EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0579

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
R, fuq talba ta' Independent Meat Suppliers and another vs The Food Standards Agency.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa – Regolament (KE) Nru 854/2004 – Il-punt 2 tal-Artikolu 5 – Regolament (KE) Nru 882/2004 – Artikolu 54(3) – Regoli ta’ iġjene applikabbli għall-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Spezzjoni post mortem tal-karkassa u tal-ġewwieni – Veterinarju uffiċjali – Marka tas-saħħa – Rifjut – Laħam iddikjarat mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem – Dritt ta’ azzjoni legali kontra deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-579/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:665

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa – Regolament (KE) Nru 854/2004 – Il-punt 2 tal-Artikolu 5 – Regolament (KE) Nru 882/2004 – Artikolu 54(3) – Regoli ta’ iġjene applikabbli għall-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Spezzjoni post mortem tal-karkassa u tal-ġewwieni – Veterinarju uffiċjali – Marka tas-saħħa – Rifjut – Laħam iddikjarat mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem – Dritt ta’ azzjoni legali kontra deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑579/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Association of Independent Meat Suppliers,

Cleveland Meat Company Ltd,

vs

Food Standards Agency,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Association of Independent Meat Suppliers u Cleveland Meat Company Ltd, minn S. Hockman, QC, D. Hercock, barrister, u H. Leese, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn A. Dashwood, QC, u minn A. Heppinstall, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes, W. Farrell u B. Hofstötter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 854/2004”), u l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 882/2004.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Association of Independent Meat Suppliers u Cleveland Meat Company Ltd (iktar ’il quddiem “CMC”) u l-Food Standards Agency (l-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel, ir-Renju Unit) dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita wara deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa fuq karkassa ta’ CMC, li ddikjarat li din il-karkassa ma hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem u li wasslet għall-qerda tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ

3

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni.

4

L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja […]”

5

Konformement mal-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-perijodu ta’ tranżizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

6

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprovdi, fil-premessi 2 u 10 tiegħu:

“(2)

Livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat biex titwettaq il-politika tal-Komunità.

[…]

(10)

L-esperjenza wriet li huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri mmirati biex jiggarantixxu li ikel perikoluż ma jitqiegħedx fis-suq u li jiġi żgurat li jeżistu sistemi biex jidentifikaw u jirrispondu għall-problemi tas-sigurtà ta’ l-ikel biex jiġi żgurat it-tħaddim kif imiss tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa umana. Kwistjonijiet simili dwar is-sigurtà ta’ l-għalf għandhom ukoll jiġu ndirizzati.”

7

L-Artikolu 14(1), (2) u (5) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

2.   L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:

(a)

jkun ta’ħsara għas-saħħa;

(b)

ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.

[…]

5.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.”

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004

8

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35), intitolat “Timbri sanitarji u ta’ identifikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel ma għandhomx iqegħdu fis-suq prodott ta’ oriġini mill-annimali li jkun ġie ittrattat fi stabbiliment li jeħtieġ l-approvazzjoni skond l-artikolu 4(2) jekk ma jkunx fih:

(a)

timbru sanitarju fuqu skond ir-Regolament (KE) nru 854/2004; Jew

(b)

meta dak ir-Regolament ma jkunx jeħtieġ li jkun hemm timbru sanitarju, it-timbru ta’ identifikazzjoni fuq skond l-Anness II, Taqsima I, ta’ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament Nru 854/2004

9

Ir-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi, fil-premessi 1, 2, 4, 6 u 9 tiegħu:

“(1)

Ir-regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad‑29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319)] jippreskrivi r-regoli ġenerali għall-iġjene li japplikaw għall-oġġetti kollha ta’ l-ikel u r-Regolament [Nru 853/2004] jippreskrivi regoli speċifiċi għall-iġjene għal prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

(2)

Huma meħtieġa regoli speċifiċi għal kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali biex jingħata kont assoċjati ma’ dawk il-prodotti.

[…]

(4)

Il-kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali għandhom ikopru l-aspetti kollha li huma importanti għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, fejn xieraq, is-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali. […]

[…]

(6)

In-natura u l-intensità tal-kontrolli uffiċjali għandhom ikunu bbażati fuq stima tar-riskji tas-saħħa pubblika, is-saħħa u l-welfare ta’ l-annimali, fejn xieraq, it-tip u l-ammont ta’ materjal ipproċessat tal-proċessi mwettqa u l-operatur konċernat tan-negozju fl-ikel.

[…]

(9)

Minħabba l-kapaċità speċifika tagħhom, huwa xieraq li l-veterinarji uffiċjali jwettqu verifiki u spezzjonijiet ta’ biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġġaw annimali tal-kaċċa u ċerti impjanti tat-tqattiegħ. L-Istati Membri għandhom ikollhom id-diskrezzjonili jiddeċiedu dwar min huma l-ħaddiema l-aktar adattati għall-verifiki u l-ispezzjonijiet ta’ tipi oħra ta’ stabbilimenti.”

10

L-Artikolu 1(1), (1a) u (3) tar-Regolament Nru 854/2004 jindika:

“1.   Dan ir-Regolament jippreskrivi regoli speċjali għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

1a   Dan ir-Regolament għandu japplika b’żieda mar-Regolament [Nru 882/2004].

[…]

3.   It-twettieq ta’ kontrolli uffiċjali skond dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja legali ta’ l-operatur ta’ negozju fl-ikel biex tiġi assigurata s-sigurezza fl-ikel, kif preskritt fir-Regolament [Nru 178/2002], u kull responsabbiltà ċivili jew kriminali li tirriżulta minn ksur ta' l-obbligi tagħhom.”

11

Skont l-Artikolu 2(1)(ċ), (f) u (g) tar-Regolament Nru 854/2004:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(ċ)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti li twettaq verifiki veterinarji jew kull awtorità li lilha tkun ġiet delegata dik il-kompetenza;

(f)

‘veterinarju uffiċjali’ tfisser veterinarju kwalifikat skond dan ir-Regolament, biex jaġixxi f’dik il-kariga u maħtur mill-awtorità kompetenti;

(g)

‘veterinarju approvat’ tfisser veterinarju maħtur mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kontrolli speċifiċi uffiċjali f’irziezet għan-nom tagħha”.

12

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw lil-operaturi ta’ negozji fl-ikel joffru l-assistenza kollha biex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti ikunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv

Huma għandhom b’mod partikolari:

jagħtu aċċess għall-bini kollu, postijiet, stallazzjonijiet u infrastrutturi oħra;

jagħmlu disponibbli kull dokumentazzjoni u rekord meħtieġa taħt ir-regolament presenti jew meqjusa meħtieġa mill-awtorità kompetenti biex jiġġudikaw is-sitwazzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli uffiċjali biex tivverifika l-konformità ta’ l-operaturi tan-negozju fl-ikel mal-ħtiġijiet tar-:

(a)

Regolament (KE) Nru 852/2004;

(b)

Regolament (KE) Nru 853/2004;

u

(ċ)

Regolament (KE) Nru 1774/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3)].

3.   Il-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

verifiki tal-prattiċi tajba ta’ iġjene u analiżi tal-perikolu u proċeduri bbażati fuq il-punt kritiku ta’ kontroll (HACCP);

(b)

il-kontrolli uffiċjali speċifikati fl-Artikoli 5 sa 8;

u

(ċ)

kull kompiti partikolari ta’ verifika speċifikati fl-Annessi.

4.   Il-verifiki tal-prattiċi ta’ iġjene tajba għandhom jivverifikaw li l-oparturi tan-negozju fl-ikel japplikaw proċeduri kontinwament u kif imiss, dwar ta’ l-anqas:

(a)

verifiki dwar informazzjoni dwar il-katina ta’ l-ikel;

(b)

id-disinn u l-manutenzjoni tal-post u tat-tagħmir;

(ċ)

l-iġjene ta’ qabel l-operat, waqt l-operat u wara l-operat;

(d)

iġjene personali;

(e)

taħriġ fl-iġjene u fil-proċeduri tax-xogħol;

(f)

kontroll tal-pesti;

(g)

il-kwalità ta’ l-ilma;

(h)

il-kontroll tat-temperatura;

u

(i)

kontrolli fuq l-ikel jidħol jew iħalli l-istabbiliment u kull dokumentazzjonili takkumpanja.

5.   Il-verifiki tal-proċeduri bbażati fuq l-HACCP għandhom jivverifikaw li l-operaturi tan-negozju fl-ikel japplikaw kontinwament u kif imiss dawk il-proċeduri, u jagħtu kont partikolari biex jiżguraw li l-proċeduri jipprovdu l-garanziji speċifikati fit-Taqsima II ta’ l-Anness II li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Dawn għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu jekk il-proċeduri jiggarantux, sal-limitu possibbli, li prodotti ta’ oriġini mill-annimali:

(a)

jikkonformaw mal-kriterji mikrobijoloġiċi preskritti taħt il-leġislazzjoni tal-Komunità;

(b)

jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar residwi, kontaminanti u sustanzi pprojbiti;

u

(ċ)

ma jkunx fihom perikoli fiżiċi, bħal partikoli barranin.

Fejn, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, operatur ta’ negozju fl-ikel juża proċeduri stipulati fil-gwidi ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji HACCP pjuttost milli jistabbilixxi l-proċeduri speċifiċi proprji tiegħu, il-verifika għandha tkopri l-użu korrett ta’ dawn il-gwidi.

6.   Il-verifika tal-konformità mal-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 dwar l-applikazzjoni ta’ marki ta’ identifikazzjoni għandha sseħħ fl-istabbilimenti kollha approvati skond dak ir-Regolament, b’żieda ta’ verifika ta’ konformità ma’ ħtiġijiet oħra ta’ traċċabilità.

7.   Fil-każ ta’ biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa u impjanti tat-tqattiegħ li jqiegħdu laħam frisk fis-suq, veterinarju uffiċjali għandu jwettaq il-kompiti ta’ verifiki msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

8.   Meta twettaq il-kompiti ta’ verifika, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni speċjali:

(a)

biex tistabbilixxi jekk l-impjegati jew l-attivitajiet ta’ l-impjegati fl-istabbiliment fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni jkunux jikkonformaw mal-ħtiġijiet relevanti tar-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b). Biex issostni l-verifika, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq testijiet ta’ twettieq, sabiex tassigura li x-xogħol imwettaq mill-impjegati jkun iħares parametri speċifikati;

(b)

biex tivverifika r-rekords relevanti ta’ l-operatur tan-negozju fl-ikel;

(ċ)

biex tieħu kampjuni għal analiżi fil-laboratorju fejn meħtieġ;

u

(d)

li tiddokumenti l-elementi li jkun ingħata kont tagħhom u s-sejbiet tal-verifika.

9.   In-natura u l-intensità tal-kompiti ta’ verifika fir-rigward ta’ stabbilimenti individwali għandhom jiddependu fuq ir-riskju stmat. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha regolarment tagħmel stima:

(a)

tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku, u fejn xieraq, ta’ l-annimali;

(b)

fil-każ ta’ biċċeriji, l-aspetti tal-welfare ta’ l-annimali;

(ċ)

it-tip u l-ammont ta’ materjal ipproċessat u l-proċessi mwettqa;

u

(d)

ir-rekord tal-passat ta’ l-operatur tan-negozju fl-ikel fir-rigward tal-konformita mal-liġi dwar l-ikel.”

13

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk iseħħu skond l-Anness I.

1.

Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kompiti ta’ spezzjoni f’biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa u impjanti tat-tqattiegħ li jqegħdu fis-suq laħam frisk skond il-ħtiġijiet ġenerali tat-Taqsima I, il-Kapitolu II, ta’ l-Anness I, u l-ħtiġijiet speċifiċi tat-Taqsima IV, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

informazzjoni dwar il-katina ta’ l-ikel;

(b)

spezzjoni qabel il-qatla;

(ċ)

il-welfare ta’ l-annimali;

(d)

spezzjoni wara l-qtil;

(e)

materjal speċifikat ta’ riskju u bi-prodotti oħra mill-annimali;

u

(f)

ttestjar fil-laboratorju.

2.

L-immarkar tas-saħħa tal-karkassi ta’ annimali domestiċi bid-dwiefer mgħawwġa, mammali tal-kaċċa mrobbija minbarra lagomorfi, u annimali kbar tal-kaċċa, kif ukoll nofs karkassi, kwarti u qatgħat li jirriżultaw mill-qtugħ ta’ nofs karkassi fi tlett qatgħat bl-ingrossa, għandu jitwettaq fil-biċċeriji u fl-istabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa skond it-Taqsima I, il-Kapitolu III, ta’ l-Anness I. Il-marki tas-saħħa għandhom jiġu applikati minn, jew taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju uffiċjali fejn kontrolli uffiċjali ma jkunu identifikaw ebda defiċjenzi li jirrendu l-laħam mhux tajjeb għall-konsum uman.

3.

Wara li jwettaq il-kontrolli msemmija fil-punti 1 u 2,il-veterinarju uffiċjali għandu jieħu l-miżuri xierqa kif stipulati fl-Anness I, Taqsima II, b’mod partikolari fir-rigward:

(a)

tal-komunikazzjoni tar-riżultati ta’ l-ispezzjoni;

(b)

tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-katina ta’ l-ikel;

(ċ)

tad-deċiżjonijiet li jikonċernaw annimali ħajjin;

(d)

tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-welfare ta’ l-annimali;

u

(e)

tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-laħam.

4.

L-awżiljarji uffiċjali jistgħu jgħinu lill-veterinarju uffiċjali waqt il-verifiki ta’ kontroll imwettqa skond it-Taqsimiet I u UU ta’ l-Anness I kif speċifikat fit-Taqsima III, Kapitolu I. F’dak il-każ, huma għandhom jaħdmu bħala tijm indipendenti.

5.

(a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom impjegati uffiċjali biżżejjed biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa taħt l-Anness I bil-frekwenza speċifikata fit-Taqsima III, Kapitolu II.

(b)

Għandha tiġi segwita sistema bbażata fuq ir-riskju biex issir stima tan-numru ta’ ħaddiema uffiċjali li huma meħtieġa li jkunu presenti fuq il-linja tal-qtil f’biċċerija partikolari. In-numru ta’ impjegati uffiċjali nvoluti għandu jiġi deċiż mill-awtorità kompetenti u għandu jkun tali li jitħarsu l-ħtiġijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

6.

(a)

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-impjegati ta’ biċċerija jgħinu fil-kontrolli uffiċjali billi jwettqu ċerti kompiti speċifiċi, taħt is-sorveljanza tal-veterinarju uffiċjali, b’relazzjoni mal-produzzjoni ta’ laħam minn tjur u lagomorfi skond l-Anness I, Taqsima III, Kapitolu II, parti A. Jekk jagħmlu dan, huma għandhom jassiguraw li l-impjegati li jwettqu dawk il-kompiti:

(i)

ikunu kwalifikati u jsirilhom taħriġ skond dawk id-dispożizzjonijiet;

(ii)

jaġixxu indipendentement mill-impjegati ta’ produzzjoni;

u

(iii)

jirrapportaw kull defiċjenza lill-veterinarju uffiċjali.

(b)

L-Istati Membri jistgħu wkoll jippermettu lill-impjegati ta’ biċċerija li jwettqu kompita ta’ kampjonar seċifiku u ttestjar skond l-Anness I, Taqsima III, Kapitolu III, Parti B.

7.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-veterinarji uffiċjali u l-awżiljarji uffiċjali ikunu kwalifikati u jingħataw taħriġ skond l-Anness I, Taqsima III, Kaiptolu IV.”

14

Fit-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, il-Kapitolu III, intitolat “Immarkar tas-saħħa”, jiddisponi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“1.

Il-veterinarju uffiċjali għandu jissorvelja l-immarkar tas-saħħa u l-marki wżati.

2.

Il-veterinarju uffiċjali għandu jiżgura, b’mod partikolari, li:

(a)

il-marka tas-saħħa tiġi applikata biss lill-annimali […] u jkunu għaddew minn spezzjoni qabel il-qatla u wara l-qatla skond dan ir-Regolament u fejn ma jkun hemm ebda raġunijiet biex il-laħam jiġi dikjarat mhux tajjeb għall-konsum uman. […]

[…]”

15

Fit-Taqsima III tal-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004, il-Kapitolu IV, intitolat “Kwalifiki professjonali”, jiddisponi, fil-punt A tiegħu:

“VETERINARJI UFFIĊJALI

1.

L-awtorità kompetenti tista’ taħtar biss veterinarji li jkunu għaddew minn test li jilħaq il-ħtiġijiet tal-paragrafu 2 bħala veterinarji uffiċjali.

2.

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel l-arranġamenti għat-test. It-test għandu jikkonferma għerf fis-suġġetti li ġejjin sal-limitu meħtieġ skond l-isfond u l-kwalifiki tal-veterinarju.

(a)

leġislazzjoni nazzjonali u tal-Komunità dwar saħħa pubblika veterinarja, sigurezza ta’ l-ikel, saħħa ta’ l-annimali, welfare ta’ l-annimali u sustanzi farmaċewtiċi;

(b)

il-prinċipji tal-politika agrikolu komuni, il-miżuri tas-suq il-ħlasjiet lura ta’ l-esportazzjoni u l-kxif ta’ frodi […]

(ċ)

l-affarijiet l-aktar importanti ta’ l-ipproċessar ta’ l-ikel u t-teknoloġija ta’ l-ikel;

(d)

il-prinċipji, l-kunċetti u l-metodi ta’ prattika tajba ta’ manifattura u l-amministrazzjoni tal-kwalità;

[…]

(g)

il-prinċipji, kunċetti u metodi ta’ l-analiżi tar-riskju;

(h)

il-prinċipji, kunċetti u metodi ta’ l-HACCP, l-użu tal-HACCP matul il-katina kollha ta’ produzzjoni ta’ l-ikel;

(i)

il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ perikoli li jinġarru fl-ikel relatati mas-saħħa umana;

[…]

(o)

it-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif relatati mas-saħħa pubblika veterinarja;

[…]

(u)

il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tħassib dwar il-konsumatur; u

(v)

il-prinċipji ta’ taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu fil-katina tal-produzzjoni.

[…]

[…]

5.

Il-veterinarju uffiċjali għandu jżomm għerf aġġornat u jżomm ruġu aġġornat ma’ żviluppi ġodda permezz ta’ attivitajiet ta’ edukazzjoni regolari li tkompli u letteratura professjonali. Il-veterinarju uffiċjali għandu, fejn possibbli, jieħu sehem kull sena f’attivitajiet ta’ edukazzjoni li tkompli.

6.

Il-veterinarji diġà maħtura bħala veterinarji uffiċċjali għanu jkollhom għerf biżżejjed tas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 2. Fejn meħtieġ, huma għandhom jakkwistaw dan l-għerf permezz ta’ attivitajiet edukattivi li jkomplu. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel dispożizzjonijiet adegwati f’dan ir-rigward.

[…]”

Ir-Regolament Nru 882/2004

16

Ir-Regolament Nru 882/2004 jgħid, fil-premessi 1, 41 u 43 tiegħu:

“(1)

L-għalf u l-ikel għandhom ikunu fiż-żur u bnini. Il-leġislazzjoni tal-Komunità tikkomprendi sett ta’ regoli biex jiġi żgurat li dan il-għan jintlaħaq. Dawn ir-regoli jestendu għall-produzzjoni u t-qegħid fis-suq kemm ta’ għalf u ikel.

[…]

(41)

Il-ksur tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali jista’ jikkostitwixxi theddida għas-saħħa umana, s-saħħa ta’ l-annimali, u l-welfare ta’ l-annimali. […]

[…]

(43)

L-operaturi għandu jkollhom id-dritt ta’appell kontra id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti bħala riżultat tal-kontrolli uffiċjali, u għandhom ikunu informati b’dak id-dritt.”

17

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli ġenerali għat-twettieq ta’ kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformitàma’ regoli jimmira, b’mod partikolari, li:

(a)

jipprevjeni, jelimina jew inaqqas għal livelli aċċettabli riskji għall-bnedmin u l-annimali, jew direttament, jew permeżż ta’ l-ambjent;

u

(b)

jiggarantixxi prattiċi ġusti fil-kummerċ ta’ l-għalf u l-ikel u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur, inkluż it-tokkettjar ta’ għalf u ikel u forom oħra ta’ informazzjoni lill-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fi prodotti agrikoli.

3.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li jikkonċernaw kontrolli uffiċjali.

4.   It-twettieq ta’ kontrolli uffiċjali skond dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja legali ta’ operaturi fin-negozju ta’ l-għalf u l-ikel biex jiżguraw is-sigurezza ta’ l-għalf u l-ikel, kif preskritt fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, u xi responsabbiltà ċivili jew kriminali li tirriżulta minn ksur ta’ l-obbligi tagħhom.”

18

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 882/2004 jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet preskritti fl-Artikoli 2 u 3 tal-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandhom japplikaw.

Għandhom japplikaw ukoll it-tifsiriet li ġejjin:

1.

‘kontroll uffiċjali’ tfisser kull forma ta’ kontroll li l-awtorità kompetenti jew il-Komunità twettaq għall-verifikazzjonital-konformità tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali;

[…]

4.

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali jew xi awtorità oħra li lilha tkun ġiet konferita l-kompetenza; hija għandha wkoll tinkludi, fejn xieraq, l-awtorità korrispondenti ta’ pajjiż terz;

5.

‘korp ta’ kontroll’ tfisser parti terza indipendenti li lilha l-awtorità kompetenti tkun iddelegat ċerti kompiti ta’ kontroll;

[…]

10.

‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser nuqqas ta’ konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u mar-regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare.;

[…]”

19

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-għanijiet u l-kontrolli uffiċjali stipulati f’dan ir-Regolament.”

20

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-awtorità kompetenti tista’ tiddelega kompiti speċifiċi relatati ma’ kontrolli uffiċjali lil korp ta’ kontroll wieħed jew aktar skond il-paragrafi 2 sa 4.

[…]”

21

L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, intitolat “Azzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità”, jindika:

“1.   Fejn l-awtorità kompetenti tidentifika każi ta’ nuqqas ta’ konformità, hija għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li l-opeatur jirrimedja s-sitwazzjoni. Meta tiddeċiedi liema azzjoni għandha tittieħed, l-awtorità kompetenti għandha tagħti kont tan-natura tan-nuqqas ta’ konformità u r-rekord passat ta’ dak l-operatur fir-rigward ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Dik l-azzjoni għandha tinkludi, fejn xieraq, il-miżuri li ġejjin:

(a)

L-imposizzjoni ta’ proċeduri ta’ kondizzjonijiet tajba għall-ħarsien tas-saħħa jew kull azzjoni oħra meqjusa meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ l-għalf jew l-ikel jew il-konformità tal-liġi dwar l-għalf jew l-ikel, ir-regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew il-welfare ta’ l-annimali;

(b)

ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ għalf, ikel jew annimali;

(ċ)

l-immonitorjar, u, fejn meħtieġ l-ordni tas-sejħa lura, l-irtirar u/jew id-distruzzjoni ta’ l-għalf jew l-ikel;

(d)

l-awtorizzazzjoni li l-għalf jew l-ikel jintuża għal għanijiet li ma jkunux dawk li għalihom kienu oriġinarjament maħsuba;

(e)

is-sospensjoni ta’ l-operazzjoni jew l-għeluq tan-negozju kollu konċernat jew parti minnu għal perjodu xieraq ta’ żmien;

(f)

is-sospensjoni jew l-irtirar ta’ l-approvazzjoni ta’ l-istabbiliment;

(g)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 19 dwar kunsinni minn pajjiżi terzi;

(h)

kull miżura oħra li l-awtorità kompetenti tqis xierqa.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-operatur konċernat, jew rappresentant tiegħu,:

(a)

b’notifka bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni li għandha tittieħed skond il-paragrafu 1, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

u

(b)

informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ appell kontra dawk id-deċiżjonijiet u dwar il-proċeduri applikabbli u l-limiti ta’ żmien.

4.   Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ dispaċċ bid-deċiżjoni tagħha.

5.   In-nefqa kollha magħmula skond dan l-Artikolu għandha tinġarr mill-operatur responsabbli ta’ l-għalf u l-ikel.”

Id-dritt tar-Renju Unit

22

Skont l-Artikolu 8(2) tal-Food Safety Act 1990 (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal‑1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1990”), prodott tal-ikel ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel jekk ma jkunx sigur fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/2002.

23

L-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, intitolat “Spezzjoni u qbid ta’ prodotti tal-ikel suspettużi”, jipprevedi l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ fejn uffiċjal awtorizzat ta’ awtorità tal-infurzar bħall-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel iqis, wara spezzjoni, li l-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel.

24

L-Artikolu 9(3)u (4) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“3)   L-uffiċjal awtorizzat jista’ jew:

a)

jagħti avviż lill-persuna responsabbli għall-prodotti tal-ikel li jinformaha li, sakemm l-imsemmi avviż jiġi rtirat, dawn il-prodotti tal-ikel jew parti speċifika minnhom:

i)

ma jistgħux jintużaw għall-konsum mill-bniedem;

u

ii)

jew ma għandhomx jitneħħew, jew inkella ma għandhomx jitneħħew, ħlief lejn il-post speċifikat fl-avviż; jew

b)

jissekwestra l-prodotti tal-ikel inkwistjoni u jneħħihom sabiex il-kwistjoni tiġi ttrattata minn membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali.

Kull persuna li xjentement tikser ir-rekwiżiti ta’ avviż imsemmi fil-punt (a) iktar ’il fuq tkun ħatja ta’ reat.

4)   Fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu permezz tal-punt (a) tal-paragrafu 3 iktar ’il fuq, l-uffiċjal awtorizzat għandu jivverifika, fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien 21 jum, jekk il-prodotti tal-ikel inkwistjoni jissodisfawx jew le r-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel, u:

a)

jekk il-prodotti tal-ikel jitqiesu li huma konformi, huwa għandu jirtira l-avviż,

b)

jekk il-prodotti tal-ikel ma jitqisux li huma konformi, huwa għandu jissekwestrahom u jneħħihom sabiex il-kwistjoni titressaq quddiem membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali.”

25

Skont l-Artikolu 9(6) u (7) tal-imsemmija liġi:

“6)   Jekk jidher lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, abbażi tal-provi li jqis xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-prodotti tal-ikel li għandu jieħu konjizzjoni tagħhom skont dan l-artikolu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel, huwa għandu jiddikjara l-imsemmija prodotti tal-ikel mhux xierqa għall-konsum u jordna:

a)

il-qerda jew ir-rimi tagħhom b’mod li jitwaqqaf l-użu tagħhom għall-konsum mill-bniedem; u

b)

li l-ispejjeż raġonevolment inkorsi għall-finijiet tal-qerda jew tar-rimi jkunu sostnuti mill-proprjetarju tal-prodotti tal-ikel.

7)   Jekk avviż maħruġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 3 iktar ’il fuq jiġi rtirat jew meta l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali jintalab jieħu konjizzjoni tiegħu skont dan l-artikolu jirrifjuta li jiddikjara l-prodotti tal-ikel inkwistjoni mhux xierqa għall-konsum, l-awtorità tas-sigurtà tal-ikel għandha tikkumpensa lill-proprjetarju tal-prodotti tal-ikel għal kull deprezzament fil-valur tagħhom li jirriżulta mill-miżura meħuda mill-uffiċjal awtorizzat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Fil‑11 ta’ Settembru 2014, CMC xtrat barri ħaj għas-somma ta’ GBP 1 361.20 (lira sterlina) (madwar EUR 1700). Huwa tqies li kien xieraq sabiex jinqatel mill-veterinarju uffiċjali stazzjonat fil-biċċerija ta’ CMC u dan ħariġilha numru tal-qatla. Wara li l-barri nqatel, spettur tal-iġjene tal-laħam wettaq spezzjoni post mortem kemm tal-karkassa kif ukoll tal-ġewwieni u kkonstata l-preżenza ta’ tliet axxessi fil-ġewwieni. Il-ġewwieni ġie miċħud. Fl-istess jum, il-veterinarju uffiċjali spezzjona l-karkassa inkwistjoni u, wara diskussjoni mal-ispettur tal-iġjene tal-laħam, iddikjara l-laħam mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem minħabba li kienet issuspettata pijemija, forma ta’ avvelenament tad-demm. Minħabba f’hekk, ma twaħħlitx marka tas-saħħa fuq din il-karkassa, li kieku kienet tiċċertifika li din kienet xierqa għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentement, CMC ġiet ipprojbita milli tbigħ l-imsemmija karkassa skont ir-Regola 19 tal-Food Safety and Hygiene (England) Regulations 2013 (ir-Regoli tal‑2013 dwar is-Sigurtà u l-Iġjene tal-Prodotti tal-Ikel (l-Ingilterra)).

27

CMC talbet il-parir ta’ veterinarju ieħor u kkontestat l-opinjoni tal-veterinarju uffiċjali. Hija ssostni li, fid-dawl tal-kontestazzjoni tiegħu u tar-rifjut tiegħu li jirrilaxxa l-karkassa volontarjament, il-veterinarju uffiċjali, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, ikollu jissekwestraha u jressaqha quddiem membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex tingħata deċiżjoni dwar jekk din il-karkassa għandhiex tiġi ddikjarata mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem. L-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel, li hija l-awtorità kompetenti fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u li hija responsabbli għall-kontrolli uffiċjali fil-biċċeriji, qieset li ma kienx hemm bżonn li wieħed jirrikorri għal din il-proċedura u li, peress li l-veterinarju uffiċjali qiesha bħala mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, l-imsemmija karkassa kellha tintrema bħala prodott sekondarju tal-annimali.

28

Sussegwentement, fit‑23 ta’ Settembru 2014, il-veterinarju uffiċjali, li kien qiegħed jaġixxi f’isem l-Aġenzija tal-Istandards tal-ikel, innotifika lil CMC b’avviż li kien jordnaha tarmi l-karkassa inkwistjoni bħala prodott sekondarju tal-annimali skont ir-Regola 25(2)(a) tal-Animal By-Products (Enforcement) (England) Regulations 2013 (ir-Regoli tal‑2013 dwar il-Prodotti Sekondarji tal-Annimali (Infurzar) (l-Ingilterra)) u r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1). Dan l-avviż informa lil CMC li l-inosservanza tagħha seta’ jagħti lok għar-rimi tal-imsemmi karkassa, mill-persuna awtorizzata għall-ispejjeż ta’ CMC, u li jekk il-persuna awtorizzata titwaqqaf milli twettaq l-obbligi imposti mill-imsemmi avviż, dan jikkostitwixxi ksur. Dan l-istess avviż ippreċiża wkoll li CMC kellha dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju u li tali azzjoni legali kellha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur.

29

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talba għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench, ir-Renju Unit), sabiex jikkontestaw, prinċipalment, il-fondatezza tad-dikjarazzjoni tal-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel li tgħid li din tal-aħħar ma kinitx marbuta li tirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 u, sussidjarjament, sabiex isostnu li huwa r-Renju Unit li kellu jipprovdi mezzi sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali rigward jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Ir-rikors tagħhom ġie miċħud kemm quddiem dik il-qorti kif ukoll quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) (il-Qorti tal-Appell (l-Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Konsegwentement, huma ppreżentaw appell quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

30

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-kawża li tressqet quddiemha tqajjem tliet kwistjonijiet.

31

L-ewwel waħda tirrigwarda kwistjoni ta’ dritt intern, jiġifieri jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 hijiex applikabbli f’dawn iċ-ċirkustanzi u għandhiex tiġi implimentata mill-veterinarju uffiċjali jew mill-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel meta l-proprjetarju tal-karkassa, jiġifieri l-operatur tal-biċċerija kkonċernat, jirrifjuta li jirrilaxxaha volontarjament, b’mod li tipprovdi l-possibbiltà lil dan l-operatur li jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali li ma jaqbilx magħhom. It-tieni kwistjoni hija dik dwar jekk l-użu tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu huwiex kompatibbli mas-sistema stabbilita mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel. It-tielet kwistjoni tirrigwarda l-punt dwar jekk ir-Regolament Nru 882/2004 jeżiġix l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ appell u, jekk iva, jekk tali appell għandux jippermetti l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali fuq il-mertu kollu, jew jekk il-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni involuta fl-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.

32

Il-qorti tar-rinviju tindika, inter alia, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 ma hijiex strutturata f’termini ta’ appell kontra deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali rigward jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Fil-fatt, skont dik il-proċedura, jekk uffiċjal awtorizzat ta’ awtorità tal-infurzar bħall-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel iqis li ikel intiż għall-konsum mill-bniedem ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-ikel, dan l-uffiċjal jista’ jissekwestra l-ikel sabiex il-kwistjoni tiġi ttrattata minn membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, li jista’ jkun membru tal-ġudikatura onorarju jew imħallef tad-distrett legalment ikkwalifikat u li huwa aċċessibbli faċilment f’kull mument. Il-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali jista’ jiddeċiedi, abbażi ta’ provi li jqis xierqa, li l-karkassa inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti relatati mal-konsum mill-bniedem u jordna l-qerda tagħha għall-ispejjeż tal-proprjetarju. Barra minn hekk, dan il-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali jista’ wkoll jirrifjuta li jiddikjaraha mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, u l-awtorità tal-infurzar ikkonċernata għandha mbagħad tikkumpensa lill-proprjetarju għal kull deprezzament ta’ dan il-karkassa minħabba l-azzjoni ta’ dan l-uffiċjal.

33

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 tipprevedi l-possibbiltà, kemm għall-veterinarju uffiċjali jew għall-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel, li jittieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni wara d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiddikjara li karkassa ma hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem u, għall-operatur tal-biċċerija kkonċernat, li jissuġġetta din id-deċiżjoni għal eżami ġudizzjarju kif ukoll li jitlob lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali jiddeċiedi jekk il-karkassa inkwistjoni kinitx tissodisfa r-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel jew le.

34

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaċċettaw li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali ma jistax jordna lill-veterinarju uffiċjali japplika marka tas-saħħa, iżda jsostnu li, minn naħa, il-veterinarju uffiċjali jista’ jiġi mistenni li josserva d-deċiżjoni tal-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali u, konsegwentement, japplika marka tas-saħħa u li, min-naħa l-oħra, jista’ jingħata kumpens. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw ukoll ksur tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jimponi, fil-fehma tagħhom, li jiġi previst mekkaniżmu ta’ eżami ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiddikjara karkassa mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem. F’dan ir-rigward, huma jqisu li din id-dispożizzjoni tinkiser jekk, mingħajr ġustifikazzjoni jew kumpens adegwat, l-operatur ikkonċernat jiġi mċaħħad mill-proprjetà tal-karkassa inkwistjoni jew ikun obbligat li jiddisponi minnha b’mod li jneħħilha kull valur.

35

Mill-banda l-oħra, l-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel tqis li l-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 ma tippermettix li tiġi solvuta tilwima dwar jekk karkassa hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem, peress li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali ma għandux is-setgħa li jordna lill-veterinarju uffiċjali sabiex japplika marka tas-saħħa jew jagħmel ħaġa oħra ħlief li jiddikjara li karkassa li ma għandhiex tali marka ma hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem. L-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel tqis li l-karkassa inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għalhekk, fi kwalunkwe każ, tintrema bħala prodott sekondarju tal-annimali. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta, l-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel issostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu jawtorizza l-kontroll tal-użu ta’ proprjetà meta jkun hemm mezz proporzjonat sabiex jintlaħaq għan leġittimu (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397). Issa, hija tikkunsidra li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-ikel, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-interessi tal-konsumaturi huwa leġittimu u l-mezz magħżul huwa proporzjonat.

36

Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tassumi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 irrakkomandata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija korretta u li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali għandu s-setgħa li jagħti deċiżjoni li tista’ tirriżulta fl-għoti ta’ kumpens jekk huwa jqis li marka tas-saħħa kellha tiġi applikata fuq karkassa.

37

Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li, minkejja li dan ma ssemmiex mill-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel fl-argumenti tagħha, operatur ta’ biċċerija għandu d-dritt li jibda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) jew sabiex jikkontesta deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali li tiddikjara li karkassa ma hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem, jew inkella sabiex avviż ta’ rimi bħal dak imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza jiġi annullat. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti adita bit-talba tista’ tannulla tali deċiżjoni għal kwalunkwe raġuni ta’ illegalità, inkluż fil-każ fejn il-veterinarju uffiċjali jkun aġixxa b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu, fil-każ fejn dan ma jkunx applika l-kriterju legali adegwat jew fil-każ fejn id-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kultant tirrikorri għal proċedura orali u tista’ tordna miżuri obbligatorji, u għandha s-setgħa li tordna kumpens għal ksur tad-drittijiet taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

38

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ma tikkostitwixxix appell fil-mertu kontra d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiddikjara karkassa mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament [Nru 854/2004] u r-Regolament [Nru 882/2004] jipprekludu proċedura li permezz tagħha, skont l-Artikolu 9 tal-Food Safety Act 1990 (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal‑1990), Justice of the Peace (imħallef f’qorti distrettwali) jiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ u abbażi tal-evidenza ta’ esperti mressqa minn kull wieħed mill-partijiet jekk karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel?

2)

Ir-Regolament [Nru 882/2004] jeżiġi dritt għal azzjoni legali minn deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali, skont il-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 854/2004] li ddikjarat li l-laħam ta’ karkassa ma kienx xieraq għall-konsum mill-bniedem u, fl-affermattiv, x’approċċ għandu jiġi adottat fl-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali fil-kuntest ta’ azzjoni legali f’tali każ?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkompli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar it-talbiet tal-qrati tar-Renju Unit imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit għall‑31 ta’ Diċembru 2020, li huwa l-każ ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

41

Kif jirriżulta mill-punti 33 u 36 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titlaq mill-premessa li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 irrakkomandata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija korretta u li, għalhekk, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-veterinarju uffiċjali rrifjuta li japplika marka tas-saħħa fuq karkassa u l-proprjetarju tal-karkassa inkwistjoni ma jaqbilx ma’ dan ir-rifjut, il-veterinarju uffiċjali huwa marbut li jadixxi lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex dan jagħti deċiżjoni dwar il-qerda tal-karkassa inkwistjoni, b’mod li jkun hemm il-possibbiltà għall-proprjetarju li jikkontesta d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta veterinarju uffiċjali jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa fuq karkassa u l-proprjetarju ta’ din il-karkassa ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu jadixxi lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex dan jagħti deċiżjoni fuq il-mertu u abbażi tal-opinjonijiet tekniċi ta’ esperti mressqa minn kull wieħed mill-partijiet jekk l-imsemmija karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, mingħajr ma jkun jista’ jannulla formalment id-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali jew jordna t-tneħħija tal-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

43

Sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-regolamenti jagħmlu parti mill-“pakkett dwar l-iġjene tal-ikel” tad-dritt tal-Unjoni, kif tindika l-qorti tar-rinviju u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu.

44

Issa, l-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija regolamenti huwa, konformement mal-premessi 4 u 6 tar-Regolament Nru 854/2004 u mal-premessi 1 u 41 tar-Regolament Nru 882/2004, li jintlaħaq, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Sabiex jintlaħaq tali livell, dawn ir-regolamenti jobbligaw lill-Istati Membri li jwettqu kontrolli uffiċjali intiżi sabiex jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel tiġi osservata mill-operaturi tas-settur tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Pollo del Campo et, C‑199/18, C‑200/18 u C‑343/18, EU:C:2019:718, punt 33).

45

F’dan il-kuntest, l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004, jiġifieri l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti sabiex twettaq verifiki veterinarji jew kwalunkwe awtorità li lilha din il-kompetenza ġiet iddelegata, f’dan il-każ l-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel, taħtar, konformement mal-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-regolament, il-veterinarju uffiċjali li jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-kwalifiki professjonali previsti fil-punt A tal-Kapitolu IV tat-Taqsima III tal-Anness I tal-imsemmi regolament bħala veterinarju awtorizzat sabiex jaġixxi f’din il-kariga.

46

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-Regolament Nru 854/2004 u mill-annessi tiegħu jirriżulta li fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali intiżi għall-konsum mill-bniedem, il-leġiżlatur tal-Unjoni fada lill-veterinarju uffiċjali bir-responsabbiltà li jiżgura li l-laħam imqiegħed fis-suq huwa xieraq għall-konsum mill-bniedem u tah, konformement mat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolata “Kompiti tal-veterinarju uffiċjali”. Għaldaqstant, il-veterinarju uffiċjali jista’ raġonevolment jitqies bħala l-persuna l-iktar ikkwalifikata sabiex twettaq kontrolli fl-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 1997, Bakers of Nailsea, C‑27/95, EU:C:1997:188, punt 35).

47

Barra minn hekk, peress li l-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel huwa kkaratterizzat minn kumplessità li tippreżenta livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu, fil-kuntest ta’ dawn il-kontrolli, setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva li hija madankollu rregolata mir-rekwiżiti ddefiniti fir-regolamenti f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 69).

48

Issa, ir-rwol importanti li jokkupa, skont ir-Regolament Nru 854/2004, il-veterinarju uffiċjali bħala awtorità amministrattiva u bħala espert ikkwalifikat, speċjalizzat u responsabbli finali fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel ma jistax jiġi kkonċiljat ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, li tipprovdi li jekk il-veterinarju uffiċjali jqis li għandu jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa fuq karkassa u l-proprjetarju ta’ din il-karkassa jikkontesta din il-konklużjoni, il-veterinarju uffiċjali huwa obbligat jadixxi lil qorti sabiex din tiddeċiedi dwar jekk l-imsemmija karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel.

49

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni twassal għas-sostituzzjoni tal-veterinarju uffiċjali, bħala l-persuna finalment responsabbli fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, minn qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.

50

Sa fejn, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa allegat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-possibbiltà lill-proprjetarju ta’ karkassa li fuqha l-veterinarju uffiċjali rrifjuta li japplika marka tas-saħħa li jikkontesta din id-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali, madankollu għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 jimponux li l-Istat Membru kkonċernat jipprevedi rimedju ġudizzjarju kontra tali deċiżjoni.

51

Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 854/2004, li jirrigwarda, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, ma jinkludi l-ebda regola dwar id-drittijiet ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali. Mill-banda l-oħra, ir-Regolament Nru 882/2004, li jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali f’dan il-qasam, jipprevedi espressament, fl-Artikolu 54(3) tiegħu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-operatur ikkonċernat, l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ appell ta’ dan tal-aħħar kontra deċiżjonijiet intiżi sabiex jirrimedjaw dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

52

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1a) tar-Regolament Nru 854/2004, dan japplika flimkien mar-Regolament Nru 882/2004 li, skont l-Artikolu 1(3) tiegħu, ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kontrolli uffiċjali. Konsegwentement, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament Nru 854/2004 dwar id-drittijiet ta’ appell kontra deċiżjonijiet ta’ veterinarji uffiċjali, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 882/2004.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu, huwiex applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali meħuda fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali li huwa jwettaq, b’mod iktar partikolari għad-deċiżjonijiet, meħuda skont il-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, li ma tiġix applikata marka tas-saħħa fuq prodott tal-ikel.

54

Skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-operatur ikkonċernat notifika bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ appell ta’ dan l-operatur kontra tali deċiżjoni kif ukoll dwar il-proċedura u t-termini applikabbli. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 43 ta’ dan ir-regolament, li tindika li “[l]-operaturi għandu jkollhom id-dritt ta’ appell kontra id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti bħala riżultat tal-kontrolli uffiċjali, u għandhom ikunu informati b’dak id-dritt”.

55

Skont il-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004 jirrigwarda l-miżuri li l-awtorità kompetenti għandha tieħu sabiex, meta din tidentifika nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-operatur jirrimedja din is-sitwazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa fuq prodott tal-ikel tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “nuqqas” fis-sens tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004.

56

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità mal-liġi” huwa ddefinit b’mod wiesa’ fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 882/2004 u jkopri kull ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf jew l-ikel kif ukoll tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali.

57

Barra minn hekk, fost il-miżuri neċessarji sabiex l-operatur jirrimedja n-nuqqas irrilevat mill-awtorità kompetenti, l-Artikolu 54(2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ikel. Issa, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 178/2002, l-ebda prodott tal-ikel ma għandu jitqiegħed fis-suq jekk jitqies li ma huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem.

58

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali, meħuda skont il-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, li ma japplikax marka tas-saħħa fuq prodott tal-ikel, minħabba li ġiet innotata irregolarità waqt il-kontroll uffiċjali li tista’ tirrendi l-laħam mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, għandha preċiżament l-effett li tipprekludi li karkassa mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem titqiegħed fis-suq.

59

Konsegwentement, l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 huwa applikabbli għad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa fuq prodott tal-ikel meħuda skont il-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004 u jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju li permezz tiegħu l-operatur ta’ biċċerija kkonċernat ikun jista’ jikkontesta tali deċiżjoni.

60

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk proċedura bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda tiggarantixxix protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-operatur ikkonċernat fis-sens tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004.

61

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għal parti fil-kawża partikolari li jressaq kawża sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet iggarantiti lilu bid-dritt tal-Unjoni u sabiex jikseb il-kumpens għad-dannu li dak il-ksur ikun ikkawżalu tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil din il-parti fil-kawża meta l-qorti adita bil-kawża jkollha l-possibbiltà li tistħarreġ l-att jew il-miżura li wasslet għall-imsemmi ksur u għall-imsemmi dannu (ara, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 101).

62

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 ma hijiex strutturata f’termini ta’ appell kontra deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali fis-sens tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004. Jekk il-qorti adita, abbażi tal-provi li tikkunsidra xierqa, jidhrilha li l-prodott tal-ikel inkwistjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, hija għandha tiddikjarah mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem u tordna l-qerda tiegħu għall-ispejjeż tal-proprjetarju. Barra minn hekk, il-qorti adita tista’ wkoll tirrifjuta li tiddikjara l-prodott tal-ikel inkwistjoni mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, peress li l-awtorità tal-infurzar imbagħad ikollha tikkumpensa lill-proprjetarju għal kull deprezzament dovut għall-azzjoni tal-uffiċjal inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jgħidu li, f’din l-aħħar ipoteżi, il-veterinarju uffiċjali għandu jsegwi d-deċiżjoni tal-qorti u, konsegwentement, japplika marka tas-saħħa fuq il-karkassa kkonċernata.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmija proċedura ma tippermettix lill-operatur ikkonċernat, li d-drittijiet u l-interessi tiegħu huma direttament affettwati minn deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali, li jadixxi lill-qorti kompetenti fuq inizjattiva tiegħu stess.

64

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-qorti ma hijiex f’pożizzjoni li timponi fuq il-veterinarju uffiċjali d-deċiżjoni tagħha stess dwar l-evalwazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata tal-veterinarju uffiċjali.

65

Fil-fatt, minkejja li din il-qorti tidher li tista’ tistabbilixxi l-fatti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prodott tal-ikel ikkonċernat jissodisfax ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel abbażi ta’ provi li hija tqis xierqa u li tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-opinjoni ta’ veterinarju ieħor li hija qabbdet sabiex jeżamina l-karkassa inkwistjoni, hija madankollu ma hijiex awtorizzata tannulla d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiddikjara li din il-karkassa ma hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem u li tordna r-rimi tal-imsemmija karkassa bħala prodott sekondarju tal-annimali.

66

Konsegwentement, il-proċedura kkonċernata mill-ewwel domanda ma hijiex intiża sabiex tikseb la l-annullament tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiddikjara l-karkassa inkwistjoni mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem u lanqas it-tneħħija tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, ma twassalx għal deċiżjoni ġudizzjarja li għandha effett legalment vinkolanti fir-rigward tal-awtorità amministrattiva kkonċernata.

67

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-veterinarju uffiċjali għandu jsegwi d-deċiżjoni ta’ rifjut li l-prodott tal-ikel inkwistjoni jiġi ddikjarat mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem u li tiġi applikata marka tas-saħħa fuqha, għandu jiġi rrilevat li xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti adita ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi, hija stess, b’mod definittiv u vinkolanti dwar kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali li titressaq quddiemha.

68

Bl-istess mod, il-fatt li jista’ jkun dovut kumpens meta, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, il-qorti adita tirrifjuta li tiddikjara l-karkassa inkwistjoni mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti, peress li l-għoti ta’ tali kumpens ma jaqax, bħala tali, taħt is-suġġett tat-tilwima quddiem din il-qorti.

69

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li proċedura bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda ma tistax tipprovdi garanziji suffiċjenti lil operatur ta’ biċċerija kontra d-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali u, għaldaqstant, din il-proċedura ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ rimedju effettiv fis-sens tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta veterinarju uffiċjali jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa fuq karkassa u l-proprjetarju ta’ din il-karkassa ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu jadixxi lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex dan jagħti deċiżjoni fuq il-mertu u abbażi tal-opinjonijiet tekniċi ta’ esperti mressqa minn kull wieħed mill-partijiet jekk l-imsemmija karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, mingħajr ma jkun jista’ jannulla formalment id-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali jew jordna t-tneħħija tal-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Fuq it-tieni domanda

71

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-premessa 43 tiegħu u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat biss, fil-kuntest li fih il-qorti adita tista’ tannullaha għal kwalunkwe raġuni li tirrendiha illegali, inkluż fil-każ fejn dan il-veterinarju jkun aġixxa b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu, fil-każ fejn dan ma jkunx applika l-kriterji legali adegwati jew fil-każ fejn id-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti.

72

Kif jirriżulta mill-punti 54 u 59 ta’ din is-sentenza, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 jobbligaw lill-Istati Membri li jipprevedu rimedju ġudizzjarju li permezz tiegħu l-operatur tal-biċċerija kkonċernat jista’ jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali u dan tal-aħħar għandu, bħala awtorità kompetenti, jibgħat lil dan l-operatur informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu ta’ appell kif ukoll dwar il-proċedura u t-termini applikabbli.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-regolamenti jħallu f’idejn l-Istati Membri sabiex jipprevedu r-regoli neċessarji sabiex l-operaturi tal-biċċerija kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

74

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu r-rispett ta’ dan id-dritt. Għalhekk, minkejja l-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet sabiex jitressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali, u sabiex tiġi ddeterminata l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet nazzjonali adottati skont att tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies l-iskop ta’ dan l-att u għandu jiġi żgurat li l-effikaċja tiegħu ma tiġix ippreġudikata (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punti 4654 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri jikkorrispondi mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Minn dan isegwi li, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 lill-operaturi ta’ biċċerija leżi minn deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu f’dan l-aħħar artikolu u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi evalwat, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Dawn huma kriterji li huma, essenzjalment, paragunabbli ma’ dawk applikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, din tal-aħħar tiddeċiedi b’mod kostanti li, sabiex tevalwa jekk, f’każ partikolari, il-qrati nazzjonali wettqux stħarriġ ta’ portata suffiċjenti, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi attribwiti lill-qorti inkwistjoni u elementi bħal, l-ewwel, is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar partikolari jekk kinitx tikkonċerna jew le kwistjoni speċjalizzata li teħtieġ għarfien jew esperjenza professjonali u jekk kinitx tinvolvi l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni amministrattiva u, jekk iva, sa liema punt, it-tieni, il-mod li bih ġiet adottata din id-deċiżjoni u, b’mod partikolari, il-garanziji proċedurali disponibbli fil-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, u, it-tielet, il-kontenut tat-tilwima, inklużi l-aggravji mixtieqa u attwali (Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jadottaw l-istess regola li tipprovdi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li sabiex qorti tkun tista’ tiddeċiedi fuq kontestazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li hija jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81

Issa, f’dan il-każ, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

82

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-operatur ta’ biċċerija għandu l-possibbiltà li jibda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales)) jew sabiex jikkontesta d-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali li tiddikjara karkassa mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, li hija deċiżjoni li għalhekk tinkludi r-rifjut li tiġi applikata marka tas-saħħa, jew inkella sabiex avviż ta’ rimi ta’ din il-karkassa jiġi annullat. Din il-qorti tista’ tannulla d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali għal kwalunkwe raġuni li tirrendi din id-deċiżjoni illegali, inkluż fil-każ fejn dan il-veterinarju jkun aġixxa b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu, fil-każ fejn dan ma jkunx applika l-kriterji legali adegwati jew fil-każ fejn id-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti. Hija kultant tisma’ provi orali, tagħti digrieti obbligatorji u għandha s-setgħa li tordna kumpens għal ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mill-KEDB. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ma jikkostitwixxix appell fil-mertu kontra d-deċiżjoni meħuda.

83

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa, bħal dik imwettqa mill-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales)), tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-punti 79 sa 74 ta’ din is-sentenza.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ma tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju komplet fir-rigward tal-mertu tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa.

85

Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, peress li l-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel huwa kkaratterizzat minn kumplessità li tippreżenta livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu, fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali li bihom ġie inkarigat, setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva. Fil-fatt, mill-punt 2 tal-Artikolu 5, in fine, tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li l-marki tas-saħħa jiġu applikati mill-veterinarju uffiċjali, jew inkella taħt ir-responsabbiltà tiegħu, fejn il-kontrolli uffiċjali ma jkunu identifikaw l-ebda waħda mill-irregolaritajiet li jistgħu jirrendu l-laħam mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem.

86

Kif jipprevedi l-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, dwar il-kompiti ta’ spezzjoni, fil-kuntest ta’ kontrolli uffiċjali, il-veterinarju uffiċjali għandu jikkontrolla u janalizza l-informazzjoni rilevanti li toriġina mir-rekords tal-azjenda ta’ provenjenza tal-annimali għall-iskarnar kif ukoll jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati debitament issostanzjati ta’ dan il-kontroll u ta’ din l-analiżi meta jwettaq spezzjonijiet ante mortem u post mortem.

87

Barra minn hekk, mill-Kapitolu III tat-Taqsima I ta’ dan l-anness jirriżulta li l-veterinarju uffiċjali għandu inter alia jiżgura li l-marka tas-saħħa tiġi applikata biss fuq annimali li jkunu ġew suġġetti għal spezzjoni ante mortem u post mortem konformement mal-imsemmi regolament u meta ma jkun hemm l-ebda raġuni sabiex il-karkassa inkwistjoni tiġi ddikjarata mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem.

88

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi applikata marka tas-saħħa, il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq evalwazzjoni teknika kumplessa li teħtieġ kwalifika professjonali xierqa kif ukoll għarfien espert f’dan il-qasam. Huwa b’dan il-mod li dan huwa kompletament responsabbli sabiex jevita kwalunkwe laħam mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem milli jitqiegħed fis-suq u sabiex jiżgura b’dan il-mod l-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004.

89

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tiegħu għandha, skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, tosserva ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw b’mod partikolari n-notifika bil-miktub tiegħu u l-motivazzjoni tiegħu, kif ukoll informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ appell. Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu importanza kompletament partikolari, peress li jagħmel id-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet fil-pożizzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jippreżentaw rikors kontra tagħhom. Dan l-obbligu huwa wkoll neċessarju sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet u jikkostitwixxi għalhekk waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 40, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u CRU, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103).

90

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari r-regoli fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, meta l-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni tiġi adita b’azzjoni li tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija għandha tiżgura li l-proċedura ġudizzjarja, kollha kemm hi, tkun konformi kemm mad-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll mal-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, imfittex mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, ibbażati fuq l-Artikolu 168(4)(b) TFUE.

91

Issa, ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali meta jiddeċiedi li karkassa hija xierqa għall-konsum mill-bniedem u għalhekk tista’ titqiegħed fis-suq ma jirrikjedix, fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li l-Artikolu 47 tal-Karta jiġi interpretat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi, fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu stħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet kollha magħmula mill-veterinarju uffiċjali fuq il-fatti speċifiċi ħafna kkonstatati waqt l-ispezzjonijiet u li jirrigwardaw il-marki tas-saħħa.

92

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales)), fil-kuntest tal-eżami ta’ appell kontra deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ din id-deċiżjoni skont il-modalitajiet speċifikati fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-veterinarju uffiċjali ma aġixxiex b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu u, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi ssanzjonat il-fatt li huwa ma jkunx applika l-kriterji legali adegwati jew li d-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti.

93

Sa fejn tali stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni jiġi eżerċitat fid-dawl tal-motivazzjoni meħtieġa tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali, il-portata tiegħu hekk limitata ma twassalx sabiex tiġi kompromessa l-essenza nnifisha tal-garanziji li jipproteġu d-drittijiet tal-operatur ta’ biċċerija meta dan jikkontesta, konformement mar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa wara li jkun iddikjara li l-laħam inkwistjoni ma huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Għaldaqstant, tali stħarriġ jista’ jirrispetta d-dritt ta’ operatur tal-biċċerija għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

94

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imressaq mill-operatur ta’ biċċerija inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, ċertament, wara deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa, l-ipproċessar tal-karkassa kkonċernata jista’ jirriżulta fl-obbligu li din tinqered. Madankollu, tali qerda taqa’ taħt l-ipproċessar tagħha, skont ir-Regolament Nru 1069/2009, li, bl-għan inter alia li jikkontrolla r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali, jistabbilixxi klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati fi tliet kategoriji skont il-livell ta’ riskju li dawn jippreżentaw għas-saħħa pubblika u tal-annimali, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji. Għandu jitfakkar, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza tal-lum, Toropet (C‑836/19, punt 45), li dan il-livell ta’ riskju li minnu tiddependi din il-klassifikazzjoni tat-tliet kategoriji jikkostitwixxi wkoll il-kriterju rilevanti għall-użu finali tal-prodotti sekondarji tal-annimali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1069/2009 stabbilixxa listi tal-użu possibbli u tar-rimi possibbli għal kull kategorija ta’ materjal kif ukoll ir-regoli applikabbli għal kull waħda minnhom sabiex dan il-livell ta’ riskju jitnaqqas kemm jista’ jkun.

96

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-proprjetà, li huwa ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta, ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 68). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-dritt għall-proprjetà għandu jiġi kkonċiljat mal-Artikolu 38 tal-Karta li, bħall-Artikolu 168(4)(b) TFUE, huwa intiż li jiżgura, fil-politiki tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

97

Issa, l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa wkoll il-każ, f’dan il-każ, sa fejn l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 854/2004 jipprevedi r-responsabbiltà legali primarja tal-operaturi tas-settur tal-ikel li jiżguraw, huma stess, is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, konformement mar-Regolament Nru 178/2002, indipendentement mill-konsegwenzi ekonomiċi li dan id-dmir jista’ jikkawżalhom.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-premessa 43 tiegħu u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 882/2004, li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat biss, fil-kuntest li fih il-qorti adita tista’ tannullaha għal kwalunkwe raġuni li tirrendiha illegali, inkluż fil-każ fejn dan il-veterinarju jkun aġixxa b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu, fil-każ fejn dan ma jkunx applika l-kriterji legali adegwati jew fil-każ fejn id-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti.

Fuq l-ispejjeż

99

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004, u r-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta veterinarju uffiċjali jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa fuq karkassa u l-proprjetarju ta’ din il-karkassa ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu jadixxi lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex dan jagħti deċiżjoni fuq il-mertu u abbażi tal-opinjonijiet tekniċi ta’ esperti mressqa minn kull wieħed mill-partijiet jekk l-imsemmija karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, mingħajr ma jkun jista’ jannulla formalment id-deċiżjonijiet tal-veterinarju uffiċjali jew jordna t-tneħħija tal-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

 

2)

L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-premessa 43 tiegħu u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 882/2004, li ma japplikax marka tas-saħħa fuq karkassa tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat biss fil-kuntest li fih il-qorti adita tista’ tannullaha għal kwalunkwe raġuni li tirrendiha illegali, inkluż fil-każ fejn dan il-veterinarju jkun aġixxa b’għan differenti minn dak li għalih ingħatawlu s-setgħat tiegħu, fil-każ fejn dan ma jkunx applika l-kriterji legali adegwati jew fil-każ fejn id-deċiżjoni tiegħu tkun infondata jew mhux sostnuta minn provi suffiċjenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top