EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0800

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021.
Mittelbayerischer Verlag KG vs SM.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn jista’ jitwettaq – Persuna li tallega ksur tad-drittijiet tagħha tal-personalità, li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ artiklu fuq l-internet – Post fejn seħħ id-dannu – Ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna.
Kawża C-800/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:489

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn jista’ jitwettaq – Persuna li tallega ksur tad-drittijiet tagħha tal-personalità, li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ artiklu fuq l-internet – Post fejn seħħ id-dannu – Ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna”

Fil-Kawża C‑800/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal‑Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Mittelbayerischer Verlag KG

vs

SM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mittelbayerischer Verlag KG, minn P. Niezgódka, adwokat,

għal SM, minn M. Brzozowska‑Pasieka, adwokat, u minn S. Topa, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mittelbayerischer Verlag KG u SM dwar allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ dan tal-aħħar, li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ artiklu fis-sit internet ta’ din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 4, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(4)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

4

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti minn din it-Taqsima 1, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6

L-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali” jiddisponi fil-punt 2 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

(2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

SM huwa ċittadin Pollakk residenti f’Varsavja (il-Polonja) li kien priġunier fil-kamp ta’ esterminazzjoni ta’ Auschwitz (il-Polonja) matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa jeżerċita attivitajiet intiżi sabiex jippreżervaw il-memorja, fil-kuxjenza pubblika, tal-vittmi tal-krimini mwettqa mill-Ġermanja Nazista kontra l-Polonja matul dan il-kunflitt.

8

Mittelbayerischer Verlag hija kumpannija stabbilita f’Regensburg (il-Ġermanja). Hija tippubblika fis-sit internet tagħha ġurnal reġjonali bil-Ġermaniż, li huwa aċċessibbli wkoll minn pajjiżi oħrajn, b’mod partikolari mill-Polonja.

9

Fil‑15 ta’ April 2017, artiklu bit-titolu “Ein Kämpfer und sein zweites Leben” (Ġellied u t-Tieni Ħajja Tiegħu) kien ippubblikat fuq dan is-sit. Dan l-artiklu, li għandu bħala suġġett id-destin, matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ta’ I. Offman, Lhudi superstitu tal-Olokawst, isemmi l-fatt li oħt dan “kienet maqtula fil-kamp ta’ esterminazzjoni Pollakk ta’ Treblinka”.

10

Il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), tindika li huwa storikament inkontestabbli li l-kamp ta’ Treblinka kien kamp ta’ esterminazzjoni Nazista li jinsab fit-territorju Pollakk okkupat matul dan il-kunflitt.

11

Skont dik il-qorti, l-espressjoni “kamp ta’ esterminazzjoni Pollakk ta’ Treblinka” kienet disponibbli fuq l-internet biss għal ftit sigħat, sakemm, wara intervent permezz ta’ posta elettronika mill-konsulat tal-Polonja f’München (il-Ġermanja), din l-espressjoni ġiet issostitwita bil-kliem “kienet maqtula min-Nazisti fil-kamp ta’ esterminazzjoni Nazista Ġermaniż ta’ Treblinka, li jinsab fil-Polonja okkupata”.

12

Fis‑27 ta’ Novembru 2017, SM ippreżenta rikors kontra Mittelbayerischer Verlag quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li permezz tiegħu huwa talab il-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tiegħu, b’mod partikolari tal-identità tiegħu u tad-dinjità nazzjonali tiegħu, li ġew ippreġudikati minħabba l-użu tal-imsemmija espressjoni.

13

Sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, SM invoka s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).

14

Mittelbayerischer Verlag, min-naħa tagħha, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn SM, minħabba li, kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dik is-sentenza, l-artiklu li hija ppubblikat fis-sit internet tagħha ma kienx jikkonċerna direttament lil SM. Hija żżid li l-attività tagħha għandha portata limitata għar-reġjun ta’ Oberpfalz (il-Ġermanja) u li l-gazzetta li hija tippubblika fis-sit internet tagħha tikkonċerna prinċipalment l-aħbarijiet reġjonali u hija disponibbli biss bil-Ġermaniż.

15

F’dan ir-rigward, billi rreferiet għar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, Mittelbayerischer Verlag sostniet li, f’tali ċirkustanzi, hija ma setgħetx oġġettivament tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, ma huwiex il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, iżda l-Artikolu 4(1) tiegħu li għandu jiġi applikat u jwassal sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi.

16

Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ April 2019, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Mittelbayerischer Verlag u kkunsidrat li l-kundizzjonijiet sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn SM bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament kienu ssodisfatti. Fil-fatt, skont dik il-qorti, sa fejn is-sit internet ta’ Mittelbayerischer Verlag kif ukoll l-artiklu kontenzjuż ippubblikat fuqu setgħu jiġu kkonsultati fil-Polonja u sa fejn l-espressjoni “kamp ta’ esterminazzjoni Pollakk”, użata f’dan l-artiklu, setgħet tiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja Pollakki, Mittelbayerischer Verlag setgħet tipprevedi li t-territorju tal-Polonja seta’ jitqies bħala li jikkostitwixxi l-post tal-ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ dawn il-qarrejja u li setgħet titressaq quddiem il-qrati Pollakki.

17

Fil‑25 ta’ April 2019, Mittelbayerischer Verlag ippreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), billi invokat ksur tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni ġiet applikata meta ma kienx raġonevolment possibbli għaliha li tipprevedi li jiġi ppreżentat rikors kontriha quddiem il-qrati Pollakki minħabba l-pubblikazzjoni tal-imsemmi artikolu, peress li l-kontenut ta’ dan tal-aħħar la jikkonċerna lil SM u lanqas lir-Repubblika tal-Polonja.

18

Dik il-qorti tindika li, f’dan l-istadju, il-qrati Pollakki ddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni f’każijiet simili. Madankollu, hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, stabbilit fil-premessi 15 u 16 tiegħu.

19

B’mod partikolari, filwaqt li tammetti li l-espressjoni “kamp ta’ esterminazzjoni Pollakk”, użata fl-artiklu inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha, tista’ tiġi pperċepita b’mod negattiv fil-Polonja, tista’ twassal għal parti mill-pubbliku fi żball billi tagħtih l-impressjoni li l-Pollakki huma responsabbli għall-ħolqien tal-kampijiet ta’ esterminazzjoni u tal-krimini li twettqu fihom, kif ukoll tista’ tixxokkja lill-persuni li huma stess kienu priġunieri f’dawn il-kampijiet jew li l-qraba tagħhom inqatlu mill-forzi ta’ okkupazzjoni Ġermaniżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, madankollu l-imsemmija qorti tistaqsi jekk iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża humiex biżżejjed sabiex tikkunsidra li Mittelbayerischer Verlag setgħat raġonevolment tipprevedi li setgħat titressaq quddiem qorti Pollakka, fuq il-bażi li l-kontenut ta’ dan l-artiklu jikser id-drittijiet tal-personalità ta’ persuna residenti fil-Polonja, filwaqt li, anki fl-interpretazzjoni l-iktar wiesgħa tagħha, it-test tal-imsemmi artiklu bl-ebda mod ma jakkuża lil SM jew lil kwalunkwe Pollakk ieħor li wettaq xi att, u lanqas ma jirreferi direttament jew indirettament għalih.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li dawn iċ-ċirkustanzi huma differenti minn dawk li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766), li fihom il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati kienu direttament ikkonċernati mill-pubblikazzjonijiet ikkontestati, li kienu jsemmuhom permezz tal-kunjom u l-isem tagħhom jew permezz tal-isem kummerċjali tagħhom.

21

F’dan il-kuntest, dik il-qorti tirrileva li rikorrenti potenzjali oħra, jiġifieri Pollakki residenti fi Stati Membri oħra, jistgħu jinvokaw l-istess raġunijiet bħal dawk invokati minn SM sabiex jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħhom. Għalhekk, ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut ukoll li Mittelbayerischer Verlag kellha tipprevedi li, bil-pubblikazzjoni tal-artiklu kontenzjuż, hija setgħet titressaq quddiem il-qrati ta’ kwalunkwe Stat Membru.

22

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tindika li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi stabbilita f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun għalhekk neċessarju li jiġu identifikati b’mod iktar preċiż il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jippermettu lil qorti nazzjonali tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1215/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-kriterju ta’ konnessjoni taċ-ċentru tal-interessi tapplika fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħha meta l-pubblikazzjoni fuq l-internet, li allegatament tikser dawn id-drittijiet, ma tinkludix informazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal din il-persuna fiżika partikolari, iżda tinkludi informazzjoni jew dikjarazzjonijiet li tissuġerixxi li l-komunità li huwa parti minnha r-rikorrent (f’dan il-każ, in-nazzjon [Pollakk]) wettqet atti sanzjonabbli, fatt li huwa jikkunsidra li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħu?

2)

F’kawża li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet materjali u mhux materjali tal-personalità kontra l-ksur imwettaq fuq l-internet, waqt l-evalwazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1215/2012], jiġifieri sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti nazzjonali hijiex il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti bħalma huma:

il-pubbliku li lilu huwa prinċipalment indirizzat is-sit internet li jinkludi dan il-ksur,

il-lingwa li biha s-sit jew il-pubblikazzjoni kkontestata hija miktuba,

il-perijodu li matulu l-informazzjoni kontenzjuża kienet aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet,

iċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikorrenti, bħad-destin tiegħu matul il-gwerra u l-attivitajiet soċjali attwali tiegħu, invokati f’dan il-każ sabiex jiġġustifika d-dritt partikolari tiegħu sabiex jikkontesta b’mod ġudizzjarju d-disseminazzjoni ta’ akkużi kontra l-komunità li minnha huwa parti r-rikorrent?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura minn kontenut imqiegħed online fuq sit internet għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fir-rigward tad-dannu allegat kollu, ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn din il-persuna jekk dan il-kontenut jippermetti li tiġi identifikata, direttament jew indirettament, l-imsemmija persuna bħala individwu.

25

Hekk kif jirriżulta mill-premessi 4 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan għandu l-iskop li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ qrati f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom grad għoli ta’ prevedibbiltà. Dan ir-regolament ifittex għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm lir-rikorrent li jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u lill-konvenut li jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 34).

26

Bħala deroga mill-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu, li tikkostitwixxi r-regola ġenerali, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Hekk kif tfakkar fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-qorti u t-tilwima għandha tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru li huwa ma setax raġonevolment jipprevedi, peress li dan l-aspett huwa importanti, b’mod partikolari, fit-tilwim li jikkonċerna l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-ħajja privata u tad-drittijiet tal-personalità, b’mod partikolari, tal-malafama (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 28).

29

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirreferi kemm għall-post tal-avveniment kawżali kif ukoll għal dak fejn seħħ id-dannu, peress li kull wieħed miż-żewġ postijiet jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jipprovdi indikazzjoni partikolarment utli f’dak li jirrigwarda l-prova u l-organizzazzjoni tal-proċess (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-post fejn seħħ id-dannu allegat, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

31

F’dan ir-rigward, fil-kuntest speċifiku tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenut imqiegħed online fuq sit internet, il-persuna li tħossha leża għandha l-possibbiltà li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kollu kkawżat, quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-possibbiltà hija ġġustifikata fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mhux għall-finijiet tal-protezzjoni speċifika tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 38).

33

Fil-fatt, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma ssegwix l-istess għan bħar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li huma intiżi li joffru lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni msaħħa (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn l-allegata vittma kellha ċ-ċentru tal-interessi tagħha kienet konformi mal-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-konvenut, peress li l-emittent ta’ kontenut li jikkawża preġudizzju huwa, fil-mument li fih issir il-pubblikazzjoni, f’pożizzjoni li jkun jaf iċ-ċentru tal-interessi tal-persuni li huma s-suġġett tiegħu, b’tali mod li l-kriterju taċ-ċentru tal-interessi ppermetta kemm lill-applikant jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u lill-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik li quddiemha huwa seta’ jitressaq (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 50, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 35).

35

Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom il-persuni allegatament vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom tal-personalità kienu direttament ikkonċernati fil-kontenut imqiegħed online fuq l-internet, peress li kienu jissemmew b’isimhom fihom.

36

Madankollu, b’differenza mill-imsemmija kawżi, il-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni fejn il-persuna li tqis li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura mill-kontenut imqiegħed online fis-sit internet ta’ Mittelbayerischer Verlag, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, bl-ebda mod ma hija intiża, direttament jew indirettament, f’dan il-kontenut, inkluż billi tinterpreta dan tal-aħħar bl-iktar mod wiesa’. Fil-fatt, jidher li din il-persuna bbażat il-pretensjonijiet tagħha fuq il-preġudizzju tal-identità u tad-dinjità nazzjonali tagħha li allegatament jirriżulta mill-użu tal-espressjoni “kamp ta’ esterminazzjoni Pollakk ta’ Treblinka”.

37

Issa, l-attribuzzjoni lill-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna ta’ ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fir-rigward tad-dannu allegat kollu, tal-azzjoni mressqa minnha, meta din tal-aħħar la hija msemmija b’isimha u lanqas indirettament identifikata bħala individwu fl-imsemmi kontenut, tippreġudika l-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 u ċ-ċertezza legali li dan huwa intiż li jiggarantixxi, b’mod partikolari fir-rigward tal-emittent tal-kontenut ikkonċernat.

38

Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jistax raġonevolment jipprevedi li jitressaq quddiem dawn il-qrati, peress li ma huwiex, fil-mument meta jqiegħed kontenut online fuq l-internet, f’pożizzjoni li jkun jaf iċ-ċentri tal-interessi ta’ persuni li ma humiex koperti minn dan il-kontenut.

39

Interpretazzjoni kuntrarja twassal għal multiplikazzjoni tal-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni potenzjali u tkun għalhekk ukoll ta’ natura li taffettwa l-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, kif ukoll, konsegwentement, tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali li fuqu dan huwa bbażat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C‑539/03, EU:C:2006:458, punt 37).

40

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li d-derogi mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-konvenut għandhom ikunu ta’ natura eċċezzjonali u għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li skontha, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna li tqis li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura permezz ta’ kontenut imqiegħed online f’sit internet tkun kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni, fir-rigward tad-dannu allegat kollu, tal-azzjoni mressqa minnha, tinjora l-bażi li fuqha hija bbażata r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita f’dik id-dispożizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qrati maħtura minn din ir-regola, li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu l-għan li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u li jipprevjeni lill-allegat awtur ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet milli jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru li ma setax raġonevolment jipprevedi.

41

Għalhekk, hija biss l-eżistenza ta’ din ir-rabta li tippermetti deroga, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni, mill-ġurisdizzjoni prinċipali, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat.

42

Sabiex l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 u ta’ ċertezza legali mfittxija minnu jkunu jistgħu jintlaħqu, l-imsemmija rabta għandha, fil-każ li persuna tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha jkunu nkisru permezz ta’ kontenut imqiegħed online fuq l-internet, ma tkunx ibbażata fuq elementi esklużivament suġġettivi, marbuta biss mas-sensittività individwali ta’ din il-persuna, iżda fuq elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li tiġi identifikata, direttament jew indirettament, din bħala individwu.

43

Is-sempliċi appartenenza ta’ persuna għal grupp vast identifikabbli, bħal dak imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, lanqas ma hija ta’ natura li tippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ ċertezza legali, peress li ċ-ċentri tal-interessi tal-membri ta’ tali grupp jistgħu potenzjalment jinsabu fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni.

44

Issa, f’dan il-każ, SM manifestament ma huwiex identifikat bħala individwu, kemm jekk direttament jew indirettament, fil-kontenut imqiegħed online fis-sit internet ta’ Mittelbayerischer Verlag, iżda jikkunsidra li l-użu tal-espressjoni li huwa jikkontesta, f’dan il-kontenut, jikkostitwixxi, fid-dawl tas-sħubija tiegħu mal-poplu Pollakk, ksur tad-drittijiet tiegħu tal-personalità.

45

F’tali ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tal-persuna li tinvoka dawn id-drittijiet tal-personalità u t-tilwima kkonċernata hija nieqsa, b’tali mod li dik il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura minn kontenut imqiegħed online fuq sit internet għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fir-rigward tad-dannu allegat kollu, ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn din il-persuna jekk dan il-kontenut jinkludi elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li tiġi identifikata, direttament jew indirettament, l-imsemmija persuna bħala individwu.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura minn kontenut imqiegħed online fuq sit internet għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fir-rigward tad-dannu allegat kollu, ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn din il-persuna jekk dan il-kontenut jinkludi elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li tiġi identifikata, direttament jew indirettament, l-imsemmija persuna bħala individwu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top