Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0519

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020.
    Ryanair DAC vs DelayFix.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kuntratt ta’ trasport bl-ajru – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kkuntrattata mill-passiġġier li għandu l-kwalità ta’ konsumatur – Kreditu ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-kumpannija tal-ajru – Ċessjoni ta’ dan il-kreditu lil kumpannija ta’ rkupru ta’ krediti – Opponibbiltà tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni mill-kumpannija tal-ajru kontra l-kumpannija ċessjonarja tal-kreditu tal-imsemmi passiġġier — Direttiva 93/13/KEE.
    Kawża C-519/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:933

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    18 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

    [Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2021]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kuntratt ta’ trasport bl-ajru – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni kkuntrattata mill-passiġġier li għandu l-kwalità ta’ konsumatur – Kreditu ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-kumpannija tal-ajru – Ċessjoni ta’ dan il-kreditu lil kumpannija ta’ rkupru ta’ krediti – Opponibbiltà tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni mill-kumpannija tal-ajru kontra l-kumpannija ċessjonarja tal-kreditu tal-imsemmi passiġġier – Direttiva 93/13/KEE”

    Fil-Kawża C‑519/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it‑23 Diviżjoni Kummerċjali tal-Appelli, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

    Ryanair DAC

    vs

    DelayFix, li qabel kienet Passenger Rights sp. z o.o.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ryanair DAC, minn A. Kasnowska, adwokat, kif ukoll minn M. Jóźwiak, radca prawny,

    għal DelayFix, li qabel kienet Passenger Rights sp. z o.o., minn M. Misiaszek, K. Żbikowska u I. Wieczorek, adwokaci,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    [kif rettifikat permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2021] għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller, A. Szmytkowska, N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Passenger Rights sp. z o.o., li saret DelayFix, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), kumpannija speċjalizzata fl-irkupru ta’ krediti u li lilha passiġġier tal-ajru ttrasferixxa d-drittijiet tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija tal-ajru Ryanair DAC, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), dwar il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 250 bħala kumpens għall-kanċellazzjoni ta’ titjira, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 93/13

    3

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13, din għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (b)

    ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

    Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    6

    L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “[…] il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

    7

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    8

    Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat FUE, sabiex jagħtu lill-konsumatur livell ogħla ta’ protezzjoni.

    9

    Il-punt 1(q) tal-Anness tal-imsemmija direttiva jsemmi l-“[k]lawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li […] jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor […]”.

    Ir-Regolament Nru 1215/2012.

    10

    Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi għaxar taqsimiet. It-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    11

    It-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tinkludi l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

    (1)

    (a)

    fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

    (b)

    għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

    […]

    fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati [ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti];

    […]”

    12

    It-Taqsima 4 tal-Kapitolu II, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, tinkludi l-Artikolu 17 tal-istess regolament, li jipprovdi:

    “[…]

    3.   Din it-Taqsima m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

    13

    Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 7 tal-istess Kapitolu II, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”:

    “1.   Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

    (a)

    bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

    (b)

    f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

    (c)

    f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.

    […]”

    Id-dritt Pollakk

    14

    Skont l-Artikolu 509 tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali:

    “§ 1.   Kreditur jista’, mingħajr il-kunsens tad-debitur, jittrasferixxi d-dejn lil terz (ċessjoni ta’ kreditu), sakemm il-liġi, il-kuntratt jew in-natura tal-obbligu ma jipprekludux dan.

    § 2.   Iċ-ċessjoni ta’ kreditu jinkludi ċ-ċessjoni tad-drittijiet kollha marbuta miegħu, b’mod partikolari dawk tal-interessi moratorji.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    Passenger Rights, kumpannija speċjalizzata fl-irkupru tal-krediti tal-passiġġieri tal-ajru, li saret DelayFix, talbet lis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), tikkundanna lill-kumpannija tal-ajru Ryanair, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 250 bħala kumpens għall-kanċellazzjoni ta’ titjira bejn Milan (l-Italja) u Varsavja (il-Polonja), li fir-rigward ta’ dan il-ħlas passiġġier ittrasferixxielha l-kreditu tiegħu fil-konfront ta’ din il-kumpannija tal-ajru.

    16

    Ryanair invokat eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, għar-raġuni li l-klawżola 2.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tagħha, ikkuntrattati minn dan il-passiġġier waqt ix-xiri tal-biljett online tiegħu, tipprovdi ġurisdizzjoni favur il-qrati Irlandiżi. Skont Ryanair, DelayFix, bħala ċessjonarja tal-kreditu tal-imsemmi passiġġier, hija marbuta b’din il-klawżola.

    17

    Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Frar 2019, is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, billi kkunsidrat li, minn naħa, il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ trasport li jorbot lill-istess passiġġier u lill-kumpannija tal-ajru kienet inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, u, min-naħa l-oħra, DelayFix, bħala ċessjonarja tal-kreditu ta’ dan wara l-kanċellazzjoni tat-titjira, ma tistax tkun marbuta b’tali klawżola.

    18

    Ryanair ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li peress li DelayFix ma hijiex konsumatur, din tal-aħħar ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni ġudizzjarja prevista għall-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali u fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tista’ tiġi kkonstatata fil-kuntest tal-eżami ta’ azzjoni għall-ħlas imressqa kontra debitur minn bejjiegħ jew fornitur li akkwista l-kreditu ta’ konsumatur.

    20

    Madankollu, fl-ewwel lok, dik il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, iċ-ċessjonarju tal-kreditu ta’ konsumatur jistax ukoll jitqies konsumatur. B’mod iktar partikolari, hija għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċessjoni mill-konsumatur tal-kreditu tiegħu lil bejjiegħ jew fornitur għandhiex l-effett li tissurroga lil dan tal-aħħar fid-drittijiet tiegħu, billi tippermettilu jinvoka r-regoli favorevoli tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jirriżultaw b’mod partikolari minn din id-direttiva.

    21

    Fit-tieni lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, fir-rigward tas-sistema legali tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni, prevista fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tas-sistema partikolari prevista fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, dwar il-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’din it-taqsima.

    22

    Fir-rigward, minn naħa, tal-klawżoli msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012, dik il-qorti tenfasizza li mis-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp (C-543/10, EU:C:2013:62), jirriżulta li klawżola ta’ dan it-tip imdaħħla f’kuntratt tista’, bħala prinċipju, tipproduċi l-effetti tagħha biss fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet li taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Fil-fatt, tali klawżola tirriżulta minn ftehim bejn il-partijiet u, sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra terz, huwa, bħala prinċipju, neċessarju li dan ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan il-għan.

    23

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, l-imsemmija qorti tenfasizza li billi s-sistema partikolari stabbilita fl-Artikoli 17 et seq ta’ dan ir-regolament hija ispirata mix-xewqa li l-konsumatur jiġi protett inkwantu parti kontraenti meqjusa bħala ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-kontraent tagħha, il-konsumatur huwa protett biss meta jkun personalment rikorrent jew konvenut fi proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant, jekk ir-rikorrent ma jkunx huwa stess parti fil-kuntratt ta’ konsum inkwistjoni, huwa ma jistax jibbenefika mill-ġurisdizzjoni marbuta mal-konsumatur. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess qorti tistaqsi jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura “inizjali” tal-obbligu jew jekk il-bejjiegħ jew fornitur li lilu jsir it-trasferiment tal-kreditu kkonċernat jistax jikkontesta din il-klawżola minħabba n-natura inġusta tagħha abbażi tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi prevista b’mod partikolari mid-Direttiva 93/13.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Diviżjoni Kummerċjali tal-Appelli, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 […] kif ukoll l-Artikolu 25 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest tal-eżami tal-validità ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, fis-sens li l-assenza ta’ negozjar individwali tal-klawżoli kuntrattwali u n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jirriżultaw mill-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni jistgħu wkoll jiġu invokati miċ-ċessjonarju finali ta’ kreditu li jkun ġie ttrasferit lilu minn konsumatur, liema ċessjonarju nnifsu, madankollu, ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur?”

    Fuq it-talba ta’ Ryanair sabiex tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura

    25

    B’talba tal-4 ta’ Novembru 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, Ryanair talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura billi sostniet li ċ-ċirkustanzi previsti mid-deċiżjoni tar-rinviju ma kinux suffiċjentement spjegati, li dibattitu profond huwa meħtieġ, u li r-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża jista’ jkollha influwenza deċiżiva fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

    26

    Għandu jitfakkar li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jekk hija tqis b’mod partikolari li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tinqata’ fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat mill-partijiet.

    27

    F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni ma humiex issodisfatti.

    28

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju spjegat suffiċjentement iċ-ċirkustanzi fattwali u l-qafas regolatorju nazzjonali. Bl-istess mod, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppermettiet lill-partijiet jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma teħtieġ li tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma ġewx ittrattati mill-partijiet.

    29

    Konsegwentement, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba ta’ Rynair sabiex tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    30

    Matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, Ryanair indikat li kienet ħallset is-somma mitluba li wasslet għat-tilwima li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadx għandha skop.

    31

    Mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti tindika li l-kawża prinċipali ġiet magħquda ma’ żewġ kawżi oħra, li jinvolvu lill-partijiet fil-kawża prinċipali u li għandhom bħala suġġett talbiet għal kumpens imressqa wkoll abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li tilwima għadha pendenti quddiemha.

    32

    F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li tilwima hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mistennija li jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, ir-raġuni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament riżolta kontroversja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali ġiet magħquda ma’ żewġ kawżi oħra, li fir-rigward tagħhom ma ġiex stabbilit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-talbiet għal kumpens ġew irregolati, b’tali mod li għandu jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    34

    Sa fejn il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex it-tilwima li tkun tressqet quddiemhom tiġi riżolta, tali indikazzjoni ta’ qorti nazzjonali torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    36

    Permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 u intiż kontra kumpannija tal-ajru, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt ta’ trasport bejn passiġġier u din il-kumpannija tal-ajru tista’ tiġi invokata minn din tal-aħħar kontra kumpannija ta’ rkupru li lilha l-passiġġier ittrasferixxa l-kreditu tiegħu.

    37

    Ir-risposta għal din id-domanda timplika li għandu jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ torbot lill-kumpannija ta’ rkupru li lilha l-passiġġier ittrasferixxa l-kreditu tiegħu.

    38

    Għalkemm id-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw kemm id-Direttiva 93/13 kif ukoll ir-Regolament Nru 1215/2012, peress li s-sistema legali ta’ klawżola ta’ dan it-tip hija ddeterminata mill-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, huwa opportun li nibdew billi neżaminaw il-kwistjoni mqajma fir-rigward tiegħu.

    39

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jingħata applikazzjoni sħiħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn, C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 14; tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punti 2240 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    B’mod partikolari, il-fatt li l-kuntratt ikkonċernat ġie konkluż online ma jistax, fih innifsu, jinvalida tali klawżola, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet, stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar, b’mod partikolari, iż-żamma tat-test li fih din il-klawżola hija stipulata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 40).

    41

    Barra minn hekk, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippreċiżax jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tistax tiġi ttrasferita, lil hinn miċ-ċirku tal-partijiet għal kuntratt, lil terz, parti għal kuntratt sussegwenti u suċċessur, fl-intier jew parzjalment, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ wieħed mill-partijiet għall-kuntratt inizjali (sentenzi tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/13, EU:C:2013:62, punt 25, u tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 23).

    42

    B’hekk, il-qorti adita għandha l-obbligu li teżamina, in limine litis, jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni effettivament kinitx suġġetta għall-kunsens bejn il-partijiet, li għandu jkun immanifestat b’mod ċar u preċiż, peress li l-forom rikjesti mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom, f’dan ir-rigward, il-funzjoni li jiżguraw li l-kunsens ikun effettivament stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden, C‑64/17, EU:C:2018:173, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt tista’ tipproduċi l-effetti tagħha biss fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-partijiet li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt (sentenzi tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 29, u tat-28 ta’ Ġunju 2017, Leventis u Vafeias, C‑436/16, EU:C:2017:497, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan il-każ, il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali hija invokata mhux kontra parti fil-kuntratt li jinkludi l-imsemmija klawżola, iżda kontra terz għal dan il-kuntratt.

    45

    Issa, għalkemm la Passenger Rights u lanqas DelayFix, li ssuċċedietha, ma taw il-kunsens tagħhom sabiex jintrabtu ma’ Ryanair permezz ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, din il-kumpannija tal-ajru lanqas ma tat il-kunsens tagħha sabiex tintrabat ma’ din il-kumpannija ta’ rkupru permezz ta’ tali klawżola.

    46

    Barra minn hekk, la l-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas il-qorti tar-rinviju ma jagħmlu riferiment għal elementi jew indizji li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-partijiet kienu kkonkludew, skont waħda mill-forom previsti fl-Artikolu 25(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1215/2012, ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jinkludi klawżola ta’ proroga tal-ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    47

    Għaldaqstant, mill-premess jirriżulta li, sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004 u intiż kontra kumpannija tal-ajru, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita fil-kuntratt ta’ trasport bejn passiġġier u din il-kumpannija tal-ajru ma tistax, bħala prinċipju, tiġi invokata minn din tal-aħħar fil-konfront ta’ kumpannija ta’ rkupru li lilha l-passiġġier ittrasferixxa l-kreditu tiegħu.

    48

    Huwa biss fil-każ fejn, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu, it-terz ikun issuċċeda lill-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li għaliha dan it-terz ma jkunx ta l-kunsens tiegħu tista’ torbtu xorta waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tippreżupponi wkoll li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ tali klawżola.

    50

    Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qrati indikati fil-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandhom ġurisdizzjoni, ħlief jekk il-validità tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni tkun ivvizzjata b’nullità fir-rigward tal-mertu, “skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk introduċa r-regola li l-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu jkunu indikati f’din il-klawżola.

    51

    F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju teżamina l-validità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, hija għandha, konsegwentement, tagħmel dan fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati f’din il-klawżola, jiġifieri fid-dawl tad-dritt Irlandiż.

    52

    Barra minn hekk, hija l-qorti adita b’tilwima, bħal dik fil-kawża prinċipali, li għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati fl-imsemmija klawżola, billi tinterpreta din il-leġiżlazzjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 79, u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 41).

    53

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn id-Direttiva 93/13 u d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru bħal dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 93/13 tikkostitwixxi leġiżlazzjoni ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li hija intiża li tapplika fis-setturi kollha ta’ attività ekonomika, inkluż f’dak tat-trasport bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali ta’ ċessjoni ta’ krediti lil kumpannija ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66), li l-fatt li t-tilwim inkwistjoni f’dawn il-kawżi huma biss bejn bejjiegħa jew fornituri ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ strument li jaqa’ taħt id-dritt tal-konsum tal-Unjoni, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jiddependix mill-identiċità tal-partijiet fit-tilwima inkwistjoni, iżda mill-kwalità tal-partijiet fil-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 20).

    55

    Hemm lok li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

    56

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, din tal-aħħar tapplika għall-klawżoli li jinsabu f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma kinux innegozjati b’mod individwali (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Settembru 2020, A (Sullokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali), C‑738/19, EU:C:2020:687, punt 34).

    57

    F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ trasport, li fuqu huwa bbażat il-kreditu invokat minn DelayFix, ġie inizjalment konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur, jiġifieri l-kumpannija tal-ajru, u passiġġier, u xejn ma jindika li dan tal-aħħar xtara l-biljett tal-ajru tiegħu għal finijiet li ma humiex privati.

    58

    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola għandha titqies li hija inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt ikkonċernat, għad-detriment tal-konsumatur.

    59

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li hija inkluża f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali u li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha tinsab is-sede ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, għandha titqies li hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, sa fejn, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija toħloq, għad-detriment tal-konsumatur ikkonċernat, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 24; tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 40, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 53).

    60

    Fil-fatt, tali klawżola tidħol fil-kategorija ta’ dawk li għandhom l-għan jew l-effett li jeskludu jew jostakolaw l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, kategorija msemmija fil-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 22; tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 41, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 54).

    61

    F’dan il-kuntest, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat u billi jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13.

    62

    Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati fi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, u billi tinterpreta din il-leġiżlazzjoni konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, li għandha tislet il-konsegwenzi fid-dritt min-natura inġusta eventwali ta’ tali klawżola, peress li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma marbuta li ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti.

    63

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, u fir-rigward ta’ titjiriet diretti, kemm il-post tat-tluq u kif ukoll il-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, fuq l-istess bażi, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, u b’hekk l-awtur ta’ rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, jingħata l-għażla li jippreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab jew il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, hekk kif dawn il-postijiet huma miftiehma fl-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 47, u d-digriet tat-13 ta’ Frar 2020, flightright, C‑606/19, EU:C:2020:101, punt 26).

    64

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont ir-Regolament Nru 261/2004 u intiż kontra kumpannija tal-ajru, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier u din il-kumpannija tal-ajru ma tistax tiġi invokata minn din tal-aħħar kontra kumpannija ta’ rkupru li lilha l-passiġġier ittrasferixxa l-kreditu tiegħu, sakemm, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati f’din il-klawżola, din il-kumpannija ta’ rkupru ma tkunx issuċċediet lill-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk ikun il-każ, tali klawżola, li tiddaħħal mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali f’kuntratt konkluż bejn konsumatur, jiġifieri l-passiġġier tal-ajru, u bejjiegħ jew fornitur, jiġifieri l-imsemmija kumpannija tal-ajru, u li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha tkun tinsab is-sede tagħha, għandha titqies bħala inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u intiż kontra kumpannija tal-ajru, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier u din il-kumpannija tal-ajru ma tistax tiġi invokata minn din tal-aħħar kontra kumpannija ta’ rkupru li lilha l-passiġġier ittrasferixxa l-kreditu tiegħu, sakemm, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li l-qrati tiegħu huma indikati f’din il-klawżola, din il-kumpannija ta’ rkupru ma tkunx issuċċediet lill-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk ikun il-każ, tali klawżola, li tiddaħħal mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali f’kuntratt konkluż bejn konsumatur, jiġifieri l-passiġġier tal-ajru, u bejjiegħ jew fornitur, jiġifieri l-imsemmija kumpannija tal-ajru, u li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha tkun tinsab is-sede tagħha, għandha titqies bħala inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top