Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0382

Kawża C-382/19 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2019 minn Ralph Pethke mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-5 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-169/17 – Ralph Pethke vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

ĠU C 337, 7.10.2019, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/2


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2019 minn Ralph Pethke mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-5 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-169/17 – Ralph Pethke vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-382/19 P)

(2019/C 337/02)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Ralph Pethke (rappreżentant: H. Tettenborn, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-169/17;

tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment PERS-AFFECT-16-134 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni (EUIPO) u tikkumpensa d-dannu materjali u immaterjali kkawżat mit-trasferiment illegali;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa indirizzat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellant kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment PERS-AFFECT-16-134 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni (EUIPO).

L-appellant jibbaża l-appell tiegħu fuq it-tliet aggravji segwenti:

1.

Ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal (1) u tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-appellant jargumenta li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li l-appellant tneħħa mill-klassifikazzjoni ta’ direttur ta’ dipartiment u tniżżel għal amministratur mingħajr possibbiltà ta’ avvanz fil-karriera, mingħajr ebda proċedura ta’ evalwazzjoni jew dixxiplinari li fil-kuntest tagħha seta’ jinvoka d-drittijiet tiegħu, ma jikkostitwixxix assenjazzjoni mill-ġdid legali iżda klassifikazzjoni illegali f’livell inferjuri. L-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 bidlet il-perspettiva ta’ promozzjoni bħala direttur ta’ dipartiment fi grad ogħla minn AD 12 f’aspettattiva leġittima fid-dritt dwar is-servizz pubbliku. L-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tirtira unilateralment din l-aspettattiva mingħajr proċedura debita ta’ evalwazzjoni jew dixxiplinari. Minn wara l-2014, ma jistax jingħad li l-pożizzjoni ta’ direttur hija ekwivalenti ex lege għall-pożizzjoni ta’ amministratur mingħajr possibbiltà ta’ promozzjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tinvoka l-ġurisprudenza dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet, iżda mbagħad tislet konsegwenzi żbaljati minn din il-ġurisprudenza.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żball proċedurali sa fejn ma tatx deċiżjoni sħiħa dwar it-tieni motiv, b’mod partikolari dwar it-tkeċċija tal-appellant fl-10 ta’ Ottubru 2016 mingħajr assenjazzjoni simultanja f’pożizzjoni ġdida, li seħħet biss fis-17 ta’ Ottubru 2016. F’tali kuntest, ma jistax jingħad li kien hemm assenjazzjoni mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal (punti 49 sa 106 tas-sentenza).

2.

Żnaturament tal-fatti

Il-Qorti Ġenerali bbażat is-sentenza appellata fuq fatti li ma joħorġux mill-proċess tal-kawża u bbażat l-istess sentenza anki fuq fatti li huma differenti minn dawk li joħorġu mill-proċess tal-kawża.

Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali manifestament ma wettqet ebda evalwazzjoni tal-provi. Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-provi, il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-veradiċità tal-istqarrijiet magħmula mill-parti l-oħra.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-azzjonijiet tal-appellant inkonnessjoni mal-obbligu tiegħu li jirrapporta miżuri manifestament illegali ċċaħħad lill-Artikolu 21a(1) u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal minn kull effettività prattika.

3.

Evalwazzjoni żbaljata tal-ilment dwar id-dmir ta’ premura u dwar fastidju psikoloġiku u tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment dwar fastidju psikoloġiku mqajjem fil-konfront tal-miżuri tad-Direttur Eżekuttiv bejn l-10 ta’ Ottubru 2016 u s-17 ta’ Ottubru 2016, bi ksur tad-dritt applikabbli. Il-ksur tad-dmir ta’ premura u l-ilment dwar fastidju psikoloġiku huma marbuta inseparabbilment mad-deċiżjoni illegali ta’ tkeċċija u ta’ assenjazzjoni adottata bejn l-10 ta’ Ottubru 2016 u s-17 ta’ Ottubru 2016. Għall-kuntrarju tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fastidju psikoloġiku ma jeħtieġx “sensiela ta’ azzjonijiet”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni dwar il-ksur tad-dmir ta’ premura, li joħroġ mill-malafama pubblika fil-konfront tal-kapaċitajiet professjonali tal-appellanti minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu.


(1)  Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 269/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU 1968, L 56, p. 1), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).


Top