Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CO0113

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-26 ta’ Marzu 2020.
    Luxaviation SA vs Ministre de l'Environnement.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Direttiva 2003/87/KE – Multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet – Assenza ta’ kawża ta’ eżenzjoni fil-każ ta’ dispożizzjoni effettiva ta’ kwoti li ma ġewx ċeduti, ħlief forza maġġuri – Impossibbiltà ta’ modulazzjoni tal-ammont tal-multa – Proporzjonalità – Artikoli 20, 41, 47 u Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
    Kawża C-113/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:228

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Direttiva 2003/87/KE – Multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet – Assenza ta’ kawża ta’ eżenzjoni fil-każ ta’ dispożizzjoni effettiva ta’ kwoti li ma ġewx ċeduti, ħlief forza maġġuri – Impossibbiltà ta’ modulazzjoni tal-ammont tal-multa – Proporzjonalità – Artikoli 20, 41, 47 u Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

    Fil-Kawża C‑113/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

    Luxaviation SA

    vs

    Ministre de l’Environnement,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla, u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Luxaviation SA, minn N. Bannasch u M. Zins, avocats,

    għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer u T. Uri, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Parlament Ewropew, minn L. Darie, C. Ionescu Dima u A. Tamás, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Michoel u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑F. Brakeland u A. C. Becker, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Luxaviation SA u l-ministre de l’Environnement (il-Ministru għall-Ambjent, il-Lussemburgu) dwar l-osservanza minn Luxaviation tal-obbligi tagħha fil-qasam taċ-ċediment ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għas-sena 2015.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2003/87

    3

    Il-premessi 5 sa 7 tad-Direttiva 2003/87 jistipulaw:

    “(5)

    Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, [fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto]. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/389/KEE ta’ l‑24 ta’ Ġunju 1993 għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għal CO2 Komunitarju u emissjonijiet oħra tal-gassijiet serra [ĠU 1993, L 167, p. 31], stabbiliet mekkaniżmu sabiex jimmonitorja l-emissjoni tal-gassijiet serra u jivvaluta l-progress sabiex jintlaħqu l-impenji rigward dawn l-emissjonijiet. Dan il-mekkaniżmu jrid jassisti lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati.

    (7)

    Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

    4

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill‑1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, […].”

    5

    Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva:

    “Il-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra għandu jkun fihom dan li ġej:

    […]

    (e)

    obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali ta’ l-istallazzjoni kull sena kalendarja, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ din is-sena […]”

    6

    L-Artikolu 11(2) tal-istess direttiva jiddisponi:

    “Sat‑28 ta’ Frar ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu distribwiti għal dik is-sena […]”

    7

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87, dwar it-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti, jiddisponi fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “[…] L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, […] u li wara dawn jiġu kkanċellati. […]”

    8

    In-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa ssanzjonat, minbarra bil-pubblikazzjoni tal-isem tal-operaturi li jwettqu nuqqas previst fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2003/87, permezz ta’ multa prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li skont dan:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur li ma jċedix kwoti biżżejjed sat‑30 ta’ April ta’ kull sena sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu matul is-sena ta’ qabel għandu jinżamm lijabbli li jħallas penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet. Il-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħ minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ma għandux jeħles lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti egwali għall-dawk l-emissjonijiet maqbuża meta jċedi l-kwoti f’relazzjoni mas-sena kalendarja ta’ wara.”

    9

    Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/87/KE:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravvenzjonijiet kontra d-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]”

    Ir-Regolament (UE) Nru 389/2013

    10

    L-Artikolu 67 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat‑2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU 2013, L 122, p. 1), jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandhom jirrinunzjaw għal kwoti billi jipproponu lir-Reġistru tal-Unjoni li:

    (a)

    jittrasferixxi għadd speċifikat ta’ kwoti maħluqin għall-konformità fl-istess perjodu ta’ negozjar mill-kont ta’ depożitu rilevanti ta’ operatur jew mill-kont ta’ depożitu ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru għall-kont tal-Unjoni għal tħassir ta’ kwoti;

    (b)

    jirreġistra l-għadd u t-tip ta’ kwoti trasferiti bħala restitwiti għall-emissjonijiet tal-installazzjoni tal-operatur jew tal-emissjonijiet tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru fil-perjodu kurrenti.

    2.   Kwoti tal-avjazzjoni jistgħu jkunu rrinunzjati biss minn operaturi ta’ inġenji tal-ajru.”

    Id-dritt Lussemburgiż

    11

    Id-Direttiva 2003/87 ġiet trasposta fid-dritt Lussemburgiż permezz tal-loi, du 23 décembre 2004, établissant un système d’échange de quotas d’émission de gaz à effet de serre […] (Mémorial A 2004, p. 3792) (il-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2004 li Tistabbilixxi Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra).

    12

    L-Artikolu 13 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għad-digriet tal‑31 ta’ Ottubru 2016 inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Mémorial A 2012, p. 4410) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2004”), jiddisponi, fil-paragrafu 2a tiegħu:

    “Il-Ministru għandu jiżgura li, sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur ta’ ajruplan iċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li fir-rigward tagħhom huwa kkunsidrat bħala l-operatur ta’ ajruplan, kif ivverifikati konformement mal-Artikolu 16. Il-kwoti li jiġu ċeduti huma sussegwentement annullati mill-Ministru.”

    13

    L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

    “Kull operatur ta’ installazzjoni jew ta’ ajruplan, wara t-tmiem tas-sena kkonċernata, għandu jissorvelja u għandu jiddikjara lill-Ministru l-emissjonijiet prodotti mill-installazzjoni tiegħu jew, mill‑1 ta’ Jannar 2010, mill-ajruplan li huwa jopera f’kull sena kalendarja, konformement mar-Regolament (UE) Nru 601/2012 iċċitat iktar ’il fuq.”

    14

    Skont l-Artikolu 20(3) u (7) tal-istess liġi:

    “3.   Kull operatur jew operatur ta’ ajruplan li, sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, ma jċedix numru ta’ kwoti suffiċjenti sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu ta’ matul is-sena preċedenti, għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Il-penali ta’ emissjonijiet żejda għandha tkun ta’ EUR 100 għal kull tunellata ta’ dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mitfugħa u li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta’ emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-operatur jew lill-operatur ta’ ajruplan mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti ekwivalenti għal dawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta’ wara.

    […]

    7.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet preċedenti, għandu jiġi ppubblikat l-isem tal-operaturi u tal-operaturi tal-ajruplani li jkunu kisru l-ħtieġa li jċedu kwoti suffiċjenti skont l-Artikolu 13(2a) jew (3).”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Luxaviation tappartjeni lil grupp tat-trasport bl-ajru li jafferma li għandu flotta ta’ 260 ajruplan u jimpjega madwar 1700 persuna. Hija bdiet l-attivitajiet tagħha fl‑2013 u minn dik is-sena kienet tifforma parti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra taħt in-numru ta’ identifikazzjoni 234154. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija ċediet b’mod korrett il-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tagħha għas-snin 2013 u 2014, u li din il-kawża tirrigwarda s-sena 2015.

    16

    Fir-rigward ta’ dik is-sena, Luxaviation stabbilixxiet ir-rapport tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fil‑5 ta’ Frar 2016.

    17

    Fit‑30 ta’ Marzu ta’ wara, hija ġiet innotifikata elettronikament bil-verifika ta’ dan ir-rapport permezz tal-indirizz tal-posta elettronika “CLIMA‑EU‑ETS‑REGISTRY‑PROD@ec.europa.eu” kif ġej:

    “Subject: Emissions approved

    The emissions entered for:

    23415 (Monitoring Plan for Annual Emissions)

    Year(s) 2015

    .. have been VERIFIED”.

    18

    Luxaviation tiddikjara li, fid‑19 ta’ April 2016, irreġistrat il-kwoti fi ħdan ir-reġistru Lussemburgiż qabel ma żgurat it-trasferiment tagħhom, wara li wettqet il-verifiki meħtieġa. Fl-istess jum, hija ħallset il-pagamenti mitluba u rrilaxxat iċ-ċertifikati relatati fil-kont Ewropew EU‑100‑5023942.

    19

    Luxaviation issostni li b’hekk kellha ċertezza li temmet il-proċedura ta’ ċediment tal-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet għas-sena 2015, ċertezza li ġiet imsaħħa mir-riċezzjoni, fid‑19 ta’ April 2016, ta’ messaġġ elettroniku li joriġina mill-indirizz “CLIMA‑EU‑ETS‑REGISTRY‑PROD@ec.europa.eu”, li jgħid:

    “The transaction EU341482 of type 10‑00 Internal Transfer between:

    EU‑100‑5023709

    And:

    EU‑100‑5023942

    Involving:

    Unit Type: Aviation, Unit Amount: 6428

    ...has ended with a status Completed.”

    20

    Madankollu, kif tikkonferma mingħajr ma ġiet ikkontradetta l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-konferma elettronika tat-tmiem kienet, fir-realtà, relatata ma’ akkwist ta’ kwoti minn Luxaviation mingħand kumpannija Slovena, u mhux ma’ trasferiment ta’ kwoti lejn ir-reġistru tal-Unjoni.

    21

    Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2016, le ministre de l’Environnement (il-Ministru għall-Ambjent) indika lil Luxaviation li peress li hija ma kinitx ipproċediet għaċ-ċediment meħtieġ fit-termini stabbiliti, jiġifieri qabel it‑30 ta’ April tal-istess sena, huwa qed jistedinha tagħmel l-osservazzjonijiet eventwali tagħha u annetta proposta ta’ digriet li tindika n-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni li allegatament ma ġewx ċeduti għas-sena 2015 kif ukoll l-ammont tal-multa imposta f’dan ir-rigward.

    22

    Bħala risposta, Luxaviation sostniet li skopriet dan id-dewmien biss permezz tal-ittra tal-ministre de l’Environnement (il-Ministru għall-Ambjent). Hija ddefendiet ruħha mill-akkuża li kellha l-intenzjoni li taħrab konxjament mill-obbligi tagħha u invokat “nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn wieħed mill-impjegati tagħha jew malfunzjoni informatika”. Hija ddikjarat li kienet ibbażat ruħha fuq il-messaġġ elettroniku tad‑19 ta’ April 2016 u li kienet konvinta fermament, f’dak iż-żmien, li wettqet b’mod korrett il-proċedura ta’ ċediment. Hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, hija ma ppreġudikatx l-ambjent.

    23

    Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Ottubru 2016, il-ministre de l’Environnement (il-Ministru għall-Ambjent) impona fuq Luxaviation multa ta’ EUR 100 għal kull kwota mhux ċeduta mal-iskadenza legali, jiġifieri EUR 642800 li kellha titħallas qabel it‑30 ta’ Novembru 2016. L-istess deċiżjoni tordna l-pubblikazzjoni tal-isem ta’ Luxaviation fis-sit internet għall-amministrazzjoni tal-ambjent.

    24

    Luxaviation ippreżentat rikors minn dan id-digriet fid‑29 ta’ Novembru 2016 quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), li ġie miċħud b’sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, u sussegwentement ippreżentat appell quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) fis‑6 ta’ April 2018.

    25

    Quddiem din il-qorti, Luxaviation issostni b’mod partikolari li kienet, f’bona fide, konvinta li temmet il-proċedura ta’ ċediment. Barra minn hekk, hija ssostni li l-multa thedded il-vijabbiltà ekonomika tagħha.

    26

    Hija tinvoka wkoll ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ kompetizzjoni libera, minħabba li l-operaturi Franċiżi jibbenefikaw minn appoġġ min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-twettiq tal-obbligu ta’ ċediment tagħhom.

    27

    Fl-aħħar nett, hija tqajjem il-kwistjoni tal-konformità tal-multa b’rata fissa mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-assenza ta’ mekkaniżmi ta’ notifika, ta’ tfakkir u ta’ ċediment antiċipat fid-dritt Lussemburgiż imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li ebda stadju intermedjarju ma ġie implimentat mill-awtoritajiet Lussemburgiżi sabiex jipprovdu appoġġ lill-operaturi fl-obbligi tagħhom, u sa fejn is-sanzjoni b’rata fissa hija applikata b’mod “awtomatiku, immedjat u mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi proprji” li wasslu għan-nuqqas ta’ ċediment tal-kwoti.

    28

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour Administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2003/87], li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-restituzzjoni tal-kwoti maħruġa mill-operaturi tagħhom, għandu jiġi interpretat, flimkien mal-Kartikolu 41 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’)], li fih jinsab sanċit il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala li, għall-awtorità nazzjonali kompetenti, jistabbilixxi obbligu tal-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ individwali tal-obbligi ta’ restituzzjoni, qabel id-data ta’ skadenza tat‑30 ta’ April tas-sena kkonċernata, meta din l-istess amministrazzjoni tkun kompetenti għas-sorveljanza ta’ numru mnaqqas ta’ operaturi, f’dan il-każ 25 operatur fuq il-livell nazzjonali?

    2)

    a)

    Operazzjoni ta’ restituzzjoni tal-kwoti li ma hijiex mitmuma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami, fejn l-operatur qagħad fuq il-fatt li rċieva konferma elettronika li kienet tattesta l-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, għandha tiġi interpretata bħala li setgħet raġonevolment tiġġenera, f’moħħ l-operatur b’bona fide, aspettattivi leġittimi fil-fatt li huwa kien iffinalizza l-operazzjoni ta’ restituzzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(e) tad-Direttiva [2003/87]?

    b)

    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, in-natura leġittima ta’ dawn l-aspettattivi tista’ tiġi iktar u iktar preżunta bħala stabbilita f’moħħ operatur b’bona fine meta, waqt l-eżerċizzju ta’ restituzzjoni preċedenti, huwa kien ġie kkuntattjat b’mod spontanju mill-amministrazzjoni nazzjonali sabiex, xi jiem qabel l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 6(2)(e) tad-Direttiva [2003/87], tfakkru li l-proċedura ta’ restituzzjoni tal-kwoti kienet għadha ma ġietx iffinalizzata, u b’hekk ippermettietlu li b’mod raġonevoli jippreżumi li huwa kien konformi mal-obbligi tiegħu ta’ restituzzjoni għas-sena kurrenti fl-assenza ta’ kuntatt dirett ta’ din l-istess amministrazzjoni s-sena ta’ wara?

    c)

    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għaż-żewġ domandi ta’ qabel din, sew jekk jiġu analizzati b’mod individwali jew b’mod konġunt, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi intepretat bħala li jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li jipppermetti li l-operatur b’bona fide jiġi eżentat parzjalment jew b’mod sħiħ mis-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [2003/87]?

    3)

    a)

    L-Artikolu 49(3) tal-Karta, li fih jinsab sanċit il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi l-iffissar b’rata fissa tal-multa li tissanzjona n-nuqqas ta’ restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni, previst fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [2003/87], meta din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi imposta sanzjoni proporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq mill-operatur?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, il-prinċipju ta’ ugwaljanza sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta, [kif ukoll] il-prinċipju ġenerali ta’ bona fide u dak ta’ ‘fraus omnia corrumpit’, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu li fir-rigward tas-sanzjoni b’rata fissa, li għandha tiġi deċiża b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [2003/87], li magħha tiżdied b’mod awtomatiku l-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2004], l-operatur b’bona fide li jkun sempliċement neġliġenti, li barra minn hekk ikun mingħalih li ssodisfa l-obbligi tiegħu ta’ restituzzjoni ta’ drittijiet ta’ emissjoni fid-data ta’ skadenza tat‑30 ta’ April rilevanti, jiġi ttrattat bl-istess mod bħal operatur li jaġixxi b’mod frawdolenti?

    c)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, l-applikazzjoni tas-sanzjoni b’rata fissa, mingħajr ebda bidla possibbli min-naħa tal-qorti nazzjonali, ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri, [l-istess bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni, hija konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rimedju effettiv?

    d)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, l-approvazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fissa abbażi ta’ rieda promossa mil-leġiżlatur Ewropew, [l-istess bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni, mingħajr ma jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri mifhuma fis-sens strett, tirriżulta f’abdikazzjoni tal-qorti nazzjonali quddiem ir-rieda preżunta tal-leġiżlatur Ewropew u assenza indebita ta’ stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tal-Artikoli 47 u 49(3) tal-Karta?

    e)

    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għad-domanda ta’ qabel din, l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qorti nazzjonali, fil-kuntest tas-sanzjoni b’rata fissa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, [bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2004], twassal sabiex jinkiser id-djalogu li essenzjalment jagħti riżultati tajbin li jeżisti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja […] u l-qrati supremi nazzjonali bħala l-effett ta’ soluzzjoni stabbilita minn qabel approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja […], ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri mifhuma fis-sens strett, li tkun ekwivalenti għal impossibbiltà ta’ djalogu effettiv min-naħa tal-qorti suprema nazzjonali li jkollha biss tapprova s-sanzjoni, ladarba l-każ ta’ forza maġġuri jiġi meqjus li ma huwiex ivverifikat?

    4)

    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti mogħtija għad-domandi ta’ qabel din, il-kunċett ta’ forza maġġuri jista’ jiġi interpretat bħala li jieħu inkunsiderazzjoni r-rigorożità suġġettiva tal-operatur b’bona fide meta l-ħlas tas-sanzjoni b’rata fissa, sanċita fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, [bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2004], ikun jikkostitwixxi riskju finanzjarju u telf ta’ kreditu kunsiderevoli li jistgħu jwasslu għat-tkeċċija tal-persunal tiegħu u saħansitra għall-falliment tiegħu stess?”

    Fuq id-domandi preliminari

    29

    Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    30

    F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

    31

    Preliminarjament, għandha titfakkar l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Billerud, EU:C:2013:664).

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li operatur li ma jkunx ċeda sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ April tas-sena kurrenti l-kwoti tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tiegħu tas-sena li tkun għaddiet jaħrab l-impożizzjoni tal-multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet prevista, u dan anki jekk f’din id-data huwa jkollu numru suffiċjenti ta’ kwoti. Din l-interpretazzjoni hija marbuta b’mod partikolari mal-fatt li l-obbligu impost mid-Direttiva 2003/87 għandu jitqies mhux bħala sempliċi obbligu ta’ żamma ta’ kwoti li jkopru l-emissjoni tas-sena li tkun għaddiet sat‑30 ta’ April tas-sena kurrenti, iżda bħala obbligu ta’ ċediment tal-imsemmija kwoti sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ April, sabiex dawn jiġu annullati fir-reġistru tal-Unjoni intiż sabiex tiġi ggarantita kontabbiltà preċiża tal-kwoti (sentenza Billerud, punt 30), peress li l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 hija bbażata fuq kontabbiltà stretta tal-kwoti maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u kkanċellati li titlob l-istabbiliment ta’ sistema ta’ reġistri standardizzati permezz ta’ regolament distint tal-Kummissjoni (sentenza Billerud, punt 27).

    33

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-multa b’rata fissa fuq l-eċċess ta’ emissjonijiet prevista mid-Direttiva 2003/87 ma tistax tiġi kkunsidrata kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-ammont tagħha ma huwa suġġett għal ebda possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali. Fil-fatt, f’kuntest ta’ urġenza sabiex jiġu indirizzati preokkupazzjonijiet ambjentali serji, l-obbligu ta’ ċediment, previst fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 u l-multa b’rata fissa li tissanzjonah fl-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva kienu jidhru neċessarji għal-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-tfittix tal-għan ta’ stabbiliment ta’ skema effiċjenti għall-iskambju ta’ kwoti ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju, sabiex jiġi evitat li ċerti operaturi jew intermedjarji tas-suq jitħajru jevitaw jew jimmanipulaw is-sistema billi abbużivament iwettqu tibdil fil-prezzijiet, fil-kwantitajiet, fit-termini jew fil-prodotti finanzjarji kumplessi li kull suq joħloq. Barra minn hekk, mid-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-operaturi għandhom perijodu ta’ erba’ xhur sabiex ikunu jistgħu jċedu l-kwoti korrispondenti għas-sena li tkun għaddiet, u dan iħallilhom terminu raġonevoli sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom ta’ ċediment (sentenza Billerud, punti 38 sa 40).

    34

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu ttrattati d-domandi magħmula f’din il-kawża.

    Fuq it-tielet domanda

    35

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 47, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-multa b’rata fissa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 ma tkun akkumpanjata minn ebda possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali.

    36

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-Artikolu 20 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-ugwaljanza fid-dritt stabbilita fih hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm din id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C‑313/04, EU:C:2006:454, punt 33).

    37

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

    38

    Issa, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ dan id-digriet, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 jistabbilixxi distinzjoni, oġġettiva u raġonevoli fid-dawl tal-għan li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ skema komuni effiċjenti ta’ kwoti, bejn, minn naħa, l-operaturi li ssodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ċediment u, min-naħa l-oħra, dawk li ħarbu minnha.

    39

    Għalhekk, il-fatt li l-qorti nazzjonali titħalla taġġusta l-ammont tal-multa li tissanzjona lill-operaturi li jaqgħu taħt din it-tieni kategorija u, għaldaqstant, li tittratta b’mod differenti operaturi li huma kollha oġġettivament jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tagħhom ta’ ċediment, mhux biss ma jirriżulta bl-ebda mod mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt, iżda wkoll imur kontra dan.

    40

    Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi permess li tiġi kkontestata l-validità tad-Direttiva 2003/87 sa fejn din tostakola l-kontestazzjoni mill-persuni kkonċernati tal-ammont tal-multa imposta fuqhom, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar din il-kwistjoni fis-sentenza Billerud, u sussegwentement fid-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Bitter (C‑580/14, EU:C:2015:835), u ddeċidiet li s-sistema ta’ sanzjoni maħsuba għall-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma kinitx tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    41

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprovdi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata għall-ksur, huwa biżżejjed, hawnhekk ukoll, li jsir riferiment, fi kwalunkwe każ, għall-evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità diġà mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Billerud.

    42

    Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 20 u 47, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-multa b’rata fissa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 ma tkunx akkumpanjata minn possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali.

    Fuq l-ewwel domanda

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jikkostitwixxi sempliċi fakultà għall-Istati Membri, u mhux obbligu għalihom, il-fatt li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ notifiki, ta’ tfakkir u ta’ ċediment antiċipat li jippermettu lill-operaturi f’bona fide li jkunu informati perfettament bl-obbligu tagħhom ta’ ċediment u li b’hekk ma jkollhom ebda riskju ta’ multa taħt l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87.

    44

    L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

    45

    Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li dan ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28).

    46

    Għaldaqstant, l-operatur li huwa s-suġġett ta’ multa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 ma jistax, fi kwalunkwe każ, jislet mill-Artikolu 41(2) tal-Karta dritt li jiġi pprovdut appoġġ matul il-passi amministrattivi tiegħu għaċ-ċediment annwali tal-kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et, C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67).

    47

    Huwa minnu li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 49). Madankollu, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma titlobx interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali, iżda tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 41 tal-Karta jistax jistabbilixxi għall-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru obbligu li jistabbilixxi monitoraġġ individwali tal-obbligi ta’ ċediment.

    48

    Madankollu, il-punt 41 tas-sentenza Billerud ippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ notifiki, ta’ tfakkir u ta’ ċediment antiċipat li jippermettu lill-operaturi f’bona fide li jkunu informati perfettament bl-obbligu tagħhom ta’ ċediment u li b’hekk ma jkollhom ebda riskju ta’ multa. Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Billerud, ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprevedu tali mekkaniżmi u jafdaw lill-awtoritajiet kompetenti r-responsabbiltà li jipprovdu appoġġ lill-operaturi matul il-passi amministrattivi tagħhom fir-rigward tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.

    49

    Sussegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 41 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għas-sitwazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri għandhomx obbligu, u mhux sempliċi fakultà, li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ notifiki, ta’ tfakkir u ta’ ċediment antiċipat li jippermettu lill-operaturi f’bona fide li jkunu informati perfettament bl-obbligu tagħhom ta’ ċediment u li b’hekk ma jkollhom ebda riskju ta’ multa taħt l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87.

    Fuq it-tieni domanda

    50

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni tal-multa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ma avżawx lill-operatur qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ċediment, minkejja li huma kienu għamlu dan, mingħajr ma kienu obbligati jagħmlu dan, is-sena preċedenti.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa korollarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-individwi u fuq l-impriżi. Individwu jista’ jinvoka dan il-korollarju meta awtorità kompetenti, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot fih aspettattivi fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punti 5051).

    52

    Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-awtoritajiet Lussemburgiżi pprovdew lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali assigurazzjonijiet preċiżi fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, il-fatt li, is-sena preċedenti, l-imsemmija awtoritajiet kienu, kif setgħu jagħmlu, fakkru lill-operatur li huwa kien għadu ma ċediex il-kwoti tiegħu meta t-terminu ta’ ċediment kien wasal biex jiskadi ma jistax, fih innifsu, ikun ta’ natura li jikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet preċiżi.

    53

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni tal-multa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ma avżawx lill-operatur qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ċediment, minkejja li huma kienu għamlu dan, mingħajr ma kienu obbligati jagħmlu dan, is-sena preċedenti.

    Fuq ir-raba’ domanda

    54

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “każ ta’ forza maġġuri”, fis-sens tal-punt 31 tas-sentenza Billerud, japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika, ir-rikonoxximent ta’ każ ta’ forza maġġuri huwa possibbli meta kawża esterna invokata minn individwi jkollha konsegwenzi irreżistibbli u inevitabbli sal-punt li tirrendi oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati li josservaw l-obbligi tagħhom (sentenza Billerud, punt 31).

    56

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, f’dan il-punt 31, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-operatur, minkejja d-diliġenza kollha li seta’ jwettaq sabiex josserva t-termini stabbiliti, ġiex ikkonfrontat b’ċirkustanzi estranji għalih, anormali u imprevedibbli, li jmorru lil hinn minn sempliċi nuqqas ta’ funzjonament intern.

    57

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni fil-kawża pendenti quddiemha. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, li ċ-ċirkustanzi msemmija minn Luxaviation, u li huma mfakkra fil-punt 22 ta’ dan id-digriet, ma jistgħux, waħedhom, ikunu suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri.

    58

    Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kunċett ta’ “każ ta’ forza maġġuri”, fis-sens tal-punt 31 tas-sentenza Billerud, japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 20 u 47, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-multa b’rata fissa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009, ma tkunx akkumpanjata minn possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali.

     

    2)

    L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għas-sitwazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri għandhomx obbligu, u mhux sempliċi fakultà, li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ notifiki, ta’ tfakkir u ta’ ċediment antiċipat li jippermettu lill-operaturi f’bona fide li jkunu informati perfettament bl-obbligu tagħhom ta’ ċediment u li b’hekk ma jkollhom ebda riskju ta’ multa taħt l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2009/29.

     

    3)

    Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni tal-multa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2009/29, f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ma avżawx lill-operatur qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ċediment, minkejja li huma kienu għamlu dan, mingħajr ma kienu obbligati jagħmlu dan, is-sena preċedenti.

     

    4)

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kunċett ta’ “każ ta’ forza maġġuri”, fis-sens tal-punt 31 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664), japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top