This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0559
Judgment of the Court (First Chamber) of 24 June 2021.#European Commission v Kingdom of Spain.#Failure of a Member State to fulfil obligations – Article 258 TFEU – Doñana protected natural area (Spain) – Directive 2000/60/EC – Framework for European Union action in the field of water policy – Articles 4(1)(b)(i), 5 and 11(1)(3)(a), (c) and (e) and (4) – Deterioration of bodies of groundwater – Absence of further characterisation of those groundwater bodies identified as being at risk of deterioration – Appropriate basic and supplementary measures – Directive 92/43/EEC – Article 6(2) – Deterioration of natural habitats and habitats of species.#Case C-559/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Żona naturali protetta ta’ Doñana (Spanja) – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(b)(i), Artikolu 5, Artikolu 11(1), Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e), kif ukoll Artikolu 11(4) – Deterjorazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art – Assenza ta’ karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li huma meqjusa bħala li huma esposti għal riskju ta’ deterjorazzjoni – Miżuri bażiċi u miżuri supplimentari adegwati – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) – Deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi.
Kawża C-559/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Żona naturali protetta ta’ Doñana (Spanja) – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(b)(i), Artikolu 5, Artikolu 11(1), Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e), kif ukoll Artikolu 11(4) – Deterjorazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art – Assenza ta’ karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li huma meqjusa bħala li huma esposti għal riskju ta’ deterjorazzjoni – Miżuri bażiċi u miżuri supplimentari adegwati – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) – Deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi.
Kawża C-559/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:512
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
24 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Żona naturali protetta ta’ Doñana (Spanja) – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(b)(i), Artikolu 5, Artikolu 11(1), Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e), kif ukoll Artikolu 11(4) – Deterjorazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art – Assenza ta’ karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li huma meqjusa bħala li huma esposti għal riskju ta’ deterjorazzjoni – Miżuri bażiċi u miżuri supplimentari adegwati – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) – Deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi”
Fil-Kawża C‑559/19,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑22 ta’ Lulju 2019,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Hermes, E. Manhaeve u E. Sanfrutos Cano, sussegwentement minn C. Hermes, E. Manhaeve u M. Jáuregui Gómez, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, sussegwentement minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u M.‑J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, M. Safjan, P. G. Xuereb, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, minn naħa, taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU 2000, L 327, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE tas‑17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 353, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/60”), moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tagħha, u taħt l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll taħt l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, fir-rigward tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art u tal-habitats fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana (Spanja). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva 2000/60
2 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
[…] u b’hekk jikkontribwixxi:
|
3 |
L-Artikolu 4(1)(b) u (ċ) u l-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali: […]
[…] 4. Il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-finijiet ta’ kisba tal-għanijiet f’fażijiet għal korpi ta’ ilma, sakemm ma titfaċċax aktar deterjorazzjoni fl-istat ta’ korp tal-ilma affettwat meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ntlaħqu: […]” |
4 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Kull Stati Membru jrid jiżgura li għal kull distrett tal-baċin tax-xmara jew għal parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa fi ħdan it-territorju tiegħu:
hija marbuta skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa fl-Anness II u III u li huwa komplut sa’ l-anqas erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 2. L-analiżi u riviżjonijiet imsemmija taħt paragrafu 1 iridu jiġu riveduti, u jekk meħtieġ aġġornati sa’ l-anqas 13 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull wara sitt xhur [sitt snin].” |
5 |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu. 2. Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‘bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‘supplimentari’. 3. ‘Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:
[…]
[…]
[…] 4. Miżuri ‘supplimentari’ huma dawk il-miżuri ddisinjati u implimentati b’żieda mal-miżuri bażiċi, bl-għan tal-kisba ta’ l-għanijiet stabbiliti skond l-Artikolu 4. Parti B ta’ l-Anness VI fiha lista mhux esklussiva ta’ dawn il-miżuri. L-Istati Membri jistgħu ukoll jadottaw aktar miżuri supplimentarji sabiex jipprovdu protezzjoni addizzjonali jew meljorament ta’ ilmijiet koperti minn din id-Direttiva, inklużi fl-implimentazzjoni tal-ftehim relevanti internazzjonali li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 1. […]” |
6 |
Il-punt 2.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Karatterizzazzjoni inizjali”, jipprovdi: “L-Istati Membri jridu jagħmlu karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art biex jistmaw l-użu tagħhom u l-grad fejn huma jkunu fir-riskju li jonqsu li jilħqu l-għanijiet għal kull korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Artikolu 4. L-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi grupp korpi ta’ l-ilma tal-qiegħ flimkien ma’ l-iskopijiet ta’ din il-karatterizzazzjoni inizjali. Din l-analiżi tista’ tagħmel użu ta’ data eżistenti idroloġikali, ġeoloġiċi, pedoloġikali, użu fuq l-art, ħruġ, estrazzjoni u fatti magħrufa data oħra imma trid tidentifika:
[…]” |
7 |
Il-punt 2.2 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Aktar karatterizzazzjoni”, jipprovdi: “Skond din il-karatterizzazzjoni inizjali, l-Istati Membri jridu jagħmlu aktar karatterizzazzjoni minn dawk il-korpi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew mill-gruppi ta’ korpi li ġew identifikati bħala li jkunu fir-riskju, sabiex tkun stabbilita stima aktar preċiża tas-sinifikat ta’ dan ir-riskju u identifikazzjoni tal-miżuri kollha li jinħtieġu taħt l-Artikolu 11. Għalhekk, din il-karatterizzazzjoni trid tinkludi informazzjoni relevanti fuq l-impatt ta’ attività umana u, fejn relevanti, informazzjoni fuq:
|
8 |
Il-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjoni ta’ stat kwantitattiv”, jiddefinixxi l-“[l]ivell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” kif ġej: “Il-livell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fil-korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa tant li riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ma’ jaqbżux ir-rata medja annwali ta’ żmien twil ta’ estrazzjoni. Skond, il-livell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ma’ jkunx soġġett għal alterazzjonijiet antropoġeniċi tant li jirriżulta:
u alterazzjonijiet f’direzzjonijiet ta’ tnixxija li jirriżultaw minn bdil tal-livell jistgħu jseħħu temporanjament, jew kontinwament f’żona spazjali limitata, imma ċerta dawrien bil-kontra tad-direzzjoni ma’ jikkawżawx ilma mielaħ jew intrużjoni oħra, u ma’ jindikax trend indotta antropoġenikalment sostnuta u identifikata b’mod ċar fid-direzzjoni tal-fluss li x’aktarx tirriżulta f’dawn l-intrużjonijiet.” |
B. Id-Direttiva 92/43
9 |
L-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 92/43 huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
10 |
L-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.” |
11 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [tat-2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [79/409], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.” |
II. Il-fatti li wasslu għat-tilwima u l-proċedura prekontenzjuża
12 |
Doñana hija żona naturali protetta li tinsab fil-Lbiċ ta’ Spanja (iktar ’il quddiem iż-“żona naturali protetta ta’ Doñana”). Din iż-żona tinkludi kemm il-park nazzjonali ta’ Doñana, maħluq fl-1969, u l-park naturali ta’ Doñana, maħluq fl-1989 u estiż fl-1997. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE tad‑19 ta’ Lulju 2006 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju (ĠU 2007, L 142M, p. 64), il-Kummissjoni inkludiet f’dan l-elenku tliet żoni protetti li jinsabu f’dan il-park tal-aħħar, jiġifieri Doñana, li hija meqjusa bħala żona ta’ protezzjoni speċjali u li għandha l-kodiċi ZEPA/LIC ES0000024, Doñana Norte y Oeste, li hija wkoll meqjusa bħala żona ta’ protezzjoni speċjali u li għandha l-kodiċi ZEPA/LIC ES6150009, u Dehesa del Estero y Montes de Moguer, li hija meqjusa bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni u li għandha l-kodiċi ZEC ES6150012. Dawn iż-żoni huma protetti permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-preservazzjoni tan-natura. B’mod partikolari, l-għadajjar temporanji Mediterranji taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, indikati bil-kodiċi 3170*, bħala tip ta’ habitat ta’ prijorità, jikkostitwixxu l-ekosistema li tikkaratterizzahom bl-aħjar mod u li l-importanza tagħha ġiet irrikonoxxuta fil-livell internazzjonali, minn naħa, mill-konvenzjoni konkluża fit‑2 ta’ Frar 1971 f’Ramsar, dwar l-artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali speċjalment bħala l-habitat għall-għasafar tal-ilma, u, min-naħa l-oħra, mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), li inkludiethom fil-lista tal-patrimonju dinji fl-1994. |
13 |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60, iż-żona naturali protetta ta’ Doñana ġiet integrata f’korp wieħed ta’ ilma ta’ taħt l-art, dik ta’ Almonte-Marismas (iktar ’il quddiem l-“akwifer ta’ Almonte-Marismas”, fil-Plan Hidrológico del Guadalquivir 2009-2015 (il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015), approvat, taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, permezz tar-Real Decreto 355/2013 por el que se aprueba el Plan Hidrológico de la Demarcación Hidrográfica del Guadalquivir (id-Digriet Irjali 355/2013 li Japprova l-Pjan Idroloġiku tad-Distrett Idrografiku tal-Guadalquivir), tas‑17 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 121, tal‑21 ta’ Mejju 2013, p. 38229, iktar ’il quddiem il-“Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015”). Dan il-pjan ġie ssostitwit bil-Plan Hidrológico del Guadalquivir 2015-2021 (il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021), approvat permezz tar-Real Decreto 1/2016 por el que se aprueba la revisión de los Planes Hidrológicos de las demarcaciones hidrográficas del Cantábrico Occidental, Guadalquivir, Ceuta, Melilla, Segura y Júcar, y de la parte española de las demarcaciones hidrográficas del Cantábrico Oriental, Miño-Sil, Duero, Tajo, Guadiana y Ebro (id-Digriet Irjali 1/2016 li Japprova r-Reviżjoni tal-Pjanijiet Idroloġiċi tad-Distretti Idrografiċi ta’ Cantábrico Occidental, Guadalquivir, Ceuta, Melilla, Segura u Júcar, kif ukoll tal-Parti Spanjola tad-Distretti Idrografiċi ta’ Cantábrico Oriental, Miño-Sil, Duero, Tajo, Guadiana u Ebro), tat‑8 ta’ Jannar 2016 (BOE Nru 16, tad‑19 ta’ Jannar 2016, p. 2972, iktar ’il quddiem il-“Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021”). F’dan it-tieni pjan, l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ġie diviż f’ħames korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri dawk ta’ Manto eólico de Doñana, ta’ Marismas de Doñana, ta’ Marismas, ta’ Almonte u ta’ La Rocina (iktar ’il quddiem l-“akwifer ta’ Doñana”). |
14 |
Matul is-sena 2009, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti dwar id-deterjorazzjoni tal-habitats taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-isfruttament eċċessiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ din iż-żona li magħhom huma konnessi ż-żoni mistagħdra tal-imsemmija żona naturali. It-tħassib espress permezz tal-imsemmija lmenti tressaq ukoll għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew fil-forma ta’ mistoqsijiet bil-miktub jew ta’ petizzjonijiet. |
15 |
Fis‑17 ta’ Ottubru 2014, fi tmiem proċedura miftuħa fil-kuntest tal-mekkaniżmu EU-Pilot dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni fejn informatu li fil-fehma tagħha huwa kien naqas milli jwettaq, minn naħa, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tagħha, taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tagħha, u taħt l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) u l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, fir-rigward kemm tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art kif ukoll tal-habitats taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. |
16 |
Fil‑11 ta’ Frar 2015, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. |
17 |
Wara li eżaminat it-tweġiba tar-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ħarġet, fid‑29 ta’ April 2016, opinjoni motivata (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata”), li fiha tenniet il-pożizzjoni tagħha espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fis-sens li dan l-Istat Membru naqas:
|
18 |
F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja jirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati qabel id‑29 ta’ Ġunju 2016. |
19 |
Fid‑9 ta’ Awwissu 2016, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għall-opinjoni motivata u informa lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati sabiex jiġu rrimedjati l-imsemmija nuqqasijiet, miżuri li huwa jsostni huma essenzjalment inklużi fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. Ir-Renju ta’ Spanja enfasizza wkoll il-miżuri adottati fil-pjan speċjali ta’ ġestjoni taż-żoni ta’ irrigazzjoni li jinsabu fit-Tramuntana tal-qasam forestali ta’ Doñana, approvat fl-2014 (iktar ’il quddiem il-“pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014”). |
20 |
Peress li qieset li l-miżuri kkomunikati mir-Renju ta’ Spanja kienu insuffiċjenti sabiex tintemm is-sitwazzjoni ta’ nuqqas identifikata fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑24 ta’ Jannar 2019, li tippreżenta r-rikors ineżami. |
III. Fuq it-talba għall-preżentazzjoni ta’ provi ġodda wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ April 2021, ir-Renju ta’ Spanja talab li jiġi awtorizzat jipproduċi provi ġodda wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, taħt l-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ppreżenta lil din tal-aħħar id-dokument intitolat “Rapport iffinalizzat tal-missjoni konġunta tal-monitoraġġ reattiv taċ-Ċentru tal-Patrimonju Dinji/UICN/Ramsar tal-Park Nazzjonali ta’ Doñana”, mibgħut mill-UNESCO lil dan l-Istat Membru fit‑8 ta’ April 2021. |
22 |
Konformement mal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tkun tixtieq tipproduċi provi jew tipproponi provi ġodda wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura għandha tagħti r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard u l-President jista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti terminu lill-parti l-oħra sabiex tieħu pożizzjoni dwar dawn il-provi. |
23 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha diġà l-parti l-kbira tal-informazzjoni li tinsab f’dan ir-rapport u tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni mingħajr ma huwa meħtieġ li l-kawża tinqata’ fuq il-bażi ta’ provi ġodda li ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-Renju ta’ Spanja. |
IV. Fuq ir-rikors
24 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żoni protetti taż-żona naturali protetta ta’ Doñana kif ukoll milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 92/43 fir-rigward tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi li jinsabu fl-imsemmija żoni. |
A. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/60
25 |
Il-Kummissjoni qiegħda essenzjalment takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jadotta l-miżuri meħtieġa mid-Direttiva 2000/60 sabiex tiġi rrimedjata d-deterjorazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. Skont il-Kummissjoni, din id-deterjorazzjoni hija dovuta, b’mod partikolari, għal attivitajiet antropoġeniċi li għandhom l-effett li jibdlu l-bilanċ bejn l-estrazzjoni u r-rikostituzzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art. |
26 |
Il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tagħha, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 11(1), tal-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e), kif ukoll tal-Artikolu 11(4) tal-istess direttiva. |
1. Fuq l-ewwel ilment
a) L-argumenti tal-partijiet
27 |
Il-Kummissjoni ssostni li, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. Hija tosserva li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 2.1.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jevitaw li interventi antropoġeniċi jibdlu l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art filwaqt li jikkawżaw, b’hekk, ħsara għall-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament minn dawn il-korpi ta’ ilma. |
28 |
Il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li l-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015 kif ukoll il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 juru li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60. |
29 |
B’hekk, minn naħa, meta jindika b’mod żbaljat, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas jinsab fi “stat kwantitattiv tajjeb”, fis-sens tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, ir-Renju ta’ Spanja evalwa b’mod baxx wisq id-deterjorazzjoni kostanti kkawżata mill-isfruttament eċċessiv tal-akwiferi tar-Reġjun ta’ Doñana permezz ta’ estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma għall-artijiet irrigabbli li dejjem jiżdiedu u ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata din id-deterjorazzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li t-tnaqqis fil-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art fl-imsemmi akwifer kkawża l-aċidifikazzjoni tal-għadajjar temporanji, u b’hekk ikkawża ħsara sinjifikattiva lill-ekosistemi terrestri li kienu jiddependu direttament minn dan l-istess akwifer. |
30 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li d-deterjorazzjoni invokata ġiet ikkonfermata bl-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, li fih l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ġie diviż f’ħames korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art. Il-Kummissjoni tosserva li, f’dan il-pjan idroloġiku, ġie rrikonoxxut b’mod uffiċjali li tlieta minn dawn il-korpi ta’ ilma, jiġifieri dawk ta’ Marismas, ta’ Almonte u ta’ La Rocina (iktar ’il quddiem it-“tliet korpi ta’ ilma”), kienu jinsabu fi stat kwantitattiv ħażin u li tnejn minnhom, jiġifieri dawk ta’ Marismas u ta’ Almonte, kienu jinsabu wkoll fi stat kimiku ħażin. |
31 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deterjorazzjoni tat-tliet korpi ta’ ilma, li jalimentaw l-akwifer ta’ Almonte-Marismas, għadha għaddejja attwalment, kif juri r-rapport tal-Confederación Hidrográfica del Guadalquivir (il-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir, Spanja), u għadha tikkawża ħsara lill-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-imsemmija korpi ta’ ilma, anki wara l-adozzjoni tal-miżuri inklużi fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
32 |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u jsostni li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 ġew osservati b’mod sħiħ, l-ewwel permezz tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, u mbagħad permezz tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
33 |
Minn naħa, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi l-possibbiltà li tiġi posposta l-osservanza tal-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva għall-finijiet tat-twettiq progressiv tal-“għanijiet għal kopri ta’ l-ilma”. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li uża din il-possibbiltà peress li kkonstata, wara d-dħul fis-seħħ tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, li ma kienx possibbli li jintlaħaq l-għan ta’ stat kwantitattiv tajjeb tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, b’mod partikolari fir-rigward tat-tliet korpi ta’ ilma. |
34 |
Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jallega li miżuri adegwati kienu ġew stabbiliti sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 u sabiex b’hekk jiġu evitati deterjorazzjonijiet ġodda tal-korpi ta’ ilma kkonċernati. Dawn il-miżuri kienu jinkludu t-tnaqqis b’madwar 10 % tal-estrazzjoni totali ta’ ilma mill-korpi ta’ ilma, il-klassifikazzjoni tat-tliet korpi ta’ ilma li ma rnexxielhomx jilħqu l-għan ta’ “stat kwantitattiv tajjeb” bħala korpi ta’ ilma “li jinsabu fir-riskju li ma jilħqux stat kwantitattiv tajjeb”, is-sostituzzjoni tal-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art b’estrazzjoni ta’ ilma tal-wiċċ, l-intensifikazzjoni sa mis-sena 2015 tal-ispezzjonijiet fir-Reġjun ta’ Doñana bil-għan li tiġi evitata l-estrazzjoni ta’ ilma mingħajr awtorizzazzjoni kif ukoll il-ftuħ ta’ fajls ta’ sanzjonijiet u l-għeluq ta’ spieri illegali għall-estrazzjoni ta’ ilma. Ir-Renju ta’ Spanja josserva li l-miżuri adottati rriżultaw effettivi sa fejn, minn naħa, id-deterjorazzjoni kostanti tal-korp ta’ ilma ta’ Almonte waqfet u, min-naħa l-oħra, l-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ La Rocina u ta’ Marismas tjieb. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
35 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/60 hija direttiva qafas adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni kif ukoll, fuq perijodu itwal, l-iżvilupp ta’ prinċipji ġenerali u ta’ strutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni stabbiliti minnha għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati Membri permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri partikolari konformement mat-termini previsti f’din id-direttiva. Madankollu, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, tal-ilmijiet temporanji, tal-ilmijiet tal-kosta u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art li jipprevjeni kull deterjorazzjoni ulterjuri, li jħares u li jtejjeb l-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament minnhom (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 36). |
37 |
Għaldaqstant, l-għan finali tad-Direttiva 2000/60 huwa li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilmijiet kollha tal-Unjoni, inklużi l-ilmijiet ta’ taħt l-art. |
38 |
L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet ta’ taħt l-art huma speċifikati fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60. |
39 |
Din id-dispożizzjoni timponi żewġ obbligi distinti minn, iżda intrinsikament marbuta ma’ xulxin. Minn naħa, konformement mal-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu jew jillimitaw ir-rimi ta’ kontaminanti fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u sabiex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art. Min-naħa l-oħra, skont il-punti (ii) u (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jistabbilixxu mill-ġdid il-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art sabiex jintlaħaq stat tajjeb sa mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2015. Minn dan isegwi li l-ewwel obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 jikkostitwixxi obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art, filwaqt li t-tieni obbligu, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) u (iii) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi obbligu ta’ titjib ta’ dan l-istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 69). |
40 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi rabta bejn il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa sabiex tiġi pprevenuta d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw skont din id-dispożizzjoni u l-eżistenza minn qabel ta’ pjan ta’ ġestjoni għad-distrett idrografiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 52). |
41 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-preservazzjoni jew l-istabbiliment mill-ġdid ta’ stat kwantitattiv u kimiku tajjeb tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, id-Direttiva 2000/60 tipprevedi sensiela ta’ dispożizzjonijiet, fosthom dawk tal-Artikoli 5 u 11 kif ukoll tal-Anness V, li jistabbilixxu proċess kumpless u li jinkludu diversi stadji rregolati fid-dettall, bil-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa, skont l-aspetti speċifiċi u l-karatteristiċi tal-korpi ta’ ilma identifikati fit-territorji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 41 u 42). |
42 |
Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-ilmijiet tal-wiċċ u fir-rigward tal-ilmijiet ta’ taħt l-art huma ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 72). |
43 |
Minn dan isegwi, kif issostni l-Kummissjoni, li l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 ma huwiex biss formulazzjoni programmatika ta’ sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda għandu effetti vinkolanti ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp ta’ ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista f’din id-direttiva (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 73). |
44 |
Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas biss milli jwettaq l-obbligu li jipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art previst fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60. |
45 |
Minn dan jirriżulta li, sa minn dan l-istadju, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2000/60 jippermettilu jipposponi l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tliet korpi ta’ ilma li jinsabu fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana. Fil-fatt, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eċċezzjoni dwar il-posponiment tat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 tapplika biss għall-obbligu ta’ titjib stabbilit fil-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni, iżda mhux għall-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni previst fil-punt (i) tagħha, li n-nuqqas ta’ twettiq tiegħu qiegħed jiġi invokat mill-Kummissjoni f’din il-kawża. |
46 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja naqasx milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Ċipru (Ġbir u purifikazzjoni tal-ilma urban mormi), C‑248/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:171, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Sussegwentement, huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed elementi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat li l-Istat Membru jkollu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-elementi hekk ippreżentati u l-konsegwenzi li joħorġu minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma użat), C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, mill-istruttura tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li d-deterjorazzjonijiet tal-istat ta’ korp ta’ ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss taħt kundizzjonijiet severi u li l-livell li minnu jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp ta’ ilma għandu jkun baxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67). |
49 |
Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 123 sa 134 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-ilmijiet ta’ taħt l-art li jkunu diġà fi stat ħażin, jeħtieġ żieda addizzjonali fid-defiċit diġà eżistenti u għalhekk sfruttament eċċessiv addizzjonali meta mqabbel ma’ sitwazzjoni preċedenti. F’dan id-dawl, l-assenza ta’ bilanċ bejn l-estrazzjoni u t-tiġdid tal-ilmijiet ta’ taħt l-art tfisser li korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ma jinsabx fi stat kwantitattiv tajjeb, kif iddefinit fil-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, mingħajr ma tikkostitwixxi, fiha nnifisha, deterjorazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) ta’ din id-direttiva. L-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħaq dan il-bilanċ, bħalma huma l-waqfien tal-estrazzjoni eċċessiva, u, għalhekk, sabiex jintlaħaq stat tajjeb tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni, tagħmel parti mill-obbligu ta’ titjib taħt l-Artikolu 4(1)(b)(ii) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, sakemm il-livell ta’ sfruttament eċċessiv ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fi stat kwantitattiv ħażin ma jiżdiedx, ma jkunx hemm deterjorazzjoni ta’ dan l-istat li tmur kontra l-obbligu previst fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-istess direttiva. |
50 |
Il-Kummissjoni tqis li hemm deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, għar-raġunijiet, l-ewwel, li l-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015 fih żball ta’ klassifikazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, it-tieni, li l-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 jikkwalifika t-tliet korpi ta’ ilma bħala li jinsabu fi “stat kwantitattiv ħażin” u, it-tielet, li b’konsegwenza tal-miżuri insuffiċjenti stabbiliti fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, l-istat tat-tliet korpi ta’ ilma ddeterjora. |
1) Fuq l-iżball ta’ klassifikazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas imwettaq fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015
51 |
Il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja, fl-ewwel lok, li indika b’mod żbaljat, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas kien jinsab fi “stat kwantitattiv tajjeb”, fis-sens tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, u li qies, għaldaqstant, li l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art tal-imsemmi akwifer ma kienx suġġett għal bidliet antropoġeniċi li setgħu jwasslu sabiex ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali previsti f’din id-direttiva jew ma setax jikkawża ħsara ambjentali lill-ekosistemi li kienu jiddependu direttament minnu. Skont il-Kummissjoni, din il-klassifikazzjoni żbaljata tikkostitwixxi l-prova tan-nuqqas min-naħa tar-Renju ta’ Spanja li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art fir-Reġjun ta’ Doñana, b’mod partikolari sabiex titnaqqas l-estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma. |
52 |
Kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-data tal-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, jiġifieri fis‑17 ta’ Mejju 2013, kien hemm indizji suffiċjenti sabiex jitqies li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala korp ta’ ilma li jinsab fi “stat kwantitattiv tajjeb”, fis-sens tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. |
53 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet diversi dokumenti li joriġinaw minn diversi sorsi xjentifiċi u uffiċjali, li hija ppreżentat bħala annessi mar-rikors tagħha, li juru li, fiż-żmien tal-approvazzjoni tal-imsemmi pjan, l-akwifer ta’ Almonte-Marismas kien fir-riskju li ma jilħaqx l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2000/60 minħabba bidliet antropoġeniċi u, b’mod partikolari, minħabba estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma minn artijiet irrigabbli fir-Reġjun ta’ Doñana |
54 |
Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-pjan għall-użu tat-territorju tar-Reġjun ta’ Doñana, approvat permezz tad-Decreto 341/2003 del Gobierno de la Comunidad Autónoma de Andalucía por el que se aprueba el Plan de Ordenación del Territorio del ámbito de Doñana y se crea su Comisión de Seguimiento (id-Digriet Irjali 341/2003 tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía li Japprova l-Pjan għall-Użu tat-Territorju tar-Reġjun ta’ Doñana u li Joħloq il-Kumitat ta’ Monitoraġġ Tiegħu), tad‑9 ta’ Diċembru 2003 (BOJA Nru 22, tat‑3 ta’ Jannar 2004, p. 2866), kien diġà rrakkomanda lill-amministrazzjoni idrawlika Spanjola sabiex tiddikjara li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas kollu kien suġġett għal sfruttament eċċessiv jew kien jinsab f’riskju ta’ tali sfruttament, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ sfruttament eċċessiv u ta’ deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet ta’ dan l-akwifer. |
55 |
Madankollu, filwaqt li l-elementi msemmija fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, li huma mis-snin 2003, 2008, 2009 u 2012, jistgħu juru li, fid-data tal-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ma kienx jinsab fi “stat kwantitattiv tajjeb”, fis-sens tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, tali elementi, għall-kuntrarju, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni żbaljata tal-istat kwantitattiv ta’ dan l-akwifer, imwettqa fl-imsemmi pjan, kellha bħala konsegwenza li l-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana ġarrbu deterjorazzjoni, kif iddefinita fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. |
56 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, taħt l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, meta kklassifika b’mod żbaljat l-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015. |
2) Fuq il-klassifikazzjoni tat-tliet korpi ta’ ilma bħala li jinsabu fi “stat kwantitattiv ħażin” fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021
57 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-prova tad-deterjorazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas tirriżulta mill-fatt li, meta ġie approvat il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, f’Jannar 2016, dan l-akwifer ġie diviż f’ħames korpi ta’ ilma, li minnhom it-tliet korpi ta’ ilma tqiesu li kienu fi “stat kwantitattiv ħażin”, fis-sens tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Skont il-Kummissjoni, l-emenda tal-imsemmi pjan tikkostitwixxi manifestazzjoni impliċita tal-eżistenza ta’ deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana meta mqabbel mal-istat tagħhom kif ippreżentat fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015. |
58 |
Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’. |
59 |
Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klassifikazzjoni l-ġdida tal-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana ma hijiex ħlief il-konsegwenza tad-diviżjoni tal-akwifer kollu ta’ Almonte-Marismas f’ħames korpi ta’ ilma distinti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu. Fil-fatt, b’konsegwenza ta’ din id-diviżjoni, l-istat kwantitattiv ħażin tat-tliet korpi ta’ ilma ħareġ fid-deher, filwaqt li, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, l-akwifer ta’ Almonte-Marismas, li kien ġie evalwat fl-intier tiegħu, tqies li kien fi stat kwantitattiv tajjeb. |
60 |
B’hekk, kif stabbilixxa r-Renju ta’ Spanja, wara l-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, l-informazzjoni miġbura progressivament uriet li dan il-pjan kellu nuqqas ta’ preċiżjoni teknika fir-rigward tal-ewwel miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60. Għal din ir-raġuni, l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ġie diviż f’ħames korpi ta’ ilma distinti fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, bil-għan li jkun jista’ jiġi identifikat b’mod iktar faċli fejn hemm problemi fil-livell territorjali, bil-għan li jiġu identifikati b’mod iktar preċiż iż-żoni esposti għar-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet stabbiliti permezz tal-imsemmija direttiva u bil-għan li b’hekk titfassal risposta iktar effettiva u adegwata, li tikkonsisti essenzjalment fit-tnaqqis tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. |
61 |
Barra minn hekk, il-provi prodotti mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li t-tliet korpi ta’ ilma meqjusa li jinsabu fi “stat kwantitattiv ħażin” kienu fi stat aħjar qabel id-diviżjoni tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, id-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni jistabbilixxu li kien hemm indizji suffiċjenti, qabel l-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, sabiex jitqies li dan l-akwifer ma kienx fi stat kwantitattiv tajjeb. Għaldaqstant, mill-indikazzjoni, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, tal-istat kwantitattiv ħażin tat-tliet korpi ta’ ilma ma jistax jiġi dedott li dan l-istat kompla jiddeterjora meta mqabbel ma’ dak indikat fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015. |
62 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-bidla tal-klassifikazzjoni “stat kwantitattiv tajjeb” tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, kif tinsab fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, bl-indikazzjoni, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, li t-tliet korpi ta’ ilma jinsabu fi “stat kwantitattiv ħażin”, kienet il-konsegwenza ta’ deterjorazzjoni tal-istat tal-imsemmi akwifer, kif iddefinita fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. |
3) Fuq id-deterjorazzjoni tal-korpi tal-ilma fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana b’konsegwenza tal-miżuri insuffiċjenti allegatament stabbiliti fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021
63 |
Il-Kummissjoni ssostni li, b’konsegwenza tal-miżuri insuffiċjenti adottati permezz tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, għadha għaddejja u għadha ma ġietx irrimedjata “deterjorazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, bir-riskju li l-istat kwantitattiv tajjeb tat-tliet korpi ta’ ilma ma huwiex ser jintlaħaq fit-termini previsti fl-imsemmija direttiva. |
64 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kif kienet tinsab fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma użat), C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
F’dan il-każ, peress li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata huwa d‑29 ta’ Ġunju 2016, għandha tiġi mwarrba parti mill-elementi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi deterjorazzjoni kontinwa tal-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, b’mod partikolari l-parti l-kbira tal-artikli fl-istampa Spanjola u r-rapporti tal-organizzazzjoni mhux governattiva “World Wildlife Fund” (WWF) li jinkludu informazzjoni dwar is-snin 2017, 2018 u 2019. |
66 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja naqasx milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipprevjeni d-deterjorazzjoni ta’ dawn il-korpi ta’ ilma sad‑29 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li d-deterjorazzjoni attwali u kontinwa tal-istat kwantitattiv tal-imsemmija korpi ta’ ilma hija murija, minn naħa, mill-estrazzjoni eċċessiva u kontinwa tal-ilmijiet ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana u, min-naħa l-oħra, mid-deterjorazzjonijiet tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ekosistemi. |
67 |
Fir-rigward tal-estrazzjoni eċċessiva u kontinwa tal-ilmijiet ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana, il-Kummissjoni ssostni li diversi provi li joħorġu minn studji xjentifiċi, minn rapporti tal-awtoritajiet Spanjoli u minn artikli tal-istampa, li l-kopji tagħhom huma annessi mar-rikors tagħha, jikkonfermaw iż-żieda b’ritmu baxx u kostanti, sa mis-sena 2000, fid-daqs tal-artijiet irrigati fir-Reġjun ta’ Doñana. |
68 |
Issa, għalkemm huwa minnu li tali elementi jistgħu jikkostitwixxu indizji ta’ sfruttament eċċessiv kontinwu tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn id-dokumenti ma jistabbilixxux li tali sfruttament eċċessiv sar iktar estiż, b’tali mod li kkawża deterjorazzjoni tal-imsemmi akwifer wara l-approvazzjoni, fit‑8 ta’ Jannar 2016, tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
69 |
Fil-fatt, id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari r-rapport tal-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir, ta’ April 2017, dwar l-istat tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas fir-rigward tas-sena idroloġika 2015 sa 2016, kif ukoll ir-rapport tad-Defensor del Pueblo (l-Ombudsman ta’ Spanja), tal‑10 ta’ Awwissu 2018, annessi mar-rikors, sempliċement iwissu li l-użu kostanti tar-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art jikkostitwixxi theddida għall-istat tajjeb ta’ dan l-akwifer u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu minnu, bir-riskju li ma jintlaħaqx stat kwantitattiv tajjeb fir-rigward tat-tliet korpi ta’ ilma meqjusa li huma fi stat kwantitattiv ħażin. Issa, il-fatt li korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art jibqgħu fi stat kwantitattiv ħażin ma jfissirx, fih innifsu, kif ġie osservat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li dan l-istat iddeterjora iktar wara l-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
70 |
Barra minn hekk, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ ta’ stat kwantitattiv ħażin tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni ta’ dan l-istat, previst fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, ma jistax jeżiġi li l-estrazzjoni eċċessiva tal-ilmijiet ta’ taħt l-art titnaqqas sal-punt li jintlaħaq il-bilanċ bejn din l-estrazzjoni u t-tiġdid tal-ilmijiet ta’ taħt l-art. Dan il-bilanċ jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ stat kwantitattiv tagħha, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, li għandu jintlaħaq fil-kuntest tal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) u (iii) tal-imsemmija direttiva, li l-osservanza tiegħu ma ġietx ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-ilment. |
71 |
Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ ta’ stat kwantitattiv ħażin tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, kif ikkonstatat fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat kwantitattiv ta’ dawn il-korpi ta’ ilma, previst fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, jeħtieġ biss li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ma tkomplix tiżdied sabiex ma jkunux aggravati l-kawżi tal-istat kwantitattiv ħażin ikkonstatat. Issa, il-Kummissjoni ma ressqitx prova li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art żdiedet wara l-approvazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 u lanqas li l-kawżi tal-istat kwantitattiv ħażin tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas aggravaw ruħhom. |
72 |
Għall-kuntrarju, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta data ta’ sorveljanza miġbura mill-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir li tindika li, sa minn tal-inqas mis-sena 2015, l-indikatur tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas qiegħed ixaqleb lejn li jilħaq mill-ġdid il-livelli preċedenti tiegħu, tendenza din li ġiet osservata kemm għall-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas u kemm għat-tliet korpi ta’ ilma, b’mod partikolari għal dak ta’ La Rocina. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-reġistri uffiċjali disponibbli, sa bejn wieħed u ieħor mis-sena 2015, il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana għaddew minn bidla pożittiva żgħira ħafna wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti intiżi li titnaqqas l-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art fir-Reġjun ta’ Doñana. |
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-istat kwantitattiv ħażin tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana aggrava minħabba estrazzjoni ikbar, bi ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art previst fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60. |
74 |
Fir-rigward tad-deterjorazzjonijiet tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ekosistemi, għandu jiġi osservat, kif għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 149 tal-konklużjonijiet tagħha, li dawn id-deterjorazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu indizji ta’ stat kwantitattiv ħażin tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni, iżda mhux indizji li jindikaw deterjorazzjonijiet addizzjonali ta’ dan l-istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma stabbilixxiet li tali indizji juru aggravazzjoni tal-istat kwantitattiv ħażin tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. |
75 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx id-deterjorazzjoni tat-tliet korpi ta’ ilma b’konsegwenza tal-miżuri li kienu ġew stabbiliti fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60. |
2. Fuq it-tieni lment
a) L-argumenti tal-partijiet
77 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja ma applikax b’mod korrett l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, billi naqas milli jwettaq karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana li kienu jinsabu f’riskju li ma jilħqux l-għanijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, billi naqas milli jiddetermina l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet tal-imsemmija direttiva. |
78 |
Hija essenzjalment takkuża lir-Renju ta’ Spanja li evalwa b’mod baxx wisq, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, l-impatti tal-estrazzjoni ta’ ilma fuq il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana u li ma identifikax il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li kienu jinsabu f’riskju li ma jilħqux l-imsemmija għanijiet. Skont il-Kummissjoni, din il-karatterizzazzjoni inizjali insuffiċjenti waslet sabiex ir-Renju ta’ Spanja ma wettaqx karatterizzazzjoni iktar iddettaljata, kif jeżiġi l-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60, u dan wassal għall-assenza sussegwenti ta’ adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-istess għanijiet. |
79 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-karatterizzazzjoni mwettqa fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 ma rrimedjatx il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, sa fejn din il-karatterizzazzjoni l-ġdida għadha mhix sħiħa u ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk dwar id-determinazzjoni korretta tal-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel, li d-diviżjoni tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas f’ħames korpi distinti ta’ ilma ta’ taħt l-art ma fihiex deskrizzjoni suffiċjentement preċiża tal-istat kimiku u tal-istat kwantitattiv ta’ dawn il-korpi ta’ ilma, u dan jipprekludi li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2000/60. It-tieni, il-Kummissjoni tinvoka n-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni xjentifika disponibbli meta twettqet il-karatterizzazzjoni tal-imsemmija korpi ta’ ilma. It-tielet, hija tosserva li l-analiżi tal-pressjonijiet u tal-impatti tal-estrazzjoni fuq il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana fiha nuqqasijiet kunsiderevoli. |
80 |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Spanjoli ma evalwawx b’mod korrett l-istat kwantitattiv tal-imsemmija korpi ta’ ilma sa fejn, li kieku saret evalwazzjoni adegwata, kien joħroġ fid-deher li l-korpi ta’ ilma kkonċernati kollha kienu jinsabu fir-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2000/60. |
81 |
Ir-Renju ta’ Spanja jirribatti dawn l-argumenti u jsostni li huwa kkonforma debitament ruħu mal-obbligu, impost fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60, li jwettaq studju ta’ karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. Skont ir-Renju ta’ Spanja, dan l-istudju twettaq inizjalment fl-2013, fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, u mbagħad fl-2016, fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
82 |
B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li huwa wettaq karatterizzazzjoni inizjali adegwata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tad-distrett idrografiku ta’ Doñana. Huwa jsostni li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas tqies, b’mod globali, li għandu “stat kwantitattiv tajjeb” fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, li kien jeżentah milli jwettaq studju ta’ karatterizzazzjoni iktar iddettaljata konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60. Barra minn hekk, l-imsemmi pjan idroloġiku inkluda dan l-akwifer fost il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ natura strateġika rriżervati fundamentalment għall-konsum mill-bniedem konformement mal-Artikolu 4(3) tal-istess pjan. |
83 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fil-kuntest tar-reviżjoni mwettqa fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, il-karatterizzazzjoni tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas ġiet emendata u dan l-akwifer ġie diviż għal raġunijiet idroġeoloġiċi u għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll mal-użu u mal-ġestjoni tat-territorju. Huwa jsostni li din id-diviżjoni tal-imsemmi akwifer f’ħames korpi distinti ta’ ilma ta’ taħt l-art ippermettiet evalwazzjoni iktar preċiża u iktar rappreżentattiva tal-istat ta’ kull wieħed minn dawn il-korpi ta’ ilma kif ukoll applikazzjoni iktar effettiva tal-programm ta’ miżuri stabbilit minn dan il-pjan idroloġiku. Skont ir-Renju ta’ Spanja, din il-karatterizzazzjoni tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas mhux biss hija kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, iżda hija wkoll adegwata u suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat sa fejn intlaħqu l-għanijiet stabbilita minnha. |
84 |
Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja, li jsostni li l-karatterizzazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60 twettqet permezz ta’ diversi studji idroloġiċi li fihom data u informazzjoni li l-volum u l-kwalità tagħhom huma diffiċli li jitqabblu ma’ dawk ta’ pjanijiet idroloġiċi oħra fi Spanja, isostni li dawn l-istudji għandhom jitqiesu bħala sors ta’ informazzjoni valida għall-finijiet ta’ din il-proċedura. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
85 |
Sabiex jissodisfaw l-għanijiet ambjentali ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandu jkollhom stampa globali tal-karatteristiċi tal-korpi ta’ ilma kkonċernati. |
86 |
Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom l-ewwel nett jidentifikaw il-baċini idrografiċi, jassenjawhom lil distretti u jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti. |
87 |
Sussegwentement, huma għandhom iwettqu l-karatterizzazzjoni tal-korpi ta’ ilma prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60 u fl-Annessi II u III tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura li, għal kull distrett idrografiku li jinsab fit-territorju tiegħu, jitwettqu analiżi tal-karatteristiċi tiegħu, studju tal-impatti tal-attività tal-bniedem fuq l-istat tal-ilma ta’ taħt l-art u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma, konformement b’mod partikolari mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-imsemmija Annessi II u III. |
88 |
L-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-analiżi u l-istudji msemmija fl-Artikolu 5(1) tagħha għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, aġġornati sa mhux iktar tard minn tlettax-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva u, imbagħad, kull sitt snin. |
89 |
Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, għandu jiġi osservat li l-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi fid-dettall ir-rekwiżiti li l-Istati Membri għandhom josservaw fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, u, jekk ikun meħtieġ, fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tagħhom. |
90 |
B’mod partikolari, il-punt 2.1 tal-Anness II ta’ din id-direttiva jistabbilixxi d-dettalji ta’ din il-karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-użu tagħhom u ta’ sa fejn jinsabu fir-riskju li ma jissodisfawx l-għanijiet ta’ kull korp ta’ ilma ta’ taħt l-art previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
91 |
Barra minn hekk, il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom iwettqu, wara l-karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art, karatterizzazzjoni iktar iddettaljata ta’ dawk il-korpi li jkunu ġew identifikati bħala li huma esposti għal riskju li ma jissodisfawx l-imsemmija għanijiet, sabiex tiġi stabbilita evalwazzjoni iktar preċiża tal-portata ta’ dan ir-riskju u sabiex tiġi ddeterminata kull miżura meħtieġa skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. Din il-karatterizzazzjoni iktar iddettaljata għandha tinkludi informazzjoni rilevanti dwar l-impatt tal-attività tal-bniedem fuq l-istat tal-imsemmija korpi ta’ ilma u, jekk ikun il-każ, informazzjoni rilevanti dwar karatteristiċi oħra tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati. |
92 |
Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni takkuża, fl-ewwel lok, lir-Renju ta’ Spanja li ma wettaqx din il-karatterizzazzjoni iktar iddettaljata fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015 u, fit-tieni lok, li wettaqha b’mod inkomplet fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
93 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, li mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 13(6) kif ukoll mill-Anness VII tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-karatterizzazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art għandha titfassal qabel l-istabbiliment tal-pjan ta’ ġestjoni u qabel ma’ din il-karatterizzazzjoni sservi ta’ bażi għall-kontenut ta’ dan il-pjan. |
94 |
Barra minn hekk, kif ingħad fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-mument tat-tfassil tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, kien hemm indizji suffiċjenti sabiex jitqies li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas, kif iddefinit f’dan il-pjan, kien is-suġġett ta’ sfruttament eċċessiv u kien fir-riskju li ma jilħaqx l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2000/60. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-pjan ta’ użu tat-territorju tar-Reġjun ta’ Doñana, imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, kien jipproponi li dan l-akwifer jiġi ddikjarat bħala suġġett għal sfruttament eċċessiv jew kien fir-riskju li jkun suġġett għal tali sfruttament. Barra minn hekk, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssemmi żewġ rapporti maħruġa mill-Instituto Geológico y Minero de España (l-Istitut Ġeoloġiku u tal-Minjieri ta’ Spanja) u mill-Consejo Superior de Investigaciones Científicas (il-Kunsill Superjuri tar-Riċerki Xjentifiċi, Spanja), rispettivament fl-2009 u fl-2017, li hija ppreżentat bħala annessi mar-rikors tagħha, li kienu kkonstataw ukoll l-estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma ta’ taħt l-art fl-imsemmi akwifer. |
95 |
F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jammetti li r-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2000/60 kien diġà tqajjem f’rapport inizjali ppubblikat fl-2004 u fl-2005, li kien tfassal fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, huwa josserva li, wara li wettaq evalwazzjoni globali tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, huwa qies li dan l-akwifer, fl-intier tiegħu, kien jinsab fi “stat kwantitattiv tajjeb” fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, u li dan kien jeżentah milli jwettaq studju ta’ karatterizzazzjoni iktar iddettaljata konformement mal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, huwa jsostni li din l-evalwazzjoni ġiet ikkorreġuta u mtejba hekk kif kiseb informazzjoni iktar preċiża u li huwa kellu jistenna l-pubblikazzjoni tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, konformement mal-kalendarju previst fid-Direttiva 2000/60, sabiex jieħu nota tat-titjib ikkonstatat. |
96 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 87 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, l-“evalwazzjoni globali” msemmija fil-punt preċedenti ma kinitx tippermetti lir-Renju ta’ Spanja jeskludi r-riskju li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas jew partijiet minnu jistgħu ma jissodisfawx l-għanijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, dan ir-riskju kien imissu ġie kkonstatat fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni inizjali tal-korpi kollha ta’ ilma ta’ taħt l-art meħtieġa mid-Direttiva 2000/60, konformement mal-punt 2.1 tal-Anness II tagħha. |
97 |
Barra minn hekk, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, skont il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60, karatterizzazzjoni iktar iddettaljata hija meħtieġa meta jkun hemm riskju ta’ stat kwantitattiv ħażin tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati, jiġifieri meta jkun hemm riskju li korp ta’ ilma ma jissodisfax l-għanijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jallega li din il-karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati la kienet neċessarja, la kienet adegwata u lanqas ma kienet dovuta fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, peress li kien paċifiku li kien hemm tali riskju u li dan ir-riskju ma setax jiġi eskluż. |
98 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60 billi naqas milli jikkonstata, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015, ir-riskju li l-akwifer ta’ Almonte-Marismas ma jilħaqx l-għanijiet stabbiliti f’din id-direttiva, konformement mal-punt 2.1 tal-Anness II tagħha, u, għaldaqstant, billi ma ppreżentax karatterizzazzjoni iktar iddettaljata taħt il-punt 2.2 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva. |
99 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ nuqqas għandha tiġi evalwata, f’din il-kawża, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-akwifer ta’ Doñana hekk kif din kienet tinsab fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fid‑29 ta’ Ġunju 2016. Issa, f’dik id-data, il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, approvat fit‑8 ta’ Jannar 2016, kien diġà applikabbli. |
100 |
F’dan il-pjan, ir-Renju ta’ Spanja wettaq karatterizzazzjoni iktar iddettaljata skont il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni xjentifika użata għal dan il-għan kienet insuffiċjenti. Hija ssostni li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, ir-Renju ta’ Spanja bbaża ruħu biss fuq l-evoluzzjoni fil-livell tal-ilmijiet tal-akwifer ta’ Doñana, b’mod partikolari fuq id-data tan-network pjeżometriku ta’ Doñana, u li, għaldaqstant, il-konklużjonijiet li huwa silet minn din l-evoluzzjoni huma inkompleti fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II, tad-Direttiva 2000/60. |
101 |
L-ewwel, il-Kummissjoni tallega n-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni xjentifika disponibbli għall-karatterizzazzjoni tal-korpi ta ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. B’mod partikolari, hija tikkritika l-fatt li dan il-pjan kien ibbażat fuq rapport dwar l-istat tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas għas-sena idroloġika 2012 sa 2013, imfassal mill-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir, li ma kienx jindika punt ta’ kejl tal-livell tal-ilmijiet ta’ taħt l-art għall-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ La Rocina u ta’ Marismas de Doñana. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni la tispjega kif u lanqas ma tistabbilixxi li din id-data kienet essenzjali sabiex tiġi stabbilita tali karatterizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel biss riferiment għal sit internet tal-Gvern Spanjol, li fih informazzjoni ġeografika, mingħajr ma tindika kif tista’ tinstab l-informazzjoni invokata minnha. |
102 |
It-tieni, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet Spanjoli li wettqu stimi bbażati fuq il-livell pjeżometriku tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tal-akwifer ta’ Doñana. Hija ssostni li dawn l-istimi jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-evoluzzjoni tal-livell tal-ilmijiet ta’ dan l-akwifer u li għalhekk ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat l-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. Barra minn hekk, hija tosserva li t-tendenza globali tal-pjeżometri kollha hija negattiva. |
103 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi “il-livell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” bħala parametru għall-klassifikazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, mingħajr ma jindika kif għandu jiġi ddeterminat dan il-livell. |
104 |
Sussegwentement, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-metodu użat mir-Renju ta’ Spanja ma huwiex suffiċjenti sabiex titwettaq il-karatterizzazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, il-fatt li l-akwifer ta’ Doñana huwa suġġett għal sfruttament eċċessiv u li l-istat kwantitattiv tajjeb tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ dan l-akwifer ma huwiex ser jintlaħaq sas-sena 2027 ma jistabbilixxix li l-livell tal-imsemmija korpi ta’ ilma ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-istat kwantitattiv tal-imsemmi akwifer konformement mar-rekwiżiti tal-Anness V ta’ din id-direttiva. |
105 |
Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jistabbilixxi li huwa ħa inkunsiderazzjoni, fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, parametri oħra sabiex jevalwa l-istat kwantitattiv tal-akwifer ta’ Doñana, bħall-bilanċ bejn l-estrazzjoni tal-ilma u r-riżorsi ta’ ilma disponibbli. |
106 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 u taħt il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60 billi uża d-data pjeżometrika sabiex jiddetermina l-istat kwantitattiv tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. |
107 |
It-tielet, il-Kummissjoni tallega li l-analiżi tal-pressjonijiet u tal-impatti tal-estrazzjoni tal-ilma fuq il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana fiha nuqqasijiet kunsiderevoli. B’mod partikolari, hija tikkritika l-fatt li l-Anness 3 tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, ibbażat fuq inventarju tas-sena 2008, sempliċement jikkalkola l-volumi ta’ ilma meħtieġa mid-diversi użi fir-reġjun, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, fir-rigward tal-għelejjel irrigati, il-pressjonijiet kbar eżerċitati mill-estrazzjoni illegali ta’ ilma. Barra minn hekk, hija tosserva l-assenza ta’ analiżi tal-impatt tal-estrazzjoni ta’ ilma intiż għall-provvista urbana, b’mod partikolari għaż-żona turistika kostali ta’ Matalascañas (Spanja). |
108 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 ma jiħux inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni mwettqa taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60, il-pressjonijiet li joriġinaw mill-estrazzjoni illegali kif ukoll mill-estrazzjoni intiża għall-provvista urbana, b’mod partikolari għall-imsemmija żona turistika. Fil-fatt, minn naħa, il-punt 5.2 tal-Anness 2 tal-imsemmi pjan, li jikkonċerna “il-karatterizzazzjoni tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art”, jiddeskrivi biss b’mod ġenerali s-sorsi u l-metodoloġija użati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-estrazzjoni totali mill-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art. Min-naħa l-oħra, il-punt 5.2 tal-Anness 3 tal-istess pjan, dwar “il-pressjonijiet fuq il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art”, ma jindikax li l-estrazzjoni illegali ta’ ilma kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-pressjonijiet li joriġinaw mill-artijiet irrigabbli. Barra minn hekk, għalkemm l-impatt tal-pressjonijiet urbani jissemma f’dan l-anness, huwa diffiċli li dan l-impatt jiġi evalwat. |
109 |
Issa, kif jirriżulta mill-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60, evalwazzjoni iktar preċiża tal-portata tar-riskju inkwistjoni, b’mod partikolari tal-estrazzjoni illegali u tal-estrazzjoni għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb, hija meħtieġa sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri kollha meħtieġa skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-assenza ta’ tali evalwazzjoni, l-istat tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ma jistax jiġi evalwat b’mod korrett u, għaldaqstant, ikun diffiċli li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri stabbiliti sabiex jintlaħaq stat kwantitattiv tajjeb tal-ilmijiet ta’ taħt l-art ikkonċernati, b’mod partikolari l-miżuri intiżi sabiex tiġi miġġielda l-estrazzjoni illegali ta’ ilma, humiex suffiċjenti. |
110 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 ma fihx l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tal-attività tal-bniedem fuq il-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-punt 2.2. tal-Anness II tagħha. |
111 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-estrazzjoni illegali ta’ ilma u l-estrazzjoni ta’ ilma intiża għall-provvista urbana meta wettaq l-istima tal-estrazzjoni ta’ ilmijiet ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni iktar iddettaljata tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021. |
3. Fuq it-tielet ilment
a) L-argumenti tal-partijiet
112 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja, billi naqas milli jinkludi miżuri bażiċi u miżuri supplimentari adegwati fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015 u fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1), taħt l-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll taħt l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2000/60. Barra minn hekk, hija ssostni li numru sinjifikattiv ta’ miżuri mħabbra minn dan l-Istat Membru għadhom ma ġewx implimentati, mingħajr ma indika r-raġunijiet għal dan id-dewmien. |
113 |
B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-miżuri stabbiliti f’dawn il-pjanijiet huma essenzjalment intiżi li jirregolaw il-problema tal-estrazzjoni illegali ta’ ilma iżda ma jipprovdu ebda soluzzjoni sabiex titnaqqas il-pressjoni eżerċitata fuq l-akwiferi taż-żona naturali protetta ta’ Doñana jew id-domanda attwali għal ilma. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li l-pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014 iqis bħala “artijiet agrikoli irrigabbli” artijiet li, minkejja ma ngħata ebda dritt f’dan is-sens, ilhom jiġu irrigati mill-inqas mis-sena 2004, li tikkorrispondi għad-data li fiha daħal fis-seħħ il-pjan dwar l-użu tat-territorju tar-Reġjun ta’ Doñana msemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. |
114 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014 jagħti importanza eċċessiva lit-trasferimenti ta’ ilma mingħajr ma jsolvi l-problemi marbuta mal-istat kwalitattiv tal-ilmijiet u, fuq kollox, mal-istat kimiku tajjeb tagħhom. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmi pjan lanqas ma jiżgura l-konservazzjoni tal-ekosistemi li jiddependu mill-ilmijiet ta’ taħt l-art. Barra minn hekk, hija tqis li t-tnaqqis fil-livelli ta’ estrazzjoni ta’ ilmijiet ta’ taħt l-art miksub permezz tat-trasferimenti ta’ ilma huwa xi drabi miġjub fix-xejn biż-żieda fid-drittijiet ta’ irrigazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli. |
115 |
Fit-tielet lok, minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li wħud mill-miżuri kkomunikati mir-Renju ta’ Spanja jistgħu jirrimedjaw id-deterjorazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana u jistgħu b’hekk jiżguraw l-osservanza tal-obbligi taħt id-Direttiva 2000/60, hija ssostni li r-riżorsi allokati għal dawn il-miżuri huma insuffiċjenti, u li dan inaqqas l-effettività tagħhom. Hija tirreferi b’mod partikolari għall-miżuri intiżi li jikkontrollaw l-użu tal-ilma, bħalma huma l-ispezzjonijiet u l-identifikazzjoni ta’ spieri illegali, kif ukoll għall-miżuri intiżi li jissanzjonaw u li jwaqqfu l-estrazzjoni illegali ta’ ilma. |
116 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rapport annwali tad-Defensor del Pueblo (l-Ombudsman ta’ Spanja) dwar is-sena 2018 jenfasizza li l-imsemmija nuqqasijiet jirriżultaw mill-fatt li l-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir ma teżerċitax b’mod suffiċjentement strett is-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ilma. Huwa għalhekk li, skont il-Kummissjoni, dan l-ombudsman issuġġerixxa lil din il-konfederazzjoni, minn naħa, tiddikjara t-tliet korpi ta’ ilma bħala akwiferi suġġetti għal sfruttament eċċessiv. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ombudsman irrakkomanda l-approvazzjoni ta’ programm ta’ azzjoni intiż li jirregola l-estrazzjoni ta’ ilma u li jikkoordina l-miżuri previsti fid-diversi strumenti ta’ ppjanar tar-riżorsi tal-ilma, tal-attività agrikola u tal-protezzjoni taż-żoni naturali, sabiex jiġi ggarantit l-użu sostenibbli tal-ilma. Il-Kummissjoni ssostni li sorsi mhux governattivi jikkonfermaw il-konklużjonijiet ta’ dan l-istess ombudsman. |
117 |
Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri mħabbra mir-Renju ta’ Spanja ma jipprovdu ebda soluzzjoni għall-problema tal-użu eċċessiv tal-ilma minħabba t-turiżmu, b’mod partikolari fiż-żona kostali ta’ Matalascañas, li diversi studji jidentifikaw bħala l-kawża prinċipali tal-isfruttament eċċessiv ta’ ċerti korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. |
118 |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja naqas milli japplika u milli jimplimenta l-miżuri ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sanzjoni li kienu neċessarji sabiex jiġu dissważi b’mod effettiv il-persuni li jwettqu estrazzjoni mhux awtorizzata ta’ ilma u li jimplimentaw installazzjonijiet illegali. Skont il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas ukoll milli jadotta l-miżuri adegwati sabiex il-volum ta’ estrazzjoni ta’ ilma jiġi aġġustat għal livell sostenibbli li jiggarantixxi l-kisba ta’ stat kwantitattiv u kimiku tajjeb għall-ilmijiet ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana kif ukoll stat ta’ konservazzjoni favorevoli għall-habitats relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li ma adottax miżuri li jistgħu jadattaw il-volum ta’ ilma disponibbli għas-settur agrikolu tar-reġjun, inaqqsu l-konsum jew jinkoraġġixxu użu iktar raġonevoli tal-ilma. |
119 |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet filwaqt li jsostni li ma humiex preċiżi u li huma infondati. |
120 |
L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li huwa ssodisfa l-obbligi imposti mill-Artikolu 11(2), mill-Artikolu 11(3)(a) u (ċ) kif ukoll mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2000/60 bis-saħħa tal-miżuri adottati fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 bil-għan li jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat tajjeb tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana u li jiġi ggarantit l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma permezz tal-ġestjoni tal-estrazzjoni ta’ ilma u tal-koordinazzjoni tad-diversi strumenti ta’ ppjanar f’dak li jikkonċerna r-riżorsi tal-ilma, l-attività agrikola u l-protezzjoni taż-żoni naturali. Ir-Renju ta’ Spanja josserva, f’dan ir-rigward, li l-effettività ta’ dawn il-miżuri ġiet ikkonstatata fl-aħħar rapporti annwali dwar l-istat tal-akwiferi taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. |
121 |
Sussegwentement, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li huwa adotta miżuri ġodda wara t-tfassil tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 intiżi li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2000/60. Dawn il-miżuri jinkludu l-iżvilupp ta’ proċess ta’ regolarizzazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma, it-tfassil tar-rapport dwar l-istat tal-akwifer ta’ Doñana li jikkorrispondi għas-snin 2017 u 2018, it-tfassil ta’ dokument intiż li tiġi mnedija proċedura ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku, il-monitoraġġ tal-artijiet ikkultivati permezz ta’ tekniki ta’ rilevament diġitali, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ta’ riċerka fl-ilmijiet ta’ taħt l-art, it-twettiq ta’ spezzjonijiet, il-ftuħ ta’ fajls ta’ sanzjoni u ta’ fajls ta’ infurzar fil-kuntest tal-estrazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ ilma, l-għeluq ta’ spieri illegali għall-estrazzjoni ta’ ilma, l-eżami mill-ġdid ta’ fajls li jikkonċernaw id-drittijiet mogħtija għall-estrazzjoni ta’ ilma fil-korp ta’ ilma ta’ La Rocina u l-ispezzjoni ta’ fajls dwar xoljiment minħabba nuqqas ta’ użu jew nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ estrazzjoni. |
122 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja josserva l-importanza tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni tat-tliet korpi ta’ ilma bħala korpi ta’ ilma “li jinsabu fir-riskju li ma jilħqux l-istat kwantitattiv tajjeb”. Huwa josserva li din il-proċedura tikkostitwixxi l-iktar għodda amministrattiva b’saħħitha disponibbli fl-ordinament ġuridiku Spanjol fil-qasam tal-ilma ta’ taħt l-art, sa fejn tippermetti li jiġu stabbiliti limiti għall-estrazzjoni ta’ ilma, li tiġi sfurzata l-kostituzzjoni ta’ komunitajiet ta’ utenti tal-ilma u li jiġu adottati programmi ta’ azzjoni speċifiċi sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi identifikati. |
123 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-agrikoltura pprattikata f’ċerti żoni ġirien taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, b’mod partikolari t-tkabbir ta’ frott aħmar, tikkostitwixxi l-mutur ekonomiku prinċipali tar-reġjun. Dan huwa settur ikkonsolidat, li josserva l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tal-ilma u li ma jistax jiġi eliminat fid-dawl tan-natura fundamentali tiegħu għas-sostenibbiltà ekonomika tar-reġjun. Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-għan huwa li dan is-settur jiġi adattat għall-possibbiltajiet offruti mir-riżorsi ta’ ilma fir-reġjun, filwaqt li jiġu rrispettati l-utenti li għandhom drittijiet legali fir-rigward tal-użu tal-ilma. |
124 |
Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ effettività tal-miżuri ta’ trasferiment ta’ ilma applikati minn dan l-Istat Membru, billi jqis li l-Kummissjoni qiegħda tibbaża l-kritika tagħha fuq informazzjoni li ma hijiex reali jew li ma hijiex ivverifikata. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
125 |
Għandu jitfakkar li, ladarba jkunu stabbilixxew il-klassifikazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-ilmijiet ta’ taħt l-art konformement mal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tal-korpi ta’ ilma kkonċernati, il-mod kif għandu jintlaħaq l-istat kwantitattiv tajjeb jew, minn tal-inqas, il-potenzjal ekoloġiku tajjeb, kif ukoll għandhom jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat tal-imsemmija korpi ta’ ilma, konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. |
126 |
Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-programmi ta’ miżuri, imfassla għal kull distrett idrografiku jew għall-parti tad-distrett idrografiku internazzjonali li tinsab fit-territorju tagħhom. Dawn il-programmi jikkostitwixxu strumenti ta’ ppjanar bażiċi li jippermettu reazzjoni għall-pressjonijiet osservati fuq il-korpi ta’ ilma kkonċernati u li jintlaħaq stat tajjeb tal-ilmijiet fil-baċini idrografiċi jew fil-korpi ta’ ilma. Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-analiżi previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha. Barra minn hekk, l-imsemmija programmi ta’ miżuri jistgħu jagħmlu riferiment għall-miżuri li joħorġu mil-leġiżlazzjoni adottata fil-livell nazzjonali li tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. |
127 |
Dawn l-istess programmi ta’ miżuri jinkludu “miżuri bażiċi”, bħala rekwiżiti minimi li għandhom jiġu osservati, previsti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2000/60, u, jekk ikun meħtieġ, “miżuri supplimentari”, previsti fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva u ddefiniti fil-Parti B tal-Anness VI tagħha. |
128 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkontesta, fl-ewwel lok, sensiela ta’ miżuri individwali stabbiliti mir-Renju ta’ Spanja, bħal dawk esposti fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza. Madankollu, din l-istituzzjoni ma tipprovdi ebda prova li tista’ turi li l-miżuri kkontestati ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq “stat kwantitattiv tajjeb” tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60. |
129 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni la tispjega r-raġunijiet għaliex ir-Renju ta’ Spanja, fil-fehma tagħha, kiser l-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2000/60 billi adotta l-miżuri kkontestati u lanqas ir-raġunijiet għaliex tali miżuri huma allegatament insuffiċjenti fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkontesta biss fil-fatt li l-miżuri stabbiliti huma intiżi essenzjalment sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ estrazzjoni illegali ta’ ilma, li l-pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014 jagħti importanza eċċessiva lit-trasferimenti ta’ ilma, li r-riżorsi allokati ma humiex suffiċjenti kif ukoll is-segretezza tal-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-ispezzjoni u tal-għeluq tal-ispieri illegali jew tal-problema ta’ użu eċċessiv ta’ ilma minħabba t-turiżmu. Issa, il-Kummissjoni la tispjega u lanqas ma tistabbilixxi għalfejn dawn l-azzjonijiet jew dawn il-miżuri kkontestati huma kuntrarji għal jew insuffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2000/60. |
130 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli japplika u milli jimplimenta sensiela ta’ miżuri. Issa kif ġie pprovat minn dan l-Istat Membru, kemm bil-miktub u kemm matul is-seduta, ġew stabbiliti u implimentati numru ta’ miżuri, b’mod partikolari miżuri ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar speċifiku mill-annessi tar-risposta u tal-kontroreplika, jirriżulta li dan l-Istat Membru stabbilixxa sensiela ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ spezzjoni bil-għan li titwaqqaf l-estrazzjoni illegali ta’ ilma, liema miżuri jinkludu sanzjonijiet. |
131 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri mħabbra mir-Renju ta’ Spanja fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 ma jipprovdu ebda soluzzjoni għall-problema tal-użu eċċessiv tal-ilma minħabba t-turiżmu, b’mod partikolari fiż-żona kostali ta’ Matalascañas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-impatt tal-estrazzjoni ta’ ilma għall-provvista urbana fuq il-konservazzjoni tal-habitats, minħabba l-viċinanza ġeografika tagħhom, ġie stabbilit f’diversi studji xjentifiċi. Skont il-Kummissjoni, il-miżuri meħuda mir-Renju ta’ Spanja, b’mod partikolari dawk inklużi fil-pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014 u fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, ma humiex adegwati sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi protetti. |
132 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel l-Avukata Ġenerali fil-punti 162, 180 u 181 tal-konklużjonijiet tagħha, li, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1)(ċ), l-Artikolu 6 u l-Anness IV tad-Direttiva 2000/60, permezz tal-adozzjoni tal-programmi ta’ miżuri taħt l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx biss jilħqu l-għanijiet ambjentali marbuta mal-ilma stabbiliti f’din l-istess direttiva, iżda għandhom jiżguraw ukoll l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar iż-żoni protetti inkwistjoni qabel is-sena 2015. Ir-Renju ta’ Spanja, għalhekk, kien obbligat ukoll jimplimenta l-mekkaniżmi previsti fid-Direttiva 2000/60 sabiex jiġu osservati l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 92/43 fir-rigward tal-habitats taż-żona naturali protetta ta’ Doñana qabel l-imsemmija sena. |
133 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-punti 152 u 153 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ġenerali li jieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu evitati, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorazzjoni tal-habitats u d-disturbi sinjifikattivi tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom ġew identifikati dawn iż-żoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, WWF Italia Onlus et, C‑411/19, EU:C:2020:580, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
134 |
Għaldaqstant, il-programm ta’ miżuri previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 għandu jkollu wkoll bħala għan l-istabbiliment tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata kull deterjorazzjoni taż-żoni protetti previsti fid-Direttiva 92/43. |
135 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 155 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni jipprovokaw deterjorazzjoni jew disturb sinjifikattiv għall-habitats jew għall-ispeċi kkonċernati. Kif osservat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 185 tal-konklużjonijiet tagħha, minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-eżami tal-ħtieġa li jiġu adottati miżuri taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 sabiex jiġi osservat l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, ma jistax jiġi rikjest livell ta’ prova ogħla. |
136 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li hemm indizji suffiċjenti sabiex jitqies li l-estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma għall-provvista urbana taż-żona turistika ta’ Matalascañas ikkawżat ħsara lill-konservazzjoni tal-habitats ta’ prijorità identifikati bil-kodiċi 3170*, bħala l-għadajjar temporanji Mediterranji taż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) li tinsab fil-viċinanza ta’ dan iċ-ċentru urban, u, min-naħa l-oħra, li r-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex, taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, il-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata eventwali deterjorazzjoni taż-żoni protetti li jinsabu fil-viċinanza taż-żona turistika ta’ Matalascañas, kif jeżiġi l-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
137 |
Fil-fatt, diversi studji msemmija kif ukoll ippreżentati mill-Kummissjoni insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, annessi mar-rikors u mar-risposta, juru l-impatt tal-estrazzjoni ta’ ilma għall-provvista urbana taż-żona turistika ta’ Matalascañas fuq l-ekosistemi taż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), b’mod partikolari fuq il-habitats ta’ prijorità identifikati bil-kodiċi 3170*, jiġifieri l-għadajjar temporanji Mediterranji. Dawn l-istudji jenfasizzaw it-tendenza inkwetanti ta’ tnaqqis tal-għadajjar temporanji tar-riżerva ta’ Doñana u ta’ nixfa ta’ Charco del Toro u tal-għadira ta’ El Brezo, li huma marbuta mal-effetti dannużi tal-estrazzjoni ta’ ilma sabiex tiġi żgurata l-provvista taċ-ċentru turistiku ta’ Matalascañas b’ilma tax-xorb, b’ilma għal finijiet rikreattivi jew għat-tisqija ta’ ċentri tal-golf. Skont dawn l-istudji, l-estrazzjoni lokalizzata u intensiva ta’ ilma ta’ taħt l-art sabiex tiġi żgurata l-provvista taċ-ċentru turistiku kollu ta’ Matalascañas għandha effett negattiv manifest ukoll fuq il-livell tal-ilma ta’ taħt l-art u, għaldaqstant, fuq il-ħtiġijiet ta’ ilma tal-ambjent, bħalma hija l-veġetazzjoni jew l-għargħar tal-artijiet mistagħdra. |
138 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-probabbiltà li l-estrazzjoni eċċessiva ta’ ilma għall-provvista urbana taż-żona ta’ Matalascañas ikkawżat disturbi sinjifikattivi fil-habitats protetti taż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) li tinsab fil-viċinanza taċ-ċentru turistiku ta’ Matalascañas. Dan id-disturb tal-habitats protetti kien imissu, għalhekk, ittieħed inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 132 sa 134 ta’ din is-sentenza, fil-programm ta’ miżuri mfassal mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, bil-għan li tintemm id-deterjorazzjoni diġà kkonstatata fit-tipi ta’ habitats protetti bħalma huma l-għadajjar temporanji Mediterranji skont l-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
139 |
Issa, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-programm ta’ miżuri invokat mir-Renju ta’ Spanja, kif iddefinit fl-Anness 12 tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, ma fihx miżuri intiżi sabiex tintemm id-deterjorazzjoni diġà kkonstatata tat-tipi ta’ habitats protetti fiż-żona protetta li tinsab fil-viċinanza ta’ Matalascañas. |
140 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60, diġà kkonstatat fil-punti 108 sa 110 ta’ din is-sentenza, jippermetti li jiġi konkluż li l-informazzjoni dwar l-estrazzjoni ta’ ilma għaż-żona urbana ta’ Matalascañas fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021 ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti miżuri adegwati sabiex tintemm id-deterjorazzjoni diġà kkonstatata tat-tipi ta’ habitats protetti, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fl-assenza ta’ evalwazzjoni iktar preċiża u adegwata tal-portata tar-riskji li joriġinaw mill-estrazzjoni ta’ ilma tax-xorb għaż-żona turistika ta’ Matalascañas, ir-Renju ta’ Spanja, fi kwalunkwe każ, ma setax jimplimenta l-miżuri meħtieġa u effettivi, previsti fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi evitat kull disturb taż-żoni protetti li jinsabu fil-viċinanza ta’ Matalascañas marbut mal-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art. |
141 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, billi, fil-programm ta’ miżuri stabbilit fil-kuntest tal-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, ma ppreveda ebda miżura sabiex jipprevjeni disturb tat-tipi ta’ habitats protetti li jinsabu fiż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) permezz tal-estrazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art għall-bżonnijiet taż-żona turistika ta’ Matalascañas. |
B. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 92/43
1. L-argumenti tal-partijiet
142 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Hija tqis li l-awtoritajiet Spanjoli ma adottawx il-miżuri adegwati sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi li jinsabu fiż-żoni protetti tar-Reġjun ta’ Doñana, b’mod partikolari fiż-żoni Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) u Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012). Hija tispeċifika li l-isfruttament eċċessiv tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas wassal għan-nixfa tal-għadajjar tad-duni tal-park nazzjonali ta’ Doñana u, għaldaqstant, għad-deterjorazzjoni tal-ispeċi naturali protetti li jiddependu minn dan l-akwifer, b’mod partikolari ta’ diversi habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi protetti mid-Direttiva 92/43. |
143 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li d-deterjorazzjoni tal-habitats protetti taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, li tirriżulta mill-isfruttament eċċessiv tal-akwifer tagħha, ġiet stabbilita permezz ta’ diversi provi xjentifiċi kif ukoll permezz ta’ diversi rapporti uffiċjali. Skont il-Kummissjoni, l-iktar tipi ta’ habitats protetti sensittivi għan-nixfa, permezz tat-tnaqqis tal-ilma ta’ taħt l-art, kienu l-għadajjar temporanji Mediterranji, li huma habitats protetti identifikati bil-kodiċi 3170*, kif ukoll il-passaġġi ta’ ilma tal-wiċċ (xmajjar żgħar, kanali u passaġġi inferjuri) u l-habitats ta’ max-xatt (foresti żgħar u msaġar). Dawn jospitaw varjetà ta’ speċi ta’ pjanti u ta’ annimali, li jeżistu f’numri żgħar u li huma mhedda minn din in-nixfa. |
144 |
It-tieni, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-bidla fil-klima seta’ kellha impatt fuq id-deterjorazzjoni progressiva ta’ dawn it-tipi ta’ habitats, kif jallega r-Renju ta’ Spanja. Madankollu, hija ssostni li, bħala “miżuri adegwati”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, dan l-Istat Membru għandu jadotta miżuri intiżi li jiġġieldu kontra l-kawża prinċipali tad-deterjorazzjoni tal-habitats protetti taż-żona naturali protetta ta’ Doñana, jiġifieri l-estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art, anki jekk dawn il-miżuri jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-aggravazzjoni tad-deterjorazzjoni tal-habitats dovuta, b’mod parallel u sekondarju, għall-effetti tal-bidla fil-klima. |
145 |
It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri meħuda mir-Renju ta’ Spanja, b’mod partikolari dawk inklużi fil-pjan speċjali ta’ irrigazzjoni ta’ Doñana tal-2014 u fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2015 sa 2021, ma humiex adegwati sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi protetti, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li wħud mill-miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja bil-għan li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-habitats affettwati, bħal b’mod partikolari l-eliminazzjoni progressiva tal-pjantaġġuni tal-ewkaliptu fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana, l-akkwist ta’ proprjetajiet u tad-drittijiet tagħhom ta’ aċċess għall-ilma jew it-trasferimenti ta’ ilma minn baċini oħra, għandhom effetti potenzjalment pożittivi, hija tqis li dawn il-miżuri mhux dejjem huma biżżejjed sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. |
146 |
Ir-Renju ta’ Spanja jirribatti l-argumenti tal-Kummissjoni u jqis li ma naqasx milli jwettaq l-obbligi li joħorġu minn din id-direttiva. |
147 |
L-ewwel, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li ż-żoni naturali kollha tar-Reġjun ta’ Doñana huma konnessi mal-akwifer ta’ Almonte-Marismas. Huwa jispeċifika li huma biss iż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) u Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) li huma konnessi mal-imsemmi akwifer, kif iddefinit fil-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015. |
148 |
Barra minn hekk, huwa jsostni li l-opinjoni motivata kienet tikkonċerna biss l-akwifer ta’ Almonte-Marismas u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tar-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ma tistax tiġi estiża lil hinn mis-suġġett ta’ din l-opinjoni motivata. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-konnessjonijiet u mal-effetti li jikkonċernaw dawn it-tliet żoni protetti, minħabba t-tnaqqis fil-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art tal-imsemmi akwifer, ma humiex ammissibbli fir-rigward taż-żona protetta Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012). |
149 |
It-tieni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-bidliet u d-deterjorazzjoni taż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) huma dovuti għad-danni mġarrba matul l-aħħar seklu miż-żoni mistagħdra li jikkostitwixxuha u li għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala l-bażi tan-nuqqasijiet fil-konfront tad-Direttiva 92/43. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li, attwalment, żoni mistagħdra kbar u sistemi ta’ żoni bl-ilma għaddew minn stabbiliment mill-ġdid ekoloġiku permezz tad-diversi proġetti ta’ azzjoni applikabbli. |
150 |
It-tielet, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li huwa adotta miżuri adegwati u effettivi sabiex jevita d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi protetti skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. Minn naħa, huwa jsostni li dawn il-miżuri kkontribwixxew sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi li jaffettwaw ir-Reġjun ta’ Doñana u li qamu qabel ma l-Kummissjoni kklassifikat lil dan ir-reġjun bħala sit ta’ interess Komunitarju. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/43 jipprevedi li l-miżuri meħuda skont din id-direttiva għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll karatteristiċi partikolari reġjonali u lokali. |
151 |
Ir-raba’, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tad-deterjorazzjoni allegata tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
152 |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi kif ukoll id-disturbi li jaffettwaw l-ispeċi li minħabba fihom ġew identifikati ż-żoni, sa fejn dawn id-disturbi jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti f’din id-direttiva. |
153 |
Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ġenerali li jieħdu miżuri adegwati sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorazzjoni tal-habitats u d-disturbi sinjifikattivi tal-ispeċi li minħabba fihom ġew identifikati dawn iż-żoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, WWF Italia Onlus et, C‑411/19, EU:C:2020:580, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
154 |
Dan l-obbligu ġenerali jikkorrispondi għall-għan, segwit fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE, intiż għall-preservazzjoni, għall-protezzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll għall-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE. |
155 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi stabbilit nuqqas fil-konfront tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, ma huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u deterjorazzjoni jew disturb sinjifikattiv ikkawżat lill-habitats jew lill-ispeċi kkonċernati. Fil-fatt, huwa biżżejjed li din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li din l-azzjoni jew dan in-nuqqas ta’ azzjoni jipprovokaw deterjorazzjoni jew disturb sinjifikattiv għal dawn il-habitats jew għal dawn l-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
156 |
Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 92/43 jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni, huwa l-kriterju ta’ eżami ta’ kompatibbiltà taħt l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva li għandu japplika. Skont din id-dispożizzjoni, pjan jew proġett jistgħu jiġu awtorizzati biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu kisbu ċ-ċertezza li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett ma għandhomx effetti dannużi dejjiema fuq is-sit ikkonċernat jew meta ma jkun għad fadal ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
157 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx il-probabbiltà li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana tikkawża disturb sinjifikattiv għall-habitats naturali jew għall-habitats ta’ speċi li jinsabu fit-tliet żoni protetti, imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, u, jekk ikun il-każ, jekk ir-Renju ta’ Spanja kkonfutax tali probabbiltà b’mod xjentifiku. |
158 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li dan l-Istat Membru jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tal-ilmenti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan in-nuqqas sa fejn jikkonċernaw iż-żona protetta Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012), u dan għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 147 u 148 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-opinjoni motivata kienet tikkonċerna biss ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 92/43 fir-rigward tal-akwifer ta’ Almonte-Marismas u li huma biss iż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024) u Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) li huma konnessi mal-imsemmi akwifer. |
159 |
Il-Kummissjoni tirribatti dawn l-argumenti, filwaqt li tenfasizza li ż-żona protetta Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012) ġiet integrata fiż-żoni koperti minn dan in-nuqqas sa mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża. |
160 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 25, u tal-5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 37). |
161 |
F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm l-istedina mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta osservazzjonijiet u kemm l-opinjoni motivata jesponu b’mod espliċitu li s-suġġett ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu kien jikkonċerna l-isfruttament eċċessiv tal-ilmijiet ta’ taħt l-art tar-Reġjun ta’ Doñana u d-deterjorazzjoni sussegwenti tal-habitats u tal-ekosistemi li jinsabu f’diversi żoni protetti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) u Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012). B’hekk, minkejja li ż-żona protetta Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012) ma hijiex konnessa mal-akwifer ta’ Almonte-Marismas, iżda mal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ Condado, li jikkorrispondi għal pjan ta’ ġestjoni differenti minn dawk imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, li dan il-fatt huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, peress li l-imsemmija żona protetta kienet is-suġġett, sa mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża, ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. |
162 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda u għandu jitqies, għaldaqstant, li l-ilmenti li jikkonċernaw in-nuqqas li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva 92/43 huma ammissibbli wkoll sa fejn jikkonċernaw iż-żona protetta Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012). |
163 |
Fir-rigward tal-mertu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-bidliet u d-deterjorazzjoni taż-żoni protetti taż-żona naturali protetta ta’ Doñana huma dovuti għad-danni mġarrba matul l-aħħar seklu miż-żoni mistagħdra li jikkostitwixxuha u li, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma l-bażi tal-ksur fil-konfront tad-Direttiva 92/43. |
164 |
Huwa minnu li dawn il-bidliet u din id-deterjorazzjoni preċedenti, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. |
165 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-rigward tas-siti li jistgħu jiġu identifikati bħala li huma siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) inklużi fil-listi stabbiliti mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/43, u b’mod partikolari fir-rigward tas-siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali ta’ prijorità, l-Istati Membri huma obbligati, skont din id-direttiva u fid-dawl tal-għan ta’ konservazzjoni tal-imsemmija direttiva, jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni adegwati sabiex jitħares l-interess ekoloġiku rilevanti li għandhom dawn is-siti fil-livell nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et, C‑117/03, EU:C:2005:16, punt 30). |
166 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li ma tiġix ippreġudikata l-integrità ta’ sit bħala habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, jeżiġi li dan is-sit jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi li jikkostitwixxu s-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preservazzjoni tiegħu jkun iġġustifika l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 35). |
167 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar, minn naħa, li ż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) u Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012) tqiegħdu mill-Kummissjoni, fid‑19 ta’ Lulju 2006, fil-lista tas-SIK u li, għaldaqstant, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 huwa applikabbli b’effett minn dik id-data bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-provi prodotti mill-Kummissjoni li jikkonċernaw stadju preċedenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ din id-direttiva. |
168 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 jistabbilixxi obbligu ġenerali li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni adegwati, li jikkonsistu f’li jiġi evitat li, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami, jimmaterjalizzaw deterjorazzjonijiet tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi kif ukoll disturbi li jaffettwaw l-ispeċi li minħabba fihom ġew identifikati ż-żoni, sa fejn dawn id-disturbi jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti f’din id-direttiva. |
169 |
Issa, minn diversi elementi ta’ informazzjoni xjentifika li jinsabu fil-proċess jirriżulta li l-isfruttament eċċessiv tal-akwifer ta’ Doñana wassal għal tnaqqis fil-livell tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, li jikkawża disturb kostanti għaż-żoni protetti taż-żona naturali protetta ta’ Doñana. B’mod partikolari, kif osservat fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, diversi studji xjentifiċi juru l-impatt tal-estrazzjoni ta’ ilma għall-provvista urbana taż-żona turistika ta’ Matalascañas fuq l-ekosistemi taż-żona protetta Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), b’mod partikolari fuq it-tipi ta’ habitats ta’ prijorità identifikati bil-kodiċi 3170*, jiġifieri l-għadajjar temporanji Mediterranji. Din id-data tikkonferma, minn naħa, li d-deterjorazzjonijiet ta’ dawn il-habitats għadhom eżistenti u li l-istat ta’ dawn il-habitats ser ikompli jiddeterjora minħabba t-tnaqqis fil-livell tal-ilmijiet ta’ taħt l-art tal-imsemmi akwifer u, min-naħa l-oħra, li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex iwaqqaf tali deterjorazzjonijiet. |
170 |
Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 70 u 73 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex jirribatti dawn il-konstatazzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja kien imissu ppreżenta elementi li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju raġonevoli li, mill-perspettiva xjentifika, iż-żamma tal-prassi attwali tal-estrazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art ma għandha ebda impatt negattiv fuq l-imsemmija habitats protetti. Għal dan il-għan, kif ġie osservat fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 92/43 teżiġi eżami ta’ kompatibbiltà bħal dak li għandu jitwettaq taħt l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. |
171 |
Issa, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja ma wettaqx studju li jista’ jissodisfa r-rekwiżiti li joħorġu minn din id-dispożizzjoni u, għalhekk, lanqas ma stabbilixxa li ż-żamma tal-prassi attwali tal-estrazzjoni tal-ilma fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana ma għandha ebda impatt fuq il-habitats taż-żoni protetti inkwistjoni. |
172 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza tal-probabbiltà li l-estrazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art li hija l-prassi fiż-żona naturali protetta ta’ Doñana kkawżat, sa mid‑19 ta’ Lulju 2006, deterjorazzjoni tal-habitats protetti fiż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) u Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012) u li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jieħu l-miżuri adegwati sabiex jevita din id-deterjorazzjoni. |
173 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 billi naqas milli jieħu l-miżuri adegwati sabiex jevita d-disturbi sinjifikattivi tat-tipi ta’ habitats protetti li jinsabu fiż-żoni protetti Doñana (ZEPA/LIC ES0000024), Doñana Norte y Oeste (ZEPA/LIC ES6150009) u Dehesa del Estero y Montes de Moguer (ZEC ES6150012) ikkawżati mill-estrazzjoni tal-ilmijiet ta’ taħt l-art taż-żona naturali protetta ta’ Doñana sa mid‑19 ta’ Lulju 2006. |
174 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu:
|
V. Fuq l-ispejjeż
175 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
176 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir-rigward ta’ talba waħda jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
177 |
F’dan il-każ, peress li kemm il-Kummissjoni u kemm ir-Renju ta’ Spanja tilfu fir-rigward ta’ ċerti lmenti, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.