Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0948

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Novembru 2021.
    UAB "Manpower Lit" vs E.S. et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘impriża pubblika’ u ta’ ‘eżerċizzju ta’ attività ekonomika’ – Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bħala ‘impriża utenti’, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg – Kunċett ta’ ‘l-istess impjieg’ – Regolament (KE) Nru 1922/2006 – Artikolu 335 TFUE – Prinċipju tal-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Artikolu 336 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.
    Kawża C-948/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:906

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘impriża pubblika’ u ta’ ‘eżerċizzju ta’ attività ekonomika’ – Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bħala ‘impriża utenti’, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg – Kunċett ta’ ‘l-istess impjieg’ – Regolament (KE) Nru 1922/2006 – Artikolu 335 TFUE – Prinċipju tal-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Artikolu 336 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑948/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

    UAB “Manpower Lit”

    vs

    E.S.,

    M.L.,

    M.P.,

    V.V.,

    R.V.,

    fil-preżenza ta’:

    L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V., minn R. Rudzinskas, advokatas,

    għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn J. Jokubauskaitė, B. Mongin u M. van Beek, sussegwentement minn J. Jokubauskaitė, C. Valero u B. Mongin, u fl-aħħar nett minn J. Jokubauskaitė, D. Recchia u B. Mongin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UAB “Manpower Lit” u E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V., dwar ir-remunerazzjoni mogħtija skont kuntratti ta’ xogħol konklużi rispettivament bejn Manpower Lit u l-konvenuti fil-kawża prinċipali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2008/104

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 jiddisponi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b’mezzi pubbliċi ta’ taħriġ vokazzjonali, ta’ integrazzjoni jew ta’ taħriġ mill-ġdid.”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (d)

    ‘impriża utenti’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

    […]

    (f)

    ‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

    (i)

    it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

    (ii)

    il-paga.

    […]”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali” jistipula, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006

    6

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU 2006, L 403, p. 9), jiddisponi:

    “L-għanijiet globali ta’ l-Istitut għandhom ikunu li jikkontribwixxi għal u jsaħħaħ il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-integrazzjoni tas-sessi fil-linji politiċi Komunitarja kollha u l-linji politiċi nazzjonali li joħorġu minnha, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, u li jżid l-għarfien taċ-ċittadini ta’ l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jipprovdi assistenza teknika lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 3.”

    7

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompiti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2, l-Istitut għandu:

    (a)

    jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni rilevanti, oġġettiva, paragunabbli u affidabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi r-riżultati minn riċerka u l-aħjar prattika kkomunikati lilu minn Stati Membri, istituzzjonijiet Komunitarji, ċentri ta’ riċerka, korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, organizzazzjonijiet mhux governattivi, imsieħba soċjali, pajjiżi terzi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissuġġerixxi oqsma għal riċerka ulterjuri;

    (b)

    jiżviluppa metodi biex itejjeb l-oġġettività, il-paragunabilita’ u l-affidabbiltà tad-data f’livell Ewropew billi jistabbilixxi kriterji li jtejbu l-konsistenza ta’ l-informazzjoni u jieħdu kont ta’ kwistjonijiet tas-sessi fil-ġbir tad-data;

    (ċ)

    jiżviluppa, janalizza, jevalwa u jxerred għodod ta’ metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni ta’ l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi fil-politika Komunitarja kollha u l-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tas-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha;

    (d)

    iwettaq stħarriġ dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

    (e)

    jistabbilixxi u jikkoordina Network Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bl-involviment ta’ ċentri, korpi, organizzazzjonijiet u esperti li jittrattaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi sabiex jappoġġa u jinkoraġġixxi r-riċerka, jottimizza l-użu ta’ riżorsi disponibbli u jrawwem l-iskambju u t-tixrid ta’ informazzjoni;

    (f)

    jorganizza laqgħat ad hoc ta’ esperti biex jappoġġa l-ħidma ta’ riċerka tal-Istitut, jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ informazzjoni fost ir-riċerkaturi u jippromwovi l-inklużjoni ta’ perspettiva tas-sessi fir-riċerka tagħhom;

    (g)

    sabiex iżid l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jorganizza, ma’ partijiet interessati rilevanti, konferenzi, kampanji u laqgħat f’livell Ewropew, u jippreżenta r-riżultati u l-konklużjonijiet lill-Kummissjoni;

    (h)

    ixerred informazzjoni rigward eżempji pożittivi ta’ rwoli mhux stereotipiċi għan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà, jippreżenta l-kisbiet u l-inizjattivi tiegħu mfasslin biex jippubbliċizzaw u jibnu fuq tali stejjer ta’ suċċess;

    (i)

    jiżviluppa djalogu u kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta’ opportunitajiet ugwali, universitajiet u esperti, ċentri ta’ riċerka, imsieħba soċjali, u korpi relatati oħrajn li qed jippruvaw b’mod attiv li jiksbu ugwaljanza f’livell nazzjonali u Ewropew;

    (j)

    jistabbilixxi riżorsi ta’ dokumentazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku;

    (k)

    jagħmel l-informazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sessi disponibbli għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati; u

    (l)

    jipprovdi informazzjoni lill-Istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fil-pajjiżi ta’l-adeżjoni u dawk kandidati.”

    8

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istitut għandu jkollu personalità ġuridika. Huwa għandu jgawdi, f’kull wieħed mill-Istati Membri, mill-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B’mod partikolari, huwa jkun jista’ jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista’ jkun parti fi proċedimenti legali.”

    9

    L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1922/2006 jistipula:

    “Id-dħul ta’ l-Istitut għandu, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, jinkludi:

    (a)

    sussidju mill-Komunità, imdaħħal fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea (it-taqsima tal-Kummissjoni);

    (b)

    ħlasijiet riċevuti għal servizzi mogħtijin;

    […]”

    Id-dritt Litwan

    10

    Il-Lietuvos Respublikos Darbo kodeksas (il-Kodiċi tax-Xogħol tar-Repubblika tal-Litwanja), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprovdi, fl-Artikolu 75(2) tiegħu:

    “Aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tiżgura li r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem temporanju għal xogħol magħmul għal impriża utenti tkun mill-inqas daqs ir-remunerazzjoni li għandha titħallas kieku l-impriża utenti kienet ingaġġat lill-ħaddiem temporanju b’kuntratt ta’ impjieg għall-istess xogħol, ħlief f’każijiet fejn ħaddiema temporanji impjegati b’kuntratti indefiniti ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija jirċievu remunerazzjoni mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju bejn assenjazzjonijiet għal xogħol li tkun tal-istess ammont bħal dak tar-remunerazzjoni li tingħata matul assenjazzjonijiet għal xogħol. L-impriża utenti għandha ġġorr responsabbiltà sussidjarja sabiex tissodisfa l-obbligu li tħallas lill-ħaddiem temporanju għal xogħol magħmul għall-impriża utenti mill-inqas daqs ir-remunerazzjoni li jkollha titħallas kieku l-impriża utenti kienet ingaġġat lill-ħaddiem temporanju skont kuntratt ta’ impjieg għall-istess xogħol. Fil-kuntest ta’ dan l-obbligu, l-impriża utenti għandha, fuq talba mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju, tipprovdi lil din tal-aħħar informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni mħallsa lill-impjegati rispettivi tagħha tal-kategorija kkonċernata.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Manpower Lit tipprovdi servizzi ta’ xogħol temporanju. Matul is-sena 2012, hija rebħet kuntratt pubbliku tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), aġenzija tal-Unjoni stabbilita f’Vilnjus (il-Litwanja), dwar servizzi ta’ provvista ta’ persunal temporanju.

    12

    L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt konkluż sussegwentement bejn Manpower Lit u l-EIGE kienu jipprevedu li s-servizzi li dan tal-aħħar jista’ jkollu bżonn jirrikorri għalihom huma intiżi sabiex isostnu l-persunal statutorju tiegħu, jassumu, fuq bażi temporanja, kompiti addizzjonali għal dawk imwettqa b’mod ordinarju u li jirriżultaw minn proġetti speċifiċi, jiġu ffaċċjati l-perijodi li fihom hemm l-iktar xogħol u jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ persunal fi ħdan l-EIGE fil-każ ta’ assenzi. Kien ippreċiżat ukoll li l-persunal temporanju jitqies bħala persunal mhux statutorju tal-EIGE.

    13

    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratti ta’ xogħol ma’ Manpower Lit u kienu jaħdmu fi ħdan l-EIGE bħala, rispettivament, assistenti u assistent tal-informatika. F’dawn il-kuntratti u fl-emendi tagħhom, kien ippreċiżat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu ser jaħdmu għall-impriża utenti, jiġifieri l-EIGE, li kienet ser tindikalhom il-membru tal-persunal responsabbli sabiex jagħti l-istruzzjonijiet dwar it-twettiq tax-xogħol. Il-kuntratti kienu jippreċiżaw ukoll it-tul tagħhom, jiġifieri sad-data tat-tmiem tal-ordni tal-EIGE għall-impjieg li jikkorrispondi għall-funzjonijiet ikkonċernati.

    14

    Ir-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn Manpower Lit u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu ntemmu bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2018. Issa, peress li qiesu li kienu dovuti lilhom arretrati ta’ remunerazzjoni, huma adixxew lill-Valstybinės darbo inspekcijos Vilniaus teritorinio skyriaus Darbo ginčų komisija (il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali tat-Taqsima Territorjali ta’ Vilnjus tal-Ispettorat tax-Xogħol, il-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali”) sabiex jiksbu l-ħlas.

    15

    Din il-kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu fil-fatt jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membri tal-persunal permanenti tal-EIGE u li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom kellhom jikkorrispondu għal dawk applikati minnu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt tiegħu. Fid-dawl tal-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, hija kkonstatat, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018, li Manpower Lit kienet iddiskriminat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali billi ħallsithom remunerazzjoni inferjuri għal dik li kienet tkun dovuta lilhom li kieku ġew irreklutati direttament mill-EIGE permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol sabiex jokkupaw l-istess pożizzjoni u ordnat l-irkupru ta’ arretrati ta’ remunerazzjoni għal perijodu ta’ sitt xhur matul is-sena 2018.

    16

    Peress li ma qablitx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali, Manpower Lit ressqet talba ġudizzjarja quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li ċaħditha permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Frar 2019.

    17

    Fis-sentenza tagħha, din il-qorti ċaħdet bħala infondat l-argument imressaq mill-EIGE, intervenjent fil-proċedura, skont liema d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 ma jistgħux jiġu applikati fil-konfront tagħhom.

    18

    Barra minn hekk, hija rrilevat li, fid-dawl tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u tal-kompiti effettivament imwettqa minnhom, dawn kienu kollha jeżerċitaw funzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kienu jassistu l-persunal permanenti ta’ ċerti diviżjonijiet tal-EIGE u kienu jissodisfaw, parzjalment, il-funzjonijiet tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu fi ħdan din l-aġenzija. Għalhekk, l-imsemmija qorti qieset li l-konvenuti fil-kawża prinċipali setgħu, għall-finijiet tal-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, jiġu pparagunati ma’ dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt.

    19

    F’dan il-kuntest, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnjus) ippreċiżat li l-kompiti mwettqa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-funzjonijiet tagħhom ma kinux partikolarment differenti jew mhux karatteristiċi ta’ dawk tal-EIGE sal-punt li ma setgħux jiġu fdati lil uffiċjali jew lil membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu hemmhekk b’mod permanenti. Skont din il-qorti, il-fatt li din l-aġenzija għażlet li tirrekluta persunal permezz ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju sabiex tnaqqas l-ispiża tar-riżorsi umani u li tevita proċeduri itwal u iktar kumplessi ma kienx jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika li r-remunerazzjoni mħallsa lill-konvenuti fil-kawża prinċipali tkun sostanzjalment inqas minn dik prevista għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti ddeċidiet li kellhom jiġu applikati għall-konvenuti fil-kawża prinċipali l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

    21

    Adita b’appell ippreżentat minn Manpower Lit, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ċaħditu u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

    22

    Sussegwentement, Manpower Lit appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju.

    23

    Din il-qorti tippreċiża li t-tilwima pendenti quddiemha tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk id-dispożizzjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema temporanji, li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104 u trasposta fid-dritt nazzjonali, hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li l-kwalità ta’ impriża utenti li tirrikorri għas-servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji tappartjeni lill-EIGE, aġenzija tal-Unjoni.

    24

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva li, fid-dawl ta’ ċerti differenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, it-tifsira preċiża tal-kunċett ta’ “impriża pubblika” u l-kwistjoni dwar jekk entitajiet bħall-EIGE jaqgħux taħt dan il-kunċett ma humiex ċari. Fil-fehma tagħha, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija wkoll neċessarja sa fejn jeżisti dubju dwar għal liema suġġetti tad-dritt japplika l-kriterju tal-“eżerċizzju ta’ attività ekonomika”, jiġifieri għall-impriża utenti, għall-aġenzija ta’ xogħol temporanju jew għat-tnejn.

    25

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar l-effett tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/104, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti jew għar-relazzjonijiet ta’ xogħol konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ taħriġ, ta’ inklużjoni u ta’ taħriġ mill-ġdid professjonali pubbliku jew sostnut mill-awtoritajiet pubbliċi.

    26

    Fl-aħħar nett, din il-qorti tirrifletti l-opinjoni espressa mill-EIGE, skont liema l-qorti, meta tapplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali relatati miegħu, għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tad-direttiva f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni nondiskriminatorja tiksirx regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni. Issa, skont l-EIGE, l-interpretazzjoni, mill-qrati aditi preċedentement, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-applikazzjoni tiegħu għal aġenzija tal-Unjoni ma humiex konformi mar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni, mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Artikoli 335 u 336 TFUE.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni ‘impriża pubblika’ użata fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/104]? L-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħall-EIGE, għandhom jitqiesu li huma ‘impriżi pubbliċi’ fis-sens tad-Direttiva 2008/104?

    2)

    Liema entitajiet (l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti, tal-inqas wieħed minnhom, jew saħansitra t-tnejn li huma) huma suġġetti, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, għall-kriterju tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi? L-oqsma ta’ attività u l-funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament […] Nru 1922/2006 […] għandhom jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi fis-sens stabbilit (miftiehem) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104?

    3)

    L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tad-direttiva l-aġenziji pubbliċi u privati ta’ xogħol temporanju jew l-impriżi utenti li ma humiex involuti fir-relazzjonijiet indikati fl-Artikolu 1(3) tad-direttiva u li ma jeżerċitawx l-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-direttiva?

    4)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenziji għal kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni, japplikaw bis-sħiħ għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li huma suġġetti għal dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikoli 335 u 336 TFUE?

    5)

    Id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (l-Artikolu 75 tal-[Kodiċi tax-Xogħol]) li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 applikabbli għall-impriżi kollha li jagħmlu użu minn ħaddiema temporanji (inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni) jikser il-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikoli 335 u 336 TFUE, u r-regoli dwar il-kalkolu u l-ħlas tal-pagi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea?

    6)

    Fid-dawl tal-fatt li l-pożizzjonijiet kollha (funzjonijiet ta’ impjieg) li għalihom ħaddiema jiġu direttament irreklutati mill-EIGE jinkludu kompiti li jistgħu jiġu eżegwiti biss minn ħaddiema suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjonijiet rispettivi (funzjonijiet ta’ impjieg) ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenzija jistgħu jitqiesu li huma ‘l-istess impjieg’ fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

    28

    Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni, minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, ta’ persuni li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol ma’ din l-impriża mal-EIGE sabiex hemmhekk jipprovdu servizzi ta’ xogħol, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    29

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104, din tapplika għall-ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju u li huma assenjati għal impriżi utenti sabiex jaħdmu b’mod temporanju taħt il-kontroll u d-direzzjoni tagħhom.

    30

    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din hija applikabbli għall-impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti li jeżerċitaw attività ekonomika, kemm jekk jaħdmu bi skop ta’ lukru kif ukoll jekk le.

    31

    Qabel kollox, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, kemm Manpower Lit kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu, rispettivament, bħala “aġenzija ta’ xogħol temporanju” u bħala “ħaddiema”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2008/104.

    32

    Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din id-direttiva f’ċirkustanzi li fihom il-benefiċjarju tax-xogħol temporanju huwa aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jsegwi li tliet kundizzjonijiet għandhom, f’dan ir-rigward, jiġu ssodisfatti fir-rigward ta’ dan il-benefiċjarju, jiġifieri li dan għandu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impriżi pubbliċi u privati”, jikkorrispondi għal “impriża utenti” u jeżerċita “attivitajiet ekonomiċi”.

    33

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, tistax titqies bħala “impriża utenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett huwa ddefinit, fl-Artikolu 3(1)(d) ta’ din id-direttiva, bħala kull persuna fiżika jew ġuridika li għaliha u taħt il-kontroll u d-direzzjoni tagħha ħaddiem temporanju jaħdem b’mod temporanju.

    34

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ħadmu, bħala ħaddiema temporanji, b’mod temporanju għall-EIGE u taħt il-kontroll u d-direzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1922/2006 jipprevedi li l-EIGE għandu l-personalità ġuridika u għandu, f’kull wieħed mill-Istati Membri, il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesgħa mogħtija lill-persuni ġuridiċi mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, dan għandu jitqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2008/104. Għaldaqstant, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, l-EIGE huwa “impriża utenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

    35

    Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “impriżi pubbliċi u privati” u ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(2), għandu jiġi rrilevat li dawn ma humiex iddefiniti fid-Direttiva 2008/104 u ma jsir ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħhom.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, iddefinixxiet il-kunċett ta’ “impriża” bħala li jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 36, u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Analisi G. Caracciolo, C‑142/20, EU:C:2021:368, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li tikkostitwixxi “attività ekonomika” kull attività li tikkonsisti f’li jiġu offruti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 19, u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u Ir-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar ġiet trasposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-Direttiva 2008/104 fis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883), peress li mill-punt 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda kull attività li tikkonsisti f’li jiġu offruti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk din id-direttiva hijiex applikabbli meta l-impriża utenti, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, hija aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, jirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk din l-aġenzija teżerċitax attività li tikkonsisti f’li jiġu offruti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari.

    39

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew isegwi li, bħala prinċipju, huma esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, ġew ikklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi servizzi li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, huma żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi li għandhom skop ta’ lukru (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iċ-ċirkustanza li tali servizzi jkunu inqas kompetittivi minn servizzi paragunabbli pprovduti mill-operaturi li jfittxu skop ta’ lukru ma tistax tipprekludi li l-attivitajiet ikkonċernati jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 21).

    40

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1922/2006, l-EIGE għandu l-għanijiet li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, għat-tisħiħ tagħha, għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u li jissensibilizza liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jipprovdi assistenza teknika lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

    41

    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jelenka l-kompiti tal-EIGE sabiex jitwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

    42

    Issa, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, kif barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li l-attivitajiet tal-EIGE ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

    43

    Sussegwentement, fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet tal-EIGE, elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1922/2006, għandu jiġi kkunsidrat li jeżistu swieq li fihom joperaw impriżi kummerċjali li għandhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-EIGE. Għandhom jissemmew, b’mod partikolari, il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ informazzjoni oġġettiva, paragunabbli u affidabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (Artikolu 3(1)(a)), l-iżvilupp, l-analiżi, l-evalwazzjoni u t-tixrid ta’ għodod metodoloġiċi (Artikolu 3(1)(ċ)), it-twettiq ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa (Artikolu 3(1)(d)), l-organizzazzjoni tal-konferenzi, il-kampanji u l-laqgħat fil-livell Ewropew (Artikolu 3(1)(g)), it-tpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ dokumentazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku (Artikolu 3(1)(j)) jew anki t-tpoġġija għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati ta’ informazzjoni dwar l-integrazzjoni tad-dimensjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi (Artikolu 3(1)(k)).

    44

    Iċ-ċirkustanza li, fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, l-EIGE ma tfittixx skop ta’ lukru hija, konformement mal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, irrilevanti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik, C‑216/15, EU:C:2016:883, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, dak li huwa importanti hija l-eżistenza ta’ servizzi f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra fis-swieq inkwistjoni, li jsegwu tali skop ta’ lukru.

    45

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li għalkemm, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1922/2006, l-attivitajiet tal-EIGE huma qabel kollox iffinanzjati minn riżorsi tal-Unjoni, id-dħul tiegħu jinkludi, skont il-paragrafu 3(b) ta’ dan l-Artikolu 14, il-“ħlasijiet riċevuti għal servizzi mogħtijin”, li jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb li l-EIGE kif ser jaġixxi, tal-inqas parzjalment, bħala attur tas-suq. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista inkwistjoni, korrispettiv li huwa normalment iddefinit bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa, C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-EIGE għandu jitqies li jeżerċita, tal-inqas parzjalment, attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari.

    47

    Barra minn hekk, xejn ma jindika li aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, hija, meta tibbenefika mill-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji minn impriża ta’ xogħol temporanju, bħala tali eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104.

    48

    Fil-fatt, sa fejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva tirreferi għal impriżi “pubbliċi u privati”, iċ-ċirkustanza li aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, inħolqot fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1922/2006, hija, kif ġustament jirrileva l-Gvern Litwan, irrilevanti.

    49

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/104, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni, minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, ta’ persuni li kkonkludew kuntratt ta’ impjieg ma’ din l-impriża mal-EIGE sabiex jipprovdu servizzi ta’ xogħol hemmhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    Fuq ir-raba’ sas-sitt domanda

    51

    Permezz tar-raba’ sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-EIGE jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-“istess impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk jitqies li l-impjiegi kollha li għalihom l-EIGE jirrekluta ħaddiema direttament jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu biss minn persuni suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, jew jekk tali interpretazzjoni tiksirx l-Artikolu 335 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Artikolu 336 TFUE jew dawn ir-regolamenti.

    52

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, il-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien tal-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, tal-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament mill-imsemmija impriża biex hemmhekk jokkupaw l-istess impjieg.

    53

    F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1), huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104 u jagħmel riferiment għat-tul tal-ħin tax-xogħol, għas-sahra, għall-ħin tal-pawża, għall-perijodi ta’ mistrieħ, għax-xogħol billejl, għal-leave, għall-festi pubbliċi kif ukoll għar-remunerazzjoni.

    54

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna tilwima li qamet bejn Manpower Lit u ħamsa mill-ex impjegati tagħha, u l-EIGE għandu biss il-kwalità ta’ intervenjenti f’din il-kawża. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li, skont il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnjus), il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jissodisfaw, tal-inqas parzjalment, funzjonijiet tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu fi ħdan l-EIGE, b’tali mod li din il-qorti qieset, minn naħa, li dawn setgħu jitqabblu ma’ dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li kellhom jiġu applikati għalihom il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-imsemmija membri tal-persunal bil-kuntratt, abbażi tal-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jittrasponi fid-dritt Litwan l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104.

    55

    Issa, il-Kummissjoni ssostni li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’din l-aħħar dispożizzjoni jeżiġi li jiġu pparagunati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji mal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati direttament mill-EIGE, skont id-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx jiġu pparagunati ma’ dawk applikabbli għall-persunal impjegat abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, bħall-membri tal-persunal bil-kuntratt, peress li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 tkun tikser l-Artikoli 335 u 336 TFUE, u effettivament tkun tagħti l-istatus ta’ uffiċjali tal-Unjoni lill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

    56

    Din it-teżi ma tistax tintlaqa’.

    57

    Qabelxejn, l-Artikolu 335 TFUE jippreċiża li, f’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesgħa mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; Issa, il-fatt li l-ħaddiema temporanji jingħataw il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg li għandu l-persunal impjegat abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni ma jillimitax din il-kapaċità.

    58

    Sussegwentement, skont l-Artikolu 336 TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jadotta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra. Issa, la dawn ir-regolamenti u lanqas il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-aġenziji tal-Unjoni minn impriżi ta’ xogħol temporanju. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika, meta dawn l-aġenziji jirrikorru għal ħaddiema temporanji abbażi ta’ kuntratti konklużi ma’ impriżi ta’ xogħol temporanju, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, japplika bis-sħiħ għal dawn il-ħaddiema matul il-missjonijiet li huma jwettqu fi ħdan tali aġenzija.

    59

    Fl-aħħar nett, għalkemm l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dan l-Artikolu 5(1) twassal għall-paragun tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji ma’ dawk tal-persunal impjegat abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, dan bl-ebda mod ma għandu l-konsegwenza li jagħti l-istatus ta’ uffiċjal lil dawn il-ħaddiema temporanji.

    60

    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 sempliċement jeżiġi l-ugwaljanza tal-“kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” tal-ħaddiema temporanji, liema kunċett huwa ddefinit, fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, bħala li jirrigwarda, essenzjalment, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet ġenerali u vinkolanti, fis-seħħ fl-impriża utenti, dwar il-ħin tax-xogħol u r-remunerazzjoni. Għaldaqstant, din ma hijiex assimilazzjoni tal-ħaddiema temporanji mal-istatus tal-persunal permanenti matul il-perijodu ta’ reklutaġġ jew lil hinn minnu.

    61

    Dan huwa kkonfermat miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konvenuti fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma jitolbu r-riklassifikazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju tagħhom, iżda sempliċement jitolbu, mingħand Manpower Lit, il-ħlas tal-arretrati ta’ remunerazzjoni li huma jallegaw li huma dovuti lilhom. Għaldaqstant, ma tqum ebda kwistjoni f’termini ta’ dannu, la għall-awtonomija tal-EIGE u lanqas għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni.

    62

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-EIGE jista’ jitqies li jikkostitwixxi l-“istess impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk jitqies li l-impjiegi kollha li għalihom l-EIGE jirrekluta ħaddiema direttament jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu biss minn persuni suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni, minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, ta’ persuni li kkonkludew kuntratt ta’ impjieg ma’ din l-impriża, mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) sabiex jipprovdu servizzi ta’ xogħol hemmhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

     

    2)

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jista’ jitqies li jikkostitwixxi l-“istess impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk jitqies li l-impjiegi kollha li għalihom l-EIGE jirrekluta ħaddiema direttament jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu biss minn persuni suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top