ lbies għall-bnedmin”, ma tinkludix b’mod partikolari ż-“żraben ortopediċi”, li jaqgħu taħt klassi oħra, jiġifieri l-klassi 10, li essenzjalment tirrigwarda “apparat kirurġiku, mediku, dentali u veterinarju, strumenti u oġġetti ġeneralment użati għad-dijanjożi, kura jew titjib tal-funzjoni jew tal-kondizzjoni tal-persuni u l-annimali”, iwassal għall-konklużjoni li ż-żraben ortopediċi jew għal użu mediku għandhom prinċipalment jitqiesu li huma apparat mediku iktar milli li huma artikoli ta’ lbies, il-fatt li dawn huma wkoll artikoli ta’ lbies huwa anċillari. Fil-fatt, għalkemm iż-żraben ortopediċi jew għal użu mediku jippermettu b’mod anċillari, bħaż-“żraben” kollha, li jgħattu u li jipproteġu s-saqajn, il-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jikkoreġu diżabbiltajiet fiżiċi ta’ natura ortopedika.

56

Barra minn hekk u kif tosserva ġustament l-intervenjenti, huwa fatt magħruf li ż-żraben ortopediċi jew għal użu mediku huma pprovduti jew direttament minn tabib, fuq preskrizzjoni, jew inkella jinbiegħu fi ħwienet li jispeċjalizzaw fi prodotti ortopediċi jew mediċi.

57

Fl-aħħar nett, huwa wkoll fatt magħruf li ż-żraben ortopediċi jew għal użu mediku ma humiex immanifatturati, bħaż-żraben b’mod ġenerali, b’mod industrijali jew standardizzat, iżda huma mmanifatturati fuq il-qies jew, minn tal-inqas, jiġu adattati għall-bżonnijiet ta’ kull pazjent minn persunal tekniku ortopediku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, 3M Medica, C‑148/93, EU:C:1994:123, punti 1012; tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C-263/00, EU:C:2002:637, punt 42, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns, C‑300/07, EU:C:2009:358, punt 2).

[omissis]

Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

98

Fil-punti 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, għall-prodotti kollha inkwistjoni, anki għal dawk li kienu identiċi, ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, minħabba l-fatt li l-grad dgħajjef ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks kunfliġġenti kien ir-riżultat ta’ koinċidenza li ma kinitx tirrigwarda l-iktar elementi distintivi jew dominanti tagħhom, jiġifieri l-element “mediflex” tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u t-terminu “step” tat-trade mark preċedenti, u li, minħabba r-rappreżentazzjoni figurattiva, il-kuluri u d-disinn f’forma ta’ suletta karatteristiċi u li viżwalment jiġbdu l-għajn preżenti fit-trade mark preċedenti, din tal-aħħar tipproduċi impressjoni globali nettament differenti minn dik prodotta mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni.

99

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li għall-prodotti kollha inkwistjoni, anki dawk li kienu identiċi, ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, minħabba l-fatt li l-grad dgħajjef ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks kunfliġġenti huwa r-riżultat ta’ koinċidenza li ma kinitx tirrigwarda l-iktar elementi distintivi jew dominanti tagħhom. Fl-opinjoni tagħha dawn it-trade marks għandhom grad ta’ xebh qawwi mill-perspettivi viżwali u fonetiċi, sa fejn dawn jikkoinċidu fir-rigward tal-element li, fi ħdan kull waħda minnhom, huwa l-iktar distintiv u dominanti. Fid-dawl tal-qbil tal-kliem “easy” u “step” fl-imsemmija trade marks u tal-grad ta’ xebh għoli jew tal-identiċità li teżisti, barra minn hekk, bejn l-imsemmija prodotti, it-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni tista’ tiġi pperċepita bħala sempliċi varjanti tat-trade mark preċedenti. L-imsemmi bord messu għalhekk iddeċieda, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, anki jekk sempliċement f’moħħ dik il-parti tal-pubbliku rilevanti li ma għandhiex konoxxenza tal-vokabolarju bażiku tal-Ingliż, bħall-pubbliku inġenerali Pollakk u Spanjol.

100

L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti. L-intervenjenti tosserva b’mod partikolari li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa dgħajjef, minħabba l-karattru distintiv tal-element “stepeasy” u tan-natura purament ornamentali jew deskrittiva (suletti għaż-żraben) tal-elementi figurattivi, filwaqt li dak tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni huwa, minn tal-inqas, medju, sa fejn l-element “mediflex” ma għandux sinjifikat fl-Ingliż jew f’lingwa oħra tal-Unjoni.

101

Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003,Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi paċut b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċeversa (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Fifties, T‑104/01, EU:T:2002:262, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija iktar għolja meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun iktar importanti (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 24, u tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 18).

104

Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tvarja skont il-livell ta’ attenzjoni li juri l-pubbliku rilevanti. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, jekk ikun biss b’mod rari li l-pubbliku rilevanti jkollu l-possibbiltà li jwettaq paragun dirett bejn id-diversi trade marks, iżda għandu jafda fuq “l-immaġni imperfetta li huwa għandu fil-memorja”, livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti jista’ jwassal għall-konklużjoni li huwa ma huwiex ser ifixkel it-trade marks inkwistjoni ma’ xulxin minkejja l-assenza ta’ paragun dirett bejn id-diversi trade marks (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Migros-Genossenschafts-Bund vs EUIPO – Luigi Lavazza (CReMESPRESSO), T-189/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:488, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni huma, parzjalment, identiċi, fir-rigward tal-“ilbies”, tax-“xedd ir-ras” u taż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade marks kunfliġġenti u ż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni, u, parzjalment, jixtiebhu fi grad dgħajjef, fir-rigward taż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti u ż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni.

106

Barra minn hekk, ġie kkonstatat li, għall-parti tal-pubbliku rilevanti li ma għandhiex konoxxenza tal-vokabolarju bażiku tal-Ingliż, it-trade marks kunfliġġenti kienu differenti mill-perspettiva viżiva, fonetika u kunċettwali u, għall-kumplament ta’ dan il-pubbliku, dawn kienu jixtiebhu, fi grad medju, mill-perspettiva viżiva u fonetika u, fi grad dgħajjef, mill-perspettiva kunċettwali. Meqjus il-fatt li l-prodotti inkwistjoni għandhom ġeneralment jew jintgħażlu b’mod viżiv, fil-ħanut, fuq katalogu jew fuq l-internet (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, EU:T:2004:293, punt 50; tat-8 ta’ Frar 2007, Quelle vs UASI – Nars Cosmetics (NARS), T‑88/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:45, punt 69, u tat-18 ta’ Mejju 2011, IIC vs UASI – McKenzie (McKENZIE), T‑502/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:223, punti 5051) jew jiġu preskritti jew irrakkomandati oralment (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), il-perspettivi viżivi u fonetiċi għandhom, f’dan il-każ, l-ikbar importanza, b’tali mod li l-grad ta’ xebh li jeżisti bejn l-imsemmija trade marks, ikkunsidrati b’mod globali, jista’ jiġi ddefinit bħala li huwa medju għall-parti tal-pubbliku li hija anglofona jew li għandha konoxxenza tal-imsemmi vokabolarju bażiku.

107

Konsegwentement, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni huma ssodisfatti biss fir-rigward tal-parti tal-pubbliku rilevanti li hija anglofona jew li għandha konoxxenza tal-vokabolarju bażiku Ingliż.

108

Sa fejn l-intervenjenti ssostni li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv intrinsiku dgħajjef, minħabba l-karattru deskrittiv tal-element “stepeasy” u tal-karattru purament ornamentali jew deskrittiv (suletti taż-żraben) tal-elementi figurattivi, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma ħax espliċitament pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-grad tal-karattru deskrittiv intrinsiku tal-imsemmija trade mark. Dan tal-aħħar għandu jvarja, għall-parti tal-pubbliku rilevanti li hija anglofona jew li għandha konoxxenza tal-vokabolarju bażiku tal-Ingliż, minn dgħajjef, għaż-“żraben”, li għalihom id-disinn astratt f’kannizzata bluna u oranġjo, l-istess bħall-element imsemmi iktar ’il fuq, ikun allużiv jew evokatorju, għal medju, fir-rigward tal-“ilbies” u x-“xedd ir-ras”, li fir-rigward tagħhom l-imsemmi disinn astratt ma jkunx allużiv jew evokatur.

109

Fir-rigward tal-pubbliku inġenerali anglofonu jew li għandu konoxxenza tal-vokabolarju bażiku Ingliż li jista’ jixtri ż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, koperti minn kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti, anki jekk il-prodotti inkwistjoni huma identiċi, meqjus il-livell ta’ attenzjoni medju li ser juri l-pubbliku kkonċernat u tal-karattru distintiv intrinsiku dgħajjef tat-trade mark preċedenti fir-rigward taż-“żraben”, il-grad medju ta’ xebh globali li jeżisti bejn l-imsemmija trade marks ma huwiex suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jitqies li l-imsemmi pubbliku jista’ jemmen li l-imsemmija prodotti joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

110

Fir-rigward tal-pubbliku inġenerali anglofonu jew li għandu konoxxenza tal-vokabolarju bażiku Ingliż li jista’ jixtri l-“ilbies” u x-“xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25, koperti minn kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti, meqjus il-livell ta’ attenzjoni medju li ser juri l-pubbliku kkonċernat, il-karattru identiku tal-prodotti inkwistjoni u tal-karattru distintiv intrinsiku medju tat-trade mark preċedenti fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-grad medju ta’ xebh globali li jeżisti bejn l-imsemmija trade marks huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jitqies li l-imsemmi pubbliku jista’ jemmen li l-imsemmija prodotti joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

111

Fir-rigward tal-parti, kunsiderevoli, tal-pubbliku inġenerali anglofonu jew li għandu konoxxenza tal-vokabolarju bażiku Ingliż li jista’ jixtri kemm iż-“żraben sanitarji”, inklużi fil-klassi 25, jew iż-“żraben ortopediċi” u l-“istvali għal skopijiet mediċi”, fil-klassi 10, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni kif ukoll iż-“żraben”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark preċedenti, anki fir-rigward ta’ dawk il-prodotti inkwistjoni li huma identiċi u mhux sempliċement jixtiebhu fi grad dgħajjef, meqjus il-livell ta’ attenzjoni għoli li għandu juri l-pubbliku kkonċernat u l-karattru distintiv intrinsiku dgħajjef tat-trade mark preċedenti fir-rigward taż-“żraben”, il-grad medju ta’ xebh globali li jeżisti bejn l-imsemmija trade marks ma huwiex suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jitqies li l-imsemmi pubbliku jista’ jemmen li l-imsemmija prodotti joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

112

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rikorrenti hija fondata li ssostni lil-Bord tal-appell kien żbaljat meta, fid-deċiżjoni kkontestata, iddeċieda li kien hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, u meta annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-6 ta’ Diċembru 2017 u ċaħad l-oppożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-“ilbies” u x-“xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25, ikkonċernati mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni.

113

Hemm lok li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mressqa mir-rikorenti tiġi milqugħa f’dan ir-rigward u miċħuda, għaliex infondata, fir-rigward tal-kumplament.

114

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, għalkemm is-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bl-evalwazzjoni tagħha u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex, din għandha tiġi eżerċitata f’sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

115

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell adotta pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fir-rigward tal-“ilbies” u tax-“xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa tibdel l-imsemmija deċiżjoni f’dan ir-rigward.

116

Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 105 sa 112 iktar ’il fuq, l-imsemmi bord kien obbligat li jqis li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 fir-rigward tal-imsemmija prodotti.

117

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, permezz ta’ bidla tad-deċiżjoni kkontestata, li l-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell jiġi miċħud sa fejn dan jikkonċerna dawn il-prodotti. Mill-kumplament, hemm lok li t-talba għal bidla tad-deċiżjoni tiġi miċħuda għaliex infondata.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-8 ta’ Novembru 2018 (Każ R 76/2018-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Pablosky, SL u docPrice GmbH, hija annullata sa fejn din tirrigwarda l-“ilbies” u x-“xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

 

2)

L-appell ippreżentat minn docPrice quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO huwa miċħud sa fejn dan jirrigwarda l-prodotti msemmija fil-punt 1.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Kull parti hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

Top