EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0640

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Frar 2021.
Azienda Agricola Ambrosi Nicola Giuseppe et vs Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA) u Ministero delle Politiche Agricole e Forestali.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Kwoti tal-ħalib – Imposti fuq l-eċċessi – Ħalib użat għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi – Esklużjoni – Artikolu 32(a), Artikolu 39(1) u (2)(a), Artikolu 40(2) u Artikolu 41(b) TFUE – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Validità.
Kawża C-640/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:97

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Kwoti tal-ħalib – Imposti fuq l-eċċessi – Ħalib użat għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi – Esklużjoni – Artikolu 32(a), Artikolu 39(1) u (2)(a), Artikolu 40(2) u Artikolu 41(b) TFUE – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Validità”

Fil-Kawża C‑640/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Azienda Agricola Ambrosi Nicola Giuseppe,

Azienda Agricola Castagna Giovanni,

Azienda Agricola Castellani Enio Nereo e Giuliano Ss,

Azienda Agricola De Fanti Maria Teresa,

Azienda Agricola Giacomazzi Vilmare,

Azienda Agricola Iseo di Lunardi Giampaolo e Silvano Ss,

Azienda Agricola Mastrolat di Mastrotto Franco u Luca Ss,

Azienda Agricola Righetti Michele e Damiano,

Azienda Agricola Scandola Stefano e Gianni,

Azienda Agricola Tadiello Roberto,

Azienda Agricola Turazza Mario,

Azienda Agricola Zuin Tiziano,

2 B Società Agricola Srl,

Azienda Agricola Fracasso Claudio,

Azienda Agricola Pozzan Mirko

vs

Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA),

Ministero delle Politiche agricole e forestali,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Azienda Agricola Ambrosi Nicola Giuseppe, għall-Azienda Agricola Castagna Giovanni, għall-Azienda Agricola Castellani Enio Nereo e Giuliano Ss, għall-Azienda Agricola De Fanti Maria Teresa, għall-Azienda Agricola Giacomazzi Vilmare, għall-Azienda Agricola Iseo di Lunardi Giampaolo e Silvano Ss, għall-Azienda Agricola Mastrolat di Mastrotto Franco e Luca Ss, għall-Azienda Agricola Righetti Michele e Damiano, għall-Azienda Agricola Scandola Stefano e Gianni, għall-Azienda Agricola Tadiello Roberto, għall-Azienda Agricola Turazza Mario, għall-Azienda Agricola Zuin Tiziano, 2 B Società Agricola Srl, minn F. Manzo u P. Romano, avvocati,

għall-Azienda Agricola Pozzan Mirko, minn E. Ermondi u M. Aldegheri, avvocatesse,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 1 sa 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal‑31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU 1984, L 90, p. 10), tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat‑28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1), tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391, rettifika fil-ĠU 2008, L 110, p. 16), u tal-Artikoli 55, 64 u 65 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4), kif ukoll tal-annessi tagħhom.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Azienda Agricola Ambrosi Nicola Giuseppe u diversi produtturi Taljani oħra tal-ħalib (iktar ’il quddiem flimkien il-“produtturi kkonċernati”), minn naħa, u l-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA) (l-Aġenzija għall-Għoti ta’ Għajnuna fis-Settur Agrikolu, l-Italja) u l-Ministero delle Politiche agricole e forestali (il-Ministru għall-Politika Agrikola u Forestali, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), min-naħa l-oħra, dwar proċeduri ta’ kumpens u ta’ kalkolu tal-produzzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imposti addizzjonali għall-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib 2008/2009.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessi 1 u 4 tar-Regolament Nru 856/84 jirriżulta li, minħabba l-persistenza ta’ żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-settur tal-ħalib, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, permezz ta’ dan ir-regolament, sistema ta’ imposta addizzjonali f’dan is-settur, li permezz tagħha kienet dovuta imposta fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib u/jew ekwivalenti tal-ħalib li kienu jeċċedu kwantità ta’ referenza li għandha tiġi ddeterminata.

4

Fil‑31 ta’ Marzu 1984 ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1984, L 90, p. 13).

5

Is-sistema ta’ imposta addizzjonali ġiet estiża diversi drabi, b’mod partikolari permezz tar-Regolament Nru 3950/92, li kien is-suġġett ta’ diversi emendi.

6

Bil-għan, b’mod partikolari, ta’ simplifikazzjoni u ta’ kjarifika, dan l-aħħar regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1788/2003 li, min-naħa tiegħu, tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1234/2007, b’effett mill‑1 ta’ April 2008.

7

Ir-Regolament Nru 1234/2007, li wkoll kien emendat diversi drabi, tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifika fil-ĠU 2020, L 1, p. 5). Madankollu, skont l-Artikolu 230(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fir-rigward tas-sistema tal-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib, il-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II, kif ukoll l-Artikolu 55, l-Artikolu 85 u l-Annessi IX u X tar-Regolament Nru 1234/2007 ikomplu japplikaw sal‑31 ta’ Marzu 2015.

8

Peress li l-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni inkluża bejn l‑1 ta’ April 2008 u l‑31 ta’ Marzu 2009, hija rregolata, ratione temporis, mir-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 248/2008 tas‑17 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 76, p. 6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-OKS Unika”), li, sabiex jiffaċilita l-produzzjoni ta’ kwantitajiet ikbar ta’ ħalib fl-Unjoni Ewropea u jissodisfa r-rekwiziti tas-suq ta’ prodotti mill-ħalib, żied il-kwoti tal-Istati Membri kollha indikati fl-Anness IX tar-Regolament Nru 1234/2007 bi 2 % mill‑1 ta’ April 2008.

Ir-Regolament dwar l-OKS Unika

9

Il-premessi 36, 37, 51 u 105 tar-Regolament dwar l-OKS Unika kienu jipprovdu:

“(36)

L-iskop prinċipali tas-sistema tal-kwota tal-ħalib, jiġifieri li jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-forniment u d-domanda fis-suq rispettiv u l-eċċessi strutturali li jirriżultaw, sabiex b’hekk jinkiseb ekwilibriju aħjar tas-suq, għadu prevalenti. l-applikazzjoni ta’ dazju għal kwantitajiet ta’ ħalib m iġbur jew mibjugħ għal konsum dirett ’il fuq minn limitu ta’ garanzija ċert għandha, għalhekk, tinżamm. Skond l-iskop ta’ dan ir-Regolament, hemm, sa ċertu punt, ħtieġa partikolari għal armonizzazzjoni teknoloġika bejn l-iskemi tal-kwota taz-zokkor u tal-ħalib, filwaqt li jkun preservat bis-sħiħ l-istatus quo legali tagħhom […] It-termini ‘kwantità ta’ referenza nazzjonali’ u ‘kwantità ta’ referenza individwali’ fir-Regolament (KE) Nru 1788/2003 għandhom, għalhekk, jiġu sostitwiti bit-termini ‘kwota nazzjonali’ u ‘kwota individwali’ filwaqt li jinżamm il-kunċett legali li qed jiġi definit.

(37)

Sostanzjalment, l-iskema tal-kwota tal-ħalib f’dan ir-Regolament għandha tkun imfassla skond ir-Regolament (KE) Nru 1788/2003. […]

[…]

(51)

Ġew stabbiliti diversi strumenti ġuridiċi sabiex jiġu regolati l-kummerċjalizzazzjoni u d-denominazzjoni tal-ħalib, il-prodotti tal-ħalib u xaħmijiet. Dawn isegwu l-objettiv li jtejbu l-pożizzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fuq is-suq min-naħa l-waħda u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn xaħmijiet li jistgħu jiddelku tal-ħalib u dawk li ma joriġinawx mill-ħalib min-naħa l-oħra, it-tnejn li huma għall-benefiċċju tal-produtturi u l-konsumaturi. Ir-regoli li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 tat-2 ta’ Lulju 1987 dwar il-protezzjoni ta’ l-ismijiet użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [(ĠU 1987, L 182, p. 36)], huma mmirati lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti tal-ħalib u prodotti f’kompetizzjoni fil-qasam tad-denominazzjoni, tikkettar u reklamar ta’ prodotti sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni. […] F’konformità ma’ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, dawn ir-regoli għandhom jinżammu.

[…]

(105)

Dan ir-Regolament […] jinkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti li ġejjin:

– […]

– [Ir-Regolament Nru 1898/87]

– […]”

10

Skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Sistema ta’ kwoti għandha tapplika għall-prodotti li ġejjin:

a)

ħalib u prodotti oħra tal-ħalib kif definiti fil-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 65;

[…]

2.   Jekk produttur jeċċedi l-kwota relevanti […] għandha titħallas imposta għaż-żejjed fuq tali kwantitajiet suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet II u III.

[…]”

11

L-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament, li essenzjalment kien jirriproduċi d-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1788/2003, kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘ħalib’ għandha tfisser il-prodott mit-tħallib ta’ baqra waħda jew aktar;

b)

‘prodotti oħra tal-ħalib’ tfisser kwalunkwe prodott tal-ħalib minbarra ħalib, b’mod partikolari ħalib xkumat, krema, butir, jogurt u ġobon; fejn relevanti, dawn għandhom ikunu konvertiti f’ “ekwivalenti tal-ħalib” billi jiġu applikati koeffiċjenti li għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni;

ċ)

‘produttur’ tfisser bidwi b’ażjenda li tinsab fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru, li jipproduċi u jikkommerċjalizza ħalib jew li qed iħejji sabiex jagħmel hekk fil-futur qrib;

d)

‘ażjenda’ tfisser ażjenda kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1782/2003 [tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269];

e)

‘xerrej’ tfisser impriżi jew gruppi li jixtru l-ħalib mingħand il-produtturi:

sabiex jiġbruh, jippakkjawh, jaħżnuh, ikessħuh jew jipproċessawh, inkluż taħt kuntratt,

sabiex ibiegħuh lil impriża waħda jew aktar li tittratta jew jipproċessa l-ħalib jew prodotti oħra tal-ħalib.

[…]

f)

‘konsenja’ tfisser kwalunkwe konsenja ta’ ħalib, li ma tinkludix kwalunkwe prodott ieħor tal-ħalib, minn produttur għal xerrej, kemm jekk it-trasport isir mill-produttur, minn xerrej, minn impriża li tipproċessa jew tittratta tali prodotti jew parti terza;

g)

‘bejgħ dirett’ tfisser kwalunkwe bejgħ jew trasferiment ta’ ħalib minn produttur direttament lil konsumaturi, kif ukoll kwalunkwe bejgħ jew trasferiment ta’ prodotti oħra tal-ħalib minn produttur. […]

[…]”

12

L-Artikolu 66(1) sa (3) tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.   Il-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra tal-ħalib kummerċjalizzati matul seba’ perijodi konsekuttivi ta’ tnax-il xahar li jibdew fl-1 ta’ April 2008 (minn hawn ’il quddiem imsejjħa ‘perijodi ta’ tnax-il xahar’) huma stabbiliti fil-punt 1 ta’ l-Anness IX.

2.   Il-kwoti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu maqsuma bejn il-produtturi skond l-Artikolu 64, b’distinzjoni bejn konsenji u bejgħ dirett. Kwalunkwe parti maqbuża mill-kwoti nazzjonali għandha tkun determinata b’mod nazzjonali f’kull Stat Membru, skond din it-Taqsima u b’distinzjoni bejn konsenji u bejgħ dirett.

3.   Il-kwoti nazzjonali stabbiliti fil-punt 1 ta’ l-Anness IX għandhom ikunu stabbiliti mingħajr preġudizzju għal reviżjoni possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq u kondizzjonijiet partikolari eżistenti f’ċerti Stati Membri.”

13

L-Artikolu 67(1) tar-Regolament dwar l-OKS Unika kien jipprevedi:

“Il-kwota jew kwoti individwali tal-produtturi fl‑1 ta’ April 2008 għandhom ikunu daqs il-kwantità jew kwantitajiet ta’ referenza individwali tagħhom fil‑31 ta’ Marzu 2008 mingħajr preġudizzju għal trasferimenti, bejgħ jew konverżjonijiet ta’ kwota li jieħdu effett fl‑1 ta’ April 2008.”

14

Skont l-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw regoli li jippermettu l-allokazzjoni lill-produtturi tal-kwoti kollha jew parti minnhom mir-riżerva nazzjonali kif previst fl-Artikolu 71 abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni.”

15

L-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi riżerva nazzjonali bħala parti mill-kwoti nazzjonali stabbiliti fl-Anness VII, b’mod partikolari bil-ħsieb li jsiru l-allokazzjonijiet previsti fl-Artikolu 68. […]”

16

L-Artikolu 75 ta’ dan l-istess regolament, dwar il-miżuri speċifiċi ta’ trasferiment tal-kwoti, kien jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu setgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali, fil-livell territorjali xieraq jew fiż-żoni ta’ ġbir.

17

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament dwar l-OKS Unika kien jipprovdi:

“Għandha titħallas imposta għaż-żejjed fuq il-ħalib u prodotti oħra tal-ħalib ikkummerċjalizzati li jaqbżu l-kwota nazzjonali kif stabbilit skond is-Subtaqsima II.”

18

L-Artikolu 114(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“Oġġetti ta’ l-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem jistgħu jkunu kummerċjalizzati bħala ħalib u prodotti tal-ħalib biss jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XII.”

19

Skont l-Artikolu 201 tal-imsemmi regolament:

“1.   Suġġett għall-paragrafu 3, ir-Regolamenti li ġejjin huma mħassrin::

[…]

b)

Regolamenti […] Nru 788/2003 […], mill‑1 ta’ April 2008;

ċ)

Regolamenti […] Nru 1898/87 […], mill‑1 ta’ [Jannar] 2008;

[…]

3.   It-tħassir tar-Regolamenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal:

a)

iż-żamma fis-seħħ ta’ atti Komunitarji adottati abbażi ta’ dawn ir-Regolamenti; u

b)

il-validità kontinwa ta’ emendi li saru minn dawk ir-Regolamenti għal atti oħra tal-liġi Komunitarja li mhumiex imħassra b’dan ir-Regolament.”

20

Skont l-Artikolu 204(2)(g) ta’ dan l-istess regolament, dan kien japplika, f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib stabbilita fil-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II mill‑1 ta’ April 2008;

21

Il-punt 1 tal-Anness IX tar-Regolament dwar l-OKS Unika, li kien jindika l-kwoti tal-ħalib attribwiti lil kull Stat Membru, kien jalloka f’dan ir-rigward 10740661,200 tunnellata lir-Repubblika Taljana.

22

L-Anness XII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet u desinjazzjonijiet fir-rigward tal-ħalib u prodotti tal-ħalib imsemmijin fl-Artikolu 114(1)”, kien jipprovdi:

“[…]

II – Użu tat-terminu ‘ħalib’

1.

It-terminu ‘ħalib’ għandu jfisser esklussivament is-sekrezzjoni mammifera normali miksuba minn tħalliba waħda jew iktar mingħajr żiediet u lanqas tneħħijiet.

Madankollu, it-terminu ‘ħalib’ jista’ jintuża:

a)

għal ħalib ittrattat mingħajr ma jinbidel il-kompożizzjoni tiegħu jew għal ħalib li l-kontenut ta’ xaħam tiegħu huwa standardizzat skond l-Artikolu 114(2) flimkien ma’ l-Anness XII;

b)

flimkien ma’ kelma jew kliem għad-desinjazzjoni tat-tip, il-grad, l-oriġini u/jew l-użu maħsub ta’ tali ħalib jew għad-deskrizzjoni tat-trattament fiżiku jew tal-modifikazzjoni fil-kompożizzjoni għal liema ġie suġġett, dment li l-modifikazzjoni hija ristretta għal żieda u/jew tneħħija ta’ kostitwenti naturali tal-ħalib.

2.

Għall-finijiet ta’ dan l-anness, ‘prodotti tal-ħalib’ għandha tfisser prodotti miksuba esklussivament minn ħalib, jew il-fehim li sustanzi neċessarji għall-manifattura tagħhom jistgħu jiġu miżjuda dment li dawk is-sustanzi mhumiex użati sabiex jissostitwixxu, fis-sħiħ jew parzjalment, kwalunkwe kostitwent tal-ħalib.

Li ġej għandu jkun jgħodd esklussivament għall-prodotti tal-ħalib.

a)

id-desinjazzjonijiet li ġejjin:

[…]

viii)

ġobon,

[…]

b)

desinjazzjonijiet jew ismijiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (1), użati għal prodotti ta’ l-ikel. [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 89]

3.

It-terminu ‘ħalib’ u d-desinjazzjonijiet użati għal prodotti tal-ħalib jistgħu jintużaw ukoll flimkien ma’ kelma jew xi kliem għad-desinjazzjoni ta’ prodotti komposti li l-ebda parti minnhom ma tieħu jew hija intiża sabiex tieħu l-post ta’ kwalunkwe kostitwent tal-ħalib u li l-ħalib jew prodott tal-ħalib huwa parti essenzjali f’termini ta’ kwantità jew għall-karatterizzazzjoni tal-prodott.

4.

L-oriġini tal-ħalib u prodotti tal-ħalib li trid tkun definita mill-Kummissjoni għandha tkun dikjarata jekk mhix bovina.”

Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

23

Il-premessa 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38), tipprovdi:

“Għandha tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-forniment u d-domanda fuq is-swieq Il-promozzjoni ta’ prodotti b’ċerti karatteristiċi tista’ tkun ta’ benefiċċju konsiderevoli għall-ekonomija rurali, b’mod partikolari f’żoni żvantaġġati jew imbiegħda, kemm billi ttejjeb id-dħul tal-bdiewa kif ukoll għaliex iżżomm il-popolazzjoni rurali f’dawn iż-żoni.”

24

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, li l-kliem tiegħu kien identiku għal dak tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), kien jipprevedi l-protezzjoni ta’ “ismijiet reġistrati”.

25

Ir-Regolament Nru 510/2006, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu, daħal fis-seħħ fil‑31 ta’ Marzu 2006, ħassar ir-Regolament Nru 2081/92.

Ir-Regolament (KE) Nru 248/2008

26

Il-premessi 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 248/2008 kienu jipprovdu:

“(3)

Il-Kunsill talab li l-Kummissjoni twettaq rapport ta’ prospettiva dwar is-suq meta kienu ġew implimentati għal kollox ir-riformi ta’ l-2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib bil-ħsieb li jiġi evalwat jekk l-allokazzjoni ta’ kwoti addizzjonali kinitx xierqa.

(4)

Dan ir-rapport sar u kkonkluda li s-sitwazzjoni attwali tas-swieq tal-Komunità u tad-dinja u s-sitwazzjoni tagħhom prevista għall-perjodu sa’ l-2014, jiġġustifikaw żieda addizzjonali ta’ 2 % fil-kwota biex iktar ħalib ikun jista’ jkun prodott fil-Komunità biex jgħin biex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-suq emerġenti għal-prodotti tal-ħalib.

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li ssir żieda ta’ 2 % fil-kwoti ta’ l-Istati Membri kollha kif jidher fl-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta’ April 2008.”

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Liġi Nru 49/2003

27

Skont l-Artikolu 2(1) sa (2bis) tad-decreto-legge n. 49, recante riforma della normativa in tema di applikazione del prelievo supplementare nel settore del latte e dei proporti lattiero-caseari (id-Digriet Liġi Nru 49 li Jirriforma r-Regoli dwar l-Applikazzjoni tat-Taxxa Addizzjonali fis-Settur tal-Ħalib u tal-Prodotti tal-Ħalib), tat‑28 ta’ Marzu 2003, ikkonvertit, b’emendi, fil-Liġi Nru 119 tat-30 ta’ Mejju 2003 (GURI Nru 124, tat‑30 ta’ Mejju 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 49/2003”):

“1.   Mill-ewwel perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet, il-kwantitajiet individwali ta’ referenza, imqassma bejn kunsinni u bejgħ dirett, għandhom jiġu ddeterminati mis-somma tal-kwota A u tal-kwota B, previsti fl-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 468 tas‑26 ta’ Novembru 1992, u b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis imwettaq skont id-Digriet Liġi Nru 727 tat‑23 ta’ Diċembru 1994, […] u l-attribuzzjonijiet komplementari mwettqa skont l-Artikolu 1(21) tad-Digriet Liġi Nru 43 tal‑1 ta’ Marzu 1999 […]

2.   Għandu jiġi stabbilit fl-AGEA […] reġistru pubbliku tal-kwoti, li fih jiġu rreġistrati għal kull produttur il-kwantitajiet ta’ referenza individwali, imqassma bejn kunsinni u bejgħ dirett.

2 bis.   Qabel il-bidu ta’ kull perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi għandhom jaġġornaw u jiddeterminaw il-kwantità ta’ referenza individwali ta’ kull produttur […]”

Il-Liġi Nru 468/1992

28

L-Artikolu 2(2) u (3) tal-legge n. 468 – Misure urgenti nel settore lattiero-caseario (il-Liġi Nru 468 dwar Miżuri Urġenti fis-Settur tal-Ħalib u tal-Prodotti tal-Ħalib), tas‑26 ta’ Novembru 1992 (GURI Nru 286, tal‑4 ta’ Diċembru 1992) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 468/1992”), kien jipprovdi:

“2.   Fir-rigward tal-produtturi li huma membri ta’ assoċjazzjonijiet li jagħmlu parti mill-Unione nazionale fra le associazioni di produttori di latte bovino (Unalat) (l-Unjoni Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Produtturi ta’ Ħalib tal-Baqra), kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-Associazione produttori latte (Azoolat) (l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Ħalib), il-kwoti ta’ kunsinni u ta’ bejgħ dirett għandhom jinqasmu f’żewġ partijiet distinti:

a)

Kwota A, ekwivalenti għall-kapaċità ta’ produzzjoni allokata għall-perijodu 1991/1992, li tikkorrispondi għall-kwantità ta’ prodott ikkummerċjalizzat mill-produtturi matul il-perijodu 1988/1989. Għall-produtturi li l-produzzjoni tagħhom ġiet affettwata, matul il-perijodu 1988/1989, minn avvenimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 857/84, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ prodott ikkummerċjalizzat matul il-perijodu ta’ bejn 1985/1986 u 1987/1988.

b)

Kwota B, ekwivalenti għad-differenza pożittiva ta’ kwantità kkummerċjalizzata mill-produtturi indikati taħt a) matul il-perijodu 1991/1992 meta mqabbla mal-perijodu 1988/1989. Fir-rigward tal-produtturi li bagħtu d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-[Digriet tal-Ministru għall-Politika Agrikola u Forestali tat‑30 ta’ Settembru 1985], ippubblikat fil-GURI Nru 237 tat‑8 ta’ Ottubru 1985, li ma humiex ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet taħt l-ittra (a), għandha tiġi allokata lilhom Kwota B ekwivalenti għall-kwantità ta’ prodott ikkummerċjalizzat matul il-perijodu 1991/1992.

3.   Fir-rigward tal-produtturi li ma huma membri ta’ ebda assoċjazzjoni għandhom jiġu allokati lilhom il-kwoti indikati fl-annessi tad-Digriet tal-Ministru għall-Politika Agrikola u Forestali tas‑26 ta’ Mejju 1992, ippubblikat fis-suppliment ordinarju tal-GURI Nru 130, tal‑4 ta’ Ġunju 1992, kif ukoll fis-supplimenti ulterjuri tal-imsemmija annessi, abbażi tal-Kwota A. L-allokazzjoni ma tistax taqbeż il-kwantitajiet effettivament prodotti u kkummerċjalizzati matul il-perijodi 1990/1991 jew 1991/1992, minbarra fil-każ fejn il-produttur ikun waqqaf l-attività tiegħu qabel il-perijodu 1990/1991 mingħajr ma bbenefika minn ebda kumpens għall-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib jew għall-qatla. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29

Għall-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib 2008/2009, l-AGEA bagħtet lil kull wieħed mill-produtturi Taljani kkonċernati komunikazzjonijiet dwar proċeduri ta’ kumpens u ta’ kalkolu tal-produzzjoni nazzjonali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imposti addizzjonali li kellhom iħallsu.

30

Dawn il-produtturi ppreżentaw rikors għall-annullament tal-ordnijiet għal ħlas maħruġa kontrihom kif ukoll tal-ittri kollha tal-AGEA jew tal-Ministru li huma marbuta ma’ dawn l-ordnijiet.

31

Huma jikkonkludu li dawn l-atti huma illegali, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, huma jinvokaw b’mod partikolari n-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data li tippermetti li jiġi ddeterminat il-livell tal-produzzjoni nazzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib. Għalhekk huma jikkunsidraw li l-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kwantità globali ggarantita allokata lill-Istati Membri.

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-qasam tal-kwoti tal-ħalib, in-neċessità li jiġi protett il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-ħalib u għall-prodotti mill-ħalib tikkonċerna biss is-suq intern tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-ħalib intiż għall-produzzjoni ta’ prodotti mill-ħalib li jgawdu minn DOP li għandha tiġi esportata barra mill-Unjoni ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwoti tal-ħalib u tal-kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali, b’tali mod li l-imposta addizzjonali għandha tirrigwarda biss il-kwantitajiet ta’ ħalib tal-baqra jew ta’ prodotti oħra mill-ħalib ikkummerċjalizzati matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar fis-suq tal-Unjoni biss.

33

Tali interpretazzjoni tirriżulta mir-Regolament Nru 856/84, li r-regoli tiegħu ġew riprodotti mill-ġdid fir-regolamenti li ssostitwixxewh, li jsemmi biss is-“suq ta’ prodotti tal-ħalib fil-Komunità”, l-istess bħall-premessa 51 tar-Regolament dwar l-OKS Unika, li ma tirreferix espliċitament għall-manifattura u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, (C‑480/00, C‑482/00, C‑484/00, C‑489/00 sa C‑491/00 u C‑497/00 sa C‑499/00, EU:C:2004:179), ma tikkontestax tali interpretazzjoni tal-imsemmija regolamenti.

34

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirreleva n-natura unika tal-prodotti DOP. Il-ħalib użat għall-produzzjoni ta’ tali prodotti għandu karatteristiċi speċifiċi, peress li kemm il-produzzjoni tiegħu kif ukoll l-użu tiegħu għandhom jibqgħu limitati għat-territorju tad-DOP. Barra minn hekk, dan il-ħalib la għandu suq u lanqas utenti tagħhom stess minbarra l-istabbilimenti li jipproduċu dan il-prodott. Minbarra dan, meta l-prodott finali jkun intiż għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni, u sa fejn ikun effettivament esportat, dan ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq ir-relazzjoni bejn id-domanda u l-provvista ta’ prodotti mill-ħalib fis-swieq interni tal-Istati Membri.

35

Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ ħalib allokati lil kull Stat Membru, ta’ dawk li kienu neċessarji għall-produzzjoni ta’ prodotti mill-ħalib intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jkollu l-effett li jċaħħad mill-affidabbiltà l-allokazzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali u, għaldaqstant, tal-kwantitajiet ta’ referenza individwali. Barra minn hekk, il-fatt li l-kwantitajiet ta’ ħalib neċessarji għall-produzzjoni tal-ġobnijiet li jgawdu minn DOP, u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jiġu suġġetti għall-istess sistema ta’ kwoti tal-ħalib bħall-kwantitajiet ta’ ħalib intiżi li jinbiegħu ġewwa l-Unjoni jkollu l-konsegwenza li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod.

36

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tinkludi fil-kalkolu tal-kwoti nazzjonali l-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti li jistabbilixxu imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib.

37

Sussidjarjament, din il-qorti tistaqsi dwar il-validità ta’ tali sistema ta’ kwoti tal-ħalib fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni tad-DOP, tal-Artikolu 32(a), tal-Artikolu 39(1) u (2)(a), tal-Artikolu 40(2) u tal-Artikolu 41(b) TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ inizjattiva ekonomika libera.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 1, 2 u 3 tar-[Regolament Nru 856/84], l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tar-[Regolament Nru 3950/92], l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 1788/2003] u l-Artikoli 55, 64 u 65 tar-[Regolament dwar l-OKS Unika] kif ukoll l-annessi tagħhom, sa fejn huma intiżi li jiżguraw il-bilanċ bejn it-talba u l-offerta ta’ prodotti tal-ħalib fis-suq tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija eskluża mill-kalkolu tal-“kwoti tal-ħalib” il-produzzjoni intiża għall-esportazzjoni ta’ ġobnijiet DPO lejn pajjiżi terzi, bi qbil mal-għanijiet ta’ protezzjoni previsti għal dawn l-aħħar prodotti fl-Artikolu 13 tar-[Regolament Nru 2081/92], kif ikkonfermat fl-Artikoli 4 u 13 tar-[Regolament Nru 510/2006] u tar-[Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40)], b’applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 32, 39, 40 u 41 TFUE?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-iskema hekk interpretata tipprekludi li jiġu inklużi fil-kwantitajiet ta’ riferiment individwali, il-kwoti ta’ ħalib intiżi għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet DPO għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-[Digriet Liġi Nru 49/2003], u l-Artikolu 2 tal-[Liġi Nru 468/1992] sa fejn l-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 49/2003 jirreferi għalihom?

3)

Sussidjarjament, jekk din l-interpretazzjoni tiġi kkunsidrata żbaljata,[l]-Artikoli 1, 2 u 3 tar-[Regolament Nru 856/84], l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tar-[Regolament Nru 3950/92], l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 1788/2003] u l-Artikoli 55, 64 u 65 tar-[Regolament dwar l-OKS Unika] kif ukoll l-annessi tagħhom (moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet Taljani ta’ traspożizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-[Digriet Liġi Nru 49/2003], u fl-Artikolu 2 tal-[Liġi Nru 468/1992] sa fejn l-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 49/2003 jirreferi għalihom), li jinkludu u ma jeskludux mill-kalkolu tal-kwantità attribwita lill-Istati Membri l-ħalib użat għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet DPO li huma esportati jew li huma intiżi għas-suq ta’ pajjiżi terzi, fir-rigward ta’ din l-esportazzjoni, huma kuntrarji għall-għanijiet ta’ protezzjoni previsti fir-Regolament Nru 2081/92, li jipproteġi d-DPO, b’mod partikolari l-Artikolu 13, kif ikkonfermat permezz tar-Regolament Nru 510/2006 u bir-Regolament Nru 1151/2012, kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, u huma kuntrarji għall-Artikoli 32, 39, 40 u 41 TFUE kif ukoll għall-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ [protezzjoni tal-]aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ inizzjattiva ekonomika libera għall-finijiet tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeskludu mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib, kif ukoll mill-imposti fuq l-eċċess, il-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 65(a) u (b) ta’ dan ir-regolament ma jiddefinixxix il-“ħalib” u l-“prodotti oħra mill-ħalib” skont l-użu tagħhom għall-produzzjoni ta’ ċerti prodotti dderivati, bħall-ġobnijiet DOP.

41

Barra minn hekk, minn naħa, skont l-Artikolu 55(1)(a) tal-imsemmi regolament, sistema ta’ kwoti hija applikabbli għall-ħalib u għall-prodotti mill-ħalib, iddefiniti fl-Artikolu 65(a) u (b) ta’ dan l-istess regolament, fejn din is-sistema ta’ kwoti hija speċifikata fl-Artikoli 66 sa 78 tiegħu. Min-naħa l-oħra, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 55(2) tar-Regolament dwar l-OKS Unika, meta produttur jaqbeż il-kwota korrispondenti, għandha tinġabar imposta fuq l-eċċessi għall-kwantitajiet ikkonċernati, skont il-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsimiet II u III tiegħu.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati mhux biss abbażi tal-kliem tagħhom, iżda wkoll abbażi tal-kuntest tagħhom kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 26).

43

Issa, għandu jiġi kkonstatat li kemm id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema tal-kwoti tal-ħalib kif ukoll dawk dwar is-sistema ta’ imposti fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib u ta’ prodotti mill-ħalib ikkummerċjalizzati ’l fuq minn dawn il-kwoti ma għandhomx regoli speċifiċi fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra mill-ħalib li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux l-imsemmija sistemi skont id-denominazzjoni li tista’ tingħata lil dawn il-prodotti mill-ħalib u d-destinazzjoni finali tagħhom.

44

Tali konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament dwar l-OKS Unika, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 36 tiegħu, minn dak tas-sistema ta’ imposti applikabbli għall-kwantitajiet ta’ ħalib li jaqbżu kwantità ta’ referenza introdotta mir-Regolament Nru 856/84 u estiża diversi drabi. L-għan jikkonsisti fit-tnaqqis tal-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq ikkonċernat u l-eċċessi strutturali li jirriżultaw, b’tali mod li jintlaħaq bilanċ aħjar f’dan is-suq. Fil-fatt, fil-kuntest tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċess, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jaġixxi fuq il-limitazzjoni fiż-żieda tal-produzzjoni tal-ħalib ġewwa l-Unjoni kollha, u dan, indipendentement mill-ftuħ għal bejgħ ta’ dawn il-prodotti.

45

L-għan intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta espliċitament, kif enfasizzaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 856/84, li tipprovdi li l-kwantità globali ggarantita stabbilita għall-Komunità ġiet iffissita billi ttieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-livell tal-konsum intern kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni.

46

Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 248/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu, sabiex jiġġustifika ż-żieda addizzjonali ta’ 2 % tal-kwoti tal-ħalib allokati lil kull Stat Membru, intiża sabiex tiffaċilita l-produzzjoni ta’ kwantitajiet ikbar ta’ ħalib ġewwa l-Unjoni u sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-suq tal-prodotti mill-ħalib, fuq ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prospetti għas-suq, li kien jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni kif ukoll dawk tas-suq “dinji”.

47

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib, kif ukoll mill-imposti fuq l-eċċessi, tippreżupponi li l-ħalib ikkunsinnat mill-produtturi lill-proċessuri, intiż għall-manifattura tal-ġobnijiet DOP għall-finijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, huwa identifikabbli u traċċabbli b’mod preċiż fir-rigward ta’ kull produttur. Issa, kif sostnut mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċessi, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-produtturi tal-ħalib li jipprevedu tali traċċabbiltà, skont jekk il-ħalib huwiex intiż jew le għall-produzzjoni tal-ġobnijiet li jgawdu minn DOP li għandhom jiġu esportati lejn pajjiżi terzi.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeskludux mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib, kif ukoll mill-imposti fuq l-eċċessi, il-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

Fuq it-tieni domanda

49

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tal-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika, sa fejn dawn ma jeskludux mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib, kif ukoll mill-imposti fuq l-eċċessi, il-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, fid-dawl kemm tal-għanijiet ta’ protezzjoni tad-DOP, kif jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006, mill-Artikolu 32(a), mill-Artikolu 39(1) u mill-Artikolu 39(2)(a), mill-Artikolu 40(2) u mill-Artikolu 41(b) TFUE, kif ukoll mill-prinċipji ta’ ċertezza legali, protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, proporzjonalità, nondiskriminazzjoni u ta’ inizjattiva ekonomika libera.

51

Fir-rigward, qabelxejn, tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-konformità tal-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-prodotti DOP, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, is-sistema tal-kwoti tal-ħalib u l-leġiżlazzjoni dwar id-DOP għandhom għanijiet komuni, bħal b’mod partikolari l-kisba fis-suq ta’ bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda. Issa, għalkemm il-mezzi użati għal dan il-għan ma humiex identiċi, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 36 tar-Regolament dwar l-OKS Unika u mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 510/2006 li dawn lanqas ma huma opposti għal xulxin.

52

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 36 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Caseificio Cirigliana et (C‑569/18, EU:C:2019:873), il-leġiżlazzjoni applikabbli għad-DOP tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv tal-imsemmija denominazzjonijiet minn terzi li jkunu jixtiequ japprofittaw ruħhom mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu.

53

Din il-leġiżlazzjoni hija għalhekk mezz ta’ valorizzazzjoni tal-kwalità ta’ prodott skont kriterji ddefiniti minn qabel. Is-sistema tal-kwoti tal-ħalib tinkludi, min-naħa tagħha, dispożizzjonijiet li japplikaw għall-kwantità tal-produzzjoni.

54

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tinvoka, insostenn tal-motivi intiżi sabiex tiġi eskluża mill-kalkolu tal-kwoti msemmija l-produzzjoni tal-ħalib li jservi għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet DOP intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1898/87, li d-dispożizzjonijiet tiegħu tħassru mir-Regolament dwar l-OKS Unika mill‑1 ta’ Lulju 2008, skont l-Artikolu 201(1)(ċ) tiegħu, u ġew inkluż f’dan l-aħħar regolament, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 105 tiegħu.

55

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regolament dwar l-OKS Unika, il-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem jistgħu jiġu kkummerċjalizzati taħt it-tikketta “ħalib” jew “prodotti tal-ħalib” biss jekk ikunu konformi mad-definizzjonijiet u mad-denominazzjonijiet stabbiliti fl-Anness XII ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda d-definizzjonijiet u d-denominazzjonijiet relatati mal-ħalib u mal-prodotti mill-ħalib imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

56

Issa, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprevedi l-esklużjoni tal-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ prodotti li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Fil-fatt, dawn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib huma għalhekk intiżi sabiex jipproteġu din id-denominazzjoni fir-rigward tal-kompożizzjoni naturali tagħhom, fl-interess tal-produtturi u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punti 15 u 32), u ma għandhom l-ebda rilevanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, peress li dawn kienu jaqgħu, kif jirriżulta mill-premessa 51 tal-imsemmi regolament, fil-miżuri relatati mar-regolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u tad-denominazzjoni tal-ħalib, tal-prodotti mill-ħalib u tax-xaħmijiet.

57

Minn dan isegwi li l-għanijiet marbuta mal-protezzjoni tad-DOP, kif jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006, ma jimponux li l-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DPO u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib previsti mir-Regolament dwar l-OKS.

58

Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-konformità tas-sistema tal-kwoti u ta’ dik ta’ imposti fuq l-eċċessi kif jirriżultaw mill-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika mal-Artikoli tat-Trattat FUE invokati mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jattribwixxulu l-Artikoli 40 sa 43 TFUE (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 44).

59

F’dan il-kuntest, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ksur eventwali tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(a) TFUE, tas-sistema ta’ kwoti u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċessi, kif interpretati fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sistemi mal-għan ta’ promozzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, skont l-Artikolu 32(a) TFUE, fl-eżerċizzju tal-kompiti kkonferiti lilha taħt il-Kapitolu 1 li jinsab fit-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat FEU, intitolat “Unjoni Doganali”, il-Kummissjoni tispira ruħha min-neċessità li tippromwovi l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, waqt l-adozzjoni tas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib, raġunijiet marbuta man-neċessità li jiġi promoss il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ma ġewx ikkunsidrati.

61

Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-Artikolu 32(a) TFUE jimponi fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi l-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ prodotti mill-ħalib li jgawdu minn DOP u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, li, billi ma eskludiex dan il-ħalib mill-kalkolu tal-kwoti u tal-imposti fuq l-eċċessi, huwa qabeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa attribwit lilu fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika.

62

Fir-rigward tal-eventwali ksur tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw il-konċiljazzjoni permanenti li jistgħu jeżiġu kontradizzjonijiet bejn dawn l-għanijiet ikkunsidrati separatament u, jekk ikun il-każ, jagħtu lil wieħed jew ieħor minnhom il-prijorità temporanja meta dan ikun meħtieġ mill-fatti jew ċirkustanzi ekonomiċi li fid-dawl tagħhom huma jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 45, kif ukoll id-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Fruits de Ponent vs Il-Kummissjoni, C‑183/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1039, punt 25).

63

Issa, minn naħa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 1788/2003, il-Kunsill, billi ta l-prijorità temporanja lill-għan ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq, ma eċċediex is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 51).

64

Barra minn hekk, is-sistema ta’ imposta hija intiża sabiex terġa’ tistabbilixxi l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib, suq ikkaratterizzat minn eċċessi strutturali, permezz ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib u għalhekk taqa’ fil‑kuntest tal-għan ta’ żvilupp razzjonali tal-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll, peress li tikkontribwixxi għal stabbilizzazzjoni tad-dħul tal-popolazzjoni agrikola kkonċernata, fil-kuntest tal-għan li jinżamm livell ġust ta’ għajxien għal din il-popolazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 53).

65

L-istess japplika fir-rigward tar-Regolament dwar l-OKS Unika. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 36 u 37 ta’ dan ir-regolament li dan jaqa’ taħt il-kontinwità tal-għanijiet segwiti u tal-mezzi implimentati sabiex dawn jintlaħqu mir-Regolament Nru 1788/2003.

66

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill, bi ksur tal-Artikolu 39(2)(a) TFUE, tal-karatteristiċi partikolari tal-produzzjoni tal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobnijiet DOP waqt l-istabbiliment tas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċessi, filwaqt li d-DOP huma marbuta mill-qrib ma’ żona ġeografika partikolari, hemm lok li jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-iżvilupp tal-politika agrikola komuni u tal-metodi speċjali li hija tista’ tinvolvi, b’mod partikolari “il-karattru partikolari ta’ l-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta’ bejn id-diversi reġjuni agrikoli”. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-karatteristiċi speċifiċi tad-DOP huma fost l-imsemmija differenzi strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, peress li dawn il-karatteristiċi speċifiċi jirrigwardaw b’mod partikolari l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffavorixxi d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola billi jivvalorizza l-oriġini tal-prodotti.

67

Għall-kuntrarju, ir-Regolament dwar l-OKS Unika jinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu ċerta flessibbiltà, li jippermettu, b’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ differenzi strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli, bħar-reviżjoni tal-kwoti nazzjonali skont is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq u l-kundizzjonijiet partikolari eżistenti f’ċerti Stati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 66(3) ta’ dan ir-regolament, jew il-possibbiltà li jiġu allokati lill-produtturi l-kwoti kollha jew parti minnhom mir-riżerva nazzjonali, kif jirriżulta mill-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament, jew ukoll dik, għall-Istati Membri, li jipprevedu miżuri speċifiċi ta’ trasferiment ta’ kwoti fil-livell nazzjonali, fil-livell territorjali xieraq jew fiż-żoni ta’ ġbir, kif previst mill-Artikolu 75 ta’ dan l-istess regolament.

68

Lanqas ma jista’ jitqies, minħabba li l-produtturi tal-ġobnijiet DOP ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi l-oħra tal-ġobon, li l-inklużjoni, fil-kalkolu tal-kwoti nazzjonali u f’dak tal-imposti fuq il-kwantitajiet ikkummerċjalizzati ’l fuq minn dawn il-kwoti, tal-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni tal-ġobnijiet DOP intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tikser il-limiti imposti fl-Artikolu 40(2) TFUE.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli tista’ tinkludi l-miżuri kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE u għandha teskludi kull diskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi tal-Unjoni.

70

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 67).

71

Issa, kif espona l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li l-ġobon DOP jista’ jinbiegħ f’suq tal-prodotti mill-ħalib barra mill-Unjoni ma jippermettix li dan jiġi ddifferenzjat, għal din ir-raġuni biss, mill-prodotti l-oħra mill-ħalib.

72

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki jekk jiġi preżunt li r-Regolament Nru 1788/2003, li japplika mingħajr distinzjoni għall-proprjetarji kollha ta’ kwantitajiet ta’ referenza, jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-produzzjonijiet tal-ħalib intiżi għall-manifattura tal-prodotti DOP u dawk intiżi għall-manifattura ta’ prodotti oħra mill-ħalib u għalhekk jolqot ukoll lil ċerti produtturi, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, peress li l-miżura li tistabbilixxi dan, meħuda fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq li għandha riperkussjonijiet differenti għall-produtturi, skont in-natura partikolari tal-produzzjoni tagħhom, hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, adattati għall-bżonnijiet tal-funzjonament globali tal-organizzazzjoni komuni tas-suq. Dan huwa l-każ tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċessi, li huma amministrati b’tali mod li l-kwantitjiet ta’ referenza individwali huma stabbiliti b’mod li l-livell totali tagħhom ma jaqbiżx il-kwantità globali ggarantita ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et, C‑34/08, EU:C:2009:304, punt 69).

73

Minn dan isegwi li l-inklużjoni, fil-produzzjonijiet suġġetti għal dawn is-sistemi, tal-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn DPO u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

74

Fir-rigward ta’ eventwali ksur tal-Artikolu 41(b) TFUE, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE, jistgħu jiġu previsti b’mod partikolari, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, azzjonijiet komuni għall-iżvilupp tal-konsum ta’ ċerti prodotti. Issa, din id-dispożizzjoni ma tinkludix obbligi li huma imposti bħala tali fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

75

Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li din is-sistema ta’ kwoti tal-ħalib u dik tal-imposti fuq l-eċċessi jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 83 tas-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et (C‑34/08, EU:C:2009:304), li l-eżami tar-Regolament Nru 1788/2003 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma kien irriżulta fl-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament.

76

L-istess għandu japplika fir-rigward tar-Regolament dwar l-OKS Unika. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-produzzjoni globali tal-ħalib fi ħdan l-Unjoni li dan ir-regolament jipprevedi tippermetti li tiġi ffaċilitata t-tneħħija tal-eċċessi ta’ produzzjoni tal-ħalib eżistenti fl-Unjoni u b’tali mod li jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib kif ukoll l-eċċessi strutturali li jirriżultaw minnu. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li din il-miżura hija manifestament inadegwata sabiex tissodisfa l-għan ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ bilanċ aħjar tas-swieq, imfakkar fil-premessa 36 tal-imsemmi regolament.

77

Ċertament, is-sistema tal-kwoti tal-ħalib u dik tal-imposti fuq l-eċċessi jistgħu jaffettwaw iktar lill-produtturi tal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobnijiet DOP, li huma obbligati li jakkwistaw biss il-ħalib provenjenti minn żona ġeografika partikolari, filwaqt li l-mekkaniżmu tas-suq agrikolu jippreżupponi li, meta d-domanda għal ħalib fi Stat Membru teċċedi l-provvista tal-ħalib, dan l-Istat jista’ jimporta minn Stati Membri oħra l-kwantità ta’ ħalib neċessarja. Madankollu, din il-konsegwenza ma tippermettix li jiġi konkluż li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, is-sistema tal-kwoti tal-ħalib hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali li hija tfittex.

78

Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ konformità tal-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ inizjattiva ekonomika libera, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra eżami tal-konformità tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib u ta’ dik tal-imposti fuq l-eċċessi, kif previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, mal-imsemmija prinċipji. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li wassluha sabiex tiddubita dwar il-validità ta’ dawn is-sistemi fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament dwar l-OKS Unika.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 248/2008 tas‑17 ta’ Marzu 2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeskludux mill-kalkolu tal-kwoti nazzjonali għall-produzzjoni tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib, kif ukoll mill-imposti fuq l-eċċessi, il-kwantitajiet ta’ ħalib użati għall-produzzjoni ta’ ġobnijiet li jgawdu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

 

2)

L-eżami tat-tielet domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 55, 65 u 78 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 248/2008.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top