EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0620

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2020.
Land Nordrhein-Westfalen vs D.-H. T.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 23 – Limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data – Interess finanzjarju importanti – Infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Data fiskali li tikkonċerna persuna ġuridika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-620/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1011

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 23 – Limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data – Interess finanzjarju importanti – Infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Data fiskali li tikkonċerna persuna ġuridika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑620/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Land Nordrhein-Westfalen,

vs

D.-H. T., li qiegħed jaġixxi bħala l-likwidatur tal-assi ta’ J & S Service UG,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn M. Kottmann u C. Mensching, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Kranenborg, D. Nardi u K. Kaiser, sussegwentement minn H. Kranenborg, D. Nardi u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) u (j) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Nordrhein-Westfalen u D.‑H. T., li qiegħed jaġixxi bħala l-likwidatur tal-assi ta’ J & S Service UG, dwar talba għall-kisba ta’ data fiskali li tikkonċerna lil din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4, 14 u 73 tar-RĠPD jistipulaw:

“(2)

Il-prinċipji ta’, u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. […]

[…]

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(14)

[…] Dan ir-Regolament ma jkoprix l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna l-persuni ġuridiċi u b’mod partikolari l-impriżi stabbiliti bħala persuni ġuridiċi, inklużi l-isem u l-forma tal-persuna ġuridika u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ġuridika.

[…]

(73)

Ir-restrizzjonijiet dwar prinċipji speċifiċi u d-drittijiet ta’ informazzjoni, aċċess għal u rettifika jew tħassir ta’ data personali, id-dritt għall-portabbiltà tad-data, id-dritt għall-oġġezzjoni, id-deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta’ profili, kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lil suġġett tad-data u ċerti obbligi relatati tal-kontrolluri jistgħu jiġu imposti mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, sa fejn ikun meħtieġ u proporzjonat f’soċjetà demokratika biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem speċjalment b’reazzjoni għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni tat-theddidiet għas-sigurtà pubblika, jew ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati, objettivi importanti oħrajn ta’ interessi pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, iż-żamma ta’ reġistri pubbliċi miżmuma għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ġenerali, ipproċessar ulterjuri tad-data personali arkivjata sabiex jipprovdi informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi preċedenti fi stati totalitarji jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi l-protezzjoni soċjali, is-saħħa pubblika u finijiet umanitarji. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali] u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.   Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3.   Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.”

5

Fil-punt 1 tiegħu, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li l-kunċett ta’ “data personali” għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

6

Skont l-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, dan għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għall-imsemmija data personali u l-informazzjoni elenkati f’dan l-artikolu.

7

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 23 tar-RĠPD, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(e)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

[…]

(j)

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

Id-dritt Ġermaniż

Il-Kodiċi tat-Taxxi

8

L-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi, BGB1. I 2002, p. 3866), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi”), fl-Artikolu 2a tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali” jipprovdi:

“[…]

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi u tal-liġijiet fiskali li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar tad-data personali ma humiex applikabbli meta d-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-[RĠPD] japplika direttament jew mutatis mutandis skont il-paragrafu (5) [ta’ dan l-artikolu].

[…]

5.   Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-[RĠPD], ta’ dan il-kodiċi u tal-liġijiet fiskali dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-persuni fiżiċi japplikaw mutatis mutandis għall-informazzjoni relatata ma’

1)

persuni fiżiċi mejta jew

2)

persuni ġuridiċi, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u fondi tal-korporazzjonijiet b’personalità ġuridika jew mingħajrha,

identifikati jew identifikabbli.”

9

L-Artikolu 32b tal-Kodiċi tat-Taxxi, intitolat “Obbligu tal-awtorità finanzjarja sabiex tipprovdi informazzjoni meta d-data personali ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-data”, jipprovdi:

“1.   L-obbligu min-naħa tal-awtorità finanzjarja li tinforma lis-suġġett tad-data konformement mal-Artikolu 14(1), (2) u (4) tar-[RĠPD], minbarra l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(5) [tar-RĠPD] u l-Artikolu 31c(2) [ta’ dan il-kodiċi], ma jeżistix

1)

meta l-għoti tal-informazzjoni

a)

ikun ta’ ħsara għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet finanzjarji jew ta’ korpi pubbliċi oħra fis-sens tal-Artikolu 23(1)(d) sa (h) tar-[RĠPD], jew

[…]

u għalhekk l-interess tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kisba tal-informazzjoni għandu jkun ta’ importanza sekondarja. L-Artikolu 32a(2) [ta’ dan il-kodiċi] għandu japplika mutatis mutandis.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 32c tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”:

“1.   Id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data fir-rigward ta’ awtorità finanzjarja skont l-Artikolu 15 tar-[RĠPD] ma jeżistix meta,

1)

is-suġġett tad-data ma għandux jiġi informat skont l-Artikolu 32b(1) jew (2) [ta’ dan il-kodiċi],

2)

l-għoti ta’ informazzjoni jkollu effett negattiv fuq l-awtorità finanzjarja fl-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili jew fid-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili stabbiliti kontriha fis-sens tal-Artikolu 23(1)(j) tar-[RĠPD]; l-obbligi tal-għoti ta’ informazzjoni min-naħa tal-awtorità finanzjarja taħt id-dritt ċivili jibqgħu l-istess,

[…]”

11

L-Artikolu 32e tal-istess kodiċi, intitolat “Relazzjoni ma’ drittijiet oħra għall-aċċess u l-għoti ta’ informazzjoni”, jistabbilixxi:

“Jekk is-suġġett tad-data jew terz għandu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tal-awtorità finanzjarja skont il-[Gesetz zur Regelung des Zugangs zu Informationen des Bundes (il-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzoni tal-Istat Federali)] tal-5 ta’ Settembru 2005 (BGB1. 2005 I, p. 2722), fil-verżjoni tagħha applikabbli, jew skont il-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-Länder, l-Artikoli 12 sa 15 tar-[RĠPD] għandhom japplikaw mutatis mutandis flimkien mal-Artikoli 32a sa 32d [ta’ dan il-kodiċi]. F’dan ir-rigward huma esklużi drittijiet iktar estensivi għal informazzjoni relatata mad-data fiskali. Il-punt 2 tal-Artikolu 30(4) [ta’ dan il-kodiċi] ma huwiex applikabbli f’dan ir-rigward.”

Il-Liġi dwar l-Insolvenza

12

Skont l-Artikolu 129(1) tal-Insolvenzordnung (il-Liġi dwar l-Insolvenza), tal-5 ta’ Ottubru 1994 (BGB1. 1994 I, p. 2866), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali:

“L-‘Insolvenzverwalter’ [il-likwidatur tal-assi] jista’ jikkontesta, taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 130 sa 146, l-atti legali li twettqu qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u li huma ta’ detriment għall-kredituri.”

Il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

13

Il-Gesetz über die Freiheit des Zugangs zu Informationen für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Liġi dwar l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) tas-27 ta’ Novembru 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni”), jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1)   Din il-liġi għandha tapplika għall-attività amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi […]. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, awtorità pubblika hija kwalunkwe korp li jwettaq kompiti ta’ amministrazzjoni pubblika.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, intitolat “Dritt għall-informazzjoni”:

“(1)   Kull persuna fiżika tista’ tinvoka, kontra l-korpi msemmija fl-Artikolu 2, skont din il-liġi, dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni uffiċjali miżmuma mill-korp.

2)   Kwalunkwe dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar l-aċċess għall-informazzjoni amministrattiva, l-għoti ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ aċċess għall-fajl għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. L-obbligu ta’ kunfidenzjalità ma japplikax fil-kuntest ta’ din il-liġi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

D.-H. T., bħala l-likwidatur tal-assi ta’ J & S Service, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, talab lill-amministrazzjoni fiskali, abbażi tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, data fiskali dwar din il-kumpannija sabiex ikun jista’ jeżamina l-possibbiltà li jressaq azzjonijiet revokatorji fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza.

16

Din id-data kienet tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata li għalihom setgħet tkun suġġetta J & S Service, dawk li kienu diġà ġew implimentati u l-pagamenti rċevuti kif ukoll id-data li fiha l-amministrazzjoni fiskali saret taf bl-insolvenza ta’ din il-kumpannija. D.-H. T. talab ukoll għall-estratti tal-kontijiet fir-rigward tat-tipi kollha ta’ taxxi ġestiti mill-amministrazzjoni fiskali għall-perijodi taxxabbli bejn Marzu 2014 u Ġunju 2015.

17

Peress li l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba, D.-H. T. adixxa lill-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) kompetenti, li essenzjalment laqgħet ir-rikors tiegħu.

18

L-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja) kompetenti ċaħdet l-appell ippreżentat mil-Land Nordrhein-Westfalen kontra d-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Din il-qorti kkunsidrat b’mod partikolari li d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, eżerċitat fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, ma kienx eskluż minn regoli speċifiċi eżistenti fil-qasam fiskali u li fir-rigward tiegħu ma kien hemm ebda raġuni għal esklużjoni.

19

Skont l-imsemmija qorti, peress li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza, is-setgħa li wieħed jiddisponi mill-informazzjoni fiskali kienet ġiet ittrasferita lil-likwidatur tal-assi, dan it-trasferiment kien jinkludi wkoll is-sigrieti tan-negozju u l-informazzjoni fiskali sa fejn huwa neċessarju għall-ġestjoni tajba tal-patrimonju tad-debitur insolventi. Għaldaqstant, minkejja li l-informazzjoni mitluba kienet koperta mis-sigriet fiskali, D.-H. T. kellu d-dritt, fil-kwalità tiegħu ta’ likwidatur tal-assi, li jitlob lil J & S Service l-informazzjoni kollha li għandha rabta mal-proċedura ta’ insolvenza. L-obbligu ta’ parteċipazzjoni tad-debitur insolventi kien jinkludi wkoll l-obbligu li l-amministrazzjoni fiskali tiġi meħlusa mis-sigriet fiskali.

20

Il-Land Nordrhein-Westfalen ippreżenta appell għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Oberverwaltungsgerichti (il-Qorti Amministrattiva Superjuri) kompetenti quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

21

Preliminarjament, din il-qorti tosserva li r-RĠPD ma huwiex direttament applikabbli f’dan il-każ għaliex il-kawża prinċipali ma tirrigwardax data personali relatata ma’ persuna fiżika, fis-sens tal-Artikolu 1(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u lanqas ma tirrigwarda d-dritt ta’ aċċess mogħti lis-suġġett tad-data, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament. Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt ta’ aċċess previst f’dan l-aħħar artikolu huwa dritt marbut mas-suġġett tad-data kkonċernat mill-ipproċessar tad-data personali li ma jidħolx fil-massa fallimentari u għalhekk ma jaqax taħt it-trasferiment tas-setgħat ta’ ġestjoni u ta’ dispożizzjoni lejn il-likwidatur tal-assi.

22

Madankollu, l-imsemmija qorti tfakkar li, sabiex tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt f’sitwazzjonijiet purament interni, li fihom dawn id-dispożizzjonijiet kienu saru direttament u inkundizzjonalment applikabbli mid-dritt nazzjonali.

23

Issa, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 2a(5) tal-Kodiċi tat-Taxxi jirreferi, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-persuni ġuridiċi, għad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

24

F’dan il-kuntest, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-possibbiltà għall-amministrazzjoni fiskali li tillimita l-aċċess għad-data fiskali ta’ debitur tat-taxxa abbażi tal-Artikolu 23(1)(j) tar-RĠPD, li għalih jirreferi espressament il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi.

25

Fil-każ li jitqies li l-amministrazzjoni fiskali tista’ tinvoka l-Artikolu 23(1)(j) tar-RĠPD, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jinkludix ukoll id-difiża kontra pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li, fid-dritt nazzjonali, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi jinkludi espressament id-difiża kontra pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili sabiex jiġi limitat id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-amministrazzjoni fiskali ma tiġix ittrattata b’mod differenti meta mqabbla mal-kredituri jew mad-debituri l-oħra. L-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqha għandhom għalhekk jiġu rregolati biss mid-dritt ċivili u suġġetti għall-kundizzjoni li d-dritt li tittieħed azzjoni għal revoka jkun essenzjalment stabbilit u li jkun jibqa’ biss li jiġu ddeterminati n-natura u l-portata ta’ dan id-dritt.

27

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt ta’ aċċess mogħti mill-Artikolu 15 tar-RĠPD sabiex topponi azzjonijiet revokatorji li jistgħu jitressqu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra l-amministrazzjoni fiskali hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 23(1)(e) ta’ dan ir-regolament.

28

F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li l-għan tal-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi huwa li l-amministrazzjoni fiskali tiġi ttrattata bl-istess mod bħal kredituri u debituri oħra fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili kif ukoll li jiġi promoss intaxxar regolari u konformi mal-liġi u konsegwentement is-salvagwardja tad-dħul fiskali. Dawn l-għanijiet jistgħu jikkostitwixxu għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali fil-qasam baġitarju u fiskali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(e) tar-RĠPD.

29

Madankollu, skont l-imsemmija qorti, permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi, il-leġiżlatur nazzjonali pjuttost għamel użu mil-limitazzjoni li tinsab fl-Artikolu 23(1)(j) tar-RĠPD. Fil-fatt, id-data fiskali mitluba ma għandhiex interess għall-pretensjonijiet fiskali nfushom, iżda għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas li jinteressaw id-dritt tal-insolvenza, bħala atti li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu rrevokati skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, tal-5 ta’ Ottubru 1994, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)

L-Artikolu 23(1)(j) tar-[RĠPD] huwa intiż sabiex jipproteġi wkoll l-interessi tal-amministrazzjoni fiskali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-espressjoni ‘l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili’ tkopri wkoll id-difiża tal-amministrazzjoni fiskali mill-pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili u dawn il-pretensjonijiet għandhom ikunu diġà ġew invokati?

3)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-[RĠPD] dwar il-protezzjoni ta’ interess finanzjarju importanti ta’ Stat Membru fil-qasam fiskali tippermetti li d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jiġi limitat fil-kuntest tad-difiża ta’ pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza taħt id-dritt ċivili kontra l-amministrazzjoni fiskali?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 3435, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez, C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikjarat lilha nnifisha li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Tali ġurisdizzjoni hija ġġustifikata mill-interess manifest, għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sabiex, bil-għan li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Madankollu, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss. Fir-risposta tagħha lill-qorti nazzjonali hija ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, filwaqt li jirreferu għad-dritt tal-Unjoni, jiddeterminaw il-portata ta’ dan ir-riferiment. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ jimponi fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet purament interni, li għalihom japplika biss permezz tal-liġi nazzjonali, jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali u, konsegwentement, taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 42).

36

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-riferiment magħmul mill-punt 2 tal-Artikolu 2a(5) tal-Kodiċi tat-Taxxi, id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-persuni fiżiċi japplikaw mutatis mutandis għall-persuni ġuridiċi.

37

B’mod partikolari, l-Artikolu 32b ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li l-amministrazzjoni fiskali ma hijiex obbligata tipprovdi informazzjoni meta d-data personali ma tkunx inġabret mingħand is-suġġett tad-data, jekk din l-informazzjoni tkun tista’ tikkomprometti l-eżekuzzjoni tajba tal-kompiti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha jew taħt il-kompetenza ta’ korpi pubbliċi oħra, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(d) sa (h) tar-RĠPD.

38

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-imsemmi kodiċi, is-suġġett tad-data ma jistax jinvoka d-dritt ta’ aċċess li huwa għandu fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD jekk l-għoti tal-informazzjoni mitluba tista’ taffettwa l-invokazzjoni, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ drittijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili minn din l-amministrazzjoni jew id-difiża tal-imsemmija amministrazzjoni kontra pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(j) ta’ dan ir-regolament, invokati kontriha.

39

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlu riferiment għall-Artikolu 23 tar-RĠPD sabiex jiġu rregolati l-obbligu ta’ informazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali kif ukoll id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data fil-konfront ta’ din l-amministrazzjoni, bil-għan li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni sfavorevoli li fiha tkun tinsab din l-amministrazzjoni meta mqabbla mal-kredituri rregolati mid-dritt privat fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza u b’hekk isir kontribut għas-salvagwardja tad-dħul fiskali.

40

Fil-kawża prinċipali, is-suġġett tad-data kkonċernat mill-informazzjoni mitluba huwa persuna ġuridika, jiġifieri kumpannija falluta.

41

Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-RĠPD, dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi u ma jkoprix id-data li tikkonċerna lill-persuni ġuridiċi.

42

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tiegħu, jirregola s-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur jew il-proċessur jistgħu jillimitaw il-portata tad-drittijiet mogħtija lis-suġġetti tad-data, iddefiniti bħala persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, u l-obbligi korrispondenti imposti fuq il-kontrolluri.

43

F’dan il-każ, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-RĠPD f’sitwazzjoni fejn dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli għall-persuni ġuridiċi sabiex jiġu limitati l-obbligi ta’ informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi skont il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

44

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex limitati sabiex jagħmlu lid-dispożizzjonijiet tar-RĠPD applikabbli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda jemendaw l-għan u l-portata tagħhom.

45

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultaw minn riproduzzjoni kważi litterali ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-RĠPD, l-għan u l-kuntest li fih dan tal-aħħar ġie adottat huma sostanzjalment differenti mill-għan u mill-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex dan ir-regolament ifittex b’mod partikolari li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti lill-persuni fiżiċi u, fl-istess ħin, ifittex li jibbilanċja dawn id-drittijiet man-neċessità li jiġu protetti interessi leġittimi oħra f’soċjetà demokratika.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ informazzjoni relatata mal-persuni ġuridiċi huwa strettament distint mill-kunċett ta’ data personali tal-persuni fiżiċi kif jiddefinixxih id-dritt tal-Unjoni. Id-dritt ta’ kull persuna fiżika għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Konsegwentement, il-limitazzjonijiet imposti fuq tali dritt għandhom ikunu previsti mil-liġi, għandhom jirrispettaw l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u għandhom jikkostitwixxu miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ggarantiti ċerti interessi pubbliċi u privati, kif ifakkar l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni relatata mal-persuni ġuridiċi ma tibbenefikax minn protezzjoni paragunabbli fid-dritt tal-Unjoni.

47

Għalhekk, fir-realtà d-dritt Ġermaniż ma jirreferix għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi, irregolata fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-RĠPD, iżda għall-kunċett, li huwa speċifiku għad-dritt nazzjonali, ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni ġuridiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx verament l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li saret applikabbli, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda jirrigwardaw kunċett tad-dritt nazzjonali mingħajr ekwivalenti fid-dritt tal-Unjoni.

48

Fit-tieni lok, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punti 86 u 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD huwa intiż li jiżgura bilanċ ġust bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi affettwati mill-ipproċessar tad-data personali u n-neċessità li jiġu ssalvagwardjati interessi leġittimi oħra f’soċjetà demokratika. L-interpretazzjoni tal-limitazzjonijiet li huwa jipprevedi għaldaqstant teħtieġ ibbilanċjar bejn id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti lill-persuni fiżiċi u l-interessi li dawn il-limitazzjonijiet jgħinu sabiex jiġu ppreżervati.

49

Konsegwentement, l-Artikolu 23 tar-RĠPD ma jistax jinqara mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa intiż speċifikament sabiex jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi.

50

Għaldaqstant, interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma tistax issir bl-istess mod fir-rigward tal-persuni fiżiċi u fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data ma ġiex iddefinit mir-RĠPD. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tqis il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi konkluż li f’dan il-każ jeżisti interess manifest sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet bil-għan li tiżgura l-uniformità ta’ interpretazzjoni tagħhom.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Qorti tal-Ġustizzja suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja saru applikabbli bħala tali mid-dritt nazzjonali, anki jekk lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson, C‑346/93, EU:C:1995:85, punt 19).

52

Minn dak kollu li ntqal preċendentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

Dwar l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2019.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top