EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0645

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ġunju 2021.
Facebook Ireland Limited et vs Gegevensbeschermingsautoriteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar transkonfinali ta’ data personali – Mekkaniżmu ta’ ‘punt uniku ta’ servizz’ – Kooperazzjoni leali u effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji – Kompetenzi u setgħat – Setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji.
Kawża C-645/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:483

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar transkonfinali ta’ data personali – Mekkaniżmu ta’ ‘punt uniku ta’ servizz’ – Kooperazzjoni leali u effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji – Kompetenzi u setgħat – Setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji”

Fil-Kawża C‑645/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Facebook Ireland Ltd,

Facebook Inc.,

Facebook Belgium BVBA

vs

Gegevensbeschermingsautoriteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, M. Ilešič u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Facebook Ireland Ltd, Facebook Inc. u Facebook Belgium BVBA, minn S. Raes, P. Lefebvre u D. Van Liedekerke, advocaten,

għall-Gegevensbeschermingsautoriteit, minn F. Debusseré u R. Roex, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Paepe, advocaat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Natale, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. C. Guerra, P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u M. Pere, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, D. Nardi u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 55(1), 56 sa 58 u 60 sa 66 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Facebook Ireland Ltd, Facebook Inc. u Facebook Belgium BVBA, minn naħa, u l-Gegevensbeschermingsautoriteit (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“APD”), li hija s-suċċessur tal-Commissie ter bescherming van de persoonlijke levenssfeer (il‑Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata, il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“KPĦP”), min-naħa l-oħra, dwar kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa mill-President ta’ din tal-aħħar u intiża sabiex jitwaqqaf l-ipproċessar tad-data personali tal-utenti tal-internet fit-territorju Belġjan, imwettaq min-network soċjali fuq l-internet Facebook permezz ta’ cookies, ta’ plugins soċjali u ta’ pixels.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 4, 10, 11, 13, 22, 123, 141 u 145 tar-Regolament 2016/679 jiddikjaraw:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-[Karta] u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea], il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

(11)

Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll ta’ setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u sanzjonijiet ekwivalenti għall-ksur fl-Istati Membri.

[…]

(13)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. […]

[…]

(22)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni għandu jsir f’konformità ma’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk l-ipproċessar innifsu jseħħx fl-Unjoni jew le. L-istabbiliment jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli. Il-forma legali ta’ dawn l-arranġamenti, sew jekk permezz ta’ fergħa jew sussidjarja b’personalità ġuridika, mhijiex il-fattur determinanti f’dak ir-rigward.

[…]

(123)

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament u jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tiegħu madwar l-Unjoni, sabiex jipproteġu lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ data personali fis-suq intern. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni [Ewropea], mingħajr ma jkun meħtieġ l-ebda ftehim bejn l-Istati Membri rigward l-għoti ta’ assistenza reċiproka jew dwar din il-kooperazzjoni.

[…]

(141)

Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. […]

[…]

(145)

Għal proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur, ir-rikorrent għandu jkollu l-għażla li jagħmel rikors fil-qrati tal-Istati Membri fejn il-kontrollur jew il-proċessur għandu stabbiliment jew fejn jgħix is-suġġett tad-data, dment li l-kontrollur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li qiegħda taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni territorjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar iseħħx fl-Unjoni jew le.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi, fil-punt 16 tiegħu, il-kunċett ta’ “stabbiliment ewlieni” u, fil-punt 23 tiegħu, il-kunċett ta’ “ipproċessar transkonfinali” kif ġej:

“(16) ‘stabbiliment ewlieni’ tfisser:

(a)

fir-rigward ta’ kontrollur bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni u dan l-istabbiliment tal-aħħar ikollu s-setgħa li jesiġi l-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, u f’dan il-każ l-istabbiliment li jkun ħa tali deċiżjonijiet għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni;

(b)

fir-rigward ta’ proċessur bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, jew, jekk il-proċessur ma jkollu l-ebda amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, l-istabbiliment tal-proċessur fl-Unjoni fejn isiru l-attivitajiet ta’ pproċessar ewlenin fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-proċessur sa fejn il-proċessur ikun soġġett għal obbligi speċifiċi taħt dan ir-Regolament;

[…]

(23) ‘ipproċessar transkonfinali’ tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f’iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment uniku ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x’aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.”

6

L-Artikolu 51 tal-istess regolament, intitolat “Awtorità superviżorja”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni […]

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni f’konformità mal-Kapitolu VII.

[…]”

7

L-Artikolu 55 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kompetenza”, li jifforma parti mill-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, jipprovdi:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   Fejn l-ipproċessar titwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu abbażi tal-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1), għandha tkun kompetenti l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali każijiet ma japplikax l-Artikolu 56.”

8

L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F’perijodu ta’ tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta’ jekk hemm jew m’hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.   Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.”

9

L-Artikolu 57 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kompiti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:

(a)

timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

[…]

(g)

tikkoopera ma’, inkluż bil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

10

L-Artikolu 58 tal-istess regolament, intitolat “Setgħat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 4 u 5 tiegħu:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

(a)

li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

[…]

(d)

li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament;

[…]

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Karta.

5.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

11

Taħt il-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”, it-Taqsima I, intitolata “Kooperazzjoni”, tinkludi l-Artikoli 60 sa 62 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 60, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2.   L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista’ twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b’mod partikolari għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.   Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’perijodu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta’ deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f’perijodu ta’ żmien ta’ ġimagħtejn.

6.   Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8.   B’deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b’din.

9.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta’ lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta’ dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. […]

10.   Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11.   Fejn, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta’ suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

[…]”

12

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat “Assistenza reċiproka”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b’mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b’mod partikolari, talbiet ta’ informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.”

13

L-Artikolu 62 tal-istess regolament, intitolat “Operazzjonijiet konġunti ta’ awtoritajiet superviżorji”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta’ infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

2.   Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f’diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta’ suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed x’aktarx li jkun affettwat b’mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta’ pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. […]

[…]”

14

It-Taqsima 2, intitolata “Konsistenza”, tal-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, tinkludi l-Artikoli 63 sa 67 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 63, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsistenza”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni, permezz tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza kif stabbilit f’din it-Taqsima.”

15

Skont l-Artikolu 64(2) tal-imsemmi regolament:

“Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] jew il-Kummissjoni tista’ titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b’mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f’konformità mal-obbligi ta’ assistenza reċiproka f’konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 62.”

16

L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament f’każijiet individwali, il-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f’każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ewlenija u l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwitx l-oġġezzjoni jew tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b’mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

[…]”

17

L-Artikolu 66 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Proċedura ta’ urġenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2:

“1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista’, b’deroga mill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u [65] jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b’perijodu speċifikat ta’ validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] u lill-Kummissjoni.

2.   Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b’mod urġenti, hija tista’ titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data], billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta’ tali opinjoni jew deċiżjoni.”

18

L-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.”

19

L-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.

3.   Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.

4.   Fejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord [Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data] fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti.”

20

L-Artikolu 79 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment. B’mod alternattiv, tali proċedimenti jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha.”

Id-dritt Belġjan

21

Il-wet tot bescherming van de persoonlijke levensfeer ten opzichte van de verwerking van persoonsgegevens (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali), tat-8 ta’ Diċembru 1992 (Belgisch Staatsblad, 18 ta’ Marzu 1993, p. 5801), kif emendata bil-liġi tal-11 ta’ Diċembru 1998 (Belgisch Staatsblaad, 3 ta’ Frar 1999, p. 3049) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992”), ittrasponiet fid-dritt Belġjan id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

22

Il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992 ħolqot il-KPĦP, korp indipendenti li għandu l-missjoni li jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata b’osservanza ta’ din il-liġi, b’mod li jħares il-ħajja privata taċ-ċittadini.

23

L-Artikolu 32(3) tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992 kien jipprovdi:

“Bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qrati u tat-tribunali ordinarji li japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-privatezza, il-President [tal-KPĦP] jista’ jadixxi lill-qorti tal-ewwel istanza b’kull tilwima marbuta mal-applikazzjoni ta’ din il-liġi u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha.”

24

Il-wet tot oprichting van de Gegevensbeschermingsautoriteit (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data), tat-3 ta’ Diċembru 2017 (Belgisch Staatsblad, 10 ta’ Jannar 2018, p. 989, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017”), li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018, stabbilixxiet l-APD bħala awtorità ta’ sorveljanza, fis-sens tar-Regolament 2016/679.

25

L-Artikolu 3 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017 jipprevedi:

“Qiegħda tiġi stabbilita, fi ħdan il-Kamra tar-Rappreżentanti, ‘Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data’. Din l-awtorità hija s-suċċessura tal-[KPĦP].”

26

L-Artikolu 6 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017 jipprovdi:

“L-[APD] għandha s-setgħa li tinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji dwar kull ksur tal-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali, fi ħdan il-qafas ta’ din il-liġi u ta’ liġijiet li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, u, fejn xieraq, għandha tieħu azzjoni legali biex dawn il-prinċipji fundamentali jiġu applikati.”

27

L-ebda dispożizzjoni speċifika ma hija prevista fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji diġà mibdija mill-President tal-KPĦP fil-25 ta’ Mejju 2018 abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992. F’dak li jirrigwarda biss l-ilmenti jew it-talbiet imressqa quddiem l-APD stess, l-Artikolu 112 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017 jipprovdi:

“Il-Kapitolu VI ma japplikax għall-ilmenti jew għall-talbiet li jkunu għadhom pendenti quddiem l-[APD] fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. L-ilmenti jew it-talbiet imsemmija fl-ewwel sentenza għandhom jiġu ttrattati mill-[APD], bħala suċċessur legali tal-[KPĦP], skont il-proċedura applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.”

28

Il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992 tħassret permezz tal-wet betreffende de bescherming van naturlijke personen met betrekking tot de verwerking van persoonsgegevens (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali), tat-30 ta’ Lulju 2018 (Belgisch Staatsblad, 5 ta’ Settembru 2018, p. 68616, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-30 ta’ Lulju 2018”). Din il-liġi tal-aħħar hija intiża li timplimenta fid-dritt Belġjan id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 li jobbligaw jew jippermettu lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar iddettaljati, flimkien ma’ dan ir-regolament.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29

Fil-11 ta’ Settembru 2015, il-President tal-KPĦP fetaħ kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Facebook Ireland, Facebook Inc. u Facebook Belgium quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju). Peress li l-KPĦP ma kellhiex personalità ġuridika, kien il-President tagħha li kellu jiftaħ il-kawżi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, il-KPĦP stess talbet l-intervent volontarju fil-proċedura mibdija mill-President tagħha.

30

Din il-kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kellha l-għan li ttemm dak li l-KPĦP tiddeskrivi, b’mod partikolari, bħala “ksur serju u fuq skala kbira, minn Facebook, tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata” li jikkonsisti fil-ġbir, minn dan in-network soċjali fuq l-internet, ta’ informazzjoni dwar l-aġir fin-navigazzjoni, kemm tad-detenturi ta’ kont Facebook kif ukoll ta’ persuni li ma jużawx is-servizzi ta’ Facebook, permezz ta’ diversi teknoloġiji bħalma huma l-cookies, il-plugins soċjali (pereżempju, il-buttuni “Like” jew “Share”) jew anki l-pixels. Dawn l-elementi jippermettu lin-network soċjali kkonċernat jikseb ċerta data minn utent tal-internet li jkun qiegħed jikkonsulta paġna ta’ sit internet li jkun fiha dawn l-elementi, bħall-indirizz ta’ din il-paġna, l-“indirizz IP” tal-persuna li żżur l-imsemmija paġna kif ukoll id-data u l-ħin tal-konsultazzjoni kkonċernata.

31

Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Frar 2018, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, sa fejn kienet tirrigwarda lil Facebook Ireland, lil Facebook Inc. u lil Facebook Belgium, u ddikjarat inammissibbli t-talba għal intervent volontarju mressqa mill-KPĦP.

32

Fuq il-mertu, dik il-qorti ddeċidiet li n-network soċjali kkonċernat ma kienx jinforma biżżejjed lill-utenti tal-internet Belġjani dwar il-ġbir tal-informazzjoni kkonċernata u dwar l-użu ta’ din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-kunsens mogħti mill-utenti tal-internet għall-ġbir u għall-ipproċessar tal-imsemmija informazzjoni tqies li ma kienx validu. Għaldaqstant, Facebook Ireland, Facebook Inc. u Facebook Belgium ġew ordnati, l-ewwel, jieqfu, fir-rigward ta’ kull utent tal-internet stabbilit fit-territorju Belġjan, milli jqiegħdu, mingħajr il-kunsens ta’ dan l-utent, cookies li jibqgħu attivi sentejn fuq l-apparat li huwa juża meta jinnaviga fuq paġna internet bl-isem tad-dominju Facebook.com jew meta jidħol fis-sit ta’ terz, kif ukoll milli jqiegħdu cookies u jiġbru data permezz ta’ plugins soċjali, ta’ pixels jew ta’ mezzi teknoloġiċi simili fuq is-siti internet ta’ terzi, b’mod eċċessiv fid-dawl tal-għanijiet segwiti b’dan il-mod min-network soċjali Facebook, it-tieni, jieqfu milli jipprovdu informazzjoni li tista’ raġonevolment tqarraq bil-persuni kkonċernati fir-rigward tal-portata reali tal-mekkaniżmi magħmula disponibbli minn dan in-network soċjali għall-użu tal-cookies, u, it-tielet, jeqirdu d-data personali kollha miksuba permezz ta’ cookies u ta’ plugins soċjali.

33

Fit-2 ta’ Marzu 2018, Facebook Ireland, Facebook Inc. u Facebook Belgium appellaw mill-imsemmija sentenza quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). Quddiem dik il-qorti, l-APD aġixxiet bħala s-suċċessur legali kemm tal-President tal-KPĦP, li kien ressaq il-kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll tal-KPĦP stess.

34

Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi fuq l-appell ippreżentat sa fejn dan jikkonċerna lil Facebook Belgium. Għall-kuntrarju, hija ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan l-appell fir-rigward ta’ Facebook Ireland u ta’ Facebook Inc.

35

Qabel ma tiddeċiedi dwar il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-APD għandhiex il-locus standi u l-interess ġuridiku meħtieġa. Skont Facebook Belgium, il-kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa hija inammissibbli, f’dak li jirrigwarda l-fatti li seħħew qabel il-25 ta’ Mejju 2018, sa fejn, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017 u tar-Regolament 2016/679, l-Artikolu 32(3) tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992, li jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti li titressaq tali kawża, tħassar. Fir-rigward tal-fatti sussegwenti għall-25 ta’ Mejju 2018, Facebook Belgium issostni li APD ma għandhiex kompetenza u ma għandhiex dritt tressaq din il-kawża fid-dawl tal-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” li issa huwa previst skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa biss id-Data Protection Commissioner (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda) li huwa kompetenti sabiex jiftaħ kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Facebook Ireland, peress li din tal-aħħar hija l-unika kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali tal-utenti tan-network soċjali kkonċernat fl-Unjoni.

36

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-APD ma kinitx stabbilixxiet l-interess ġuridiku meħtieġ sabiex tinbeda din il-kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sa fejn din tal-aħħar kienet tirrigwarda fatti li seħħew qabel il-25 ta’ Mejju 2018. Fir-rigward tal-fatti sussegwenti għal din id-data, il-qorti tar-rinviju xorta waħda għandha dubji dwar l-effett tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” previst minn dan ir-regolament, fuq il-kompetenzi tal-APD kif ukoll fuq is-setgħa ta’ din tal-aħħar li tressaq tali kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni.

37

B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni li tqum issa hija dwar jekk, għall-fatti sussegwenti għall-25 ta’ Mejju 2018, l-APD tistax taġixxi kontra Facebook Belgium, peress li Facebook Ireland ġiet identifikata bħala l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data kkonċernata. B’effett mill-25 ta’ Mejju 2018 u skont il-prinċipju ta’ “punt uniku ta’ servizz”, jidher li, skont l-Artikolu 56 tar-Regolament 2016/679, huwa biss il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li għandu kompetenza, suġġett għall-istħarriġ esklużiv tal-qrati Irlandiżi.

38

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“awtorità superviżorja Ġermaniża” kellha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar tilwima fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, minkejja li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data kkonċernata kellu s-sede tiegħu fl-Irlanda u minkejja li s-sussidjarja tiegħu li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, jiġifieri Facebook Germany GmbH, kienet tieħu ħsieb biss il-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u attivitajiet oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Ġermaniż.

39

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, li tħassret bir-Regolament 2016/679. Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar sa fejn l-interpretazzjoni mogħtija fl-imsemmija sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja għadha rilevanti f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament 2016/679.

40

Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll deċiżjoni tal-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja), tas-6 ta’ Frar 2019 (deċiżjoni msejħa “Facebook”), li fiha din l-awtorità tal-kompetizzjoni, essenzjalment, qieset li l-impriża kkonċernata kienet qiegħda tabbuża mill-pożizzjoni tagħha billi kkonċentrat data minn diversi sorsi, ħaġa li, minn dak il-mument ’il quddiem, ma setgħetx tibqa’ titwettaq ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utenti, u dan bil-kundizzjoni li l-utent li ma jagħtix il-kunsens tiegħu ma jistax jiġi eskluż mis-servizzi ta’ Facebook. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, manifestament, l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni kkunsidrat lilha nnifisha bħala kompetenti, minkejja l-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”.

41

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 6 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017, li jippermetti, bħala prinċipju, lill-APD, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, ma jimplikax li l-kawża tagħha tista’, fiċ-ċirkustanzi kollha, titressaq quddiem il-qrati Belġjani, peress li l-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” jidher li jirrikjedi li tali kawża titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn isir l-ipproċessar tad-data.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

L-Artikoli 55(1), 56 sa 58, u 60 sa 66 tar-[Regolament 2016/679], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja li, skont leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’implimentazzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa li tibda proċeduri legali quddiem qorti fl-Istat Membru tagħha kontra ksur ta’ dan ir-regolament, ma tistax teżerċita dik is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar ta’ data transkonfinali jekk ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija għal dan l-ipproċessar ta’ data transkonfinali?

(2)

Huwa rilevanti l-fatt li l-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar ta’ data transkonfinali ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu f’dan l-Istat Membru iżda jkollu stabbiliment ieħor?

(3)

Huwa rilevanti l-fatt li l-awtorità superviżorja nazzjonali tibda proċedura legali kontra l-istabbiliment prinċipali tal-kontrollur tal-ipproċessar pjuttost milli kontra l-istabbiliment li jinsab fl-Istat Membru tagħha stess?

(4)

Huwa rilevanti l-fatt li l-awtorità superviżorja nazzjonali tkun bdiet proċeduri legali qabel id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-[Regolament 2016/679] (25 ta’ Mejju 2018)?

(5)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu effett dirett, b’mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmi artikolu sabiex tibda jew tissokta bi proċeduri legali kontra persuni privati anki jekk l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 ma jkunx ġie speċifikament traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, minkejja l-obbligu li dan isir?

(6)

Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fl-affermattiv, l-eżitu ta’ tali proċeduri jipprekludi konstatazzjoni kuntrarja għal dik tal-awtorità superviżorja ewlenija fil-każ li fih din tinvestiga l-istess attivitajiet ta’ pproċessar transkonfinali jew attivitajiet simili konformement mal-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 56 u 60 tar-Regolament 2016/679?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 55(1) u l-Artikoli 56 sa 58 u 60 sa 66 tar-Regolament 2016/679, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa tressaq kull allegat ksur tal-imsemmi regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, tista’ teżerċita din is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, f’sitwazzjoni fejn hija ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-istess regolament, fir-rigward ta’ tali pproċessar ta’ data.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, minn naħa, b’differenza mid-Direttiva 95/46, li kienet ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100A tat-Trattat KE, dwar l-armonizzazzjoni tas-suq komuni, il-bażi legali tar-Regolament 2016/679 hija l-Artikolu 16 TFUE, li jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali u li jawtorizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri, fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data. Min-naħa l-oħra, il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li “[i]l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali” u tfakkar li l-Artikolu 8(1) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 16(1) TFUE jipprevedu d-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

45

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mal-premessi 10, 11 u 13 tiegħu, dan ir-regolament jimponi fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-kompitu li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta.

46

Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 4 tiegħu, dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti fil-Karta.

47

Huwa f’dan l-isfond li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxi l-kompetenza bħala prinċipju ta’ kull awtorità superviżorja sabiex teżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat mogħtija lilha, konformement ma’ dan ir-regolament, fit-territorju tal-Istat Membru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 147).

48

Fost il-funzjonijiet li għandhom dawn l-awtoritajiet superviżorji hemm, b’mod partikolari, dik li jeżerċitaw superviżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 u li jiżguraw l-osservanza tiegħu, prevista fl-Artikolu 57(1)(a) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dik li jikkooperaw ma’ awtoritajiet superviżorji oħra, inkluż billi jikkondividu informazzjoni, u li jipprovdu assistenza reċiproka f’dan il-kuntest sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-imsemmi regolament u tal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-osservanza tiegħu, prevista fl-Artikolu 57(1)(g) tal-istess regolament. Fost is-setgħat mogħtija lill-imsemmija awtoritajiet superviżorji sabiex iwettqu dawn il-funzjonijiet hemm diversi setgħat investigattivi, previsti fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament 2016/679, kif ukoll is-setgħa li jressqu kull ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, li jibdew proċeduri ġudizzjarji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, prevista fl-Artikolu 58(5) ta’ dan tal-aħħar.

49

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet u ta’ dawn is-setgħat jeżiġi li awtorità superviżorja jkollha kompetenza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data inkwistjoni.

50

F’dan ir-rigward, bla ħsara għar-regola ta’ kompetenza stabbilita fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament 2016/679, l-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fir-rigward tal-“ipproċessar transkonfinali”, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”, ibbażat fuq tqassim tal-kompetenzi bejn “awtorità superviżorja ewlenija” u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Skont dan il-mekkaniżmu, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew tal-proċessur għandha tkun kompetenti sabiex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dan il-kontrollur jew minn dan il-proċessur, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament.

51

Dan l-aħħar artikolu jistabbilixxi l-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità superviżorja ewlenija hija b’mod partikolari obbligata tipprova ssib kunsens. Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament 2016/679, hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra sabiex tikseb l-opinjoni tagħhom u għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-fehmiet tagħhom.

52

Mill-Artikoli 56 u 60 tar-Regolament 2016/679 jirriżulta b’mod iktar partikolari li, fir-rigward tal-“ipproċessar transkonfinali”, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u bla ħsara għall-Artikolu 56(2) tiegħu, id-diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandhom jikkooperaw, skont il-proċedura prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jaslu għal kunsens u għal deċiżjoni waħda, li torbot lil dawn l-awtoritajiet kollha u li tagħha l-kontrollur għandu jiżgura l-osservanza fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 61(1) tal-imsemmi regolament jobbliga lill-awtoritajiet superviżorji, b’mod partikolari, jikkomunikaw l-informazzjoni utli kif ukoll jgħinu lil xulxin sabiex l-istess regolament jiġi implimentat u applikat b’mod koerenti fl-Unjoni kollha. L-Artikolu 63 tar-Regolament 2016/679 jispeċifika li huwa għal dan il-għan li huwa previst il-mekkaniżmu ta’ konsistenza, stabbilit fl-Artikoli 64 u 65 tiegħu (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali għat-tneħħija ta’ referenza), C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 68).

53

Għalhekk, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” teżiġi, kif tikkonferma l-premessa 13 tar-Regolament 2016/679, kooperazzjoni leali u effettiva bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità superviżorja ewlenija ma tistax tinjora l-fehmiet tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u kull oġġezzjoni rilevanti u motivata magħmula minn waħda minn dawn l-awtoritajiet tal-aħħar għandha l-effett li twaqqaf, tal-inqas temporanjament, l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija.

54

B’hekk, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2016/679, meta waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra tifformula, f’terminu ta’ erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata, tali oġġezzjoni rilevanti u motivata fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew jekk tkun tal-fehma li din l-oġġezzjoni ma hijiex rilevanti jew motivata, għandha tissottometti l-kwistjoni għall-mekkaniżmu ta’ konsistenza previst fl-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, sabiex tinkiseb deċiżjoni vinkolanti, adottata abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-imsemmi regolament, mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

55

Skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament 2016/679, meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha, għall-kuntrarju, l-intenzjoni ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li tkun saret, hija għandha tissottometti abbozz irrevedut tad-deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra sabiex tikseb l-opinjoni tagħhom. Dan l-abbozz irrevedut tad-deċiżjoni għandu jkun suġġett għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament f’terminu ta’ ġimagħtejn.

56

Skont l-Artikolu 60(7) tal-imsemmi regolament, hija l-awtorità superviżorja ewlenija li, bħala prinċipju, għandha tadotta deċiżjoni dwar l-ipproċessar transkonfinali kkonċernat, għandha tinnotifika din id-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew lill-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew tal-proċessur, skont il-każ, u għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar id-deċiżjoni inkwistjoni, filwaqt li tikkomunika ġabra fil-qosor tal-fatti u tal-motivi rilevanti.

57

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament 2016/679 jipprevedi eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-kompetenza deċiżjonali tal-awtorità superviżorja ewlenija fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” previst fl-Artikolu 56(1) tal-imsemmi regolament.

58

Fost dawn l-eċċezzjonijiet hemm, fl-ewwel lok, l-Artikolu 56(2) tar-Regolament 2016/679, li jipprevedi li awtorità superviżorja li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija hija kompetenti sabiex tittratta lment imressaq quddiemha li jikkonċerna pproċessar transkonfinali ta’ data personali jew eventwali ksur ta’ dan ir-regolament, jekk is-suġġett tiegħu jikkonċerna biss stabbiliment fl-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità jew jaffettwa b’mod sinjifikattiv is-suġġetti tad-data f’dan l-Istat Membru biss.

59

Fit-tieni lok, b’deroga mill-mekkaniżmi ta’ konsistenza previsti fl-Artikoli 60 u 63 sa 65 tar-Regolament 2016/679, l-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament jipprevedi proċedura ta’ urġenza. Din il-proċedura ta’ urġenza tippermetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-awtorità superviżorja kkonċernata tqis li huwa urġenti li tintervjeni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-adozzjoni immedjata ta’ miżuri provviżorji intiżi li jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess u li jkollhom perijodu ta’ validità speċifikat ta’ mhux iktar minn tliet xhur, filwaqt li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi, barra minn hekk, li, meta awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri definittivi għandhom jiġu adottati b’urġenza, hija tista’ titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti min-naħa tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li timmotiva t-talba tagħha għal opinjoni jew għal deċiżjoni.

60

Madankollu, din il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji għandha tiġi eżerċitata b’osservanza ta’ kooperazzjoni leali u effettiva mal-awtorità superviżorja ewlenija, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 56(3) sa (5) tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 56(3) ta’ dan ir-regolament, l-awtorità superviżorja kkonċernata għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità superviżorja ewlenija, li, f’terminu ta’ tliet ġimgħat wara l-mument li fih tkun ġiet informata, għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ jew le.

61

Issa, skont l-Artikolu 56(4) tar-Regolament 2016/679, jekk l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, l-awtorità superviżorja li tkun informat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tippreżentalha abbozz ta’ deċiżjoni u din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni bl-ikbar reqqa dan l-abbozz meta tfassal l-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3) tal-imsemmi regolament.

62

Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament 2016/679, jekk l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun informatha għandha tittratta l-każ skont l-Artikoli 61 u 62 ta’ dan ir-regolament, li jeżiġu mill-awtoritajiet superviżorji l-osservanza ta’ regoli ta’ assistenza reċiproka u ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ operazzjonijiet konġunti, bil-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, fil-qasam tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data personali, il-kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li tali pproċessar jikser ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li jinsabu fir-Regolament 2016/679 tikkostitwixxi r-regola, filwaqt li l-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra sabiex jadottaw tali deċiżjoni, anki fuq bażi provviżorja, tikkostitwixxi l-eċċezzjoni. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-kompetenza, bħala prinċipju, tal-awtorità superviżorja ewlenija hija kkonfermata fl-Artikolu 56(6) tar-Regolament 2016/679, li jipprovdi li l-awtorità superviżorja ewlenija hija l-“interlokutur uniku” tal-kontrollur jew tal-proċessur fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali mwettaq minn dan il-kontrollur jew minn dan il-proċessur, din l-awtorità għandha teżerċita tali kompetenza fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, l-awtorità superviżorja ewlenija ma tistax tevita djalogu indispensabbli kif ukoll kooperazzjoni leali u effettiva mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

64

F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha u sabiex ineħħi l-ostakoli għall-flussi ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni.

65

Issa, tali għan u l-effett utli tal-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” jistgħu jiġu kompromessi jekk awtorità superviżorja li, fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, tkun tista’ teżerċita s-setgħa prevista fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 barra mill-każijiet li fihom hija kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwa intiż sabiex iwassal għal deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti, li tista’ daqstantieħor tippreġudika dan l-għan kif ukoll dan il-mekkaniżmu bħal deċiżjoni meħuda minn awtorità superviżorja li ma hijiex l-awtorità superviżorja ewlenija.

66

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-APD, il-fatt li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma hijiex l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ teżerċita s-setgħa prevista fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 biss b’osservanza tar-regoli dwar it-tqassim tal-kompetenzi deċiżjonali previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 55 u 56 ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 60 ta’ dan tal-aħħar, huwa konformi mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta.

67

Minn naħa, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq allegat ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 7 jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, filwaqt li l-Artikolu 8(1) tal-Karta, l-istess bħall-Artikolu 16(1) TFUE, jirrikonoxxi espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha. Issa, b’mod partikolari mill-Artikolu 51(1) tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li l-awtoritajiet superviżorji huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Minn dan isegwi li, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-regoli dwar it-tqassim tal-kompetenzi deċiżjonali bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji l-oħra, previsti f’dan ir-regolament, huma bla ħsara għar-responsabbiltà ta’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, b’osservanza ta’ dawn ir-regoli kif ukoll tar-rekwiżiti ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

68

Dan ifisser b’mod partikolari li l-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” fl-ebda każ ma jista’ jwassal sabiex awtorità superviżorja nazzjonali, b’mod partikolari l-awtorità superviżorja ewlenija, ma tassumix ir-responsabbiltà li hija għandha taħt ir-Regolament 2016/679 li tikkontribwixxi għal protezzjoni effettiva tal-persuni fiżiċi kontra ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għaliex inkella tkun qiegħda tiġi inkoraġġita l-prattika ta’ għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, b’mod partikolari min-naħa tal-kontrolluri, intiża sabiex jiġu evitati dawn id-drittijiet fundamentali u l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jimplimentawhom.

69

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq allegat ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, il-qafas, espost fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, li fih tapplika l-possibbiltà għal awtorità superviżorja differenti mill-awtorità superviżorja ewlenija li teżerċita s-setgħa prevista fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data personali, huwa bla ħsara għad-dritt irrikonoxxut lil kull persuna, mill-Artikolu 78(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li tippreżenta rikors ġudizzjarju effettiv, b’mod partikolari kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha jew kontra l-assenza ta’ trattament ta’ lment imressaq minnha min-naħa tal-awtorità superviżorja li għandha l-kompetenza deċiżjonali taħt l-Artikoli 55 u 56 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 60 ta’ dan tal-aħħar.

70

Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 56(5) tar-Regolament 2016/679, fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, l-awtorità superviżorja li tkun tat l-informazzjoni abbażi tal-Artikolu 56(3) ta’ dan ir-regolament, tista’ tittratta l-każ konformement mal-Artikoli 61 u 62 tiegħu, jekk l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi, wara li tkun ġiet informata, li hija ma hijiex ser tittratta l-każ hija stess. Fil-kuntest ta’ tali trattament, ma jistax jiġi eskluż barra minn hekk li l-awtorità superviżorja kkonċernata tista’, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi li teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679.

71

B’dan ippreċiżat, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li tersaq quddiem il-qrati tal-Istat tagħha ma jistax jiġi eskluż meta, wara li tkun talbet l-assistenza reċiproka tal-awtorità superviżorja ewlenija, skont l-Artikolu 61 tar-Regolament 2016/679, din tal-aħħar ma tipprovdilhiex l-informazzjoni mitluba. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 61(8) ta’ dan ir-regolament, l-awtorità superviżorja kkonċernata tista’ tadotta miżura provviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha u, jekk tqis li għandhom jiġu adottati b’urġenza miżuri definittivi, din l-awtorità tista’, skont l-Artikolu 66(2) tal-imsemmi regolament, titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mingħand il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 64(2) tal-istess regolament, awtorità superviżorja tista’ titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’diversi Stati Membri tiġi eżaminata mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bil-għan li tinkiseb opinjoni, b’mod partikolari meta awtorità superviżorja kompetenti ma twettaqx l-obbligi tagħha dwar l-assistenza reċiproka taħt l-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament. Issa, wara l-adozzjoni ta’ tali opinjoni jew ta’ tali deċiżjoni, u sakemm il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jaqbel magħha li jkun ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-awtorità superviżorja kkonċernata għandha tkun tista’ tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li jinsabu fir-Regolament 2016/679 u, għalhekk, teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament.

72

Fil-fatt, it-tqassim ta’ kompetenzi u ta’ responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza huwa neċessarjament ibbażat fuq il-premessa ta’ kooperazzjoni leali u effettiva bejn dawn l-awtoritajiet kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-regolament, kif jikkonferma l-Artikolu 51(2) tiegħu.

73

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regoli dwar it-tqassim tal-kompetenzi kif ukoll il-proċeduri u l-mekkaniżmi rilevanti previsti fir-Regolament 2016/679 ġewx applikati korrettament fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, hija ser ikollha tivverifika jekk, minkejja li l-APD ma hijiex l-awtorità superviżorja ewlenija f’din il-kawża, l-ipproċessar ikkonċernat, sa fejn dan jirrigwarda aġir tan-network soċjali fuq l-internet Facebook sussegwenti għall-25 ta’ Mejju 2018, jaqax b’mod partikolari taħt is-sitwazzjoni msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza.

74

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, fl-Opinjoni Nru 5/2019 tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2019, dwar l-interazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u [ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data], b’mod partikolari rigward il-kompetenza, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ddikjara li r-reġistrazzjoni u l-qari ta’ data personali permezz ta’ cookies kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) u mhux taħt il-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”. Għall-kuntrarju, l-operazzjonijiet preċedenti kollha u l-attivitajiet ulterjuri ta’ pproċessar ta’ din id-data personali permezz ta’ teknoloġiji oħra jaqgħu tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 u, għaldaqstant, taħt il-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”. Peress li t-talba tagħha għal assistenza reċiproka kienet tikkonċerna dawn l-operazzjonijiet ulterjuri ta’ pproċessar ta’ data personali, l-APD talbet, f’April 2019, lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sabiex jieħu passi dwar it-talba tagħha fl-iqsar żmien possibbli, talba li jidher li baqgħet mingħajr tweġiba.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li l-Artikolu 55(1) u l-Artikoli 56 sa 58 u 60 sa 66 tar-Regolament 2016/679, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa li tressaq kull allegat ksur tal-imsemmi regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, tista’ teżerċita din is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-istess regolament, fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar ta’ data, sakemm dan isir f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom ir-Regolament 2016/679 jagħti lil din l-awtorità superviżorja kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-imsemmi pproċessar jikser ir-regoli li jinsabu fih kif ukoll b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti f’dan ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

76

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar transkonfinali ta’ data personali li kontrih jitressqu dawn il-proċeduri jkollu “stabbiliment ewlieni”, fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew inkella stabbiliment ieħor f’dan it-territorju.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 2016/679, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti sabiex twettaq il-funzjonijiet u teżerċita s-setgħat mogħtija lilha konformement ma’ dan ir-regolament fit-territorju tal-Istat Membru li taqa’ taħtu.

78

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi, barra minn hekk, is-setgħa ta’ kull awtorità superviżorja li tressaq kull allegat ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni ta’ qorti tal-Istat Membru tagħha u, jekk ikun il-każ, li tibda proċeduri ġudizzjarji bil-għan li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

79

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 huwa fformulat f’termini ġenerali u li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettax l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa minn awtorità superviżorja ta’ Stat Membru għall-kundizzjoni li l-proċeduri mressqa minn din tal-aħħar jinbdew kontra kontrollur li għandu “stabbiliment ewlieni”, fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

80

Madankollu, awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tista’ teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 biss jekk jiġi stabbilit li din is-setgħa taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-regolament.

81

L-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/679, li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-regolament, jipprevedi, f’dan ir-rigward, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ kontrollur jew ta’ proċessur fit-territorju tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk l-ipproċessar jitwettaqx jew le fl-Unjoni.

82

F’dan ir-rigward, il-premessa 22 tar-Regolament 2016/679 tispeċifika li tali stabbiliment jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġament stabbli u li l-forma ġuridika adottata għal tali arranġament, kemm jekk fil-forma ta’ fergħa jew ta’ sussidjarja li għandha personalità ġuridika, ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward.

83

Minn dan jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2016/679, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-regolament huwa ddeterminat, bla ħsara għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, mill-kundizzjoni li l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali jkollu stabbiliment fit-territorju tal-Unjoni.

84

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data personali li kontrihom jinbdew dawn il-proċeduri jkollhom stabbiliment ewlieni jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq it-tielet domanda

85

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tressaq kwalunkwe allegat ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li l-awtorità superviżorja kkonċernata tressaq il-proċeduri ġudizzjarji tagħha kontra l-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew inkella kontra l-istabbiliment li jinsab fl-Istat Membru tagħha.

86

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda qiegħda ssir fil-kuntest ta’ dibattitu bejn il-partijiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sa fejn tressqet kontra Facebook Belgium, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, fi ħdan l-Unjoni, l-uffiċċju rreġistrat tal-grupp Facebook jinsab fl-Irlanda u li Facebook Ireland hija l-kontrollur esklużiv tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data personali għat-territorju kollu tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, skont l-organizzazzjoni interna ta’ dan il-grupp, l-istabbiliment li jinsab fil-Belġju kien twaqqaf, prinċipalment, sabiex l-imsemmi grupp ikun jista’ jibni u jżomm relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod anċillari, sabiex jippromwovi l-attivitajiet ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istess grupp indirizzati lill-persuni residenti fil-Belġju.

87

Kif ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 55(1) tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxi l-kompetenza bħala prinċipju ta’ kull awtorità superviżorja sabiex teżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat mogħtija lilha, konformement ma’ dan ir-regolament, fit-territorju tal-Istat Membru tagħha.

88

Fir-rigward tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens tal-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, għandu jitfakkar, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini ġenerali u li ma tippreċiżax l-entitajiet li kontrihom l-awtoritajiet superviżorji għandhom jew jistgħu jibdew proċeduri ġudizzjarji dwar kull ksur ta’ dan ir-regolament.

89

Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma tillimitax l-eżerċizzju tas-setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji fis-sens li tali proċeduri jistgħu jinbdew biss kontra “stabbiliment ewlieni” jew inkella kontra “stabbiliment” ieħor tal-kontrollur. Għall-kuntrarju, skont l-istess dispożizzjoni, meta l-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru jkollha l-kompetenza neċessarja għal dan il-għan, skont l-Artikoli 55 u 56 tar-Regolament 2016/679, hija tista’ teżerċita s-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament fit-territorju nazzjonali tagħha, ikun liema jkun l-Istat Membru li fih il-kontrollur jew il-proċessur tiegħu jkunu stabbiliti.

90

Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lil kull awtorità superviżorja fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 jimplika li dan ir-regolament ikun applikabbli. F’dan ir-rigward, u kif ġie enfasizzat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar iseħħx fl-Unjoni jew le”.

91

Fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2016/679, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, il-kundizzjoni li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq “fil-kuntest tal-attivitajiet” tal-istabbiliment ikkonċernat ma għandhiex tingħata interpretazzjoni ristrettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Facebook Belgium jirriżulta li din hija responsabbli, prinċipalment, sabiex tibni u żżomm relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod anċillari, sabiex tippromwovi l-attivitajiet ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-grupp tagħha indirizzati lill-persuni residenti fil-Belġju.

93

L-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fit-territorju tal-Unjoni jitwettaq esklużivament minn Facebook Ireland u li jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-aġir ta’ navigazzjoni kemm tad-detenturi ta’ kont Facebook kif ukoll ta’ persuni li ma humiex utenti tas-servizzi Facebook permezz ta’ diversi teknoloġiji, bħalma huma b’mod partikolari l-plugins soċjali u l-pixels, għandu preċiżament l-għan li jippermetti lin-network soċjali kkonċernat jirrendi s-sistema ta’ reklamar tiegħu iktar effiċjenti billi jippubblika l-komunikazzjonijiet b’mod immirat.

94

Issa, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, network soċjali bħal Facebook jiġġenera parti sostanzjali mid-dħul tiegħu permezz, b’mod partikolari, tar-reklamar ippubblikat fuq dan in-network u li l-attività eżerċitata mill-istabbiliment li jinsab fil-Belġju hija intiża sabiex jiġu żgurati, f’dan l-Istat Membru, anki jekk b’mod anċillari biss, il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar li jservu sabiex jagħmlu s-servizzi ta’ Facebook profittabbli. Min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata b’mod prinċipali minn Facebook Belgium, li tikkonsisti fiż-żamma ta’ relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li tkun ta’ punt ta’ kuntatt ma’ dawn tal-aħħar, hija intiża b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi l-politika ta’ pproċessar ta’ data personali minn Facebook Ireland.

95

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attivitajiet tal-istabbiliment tal-grupp Facebook li jinsab fil-Belġju għandhom jitqiesu li huma marbuta b’mod inseparabbli mal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li Facebook Ireland hija l-kontrollur responsabbli għalih fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali pproċessar għandu jitqies li jitwettaq “fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2016/679.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula hija li l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tressaq kull allegat ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi eżerċitata kemm fir-rigward tal-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur li jkun jinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità u kemm fir-rigward ta’ stabbiliment ieħor ta’ dan il-kontrollur, sakemm il-proċeduri ġudizzjarji jkunu jikkonċernaw ipproċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment u sakemm l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex teżerċita din is-setgħa, konformement ma’ dak li huwa espost fir-risposta għall-ewwel domanda magħmula.

Fuq ir-raba’ domanda

97

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament, tkun bdiet, qabel il-25 ta’ Mejju 2018, proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw ipproċessar transkonfinali ta’ data personali, jiġifieri qabel id-data li fiha l-imsemmi regolament sar applikabbli, dan il-fatt huwa ta’ natura li jinfluwenza l-kundizzjonijiet li fihom din l-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tista’ teżerċita s-setgħa li tibda proċeduri ġudizzjarji li hija għandha taħt l-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament.

98

Fil-fatt, quddiem il-qorti tar-rinviju, Facebook Ireland, Facebook Inc. u Facebook Belgium isostnu li l-applikazzjoni tar-Regolament 2016/679, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, għandha bħala konsegwenza li ż-żamma ta’ proċeduri mibdija qabel din id-data hija inammissibbli, jew saħansitra infondata.

99

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 99(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi li dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li dan ir-regolament ġie ppubblikat fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta’ Mejju 2016, huwa daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju ta’ wara. Barra minn hekk, l-Artikolu 99(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan tal-aħħar huwa applikabbli b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament stabbiliti taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, fil-każ biss li flimkien mad-dispożizzjoni l-ġdida jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha. B’mod partikolari, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa li japplikaw mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ, b’differenza mir-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati bħala li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ħlief sa fejn mit-termini, mill-għan u mill-istruttura tagħhom ikun jirriżulta b’mod ċar li għandhom jingħataw tali effett (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Caisse pour l’avenir des enfants (Impjieg fid-data tat-twelid), C‑129/20, EU:C:2021:140, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Ir-Regolament 2016/679 ma jinkludi ebda regola tranżitorja u lanqas xi regola oħra li tirregola l-istatus tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel daħal fis-seħħ u li kienu għadhom pendenti fid-data li fiha sar applikabbli. B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni f’dan ir-regolament ma tipprevedi li għandu l-effett li jtemm il-proċeduri ġudizzjarji kollha li jkunu pendenti fid-data tal-25 ta’ Mejju 2018 dwar allegat ksur ta’ regoli li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali previsti fid-Direttiva 95/46, u dan anki jekk l-aġir li jikkostitwixxi tali allegat ksur jippersisti lil hinn minn din id-data.

102

F’dan il-każ, l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi regoli dwar is-setgħa ta’ awtorità superviżorja li tressaq kull ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, li tibda proċeduri ġudizzjarji, b’mod jew ieħor, sabiex tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċeduri mibdija minn awtorità superviżorja ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ ksur tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali mwettaq minn kontrolluri jew proċessuri qabel id-data li fiha r-Regolament 2016/679 sar applikabbli u dawk mibdija fir-rigward ta’ ksur imwettaq wara din id-data.

104

Fl-ewwel każ, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, proċedura ġudizzjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tinżamm abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, li tibqa’ applikabbli fir-rigward tal-ksur imwettaq sad-data tat-tħassir tagħha, jiġifieri sal-25 ta’ Mejju 2018. Fit-tieni każ, skont l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, tali proċedura tista’ tinbeda biss bil-kundizzjoni li, kif ġie enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda magħmula, din il-proċedura tikkonċerna sitwazzjoni li fiha, b’mod eċċezzjonali, dan ir-regolament jagħti lil awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija” kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jikser ir-regoli li jinsabu fl-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, u b’osservanza tal-proċeduri previsti fl-istess regolament.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula hija li l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament, tkun bdiet, qabel il-25 ta’ Mejju 2018, proċeduri ġudizzjarji dwar ipproċessar transkonfinali ta’ data personali, jiġifieri qabel id-data li fiha l-imsemmi regolament sar applikabbli, dawn il-proċeduri jistgħu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jinżammu abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, li tibqa’ applikabbli fir-rigward tal-ksur tar-regoli previsti fiha mwettaq sad-data li fiha tħassret din id-direttiva. Barra minn hekk, l-imsemmija proċeduri jistgħu jinbdew minn din l-awtorità fir-rigward ta’ ksur imwettaq wara din l-istess data, abbażi tal-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, sakemm tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom, bħala eċċezzjoni, dan ir-regolament jagħti lil awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija” kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jikser ir-regoli li jinsabu fl-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti fl-istess regolament, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-ħames domanda

106

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula, jekk l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, b’tali mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni sabiex tibda jew tkompli proċedura ġudizzjarja kontra individwi, anki jekk din id-dispożizzjoni ma ġietx speċifikament implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

107

Skont l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, kull Stat Membru għandu jipprevedi, b’liġi, li l-awtorità superviżorja tiegħu għandha s-setgħa tressaq kull ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, b’mod jew ieħor, sabiex tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

108

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif isostni l-Gvern Belġjan, l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 ġie implimentat fl-ordinament ġuridiku Belġjan permezz tal-Artikolu 6 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, l-APD għandha s-setgħa li tinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji dwar kull ksur tal-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali, fil-kuntest ta’ din il-liġi u ta’ liġijiet li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, u, fejn xieraq, għandha tibda proċeduri ġudizzjarji sabiex dawn il-prinċipji fundamentali jiġu applikati. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-APD tista’ tibbaża ruħha fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 6 tal-Liġi tat-3 ta’ Diċembru 2017, li timplimenta l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 fid-dritt Belġjan, sabiex tibda proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex dan ir-regolament jiġi osservat.

109

Barra minn hekk, u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu, bħala prinċipju, ma jeħtieġu ebda miżura ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri.

110

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi regola speċifika u direttament applikabbli li abbażi tagħha l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom locus standi quddiem il-qrati nazzjonali u għandu jkollhom is-setgħa li jibdew proċeduri ġudizzjarji skont id-dritt nazzjonali.

112

Mill-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 ma jirriżultax li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ dispożizzjoni espliċita, liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jibdew proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa biżżejjed li l-awtorità superviżorja jkollha l-possibbiltà, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tressaq ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, li tibda jew li tiftaħ, b’xi mod ieħor, proċedura intiża sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ħames domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, b’tali mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni sabiex tibda jew tkompli proċedura ġudizzjarja kontra individwi, anki jekk l-istess dispożizzjoni ma tkunx ġiet speċifikament implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq is-sitt domanda

114

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sal-ħames domanda magħmula, jekk l-eżitu ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija minn awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li tirrigwarda pproċessar transkonfinali ta’ data personali jistax jipprekludi lill-awtorità superviżorja ewlenija milli tadotta deċiżjoni li fiha tasal għal konstatazzjoni fis-sens kuntrarju fil-każ li din tal-aħħar tinvestiga l-istess attivitajiet ta’ pproċessar transkonfinali jew attivitajiet simili, konformement mal-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 56 u 60 tar-Regolament 2016/679.

115

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32).

116

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif josserva l-Gvern Belġjan, is-sitt domanda magħmula hija bbażata fuq ċirkustanzi li l-preżenza tagħhom fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma ġiet stabbilita, jiġifieri li, fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali li huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, hemm awtorità superviżorja ewlenija li mhux biss qiegħda tinvestiga l-istess attivitajiet ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data personali bħal dawk li huma s-suġġett tal-proċedura ġudizzjarja mibdija mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat jew attivitajiet simili, iżda qiegħda tikkunsidra wkoll li tadotta deċiżjoni li tasal għal konstatazzjoni fis-sens oppost.

118

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li s-sitt domanda magħmula ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tikkonċerna kwistjoni ipotetika. Għaldaqstant, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

119

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 55(1) u l-Artikoli 56 sa 58 u 60 sa 66 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa li tressaq kull allegat ksur tal-imsemmi regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, tista’ teżerċita din is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-istess regolament, fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar ta’ data, sakemm dan isir f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom ir-Regolament 2016/679 jagħti lil din l-awtorità superviżorja kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-imsemmi pproċessar jikser ir-regoli li jinsabu fih kif ukoll b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti f’dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data personali li kontrihom jinbdew dawn il-proċeduri jkollhom stabbiliment ewlieni jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 

3)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, li tressaq kull allegat ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat u, jekk ikun il-każ, tibda proċeduri ġudizzjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi eżerċitata kemm fir-rigward tal-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur li jkun jinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità u kemm fir-rigward ta’ stabbiliment ieħor ta’ dan il-kontrollur, sakemm il-proċeduri ġudizzjarji jkunu jikkonċernaw ipproċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dan l-istabbiliment u sakemm l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex teżerċita din is-setgħa, konformement ma’ dak li huwa espost fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula.

 

4)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament, tkun bdiet, qabel il-25 ta’ Mejju 2018, proċeduri ġudizzjarji dwar ipproċessar transkonfinali ta’ data personali, jiġifieri qabel id-data li fiha l-imsemmi regolament sar applikabbli, dawn il-proċeduri jistgħu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jinżammu abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li tibqa’ applikabbli fir-rigward tal-ksur tar-regoli previsti fiha mwettaq sad-data li fiha tħassret din id-direttiva. Barra minn hekk, l-imsemmija proċeduri jistgħu jinbdew minn din l-awtorità fir-rigward ta’ ksur imwettaq wara din l-istess data, abbażi tal-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679, sakemm tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom, bħala eċċezzjoni, dan ir-regolament jagħti lil awtorità superviżorja ta’ Stat Membru li ma tkunx l-“awtorità superviżorja ewlenija” kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jikser ir-regoli li jinsabu fl-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u b’osservanza tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti fl-istess regolament, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

5)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, b’tali mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni sabiex tibda jew tkompli proċedura ġudizzjarja kontra individwi, anki jekk l-istess dispożizzjoni ma tkunx ġiet speċifikament implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top