EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0658

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Frar 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2016/680 – Ipproċessar ta’ data personali – Prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità.
Kawża C-658/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:138

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2016/680 – Ipproċessar ta’ data personali – Prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑658/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE, imressaq fl-4 ta’ Settembru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Nardi, G. von Rintelen u minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottax, sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 8), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2016/680;

timponi fuq dan l-Istat Membru, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 89 548.20 għal kull jum ta’ dewmien mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva;

timponi fuq l-imsemmi Stat Membru, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ somma f’daqqa, abbażi ta’ somma ta’ kuljum ta’ EUR 21 321.00 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn il-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u l-jum tar-regolarizzazzjoni tal-ksur, jew fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, il-jum li fih tingħata din is-sentenza, bil-kundizzjoni li tinqabeż is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 5290000, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/680:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.   Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u

(b)

jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti.”

3

L-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-6 ta’ Mejju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jipprovdi, b’mod eċċezzjonali, fejn dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, għas-sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat stabbiliti qabel is-6 ta’ Mejju 2016 biex jinġiebu f’konformità mal-Artikolu 25(1) sas-6 ta’ Mejju 2023.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jġib sistema ta’ pproċessar awtomatizzat kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 25(1) f’perijodu speċifikat wara l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk inkella din tikkawża diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ dik is-sistema partikolari ta’ pproċessar awtomatizzat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għal dawk id-diffikultajiet serji u r-raġunijiet għall-perijodu speċifikat li fih sistema partikolari ta’ pproċessar awtomatizzat għandha tinġieb f’konformità mal-Artikolu 25(1). Il-perijodu speċifikat f’kull każ ma għandux ikun aktar tard mis-6 ta’ Mejju 2026.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4

Peress li ma rċeviet ebda informazzjoni mingħand ir-Renju ta’ Spanja dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamentari u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2016/680 sal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, jiġifieri s-6 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fl-20 ta’ Lulju 2018.

5

Ir-risposta tar-Renju ta’ Spanja, bid-data tas-26 ta’ Settembru 2018, uriet li, f’dik id-data, ebda miżuri ta’ traspożizzjoni ma kienu għadhom ġew adottati. Għaldaqstant, fil-25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-imsemmi Stat Membru, u talbitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680 f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi dik l-opinjoni.

6

Fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, bid-data tas-27 ta’ Marzu 2019, ir-Renju ta’ Spanja indika li l-proċedura amministrattiva għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680 kienet pendenti u kellha tintemm fl-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2019. Huwa ppreċiża li l-proċedura parlamentari kellha tintemm fl-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru indika li d-dewmien fit-traspożizzjoni kien irriżulta essenzjalment mill-kuntest politiku partikolari u mill-ħtieġa li din id-direttiva tiġi trasposta permezz ta’ liġi organika.

7

Peress li qieset li r-Renju ta’ Spanja ma kienx adotta l-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680, u lanqas ma kkomunika dawn il-miżuri, fl-4 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tar-Renju ta’ Spanja.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

9

Skont il-Kummissjoni, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2016/680 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikalhiex dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva.

10

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu billi ma adottax att speċifiku ta’ traspożizzjoni, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta direttiva tkun tipprevedi espressament, bħall-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680, li d-dispożizzjonijiet li jittrasponuha għandhom jinkludu riferiment għaliha jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, ikun fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att speċifiku ta’ traspożizzjoni.

11

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573), li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni ċara u preċiża u jindikaw mingħajr ambigwità l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li permezz tagħhom huma jqisu li ssodisfaw id-diversi obbligi imposti fuqhom minn direttiva.

12

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tqis li ebda wieħed minn dawn l-obbligi ma ġie osservat mir-Renju ta’ Spanja.

13

Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jadotta u li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680.

14

Madankollu, dan l-Istat Membru jesponi li sensiela ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna dewmet l-attivitajiet tal-Gvern u tal-parlament nazzjonali għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni meħtieġa, li ser jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680 hekk kif jiġu adottati. Filwaqt li jirrikonoxxi li ċ-ċirkustanzi istituzzjonali tal-każ ma jippermettux, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi ġġustifikat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dawn iċ-ċirkustanzi huma partikolarment rilevanti sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 23; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 19; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 30).

16

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li, jekk direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 20; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 31).

17

Fil-każ ineżami, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja fil-25 ta’ Jannar 2019, it-terminu ta’ xahrejn li kien ingħatalu sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu kien jiskadi fil-25 ta’ Marzu 2019. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 21, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 32).

18

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta kemm mir-risposta tar-Renju ta’ Spanja għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll mir-risposta ppreżentata minn dan l-Istat Membru f’din il-proċedura, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2019, ir-Renju ta’ Spanja ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680, u lanqas, għaldaqstant, ma kien ikkomunika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

19

Fir-rigward tal-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja, intiżi sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ traspożizzjoni inkwistjoni u bbażati, prinċipalment, fuq in-natura temporanja tal-Gvern Spanjol matul il-perijodu rilevanti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, bħall-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu mogħti (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑599/17, EU:C:2018:813, punt 23).

20

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Renju ta’ Spanja la kien adotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680 u lanqas, konsegwentement, ma kien ikkomunika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

21

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2016/680 u, konsegwentement, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

22

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 53 sa 59 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573), li l-Artikolu 260(3) TFUE jkopri kemm is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkun naqas milli jikkomunika kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni kif ukoll dik fejn ikun ikkomunika parzjalment dawn il-miżuri. Din is-sitwazzjoni tista’ sseħħ kemm meta l-miżuri ta’ traspożizzjoni kkomunikati lill-Kummissjoni ma jkunux ikopru t-territorju kollu tal-Istat Membru, kif ukoll meta l-komunikazzjoni tkun inkompleta fir-rigward tal-miżuri ta’ traspożizzjoni li jikkorrispondu għal parti mid-direttiva.

23

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tenfasizza li, fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10), hija fakkret li hija tagħti importanza kbira lill-fatt li d-direttivi jiġu trasposti fit-termini stabbiliti. Filwaqt li kkonstatat li l-Istati Membri jkomplu ma josservawx it-termini ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni ħabbret li kienet ser tadatta l-prattiki tagħha fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(3) TFUE u titlob sistematikament lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi somma f’daqqa kif ukoll pagamenti ta’ penalità. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, meta tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa skont il-prattika tagħha, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ traspożizzjoni sabiex tiddetermina l-gravità tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni.

24

Fil-każ ineżami, dan ifisser preċiżament li jiġi ssanzjonat, minbarra l-assenza ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, in-nuqqas ta’ adozzjoni u ta’ pubblikazzjoni, mir-Renju ta’ Spanja, tal-liġijiet kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680 fid-dritt nazzjonali.

25

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, minkejja li ċ-ċirkustanzi istituzzjonali nazzjonali ma jippermettux li jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa kkritikat, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet proposti fil-każ ineżami mill-Kummissjoni, peress li t-terminu għar-risposta ta’ xahrejn stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni skada inqas minn xahar qabel ix-xoljiment tal-parlament nazzjonali u l-bidu tal-proċess elettorali.

26

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fid-dawl tas-sitwazzjoni governattiva f’dik id-data, peress li l-Gvern kien qiegħed jieħu ħsieb biss kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ordinarja fl-istennija ta’ gvern ġdid, u fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sistema parlamentari Spanjola, il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu flimkien ma’ talba għall-kundanna ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE tikkostitwixxi preċedent serju li jista’ jaffettwa d-drittijiet tal-Istati Membri. Insostenn tal-argument tiegħu, huwa jinvoka l-Artikoli 4 u 5 TUE, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 4(2) TUE, li jipprevedi l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. F’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja jqis li huwa neċessarju li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni sabiex tippreżenta rikors skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Fin-nuqqas ta’ tali rikonċiljazzjoni, l-użu tal-Artikolu 260(3) TFUE jista’ jsir strument li jbiddel il-proċess demokratiku fl-Istati Membri u li jaffettwa l-funzjonament kostituzzjonali ta’ dawn tal-aħħar.

27

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi ppreżentat dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma osservatx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 260(3) TFUE inkwantu ma wrietx, minn naħa, b’mod konkret u individwali li t-talba għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja kienet iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li r-Renju ta’ Spanja jiġi impost il-ħlas kemm ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum kif ukoll ta’ somma f’daqqa.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28

Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha li jkun xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

29

Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien meħtieġ li tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, minn naħa, tippermetti kemm li jiġu ggarantiti l-prerogattivi tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 258 u tal-Artikolu 260(2) TFUE flimkien, u, min-naħa l-oħra, tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti f’li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx issodisfa l-obbligi tiegħu fil-qasam ta’ għoti ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, f’li tevalwa l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u f’li timponi s-sanzjoni pekunjarja li hija tkun tqis l-iktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 45; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 55).

30

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li dawn jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba sseħħ din il-komunikazzjoni, jekk ikun il-każ akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li huwa mifhum li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59); tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 46; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 56).

31

Peress li, kif jirriżulta mill-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Renju ta’ Spanja ma kien ikkomunika lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

32

Fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni għandha timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE jew jekk din l-istituzzjoni tistax tagħmel dan mingħajr motivazzjoni, fil-każijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjana tat-Trattati bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta tali deċiżjoni (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 47). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma jistgħux ikunu iktar restrittivi minn dawk li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 49, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 59). Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta tali deċiżjoni wara dibattitu kontradittorju, hija għandha timmotiva din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-assenza ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-għażla tagħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma taffettwax il-garanziji proċedurali tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 50, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 60).

33

Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ma jeżentax lil din l-istituzzjoni mill-obbligu li timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, billi f’dan ir-rigward tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 51, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 61).

34

Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tan-natura u tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba huwa iktar u iktar importanti peress li, b’differenza minn dak li huwa previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 260 TFUE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa diskrezzjonali limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ timponi (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 52, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 62).

35

Fil-fatt, mill-Artikolu 260(3) TFUE jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tindika “l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas” l-Istat Membru inkwistjoni, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi biss il-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja “li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat” mill-Kummissjoni. L-awturi tat-Trattat FUE b’hekk stabbilixxew korrelazzjoni diretta bejn is-sanzjoni mitluba mill-Kummissjoni u dik li tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 53, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 63).

36

Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-fatt li, fil-każ ineżami, il-proċedura prekontenzjuża nbdiet permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni li t-terminu tar-risposta tagħha kien jiskadi inqas minn xahar qabel ix-xoljiment tal-parlament nazzjonali u l-bidu tal-proċess elettorali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ittra ta’ intimazzjoni ntbagħtet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2016/680 u li huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ direttiva mingħajr ma jistennew li jirċievu ittra ta’ intimazzjoni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tintbagħat ittra ta’ intimazzjoni, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, jippreżumu, b’mod preliminari, li l-Kummissjoni tkun tista’ tallega b’mod validu nuqqas min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat li jwettaq obbligu (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Il-Kummissjoni vs Spanja (Pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart), C‑642/18, EU:C:2019:1051, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja, fid-data li hija għażlet, ma jistgħux jippreġudikaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE jew l-ammissibbiltà tal-azzjoni mibdija skont din id-dispożizzjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 55, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 65).

38

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-każ ineżami.

Fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-każ ineżami

– L-argumenti tal-partijiet

39

Fir-rigward tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni tqis, konformement mal-pożizzjoni riflessa fil-punt 23 tal-komunikazzjoni ppubblikata fil-15 ta’ Jannar 2011, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1), li, sa fejn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma huwiex inqas serju minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jkun suġġett għas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(2) TFUE, il-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 260(3) TFUE għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-kuntest tal-proċedura ddefinita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

40

Fil-każ ineżami, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li nkisru, peress li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16 TFUE, it-tieni nett, tal-eżistenza ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), id-Direttiva 2016/680, iżda wkoll id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60), permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li implimentatha, u t-tielet nett, tal-assenza ta’ adozzjoni mir-Renju ta’ Spanja tal-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680, il-Kummissjoni tipproponi li tadotta koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fuq skala minn 1 sa 20. Fir-rigward tat-tul tal-ksur, hija tqis li koeffiċjent ta’ 1.4 fuq skala minn 1 sa 3 huwa xieraq. Bl-applikazzjoni, għal dawn il-koeffiċenti, tal-multiplikatur “n” fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja, jiġifieri 2.06, u l-ammont ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 3105, il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 89 548.20 (3 105x10x1.4x2.06) għal kull jum ta’ dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680.

41

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont il-linji gwida li jinsabu fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE” (SEC(2005) 1658), kif aġġornata permezz tal-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2017, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur” (C(2017) 8720), u l-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2019 intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummissjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, C 70, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2019”). Kif jirriżulta mill-Anness II ta’ din il-komunikazzjoni tal-aħħar, is-somma f’daqqa minima għar-Renju ta’ Spanja tammonta għal EUR 5290000. Bil-kundizzjoni li din is-somma tinqabeż f’dan il-każ, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kuljum li jservi għall-kalkolu, billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażiku uniformi bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”. Fil-każ ineżami, l-ammont ta’ kuljum għalhekk jammonta għal 1 035 x 10 x 2.06 = EUR 21321 kuljum.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja l-ħlas ta’ somma f’daqqa abbażi ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 21321, immultiplikat bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn is-7 ta’ Mejju 2018, jiġifieri l-jum ta’ wara dak tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fid-Direttiva 2016/680, u l-jum tar-regolarizzazzjoni tal-ksur jew, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, il-jum tal-għoti tas-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(3) TFUE.

43

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-fatt, għall-Kummissjoni, li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji huwa sproporzjonat fid-dawl taċ-ċirkustanzi istituzzjonali tal-każ.

44

Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenzi tagħha tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339), u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:834), għandu jitqies li ċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw din il-kawża jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti u konsegwentement, jitnaqqsu s-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet pekunjarji ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, Linji gwida bħal dawk inklużi fid-diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu biss sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha, meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja.

45

Fil-fatt, skont ir-Renju ta’ Spanja, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità imposti fir-rigward l-ammont u fil-forma li hija tqis xierqa sabiex tinkoraġġixxi lill-Istat Membru kkonċernat itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, xierqa għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

46

Fil-każ ineżami, minn naħa, sabiex jiġi osservat l-Artikolu 4(2) TUE, ikun sproporzjonat li r-Renju ta’ Spanja jiġi mġiegħel iħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, filwaqt li l-Gvern ma kellux maġġoranza fi ħdan il-Kamra tad-Deputati u kien qiegħed jieħu ħsieb biss kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ordinarja. Jekk tali pagamenti ta’ penalità kellhom madankollu jiġu imposti, sabiex tiġi ggarantita n-natura proporzjonata u raġonevoli tagħhom, l-ammont tagħhom għandu jiġi kkalkolat għall-perijodu bejn id-data ta’ formazzjoni ta’ gvern li jgawdi mis-setgħat kollha tiegħu u d-data ta’ eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza.

47

Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, peress li t-terminu sabiex tingħata risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni kien jiskadi xahar qabel ix-xoljiment tal-Parlament, kien impossibbli li jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi jsir użu mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa. Billi timponi, f’tali ċirkustanzi, l-ħlas ta’ somma f’daqqa fuq ir-Renju ta’ Spanja, skont it-talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja toħloq “preċedent perikoluż”. Għandu jiġi evitat li, wara din il-kawża, il-Kummissjoni tkun tista’ tuża l-proċedura tal-Artikolu 260(3) TFUE b’mod li jippermetti li jiġi influwenzat b’mod sproporzjonat il-funzjonament kostituzzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ma tkunx raġonevoli, u l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huwa f’dan il-każ suffiċjenti.

48

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta tqis li l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa xieraq, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ammont propost mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat. Fost il-fatturi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar tas-somma f’daqqa hemm elementi bħall-gravità tal-ksur ikkonstatat u l-perijodu li matulu dan ippersista. Għal dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ksur, dan l-Istat Membru jqis li, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2) TUE, għandhom jiġu esklużi l-perijodi li matulhom il-Gvern kien qiegħed jieħu ħsieb biss kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ordinarja. Fil-każ ineżami, huwa jsostni li l-perijodu li ddekorra mill-4 ta’ Marzu 2019 ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-ksur.

49

Barra minn hekk, il-konfigurazzjoni tal-kriterji ta’ kwantifikazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja tqajjem il-kwistjoni importanti tal-metodu kif jiġi ddeterminat il-koeffiċjent “n” skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-2019. Fil-każ ineżami, din il-kwistjoni ma hijiex insinjifikanti peress li, skont il-metodu użat mill-Kummissjoni, l-ammont tas-somma f’daqqa minima li tirriżulta minnu għar-Renju ta’ Spanja jqiegħed lil dan l-Istat Membru fir-raba’ pożizzjoni mill-Istati Membri li l-kontribuzzjoni tagħhom f’dan ir-rigward hija l-ogħla. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tuża l-prodott domestiku gross (PDG) bħala “fattur predominanti” fil-kalkolu tal-koeffiċjent “n”, ir-Renju ta’ Spanja jkun għalhekk, fid-dawl tal-PDG per capita, fl-erbatax‑il pożizzjoni. Għaldaqstant, skont l-imsemmi Stat Membru, il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-koeffiċjent jista’ possibbilment joħloq differenzi mhux iġġustifikati bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-Kummissjoni, skont il-komunikazzjoni tagħha tal-2019, kienet qed tfittex preċiżament li tevitahom.

50

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, b’mod partikolari, li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 260(2) TFUE ma tistax tiġi applikata awtomatikament għall-paragrafu 3 tal-istess artikolu, peress li dan il-paragrafu 3 għandu l-għan li jissanzjona ksur inqas serju minn dak imsemmi f’dan il-paragrafu 2, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fi kwalunkwe każ, il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 adottat mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat fid-dawl tal-gravità tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inkwantu dan ma jiħux inkunsiderazzjoni r-riskju reali tal-konsegwenzi tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-interessi pubbliċi u privati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva 2016/680 stess tipprevedi li s-sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar installati qabel is-6 ta’ Mejju 2016 jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Mejju 2023 jew f’terminu itwal. Għaldaqstant, l-ammont tas-somma f’daqqa propost mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn naħa, in-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, sew jekk minħabba assenza totali jew parzjali ta’ informazzjoni jew minħabba informazzjoni mhux suffiċjentement ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 64; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 74).

52

Min-naħa l-oħra, l-għan li għandu jintlaħaq bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss dak li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, iżda wkoll li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqasijiet relatati mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva, filwaqt li huwa speċifikat li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja fuq l-Istati Membri li ma kinux ikunu kkonformaw ruħhom fit-termini stabbiliti minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma kinux ikunu osservawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni setgħet issir biss diversi snin wara dik is-sentenza (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 64; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 74).

53

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Artikolu 260(3) TFUE, huma previsti żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri l-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità.

54

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Għalkemm l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 66, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 76).

55

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-opportunità li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ tali pagamenti ta’ penalità bħala prinċipju hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li dawn il-pagamenti ta’ penalità jkunu intiżi li jissanzjonaw sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 60).

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-ġurisprudenza, relatata mal-Artikolu 260(2) TFUE, għandha tiġi applikata b’analoġija għall-Artikolu 260(3) TFUE, peress li l-pagamenti ta’ penalità abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess għan, jiġifieri li jħeġġu Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 61).

57

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jitqies li seħħ fid-data ta’ għeluq il-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ineżami, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tistax tiġi prevista, għandu, qabelxejn, jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa kkritikat ir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 260(3) TFUE, kif ikkonstatat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ippersistix sad-data ta’ għeluq il-proċedura, li seħħ fis-6 ta’ Mejju 2020.

59

F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-data ta’ għeluq il-proċedura bil-miktub, ir-Renju ta’ Spanja la kien adotta u lanqas, għaldaqstant, ikkomunika l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 fid-dritt Spanjol.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax, sa din id-data, il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponi fid-dritt intern id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, u lanqas, a fortiori, ma kkomunika dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni, baqa’ jippersisti fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu.

61

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Renju ta’ Spanja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità, mitluba mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex jiġi żgurat li dan l-Istat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u josserva l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2016/680. Min-naħa l-oħra, peress li ma jistax jiġi eskluż li, fil-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva tkun kompletament mitmuma, dawn il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu imposti biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

62

Għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn, minn naħa, ikunu xierqa għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, ma jaqbżux, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, l-ammont indikat mill-Kummissjoni (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks ta’ veloċità għolja)C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 83).

63

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva tagħhom, għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza li teżisti sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 84).

64

Għal dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu li dawn il-miżuri jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 73; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 82).

65

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2019, ir-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tiegħu, b’tali mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx żgurata f’kull ħin. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija msaħħa mill-fatt li, f’din l-aħħar data, ir-Renju ta’ Spanja ma kien għadu kkomunika l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680.

66

Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dik li fiha din tal-aħħar tiġi adita mill-Kummissjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 87).

67

Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien għadu ma ntemmx fid-data ta’ għeluq il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għadu għaddej minn wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-25 ta’ Marzu 2019. Issa, tul tal-ksur ta’ iktar minn sena u nofs huwa kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Mejju 2018.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprovdi li din ma tistax, għal dak li jikkonċerna l-pagamenti ta’ penalità li hija timponi, teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, b’effett minn din id-data u sakemm dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, pagament ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 89000.

69

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-opportunità li jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkun imressaq quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 78; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 68; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 78).

70

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Renju ta’ Spanja kkoopera mas-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li huwa żamm lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li ostakolawh milli jiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2016/680, il-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680 fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 69, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 79).

71

Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, hekk kif tfakkar f’dak il-punt, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, fost oħrajn, li tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru u li tagħżel il-mument li fih hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih. Min-naħa l-oħra, ma huwiex allegat li t-termini għar-risposta li ġew stabbiliti fil-każ ineżami fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kienu partikolarment qosra jew irraġonevoli u kienu tali li jimminaw l-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jsostni b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fatti msemmija fil-punti 5 u 6 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja kellu għarfien sħiħ tal-fatt li huwa kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680, għall-inqas mis-7 ta’ Mejju 2018.

72

L-imsemmija evalwazzjoni lanqas ma hija invalidata mill-argument ibbażat fuq is-sitwazzjoni istituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja bejn is-27 ta’ April 2016, id-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2016/680, u s-6 ta’ Mejju 2018, id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva, ikkaratterizzat minn xoljiment rikorrenti tal-parlament nazzjonali, in-natura temporanja tal-gvern u l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ġodda. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li tali ċirkustanzi ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 41).

73

Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tas-somma f’daqqa li l-impożizzjoni tagħha hija xierqa fil-każ ineżami, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan in-nuqqas ikun ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 72, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 81).

74

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85; tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 73; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 82).

75

Ma’ dan jiżdied li d-Direttiva 2016/680 hija intiża sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tad-data personali solidu u koerenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, irrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 16(1) TFUE. L-assenza jew l-insuffiċjenza, fil-livell nazzjonali, ta’ regoli li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni għandhom jitqiesu li huma partikolarment gravi fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom għall-interessi pubbliċi u privati fi ħdan l-Unjoni.

76

Barra minn hekk, il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat hija msaħħa mill-fatt li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2019, iżda wkoll fid-data ta’ għeluq il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja kien għadu ma adotta ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680.

77

L-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja sabiex jiġġustifika d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/680, jiġifieri l-fatt li matul perijodu twil il-Gvern ma setax jieħu ħsieb ħlief kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ordinarja, ma huwiex tali li jaffettwa l-gravità tal-ksur inkwistjoni peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 41).

78

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ċirkustanzi istituzzjonali partikolari bħal dawk li jikkaratterizzaw dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs l-Isveżja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punti 5455).

79

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni nett, it-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dik li fiha din tal-aħħar tiġi adita mill-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data ta’ għeluq il-proċedura (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 77, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 86).

80

F’dan il-każ, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kien għadu ma ntemmx fid-data ta’ għeluq il-proċedura bil-miktub, li seħħ fis-6 ta’ Mejju 2020.

81

Għal dak li jirrigwarda l-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

82

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li, fid-data ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680, jiġifieri s-6 ta’ Mejju 2018, ir-Renju ta’ Spanja ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kienx ikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni dam sentejn.

83

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp reċenti tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

84

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 15000000.

85

Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 15000000.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

87

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottax, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u, konsegwentement, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva.

 

2)

Billi, sal-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jittrasponi fid-dritt intern tiegħu id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunika lill-Kummissjoni Ewropea dawn il-miżuri, ir-Renju ta’ Spanja ppersista fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu.

 

3)

Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 ikun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, b’effett minn dik id-data u sa meta dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 89000 kull jum.

 

4)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 15000000.

 

5)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

6)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top