Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0617

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ April 2021.
    Granarolo SpA vs Ministero dell'Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Artikolu 3(e) – Kunċett ta’ “installazzjoni” – Artikolu 3(f) – Kunċett ta’ “operatur” – Anness I, punti 2 u 3 – Regola tal-aggregazzjoni – Żieda tal-kapaċitajiet tal-attivitajiet ta’ installazzjoni – Trasferiment ta’ unità ta’ koġenerazzjoni ta’ elettriku u ta’ sħana mill-proprjetarju ta’ stabbiliment industrijali – Kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija bejn l-impriżi ċedenti u ċessjonarja – Aġġornament tal-awtorizzazzjoni għall‑emissjoni tal-gassijiet serra.
    Kawża C-617/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:338

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    29 ta’ April 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Artikolu 3(e) – Kunċett ta’ “installazzjoni” – Artikolu 3(f) – Kunċett ta’ “operatur” – Anness I, punti 2 u 3 – Regola tal-aggregazzjoni – Żieda tal-kapaċitajiet tal-attivitajiet ta’ installazzjoni – Trasferiment ta’ unità ta’ koġenerazzjoni ta’ elettriku u ta’ sħana mill-proprjetarju ta’ stabbiliment industrijali – Kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija bejn l-impriżi ċedenti u ċessjonarja – Aġġornament tal-awtorizzazzjoni għall‑emissjoni tal-gassijiet serra”

    Fil-Kawża C‑617/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

    Granarolo SpA

    vs

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dello Sviluppo economico,

    Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

    fil-preżenza ta’:

    E.ON Business Solutions Srl, li kienet E.ON Connecting Energies Italia Srl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Granarolo SpA, minn A. Stalteri, avvocato,

    għal E.ON Business Solutions Srl, minn C. Vivani u F. Triveri, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u G. Gattinara, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e) u tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Granarolo SpA u l-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent, il-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, l-Italja), u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) kif ukoll il-Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/KE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto (il-Kumitat Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-Sostenn għall-Ġestjoni ta’ Attivitajiet ta’ Proġett li jaqgħu fil-Protokoll ta’ Kyoto, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ETS”) rigward iċ-ċaħda ta’ talba għall-aġġornament tal-awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ gassijiet serra miżmum minn Granarolo għal waħda mill-installazzjonijiet tagħha li jaqgħu fis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ETS”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

    4

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    e)

    ‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

    f)

    ‘operatur’ ifisser kull persuna li tħaddem jew tikkontrolla stallazzjoni jew, meta dan huwa pprovdut fil-leġislazzjoni nazzjonali, li lilha tkun iddelegata s-saħħa ekonomika deċisiva fuq il-funzjonament tekniku ta’ l-istallazzjoni;

    […]”

    5

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Permessi tal-emissjonijiet ta’ gass serra”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni ma tiġix eskluża mill-[ETS] taħt l-Artikolu 27. Din għandha tapplika wkoll għal istallazzjonijiet magħżula taħt l-Artikolu 24.”

    6

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kondizzjonijiet u l-kontenut tal-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni għall-emissjoni tal-gassijiet serra dinja minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha jew tkun sodisfatta illi l-operatur huwa kapaċi li jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet.

    Permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra jista’ jkopri stallazzjoni jew iktar fuq l-istess sit imħaddma mill-istess operatur.

    L-awtorità kompetenti għandha, talanqas kull ħames snin, tirrivedi l-permess tal-emissjonijiet tal-gassijet serra u tagħmel kwalunkwe emenda kif ikun xieraq.”

    7

    Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Bidliet marbuta mal-istallazzjonijiet”:

    “L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidliet ippjanti fin-natura jew fl-operazzjoni, jew dwar estensjoni, jew tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità, tal-istallazzjoni li tista’ tkun teħtieġ aġġornament tal-permess tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’serra. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. Fejn hemm bidla fl-identità tal-operatur tal-istallazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess biex tinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur il-ġdid.”

    8

    L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kategoriji ta’ l-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 2(1), 3, 4, 28 u 30”, jipprevedi, fil-punti 2 u 3 tiegħu:

    “2.

    Il-valuri tal-limitu minimu t’hawn taħt ġeneralment jirriferu għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għall-produzzjoni. Meta diversi attivitajiet li jaqghu taht l-istess kategorija jithaddmu fl-istess istallazzjoni, il-kapacitajiet ta’ dawn l-attivitajiet jinghaddu flimkien.

    3.

    Meta l-input termiku nominali totali ta’ istallazzjoni jiġi kkalkulat sabiex jiġi deċiż jekk tiddaħħalx fl-[ETS], l-inputs termiċi nominali tal-junits tekniċi kollha li jagħmlu parti minnha u li fihom jinħarqu karburanti fi ħdan l-istallazzjoni, jingħaddu flimkien. […]”

    9

    Dan l-Anness I fih tabella li telenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2003/87. Fost dawn l-attivitajiet tinsab il-“[k]ombustjoni ta’ karburanti [fjuwils] f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW (minbarra istallazzjonijiet għat-trattament ta’ skart perikoluż jew muniċipali)”.

    Id-dritt Taljan

    10

    L-Artikolu 3(1)(t) u (v) tad-Decreto legislativo n. 30 – Attuazione della direttiva 2009/29/CE che modifica la direttiva 2003/87/CE al fine di perfezionare ed estendere il sistema comunitario per lo scambio di quote di emissione di gas a effetto serra (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 30 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/29/KE li Temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-Titjib u l-Estensjoni tal-Iskema Komunitarja għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra), tat‑13 ta’ Marzu 2013 (GURI Nru 79, tal‑4 ta’ April 2013, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013”), jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “operatur” u ta’ “installazzjoni” fis-sens ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, b’mod analogu għad-Direttiva 2003/87.

    11

    L-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013 jipprevedi li l-ebda installazzjoni ma tista’ teżerċita l-attivitajiet previsti fl-Anness I ta’ dan id-digriet li tinvolvi emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ma tkun kisbet l-awtorizzazzjoni mingħand il-Kumitat ETS.

    12

    L-Artikolu 15 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jikkonċerna l-għoti, il-kundizzjonijiet u l-kontenut ta’ tali awtorizzazzjoni ta’ emissjoni.

    13

    L-Artikolu 16 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi li l-operatur għandu jinforma lill-Kumitat ETS b’kull bidla fir-rigward tal-identità tal-operatur, in-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni, l-estensjoni jew it-tnaqqis kbir fil-kapaċità tagħha.

    14

    L-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013 jirrigwarda s-sistema ta’ “emittenti żgħar” għall-finijiet tas-sorveljanza u l-kontroll tal-emissjonijiet ta’ CO2.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Granarolo hija kumpannija li topera fis-settur tal-ikel tal-ħalib frisk, kif ukoll fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib. Hija għandha, f’Pasturago di Vernate (l-Italja), stabbiliment ta’ produzzjoni kompost minn unitajiet differenti u li huwa mgħammar b’impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku termiku li jipproduċi s-sħana neċessarja għall-proċessi ta’ trasformazzjoni tagħha.

    16

    Għal dan l-impjant ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku termiku, Granarolo kienet proprjetarja, skont ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87, ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu emessi gassijiet serra relatati mal-kombustjoni ta’ fjuwils f’installazzjonijiet b’kapaċità termika totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW. Barra minn hekk, skont id-dritt nazzjonali, din hija suġġetta, għal dan l-istabbiliment, għall-iskema ta’ “emittenti żgħar”, għall-finijiet tas-sorveljanza u tal-kontroll ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

    17

    Matul l-2013, Granarolo bniet, fuq is-sit industrijali tal-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha, unità ta’ koġenerazzjoni ta’ elettriku u ta’ sħana intiżi għall-produzzjoni tal-ikel b’kapaċità termika totali ta’ kombustjoni ta’ inqas minn 20 MW u kisbet mill-Kumitat ETS l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

    18

    Matul l-2017, Granarolo ttrasferixxiet l-unità ta’ koġenerazzjoni tagħha lil E.ON Connecting Energies Italia Srl, impriża speċjalizzata fis-settur tal-enerġija (iktar ’il quddiem “E.ON”), filwaqt li kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku u ta’ sħana. Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-kuntratt kien jipprevedi, barra minn hekk, l-obbligu għal E.ON li tikseb il-kunsens ta’ Granarolo sabiex twettaq xogħlijiet fuq l-unità ta’ koġenerazzjoni, rimbors favur Granarolo fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kwantitajiet minimi ta’ enerġija li kellhom jiġu pprovduti, tnaqqis fil-prezz tal-enerġija pprovdut wara għaxar snin u sitt xhur li kellhom jibdew jiddekorru mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt u dritt ta’ għażla ta’ xiri mill-ġdid tal-unità ta’ koġenerazzjoni favur Granarolo.

    19

    Wara dan it-trasferiment, Granarolo ressqet quddiem il-Kumitat ETS talba għall-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, billi qieset li l-emissjonijiet marbuta mal-unità ta’ koġenerazzjoni, li ma kinitx iktar użata minnha jew taħt l-awtorità tagħha, kellha titnaqqas mill-ammont tal-emissjonijiet tagħha ta’ CO2.

    20

    Peress li din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018 tal-Kumitat ETS, Granarolo ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. E.ON intervjeniet insostenn ta’ Granarolo fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    21

    Insostenn tar-rikors tagħha, Granarolo ssostni li, billi mmotiva d-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu biż-żamma ta’ interkonnessjoni formali bejn l-unità ta’ koġenerazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha, il-Kumitat ETS kiser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87.

    22

    Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ produzzjoni u l-unità ta’ koġenerazzjoni ma jistgħux, minħabba konnessjoni għall-finijiet ta’ provvista ta’ enerġija, jitqiesu li jikkostitwixxu installazzjoni unika filwaqt li t-tnejn huma strutturalment u funzjonalment awtonomi.

    23

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(f) u l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, il-permess ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jinħareġ lill-operatur li għandu s-setgħa ta’ ġestjoni ta’ installazzjoni u li, b’hekk, jista’ jeżerċita kontroll u monitoraġġ tal-emissjonijiet. Issa, f’dan il-każ, huwa abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jorbot lil Granarolo u E.ON li l-Kumitat ETS ikkonkluda li Granarolo baqgħet iżżomm setgħa ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-unità ta’ koġenerazzjoni. Fil-fatt, dan il-kuntratt ma jaffettwax il-kapaċità ta’ E.ON li teżerċita b’mod awtonomu l-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija u li tipproċedi bil-kunsinna tal-elettriku fuq in-network pubbliku, b’tali mod li, anki kieku Granarolo kellha tieħu kwantità iżgħar ta’ enerġija mill-unità ta’ koġenerazzjoni, dan il-fatt ma jaffettwax il-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha.

    24

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kumitat ETS tas‑6 ta’ Ġunju 2018 hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regola tal-aggregazzjoni tas-sorsi ta’ emissjonijiet prevista fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, sa fejn din ir-regola tapplika biss għas-sitwazzjonijiet li fihom diversi unitajiet tekniċi jikkostitwixxu l-istess installazzjoni, u mhux dawk fejn, bħal f’dan il-każ, jeżistu diversi installazzjonijiet distinti.

    25

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-trasferiment tal-unità ta’ koġenerazzjoni lil E.ON ma kellux effett fuq il-konfigurazzjoni tal-installazzjoni u li hemm rabta funzjonali kontinwa bejn din l-unità ta’ koġenerazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo. B’mod partikolari, huma jenfasizzaw li teżisti rabta kontinwa bejn il-permess ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra u l-eżistenza ta’ installazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Id-definizzjoni tal-operatur tippreżupponi loġikament dik tal-installazzjoni, u dan ineħħi kull rilevanza għad-differenza eventwali bejn il-proprjetarju ta’ tali awtorizzazzjoni u l-operatur effettiv ta’ unità teknika interna għall-istabbiliment ta’ produzzjoni.

    26

    Peress li unità ta’ koġenerazzjoni hija, bħal f’dan il-każ, marbuta teknikament mal-istabbiliment ta’ produzzjoni u jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet globali, hija għandha titqies li tagħmel parti minn dan l-istabbiliment tal-istess installazzjoni waħda, b’tali mod li din għandha tkun regolata minn awtorizzazzjoni unika, anki jekk l-unità ta’ koġenerazzjoni tinsab barra mis-sit ta’ produzzjoni.

    27

    Barra minn hekk, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fid-dawl tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jorbtu lil Granarolo u lil E.ON, l-ewwel waħda żammet setgħa ekonomika determinanti fuq l-operat tekniku tal-unità ta’ koġenerazzjoni u li, konsegwentement, hija tibqa’ l-operatur ta’ din l-unità, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87.

    28

    Barra minn hekk, li tiġi adottata pożizzjoni kuntrarja jkollu l-effett li jikser ir-regola ta’ aggregazzjoni stabbilita fil-punti 2 u 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li hija intiża preċiżament sabiex tevita li suddiviżjoni eċċessiva tas-sorsi ta’ emissjonijiet tista’ twassal għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS tal-parti l-kbira tal-installazzjonijiet żgħar jew ta’ daqs medju.

    29

    Fil-fatt, peress li l-unità ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha kapaċità ta’ inqas minn 20 MW, hija ma tagħtix lok għal awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra u ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ETS. Min-naħa l-oħra, minħabba t-trasferiment ta’ din l-unità ta’ koġenerazzjoni, l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo jnaqqas il-kwantità ta’ emissjonijiet prodotti kull sena u li huma s-suġġett ta’ kumpens permezz ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

    30

    Filwaqt li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija jpoġġu lil Granarolo f’pożizzjoni ta’ saħħa meta mqabbla ma’ E.ON, kwalunkwe interpretazzjoni fis-sens li seħħet diviżjoni tal-installazzjoni inizjali f’żewġ installazzjonijiet tagħti lok għal evitar tar-regoli fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ CO2.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1) L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva [2003/87] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll taħt il-kunċett ta’ “installazzjoni” sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha installazzjoni ta’ koġenerazzjoni mibnija mir-rikorrenti fis-sit industrjali tagħha sabiex tiġi żgurata enerġija għall-istabbiliment ta’ manifattura tagħha tkun ġiet sussegwentement ittrasferita, permezz tat-trasferiment ta’ fergħa ta’ negozju, lil kumpannija oħra speċjalizzata fis-settur tal-enerġija, b’kuntratt li jipprevedi, minn naħa, it-trasferiment liċ-ċessjonarja tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika u sħana, taċ-ċertifikazzjonijiet, tad-dokumenti, tad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità, liċenzji, konċessjonijiet, awtorizzazzjonijiet u permessi meħtieġa għall-funzjonament tal-installazzjoni nnifisha u għall-iżvolġiment tal-attività, il-kostituzzjoni favur tagħha ta’ dritt ta’ superfiċi f’żona tal-istabbiliment li hija adegwata u funzjonali għall-ġestjoni u għall-manutenzjoni tal-installazzjoni u tad-drittijiet ta’ servitù fuq l-oġġett użat għal koġenerazzjoni, flimkien ma’ dritt esklużiv fuq iż-żona ta’ madwaru, u, min-naħa l-oħra, il-provvista miċ-ċessjonarja liċ-ċedenti għal 12-il sena tal-enerġija ġġenerata mill-installazzjoni stess, bil-prezzijiet indikati fil-kuntratt?

    2) B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “konnessjoni teknika” fl-istess Artikolu 3(e) [tad-Direttiva 2003/87] jista’ jinkludi konnessjoni bejn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni u stabbiliment ta’ manifattura bħalma huwa dan tal-aħħar, li huwa l-proprjetà ta’ persuna oħra, minkejja li għandu relazzjoni privileġġjata mal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għall-provvista ta’ enerġija (konnessjoni permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija, kuntratt ta’ provvista speċifiku mal-kumpannija tal-enerġija li hija ċ-ċessjonarja tal-installazzjoni, impenn minn din tal-aħħar li tipprovdi kwantità minima ta’ enerġija lill-istabbiliment ta’ manifattura bil-kundizzjoni tar-rimbors ta’ ammont ekwivalenti għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-provvista tal-enerġija fis-suq u l-prezzijiet previsti fil-kuntratt, tnaqqis fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-enerġija mill-għaxar sena u sitt xhur mid-dekorriment tal-kuntratt, konċessjoni tad-dritt għal għażla ta’ akkwist mill-ġdid tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni f’kull mument mill-kumpannija ċedenti, il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni taċ-ċedenti għall-iżvolġiment ta’ xogħlijiet fuq l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni) li jista’ jkompli bl-iżvolġiment tal-attività tiegħu anki fil-każ ta’ interruzzjoni tal-provvista ta’ enerġija jew fil-każ ta’ ħsara jew waqfien tal-attività tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni?

    3) Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ trasferiment effettiv ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni tal-enerġija mill-manifattur, li huwa wkoll proprjetarju ta’ stabbiliment industrijali fl-istess sit, lil kumpannija oħra li hija speċjalizzata fil-qasam tal-enerġija, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-possibbiltà ta’ separazzjoni tal-emissjonijiet relattivi mill-awtorizzazzjoni [ta’ emissjoni] tal-proprjetarju tal-istabbiliment industrjali, sussegwentement għat-trasferiment[,] u l-effett possibbli ta’ “evażjoni” tal-emissjonijiet mis-sistema tal-[ETS] minħabba l-fatt li installazzjoni ta’ produzzjoni tal-enerġija, ikkunsidrata waħedha, ma teċċedix il-limitu sabiex tiġi kklassifikata bħala “emittent żgħir”[,] jikkostitwixxu ksur tar-regola tal-aggregazzjoni tas-sorsi indikata fl-Anness I tad-Direttiva [2003/87] jew, għall-kuntrarju, jikkostitwixxu sempliċement konsegwenza legali tal-għażliet organizzattivi tal-operaturi, mhux ipprojbita mill-[ETS[?”

    Fuq id-domandi preliminari

    32

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan ir-rigward, il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha u kemm jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda ċ-ċaħda, mill-Kumitat ETS, ta’ talba ta’ Granarolo għall-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra wara t-trasferiment tal-unità ta’ koġenerazzjoni li hija kienet tippossedi fuq l-istess sit industrijali bħall-istabbiliment ta’ produzzjoni tal-ikel tagħha lil E.ON, impriża speċjalizzata fis-settur tal-enerġija, trasferiment akkumpanjat mill-konklużjoni ma’ din tal-aħħar ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija.

    35

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-ċaħda tat-talba għall-aġġornament kienet motivata mill-fatt li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija bejn Granarolo u E.ON, l-istabbiliment ta’ produzzjoni żamm interkonnessjoni funzjonali mal-unità ta’ koġenerazzjoni, b’tali mod li t-tnejn li huma kienu jikkostitwixxu l-istess installazzjoni waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, u li Granarolo baqgħet, wara t-trasferiment, l-operatur tal-unità ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, tqum id-domanda dwar jekk li tintlaqa’ l-imsemmija talba għall-aġġornament imurx kontra r-regola ta’ aggregazzjoni stabbilita fil-punti 2 u 3 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva u kellux l-effett li jippermetti li jiġu evitati r-regoli tal-ETS.

    36

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(e) u (f) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Anness I tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li proprjetarju ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni li jinkludi impjant termiku li l-attività tiegħu taqa’ f’dan l-Anness I, jista’ jikseb l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tiegħu sabiex jemetti gassijiet serra, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, meta jkun ittrasferixxa unità ta’ koġenerazzjoni li tinsab fl-istess sit industrijali bħal dan l-istabbiliment u li twettaq attività li l-kapaċità tagħha hija inqas mil-limitu previst fl-imsemmi Anness I, lil impriża li tispeċjalizza fil-qasam tal-enerġija, filwaqt li kkonkluda ma’ din il-kumpannija kuntratt li jipprevedi b’mod partikolari li l-enerġija prodotta minn din l-unità ta’ koġenerazzjoni tkun ipprovduta f’dan l-istabbiliment.

    37

    F’dan il-każ, għall-finijiet ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, l-istabbiliment inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-ħalib li għandu, għall-finijiet tal-proċess ta’ manifattura, stabbiliment tal-ġenerazzjoni tal-elettriku termali ta’ kapaċità termika ta’ kombustjoni totali ogħla minn 20 MW u li b’hekk taqa’ fl-attivitajiet indikati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Fir-rigward tal-unità ta’ koġenerazzjoni, il-kapaċità termika totali ta’ kombustjoni tagħha hija inqas minn 20 MW, li bħala konsegwenza jfisser li, bħala tali, ma taqax fl-attivitajiet imsemmija f’dan l-anness.

    38

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk l-unità ta’ koġenerazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux, minħabba r-relazzjoni li teżisti bejn l-ewwel u t-tieni, l-istess installazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “installazzjoni” bħala unità teknika fissa fejn tiżvolġi attività jew diversi attivitajiet indikati direttament fl-Anness I tal-imsemmija direttiva kif ukoll kwalunkwe attività oħra direttament relatata magħha li hija teknikament marbuta mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollha impatt fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.

    39

    Għaldaqstant, skont il-kriterji stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, minn naħa, huwa biss mal-impjant termiku tal-istabbiliment ta’ produzzjoni li l-unità ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tifforma l-istess impjant wieħed u, min-naħa l-oħra, jista’ jkun hekk biss bil-kundizzjoni li l-attività ta’ kombustjoni mwettqa fi ħdan din l-unità ta’ koġenerazzjoni tkun relatata direttament mal-attività ta’ dan l-impjant termiku eżerċitata fuq is-sit tal-istabbiliment ta’ produzzjoni, li din tkun marbuta teknikament magħha u li jista’ jkollha effetti fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.

    40

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li min-natura stess ta’ dawn il-kriterji jirriżulta li dawn jeħtieġu evalwazzjoni ta’ natura materjali. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija kriterji, b’mod partikolari dik dwar l-eżistenza ta’ rabta teknika u li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-domandi tal-qorti tar-rinviju, humiex issodisfatti, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiddependi fuq l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-impriżi ċedenti u ċessjonarja.

    41

    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-kriterju dwar l-effetti fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis huwa ssodisfatt peress li l-unità ta’ koġenerazzjoni temetti gassijiet serra.

    42

    Fir-rigward tal-kriterji l-oħra previsti fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività hija relatata direttament ma’ attività li taqa’ fl-Anness I ta’ din id-direttiva meta hija indispensabbli għall-eżerċizzju tagħha u li din ir-relazzjoni diretta hija, barra minn hekk, immaterjalizzata mill-eżistenza ta’ rabta teknika f’ċirkustanzi fejn l-attività kkonċernata hija integrata fil-proċess tekniku globali tal-attività li taqa’ taħt dan l-Anness I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ, C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 30).

    43

    Minn dan isegwi, minn naħa, li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn l-attivitajiet ikkonċernati tirrikjedi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attività ta’ koġenerazzjoni titwettaq għall-finijiet tat-twettiq tal-attività ta’ kombustjoni ta’ fjuwils li tiżvolġi fl-impjant termiku tal-istabbiliment ta’ produzzjoni.

    44

    Għaldaqstant din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ssodisfatta jekk, kif sostnew b’mod partikolari Granarolo u l-Kummissjoni Ewropea matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju ta’ din l-attività ta’ koġenerazzjoni huwa esklużivament iddestinat għall-produzzjoni tal-ikel imwettqa fi ħdan l-istabbiliment ta’ Granarolo, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    45

    Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta teknika li timmaterjalizza tali relazzjoni diretta timponi li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konnessjoni bejn l-attivitajiet ikkonċernati tikkontribwixxi għall-integrità tal-proċess tekniku globali tal-attività li taqa’ fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

    46

    Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi eżistenza, kif normalment huwa l-każ fil-kuntest ta’ kull attività industrijali, ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet ikkonċernati għall-finijiet ta’ provvista ta’ enerġija. Fil-fatt, għalkemm ma huwiex eskluż li konnessjoni ta’ dan it-tip tista’ titqies li tikkostitwixxi rabta teknika, fis-sens tal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva, huwa biss bil-kundizzjoni li jkollha forma ta’ integrazzjoni speċifika u distintiva fi ħdan il-proċess tekniku speċifiku għall-attività li taqa’ taħt l-Anness I tal-imsemmija direttiva.

    47

    Issa, f’dan il-każ, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta, kif barra minn hekk tikkonferma l-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, li l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo u, b’mod iktar partikolari, l-impjant termiku li jipprovdi s-sħana neċessarja għal din il-produzzjoni, jista’ jkompli jeżerċita l-attività tiegħu anki fil-każ ta’ interruzzjoni tal-provvista ta’ elettriku u ta’ sħana mill-unità ta’ koġenerazzjoni jew fil-każ ta’ funzjonament ħażin jew ta’ waqfien tal-attività ta’ din l-unità.

    48

    B’hekk, peress li l-konnessjoni bejn l-unità ta’ koġenerazzjoni u l-istabbiliment tal-produzzjoni ma tikkontribwixxix għall-integrità tal-proċess tekniku tal-attivitajiet li jiżvolġu fl-impjant termiku ta’ dan l-istabbiliment u li, konsegwentement, mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 ma humiex issodisfatti, l-unità ta’ koġenerazzjoni u l-impjant termiku ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu l-istess impjant wieħed, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    49

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Granarolo tibqax, wara t-trasferiment tal-unità ta’ koġenerazzjoni lil E.ON, l-operatur ta’ din tal-aħħar, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-awtorità kompetenti toħroġ tali permess dwar l-emissjonijiet kollha jew parti minnhom li ġejjin minn installazzjoni jekk hija tqis li l-operatur huwa f’pożizzjoni li jiddikjara u li jissorvelja u jirrapporta emissjonijiet u, fit-tieni paragrafu tagħha, li permess ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jista’ jkopri installazzjoni waħda jew iktar operati fl-istess sit mill-istess operatur. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, jekk ikun il-każ, din l-awtorità taġġorna l-awtorizzazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni li tingħatalha mill-operatur dwar it-tibdil li jikkonċerna l-installazzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(f) tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur” bħala kwalunkwe persuna li topera jew tikkontrolla installazzjoni jew, meta dan huwa pprovdut fil-leġislazzjoni nazzjonali, kwalunkwe persuna li lilha tkun iddelegata saħħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni.

    50

    Kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-proprjetarju ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni ttrasferixxa lil impriża speċjalizzata fis-settur tal-enerġija unità ta’ koġenerazzjoni li tinsab fl-istess sit industrijali bħall-imsemmi stabbiliment, jekk, minħabba dan it-trasferiment, il-kontroll ta’ dan il-proprjetarju fuq il-funzjonament ta’ din l-unità ta’ koġenerazzjoni u, għaldaqstant, fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha ntemmx. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi proprjetarju ma jistax jitqies, wara l-imsemmi trasferiment, bħala l-operatur tal-imsemmija unità ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87.

    51

    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-operatur ta’ tali unità ta’ koġenerazzjoni li hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli kuntrattwali li jorbtu liċ-ċedent u liċ-ċessjonarju.

    52

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lil E.ON u Granarolo li din tal-aħħar żammet il-kontroll tal-funzjonament tal-unità ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha.

    53

    Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, Granarolo ttrasferixxiet il-proprjetà tal-unità ta’ koġenerazzjoni lil E.ON u, għal dan il-għan, b’mod partikolari ttrasferixxiet lil din tal-aħħar id-dokumenti kollha rikjesti għall-operat ta’ din l-unità u l-eżerċizzju tal-attività li tiżvolġi fiha.

    54

    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jorbot lil Granarolo u lil E.ON, din tal-aħħar tista’ żżid l-attività tal-unità ta’ koġenerazzjoni u tipprovdi l-elettriku prodott lin-network pubbliku. Hija wkoll libera li tnaqqas il-kwantità ta’ enerġija prodotta taħt riżerva, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-provvista ta’ kwantitajiet minimi ta’ enerġija stipulati fil-kuntratt, għar-rimbors ta’ ammont ekwivalenti għad-differenza bejn l-ispejjeż ta’ provvista tal-enerġija fis-suq u l-prezzijiet previsti mill-kuntratt. Tali mekkaniżmu ta’ kumpens, ta’ natura kuntrattwali, ma jistax madankollu jiġi assimilat ma’ delega, favur Granarolo, ta’ setgħa ekonomika determinanti fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) in fine tad-Direttiva 2003/87.

    55

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-klawżoli kuntrattwali l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-prezz tal-bejgħ tal-enerġija, id-dritt ta’ għażla ta’ xiri mill-ġdid li minnu tibbenefika Granarolo jew in-neċessità ta’ awtorizzazzjoni tagħha sabiex ikunu jistgħu jitwettqu xogħlijiet fuq l-unità ta’ koġenerazzjoni, lanqas ma jagħtu lil Granarolo l-kontroll tal-funzjonament tal-imsemmija unità, kif rikjest mill-Artikolu 3(f) tad-Direttiva, u, għaldaqstant, li dawn il-klawżoli nnifishom ma jagħtux id-dritt li tiġi ddeterminata jew issorveljata, b’mod ġenerali, il-kwantità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ din l-unità.

    56

    B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, Granarolo ma hijiex, fi kwalunkwe każ, iktar l-operatur tal-unità ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87, b’tali mod li hija għandha d-dritt li tikseb l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

    57

    Tali aġġornament ta’ din l-awtorizzazzjoni ma jistax jimplika evitar tar-regoli tal-ETS.

    58

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni ma għandux l-effett li jikser ir-regola ta’ aggregazzjoni, kif stabbilita fil-punti 2 u 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

    59

    Fil-fatt, dan l-Anness I, kif jindika t-titolu tiegħu, jidentifika l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika l-imsemmija direttiva, kif previst fl-Artikolu 2(1) tagħha. B’mod partikolari, ir-regola ta’ aggregazzjoni tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi evalwat jekk l-attivitajiet li jiżvolġu fi ħdan installazzjoni, u b’mod partikolari l-attività ta’ kombustjoni ta’ fjuwils, jilħqux il-limiti previsti fl-imsemmi Anness I sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ din l-installazzjoni fl-ETS.

    60

    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, impjant termiku u unità ta’ koġenerazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma żewġ entitajiet distinti li ma jikkostitwixxux l-istess installazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

    61

    Barra minn hekk, huwa paċifiku li, anki wara t-trasferiment tal-unità ta’ koġenerazzjoni lil E.ON, l-impjant termiku li l-istabbiliment ta’ produzzjoni tiegħu huwa mgħammar bih baqa’ jaqa’ taħt l-ETS, peress li l-kapaċità termika totali tiegħu ta’ kombustjoni huwa ogħla mil-limitu ta’ 20 MW previst fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

    62

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li r-regola ta’ aggregazzjoni tirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kapaċitajiet tal-attivitajiet li jseħħu fi ħdan installazzjoni u ma għandhiex bħala għan, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-identifikazzjoni tal-operatur ta’ din l-installazzjoni. F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li donnhom jissuġġerixxu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, tali regola ma tistax għalhekk twassal la sabiex tidentifika lil Granarolo bħala l-operatur tal-unità ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li din ma tistax iktar titqies li għandha l-kontroll fuq il-funzjonament ta’ din l-unità u li għaldaqstant ma għadhiex f’pożizzjoni li tiżgura s-sorveljanza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill-attività tal-imsemmija unità, u lanqas li ċċaħħad lil Granarolo mid-dritt li titlob l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tagħha għall-emissjoni tal-gassijiet serra.

    63

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż ta’ dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija imposta fuq il-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Kreis Heinsberg, C‑112/19, EU:C:2020:864, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi huwa intiż sabiex jipprojbixxi skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, imwettqa bl-għan biss li jinkiseb vantaġġ indebitu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, KrakVet Marek Batko, C‑276/18, EU:C:2020:485, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Issa, xejn ma juri, fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tali tranżazzjonijiet abbużivi jew frawdolenti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ arranġament purament artifiċjali, seħħew f’dan il-każ. B’mod partikolari, ebda element ta’ dan il-proċess ma huwa tali li jqajjem dubju dwar ir-realtà tal-attività ekonomika awtonoma eżerċitata mill-impriża ċessjonarja tal-unità ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    66

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 3(e) u (f) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li proprjetarju ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni, li jinkludi impjant termiku li l-attività tiegħu taqa’ taħt dan l-Anness I, ikun jista’ jikseb l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tiegħu li joħroġ gassijiet serra, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, meta ttrasferixxa unità ta’ koġenerazzjoni li tinsab fl-istess sit industrijali bħal dan l-istabbiliment u li twettaq attività li l-kapaċità tagħha hija inqas mil-limitu previst fl-imsemmi Anness I, lil impriża li tispeċjalizza fis-settur tal-enerġija billi tidħol f’kuntratt ma’ din l-impriża li jipprevedi b’mod partikolari li l-enerġija prodotta minn din l-unità ta’ koġenerazzjoni tkun ipprovduta lil dan l-istabbiliment, fil-każ li l-impjant termiku ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u l-unità ta’ koġenerazzjoni ma jikkostitwixxux l-istess installazzjoni waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tal-imsemmija direttiva, u li, fi kwalunkwe każ, il-proprjetarju tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ma għadux l-operatur tal-unità ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tal-istess direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(e) u (f) tad-Direttiva 2003/87 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009, moqri flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li proprjetarju ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni, li jinkludi impjant termiku li l-attività tiegħu taqa’ taħt dan l-Anness I, ikun jista’ jikseb l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tiegħu li joħroġ gassijiet serra, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, meta ttrasferixxa unità ta’ koġenerazzjoni li tinsab fl-istess sit industrijali bħal dan l-istabbiliment u li twettaq attività li l-kapaċità tagħha hija inqas mil-limitu previst fl-imsemmi Anness I, lil impriża li tispeċjalizza fis-settur tal-enerġija billi tidħol f’kuntratt ma’ din l-impriża li jipprevedi b’mod partikolari li l-enerġija prodotta minn din l-unità ta’ koġenerazzjoni tkun ipprovduta lil dan l-istabbiliment, fil-każ li l-impjant termiku ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u l-unità ta’ koġenerazzjoni ma jikkostitwixxux l-istess installazzjoni waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tal-imsemmija direttiva, u li, fi kwalunkwe każ, il-proprjetarju tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ma għadux l-operatur tal-unità ta’ koġenerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tal-istess direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top