Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0758

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Lulju 2021.
OH vs ID.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Protodikeio Athinon.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 268, 270, 340 u 343 TFUE – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 11, 17 u 19 – Eks membru tal-Kummissjoni Ewropea – Immunità minn ġurisdizzjoni – Azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali – Tneħħija tal‑immunità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-758/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:603

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 268, 270, 340 u 343 TFUE – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 11, 17 u 19 – Eks membru tal-Kummissjoni Ewropea – Immunità minn ġurisdizzjoni – Azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali – Tneħħija tal‑immunità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑758/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal‑Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

OH

vs

ID,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OH, minn G. Trantas, dikigoros,

għal ID, minn E. Politis, dikigoros,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis, T. S. Bohr u S. Delaude, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 343 TFUE kif ukoll l-Artikoli 11, 17 u 19 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn OH, eks membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea, u ID, Eks Kummissarju Ewropew ta’ nazzjonalità Griega (iktar ’il quddiem il-“membru tal-Kummissjoni”), dwar aġir żbaljat li OH jattribwixxi lil dan tal-aħħar u li wassal lill-Kummissjoni sabiex ittemm il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet:

“Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni:

a)

mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom”.

4

L-Artikolu 17 ta’ dawn ir-regolamenti jistipula:

“Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni.

Kull istituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni.”

5

L-Artikolu 19 tal-imsemmi protokoll jipprevedi:

“L-Artikoli 11 sa 14 inklużi u 17 japplikaw għall-President tal-Kunsill Ewropew.

Dawn japplikaw ukoll għall-membri tal-Kummissjoni.”

Id-dritt Grieg

6

Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Kodikas Politikis Dikonomias (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), iċ-ċittadini barranin li jibbenefikaw mill-immunità minn ġurisdizzjoni ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Elleniċi, sakemm it-tilwima ma tirrigwardax drittijiet materjali fuq proprjetà immobbli.

7

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iċ-ċittadini Griegi li jibbenefikaw mill-immunità minn ġurisdizzjoni kif ukoll l-aġenti tal-Istat assenjati barra mill-pajjiż jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha huma kienu jirrisjedu qabel l-espatrijazzjoni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ residenza fit-territorju Elleniku, tal-qrati tal-belt kapitali ta’ dan l-Istat Membru.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fl‑1 ta’ Novembru 2014, OH ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ assistent kap tal-uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni u ġie kklassifikat fil-grad AD 12, skala 2.

9

Mill‑1 ta’ Ottubru 2015, OH ingħata l-pożizzjoni ta’ espert fi ħdan dan l-uffiċċju, billi ġie kklassifikat fil-grad AD 13, skala 2.

10

Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ April 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lil OH bit-tmiem tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016 billi invokat il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja mal-membru tal-Kummissjoni.

11

Fis‑27 ta’ Lulju 2016, OH ressaq, skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ilment kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt tiegħu, li l-Kummissjoni ċaħdet fit‑28 ta’ Novembru 2016.

12

Fl‑10 ta’ Marzu 2017, OH ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

13

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il-Kummissjoni (T‑160/17, EU:T:2019:1), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li xxolji l-kuntratt ta’ OH għar-raġuni li d-dritt tiegħu għal smigħ minn qabel ma kienx ġie rrispettat. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet il-prova li OH kien tqiegħed f’pożizzjoni li jesprimi b’mod utli l-perspettiva tiegħu qabel ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu.

14

Wara dik is-sentenza, il-Kummissjoni semgħet lil OH, u mill-ġdid xoljiet il-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2019. Għalhekk OH ressaq ilment ġdid skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal kontra din l-aħħar deċiżjoni, li l-Kummissjoni ċaħdet fl‑14 ta’ Awwissu 2019.

15

Fit‑2 ta’ Diċembru 2019, OH ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din l-aħħar deċiżjoni ta’ ċaħda. Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, RY vs Il-Kummissjoni (T‑824/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:6), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

16

F’Settembru 2017, b’mod parallel mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali, OH ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni), intiża sabiex jobbliga lill-membru tal-Kummissjoni jikkumpensah għad-dannu li huwa jallega li ġarrab minħabba li dan tal-aħħar ressaq kontrih allegazzjonijiet malafamanti billi akkużah li kien il-kawża tal-ksur tar-rabta ta’ fiduċja reċiproka u tan-nuqqasijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Dan l-aġir tal-membru tal-Kummissjoni fil-fatt wassal għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ OH mill-Kummissjoni, u b’hekk ikkawżalu dannu materjali li huwa jevalwa għal ammont ta’ EUR 452299, li jikkorrispondi għal telf ta’ remunerazzjoni għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2016 u l‑31 ta’ Ottubru 2019. OH jitlob ukoll lill-qorti tar-rinviju tikkundanna lill-membru tal-Kummissjoni jħallsu s-somma ta’ EUR 600000 bħala danni morali u li tordnalu jirtira l-allegazzjonijiet qarrieqa u kalunnjużi li kkawżawlu dannu.

17

Il-qorti tar-rinviju tinnota li r-rikors ta’ OH ġie ppreżentat kontra Eks Kummissarju Ewropew li, għalkemm huwa ċittadin Grieg, igawdi mill-privileġġ tal-immunità minn ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 343 TFUE kif ukoll l-Artikoli 11, 17 u 19 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet F’dan il-kuntest, dik il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lir-regoli rilevanti tal-Unjoni kif ukoll dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali tilwima.

18

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit‑22 ta’ Diċembru 2017, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tas-Sigurtà tal-Kummissjoni pproduċa dikjarazzjoni li tgħid li “[l-membru tal-Kummissjoni] għandu f’[din] il-kapaċità […] immunità mill-proċeduri legali fir-rigward ta’ atti mwettqa minnu fil-kapaċità uffiċjali tiegħu, inkluż kliemu bil-fomm jew bil-miktub, skont l-Artikoli 11 u 19 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet]. Immunità tista’ tiġi rrinunzjata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fuq talba ta’ qorti nazzjonali, sakemm ir-rinunzja ta’ tali immunità ma tkunx kuntrarja għall-interessi tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċetti ta’ “immunità minn proċedimenti legali” u ta’ “immunità” imsemmija fl-Artikolu 11 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet], kif ifformulati u fir-rigward tal-għan intiż tagħhom, huma ekwivalenti?

2)

L-“immunità minn proċedimenti legali”/“immunità” imsemmija fl-Artikolu 11 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet] tinkludi u tkopri, minbarra l-kawżi kriminali, anki l-kawżi ċivili li jiġu ppreżentati fil-konfront ta’ membri tal-Kummissjoni minn partijiet terzi li jkunu ġarrbu dannu?

3)

L-“immunità minn proċedimenti legali”/“immunità” ta’ Kummissarju tista’ tiġi rrevokata anki fil-kuntest ta’ kawża ċivili fil-konfront tiegħu, bħall-kawża ppreżentata f’dan il-każ? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, min għandu jiftaħ il-proċedura ta’ revoka?

4)

Il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fil-konfront ta’ Kummissarju, bħall-kawża ppreżentata ppreżentata f’dan il-każ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-raba’ domanda

20

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa minn eks membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni minħabba aġir ħażin li huwa jattribwixxi lill-membru ta’ din l-istituzzjoni li tiegħu huwa kien il-kollaboratur u li wassal lil din sabiex ittemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ dan il-membru tal-persunal.

21

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-membri tal-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

22

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawżi li jinvolvu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, EU:C:1979:38, punt 16, u tad‑29 ta’ Lulju 2010, Hanssens‑Ensch, C‑377/09, EU:C:2010:459, punt 17).

23

Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minn membri tal-persunal tal-Unjoni wara atti li, permezz ta’ relazzjoni interna u diretta, huma estensjoni neċessarja tal-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1969, Sayag et, 9/69, EU:C:1969:37, punt 7).

24

Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat diversi drabi, kull tilwima bejn uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni u l-istituzzjoni li minnha jiddependi, meta din it-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lill-persuna kkonċernata ma’ din l-istituzzjoni, anki jekk ikun rikors għad-danni, taqa’ taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 38, kif ukoll tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Schokker vs AESA, C‑310/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:435, punt 50).

25

Fil-fatt, l-Artikolu 270 TFUE jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u waħda mill-persuni li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna.

26

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju minn OH, fil-kwalità tiegħu ta’ eks membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni, kontra Eks Kummissarju Ewropew.

27

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li d-danni materjali u morali li OH isegwi l-kumpens tagħhom fil-konfront tal-membru tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-allegazzjonijiet malafamanti ta’ dan il-membru, sa fejn huwa lmenta li OH kien il-kawża tal-ksur tar-rabta ta’ fiduċja reċiproka u li wettaq nuqqasijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, allegazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex ittemm il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu fis-servizz ta’ din l-istituzzjoni.

28

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża prinċipali, id-dannu allegat jirriżulta mit-tkissir tar-relazzjoni ta’ xogħol bħala tali, peress li l-membru tal-Kummissjoni ddikjara li ma kellux iktar fiduċja f’OH. Issa, tali dikjarazzjoni taqa’ neċessarjament fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-membru tal-Kummissjoni. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ġiet ifformulata insostenn tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tgħid li huwa ma xtaqx iktar juża s-servizzi ta’ OH, peress li din id-deċiżjoni taqa’ fil-kompetenza mogħtija lilu li jorganizza l-uffiċċju tiegħu b’konnessjoni ma’ persuni li magħhom għandu relazzjoni ta’ fiduċja, b’mod li tippermettilu jwettaq bl-aħjar mod il-kompiti fdati lilu bħala Kummissarju Ewropew.

29

Minn dan jirriżulta li aġir, bħal dik ikkritikat minn OH fil-konfront tal-membru tal-Kummissjoni, taqa’ fil-verità fil-ġestjoni, minn dan tal-aħħar, tal-persunal tal-uffiċċju tiegħu. Tali aġir għandu, għaldaqstant, jitqies li jaqa’ b’mod inseparabbli fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan il-membru, bħala estensjoni neċessarja tal-kompitu fdat lilu f’din il-kwalità, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

30

Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie rreklutat, skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni.

31

Għalhekk, jekk jirriżulta li r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-aġir ikkritikat tal-membru tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu allegat minn OH, ma hijiex diretta, sa fejn dan id-dannu huwa kkawżat mid-deċiżjoni finali ta’ tkeċċija li ġiet adottata fis‑27 ta’ April 2016 mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, anki jekk il-membru tal-Kummissjoni kien fl-oriġini tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tkun issib l-oriġini tagħha fir-rabta ta’ impjieg li rabtet lil OH ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni.

32

Barra minn hekk, OH isostni li l-aġir li huwa jikkritika fil-konfront tal-membru tal-Kummissjoni mhux biss ippreġudika l-futur tiegħu kif ukoll l-attività professjonali tiegħu fi ħdan l-Unjoni, iżda ċaħħdu wkoll mir-remunerazzjoni f’ammont ta’ EUR 452 299.32 li kien jirċievi mingħand il-Kummissjoni li kieku l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma kienx intemm qabel iż-żmien.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa minn eks membru tal-persunal temporanju tal-Unjoni, bħal OH, minħabba nuqqas allegatament imwettaq mill-eks membru tal-Kummissjoni, li tiegħu huwa kien wieħed mill-kollaboraturi diretti, fl-okkażjoni tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jkomplix din il-kollaborazzjoni, toriġina mir-rabta ta’ impjieg li rabtet lil dan il-membru tal-persunal mal-Kummissjoni. Tali azzjoni taqa’, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli permezz tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Hija taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 340 TFUE, peress li hija intiża sabiex tikseb kumpens għall-konsegwenzi dannużi ta’ aġir allegatament ħażin imwettaq minn membru tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

34

Konsegwentement, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi minn ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar tali tilwima.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi minn ġurisdizzjoni esklużiva, bl-esklużjoni ta’ dik tal-qrati nazzjonali, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa minn eks membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea minħabba aġir ħażin li huwa jattribwixxi lill-membru ta’ din l-istituzzjoni li tiegħu huwa kien il-kollaboratur u li wassal sabiex din ittemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ dan il-membru tal-persunal. Tali azzjoni ma għandhiex tkun diretta kontra l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat, iżda kontra l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda, peress li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tgawdi minn ġurisdizzjoni esklużiva, bl-esklużjoni ta’ dik tal-qrati nazzjonali, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa minn eks membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea minħabba aġir ħażin li huwa jattribwixxi lill-membru ta’ din l-istituzzjoni li tiegħu huwa kien il-kollaboratur u li wassal sabiex din ittemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ dan il-membru tal-persunal. Tali azzjoni ma għandhiex tkun diretta kontra l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat, iżda kontra l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top