Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0280

    Kawża C-280/19 P: Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2019 mill-Agenzia esecutiva del Consiglio europeo della ricerca (ERCEA) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-17 ta’ Jannar 2019 fil-Kawża T-348/16 OP, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA

    ĠU C 182, 27.5.2019, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 182/28


    Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2019 mill-Agenzia esecutiva del Consiglio europeo della ricerca (ERCEA) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-17 ta’ Jannar 2019 fil-Kawża T-348/16 OP, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA

    (Kawża C-280/19 P)

    (2019/C 182/34)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellanti: Agenzia esecutiva del Consiglio europeo della ricerca (ERCEA) (rappreżentanti: Francesca Sgritta u Miguel Pesquera Alonso, aġenti, u Evangelos Kourakis, dikigoros)

    Parti oħra fil-proċedura: Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis (APS)

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara fondat u ammissibbli ir-rikors preżenti u, konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiddetermina li (1) l-ammont ta’ EUR 184 157 għall-ispiża tal-persunal jaqa’ taħt spejjeż eliġibbli u (2) l-ispejjeż indiretti relatati ma’ tali spiża tal-persunal, li jammontaw għal EUR 36 831.40, huma spejjeż eliġibbli;

    teżamina mill-ġdid il-mertu tal-Kawża Τ-348/16 OP (1) u tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-APS fil-Kawża Τ-348/16, fir-rigward tas-somma mitluba ta’ EUR 184 157,00 + EUR 36 831.40;

    tikkundanna lill-APS tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tal-ERCEA fir-rigward ta’ din il-proċedura, kif ukoll ta’dik quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell preżenti dwar it-talba għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-ERCEA tinvoka 4 aggravji:

    1.

    L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet iż-żbalji li ġejjin:

    i.

    hija kisret regoli ta’ interess pubbliku tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regoli li jirrigwardaw is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (pereżempju r-Regolament (KE) Νru 1906/2006) u r-Regolament Finanzjarju (iktar ’il quddiem ir-“Regoli”).

    ii.

    hija kisret ir-regoli ta’ interpretazzjoni, billi adottat interpretazzjoni żbaljata u inammissibbli tal-Ftehim dwar l-Għoti Νru 211166 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), li tirriżulta inkompatibbli wkoll mar-Regoli, u għadaqstant illegali.

    iii.

    sussidjarjament, hija ħolqot distorsjoni tas-sens ċar tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim u, konsegwentement, żnaturat il-provi prodotti quddiemha.

    iv.

    hija naqset milli tispjega (1) għaliex ma hijiex mitluba sorveljanza fil-każ ta’ telexogħol, jew (2) għaliex kull forma ta’ telexogħol tissodisfa awtomatikament ir-rekwiżit ta’ sorveljanza, mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali (jekk jiġi preżunt li huwa aċċettat li s-sorveljanza hija meħtieġa wkoll għat-telexogħol).

    2.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali — jekk iddefinixxiet b’mod korrett ir-rekwiżiti legali li jirregolaw l-eleġibbiltà tat-talba — aċċettat li t-talba inkwistjoni kienet legali filwaqt li wieħed biss mir-rekwiżiti (jiġifieri il-Kundizzjonijiet dwar is-Sigħat Attwali ta’ Xogħol) huwa ssodisfat minħabba li (fil-fehma tagħha) l-ERCEA ma kkontestatux. Għaldaqstant, b’mod illegali, il-Qorti Ġenerali kisrets:

    i.

    ir-Regoli;

    ii.

    ir-regoli legali dwar il-kuntratti;

    iii.

    mill-ġdid ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni suffiċjenti, sa fejn ma naqsitx milli tevalwa r-rekwiżiti l-oħra (u kienet konxja ta’ dan);

    iv.

    fi kwalunkwe każ — u b’teħid inkunsiderazzjoni li ma naqsitx milli tevalwa r-rekwiżiti l-oħra u fil-fatt evalwathom b’mod impliċitu — ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

    3.

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kuntratt ta’ xogħol bejn l-APS u r-riċerkaturi kien jippermetti t-telexogħol u għaldaqstant wettqet l-iżbalji li ġejjin:

    i.

    kisret ir-regoli dwar l-interpretazzjoni tal-ftehimiet, billi adottat interpretazzjoni ċarament żbaljata u inammissibbli għall-kuntratti ta’ xogħol;

    ii.

    żnaturat il-provi rilevanti;

    iii.

    tat deċiżjoni li kien fiha motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja fir-rigward ta’ punti importanti tal-kawża.

    4.

    Ir-raba’ aggravjuhuwa bbażat fuq l-iżbalji tal-Qorti Ġenerali li ġejjin:

    i.

    naqset milli teżamina l-prassi normali tal-APS rigward it-telexogħol u użat is-suġġett tal-evalwazzjoni (jiġifieri l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni) bħala punt ta’ referenza għall-evalwazzjoni tagħha. Konsegwentement, il-motivazzjoni li hija pprovdiet ma kinitx suffiċjenti, peress li kienet manifestament infondata.

    ii.

    Sussidjarjament, hija kisret ir-regoi dwar l-oneru tal-provi u dwar il- motivazzjoni xierqa tas-sentenzi, peress li ma wettqitx evalwazzjoni ġenerali ta’ x’kienet il-prassi normali ta’ APS fir-rigward tat-telexogħol tal-impjegati tagħha u naqset milli tipprovdi kwalunkwe dettalji dwar is-suġġett.


    (1)  EU:T:2019:14.


    Top