EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0545

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2022.
AllianzGI-Fonds AEVN vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dividendi mħallsa lill-organi ta’ investiment kollettiv (OIK) – OIK residenti u mhux residenti – Differenza fit-trattament – Taxxa f’ras il-għajn li tikkonċerna biss id-dividendi mħallsa lil OIK mhux residenti – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema fiskali tad-detenturi ta’ ishma f’OIK u tal-issuġġettar tal-organi residenti għal taxxi oħra – Assenza.
Kawża C-545/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:193

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dividendi mħallsa lill-organi ta’ investiment kollettiv (OIK) – OIK residenti u mhux residenti – Differenza fit-trattament – Taxxa f’ras il-għajn li tikkonċerna biss id-dividendi mħallsa lil OIK mhux residenti – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema fiskali tad-detenturi ta’ ishma f’OIK u tal-issuġġettar tal-organi residenti għal taxxi oħra – Assenza”

Fil-Kawża C‑545/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

AllianzGI-Fonds AEVN

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AllianzGI-Fonds AEVN, minn J. Lobato Heitor u R. Pereira de Abreu, advogadas, kif ukoll minn F. Cabral Matos, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. de Almeida Morgado, A. Homem u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 63 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AllianzGI-Fonds AEVN u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, il-Portugall) dwar l-annullament ta’ atti li permezz tiegħu din tal-aħħar wettqet l-intaxxar f’ras il-għan tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi relatat mas-snin 2015 u 2016.

Id‑dritt Portugiż

3

L-Artikolu 22 tal-Estatuto dos Beneficios Fiscais (l-Istatut tal-Benefiċċji Fiskali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EBF”), kien jipprevedi:

“1 –   Huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu l-fondi ta’ investiment ta’ titoli trasferibbli, il-fondi ta’ investiment immobbiljari, il-kumpanniji ta’ investiment ta’ titoli trasferibbli u l-kumpanniji ta’ investiment immobbiljari li huma kkostitwiti u joperaw skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

[…]

3 –   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul imsemmi fl-Artikoli 5, 8 u 10 tal-[Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi)] — ħlief jekk dan id-dħul ikun ġej minn entitajiet li għandhom ir-residenza jew id-domiċilju tagħhom f’pajjiż, f’territorju jew f’reġjun suġġett għal sistema fiskali kjarament iktar favorevoli, skont il-lista approvata minn deċiżjoni tal-membru tal-Gvern responsabbli fil-qasam tal-finanzi –, spejjeż marbuta ma’ dan id-dħul jew previsti fl-Artikolu 23 A tal-[Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi)], u lanqas dħul, inklużi l-iskonti, u spejjeż relatati mal-kummissjonijiet ta’ ġestjoni u kummissjonijiet oħrajn, li jibbenefikaw lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]

6 –   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma eżentati mid-derrama municipal (it-taxxa muniċipali fuq il-profitti) u mid-derrama estadual (it-taxxa nazzjonali fuq il-profitti).

7 –   L-amalgamazzjonijiet, diviżjonijiet jew sottoskrizzjonijiet fi flus kontanti bejn l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi dawk li ma għandhomx personalità ġuridika, huma suġġetti, mutatis mutandis, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 73, 74, 76 u 78 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, u s-sottoskrizzjonijiet fi flus kontanti huma suġġetti għas-sistema tat-trasferimenti tal-assi, prevista fl-Artikolu 73(3) tal-Kodiċi ċċitat iktar ’il fuq.

8 –   Ir-rati tat-taxxa speċifiċi previsti fl-Artikolu 88 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi għandhom japplikaw mutatis mutandis għal din is-sistema.

[…]

10 –   Ma hemmx obbligu li t-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi titnaqqas f’ras il-għajn fir-rigward tad-dħul tal-persuni taxxabbli msemmija fil-paragrafu 1.

[…]

14 –   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7 japplikaw għall-operazzjonijiet previsti fih li jimplikaw entitajiet li għandhom is-sede tagħhom, it-tmexxija effettiva tagħhom jew id-domiċilju tagħhom fit-territorju Portugiż, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea, inkwantu hemm obbligu ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ assistenza għall-irkupru ekwivalenti għal dak eżistenti fl-Unjoni Ewropea.

15 –   L-entitajiet li jamministraw kumpanniji jew fondi msemmija fil-paragrafu 1 huma responsabbli in solidum għad-djun fiskali tal-kumpanniji jew tal-fondi li tagħhom huma jiżguraw il-ġestjoni.”

4

L-Artikolu 22A tal-EBF jistipula li:

“1. –   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, id-dħul minn ishma jew minn azzjonijiet ta’ entitajiet li jaqgħu taħt l-iskema prevista fl-artikolu preċedenti huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi jew għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

fil-każ tad-dħul imqassam lil benefiċjarji residenti fit-territorju Portugiż jew fil-każ ta’ dħul taxxabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab f’dan it-territorju, permezz tat-taxxa f’ras il-għajn:

i)

bir-rata prevista fl-Artikolu 71(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi, meta l-benefiċjarji jkunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, u t-taxxa f’ras il-għajn tkun ta’ natura definittiva meta d-dħul jinkiseb barra minn attività kummerċjali, industrijali jew agrikola;

ii)

bir-rata prevista fl-Artikolu 94(4) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, meta l-benefiċjarji jkunu suġġetti għal din it-taxxa, u t-taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi ħlas bil-quddiem tat-taxxa, ħlief jekk il-persuna taxxabbli tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi li teskludi d-dħul mill-kapital, f’liema każ din hija ta’ natura definittiva.

[…]

c)

fil-każ ta’ dħul minn ishma f’fondi ta’ investiment immobbiljari u minn azzjonijiet f’kumpanniji ta’ investiment immobbiljari li l-benefiċjarji tagħhom huma persuni taxxabbli mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fit-territorju Portugiż li għalih dan id-dħul huwa imputabbli, permezz tat-taxxa f’ras il-għajn b’mod definittiv bir-rata ta’ 10 %, fil-każ ta’ dħul imqassam jew li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid ta’ ishma jew, b’mod speċifiku, bir-rata ta’ 10 %, fil-każijiet l-oħra;

d)

fil-każ ta’ dħul minn ishma f’fondi ta’ investiment ta’ titoli trasferibbli jew ta’ azzjonijiet f’kumpanniji ta’ investiment suġġetti għas-sistema prevista fl-artikolu preċedenti, inkluż il-qligħ kapitali li jirriżulta mill-akkwist jew mil-likwidazzjoni ta’ tali ishma, li l-benefiċjarji tagħhom ma humiex residenti fit-territorju Portugiż u hemmhekk ma għandhom l-ebda stabbiliment permanenti li għalih huwa imputabbli dan id-dħul, dawn huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi;

e)

fil-każijiet l-oħra, skont id-dispożizzjonijiet previsti mill-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi jew il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi.

2 –   Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punt (a)(i) u fil-punt (b) tal-paragrafu preċedenti japplikaw bla ħsara għall-għażla ta’ tassazzjoni fil-kuntest tad-dħul kollu, meta dan ikun dħul li persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi jkunu rċevew barra minn attività kummerċjali, industrijali jew agrikola, f’liema każ it-taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi ħlas bil-quddiem tat-taxxi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi.

3 –   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(c) u (d) ma humiex applikabbli u d-dħul għandu jiġi ntaxxat skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a), (b) jew (e), meta:

a)

il-benefiċjarji jirrisjedu f’pajjiż, f’territorju jew f’reġjun suġġett għal sistema fiskali kjarament iktar favorevoli, skont il-lista approvata permezz ta’ deċiżjoni tal-membru tal-gvern responsabbli fil-qasam tal-finanzi;

b)

il-benefiċjarji huma entitajiet mhux residenti li huma miżmuma, direttament jew indirettament, għal iktar minn 25 % minn entitajiet jew persuni fiżiċi residenti fit-territorju nazzjonali.

[…]

13 –   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din is-sistema, id-dħul minn ishma f’fondi ta’ investiment immobbiljari u l-azzjonijiet f’kumpanniji ta’ investiment immobbiljari, li jinkludu l-qligħ kapitali li jirriżulta minn trasferiment bi ħlas, minn xiri mill-ġdid jew minn stralċ ta’ tali ishma, huma kkunsidrati bħala dħul minn beni immobbli.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien ifformulat kif ġej:

“It-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi tikkonċerna:

[…]

d)

Id-dħul minn diversi kategoriji, meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, kif ukoll iż-żidiet patrimonjali li jinkisbu mingħajr ħlas mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(c) tal-artikolu preċedenti u li ma għandhomx stabbiliment permanenti jew li, meta dawn l-entitajiet ikollhom tali stabbiliment, ma jistgħux jiġu ntaxxati lil dawn tal-aħħar.”

6

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi:

“2 –   Il-persuni ġuridiċi u entitajiet oħra li la s-sede u lanqas l-amministrazzjoni effettiva tagħhom ma jinsabu fit-territorju Portugiż huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi biss f’dak li jirrigwarda d-dħul miksub f’dan it-territorju.

3 –   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, għandu jitqies bħala miksub fit-territorju Portugiż id-dħul taxxabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab f’dan it-territorju, kif ukoll, meta ma jissodisfax din il-kundizzjoni, id-dħul li ġej:

[…]

c)

id-dħul imsemmi hawn taħt, li d-debitur tiegħu għandu r-residenza tiegħu, is-sede tiegħu jew l-amministrazzjoni effettiva tiegħu fit-territorju Portugiż jew li l-ħlas tiegħu huwa imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab f’dan it-territorju:

[…]

3)

dħul ieħor mill-kapital;

[…]”

7

L-Artikolu 87(4) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Fir-rigward tad-dħul ta’ entitajiet li la għandhom is-sede tagħhom u lanqas l-amministrazzjoni effettiva tagħhom fit-territorju Portugiż u li ma għandhomx stabbiliment permanenti li lilu jiġi ntaxxat l-imsemmi dħul, taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi bir-rata ta’ 25 % […]”

8

Skont l-Artikolu 88(11) tal-istess kodiċi:

“Huma ntaxxati b’mod speċifiku, bir-rata ta’ 23 %, il-profitti mqassma minn entitajiet suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi lil persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni totali jew parzjali, inklużi, f’dan il-każ, id-dħul mill-kapital, meta l-azzjonijiet li għalihom jirrelataw il-profitti ma jkunux baqgħu f’idejn l-istess persuna taxxabbli, b’mod mhux interrott, matul is-sena ta’ qabel id-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom u li ma jkunux inżammu matul iż-żmien neċessarju sabiex jiġi kkompletat dan il-perijodu.”

9

L-Artikolu 94 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi jipprovdi:

“1 –   It-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi hija suġġetta għat-taxxa f’ras il-għajn fir-rigward tad-dħul li ġej, miksub fit-territorju Portugiż:

[…]

c)

Id-dħul mill-kapital li ma kienx imsemmi fil-punti preċedenti u d-dħul minn proprjetà immobbli, kif iddefinit għall-bżonnijiet tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, meta d-debitur ta’ dan id-dħul ikun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi jew meta l-imsemmi dħul ikun jikkostitwixxi piż relatat ma’ attività imprenditorjali jew professjonali ta’ persuni taxxabbli għat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi li għandhom jew li għandhom ikollhom kontabbiltà;

[…]

3 –   It-taxxa f’ras il-għajn tikkonsisti antiċipu tat-taxxi, ħlief fil-każijiet li ġejjin fejn din tkun ta’ natura definittiva:

[…]

b)

Meta, fir-rigward ta’ dħul mhux immobbli, il-benefiċjarju tad-dħul ikun entità mhux residenti li ma għandhiex stabbiliment permanenti fit-territorju Portugiż jew li, fl-ipoteżi fejn ikun hemm tali stabbiliment hemmhekk, dan id-dħul ma jkunx imputabbli lill-benefiċjarju inkwistjoni.

[…]

5 –   Huma eżentati mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti t-taxxi li, skont il-paragrafu 3, huma ta’ natura definittiva, li għalihom japplikaw ir-rati previsti fl-Artikolu 87.

6 –   L-obbligu li jitwettaq intaxxar f’ras il-għajn għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi jitnissel fid-data li fiha huwa previst obbligu identiku fil-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi jew, fin-nuqqas ta’ dan, fid-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dħul, u l-ammonti ta’ taxxa għandhom jitħallsu lill-Istat qabel l-għoxrin jum tax-xahar ta’ wara x-xahar li fih ikunu ġew intaxxati skont id-dispożizzjonijiet previsti mill-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi jew minn leġiżlazzjoni addizzjonali.”

10

Il-punt 29 tat-tabella ġenerali li tinsab fil-[Código do Imposto do Selo (il-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll)], fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“29. – Valur nett globali tal-organi ta’ investiment kollettiv li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-EBF:

29.1 – Organi ta’ investiment kollettiv li jinvestu esklużivament fi strumenti tas-suq monetarju u f’depożiti: 0.0025 % għal kull trimestru fuq il-valur inkwistjoni.

29.2 – Organi ta’ investiment kollettiv oħra: 0.00125 % għal kull trimestru fuq il-valur inkwistjoni.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

AllianzGI-Fonds AEVN huwa organu ta’ investiment kollettiv (OIK) tat-tip miftuħ, ikkostitwit skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u li għandu s-sede tiegħu fil-Ġermanja. Huwa ġestit minn entità amministratriċi li s-sede tagħha tinsab ukoll fil-Ġermanja, peress li din l-entità la hija residenti u lanqas ma għandha stabbiliment permanenti fil-Portugall.

12

Peress li AllianzGI-Fonds AEVN għandu r-residenza fiskali tiegħu fil-Ġermanja, huwa eżentat mit-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Dan l-istatus fiskali jipprekludih milli jirkupra t-taxxi mħallsa barra mill-pajjiż fil-forma ta’ kreditu fiskali minħabba taxxa doppja internazzjonali jew li titlob kwalunkwe rimbors ta’ dawn it-taxxi.

13

Matul is-snin 2015 u 2016, AllianzGI-Fonds AEVN kellu ishma f’diversi kumpanniji residenti fil-Portugall. Id-dividendi li huwa rċieva f’dan ir-rigward matul dawk is-sentejn kienu suġġetti, skont l-Artikolu 87(4)(c) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, għal tassazzjoni permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn ta’ natura liberatorja bir-rata ta’ 25 %, għal ammont totali ta’ EUR 39 371.29.

14

Fir-rigward tas-sena 2015, AllianzGI-Fonds AEVN kiseb ir-rimbors ta’ EUR 5 065.98 skont il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jipprevedi rata massima ta’ 15 % għat-tassazzjoni tad-dividendi.

15

Fid‑29 ta’ Diċembru 2017, AllianzGI-Fonds AEVN ippreżenta, quddiem l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet u tad-Dwana, rikors amministrattiv kontra l-atti li permezz tagħhom din tal-aħħar ipproċediet għall-impożizzjoni f’ras il-għajn tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi għas-snin 2015 u 2016. Huwa talab li dawn l-atti jiġu annullati minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni u li d-dritt tiegħu għar-rimbors tat-taxxa indebitament sostnuta fil-Portugall jiġi rrikonoxxut. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2018.

16

Fit‑12 ta’ Frar 2019, AllianzGI-Fonds AEVN ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), bil-għan li jiġu annullati l-atti ta’ taxxa f’ras il-għajn għall-bilanċ ta’ EUR 34 305.31.

17

Quddiem il-qorti tar-rinviju, AllianzGI-Fonds AEVN isostni li, matul is-snin 2015 u 2016, l-OIK ikkostitwiti u li joperaw skont il-leġiżlazzjoni Portugiża kienu suġġetti għal sistema fiskali iktar favorevoli minn dik li għaliha huwa kien suġġett fil-Portugall, sa fejn, fir-rigward ta’ dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Portugall, dawn l-organi kienu eżentati, skont l-Artikolu 22(3) tal-EBF, mit-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi. AllianzGI-Fonds AEVN iqis li, billi ġie ntaxxat bil-25 % fuq id-dividendi mħallsa lilu minn kumpanniji stabbiliti fil-Portugall, huwa suġġett għal trattament diskriminatorju pprojbit mill-Artikolu 18 TFUE kif ukoll għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

18

L-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tad-dwana ssostni, min-naħa tagħha, li s-sistema fiskali Portugiża applikabbli għall-OIK ikkostitwiti u li joperaw bi ftehim mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik applikabbli għall-OIK ikkostitwiti u stabbiliti fil-Ġermanja ma humiex, min-natura tagħhom, komparabbli, peress li lanqas l-ewwel waħda minn dawn is-sistemi ma teskludi l-intaxxar tad-dividendi mħallsa mill-organi li hija tkopri, kemm jekk permezz tat-taxxa tal-boll kif ukoll permezz tat-taxxa speċifika prevista fl-Artikolu 88(11) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi. Fid-dawl tal-fatt li t-tassazzjoni tad-dividendi ssir skont modalitajiet differenti, xejn ma jindika li l-piż fiskali fuq id-dividendi rċevuti mill-OIK ikkostitwiti u li joperaw bi ftehim mal-leġiżlazzjoni Portugiża huwa inqas minn dak impost fuq id-dividendi rċevuti fil-Portugall minn organu bħal AllianzGI-Fonds AEVN. L-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet u tad-Dwana żżid li lanqas ma ġie pprovat li l-parti tat-taxxa mhux irkuprata minn AllianzGI-Fonds AEVN ma tistax tiġi rkuprata mill-investituri ta’ dan tal-aħħar.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi teżenta mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Portugall lil OIK li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru u kkostitwiti u li joperaw skont il-leġiżlazzjoni Portugiża filwaqt li tintaxxa bil-25 % d-dividendi mħallsa minn tali kumpanniji lil OIK li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u li għalhekk ma humiex ikkostitwiti u lanqas ma joperaw skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sistema fiskali Portugiża tmurx kontra l-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew l-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-[Artikolu 63 TFUE] dwar il-moviment liberu tal-kapital, jew l-[Artikolu 56 TFUE] dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprekludu skema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita mill-Artikolu 22 tal-[EBF] li jipprevedi t-taxxa f’ras il-għajn ta’ natura liberatorja fuq id-dividendi rċevuti [mqassma] minn kumpanniji Portugiżi favur l-[OIK] mhux residenti fil-Portugall u stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, fl-istess waqt li l-[OIK] ikkostitwiti bis-saħħa tal-leġizlazzjoni fiskali Portugiża u residenti fiskali fil-Portugall jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq tali dħul?

2)

Billi pprovdiet taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-[OIK] mhux residenti u billi rriżervat għall-[OIK] residenti l-possibbiltà li jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq trattament sfavorevoli fil-konfront tad-dividendi mħallsa lill-[OIK] mhux residenti, ladarba ma tingħata ebda possibbiltà lil dawn tal-aħħar ikollhom aċċess għal eżenzjoni simili?

3)

Il-qafas fiskali tad-detenturi ta’ ishma tal-[OIK] huwa rilevanti għal skopijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni Portugiża, fid-dawl tal-fatt li din tipprevedi trattament fiskali awtonomu u distint (i) għall-[OIK] (residenti) u (ii) għad-detenturi ta’ ishma rispettivi tal-[OIK]? Jew, fid-dawl tal-fatt li s-sistema fiskali tal-[OIK] ma hijiex, għal kollox, immodifikata jew affettwata biċ-ċirkustanza dwar jekk il-parteċipanti rispettivi humiex residenti fil-Portugall jew le, l-evalwazzjoni tal-paragunibbiltà tas-sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni msemmija għandha sseħħ sempliċement b’riferiment għat-taxxa applikabbli fuq il-livell tal-istrument ta’ investiment?

4)

Differenza fit-trattament bejn [OIK] residenti u mhux residenti fil-Portugall hija ammissibbli, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti fil-Portugall, sew jekk ikunu detenturi ta’ ishma ta’ [OIK] (residenti jew mhux residenti) huma, fiż-żewġ każijiet, suġġetti wkoll (bħala regola, ma humiex eżentati) għal taxxa fuq id-dħul iddistribwit mill-[OIK], fejn id-detenturi ta’ ishma f’[OIK] mhux residenti huma suġġetti għal taxxa ogħla?

5)

Fid-dawl tal-fatt li d-diskriminazzjoni analizzata f’din it-tilwima tirrigwarda differenza fit-taxxa fuq id-dħul relatat ma’ dividendi ddistribwiti mill-[OIK] residenti lid-detenturi rispettivi ta’ ishma fl-[OIK], huwa leġittimu, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà tat-taxxa fuq id-dħul, li jittieħdu inkunsiderazzjoni taxxi, ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet dovuti fl-ambitu tal-investimenti magħmula mill-[OIK]? B’mod partikolari, huwa leġittimu u ammissibbli, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt assoċjat ma’ taxxa fuq il-patrimonju, fuq spejjeż jew oħrajn, u mhux strettament it-taxxa fuq id-dħul tal-[OIK], inklużi eventwali taxxi speċifiċi?”

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

21

Wara li ġew ippreżentati il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, AllianzGI-Fonds AEVN, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Lulju 2021, talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Insostenn tat-talba tiegħu, AllianzGI-Fonds AEVN isostni, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, sa fejn jeżaminaw il-kwistjoni tal-applikabbiltà, fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 14(3) tal-Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Kumpanniji), huma bbażati fuq elementi ġodda, li għadhom ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. AllianzGI-Fonds AEVN jirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 10, 20 u 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, huwa jikkontesta kemm l-interpretazzjoni magħmula mill-Avukata Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-allegat bżonn li jiġi evitat in-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dividendi mqassma mill-OIK mhux residenti kif ukoll l-analiżi mwettqa minnha fir-rigward tat-teknika ta’ tassazzjoni tad-dividendi mwettqa permezz tat-taxxa tal-boll.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li, fi tmiem il-proċedura bil-miktub u fid-dawl, minn naħa, tal-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, tat-tweġibiet ipprovduti mill-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Barra minn hekk, din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet u t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma turi ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li ser tingħata.

27

Minbarra dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tinsab fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-kontestazzjonijiet ta’ AllianzGI-Fonds dwar l-analiżi magħmula mill-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali dwar l-allegat bżonn li jiġi evitat in-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dividendi mqassma mill-OIK mhux residenti kif ukoll dwar it-teknika ta’ tassazzjoni tad-dividendi mwettqa permezz tat-taxxa tal-boll, ma jistgħux jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

29

Permezz tal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha d-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti lil OIK mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi ddistribwiti lil OIK residenti huma eżentati mill-ħlas ta’ tali taxxa. Din il-qorti tistaqsi, minn naħa, dwar jekk dan it-trattament fiskali differenti skont il-post ta’ residenza tal-organu benefiċjarju jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li l-OIK residenti huma suġġetti għal teknika oħra ta’ tassazzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-OIK residenti u mhux residenti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx differenza oġġettiva bejniethom, ta’ natura li tiġġustifika d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, għandhiex issir biss fuq il-livell tal-veikolu ta’ investiment jew jekk għandhiex ukoll tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-detenturi ta’ ishma.

Fuq il‑libertà ta’ moviment applikabbli

30

Peress li d-domandi saru kemm fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u/jew il-moviment liberu tal-kapital.

31

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda talba għal annullament ta’ atti li wasslu għat-tassazzjoni f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali minn kumpanniji stabbiliti fil-Portugall għas-snin 2015 u 2016 kif ukoll il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-possibbiltà li wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ tali taxxa f’ras il-għajn biss għall-OIK ikkostitwiti u li joperaw skont il-leġiżlazzjoni Portugiża jew li l-entità li tamministrahom topera fil-Portugall permezz ta’ stabbiliment permanenti.

33

Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk għandha bħala suġġett it-trattament fiskali ta’ dividendi rċevuti mill-OIK, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punti 3536).

34

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ OIK stabbilit fi Stat Membru għajr ir-Repubblika Portugiża, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi simili, tali effetti jkunu l-konsegwenza inevitabbli tat-trattament fiskali applikabbli għad-dividendi mħallsa lil dan l-organu mhux residenti u ma jiġġustifikawx eżami separat tad-domandi preliminari fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, din il-libertà hawnhekk tidher li hija sekondarja meta mqabbla mal-moviment liberu tal-kapital u tista’ tiġi assoċjata miegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 37).

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE.

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal-kapital

36

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti li jagħmlu dan fi Stati oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjoni fiskali prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata lill-OIK stabbiliti u li joperaw skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil OIK stabbiliti fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

38

Billi timponi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-OIK mhux residenti u billi tirriżerva biss lill-OIK residenti l-possibbiltà li jiksbu l-eżenzjoni minn tali taxxa f’ras il-għajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tapplika trattament żvantaġġuż fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-OIK mhux residenti.

39

Tali trattament żvantaġġuż jista’ jiddisswadi, minn naħa, lill-OIK mhux residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbiliti fil-Portugall u, min-naħa l-oħra, lill-investituri residenti fil-Portugall milli jiksbu ishma f’tali OIK, u għaldaqstant jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punti 4445 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post li fih il-kapital tagħhom huwa investit.

41

Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija minnha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli b’mod oġġettiv jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli

43

Sabiex tiġi evalwata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal dik tal-OIK u, min-naħa l-oħra, dwar l-eventwali rilevanza tal-eżistenza, fis-sistema fiskali Portugiża, ta’ ċerti taxxi li għalihom huma suġġetti biss l-OIK residenti.

44

Il-Gvern Portugiż isostni, essenzjalment, li s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-OIK residenti u dawk mhux residenti ma humiex oġġettivament komparabbli, u dan minħabba l-fatt li l-intaxxar tad-dividendi rċevuti minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ organi ta’ investiment min-naħa tal-kumpanniji residenti fil-Portugall huwa rregolat minn tekniki ta’ tassazzjoni differenti — jiġifieri, minn naħa, tali dividendi huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta jitħallsu lil OIK mhux residenti u, min-naħa l-oħra, huma suġġetti għat-taxxa tal-boll kif ukoll għat-taxxa speċifika prevista fl-Artikolu 88(11) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, meta dawn jitħallsu lil OIK residenti.

45

Dan il-gvern jindika wkoll li mill-Artikolu 22‑A tal-EBF jirriżulta li d-dividendi ddistribwiti minn OIK residenti lil detenturi ta’ ishma residenti fit-territorju Portugiż jew li huma imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab f’dan it-territorju huma ntaxxati bir-rata ta’ 28 % (meta l-benefiċjarji jkunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi) jew ta’ 25 % (meta l-benefiċjarji jkunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi), filwaqt li d-dividendi mħallsa lil detenturi ta’ ishma li ma humiex residenti fit-territorju Portugiż u li ma jkollhomx stabbiliment permanenti f’dan tal-aħħar, bħala prinċipju jiġu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi (b’xi eċċezzjonijiet intiżi essenzjalment sabiex issir prevenzjoni tal-abbuż).

46

Skont l-imsemmi gvern, teżisti koerenza stretta bejn it-tassazzjoni tad-dħul ta’ IIK u ta’ dak ta’ detenturi ta’ ishma f’dawn l-organi. Għalhekk, il-mudell Portugiż tat-tassazzjoni tal-OIK, ta’ natura “komposta”, jikkombina strutturalment it-taxxi imposti, minn naħa, fuq l-OIK residenti, jiġifieri t-taxxa tal-boll u t-taxxa speċifika prevista fl-Artikolu 88(11) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Ġuridiċi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dawk imposti fuq id-detenturi ta’ ishma f’tali organi, kif irrilevati fil-punt preċedenti. Dawn it-taxxi differenti, sa fejn huma integrati tajjeb ħafna bejniethom, fejn kull waħda minnhom hija indispensabbli għall-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita, għandhom jiġu kkunsidrati fit-totalità tagħhom.

47

Barra minn hekk, dan l-istess gvern iżid, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, ma għandhomx jiġu injorati l-effetti tat-trasparenza fiskali li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u d-detenturi ta’ ishma fih, li twassal sabiex it-taxxa f’ras il-għajn imposta fil-Portugall tkun tista’ tiġi ttrasferita immedjatament fuq id-detenturi ta’ ishma li, peress li ma humiex eżentati mit-taxxa, jistgħu jimputaw, jew ukoll, jikkreditaw il-parti tagħhom ta’ din it-taxxa imposta fil-Portugall fuq it-taxxa li huma għandhom iħallsu fil-Ġermanja.

48

Fl-aħħar, il-Gvern Portugiż jikkunsidra li, sa fejn għażel liberament li ma joperax fil-Portugall permezz ta’ stabbiliment permanenti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nnifsu eskluda ruħu minn kull paragun possibbli mal-OIK stabbiliti fil-Portugall, peress li s-sitwazzjoni tiegħu hija, fir-realtà, komparabbli ma’ dik ta’ entitajiet mhux residenti oħra u li d-dividendi tagħhom rċevuti fil-Portugall huma dejjem intaxxati bil-25 %.

49

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, mill-mument li Stat jissuġġetta, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lil persuni taxxabbli residenti, iżda wkoll lil persuni taxxabbli mhux residenti, għad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni taxxabbli mhux residenti toqrob lejn dik tal-persuni taxxabbli residenti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Portugiż li jinsab fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jiġu applikati, għall-benefiċjarji ta’ dħul minn kapital, tekniki ta’ tassazzjoni differenti skont jekk dawn il-benefiċjarji humiex residenti jew le, peress li din id-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center, C‑282/07, EU:C:2008:762, punt 41).

51

Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trattament differenti tat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni skont l-istatus ta’ residenti jew ta’ persuna mhux residenti ta’ dawn tal-aħħar, li jirriżulta mill-applikazzjoni, għal dawn il-fondi rispettivi, ta’ żewġ metodi ta’ tassazzjoni differenti, kien iġġustifikat mid-differenza tas-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-kontenut tagħha.

52

Madankollu, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tillimitax ruħha sabiex tipprevedi modalitajiet differenti għall-ġbir tat-taxxa skont il-post ta’ residenza tal-OIK benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, iżda hija tipprevedi, fir-realità, tassazzjoni sistematika tal-imsemmija dividendi fil-konfront biss tal-organi mhux residenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, fir-rigward tat-taxxa tal-boll, li kemm mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet kif ukoll mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mill-fatt li l-valur taxxabbli tagħha huwa kkostitwit mill-valur nett kontabbli tal-OIK, din it-taxxa tal-boll hija taxxa fuq il-patrimonju, li ma tistax tiġi assimilata ma’ taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi.

54

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni fiskali Portugiża tagħmel distinzjoni, fil-każ tal-OIK residenti, bejn id-dħul mill-kapital miġbur u miżmum u dak li huwa immedjatament imqassam mill-ġdid, peress li huwa biss dak tal-ewwel li huwa inkluż fil-bażi ta’ din it-taxxa tal-boll. Issa, dan l-aspett huwa biżżejjed minnu nnifsu sabiex jiddistingwi lil din il-kawża minn dik li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402).

55

Fil-fatt, anki jekk jitqies li din l-istess taxxa tal-boll tista’ tiġi assimilata ma’ taxxa fuq id-dividendi, OIK residenti jista’ jevita tali taxxa fuq id-dividendi billi jipproċedi għad-distribuzzjoni immedjata tagħhom, filwaqt li tali possibbiltà ma hijiex miftuħa għal OIK mhux residenti.

56

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-taxxa speċifika prevista fl-Artikolu 88(11) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, mill-indikazzjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont din id-dispożizzjoni, din it-taxxa taffettwa d-dividendi rċevuti minn OIK residenti biss fil-każ fejn l-azzjonijiet li għalihom jirreferu d-dividendi ma jkunux baqgħu f’idejn l-istess persuna taxxabbli, b’mod mhux interrott, matul is-sena li tkun ippreċediet id-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni u li ma ġewx miżmuma matul iż-żmien neċessarju sabiex dan il-perijodu jiġi kkompletat. Għalhekk, it-taxxa prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tolqot id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali rċevuti minn OIK residenti biss f’każijiet limitati, b’tali mod li ma tistax tiġi assimilata mat-taxxa ġenerali li għaliha huma suġġetti d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali rċevuti mill-OIK mhux residenti.

57

Konsegwentement, il-fatt li l-OIK mhux residenti ma humiex suġġetti għat-taxxa tal-boll u għat-taxxa speċifika prevista fl-Artikolu 88(11) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Ġuridiċi ma jpoġġihomx f’sitwazzjoni oġġettivament differenti meta mqabbla mal-OIK residenti fir-rigward tal-intaxxar tad-dividendi provenjenti mill-Portugall.

58

Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Portugiż li jinsab fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont l-Artikolu 56 TFUE, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-mezzi xierqa sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħhom, irrispettivament minn jekk jistabbilixxux ruħhom jew le b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor, peress li din il-libertà ma għandhiex tkun limitata minn dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji.

59

Barra minn hekk, sa fejn l-argument tal-Gvern Portugiż jirrigwarda l-allegata neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva fis-sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-suġġett, tal-kontenut u tal-għan tas-sistema Portugiża fil-qasam tat-tassazzjoni tad-dividendi, kemm fil-livell tal-OIK innifishom jew tad-detenturi ta’ ishma tagħhom, jirriżulta kemm mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn dik ipprovduta mill-Gvern Portugiż għad-domandi bil-miktub li ġew indirizzati lilu fil-kuntest ta’ din il-proċedura li l-imsemmija sistema ġiet ikkonċepita skont il-loġika tal-“issuġġettar għat-taxxa tal-ħruġ”, fis-sens li l-OIK li jikkostitwixxu u joperaw skont il-leġiżlazzjoni Portugiża huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li l-oneru ta’ dan tal-aħħar jiġi ttrasferit lid-detenturi ta’ ishma li għandhom il-kwalità ta’ residenti, u d-detenturi ta’ ishma mhux residenti huma eżentati minnha.

62

Fil-fatt, il-Gvern Portugiż ippreċiża li din s-sistema nazzjonali fil-qasam ta’ tassazzjoni tad-dividendi kienet intiża sabiex tilħaq għanijiet bħal, b’mod partikolari, dak li tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika internazzjonali u li t-tassazzjoni tal-livell tal-OIK tiġi ttrasferita fuq il-livell tad-detenturi ta’ ishma, b’tali mod li t-taxxa imposta fuq dan id-dħul tkun approssimattivament ekwivalenti għal dik li kienet tiġi applikata li kieku dan id-dħul kien inkiseb direttament mid-detenturi ta’ ishma f’dawn l-OIK.

63

Tkun il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-elementi kollha li jikkostitwixxu din l-istess sistema ta’ tassazzjoni, li għandha tiddetermina l-għan prinċipali mfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 79).

64

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li s-sistema Portugiża fil-qasam tat-taxxa fuq id-dividendi hija intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tad-dividendi mħallsin minn kumpanniji residenti, fid-dawl tal-kwalità ta’ intermedjarju tal-OIK fil-konfront tad-detenturi ta’ ishma tagħhom, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa doppja ekonomika fuq dħul imqassam minn kumpannija residenti, il-kumpanniji benefiċjarji residenti ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ kumpanniji benefiċjarji mhux residenti (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lill-kumpanniji residenti, iżda anki lill-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tad-dħul li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti toqrob lejn dik tal-kumpanniji residenti.

66

Fil-fatt, huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa doppja ekonomika. F’tali każ, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux issuġġettati għal restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi għandu jiżgura li, fir-rigward tal-mekkaniżmu stabbilit mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja, il-kumpanniji mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu l-kumpanniji residenti (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Peress li r-Repubblika Portugiża għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dħul irċevut mill-OIK mhux residenti, dawn jinsabu għalhekk f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-OIK residenti fil-Portugall f’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti fil-Portugall (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li s-sistema Portugiża fil-qasam tat-tassazzjoni tad-dividendi hija intiża, fix-xewqa li ma tirrinunzjax għal kull taxxa fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti fil-Portugall, li tipposponi l-livell tat-taxxa tagħhom fuq id-detenturi tal-ishma tal-OIK, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa li l-livell ta’ tassazzjoni tal-veikolu ta’ investiment jiġi ttrasferit għal fuq l-azzjonist ta’ din il-veikolu, huma bħala prinċipju l-kundizzjonijiet materjali tas-setgħa ta’ tassazzjoni fuq id-dħul tal-azzjonisti li għandhom jitqiesu bħala determinanti, u mhux it-teknika ta’ tassazzjoni użata (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 60).

69

Issa, OIK mhux residenti jista’ jkollha detenturi ta’ ishma li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fil-Portugall u li fuq id-dħul tagħhom dan l-Istat Membru jista’ jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu. Minn din il-perspettiva, OIK mhux residenti jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli ma’ OIK residenti fil-Portugall (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 61).

70

Huwa minnu li r-Repubblika Portugiża ma tistax tintaxxa lid-detenturi ta’ ishma mhux residenti fuq id-dividendi mqassma minn OIK mhux residenti, kif barra minn hekk ammetta l-Gvern Portugiż kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, tali impossibbiltà hija koerenti mal-loġika taċ-ċaqliq tal-livell ta’ tassazzjoni tal-veikolu lejn id-detentur ta’ ishma (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 62).

71

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku kriterju ta’ distinzjoni stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq il-post ta’ residenza tal-OIK, billi jissuġġetta biss lill-organi mhux residenti għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma jirċievu.

72

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ OIK residenti li jibbenefika minn tqassim ta’ dividendi residenti hija komparabbli ma’ dik ta’ OIK benefiċjarju mhux residenti, sa fejn, fiż-żewġ każijiet, il-profitti magħmula jistgħu, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ taxxa doppja ekonomika jew ta’ sensiela ta’ taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Konsegwentement, il-kriterju ta’ distinzjoni li tirreferi għalih il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda biss il-post ta’ residenza tal-OIK, ma jippermettix li tiġi kkonstatata differenza oġġettiva tas-sitwazzjonijiet bejn l-organi residenti u dawk mhux residenti.

74

Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-differenza li teżisti fit-trattament bejn l-OIK residenti u l-OIK mhux residenti tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli.

Fuq l‑eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

75

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), C-480/19, EU:C:2021:334, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tinvokax tali raġunijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li din tiffoka biss fuq il-komparabbiltà eventwali tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż isostni, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll bi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital operata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata fid-dawl ta’ żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri, minn naħa, in-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, dik li jiġi ppreżervat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati, jiġifieri r-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

77

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, il-Gvern Portugiż iqis, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-mudell ta’ tassazzjoni Portugiża tad-dividendi jikkostitwixxi mudell “kompost”. B’hekk, ikun possibbli li tiġi ggarantita l-koerenza ta’ dan il-mudell biss jekk l-entità amministratriċi tal-OIK mhux residenti topera fil-Portugall permezz ta’ stabbiliment permanenti, b’tali mod li din l-entità tkun tista’ tikkonkretizza t-taxxa f’ras il-għajn neċessarja fuq id-detenturi ta’ ishma residenti, kif ukoll, f’ċerti każijiet eċċezzjonali ggwidati minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-fatt li tiġi evitata l-pjanifikazzjoni fiskali, fuq id-detenturi ta’ ishma mhux residenti.

78

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li titħares il-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu hija ppreċiżat li, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ premezz ta’ ġbir fiskali speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 87).

79

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għan tad-dividendi favur OIK residenti ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li d-dividendi rċevuti minn dawn l-organi jerġgħu jitqassmu minnhom u li t-tassazzjoni tagħhom imposta fuq id-detenturi tal-ishma tagħhom tkun tippermetti li tiġi kkumpensata l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 52, u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 93).

80

Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, bejn l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali miġbura minn OIK residenti u t-tassazzjoni tal-imsemmija dividendi bħala dħul tad-detenturi tal-ishma ta’ dan l-organu.

81

In-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali ma tistax, għaldaqstant, tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

82

Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-neċessità li jiġi ppreżervat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun ammessa meta s-sistema inkwistjoni tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Lexel, C‑484/19, EU:C:2021:34, punt 59).

83

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun għażel, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jintaxxax lill-OIK residenti li jibbenefikaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma jistax jinvoka n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li jiġġustifika t-tassazzjoni tal-OIK mhux residenti li jibbenefikaw minn dan id-dħul (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Minn dan isegwi li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-preżervazzjoni ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax tiġi aċċettata.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skontha, id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil OIK mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi mqassma lil OIK residenti huma eżentati minn tali taxxa.

Dwar l‑ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skontha, id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil organu ta’ investiment kollettiv (OIK) mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi mqassma lil OIK residenti huma eżentati minn tali taxxa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top