EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CO0415

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Mejju 2020.
Blumar SpA et vs Agenzia delle Entrate.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li tingħata għajnuna taħt l-iskema awtorizzata f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni mhux prevista fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Kawżi magħquda C-415/19 sa C-417/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:360

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li tingħata għajnuna taħt l-iskema awtorizzata f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni mhux prevista fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑415/19 sa C‑417/19,

li għandha bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑4 ta’ Diċembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Mejju 2019, fil-proċeduri,

Blumar SpA (C‑415/19),

Roberto Abate SpA (C‑416/19),

Commerciale Gicap SpA (C‑417/19)

vs

Agenzia delle Entrate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tas-Sitt Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla, u L. Bay Larsen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Blumar SpA u Commerciale Gicap SpA, minn G. Mameli, R. Esposito u R. Altieri, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Stancanelli u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 380 tal‑25 ta’ Jannar 2008, “Għajnuna mill-Istat N 39/2007 – L-Italja – Kreditu ta’ taxxa għall-investimenti l-ġodda fiż-żoni żvantaġġati” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, Blumar SpA, Roberto Abate SpA u Commerciale Gicap SpA, minn naħa, u l-Agenzia delle Entrate (l-amministrazzjoni fiskali, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti kreditu ta’ taxxa lil dawn il-kumpanniji, skont skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata bid-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Permezz tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna stabbilita permezz tal-legge n. 296 li kienet tinkludi “Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2007)” (il-Liġi Nru 296, li fiha dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat” (il-Liġi tal-Finanzi tal-2007)), tas‑27 ta’ Diċembru 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 299, tas‑27 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 296/2006”), li tistabbilixxi kreditu ta’ taxxa għax-xiri ta’ oġġetti ta’ tagħmir għal strutturi ta’ produzzjoni li jinsabu f’ċerti reġjuni tan-nofsinhar tal-Italja (iktar ’il quddiem il-“kreditu ta’ taxxa inkwistjoni”), kienet kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(a) u (c) KE.

Id-dritt Taljan

4

Il-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni ġie stabbilit bil-paragrafi 271 sa 279 tal-Artikolu uniku tal-Liġi Nru 296/2006, mill-perijodu taxxabbli wara dak li kien għaddej fil‑31 ta’ Diċembru 2006 u sal-għeluq tal-perijodu ta’ tassazzjoni li kien għaddej fil‑31 ta’ Diċembru 2013.

5

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1223 tal-Artikolu uniku ta’ din il-liġi ġew imħassra, iżda ġew riprodotti, f’termini identiċi, fl-Artikolu 16a(11) tal-legge n. 11 che reca norme generali sulla partecizione dell’Italia al processo normativo dell’ Unione europea e sulle procedure di esecuzione degli obblighi comunitari (il-Liġi Nru 11 li tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Parteċipazzjoni tal-Italja fil-Proċess Leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea u dwar il-Proċeduri ta’ Implementazzjoni ta’ Obbligi Komunitarji), tal‑4 ta’ Frar 2005 (GURI Nru 37, tal‑15 ta’ Frar 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 11/2005). Skont dawn id-dispożizzjonijiet:

“Id-destinatarji tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 87 KE jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi biss jekk jiddikjaraw, skont l-Artikolu 47 tat-Test Uniku tad-[decreto del Presidente della Repubblica n 445 (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445), tat‑28 ta’ Diċembru 2000 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 42, tal‑20 ta’ Frar 2001),] u l-modalitajiet stabbiliti bid-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, li għad irid jiġi ppubblikat fil- Gazzetta ufficiale , li ma kinux jagħmlu parti minn dawk li rċevew l-għajnuna illegali, u li sussegwentement naqsu li jirrimborsaw jew li jqiegħdu f’kont ibblukkat, l-għajnuna li ġiet indikata bħala illegali jew inkompatibbli mill-Kummissjoni Ewropea u li kienet speċifikata fid-digriet imsemmi f’dan il-paragrafu.”

6

Id-decreto del Presidente del Consiglio dei ministri (id-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri), tat‑23 ta’ Mejju 2007, GURI Nru 160, tas‑12 ta’ Lulju 2007), jirregola l-modalitajiet sabiex tiġi stabbilita d-dikjarazzjoni “li tissostitwixxi att ta’ reputazzjoni”, imsemmija fil-punt preċedenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni solenni”). Dan id-digriet jipprevedi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li din id-dikjarazzjoni “tirrigwarda l-għajnuna li l-Kummissjoni Ewropea ordnat l-irkupru tagħha, skont id-deċiżjonijiet segwenti:

“a) deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Mejju 1999 […] dwar l-iskemi ta’ għajnuna implementati mill-Italja dwar miżuri għall-impjieg, fil-forma ta’ vantaġġi mogħtija marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol […];

b) deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2002 […] dwar għajnuna mill-Istat għall-eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi ta’ servizzi pubbliċi li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi […];

c) deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Marzu 2004 […] dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mill-Italja dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tal-impjieg […];

d) deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2004 […] dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Italja favur impriżi li jagħmlu investimenti fil-komuni affettwati mid-diżastri naturali tal-2002 […]”

7

L-Artikolu 2 tad-decreto legge n. 97 (id-Digriet-Liġi Nru 97), tat‑3 ta’ Ġunju 2008, ikkonvertit f’liġi u emendat bil-legge n. 129 (il-Liġi Nru 129), tat‑2 ta’ Awwissu 2008 (GURI Nru 180, tat‑2 ta’ Awwissu 2008), jistabbilixxi l-limiti ta’ riżorsi disponibbli għas-snin differenti ta’ applikabbiltà tal-għajnuna u jirregola l-proċedura ta’ aċċess għall-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni billi jipprevedi b’mod partikolari, għall-proġetti ta’ investiment diġà implementati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet-liġi, l-obbligu, għall-persuni interessati, li jibagħtu formola lill-amministrazzjoni fiskali, taħt piena li tiskadi l-għajnuna, f’terminu prefiss, li tissostitwixxi “riżerva tad-dritt” sabiex jibbenefikaw minn dan il-kreditu ta’ taxxa.

Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8

Il-fatti relatati maż-żewġ kawżi prinċipali huma, mutatis mutandis, identiċi fil-Kawżi C‑415/19 u C‑417/19. Huma jistgħu jitqassru kif ġej.

9

Kull waħda mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbet lill-amministrazzjoni fiskali sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni.

10

L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet it-talbiet rispettivi tagħhom minħabba li huma ma kinux annettew id-dikjarazzjoni solenni mal-applikazzjoni tagħhom.

11

Ir-rikorsi ppreżentati minn dawn ir-rikorenti kontra dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

12

Fil-kuntest tal-appelli rispettivi tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), l-imsemmija rikorrenti sostnew il-ksur kemm tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

13

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, l-għoti tal-kreditu tat-taxxa inkwistjoni jista’ jiġi rrifjutat għar-raġuni biss li l-applikant irċieva għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li huwa kien suġġett formalment għal ordni ta’ rkupru u, min-naħa l-oħra, hawn ma hemmx sempliċement sospensjoni tal-ħlas ta’ għajnuna ġdida, iżda rifjut definittiv tagħha. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, redatta b’termini identiċi fit-tliet kawżi prinċipali:

“Il-paragrafu 1223 tal-artikolu uniku tal-Liġi [Nru 296/2006] (issa l-Artikolu 16bis(11) tal-[Liġi Nru 11/2005]) u d-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat‑23 ta’ Mejju 2007, huma kompatibbli mal-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni], fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE, kif interpretat [mis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni (C‑355/95 P, EU:C:1997:241)], mad-deċiżjoni [tal‑25 ta’ Jannar 2008] u mal-prinċipju [tad-dritt tal-Unjoni] ta’ proporzjonalità?”

15

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2019, il-Kawżi C‑415/19 u C‑417/19 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tad-digriet.

Fuq id-domanda preliminari

16

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

17

F’dawn il-kawżi hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 108(3) TFUE, id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat taħt skema ta’ għajnuna stabbilita minn dan l-Istat Membru u awtorizzata minn din id-deċiżjoni huwa suġġett għal dikjarazzjoni tal-applikant li tgħid li huwa ma bbenefikax minn għajnuna kkunsidrata bħala illegali u inkompatibbli mill-Kummissjoni, li huwa naqas li jirrimborsa jew iqiegħed f’kont ibblukkat, anki jekk huwa ma jkunx ġie suġġett għal talba għal irkupru u minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ma tipprevedix espressament tali rekwiżit.

19

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni (C‑355/95 P, EU:C:1997:241), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjonijiet tar-rinviju u fid-domandi tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni għandha raġun tissuġġetta l-ħlas ta’ għajnuna ġdida għall-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni, minn naħa, hija kompetenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti illegali u mhux imħallsa lura u ta’ għajnuna ġdida, u, min-naħa l-oħra, tista’ tikkonstata l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna ġdida biss meta l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha jippermettulha tikkonkludi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il-Kummissjoni (C‑150/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:34, punt 70).

20

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrifjuta l-għoti tal-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni lill-applikant li bbenefika minn għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mill-Kummissjoni, fil-każ fejn dan ikun is-suġġett ta’ talba għal rimbors iżda li l-għajnuna ma ġietx irrimborsata jew imqiegħda f’kont ibblukkat.

21

Għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, minkejja li hija intiża li tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni (C‑355/95 P, EU:C:1997:241), tistabbilixxi madankollu kundizzjonijiet iktar restrittivi peress li tipprevedi r-rifjut tal-ħlas tal-għajnuna mill-Istat għas-sempliċi raġuni li l-applikant ma ppreżentax id-dikjarazzjoni solenni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk effettivament ibbenefikax minn għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli jew, jekk ikun il-każ, mill-eżistenza ta’ applikazzjoni għal rimbors ta’ din l-għajnuna li tagħha huwa jkun destinatarju.

22

Madankollu, tali rekwiżit ma jippreġudikax l-obbligi msemmija f’din is-sentenza u lanqas jimmodifika l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008. Għaldaqstant, hija ma tistax tikkontesta l-kompatibbiltà ta’ din l-istess skema mas-suq intern u ma tistax, għaldaqstant, titqies li tmur kontra din id-deċiżjoni.

23

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qabel l-implementazzjoni tagħhom, dan ma jobbligahomx, min-naħa l-oħra, jagħtu għajnuna, anki jekk din taqa’ fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna approvata minn deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni. Tali deċiżjoni għandha biss l-għan u l-effett li tawtorizza skema ta’ għajnuna billi tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern, u mhux li timponiha fuq l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Foselev Sud-Ouest, C‑18/08, EU:C:2008:647, punt 16; u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 52, kif ukoll id-digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

24

Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova skema ta’ għajnuna mill-Istat ma tipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli jżomm il-possibbiltà li jirrifjuta li jagħti għajnuna taħt din l-iskema (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

25

F’dan il-każ, il-fatt li, fid-dawl tas-sistema ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet implementata u tal-limitu massimu tar-riżorsi disponibbli, ir-rifjut ta’ għoti tal-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni bbażat fuq l-assenza ta’ dikjarazzjoni solenni għandu natura definittiva lanqas ma jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali rekwiżit lanqas ma jista’ jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

27

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE, id-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2008 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna stabbilita minn dan l-Istat Membru u awtorizzata minn din id-deċiżjoni huwa suġġett għal dikjarazzjoni tal-applikant li tgħid li huwa ma bbenefikax minn għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mill-Kummissjoni, li huwa naqas milli jirrimborsa jew milli jqiegħed f’kont ibblukkat, anki jekk huwa ma jkunx ġie suġġett għal talba għal irkupru u minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ma tipprevedix tali rekwiżit.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 108(3) TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 380 tal‑25 ta’ Jannar 2008, “Għajnuna mill-Istat N 39/2007— L-Italja—Kreditu ta’ taxxa għall-investimenti l-ġodda fiż-żoni żvantaġġati”, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna stabbilita minn dan l-Istat Membru u awtorizzata minn din id-deċiżjoni huwa suġġett għal dikjarazzjoni tal-applikant li tgħid li huwa ma bbenefikax minn għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mill-Kummissjoni Ewropea, li huwa naqas milli jirrimborsa jew milli jqiegħed f’kont ibblukkat, anki jekk huwa ma jkunx ġie suġġett għal talba għal irkupru u minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ma tipprevedix espressament tali rekwiżit.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top