EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0899

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Jannar 2022.
Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 4(2)(b) – Reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Kundizzjoni li tirrikjedi li din il-proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tissottometti proposta għal att legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Deċiżjoni (UE) 2017/652 – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe’ – Reġistrazzjoni parzjali – Artikolu 5(2) TUE – Prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi – Artikolu 296 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kontradittorju.
Kawża C-899/19 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:41

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 4(2)(b) – Reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Kundizzjoni li tirrikjedi li din il-proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tissottometti proposta għal att legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Deċiżjoni (UE) 2017/652 – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe’ – Reġistrazzjoni parzjali – Artikolu 5(2) TUE – Prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi – Artikolu 296 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kontradittorju”

Fil-Kawża C‑899/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑4 ta’ Diċembru 2019,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn E. Gane, L. Liţu, M. Chicu u L.‑E. Baţagoi, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn I. Martínez del Peral, H. Stancu u H. Krämer, sussegwentement minn I. Martínez del Peral u H. Stancu, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

L‑Ungerija, irrappreżentata minn Z. Fehér u minn K. Szíjjártó, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Rumanija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Settembru 2019, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (T‑391/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:672), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad‑29 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49), jiddikjara, fil-premessi 1, 2, 4 u 10 tiegħu:

“(1)

It-Trattat [UE] jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dik il-proċedura tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 [TFUE] u lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu 241 TFUE.

(2)

Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. Huma għandhom jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l-obbligi.

[…]

(4)

Il-Kummissjoni għandha, fuq talba, tipprovdi liċ-ċittadini informazzjoni u pariri informali dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini, l-aktar fir-rigward tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni.

[…]

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u t-trasparenza fir-rigward tal-inizjattivi taċ-ċittadini proposti u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikunu qed jinġabru firem għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ma tkunx konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, għandu jkun mandatorju li tali inizjattivi jiġu reġistrati fuq websajt ipprovduta mill-Kummissjoni qabel il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa miċ-ċittadini. L-inizjattivi taċ-ċittadini proposti kollha li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jiġu reġistrati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tittratta r-reġistrazzjoni skont il-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.”

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini kif previst fl-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘Inizjattiva taċ-ċittadini’ tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha;

[…]

(3)

‘Organizzaturi’ tfisser persuni fiżiċi li jiffurmaw kumitat taċ-ċittadini responsabbli għall-preparazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-presentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.”

5

L-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Dik l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’reġistru online li jkun disponibbli għal dak il-għan mill-Kummissjoni (‘ir-reġistru’).

L-organizzaturi għandhom jipprovdu, għar-reġistru u fejn ikun xieraq fuq il-websajt tagħhom, informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar is-sorsi ta’ appoġġ u l-iffinanzjar għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Wara li r-reġistrazzjoni tkun ikkonfermata skont il-paragrafu 2, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni biex tiddaħħal fir-reġistru. It-traduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-organizzaturi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt li jagħti informazzjoni u assistenza.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

7

Fil‑15 ta’ Lulju 2013, il-Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe” (il-Kumitat taċ-Ċittadini għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe”) issottomettiet lill-Kummissjoni l-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”) intitolata “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE inkwistjoni”).

8

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C(2013) 5969 final tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni minħabba li din tal-aħħar kienet manifestament tmur lil hinn mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li fuq il-bażi tagħhom hija setgħet tissottometti proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

9

Adita mill-Kumitat taċ-Ċittadini għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe”, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), annullat id-Deċiżjoni C(2013) 5969 final minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

10

Fid‑29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha ġiet irreġistrata l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

11

Il-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni tiddeskrivi s-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kif ġej:

“Nappellew lill-UE biex ittejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.”

12

Il-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni tiddikjara l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kif ġej:

“Nappellaw lill-[Unjoni] tadotta ġabra ta’ atti legali li jtejbu l-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u li jsaħħu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. [Dawn l-atti għandhom jinkludu] azzjonijiet ta’ politika fl-oqsma tal-lingwi reġjonali u minoritarji, l-edukazzjoni u l-kultura, il-politika reġjonali, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, il-kontenut awdjoviżiv u midja oħra kif ukoll għajnuna reġjonali (mill-istat).”

13

Il-premessa 4 tal-istess deċiżjoni tiddikjara li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni tagħmel riferiment espliċitu, fl-anness tagħha, għal ħdax-il att legali tal-Unjoni li għalihom hija tistieden, essenzjalment, lill-Kummissjoni tagħmel proposti.

14

Mill-premessi 6 sa 9 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni rreġistrat il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni fir-rigward ta’ disgħa minn dawn l-atti legali tal-Unjoni, minħabba li l-proposta tagħhom ma kinitx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li jippermettulha tissottometti proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-żewġ atti legali l-oħra tal-Unjoni li għalihom tirreferi l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-proposta kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jelenka, fil-paragrafu 2 tiegħu, disa’ proposti ta’ atti legali msemmija mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, li fuqhom jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

16

Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija qajmet żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5(2) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

18

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, fl-istadju tar-reġistrazzjoni, li l-proposti ta’ atti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux jaqgħu manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li jippermettulha tissottometti proposta għal att legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iddikjarat, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-motivi li huma l-bażi tar-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

19

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-Rumanija.

It‑talbiet tal‑partijiet

20

Ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

22

L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

Fuq l‑appell

23

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tinvoka tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati mal-kompetenzi tal-Unjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, it-tielet wieħed, fuq irregolaritajiet proċedurali mwettqa mill-Qorti Ġenerali waqt il-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattati relatati mal‑kompetenzi tal‑Unjoni

L‑argumenti tal‑partijiet

24

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Rumanija tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-kompetenzi tal-Unjoni, billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-kundizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kienet issodisfatta f’dan il-każ.

25

Fl-ewwel lok, ir-Rumanija tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni hija intiża kemm sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll sabiex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Għall-kuntrarju, dan l-Istat Membru jqis li l-għan prinċipali ta’ din il-proposta jinsab fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza f’dan ir-rigward. Huwa jirreferi, fuq dawn l-aspetti, għall-punti 59 sa 63 tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza.

26

Fit-tieni lok, ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 51 sa 56 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi sa fejn ekwiparat il-valuri tal-Unjoni ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE ma’ azzjoni speċifika jew ma’ għan li jaqa’ taħt il-qasam ta’ kompetenza tal-Unjoni bil-konsegwenza li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tressaq atti legali speċifiċi li jkollhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll it-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

27

Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret, minn naħa, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tal-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

28

L-ewwel, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, ir-Rumanija tesponi s-sistema kumplessa li nħolqot mit-Trattati għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) TUE u mill-Artikolu 2(6) TFUE. Għalhekk, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-Unjoni taġixxi biss jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-kundizzjoni li l-qasam inkwistjoni għandu jaqa’ f’wieħed mill-oqsma ta’ kompetenzi tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE kif ukoll fil-kuntest tal-għanijiet stabbiliti mit-Trattati għal kull wieħed minn dawn l-oqsma.

29

Madankollu huwa evidenti li l-valuri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE ma jidhrux fil-kapitoli tat-Trattati dwar il-kompetenzi tal-Unjoni u ma għandhom ebda rwol fl-evalwazzjoni tal-għanijiet u tal-azzjonijiet speċifiċi tagħha. Skont ir-Rumanija, fil-kuntest tal-proposti ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni, dawn il-valuri jikkostitwixxu biss punt ta’ riferiment u ma jistgħux jiġu konfużi mal-oqsma ta’ kompetenzi jew mal-għanijiet speċifiċi tal-Unjoni. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, li jiddistingwi, fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proposti ta’ IĊE, minn naħa, il-kompetenzi u l-għanijiet u, min-naħa l-oħra, il-valuri.

30

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali użat ħażin is-sistema ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, kif prevista mid-dritt primarju tal-Unjoni, billi ekwiparat, b’mod ġenerali, il-valuri tal-Unjoni ma’ għanijiet speċifiċi tal-Unjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tressaq proposti għal atti legali speċifiċi intiżi li jikkompletaw l-azzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE. Issa, skont ir-Rumanija, għal dan il-għan, ikun minn tal-inqas neċessarju li r-regoli dwar l-għanijiet u l-azzjonijiet differenti tal-Unjoni jikkonċernaw espressament il-valuri tal-Unjoni. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi ma jissemma f’ebda dispożizzjoni tat-Trattati dwar il-kompetenzi, il-politiki, l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni.

31

L-analiżi tal-Qorti Ġenerali testendi, de jure, il-kompetenzi tal-Unjoni billi tbiddel is-suġġett u l-għan tagħhom b’riferiment għall-valuri tal-Unjoni.

32

Barra minn hekk, din l-analiżi tippreġudika l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-punti 61 u 62 tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li teżamina, sabiex tevalwa l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti, ikkunsidrati fl-astratt, jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

33

It-tieni, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji li jirregolaw id-determinazzjoni tal-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Rumanija ssostni li din id-determinazzjoni għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju, b’mod partikolari, li tiġi stabbilita rabta diretta bejn l-att tal-Unjoni u d-dispożizzjoni tat-Trattati li tawtorizza lill-Unjoni tadotta dan l-att. Bl-istess mod, l-għażla tal-bażi legali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att.

34

Għalhekk, proposta ta’ att tal-Unjoni intiża li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll li ssaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni tista’ ssir biss fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tawtorizza lill-Unjoni taġixxi f’dan il-qasam u għal dan il-għan b’mod prinċipali. Issa, tali dispożizzjoni hija nieqsa.

35

Minn naħa, l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali.

36

Min-naħa l-oħra, l-Unjoni għandha biss, bis-saħħa tal-Artikolu 167(1) u (4) TFUE, kompetenzi ta’ appoġġ, ta’ koordinazzjoni u ta’ kkumplementar tat-tisħiħ tad-diversità kulturali. Din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni li għandu bħala għan esklużiv jew prinċipali d-diversità kulturali.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 56 tas-sentenza appellata.

38

Ir-Rumanija tikkonkludi li l-bażijiet legali analizzati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma jippreżentaw ebda rilevanza fir-rigward tal-għan reali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, peress li ebda waħda minnhom ma tista’, għaldaqstant, tikkostitwixxi bażi legali korretta fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Fit-tielet lok, ir-Rumanija tqis li, fid-dawl tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, la huwa neċessarju u lanqas rilevanti li jiġi eżaminat ir-raġunament li hija segwiet, fil-punti 60 sa 71 tas-sentenza appellata, separatament għal kull waħda mid-disa’ proposti ta’ atti legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu r-Rumanija ssostni li l-parti tas-sentenza appellata li tinkludi dawn il-punti hija vvizzjata bi żbalji u tistabbilixxi, “bħala eżempju”, ċerti żbalji li l-Qorti Ġenerali wettqet f’dan ir-rigward.

40

Essenzjalment, ir-Rumanija tallega, f’dan il-kuntest, li, fir-rigward tal-miżuri dwar il-lingwa, l-edukazzjoni u l-kultura, miżuri dwar il-politika reġjonali u l-att dwar persuni mingħajr stat, proposti mill-organizzaturi tal-IĊE inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni obbligatorja u supplimentari kollha pprovduta minn dawn l-organizzaturi. It-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom missu wassal lill-Qorti Ġenerali biex tikkonkludi li dawn il-miżuri ma kellhom ebda bażi fit-Trattati.

41

Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

42

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 43 sa 72 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kundizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kienet issodisfatta f’dan il-każ.

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li proposta ta’ IĊE tiġi rreġistrata mill-Kummissjoni, sakemm din “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

44

Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni għandha, b’mod konformi mal-għanijiet li l-IĊE għanda l-intenzjoni li tilħaq, hekk kif inhuma ddikjarati fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u fiż-żieda fl-aċċessibbiltà tal-Unjoni, tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, adita bi proposta ta’ IĊE, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 53).

45

Konsegwentement, huwa biss jekk proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, supplimentari mogħtija mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati li din tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 54).

46

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li teżamina jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti fi proposta ta’ IĊE, ikkunsidrati fl-astratt, jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62).

47

Minn dan isegwi li, peress li, fi tmiem l-ewwel analiżi mwettqa fir-rigward tal-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, supplimentari pprovduta mill-organizzaturi ta’ IĊE, ma ġiex stabbilit li proposta ta’ IĊE tinsab manifestament barra mill-ambitu ta’ dawn il-kompetenzi tal-Kummissjoni, hija din l-istituzzjoni li għandha tirreġistra din il-proposta, bla ħsara għas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011.

48

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tar-Rumanija intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, b’mod partikolari, mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, f’dan ir-rigward, li appell huwa inammissibbli sa fejn, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament biex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li diġà tressqu quddiem din il-qorti, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minnha. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża biex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali; liema fatt imur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑279/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:461, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn dan isegwi li l-argument tar-Rumanija dwar il-punt 47 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli peress li hija b’ebda mod ma tissostanzja dan l-argument u sempliċement tirreferi għar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

50

Fit-tieni lok, ir-Rumanija essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 51 sa 56 tas-sentenza appellata, tekwipara l-valuri tal-Unjoni, iddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, ma’ azzjoni speċifika jew ma’ għan li jaqa’ taħt l-oqsma ta’ kompetenzi tal-Unjoni u talli b’hekk ippermettiet lill-Kummissjoni tissottometti atti legali li għandhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll it-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

51

Dawn il-punti tas-sentenza appellata jsegwu l-espożizzjoni, fil-punti 47 u 50 ta’ din is-sentenza, tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u mill-atti legali tal-Unjoni stabbiliti fl-anness tagħha.

52

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 51 tas-sentenza appellata li, skont l-Artikolu 2 TUE, ir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha kif ukoll, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tisħiħ tad-diversità kulturali, l-Artikolu 167(4) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-trattat b’mod partikolari li tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

53

Il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata li minn dan ma jirriżultax li permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni rrikonoxxiet lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, iżda biss li r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u t-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika, bħala valuri u għanijiet tal-Unjoni, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

54

Fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat ulterjorment li r-Rumanija ma tqigħedx inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta atti legali fl-oqsma ta’ azzjoni konkreti msemmija mill-atti legali elenkati fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex jinkisbu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE. Hija ddeċidiet li, għalhekk, xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tressaq proposti għal atti legali li jkunu intiżi li jikkompletaw l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u tar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, kif previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE.

55

Billi għamlet hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Rumanija, il-Qorti Ġenerali la ekwiparat il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni mal-għanijiet speċifiċi tal-Unjoni li jippermettulha tadotta atti legali u lanqas ma estendiet il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar sal-punt li tqis li din tista’ tadotta atti legali, mingħajr bażi legali, bil-għan li tiżgura r-rispett tal-valuri tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, li, sa fejn huma validament ibbażati fuq bażi legali, l-atti tal-Unjoni jistgħu wkoll ikunu intiżi għar-rispett tal-valuri tal-Unjoni, bħar-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika.

56

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, din l-ewwel analiżi hija bla ħsara għall-eżami tal-bażi legali ta’ att, jekk ikun il-każ adottat wara IĊE u fuq proposta tal-Kummissjoni.

57

Fit-tielet lok, sa fejn ir-Rumanija ssostni b’mod globali, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 60 sa 71 tas-sentenza appellata tad-disa’ proposti ta’ atti legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa żbaljat, filwaqt li sempliċement tikkontesta, bħala eżempju, ċerti evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u filwaqt li terġa’ ttenni argumenti li hija diġà ressqet quddiem din il-qorti, tali argumentazzjoni ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza b’mod partikolari sa fejn b’dan il-mod tkun intiża, fir-realtà, li tikseb sempliċi eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti.

58

Għaldaqstant, din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE

L‑argumenti tal‑partijiet

60

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

61

F’dan ir-rigward, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, talli qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha importanza wisq iktar fundamentali fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

62

Il-Qorti Ġenerali tidher li qieset, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE. Fi kwalunkwe każ, skont ir-Rumanija, il-Kummissjoni ma tistax tirreġistra, bil-għan biss li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE, proposti li ma josservawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 211/2011. Barra minn hekk, hija tenfasizza li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE tikkostitwixxi deċiżjoni finali u li l-Kummissjoni ma tistax għalhekk tillimita ruħha għat-twettiq ta’ verifika purament formali tal-proposta ta’ IĊE.

63

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha għall-espożizzjoni b’mod ġeneriku tal-oqsma li fihom jistgħu jiġu adottati atti legali tal-Unjoni, u dan mingħajr ma tirrileva l-fatt li l-miżuri li għalihom tagħmel riferiment il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni huma intiżi biex titjieb il-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll sabiex tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

64

Issa, tali motivazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddetermina jekk id-deċiżjoni inkwistjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha. L-insuffiċjenza ta’ tali motivazzjoni hija partikolarment problematika f’dan il-każ fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija differenti ħafna mid-deċiżjoni adottata preċedentement, jiġifieri d-Deċiżjoni C(2013) 5969 final imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, inkluż fir-rigward tal-possibbiltà tar-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

65

Minn dan isegwi, skont ir-Rumanija, li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat, peress li l-Kummissjoni ma kinitx irriproduċiet il-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kontenzjuża u kienet, barra minn hekk, fundamentalment emendat il-pożizzjoni tagħha mingħajr ma ppreċiżat l-iżviluppi li kienu ta’ natura li jiġġustifikaw tali emenda.

66

Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

67

Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet wara l-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss mill-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Fl-ewwel lok, ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni meta kkunsidrat li din l-istituzzjoni ma kellhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011.

70

F’dan ir-rigward, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, peress li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jistipula li l-Kummissjoni għandha “tirreġistra” tali proposta ta’ IĊE meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jiġifieri b’mod partikolari meta l-proposta ta’ IĊE ma tkunx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li fuq il-bażi tagħhom hija tista’ tissottometti proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Għall-kuntrarju, jekk, wara l-ewwel analiżi, ikun jidher ċar li din il-kundizzjoni tal-aħħar ma tkunx issodisfatta, il-Kummissjoni “tirrifjuta” li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011.

71

Billi aġixxiet b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, l-użu tal-preżent tal-indikattiv fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 211/2011 kif ukoll l-enumerazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fil-paragrafu 2(a) sa (d) ta’ dan l-artikolu juru li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE u li hija, għall-kuntrarju, obbligata tipproċedi għal din ir-reġistrazzjoni ladarba din il-proposta tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha.

72

Peress li din il-kunsiderazzjoni hija, waħedha, ta’ natura li tiġġustifika l-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-argument tar-Rumanija espost fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u intiż biex jikkontesta, essenzjalment, il-motiv imsemmi fil-punt 85 tas-sentenza appellata insostenn tal-istess konklużjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan l-argument huwa fondat, dan ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

73

Fit-tieni lok, ir-Rumanija tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni “sempliċement tesponi […] b’mod ġeneriku” l-oqsma li fihom atti ġuridiċi tal-Unjoni jistgħu jiġu adottati ma jmurx kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li l-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tesponi b’mod ġeneriku l-oqsma li fihom atti legali tal-Unjoni jistgħu jiġu adottati u li jikkorrispondu għall-oqsma li fihom is-sottomissjoni ta’ atti legali hija mitluba mill-organizzaturi tal-IĊE.

75

Issa, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jidher li ġie sostnut mir-Rumanija, tali motivazzjoni hija ta’ natura li turi r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni tista’ taqa’ taħt il-kompetenzi tagħha li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tissottometti proposta għal att legali tal-Unjoni.

76

Min-naħa l-oħra, fl-istadju tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tivverifika li ġiet prodotta l-prova tal-punti ta’ fatt kollha invokati u lanqas ma hija meħtieġa tivverifika li l-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti. Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb teżamina, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti, previsti fl-astratt, jistgħux jittieħdu fuq il-bażi tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62).

77

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, essenzjalment, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward ma kinitx insuffiċjenti.

78

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, evidentement, ippermettiet lir-Rumanija ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u, b’mod iktar partikolari, il-proposti ta’ atti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux manifestament barra mill-kompetenzi tagħha, u, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq l-imsemmija deċiżjoni.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet aggravju, ibbażat fuq irregolaritajiet proċedurali mwettqa mill‑Qorti Ġenerali matul il‑fażi orali tal‑proċedura

L‑argumenti tal‑partijiet

80

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi irregolaritajiet proċedurali, b’mod partikolari, waqt il-fażi orali tal-proċedura.

81

Filwaqt li jfakkar l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, tas-seduta li saret quddiemha, fuq talba tar-Rumanija, dan l-Istat Membru jirreferi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet speċifiċi li kienu s-suġġett tar-rapport tas-seduta kif ukoll tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħtieġa mill-Qorti Ġenerali. Ir-Rumanija tindika wkoll li d-dibattiti li saru waqt is-seduta, inklużi l-mistoqsijiet magħmula direttament mill-Qorti Ġenerali waqt din is-seduta, kienu jikkonċernaw biss aspetti tar-rikors b’rabta mal-ammissibbiltà tiegħu kif ukoll mal-istat tal-proċess ta’ ġbir, ta’ verifika u ta’ ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn jew ta’ sottomissjoni tal-proposta ta’ IĊE għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

82

Konsegwentement, skont ir-Rumanija, bl-eċċezzjoni tal-kwistjoni tar-rilevanza tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), li ġiet ittrattata matul il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, il-partijiet ma ddiskutewx b’mod kontradittorju, waqt din l-aħħar fażi, diversi aspetti li jirrigwardaw il-mertu tar-rikors u li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata. Issa, din il-fażi għandha sservi għall-kjarifika u għad-dibattitu tal-punti essenzjali tal-kawża għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tagħha. Minkejja li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, iddeċidiet li tiftaħ l-imsemmija fażi, hija neħħiet kull sens minnha billi neħħiet il-garanziji proċedurali marbuta mal-organizzazzjoni tal-istess fażi.

83

Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

84

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li l-punti essenzjali li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju matul il-fażi orali tal-proċedura.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jkunu f’qagħda li jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tiġi bbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-qorti flimkien mal-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti li fuqhom din ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 5256).

86

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet esklużivament dwar il-motivi mqajma mir-Rumanija, li l-partijiet kellhom l-opportunità ta’ trattazzjoni matul il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma tistax tiġi kkritikata li marret kontra l-prinċipju ta’ kontradittorju sa fejn hija ma għamlitx mistoqsijiet speċifiċi dwar kull wieħed mill-argumenti mressqa.

87

Barra minn hekk, ir-Rumanija ma identifikat ebda element essenzjali għall-finijiet tal-eżitu tal-proċedura li tagħha hija ma setgħetx tieħu konjizzjoni u li dwarha hija ma kinitx f’qagħda li tieħu pożizzjoni, jew fil-kuntest tal-fażi bil-miktub, jew fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

88

Għaldaqstant it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

89

Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

90

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

91

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

92

Peress li l-aggravji tar-Rumanija ma ntlaqgħux u peress li l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li r-Rumanija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

93

Bis-saħħa tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta parti intervenjenti fl-ewwel istanza ma tkunx ippreżentat l-appell hija tista’ tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk tkun ipparteċipat fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali parti tipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li din għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

94

Peress li l-Ungerija pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Rumanija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top