Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0197

    Kawża C-197/19 P: Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 minn Mylan Laboratories Ltd, Mylan, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-682/14: Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 164, 13.5.2019, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 164/28


    Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 minn Mylan Laboratories Ltd, Mylan, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-682/14: Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-197/19 P)

    (2019/C 164/31)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Mylan Laboratories Ltd, Mylan, Inc. (rappreżentanti: C. Firth, S. Kon, C. Humpe, Solicitors, V. Adamis, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti jitlobu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-682/14 Mylan Laboratories Ltd u Mylan Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 (1) fil-Każ AT.39612 — Perindopril (Servier) sa fejn din tirrigwarda lill-appellanti; jew

    tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-ammont tal-multa; u/jew

    tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż u nfiq ieħor esposti mill-appellanti b’rabta ma’ din il-kawża u għal kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw il-ħames aggravji li ġejjin:

    1.

    L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Matrix u Les Laboratoires Servier kienu kompetituri potenzjali meta sar il-ftehim bonarju.

    L-ewwel parti: il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet tqis li l-ftehim Niche-Matrix kien jippermetti li Matrix u Niche jiġu kklassifikati bħala kompetituri potenzjali.

    It-tieni parti: il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-kriterji legali applikabbli għall-kompetizzjoni potenzjali meta kkonkludiet li Matrix u Servier kienu kompetituri potenzjali meta sar il-ftehim bonarju.

    2.

    It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ftehim bonarju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

    L-ewwel parti: il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ftehim bonarju fil-qasam tal-privattivi jista’ jkollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni anki jekk il-kliem ta’ dan il-ftehim jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva.

    It-tieni parti: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeduċiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bis-suġġett minn allegata inċitazzjoni minħabba l-ħlas imwettaq minn Servier lil Matrix.

    It-tielet parti: il-Qorti Ġenerali wettqet żball bil-mod kif hija ddeduċiet l-eżistenza ta’ inċitazzjoni fid-dawl tal-ħlas irċevut minn Matrix.

    3.

    It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat li teżamina l-klassifikazzjoni tal-ftehim bonarju mill-Kummissjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

    4.

    Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Mylan Inc. eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Matrix matul il-perijodu rilevanti.

    5.

    Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (2) u l-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ ċertezza legali meta ddeċidiet li setgħet tiġi imposta multa fuq ir-rikorrenti f’dik il-kawża.


    (1)  Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 relatat mal-proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Il-Każ AT.39612 — Perindopril (Servier)) (notifika bid-dokument C(2014) 4955), ĠU 2016, C 393, p. 7.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


    Top