EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0616

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2020.
M.S. et vs Minister for Justice and Equality.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 25(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti lill-applikant ta’ protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Regolament (KE) Nru 343/2003 – Regolament (UE) Nru 604/2013.
Kawża C-616/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1010

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 25(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti lill-applikant ta’ protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Regolament (KE) Nru 343/2003 – Regolament (UE) Nru 604/2013”

Fil-Kawża C‑616/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

M.S.,

M.W.,

G.S.

vs

Minister for Justice and Equality,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2021] għal M.S., minn C. O’Dwyer, SC, J. Buckley, barrister, u J. Brick, solicitor,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2021] għal M.W., minn C. O’Dwyer, SC, J. Buckley, barrister, u J. Watters, solicitor,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2021] għal G.S., minn M. Conlon, SC, D. Leonard, barrister, u C. Ó Briain, solicitor,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2021] għall-Minister for Justice and Equality u għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn R. Barron, SC, u S. Kingston, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Tomkin, A. Azéma u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, M.S., M.W. u G.S. u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/85

3

Il-premessi 1, 6 u 22 tad-Direttiva 2005/85 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Politika komuni dwar l-ażil, li tinkludi Sistema Ewropea Komuni ta’ Ażil, hija parti kostitwenti mill-għan ta’ l-Unjoni Ewropea li tiġi stabbilita progressivament żona ta’ libertà, ta’ sigurtà, u ta’ ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkostanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fil-Komunità.

[…]

(6)

L-approssimazzjoni ta’ regoli dwar proċeduri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat għandha tgħin sabiex jiġu limitati l-movimenti sekondarji ta’ applikanti għall-ażil bejn Stati Membri, fejn tali moviment ikun kawżat minħabba differenzi bejn qafas legali u ieħor.

[…]

(22)

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha abbażi tas-sustanza, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant in kwestjoni jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u għall-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala rifuġjati jew bħala persuni li diversament jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 96)], ħlief fejn tkun tipprevedi mod ieħor din id-Direttiva attwali, partikolarment meta wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-ażil fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew diversament protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/85, l-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti standards minimi li jirrigwardaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(k)

‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil jew li fih tkun qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni.”

6

L-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jistabbilixxi li:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109)], l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva [2004/83] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skond dan l-Artikolu jekk:

(a)

l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil għall-applikant, skond l-Artikolu 26;

(ċ)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, skond l-Artikolu 27;

(d)

l-applikant ikun permess li jibqa’ fl-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra u b’riżultat ta’ dan huwa jkun ingħata status ekwivalenti għad-drittijiet u l-benefiċċji ta’ l-istatus ta’ rifuġjat permezz tad-Direttiva [2004/83];

(e)

l-applikant ikun permess li jibqa’ fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra li jipproteġuh min-non-refoulement sa meta titlesta proċedura li r-riżultat tagħha jiddetermina l-istatus skond il-punt (d);

[…]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

7

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) fasslet mill-ġdid id-Direttiva 2005/85.

8

Il-premessa 58 tad-Direttiva 2013/32 tgħid li:

“F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-[Trattat UE] u mat-[Trattat FUE], u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.”

9

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li jiġu stabbiliti proċeduri komuni ta’ għoti u ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-[Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].

10

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-[Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”

11

L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Tħassir”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li:

“Id-Direttiva [2005/85] tiġi mħassra għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill‑21 ta’ Lulju 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward għal-limiti ta’ żmien imposti għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness II, Parti B.”

Ir-Regolament Dublin III

12

Il-premessi 2 u 41 tar-Regolament Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 343/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”), jgħidu li:

“(2)

Politika komuni dwar l-asil, inkluża Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) hija parti kostitwenti tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkostanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fl-Unjoni.

[…]

(41)

F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, mehmuż mat-[Trattat UE] u mat-[Trattat FUE], dawk l-Istati Membri innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

13

Dan ir-regolament għandu l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi tali kriterji u mekkaniżmi għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi ppreċiżat li tali applikazzjonijiet huma intiżi, skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95, li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III, għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

14

L-Artikolu 18(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.”

15

L-Artikolu 48 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi li:

“Ir-regolament [Dublin II] hu mħassar.

[…]

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

Id-dritt Irlandiż

16

Skont l-Artikolu 21(2)(a) tal-International Protection Act 2015 (il-Liġi tal-2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali), applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun inammissibbli meta l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ingħata lill-applikant minn Stat Membru ieħor.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

M.S., M.W. u G.S. huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, wara li kisbu l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-Italja, daħlu fl-Irlanda matul is-sena 2017 u ppreżentaw hemmhekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-International Protection Office (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda).

18

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal 1 ta’ Diċembru 2017, tat‑2 ta’ Frar 2018 u tad‑29 ta’ Ġunju 2018, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali ċaħad l-applikazzjonijiet għar-raġuni li dawn tal-aħħar kienu diġà ngħataw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, jiġifieri fl-Italja.

19

M.S., M.W. u G.S. ippreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda), li, permezz ta’ deċiżjonijiet rispettivi tat‑23 ta’ Mejju, tat‑28 ta’ Settembru u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ċaħdet dawn ir-rikorsi.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) b’rikors intiż għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

21

Filwaqt li tirreferi għall-punti 58 u 71 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lil Stat Membru li jiċħad applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli meta l-applikant ikun ingħata minn Stat Membru ieħor protezzjoni internazzjonali, kemm jekk ikun ikkonċernat l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Issa, taħt is-sistema tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, din il-possibbiltà kienet limitata għall-każijiet fejn l-applikant kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor.

22

Għaldaqstant, skont l-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32 flimkien mar-Regolament Dublin III, l-ebda Stat Membru ma huwa obbligat jittratta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta l-protezzjoni sussidjarja tkun diġà ngħatat fi Stat Membru ieħor.

23

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Irlanda, filwaqt li pparteċipat fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, iddeċidiet li ma tipparteċipax fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, minkejja li dan l-Istat Membru jibqa’ marbut bid-Direttiva 2005/85.

24

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn Stat Membru jkun marbut bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85 flimkien mar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tgħid li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titqies inammissibbli meta l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-portata tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“Istat Membru kkonċernat”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-preżentazzjoni, minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru, tikkostitwixxix abbuż ta’ dritt, b’tali mod li, fil-każ ta’ risposta affermattiva, dan l-aħħar Stat Membru jista’ jqis tali applikazzjoni bħala inammissibbli.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-riferiment għal ‘l-Istat Membru konċernat’ fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 ifisser (a) l-ewwel Stat Membru li ta protezzjoni ekwivalenti għall-ażil lil applikant għal protezzjoni internazzjonali jew (b) it-tieni Stat Membru li fih hija ppreżentata applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, jew (c) wieħed jew l-ieħor minn dawn l-Istati Membri?

2)

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata l-protezzjoni internazzjonali fil-forma ta’ protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru u jmur fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-preżentata ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, b’tali mod li t-tieni Stat Membru huwa awtorizzat jadotta miżura li tipprevedi li tali applikazzjoni sussegwenti hija inammissibbli?

3)

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li ma huwiex marbut bid-[Direttiva 2013/32], iżda li huwa marbut bir-Regolament [Dublin III], jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqis bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li preċedentement ingħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

27

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għalih japplika r-Regolament Dublin III iżda li ma huwiex marbut mid-Direttiva 2013/32, li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies inammissibbli meta l-applikant jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

28

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 8, 11 u 12 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda ddeċidiet, minn naħa, li ma tipparteċipax fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, li ħassret, għall-Istati Membri marbuta biha, id-Direttiva 2005/85, u, min-naħa l-oħra, li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Dublin II.

29

Konsegwentement, l-Irlanda hija suġġetta, fil-qasam tar-regoli tal-proċedura ta’ ażil, għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85 flimkien mar-Regolament Dublin III.

30

Skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli fis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

31

Kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 jippermettux lil Stat Membru jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb preċedentement l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Skont l-imsemmija qorti, dan ikun il-każ jekk il-kliem “l-Istat Membru kkonċernat” li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet kellu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jirreferu għall-Istat Membru li fih l-imsemmi ċittadin ikun ingħata preċedentement protezzjoni sussidjarja.

32

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25(2)(d) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni bħala inammissibbli meta l-applikant ikun awtorizzat jibqa’ “fl-Istat Membru kkonċernat” għal raġuni oħra li tkun tippermettilu li jingħata status ekwivalenti għad-drittijiet u għall-benefiċċji tal-istatus ta’ refuġjat, konformement mad-Direttiva 2004/83.

33

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 25(2)(e) ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni bħala inammissibbli meta l-applikant ikun awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-“Istat Membru kkonċernat” għal raġunijiet oħra li jipproteġuh minn kull refoulement sakemm jintlaħaq ir-riżultat ta’ proċedura li tippermetti d-determinazzjoni ta’ status skont l-Artikolu 25(2)(d) tal-imsemmija direttiva.

34

Filwaqt li l-kliem “Stat Membru ieħor”, li jinsab fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, jindika l-Istat Membru li fih l-applikant ingħata l-istatus ta’ refuġjat, il-kliem “l-Istat Membru kkonċernat”, imsemmi fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) ta’ din id-direttiva, jirreferi, min-naħa tiegħu, għall-Istat Membru li fih l-applikant huwa awtorizzat jibqa’ għar-raġunijiet l-oħra msemmija f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

35

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ kliem differenti fl-Artikolu 25(2)(a), minn naħa, u fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85, min-naħa l-oħra, huwa spjegat mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirreferi għal żewġ każijiet differenti, b’tali mod li l-kliem “l-Istat Membru kkonċernat” ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għal-kliem “Stat Membru ieħor”.

36

Minn dan jirriżulta li “l-Istat Membru kkonċernat” imsemmi fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 ma jistax jindika l-Istat Membru li jkun ta preċedentement lill-applikant ikkonċernat l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

37

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-espressjoni “tibqa’ fl-Istat Membru” bħala li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata jew eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil. Issa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2)(d) u (e) tal-imsemmija direttiva jirreferu speċifikament għall-każ fejn l-applikant ikun awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat jew fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

38

Konsegwentement, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem “l-Istat Membru kkonċernat”, imsemmi fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85, jirreferi għall-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u li fit-territorju tiegħu huwa jista’ jibqa’, jew minħabba li dan l-Istat Membru jkun diġà tah status ekwivalenti għad-drittijiet u għall-benefiċċji tal-istatus ta’ refuġjat, jew għaliex il-proċedura li tippermetti li jiġi ddeterminat tali status tkun għadha għaddejja.

39

Minn dan isegwi li r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) ta’ din id-direttiva ma jippermettux lil Stat Membru jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb preċedentement protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

40

Huwa minnu li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà elenkati fil-paragrafu 2 tiegħu għandhom jiżdiedu mal-“każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-Regolament [Dublin II]”, u li waħda minn dawn ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżami, li tinsab fl-Artikolu 16(1)(e) ta’ dan ir-regolament, tipprevedi li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil skont l-imsemmi regolament huwa obbligat jieħu lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu huwa jkun ċaħad u li jkun jinsab, mingħajr ma jkun ingħata permess, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

41

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85 flimkien mar-Regolament Dublin II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 jippermetti li applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli biss meta l-applikant ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 5871). Għaldaqstant, Stat Membru li fih applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85. Madankollu, dan l-ewwel Stat Membru jista’ dejjem jibda proċedura ta’ teħid lura abbażi tal-Artikolu 16(1)(e) tar-Regolament Dublin II.

42

Madankollu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda, filwaqt li kompliet tiġi suġġetta għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85, li tħassret mid-Direttiva 2013/32, iddeċidiet li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, li ħassar ir-Regolament Dublin II. Dan l-Istat Membru ma jistax, għaldaqstant, jitqies li la huwa marbut mid-Direttiva 2013/32 u lanqas mir-Regolament Dublin II.

43

Ir-riferiment għar-Regolament Dublin II li jinsab fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 għandu għalhekk jinftiehem bħala riferiment għar-Regolament Dublin III konformement mal-Artikolu 48 ta’ dan l-aħħar regolament. Barra minn hekk, skont it-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Dublin III, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżami li kienet prevista fl-Artikolu 16(1)(e) tar-Regolament Dublin II issa hija prevista fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III.

44

Issa, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżami previst fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, fil-kuntest ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32 flimkien mar-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax validament jitlob lil Stat Membru ieħor sabiex jieħu jew jieħu lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti minn dan ir-regolament, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri wara li jkun ingħata l-benefiċċju ta’ protezzjoni sussidjarja mit-tieni wieħed. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li ċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi żgurata permezz ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, pjuttost milli permezz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III (digriet tal‑5 ta’ April 2017, Ahmed, C‑36/17, EU:C:2017:273, punti 3941, kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 7879).

45

Għalhekk, peress li l-Irlanda la hija marbuta mid-Direttiva 2013/32 u lanqas mir-Regolament Dublin II, f’sitwazzjoni li fiha l-applikant għall-ażil jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda la jistgħu jadottaw deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont id-Direttiva 2013/32 u lanqas ma jistgħu jibdew proċedura ta’ teħid jew ta’ teħid lura abbażi tar-Regolament Dublin II, b’tali mod li dawn l-awtoritajiet huma obbligati, bħala prinċipju, li jeżaminaw l-applikazzjoni għall-ażil.

46

Madankollu, tali soluzzjoni, anki jekk tirriżulta mill-għażla tal-Irlanda li ma tapplikax ċerti miżuri li jaqgħu taħt is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, tmur kontra mhux biss il-loġika ta’ din is-sistema, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2005/85 u mir-Regolament Dublin III.

47

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 41 u 44 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, fil-kuntest kemm tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85 flimkien mar-Regolament Dublin II kif ukoll f’dik tad-Direttiva 2013/32 u tar-Regolament Dublin III, li Stat Membru ma kienx obbligat jeżamina applikazzjoni għall-ażil meta l-applikant kien diġà jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Din il-konstatazzjoni hija riflessa b’mod partikolari fil-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85, li tgħid li l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jeżaminaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-ażil fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew inkella protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż.

48

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84).

49

Issa, skont l-Artikolu 25(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2005/85, Stat Membru jista’ jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn protezzjoni meqjusa suffiċjenti f’pajjiż terz.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-Irlanda, li tipparteċipa fir-Regolament Dublin III, tiġi mġiegħla teżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb preċedentement protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, dan ma jkunx koerenti mal-fatt li hija tista’ tiċħad bħala inammissibbli tali applikazzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn protezzjoni meqjusa suffiċjenti f’pajjiż terz.

51

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 6 u mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2005/85 għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi għal dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri sabiex, b’mod partikolari, jiġu limitati l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-ażil bejn l-Istati Membri fil-każijiet fejn dawn il-movimenti jkunu dovuti għad-differenzi eżistenti bejn l-oqfsa legali ta’ dawn l-Istati Membri. Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa intiż preċiżament sabiex jipprevjeni tali movimenti billi jistabbilixxi mekkaniżmi u kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Issa, li kieku Stat Membru marbut mid-Direttiva 2005/85 u mir-Regolament Dublin III, bħall-Irlanda, kien obbligat jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, din is-sitwazzjoni tirriskja li tinkoraġġixxi lil dawn iċ-ċittadini jmorru fi Stati Membri oħra, u b’hekk joħolqu movimenti sekondarji li din id-direttiva u dan ir-regolament huma intiżi preċiżament li jipprevjenu (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Dublin III, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52).

53

Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli meta l-applikant jibbenefika minn protezzjoni suffiċjenti f’pajjiż terz, huma għandhom ikunu jistgħu, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, a fortiori, jagħmlu l-istess meta l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għalih japplika r-Regolament Dublin III iżda li ma huwiex marbut mid-Direttiva 2013/32, li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies inammissibbli meta l-applikant jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

Fuq it-tieni domanda

55

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għalih japplika r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, iżda li ma huwiex marbut mid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies inammissibbli meta l-applikant jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top