Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0733

Kawża C-733/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2019 – Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

ĠU C 423, 16.12.2019, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/28


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2019 – Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-733/19)

(2019/C 423/35)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman, M. Noort, P. Huurnink, aġenti)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla:

il-punt 1 tal-Parti D tal-Anness V dwar il-projbizzjoni tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir bl-impuls elettriku,

il-punt 2 tal-Parti D tal-Anness V, sa fejn jipprevedi perijodu tranżitorju u kundizzjoni li tipprovdi li, għal kull Stat Membru, ma għandux ikun hemm iktar minn 5 % tal-flotta tat-tkarkir bi travu li tuża x-xbieki tat-tkarkir bl-impuls elettriku (il-punt 2(a)), u

il-punti 3, 4 u 5 tal-Parti D tal-Anness V tar-Regolament ikkontestat (1);

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tannulla dawn id-dispożizzjonijiet tal-Parti D tal-Anness V, tannulla fl-intier tagħha l-Parti D tal-Anness V, kif ukoll il-frażi “li għandu jkun permess […]” fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament ikkontestat li jirreferi għall-Parti D tal-Anness V;

iktar sussidjarjament, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli t-talba prinċipali kif ukoll it-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat ippreżentata sussidjarjament, tannulla r-Regolament fl-intier tiegħu; u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3) TUE flimkien mal-Artikolu 11 TFUE, mal-Artikolu 191(3) TFUE, mal-Artikolu 2(3)(c), (h) u (i) kif ukoll mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Bażiku PKS (2) u mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn il-Parlament u l-Kunsill ma stabbilixxewx projbizzjoni tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir bl-impuls elettriku u perijodu tranżitorju previsti fir-Regolament ikkontestat abbażi tal-aħjar perizja xjentifika disponibbli.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3) TUE flimkien mal-Artikolu 11 TFUE, mal-Artikolu 173(1) u (3) TFUE, mal-Artikolu 2(3)(h) u mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Bażiku PKS kif ukoll mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn il-Parlament u l-Kunsill ma stabbilixxewx projbizzjoni tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir bl-impuls elettriku u perijodu tranżitorju previsti fir-Regolament ikkontestat, kuntrajrament għall-obbligu tagħhom ta’ promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3) TUE flimkien mal-Artikolu 11 TFUE, mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE, mal-Artikolu 2(2) u mal-Artikolu 3(h) tar-Regolament Bażiku PKS kif ukoll mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn il-Parlament u l-Kunsill ma stabbilixxewx projbizzjoni tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir bl-impuls elettriku u perijodu tranżitorju previsti fir-Regolament ikkontestat abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.


(1)  Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105).

(2)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22).


Top