This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CN0207
Case C-207/19 P: Appeal brought on 28 February 2019 by Biogaran against the judgment of the General Court (Ninth Chamber) delivered on 12 December 2018 in Case T-677/14, Biogaran v Commission
Kawża C-207/19 P: Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2019 minn Biogaran mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-677/14, Biogaran vs Il-Kummissjoni
Kawża C-207/19 P: Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2019 minn Biogaran mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-677/14, Biogaran vs Il-Kummissjoni
ĠU C 139, 15.4.2019, p. 40–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 139/40 |
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2019 minn Biogaran mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-677/14, Biogaran vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-207/19 P)
(2019/C 139/38)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Biogaran (rappreżentanti: M. Utges Manley, Solicitor, A. Robert, advocate, O. de Juvigny, T. Reymond, J. Killick, J. Jourdan, avocats)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla kompletament is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-677/14; |
— |
tannulla l-Artikoli 1(b)(iv), 7(1)(b) u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali, (Każ AT.39612 — Perindopril (Servier)), sa fejn dawn jikkonċernaw lil Biogaran; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ewwel aggravju, Biogaran issostni li s-sentenza hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi inkwantu din tikkonstata n-natura li tikkostitwixxi ksur tal-liċenzja minħabba li l-ftehim bonarju għandu għan antikompetittiv. Skont l-appellanti, is-sentenza hija bbażata fuq idea estensiva tal-kunċett ta’ ksur skont is-suġġett u tinjora l-assenza ta’ esperjenza u ta’ restrizzjoni evidenti. Is-sentenza hija bbażata, barra minn hekk, fuq test ġuridiku żbaljat li jinjora kemm il-kuntest tal-ftehim bonarju konkluż minn Servier u Niche kif ukoll il-fatt li dawn tal-aħħar ma kinux kompetituri potenzjali.
Fit-tieni aggravju, Biogaran issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha stess. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-allegat inċentiv ta’ Biogaran kien “deċiżiv” inkwantu dan kien iddetermina d-deċiżjoni ta’ Niche li ma tidħolx fis-suq. Madankollu, la d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u lanqas id-deċiżjoni ma jsostnu jew jistabbilixxu li dan l-inċentiv, ikklassifikat biss bħala “addizzjonali”, kien “deċiżiv” fl-aċċettazzjoni minn Niche tat-termini tal-ftehim bonarju.
Biogaran tallega, fit-tielet aggravju, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE billi kkonstatat ir-responsabbiltà tagħha minbarra dik tal-kumpannija omm tagħha. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kumpannija omm kienet ipparteċipat direttament fil-ksur u użat is-setgħa ta’ kontroll tagħha sabiex is-sussidjarja tagħha tikkontribwixxi għall-aġir tagħha stess li jikkostitwixxi ksur, b’mod li s-sussidjarja kienet imċaħħda minn kull awtonomija, hija ma tistax tikkonstata r-responsabbiltà tas-sussidjarja minbarra dik tal-kumpannija omm tagħha, ħlief jekk tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għall-applikazzjoni tajba tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Fir-raba’ aggravju, Biogaran tqis li s-sentenza għandha tiġi annullata inkwantu din tivvalida l-prinċipju u l-metodu ta’ kalkolu tal-multa, minkejja n-natura kumplessa u mingħajr preċedent ta’ din il-kawża u l-assenza ta’ kull rwol deċiżiv ta’ Biogaran.