Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0836

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
    Toropet Ltd. vs Landkreis Greiz.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Gera.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Artikolu 9(d) u l-Artikolu 10(a) u (f) – Klassifikazzjoni tal-prodotti – Dekompożizzjoni, deterjorament u preżenza ta’ korpi barranin fil-materjal – Impatt fuq il-klassifikazzjoni inizjali.
    Kawża C-836/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:668

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Artikolu 9(d) u l-Artikolu 10(a) u (f) – Klassifikazzjoni tal-prodotti – Dekompożizzjoni, deterjorament u preżenza ta’ korpi barranin fil-materjal – Impatt fuq il-klassifikazzjoni inizjali”

    Fil-Kawża C‑836/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

    Toropet Ltd

    vs

    Landkreis Greiz,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Toropet Ltd, minn S. Artopée, Rechtsanwalt,

    għal‑Landkreis Greiz, minn K. Reiher, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u W. Farrell, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(d) u tal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Toropet Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li topera stabbiliment ta’ trasformazzjoni ta’ partijiet tal-annimali stabbilit fil-Ġermanja, u l-Landkreis Greiz (id-Distrett ta’ Greiz, il-Ġermanja) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tordna r-rimi ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

    3

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprevedi, fl-Artikolu 14(5):

    “Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.”

    Ir-Regolament Nru 1013/2006

    4

    Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart perikoluż” billi jirreferi għad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78).

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004

    5

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35) jipprovdi, fil-punti 1.9 u 8.1 tiegħu:

    “1.9. ‘karkassa’ tfisser il-ġisem ta’ annimal wara l-qatla u t-tindif.

    [...]

    8.1. ‘Prodotti ta’ oriġini mill-annimali’ tfisser:

    ikel ta’ oriġini mill-annimali, inkluż il-għasel u d-demm;

    molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ġajjin, tunikati ġajjin u gastropodi marini ġajjin maħsuba li jittieklu mill-bniedem; u

    annimali oħra ddestinati biex jiġu ppreparati biex jiġu mgħoddija ħajjin lill-konsumatur finali.

    [...]”

    Ir-Regolament Nru 1069/2009

    6

    Il-premessi 2, 5, 6, 11, 29, 35, 36 u 38 tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprovdu:

    “(2)

    Il-prodotti sekondarji tal-annimali jinħolqu prinċipalment matul il-qtil tal-annimali għall-konsum mill-bniedem, matul il-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali bħall-prodotti tal-ħalib, u matul ir-rimi ta’ annimali mejtin u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard. Irrispettivament mis-sors tagħhom, dawn joħolqu riskju potenzjali għas-saħħa pubblika u tal-annimali u għall-ambjent. Ir-riskju għandu jiġi kkontrollat b’mod adegwat, jew billi dawn il-prodotti jiġu indirizzati lejn mezz sikur ta’ rimi jew billi jintużaw għal għanijiet differenti, sakemm jiġu applikati kundizzjonijiet stretti li jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa involuti.

    [...]

    (5)

    Ir-regoli tas-saħħa Komunitarji għall-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu stipulati f’qafas koerenti u komprensiv.

    (6)

    Dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn prodotti sekondarji tal-annimali meta jiġu indirizzati mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom. Ir-regoli għandhom iqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Il-qafas Komunitarju għandu jinkludi regoli tas-saħħa fuq it-tqegħid fis-suq, inklużi l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fejn xieraq.

    [...]

    (11)

    [...] L-għanijiet ewlenin tar-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jiġifieri l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u l-ħarsien tas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf għandhom jiġu stipulati b’mod ċar. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iwasslu biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

    [...]

    (29)

    Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jirriflettu l-grad ta’ riskju li huma joħolqu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju. Filwaqt li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li joħolqu riskju għoli għandhom jintużaw biss għal għanijiet barra mill-katina tal-għalf, l-użu tagħhom li joħloq riskju anqas għandu jkun permess taħt kondizzjonijiet sikuri.

    [...]

    (35)

    [...] Għal xi prodotti sekondarji tal-annimali oħrajn li mhumiex imniżżla taħt waħda mit-tliet kategoriji, il-kategorizzazzjoni awtomatika bħala materjal tal-Kategorija 2 għandha tinżamm għal raġunijiet prekawzjonali, b’mod partikolari biex tiġi msaħħa l-esklużjoni ġenerali ta’ materjal bħal dan mill-katina tal-għalf għal annimali mrobbija fl-irziezet, għajr għal annimali bil-pil.

    (36)

    Leġiżlazzjoni oħra li daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 [...], jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319], ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 u r-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf [ĠU 2005, L 35, p. 1], u li għalihom ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3)] huwa komplementari, tistabbilixxi li l-obbligu primarju ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, immirata biex tħares is-saħħa pubblika u tal-annimali, huwa tal-operaturi tan-negozji alimentari u tal-għalf. B’konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-operaturi li jwettqu attivitajiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu wkoll prinċipalment responsabbli li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak l-obbligu għandu jiġi ċċarat u speċifikat aktar fir-rigward tal-mezzi li permezz tagħhom tiġi żgurata t-traċċabbiltà, bħalma huma l-ġbir u l-indirizzar separati ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. [...]

    [...]

    (38)

    Il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintużaw biss jekk ir-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jiġu mminimizzati fil-kors tal-ipproċessar tagħhom u tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mmanifatturati fuq il-bażi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Jekk din l-għażla ma tkunx disponibbli, il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintremew taħt kondizzjonijiet sikuri. L-għażliet disponibbli għall-użu ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali tal-kategoriji differenti għandhom jiġu ċċarati b’koerenza ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra. B’mod ġenerali, l-għażliet għall-kategorija ta’ riskju ogħla għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-kategoriji ta’ riskju iktar baxx, sakemm ma jkunux japplikaw konsiderazzjoni speċjali minħabba r-riskju marbut ma’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali.”

    7

    L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1069/2009 huwa fformulat kif ġej:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

    (a)

    prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li huma esklużi mill-konsum mill-bniedem taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja; [...]

    [...]”

    8

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 3, 4, 10 u 11 tiegħu:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    [...]

    (3)

    ‘prodotti li oriġinaw mill-annimali’ tfisser prodotti li joriġinaw mill-annimali kif definit fil-punt 8.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

    (4)

    ‘karkassa’ tfisser karkassa kif definita fil-punt 1(9) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

    [...]

    (10)

    ‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti fl-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew kull awtorità li lilha tkun ġiet iddelegata din il-kompetenza; tinkludi wkoll, fejn xieraq, l-awtorità korrispondenti ta’ pajjiż terz;

    (11)

    ‘operatur' tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utenti”.

    9

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq).

    2.   L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jivverifikaw li r-rekwiżiti relevanti ta’ dan ir-Regolament huma ssodisfati mill-operaturi flimkien mal-katina sħiħa tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom kif imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dan il-għan, għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti.”

    10

    L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.”

    11

    L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Materjal tal-Kategorija 1”, jipprovdi, fil-punt (g) tiegħu:

    “Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

    [...]

    (g)

    taħlita ta’ materjal tal-Kategorija 1 jew ma’ materjal tal-Kategorija 2 jew materjal tal-Kategorija 3 jew mat-tnejn li huma.”

    12

    L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Materjal tal-Kategorija 2”, jipprovdi, fil-punti (d) u (h) tiegħu:

    “Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

    [...]

    (d)

    prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew dikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ residwi fiżiċi f’dawn il-prodotti;

    [...]

    (h)

    prodotti sekondarji mill-annimali għajr materjal tal-Kategorija 1 jew materjal tal-Kategorija 3.”

    13

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Materjal tal-Kategorija 3”, jipprovdi, fil-punti (a) u (f) tiegħu:

    “Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

    (a)

    karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;

    [...]

    (f)

    prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew oġġetti tal-ikel li jkun fihom prodotti li joriġinaw mill-annimali, li m’għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew l-annimali;

    [...]”

    14

    L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3”, huwa fformulat kif ġej:

    “Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu:

    (a)

    jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;

    (b)

    jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart;

    (c)

    jintrema f’radam awtorizzat, wara li jiġi pproċessat;

    (d)

    jiġi pproċessat, ħlief fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkun inbidel minħabba dekompożizzjoni jew taħsir b’mod li, permezz ta’ dak il-prodott, jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, [...]

    [...]”

    15

    L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti”, jipprovdi:

    “1.   L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar:

    (a)

    l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali bl-isterilizzazzjoni bil-pressa, b’metodi tal-ipproċessar msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew b’metodi alternattivi awtorizzati b’konformità mal-Artikolu 20;

    [...]

    (h)

    it-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali wara li jinġabru, permezz ta’ operazzjonijiet bħall-issortjar, il-qtugħ, it-tkessiħ, l-iffriżar, it-tmelliħ, it-tneħħija tal-ġlud jew ta’ materjal ta’ riskju speċifiku;

    [...]”

    16

    L-Artikolu 25 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti ta’ iġjene ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(e) tiegħu:

    “L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt fl-Artikolu 24(1)(a) u (h):

    [...]

    (e)

    ikollhom arranġamenti xierqa għat-tindif u għad-diżinfettar tal-kontejners u l-vetturi fil-post biex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni.”

    17

    Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Kontrolli tal-operaturi stess”:

    “L-operaturi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jibqgħu jagħmlu l-kontrolli tagħhom stess fl-istabbilimenti jew l-impjanti tagħhom biex jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jiżguraw li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jkunu ssuspettati jew misjuba li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament ma joħorġu mill-istabbiliment jew l-impjant, sakemm ma jkunux destinati għar-rimi.”

    Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011

    18

    L-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal‑25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE fir-rigward ta’ ċerti kampjuni u artikoli eżentati mill-verifiki veterinarji li jsiru fuq il-fruntieri skont din id-direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1), jipprovdi, fil-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tiegħu:

    “Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw flimkien mal-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fit-Taqsima 1:

    [...]

    3.

    Impjanti ta’ proċessar ta’ materjal tal-Kategorija 3 għandu jkollhom lesta installazzjoni biex ikun ivverifkat jekk ikunx hemm korpi barranin, bħal materjal ta’ ppakkjar jew bċejjeċ ta’ metall, fil-prodotti sekondarji tal-annimali jew fi prodotti derivati, jekk ikunu materjali ta’ proċessar maħsuba biex jintużaw bħala għalf. Korpi barranin bħal dawn għandhom jitneħħew qabel jew wara l-proċessar.”

    Id-dritt Ġermaniż

    Il-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali

    19

    It-Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal‑25 ta’ Jannar 2004 (BGBl. 2004 I, p. 82), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGBl. 2016 I, p. 1966) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolata “Kamp ta’ applikazzjoni”:

    “Din il-liġi hija intiża li timplimenta r-[Regolament Nru 1069/2009], kif ukoll l-atti legali tal-Komunità jew tal-Unjoni Ewropea li japplikaw b’mod dirett, adottati skont jew biex jeżegwixxu dan ir-regolament.”

    20

    L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali, intitolat “Obbligu ta’ rimi”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Meta, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1,

    1)

    il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 1 fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009,

    2)

    il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 2 fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, bl-esklużjoni tad-demel likwidu, tal-guano, tal-kontenut tas-sistema diġestiva, tal-ħalib, tal-prodotti tal-ħalib, tal-kolostrum, tal-bajd u tal-prodotti abbażi tal-bajd, jew

    3)

    il-prodotti dderivati minn prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fil-punti 1 jew 2,

    għandhom jiġu rkuprati, miġbura, identifikati, ittrasportati, maħżuna, ipproċessati, ittrasformati, użati jew mormija, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ rkupru, ta’ ġbir, ta’ identifikazzjoni, ta’ trasport, ta’ ħażna, ta’ pproċessar, ta’ trasformazzjoni, ta’ użu u ta’ rimi. L-awtorità kompetenti għandha tirkupra, tiġbor, tidentifika, tittrasporta, taħżen, tipproċessa, tittrasforma, tuża jew tarmi

    1)

    il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 1,

    2)

    il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 2, bl-esklużjoni tad-demel likwidu, tal-guano, tal-kontenut tas-sistema diġestiva, tal-ħalib, tal-prodotti tal-ħalib, tal-kolostrum kif ukoll tal-bajd u tal-prodotti abbażi tal-bajd,

    3)

    il-prodotti dderivati minn prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fil-punti 1 jew 2,

    li huma ġġenerati fit-territorju tagħha konformement mal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, f’din il-liġi, u skont id-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tagħha. Sakemm dawn jiġu rkuprati mill-awtorità kompetenti, l-obbligi tal-proprjetarji li jidentifikaw, jittrasportaw u jaħżnu l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati ġġenerati minnhom, previsti mid-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, jibqgħu l-istess. L-awtorità kompetenti tista’ titlob terzi jwettqu l-obbligi tagħha skont it-tieni sentenza. It-tieni sentenza għandha tapplika wkoll għall-annimali selvaġġi mejtin, sa fejn l-awtorità kompetenti tkun ordnat użu, trasformazzjoni jew rimi għal raġunijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-mard tal-annimali.

    2.   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ma hijiex applikabbli meta l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti dderivati jkunu intiżi għall-produzzjoni ta’ ikel għall-annimali u prodotti dderivati msemmija fl-Artikoli 33 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, u meta l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati jkunu nġabru, identifikati, ittrasportati, maħżuna, ipproċessati, ittrasformati jew użati minn impriżi, stabbilimenti jew impjanti rreġistrati skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, jew approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    3.   Għal dak li jirrigwarda l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ tittrasferixxi parzjalment jew integralment lil persuna fiżika jew ġuridika tad-dritt privat li topera stabbiliment ta’ trasformazzjoni jew installazzjoni ta’ inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni, bil-kunsens tagħha, l-obbligu li tirkupra, tiġbor, tidentifika, tittrasporta, taħżen, tipproċessa, tittrasforma, tuża jew tarmi l-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti dderivati, sakemm:

    1)

    ebda interess pubbliku superjuri ma jipprekludi dan,

    2)

    l-istabbiliment ta’ trasformazzjoni jew l-installazzjoni ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni josserva r-rekwiżiti applikabbli għall-metodu ta’ trasformazzjoni kkonċernat, stabbiliti fl-Artikoli 6, 8 u 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal‑25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU 2011, L 54, p. 1), fil-verżjoni aġġornata tagħha, u

    3)

    l-osservanza ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, tal-atti legali adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tagħha, tkun iggarantita.

    Fil-każ ta’ trasferiment parzjali, dan jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-istabbiliment ta’ trasformazzjoni, l-installazzjoni ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni jirkupra, jiġbor, jidentifika, jittrasporta, jaħżen, jipproċessa, jittrasforma, juża jew jarmi l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati ġġenerati f’żona partikolari, meta l-interess pubbliku jeżiġi dan.

    4.   L-awtorità kompetenti tista’ teżiġi li stabbiliment ta’ trasformazzjoni jew installazzjoni ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni jawtorizza temporanjament, bi ħlas raġonevoli li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-prodotti, l-użu konġunt tal-istabbiliment jew tal-installazzjoni sabiex jiġi ttrasformati jew mormija l-prodotti sekondarji jew il-prodotti dderivati msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, li huma ġġenerati barra miż-żona ta’ intervent tal-istabbiliment ta’ trasformazzjoni jew tal-installazzjoni ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni, sakemm dan ikun raġonevoli jew sakemm il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti dderivati ma jkunux jistgħu jiġu utilment ittrasformati jew mormija b’xi mod ieħor jew ikunu jistgħu jiġu hekk ttrasformati biss bi spejjeż addizzjonali kunsiderevoli. Jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim fuq ir-remunerazzjoni, din għandha tiġi ffissata mill-awtorità kompetenti.”

    21

    L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali, intitolat “Stħarriġ”, jipprovdi:

    “(1)   L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tar-regolamenti adottati abbażi tagħha, kif ukoll ordnijiet eżekuttivi mogħtija skont l-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, skont din il-liġi jew skont regolament adottat abbażi tagħha, huma mistħarrġa mill-awtorità kompetenti, u fil-qasam tal-Bundeswehr (l-Armata Federali) mid-dipartimenti nnominati mill-Ministeru Federali għad-Difiża.

    (2)   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti, każ b’każ, l-ordnijiet neċessarji għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi kif ukoll tar-regolamenti adottati abbażi tagħha. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll wara r-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament [...] Nru 1069/2009 jew wara li tingħata approvazzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [...] Nru 1069/2009.”

    Il-Liġi tal-Land ta’ Thuringe li Tapplika l-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali

    22

    It-Thüringer Ausführungsgesetz zum Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Thuringe li Tapplika l-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal‑10 ta’ Ġunju 2005 (Thür GVBl. 2005, p. 224) tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Responsabbiltajiet tat-trasformazzjoni u tar-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategoriji 1 u 2”:

    “(1)   Id-distretti u l-bliet distrettwali huma awtoritajiet irregolati mid-dritt pubbliku kompetenti (organi responsabbli għar-rimi) fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali. Huma jwettqu dan il-kompitu fil-kuntest tal-awtoamministrazzjoni.

    (2)   Sabiex iwettqu din il-missjoni, il-korpi responsabbli għar-rimi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jikkostitwixxu assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet lokali. Il-modalitajiet ta’ funzjonament huma stabbiliti mill-istatut. Huwa biss dan l-organu responsabbli għar-rimi li huwa inkarigat iwettaq dan il-kompitu permezz tal-assoċjazzjoni.”

    23

    L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-Land ta’ Thuringe li Tapplika l-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali, intitolat “Żoni ta’ intervent”, huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Il-Ministeru għall-Affarijiet Veterinarji għandu jiddetermina permezz ta’ leġiżlazzjoni, bi qbil mal-organi responsabbli għar-rimi, iż-żoni li fihom l-imsemmija organi għandhom jirkupraw, jiġbru, jittrasportaw, jaħżnu, jipproċessaw, jittrasformaw jew jarmu l-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali. F’dan ir-rigward, l-interessi tal-protezzjoni kontra l-mard tal-annimali, il-produzzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali, il-kundizzjonijiet taċ-ċirkulazzjoni u l-kapaċità tal-impjanti ta’ trasformazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    (2)   Il-Ministeru għall-Affarijiet Veterinarji jista’, f’każijiet eċċezzjonali ħafna, jawtorizza l-ipproċessar, it-trasformazzjoni jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali fl-istabbilimenti ta’ trasformazzjoni, fl-installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni jew ta’ koinċinerazzjoni barra miż-żona ta’ intervent stabbilita skont il-paragrafu 1.”

    Ir-Regolament ta’ Thuringe dwar iż-Żoni ta’ Intervent Adottat skont il-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali

    24

    It-Thüringer Verordnung über die Einzugsbereiche nach dem Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (ir-Regolament ta’ Thuringe dwar iż-Żoni ta’ Intervent Adottat skont il-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal-11 ta’ Ottubru 2005 (Thür GVBl. 2005, p. 355) jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

    “Iż-żona ta’ intervent tal-istabbiliment ta’ trasformazzjoni li jinsab f’Elxleben, Distrett ta’ Sömmerda, testendi, għall-materjal imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-[Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali], fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti, għat-territorju kollu tal-Land.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    25

    Toropet topera fil-Ġermanja stabbiliment approvat skont ir-Regolament Nru 1069/2009 bħala stabbiliment intermedju għall-materjal tal-Kategorija 3, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, u hija rreġistrata wkoll bħala trasportatur ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Madankollu, din il-kumpannija ma hijiex awtorizzata timmanipula l-materjal tal-Kategoriji 1 u 2, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, Toropet tittrasforma partijiet tal-annimali u tikkummerċjalizzahom, b’mod partikolari, ma’ produtturi tal-għalf tal-annimali, riċiklaturi tax-xaħam tal-annimali u impjanti tal-produzzjoni tal-bijogass.

    26

    Fit‑23 ta’ Jannar 2018, waqt kontroll amministrattiv li sar f’dan l-istabbiliment intermedju, id-Distrett ta’ Greiz ikkonstata l-preżenza ta’ moffa, taħsir u ta’ korpi barranin, bħal biċċiet ta’ ġibs, residwi ta’ plastik u ta’ serratura, fi 38 kontenitur ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3. Minħabba l-preżenza ta’ dawn id-difetti, id-Distrett ta’ Greiz irriklassifika l-materjal ikkonċernat fil-Kategorija 2 u ordna r-rimi immedjat tat-38 kontenitur permezz ta’ eżekuzzjoni forzata minn terz li twettqet fl-istess jum. L-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet, fl-ammont ta’ EUR 2 346.17, ġew imposti fuq Toropet.

    27

    Din l-eżekuzzjoni forzata ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tad-Distrett ta’ Greiz tal‑25 ta’ Jannar 2018, li fiha huwa speċifika li, minħabba dawn id-difetti, il-materjal inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat iktar fil-Kategorija 3, iżda kellu jiġi kklassifikat fil-Kategorija 2. Issa, la Toropet u lanqas is-sieħeb kummerċjali tagħha, li kellu jkun responsabbli mit-trasformazzjoni ta’ dan il-materjal, ma kienu awtorizzati sabiex jimmanipulaw il-materjal tal-Kategorija 2. Iktar minn hekk, fl-assenza ta’ kamra kiesħa separata, il-materjal inkwistjoni ma setax jinħażen fil-post sakemm tinstab soluzzjoni bonarja.

    28

    Fid‑9 ta’ Ottubru 2018, Toropet ressqet azzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera, il-Ġermanja) intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2018.

    29

    Fl-ambitu tal-azzjoni tagħha, Toropet tikkritika lid-Distrett ta’ Greiz li wettaq żball meta rriklassifika l-materjal inkwistjoni fil-Kategorija 2 mingħajr ma wettaq eżami xjentifiku. Hija tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni li l-materjal inkwistjoni kien ikkontaminat, tħassar jew immoffa. Toropet tqis li l-kriterju użat mill-veterinarji u mid-Distrett ta’ Greiz, jiġifieri dak ibbażat fuq il-fatt li l-prodotti huma tajbin għall-konsum mill-bniedem, imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009.

    30

    Toropet tirrileva li mill-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament tal-prodotti sekondarji tal-annimali ma jiġġustifikawx klassifikazzjoni mill-ġdid f’kategorija iktar baxxa, peress li valorizzazzjoni skont l-Artikolu 14(b) ta’ dan ir-regolament hija possibbli u r-rimi ma huwiex dejjem meħtieġ. Skont Toropet, il-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni setgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 10(f) tal-istess regolament, peress li din id-dispożizzjoni teskludi biss prodotti li jippreżentaw riskji maġġuri kkawżati mill-mard tal-annimali. Issa, fil-fehma tagħha, il-laħam affettwat mill-moffa jew mit-taħsir ma jikkostitwixxix tali riskju. Fir-rigward tal-preżenza ta’ korpi barranin fil-materjal ikkonċernat, bħal biċċiet ta’ ġibs, residwi tal-plastik u serratura, din ma tistax twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid, sa fejn sempliċi separazzjoni mekkanika hija possibbli.

    31

    B’mod partikolari, din il-kumpannija ssostni li, peress li l-materjal tal-Kategorija 3 ma huwiex intiż għall-konsum mill-bniedem, il-fatt li l-materjal inkwistjoni jkun jew ma jkunx tajjeb għal dan il-konsum ma huwiex rilevanti.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni kienu jikkonċernaw prinċipalment il-materjal ikklassifikat inizjalment fil-Kategorija 3 skont l-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1069/2009, li jkopri l-karkassi u l-partijiet tal-annimali maqtula li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem, iżda li ma humiex intiżi għal tali konsum, jew skont l-Artikolu 10(f) ta’ dan ir-regolament, li jkopri l-prodotti li joriġinaw mill-annimali jew oġġetti tal-ikel li jkun fihom tali prodotti, li ma jkunux għadhom maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew raġunijiet oħra li ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

    33

    Skont dik il-qorti, id-dekompożizzjoni u d-deterjorament tal-materjal tal-Kategorija 3 jrendu lil dan il-materjal, bħala prinċipju, mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem u jinvolvu riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk tali tibdil għandux iwassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-materjal ikkonċernat f’kategorija differenti.

    34

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1069/2009, kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu kif ukoll mill-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jiġu kkontrollati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u tkun protetta s-sikurezza tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali. Għaldaqstant, il-perikolu ma huwiex limitat għas-saħħa tal-bniedem. L-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament jenfasizza wkoll li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament jinvolvu riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

    35

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 jista’ jipprekludi l-bidla tal-klassifikazzjoni inizjali tal-materjal ikkonċernat, wara dekompożizzjoni jew deterjorament tiegħu. Fil-fatt, skont dik il-qorti, minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament ma jaffettwawx, bħala prinċipju, il-klassifikazzjoni, iżda biss l-użu tal-materjal tal-Kategorija 3. Skont dik il-qorti, għalkemm l-użu ta’ dan il-materjal għal skopijiet ta’ produzzjoni tal-għalf huwa eskluż skont l-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament, jidher, min-naħa l-oħra, li huwa possibbli li dan il-materjal jintuża għal skopijiet oħra, b’mod partikolari billi dan jiġi rkuprat bil-koinċinerazzjoni, skont l-Artikolu 14(b) tal-imsemmi regolament.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(d) tar-Regolament Nru 1069/2009. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-materjal iddikjarat mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ korpi barranin għandu jiġi kklassifikat fil-Kategorija 2. Madankollu, mill-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tal-Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011 jirriżulta li l-preżenza ta’ korpi barranin ma hijiex biżżejjed sabiex issir il-klassifikazzjoni fil-Kategorija 2, sa fejn il-leġiżlazzjoni teżiġi li l-impjanti ta’ trasformazzjoni ta’ materjal tal-Kategorija 3 jkunu mgħammra b’installazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ dawn il-korpi barranin, li għandhom jitneħħew qabel jew matul it-trasformazzjoni. Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prevenzjoni tar-riskju tal-preżenza ta’ korpi barranin hijiex rilevanti meta l-materjal tal-Kategorija 3 ma jkunx intiż sabiex jiġi ttrasformat f’għalf tal-annimali, iżda sabiex jiġi inċinerat jew sabiex iservi għall-produzzjoni tal-bijodiżil.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 10(a) tar-[Regolament Nru 1069/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorizzazzjoni inizjali bħala materjal tal-kategorija 3 tintilef meta dan il-materjal ma jibqax xieraq għall-konsum mill-bniedem minħabba dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament?

    2)

    L-Artikolu 10(f) tar-[Regolament Nru 1069/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorizzazzjoni inizjali bħala materjal tal-kategorija 3 għal prodotti li joriġinaw mill-annimali jew għal ikel li jinkludi tali prodotti tintilef meta l-proċessi ta’ dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament sussegwenti ta’ dan il-materjal ikunu ta’ riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali?

    3)

    Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(d) tar-[Regolament Nru 1069/2009] għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li l-materjal li tħallat ma’ korpi barranin bħal serratura għandu jiġi kkategorizzat bħala materjal tal-kategorija 2 biss jekk ikun materjal li għandu jiġi pproċessat u li huwa intiż għall-għalf tal-annimali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    38

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti sekondarji tal-annimali inizjalment ikklassifikati bħala materjal tal-Kategorija 3, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mibdula permezz ta’ proċess ta’ dekompożizzjoni jew permezz ta’ deterjorament, jew imħallta ma’ korpi barranin, bħal biċċiet ta’ ġibs jew serratura, b’mod li ma jibqgħux tajbin għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunux nieqsa minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, ma josservawx il-livell ta’ riskju marbut ma’ din il-klassifikazzjoni u għandhom, konsegwentement, jiġu kklassifikati mill-ġdid f’kategorija iktar baxxa.

    39

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ, l-ewwel, li jiġu ppreċiżati l-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju tal-annimali f’kategorija partikolari qabel ma jiġi analizzat, sussegwentement, jekk tali klassifikazzjoni hijiex immutabbli jew jekk prodott sekondarju tal-annimali jistax jiġi kklassifikat mill-ġdid minħabba proċess ta’ dekompożizzjoni jew deterjorament jew minħabba li dan jitħallat ma’ korpi barranin, wara l-klassifikazzjoni inizjali tiegħu.

    40

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju tal-annimali f’kategorija partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti dderivati hija rregolata mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tat-Titolu I tar-Regolament Nru 1069/2009, li tinkludi l-Artikoli 7 sa 10 tiegħu.

    41

    Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, il-prodotti sekondarji tal-annimali huma kklassifikati f’kategoriji speċifiċi fid-dawl tal-kriterju tal-livell ta’ riskju li huma jippreżentaw għas-saħħa pubblika u tal-annimali. B’mod iktar partikolari, l-imsemmi regolament jipprevedi tliet kategoriji, skont l-Artikoli 8, 9 u 10 tiegħu li jkopru l-materjal tal-Kategoriji 1, 2 u 3, rispettivament, u l-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom neċessarjament jidħlu f’waħda minn dawn it-tliet kategoriji. Għalhekk, jaqa’ taħt il-Kategorija 3 il-materjal li ġie kkunsidrat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala ta’ riskju baxx filwaqt li l-materjal li jaqa’ taħt il-Kategoriji 1 u 2 jippreżentaw riskju għoli għas-saħħa pubblika u tal-annimali, bil-materjal tal-Kategorija 1 indikat bħala dak li jippreżenta l-ogħla riskju.

    42

    L-ewwel, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(h) tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li l-lista ta’ materjal tal-Kategorija 2 tinkludi l-prodotti sekondarji tal-annimali minbarra l-materjal tal-Kategoriji 1 jew 3, b’tali mod li l-Kategorija 2 tikkostitwixxi kategorija residwa. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 9(h) ta’ dan ir-regolament għandu, fid-dawl tal-premessa 35 tiegħu, li tipprovdi li kull prodott sekondarju tal-annimali li ma jaqa’ fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji għandu jitqies awtomatikament bħala materjal tal-Kategorija 2, jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li jkopri kull prodott sekondarju tal-annimali li ma ġiex ikklassifikat f’kategorija oħra.

    43

    Minn dan jirriżulta li l-listi ta’ materjal tal-Kategoriji 1 u 3, previsti fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 1069/2009, huma ta’ natura eżawrjenti u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod strett sa fejn, minn naħa, dawn jinkludu biss il-materjal li huwa espressament elenkat hemmhekk u, min-naħa l-oħra, dan il-materjal għandu josserva, skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, il-livell ta’ riskju marbut mal-kategorija kkonċernata.

    44

    Minn dan isegwi li jaqa’ taħt il-Kategorija 3 biss il-materjal li jissemma’ espressament fiha u li jirrispetta l-livell ta’ riskju marbut ma’ din il-kategorija.

    45

    It-tieni, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ riskju jikkostitwixxi wkoll il-kriterju rilevanti għall-użu finali tal-prodotti sekondarji tal-annimali. Ir-Regolament Nru 1069/2009 ppreveda, fl-Artikoli 12 sa 14 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessa 38 tiegħu, listi ta’ użu u ta’ rimi possibbli għal kull kategorija ta’ materjal kif ukoll regoli applikabbli għal kull waħda minnhom sabiex dan il-livell ta’ riskju jitnaqqas għall-minimu tiegħu, mingħajr madankollu ma ġiet eskluża l-possibbiltà li l-użu u r-rimi applikabbli għal kategorija ta’ riskju għoli jiġu estiżi wkoll għal materjal li jaqa’ taħt kategoriji ta’ riskju baxx.

    46

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-materjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien inizjalment ikklassifikat fil-Kategorija 3, konformement mal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009.

    47

    Filwaqt li l-Artikolu 10(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li jaqgħu taħt din il-kategorija l-karkassi u l-partijiet tal-annimali maqtula li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem, iżda li ma humiex intiżi għal tali konsum għal raġunijiet kummerċjali, l-Artikolu 10(f) tal-imsemmi regolament ikopri l-materjal bħall-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li ma humiex iktar maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba difetti fil-produzzjoni jew fl-imballaġġ jew difetti oħra li ma jimplikaw ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Minn dan isegwi li l-kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk prodott sekondarju tal-annimali jaqax taħt waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jinsab fir-rekwiżit li dan ikun tajjeb għall-konsum mill-bniedem u/jew li jkun nieqes minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

    48

    F’dan ir-rigward, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tan-natura tajba tal-prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem, l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 178/2002 jipprevedi li prodott tal-ikel mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem huwa dak li huwa inaċċettabbli għal tali konsum għal raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, ta’ oriġini esterna jew oħra, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew dekompożizzjoni.

    49

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk difetti marbuta ma’ proċess ta’ dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament u mal-preżenza ta’ korpi barranin, bħal dawk li ġew ikkonstatati fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv tat‑23 ta’ Jannar 2018, deskritt fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, humiex ta’ natura li jbiddlu l-livell ta’ riskju li jippreżenta materjal ikklassifikat inizjalment bħala materjal tal-Kategorija 3, fis-sens tal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, b’mod li tkun iġġustifikata klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-materjal fil-Kategorija 2.

    50

    Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1069/2009 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedu b’mod espress il-klassifikazzjoni mill-ġdid f’kategorija iktar baxxa ta’ materjal inizjalment ikklassifikat fil-Kategorija 3. Fil-fatt, sa fejn sempliċement jipprovdi li l-klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju tal-annimali tirrifletti l-livell ta’ riskju tiegħu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, il-kliem ta’ dan l-Artikolu 7 ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk materjal jistax ikun suġġett għal klassifikazzjoni mill-ġdid.

    51

    Konsegwentement, fid-dawl tal-assenza ta’ preċiżazzjonijiet utli fl-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, għandhom, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest li fih din tinsab u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Vion Livestock, C‑383/16, EU:C:2017:783, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1069/2009, mill-Artikolu 1 mill-premessi 2, 5, 6 u 11 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-għanijiet prinċipali mfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali jikkonsistu fil-kontroll b’mod adegwat tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u fil-ħarsien tas-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll li jiġi stabbilit qafas koerenti u komplet ta’ regoli tas-saħħa li huma proporzjonati għar-riskji tas-saħħa li toħloq il-manipulazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-operaturi fid-diversi stadji tal-katina, mill-ġbir tagħhom sal-użu tagħhom jew ir-rimi tagħhom.

    53

    Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikkontrolla r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali matul il-proċess operazzjonali tal-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod adegwat u proporzjonat, li jimplika li l-klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju mill-annimali tista’ tiġi evalwata mill-ġdid f’kull mument tal-operazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-prodott sekondarju meta dan tal-aħħar ma jissodisfax iktar il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-klassifikazzjoni inizjali tiegħu.

    54

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li fih jaqgħu l-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 1069/2009.

    55

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, l-operaturi kollha għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali josservaw ir-regoli tal-imsemmi regolament “[fl-]istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi” ta’ dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali.

    56

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-Regolament Nru 1069/2009, skont il-premessa 36 tiegħu, jipprevedi r-responsabbiltà primarja tal-operaturi li jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament jiġu osservati sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u tal-annimali. F’dan ir-rigward, l-operaturi huma obbligati josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament li japplikaw għall-attivitajiet tagħhom meta jipproċessaw prodotti sekondarji tal-annimali. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1069/2009 jobbliga lill-operaturi jiżguraw, permezz ta’ sistema ta’ awtokontrolli, li l-ebda prodott sekondarju tal-annimali mhux konformi ma’ dan ir-regolament jew issuspettat li ma huwiex konformi ma’ dan tal-aħħar ma joħroġ mill-istabbiliment jew mill-impjant, jekk mhux għal finijiet ta’ rimi.

    57

    Bl-istess mod, l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1069/2009, għandhom jimplimentaw sistema ta’ kontrolli uffiċjali li fil-kuntest tagħhom huma jikkontrollaw u jivverifikaw li l-operaturi josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament matul il-katina kollha tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-prodotti sekondarji tal-annimali. Din id-dispożizzjoni tikkonferma wkoll li l-operaturi għandhom jivverifikaw f’kull stadju tal-katina tal-operazzjonijiet jekk il-prodotti sekondarji tal-annimali jibqgħux tassew fil-kategorija li fiha ġew inizjalment ikklassifikati.

    58

    Għaldaqstant, mill-kuntest tal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 u mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-klassifikazzjoni inizjali tal-materjal f’kategorija speċifika għandha tiġi kkontrollata u vverifikata matul il-katina tal-operazzjonijiet b’tali mod li jekk dan il-materjal ma jikkorrispondix iktar għal-livell ta’ riskju li kien inizjalment marbut miegħu, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu għandha ssir sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni f’kategorija ma hijiex immutabbli, iżda tiddependi miż-żamma tal-livell ta’ riskju marbut magħha.

    59

    Minn dan isegwi li tibdil fil-materjal bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inizjalment ikklassifikat fil-Kategorija 3 skont l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, permezz ta’ proċess ta’ dekompożizzjoni jew permezz ta’ deterjorament jew permezz tal-preżenza ta’ korpi barranin, b’tali mod li dan il-materjal ma jkunx iktar adatt għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunx nieqes minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, għandu neċessarjament iwassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu f’kategorija iktar baxxa.

    60

    Fil-fatt, kif irrilevaw kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, proċess ta’ dekompożizzjoni jew deterjorament ta’ materjal tal-Kategorija 3 jagħti lok għal tossini li jrenduh, bħala prinċipju, mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem u li joħolqu wkoll riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

    61

    Konsegwentement, il-prodotti sekondarji tal-annimali inizjalment ikklassifikati fil-Kategorija 3, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippreżentaw livell ta’ riskju ogħla minn dak permess għall-klassifikazzjoni f’din il-kategorija jitilfu l-benefiċċju tal-klassifikazzjoni tagħhom f’din il-kategorija tal-aħħar.

    62

    Minn dan isegwi li, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 9(h) tar-Regolament Nru 1069/2009, taħt il-Kategorija 2 jaqgħu l-prodotti sekondarji tal-annimali li ma humiex materjal tal-Kategorija 1 jew 3. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tapplika għal prodotti sekondarji tal-annimali li minħabba proċess ta’ dekompożizzjoni jew deterjorament ikollhom livell ta’ riskju li jkun għoli wisq sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-materjal tal-Kategorija 3.

    63

    Fir-rigward tal-preżenza ta’ korpi barranin bħal biċċiet ta’ ġibs jew ta’ serratura fil-materjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ewwel lok, mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tan-natura tagħhom, dawn ma humiex ikkunsidrati bħala skart perikoluż fis-sens tar-Regolament Nru 1013/2006. Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali taħlit huwa, bħala prinċipju, suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, P. F. Kamstra Recycling et, C‑21/19 sa C‑23/19, EU:C:2020:636, punt 55).

    64

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tal-Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011 jimponi fuq l-impjanti ta’ trasformazzjoni ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkunu mgħammra b’installazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-preżenza ta’ korpi barranin, bħal materjal tal-ippakkjar u biċċiet tal-metall. Għalhekk, bħalma ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu kif ukoll mill-Kummissjoni u mid-Distrett ta’ Greiz, jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni biss il-korpi barranin imħallta ma’ materjal tal-Kategorija 3 li jistgħu jiġu estratti faċilment, b’sigurtà sħiħa, u fl-osservanza tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-livell ta’ riskju previsti għal din il-kategorija mir-Regolament Nru 1069/2009.

    65

    Issa, korpi barranin bħal biċċiet ta’ ġibs jew serratura, jekk wieħed jassumi li dawn jistgħu jiġu identifikati, jistgħu jintrabtu mal-prodott sekondarju tal-annimali b’mod tant strett li l-estrazzjoni ta’ dawn il-korpi barranin tista’ tkun, jekk mhux impossibbli, tal-inqas diffiċli li titwettaq, b’tali mod li ma jistgħux jitqiesu bħala korpi barranin li jaqgħu taħt il-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tal-Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011.

    66

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma’ korpi barranin bħal biċċiet ta’ ġibs jew serratura għandu l-istess karatteristiċi u b’mod partikolari l-istess livell ta’ riskju bħall-materjal tal-Kategorija 2 imsemmi fl-Artikolu 9(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 li jkopri “prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew dikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ residwi fiżiċi f’dawn il-prodotti”. Għaldaqstant, taħlit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat fil-Kategorija 2, skont dan l-Artikolu 9(d), fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew skont l-Artikolu 9(h) tal-imsemmi regolament, fir-rigward ta’ prodotti sekondarji mill-annimali oħra.

    67

    Fl-aħħar lok, l-argument li mill-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 jista’ jiġi dedott li d-dekompożizzjoni jew id-deterjorament ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni, iżda l-użu tal-materjal tal-Kategorija 3 ma jistax jintlaqa’ sa fejn din l-interpretazzjoni tmur kontra kemm l-għan kif ukoll l-istruttura tar-Regolament Nru 1069/2009.

    68

    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Nru 1069/2009 stabbilixxew listi ta’ użu u ta’ rimi possibbli għall-materjal tal-Kategoriji 1 sa 3, imsemmija rispettivament fl-Artikoli 8 sa 10 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li segwew dejjem il-livell ta’ riskju li għandhom il-kategoriji differenti. Konsegwentement, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament ma jipprevedix rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-materjal f’kategoriji, li huma ddefiniti esklużivament fl-Artikoli 8 sa 10 tal-istess regolament, u għalhekk ma jistax jippreġudika l-loġika inerenti għall-klassifikazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn l-artikoli.

    69

    F’dan l-istess kuntest, l-argument ta’ Toropet li l-klassifikazzjoni inizjali tal-materjal fil-Kategorija 3 tista’ tinżamm, minkejja d-dekompożizzjoni jew id-deterjorament li jaffettwawh jew minkejja t-taħlit tiegħu ma’ korpi barranin, sa fejn dan il-materjal ma jistax jintuża għall-finijiet ta’ trasformazzjoni f’għalf tal-annimali, iżda għal finijiet oħra, bħall-inċinerazzjoni jew it-trasformazzjoni tiegħu f’bijogass, ma jistax jiġi aċċettat. Il-bidla tad-destinazzjoni inizjali tal-materjal inkwistjoni ma tistax tiġġustifika ż-żamma tagħha fil-Kategorija 3 fid-dawl tal-livell ta’ riskju għoli tiegħu għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

    70

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(h) u l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodotti sekondarji tal-annimali kklassifikati inizjalment bħala materjal tal-Kategorija 3, skont l-Artikolu 10(a) u (f) ta’ dan tal-aħħar, mibdula bi proċess ta’ dekompożizzjoni jew b’deterjorament, jew imħallta ma’ korpi barranin, bħal biċċiet ta’ ġibs jew serratura, b’mod li ma jibqgħux iktar tajbin għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunux nieqsa minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali, ma josservawx il-livell ta’ riskju marbut ma’ din il-klassifikazzjoni u għandhom, konsegwentement, jiġu kklassifikati mill-ġdid f’kategorija iktar baxxa.

    Dwar l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(h) u l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodotti sekondarji tal-annimali kklassifikati inizjalment bħala materjal tal-Kategorija 3, skont l-Artikolu 10(a) u (f) ta’ dan tal-aħħar, mibdula bi proċess ta’ dekompożizzjoni jew b’deterjorament, jew imħallta ma’ korpi barranin, bħal biċċiet ta’ ġibs jew serratura, b’mod li ma jibqgħux iktar tajbin għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunux nieqsa minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali, ma josservawx il-livell ta’ riskju marbut ma’ din il-klassifikazzjoni u għandhom, konsegwentement, jiġu kklassifikati mill-ġdid f’kategorija iktar baxxa.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top