EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0440

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-18 ta’ Marzu 2021.
Pometon SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar – Parteċipazzjoni f’kuntatti bilaterali u multilaterali bl-għan li jiġu kkoordinati l-prezzijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha – Proċedura ‘ibrida’ li wasslet suċċessivament għall‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura ordinarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 48 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Tul tal-ksur – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-440/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:214

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar – Parteċipazzjoni f’kuntatti bilaterali u multilaterali bl-għan li jiġu kkoordinati l-prezzijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha – Proċedura ‘ibrida’ li wasslet suċċessivament għall‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura ordinarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 48 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Tul tal-ksur – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C‑440/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑6 ta’ Ġunju 2019,

Pometon SpA, stabbilita f’Maerne di Martellago (l-Italja), irrappreżentata minn E. Fabrizi, V. Veneziano u A. Molinaro, avvocati,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Rossi u T. Vecchi, sussegwentement minn P. Rossi u C. Sjödin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Pometon SpA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:201), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3121 final tal‑25 ta’ Mejju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39792 – Barraxa tal-azzar, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3873375.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. […]”

3

Skont l-Artikolu 23(2) u (3) ta’ dan ir-regolament:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE]; jew

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

4

L-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

5

Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti bl-Applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi”) jipprovdu, fil-punti 9 sa 35 tagħhom, il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi.

6

Il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi jistipula:

“Għalkemm dawn il-linji gwida jippreżentaw il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw tbegħid minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbiliti fil-punt 21” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7

Fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet il-fatti li wasslu għall-kawża. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8

Pometon hija kumpannija Taljana speċjalizzata fit-trattament tal-metalli. Hija eżerċitat attività fis-suq tal-barraxa tal-azzar (iktar ’il quddiem il-“barraxa”) sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha hija biegħet il-fergħa ta’ attività tagħha f’dan is-settur lil impriża kompetitriċi Franċiża, Winoa SA.

9

Il-barraxa hija magħmula minn partiċelli tal-azzar, li jkunu jew f’forma tonda jew angulari, u tintuża prinċipalment fl-industriji tal-azzar, tal-karozzi, tal-metallurġija, tal-petrokimika u għall-qtugħ tal-ġebel. Din hija mmanifatturata minn residwi ta’ ruttam tal-azzar.

10

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑3 ta’ Ottubru 2003 u s‑16 ta’ Mejju 2007, Pometon kienet ipparteċipat, jew direttament jew permezz tar-rappreżentanti tagħha jew tar-rappreżentanti ta’ tnejn mis-sussidjarji tagħha, Pometon España SA u Pometon Deutschland GmbH, f’akkordju li jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma ma’ erba’ impriżi oħra, jiġifieri l-grupp Amerikan Ervin Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Ervin”), Winoa, kif ukoll żewġ kumpanniji Ġermaniżi, MTS GmbH u Würth GmbH, intiżi essenzjalment sabiex jiġu kkoordinati l-prezzijiet tal-barraxa fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Il-fażi ta’ investigazzjoni u l-ftuħ tal-proċedura

11

Wara talba għal immunità minn multa mressqa minn Ervin skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, rettifika fil-ĠU 2016, C 144, p. 23) u wara li tat lil din l-impriża immunità kundizzjonali, il-Kummissjoni, mill‑15 sas‑17 ta’ Ġunju 2010, wettqet spezzjonijiet mhux mistennija fil-bini ta’ diversi produtturi tal-barraxa, li fosthom kien hemm Pometon u s-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, hija indirizzat diversi talbiet għal informazzjoni lill-impriżi li, fil-fehma tagħha, kienu partijiet fl-akkordju.

12

Fis‑16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tagħha tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-konfront ta’ Ervin, ta’ Winoa, ta’ MTS, ta’ Würth kif ukoll ta’ Pometon. Hija stabbilixxitilhom terminu biex jindikawlha bil-miktub jekk huma kinux lesti li jidħlu għal diskussjonijiet sabiex jaslu għal tranżazzjoni, konformement mal-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

Il-proċedura u d-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni

13

Il-ħames partijiet fl-akkordju allegat esprimew ir-rieda tagħhom li jidħlu għal diskussjonijiet sabiex jaslu għal tranżazzjoni. Minn Frar sa Diċembru 2013, għalhekk saru tliet ċikli ta’ laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-partijiet fl-akkordju, li matulhom ġew ippreżentati s-sustanza tal-ilmenti kif ukoll il-provi li jissostanzjawhom. Il-Kummissjoni kkomunikat lil kull parti fl-akkordju l-firxa tal-ammonti tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqhom.

14

F’Jannar 2014, l-impriżi kkonċernati ppreżentaw il-proposti tagħhom għal tranżazzjoni fit-terminu stabbilit, minbarra r-rikorrenti, li ddeċidiet li tirtira minn din il-proċedura.

15

Fit‑13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kull waħda mill-erba’ partijiet l-oħra fl-akkordju allegat. Fit‑2 ta’ April 2014, hija adottat id-Deċiżjoni ta’ Tranżazzjoni C(2014) 2074 finali fil-konfront tagħhom, abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tranżazzjoni”).

Id-deċiżjoni kontenzjuża

16

Fit‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni nnotifikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Pometon.

17

Fil‑25 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

18

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li Pometon, kif ukoll il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, kienu introduċew, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-akkordju, metodu uniformi ta’ kalkolu li kien jippermettilhom jaslu għal żieda kkoordinata fil-prezz tal-barraxa, abbażi ta’ indizji tal-prezz tar-ruttam (iktar ’il quddiem “iż-żieda fir-ruttam”). Fil-kuntest tat-tieni parti tal-akkordju, huma qablu, b’mod parallel, li jikkoordinaw l-aġir tagħhom f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet tal-bejgħ tal-barraxa lil klijenti individwali, b’mod partikolari billi jimpenjaw ruħhom li ma jikkompetux ma’ xulxin permezz ta’ tnaqqis fil-prezz (premessi 32, 33, 37 u 57 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

19

Il-Kummissjoni qieset li dan il-ksur kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, mhux biss l-arranġamenti antikompetittivi tal-parteċipanti kienu kollha jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, iżda kienu seħħew skont l-istess termini matul il-perijodu kollu tal-ksur mit-3 ta’ Ottubru 2003 sas-16 ta’ Mejju 2007. Fl-aħħar nett, l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur u l-persuni li aġixxew f’isimhom kienu, essenzjalment, l-istess (premessi 107 u 166 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

20

Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, tali akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u kellu effetti sinjifikattivi fuq il-kummerċ tal-prodott inkwistjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet għall-Ftehim ŻEE (premessi 142 u 154 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

21

Il-Kummissjoni qieset li Pometon kienet ipparteċipat fl-akkordju mit‑3 ta’ Ottubru 2003 u, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li Pometon ma kinitx iddissoċjat ruħha formalment mill-imsemmi akkordju, qieset li din il-parteċipazzjoni tkompliet sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha Pometon biegħet l-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa (premessi 160 u 166 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

22

Abbażi tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa ta’ Pometon f’somma li tikkorrispondi għal 16 % tal-valur tal-bejgħ imwettaq minn Pometon fis-swieq tal-pajjiżi taż-ŻEE matul l-2006, l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur inkwistjoni.

23

Din ir-rata nkisbet milli ttieħdet rata bażika ta’ 15 %, li ġiet miżjuda b’1 % sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tal-ksur fiż-ŻEE kollha (premessi 214 sa 216 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Il-parti varjabbli tal-ammont bażiku tal-multa ġiet sussegwentement miżjuda b’ammont addizzjonali fiss ta’ 16 %, applikat sabiex jiddisswadi lill-impriżi milli jikkonkludu ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet (premessa 220 ta’ din id-deċiżjoni).

24

L-ammont bażiku tal-multa kkalkolat b’dan il-mod ma kien is-suġġett tal-ebda żieda għal ċirkustanzi aggravanti. Għall-kuntrarju, Pometon ibbenefikat minn tnaqqas minn dan l-ammont ta’ 10% abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, talli pparteċipat, fuq skala iżgħar mill-impriżi l-oħra, fit-tieni parti tal-akkordju (premessa 225 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

25

Fl-aħħar nett, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, il-Kummissjoni pproċediet għal adattament tal-ammont bażiku aġġustat tal-multa (premessi 228 sa 231 tad-deċiżjoni kontenzjuża), li jikkonsisti fi tnaqqis ta’ 60 %.

26

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Pometon kienet kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, bejn it‑3 ta’ Ottubru 2003 u s‑16 ta’ Mejju 2007, fi ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha, dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet fis-settur tal-barraxa.

27

Fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Pometon għal dan il-ksur multa ta’ ammont li jitla’ għal EUR 6197000.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2016, Pometon ippreżentat rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

29

Pometon qajmet ħames motivi quddiem il-Qorti Ġenerali.

30

L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura, tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni attribwixxitilha aġir speċifiku, li jikkundizzjona b’dan il-mod l-akkużi miġjuba sussegwentement fil-konfront tagħha fid-deċiżjoni kontenzjuża.

31

It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxitilha, fl-assenza ta’ provi, il-parteċipazzjoni f’akkordju li fih hija qatt ma pparteċipat.

32

It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

33

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Pometon ikkontestat it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u invokat il-preskrizzjoni.

34

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv tagħha mqajjem insostenn tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, Pometon allegat il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa li kienet għamlet il-Kummissjoni skont il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi.

35

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel erba’ motivi u laqgħet il-ħames motiv.

36

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża u ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3873375, filwaqt li ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

37

Pometon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma qisitx li Pometon kienet waqqfet kull parteċipazzjoni fl-akkordju kontenzjuż bejn it‑18 ta’ Novembru 2005 u l‑20 ta’ Marzu 2007 u tnaqqas, konsegwentement, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, u, fi kwalunkwe każ, tnaqqas dan l-ammont; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-proċedura tal-appell.

38

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat; u

tikkundanna lil Pometon għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

39

Insostenn tal-appell tagħha, Pometon tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali sa fejn hija ma qisitx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. It-tieni u t-tielet aggravju jirrigwardaw, minn naħa, l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda, rispettivament, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-ewwel parti tal-akkordju u t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-motivazzjoni allegatament kontradittorja jew insuffiċjenti tas-sentenza appellata fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Pometon.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Pometon issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 63 sa 103 tas-sentenza appellata, żbalji ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kisret, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-prinċipju ta’ imparzjalità u l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif interpretati mill-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310) u mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795).

41

Skont Pometon, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’illegalità għar-raġuni li, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u kif dan jirriżulta mill-premessi 26, 28, 29, 31 u 36 sa 38 ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni imputatilha aġir ta’ ksur preċiż. Hija tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-istituzzjoni ma setgħetx twettaq evalwazzjoni imparzjali matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

42

Fl-ewwel lok, iċ-ċirkustanza, li hija żbaljata, irrilevata fil-punti 65 u 76 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, eskludiet espressament il-ħtija ta’ Pometon, ma tistax tevita malintiżi fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Pometon. Barra minn hekk, fuq dan il-punt, din il-kawża hija distinta minn dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795).

43

Fit-tieni lok, Pometon tqis li l-Qorti Ġenerali, billi qieset, fil-punti 79, 81 u 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet aġixxiet konformement mas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310), kisret il-kriterji stabbiliti fil-punt 64 ta’ din is-sentenza. Skont dawn il-kriterji, għall-finijiet tal-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, ir-riferimenti magħmula għal Pometon kellhom ikunu neċessarji jew indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-ħtija tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni. Issa, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża u l-Qorti Ġenerali aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni riferimenti li setgħu “jirriżultaw oġġettivament utli” jew li kienu “intiżi biex jistabbilixxu biss ir-responsabbiltà” tal-partijiet li jkunu ttranżiġew.

44

B’mod iktar partikolari, l-ewwel nett, il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 31 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni mill-Kummissjoni, skont liema l-kuntatti tkomplew ma’ Pometon sas‑16 ta’ Mejju 2007, tikkonċerna biss element ta’ responsabbiltà imputabbli lil Pometon u hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħtija tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Pometon tallega li ma kienx indispensabbli li tissemma din il-konstatazzjoni, peress li, bħalma qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, permezz tal-imsemmija konstatazzjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tippreċiża l-iżvilupp ratione temporis tal-akkordju u peress li l-impriżi li ttranżiġew ammettew li kienu pparteċipaw fl-akkordju sal‑2010. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni riedet issemmi t-trasferiment tal-attività ta’ Pometon lil Winoa, ir-riferiment għal dan it-trasferiment kien ikun suffiċjenti.

45

Barra minn hekk, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li r-riferiment magħmul għal Pometon fil-punt 31 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma kellhiex “l-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà [ta’ Pometon] fil-ksur”. F’dan ir-rigward, Pometon issostni li mill-punti 41 u 65 tas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310), jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ innoċenza nkisret peress li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tagħti x’tifhem li l-Kummissjoni qieset lill-persuna kkonċernata bħala ħatja jew li tali riferiment ħoloq dubji dwar eventwali preġudizzju dwar il-ħtija.

46

Għal dan l-istess motiv, it-tieni, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 81 tas-sentenza appellata, skont liema r-riferimenti għal Pometon, li jissemmew esklużivament fil-punt 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, intitolat “Deskrizzjoni tal-avvenimenti”, “ma jinkludu l-ebda klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward tal-aġir ta’ din l-impriża”, hija wkoll irrilevanti. Barra minn hekk, din hija żbaljata peress li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tagħmel riferiment għal ċerti fatti imputabbli lil Pometon, iżda kklassifikat l-aġir tagħha bħala “ftehim” jew bħala akkordju fil-punt 29 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, Pometon tfakkar li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795), il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza minħabba riferimenti ta’ terz f’deċiżjoni dwar it-tranżazzjoni, minkejja l-fatt li s-siltiet ikkontestati kienu jinsabu fil-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar it-tfakkir tal-fatti u li ma kinux jinkludu klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward tal-Artikolu 101(1) TFUE.

47

It-tielet, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat importanza indebita għall-fatt li r-riferimenti għal Pometon kienu bbażati fuq il-punti ta’ fatt irrikonoxxuti mill-erba’ impriżi li aċċettaw li jittranżiġu. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ippruvat tiġġustifika l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni billi affermat li din kienet tirriproduċi l-kontenut tal-proposti ta’ tranżazzjoni ffirmati mill-partijiet li aċċettaw li jikkonkludu tranżazzjoni. Issa, Pometon issostni li dawn il-proposti kienu fil-verità joriġinaw mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-preġudizzju tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija proposti, li tikklassifika l-aġir attribwit lil Pometon bħala “akkordju” u bħala “kuntatti antikompetittivi”.

48

F’dan ir-rigward, Pometon tippreċiża, fir-replika tagħha, li l-argument tagħha dwar il-proposti ta’ tranżazzjoni huwa neċessarju fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax jitqies li huwa inammissibbli.

49

Bħala difiża, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, sa fejn huwa intiż sabiex jikkontesta evalwazzjonijiet fattwali relatati mal-proċedura amministrattiva, li huwa intiż sabiex jikseb evalwazzjoni ġdida mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-mertu ta’ motiv li fuqu l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet u li jintroduċi ilmenti ġodda li ma tressqux fl-ewwel istanza. F’kull każ, l-imsemmi aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

50

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija taċċetta insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 153).

51

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u lill-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravji jew argumenti li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 43, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 26).

52

Fl-aħħar nett, filwaqt li appell huwa inammissibbli sa fejn huwa limitat li jirrepeti l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, meta l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punti 154155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Pometon tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, abbażi ta’ kriterji żbaljati, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

54

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, tali aggravju jirrigwarda kwistjonijiet ta’ liġi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami fl-istadju tal-appell.

55

Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, Pometon tqajjem, insostenn tal-ewwel aggravju, argument ġdid fl-istadju tal-appell, ibbażat fuq il-preparazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-proposti ta’ tranżazzjoni u tal-effetti tagħhom, filwaqt li hija setgħet tużahom quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, dan l-argument ma huwiex ammissibbli.

56

Konsegwentement, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli sa fejn ma jirrigwardax l-imsemmi argument.

– Fuq il-mertu

57

Permezz tal-ewwel aggravju, Pometon targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata li, kemm bil-prekawzjonijiet fl-abbozzar meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kif ukoll bil-kontenut sostanzjali tagħhom, ir-riferimenti relatati ma’ Pometon li jinsabu f’din id-deċiżjoni ma jistgħux jitqiesu bħala l-indizju ta’ nuqqas ta’ imparzjalità ta’ din l-istituzzjoni fil-konfront ta’ Pometon u ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fid-deċiżjoni kontenzjuża.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta, matul il-proċedura amministrattiva, id-drittijiet fundamentali tal-impriżi kkonċernati. Fost dawn hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), skont liema kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 154155).

59

Il-prinċipju ta’ imparzjalità, li jaqa’ taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi distint mill-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, li japplika, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 150, u tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 73).

60

Il-preżunzjoni ta’ innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72).

61

L-Artikolu 48 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), bħalma jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ din id-dispożizzjoni tal-Karta. Minn dan isegwi li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41).

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jinkiser meta deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali dwar akkużat tkun tinkludi dikjarazzjoni ċara, magħmula fin-nuqqas ta’ kundanna definittiva, skont liema l-persuna kkonċernata wettqet il-ksur inkwistjoni. F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-għażla tal-kliem użat mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dan ġie fformulat u tan-natura u tal-kuntest tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:AH:20140227JUD001710310, punt 63).

63

Għalhekk, fil-proċeduri kriminali kumplessi fejn huma akkużati diversi persuni suspettati li ma jistgħux jiġu ġġudikati flimkien, il-qorti kompetenti għandha imperattivament, sabiex tevalwa l-ħtija tal-akkużati, issemmi l-parteċipazzjoni ta’ terzi li jistgħu jiġu ġġudikati separatament wara. Madankollu, jekk ikollhom jiġu ppreżentati fatti relatati mal-involviment ta’ terzi, il-qorti kkonċernata għandha tevita li tagħti iktar informazzjoni milli hija neċessarja għall-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-persuni li jkunu akkużati quddiemha. Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandha tiġi fformulata f’termini li huma ta’ natura li jevitaw sentenza prematura potenzjali dwar il-ħtija tal-persuni terzi kkonċernati, li tista’ tikkomprometti l-eżami ekwu tal-akkużi magħmula kontrihom fil-kuntest ta’ proċedura distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:20140227JUD001710310, punti 64 u 65).

64

Fid-dawl tal-punti 59 sa 61 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza, esposta fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, hija rilevanti, mutatis mutandis, meta l-Kummissjoni tadotta, fir-rigward tal-istess akkordju wieħed, suċċessivament żewġ deċiżjonijiet li għandhom destinatarji differenti wara żewġ proċeduri distinti, jiġifieri, minn naħa, deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura ta’ tranżazzjoni u intiża għall-impriżi li jkunu ttranżiġew u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura ordinarja u indirizzata lill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju.

65

F’tali każ, ikklassifikat bħala proċedura “ibrida”, li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet suċċessivi, jista’, fil-fatt, ikun oġġettivament neċessarju li l-Kummissjoni tindirizza, fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ tranżazzjoni, ċerti fatti u aġir li jikkonċernaw parteċipanti fl-akkordju allegat li huma s-suġġett tal-proċedura ordinarja. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, hija madankollu l-Kummissjoni li għandha tiżgura, fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ tranżazzjoni, li tippreżerva l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-impriżi li rrifjutaw li jittranżiġu u li huma s-suġġett ta’ proċedura ordinarja.

66

Sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza mill-Kummissjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tanalizza deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ tranżazzjoni u l-motivazzjoni tagħha kollha kemm hi u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom din tkun ġiet adottata. Fil-fatt, kull riferiment espliċitu, f’ċerti partijiet ta’ din id-deċiżjoni, għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju allegat jitlef is-sens tiegħu jekk partijiet oħra tal-imsemmija deċiżjoni jkunu jistgħu jinftiehmu bħala espressjoni prematura tar-responsabbiltà tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 46).

67

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma tallega Pometon, il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-ewwel motiv imqajjem quddiemha u bbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vverifikat, essenzjalment, minn naħa, jekk il-Kummissjoni ħaditx il-prekawzjonijiet fl-abbozzar suffiċjenti fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni sabiex tiġi evitata sentenza prematura fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, jekk ir-riferimenti għal din tal-aħħar li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kinux neċessarji.

69

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prekawzjonijiet fl-abbozzar, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 65 u 76 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, kienet eskludiet espressament, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-ħtija ta’ Pometon, billi enfasizzat li din id-deċiżjoni kienet intiża esklużivament għall-erba’ impriżi li aċċettaw li jittranżiġu, u li l-fajl li jikkonċerna lil Pometon kien ser jiġi ttrattat sussegwentement, fi proċedura distinta u kontradittorja.

70

Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, fil-punti 67, 81 u 82 ta’ din is-sentenza, li l-motivi tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma kienu jinkludu ebda klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li jikkonċernaw lil Pometon, li kienet imsemmija biss fil-punt 4, intitolat “Deskrizzjoni tal-avvenimenti”, ta’ din id-deċiżjoni, u li din id-deċiżjoni kienet tindika lil Pometon, fil-punt 2.25 tagħha, mhux bħala parti fil-proċedimenti ta’ tranżazzjoni u destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni, iżda bħala impriża li hija s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa fil-konfront tal-parteċipanti fl-akkordju allegat.

71

L-argumenti ta’ Pometon ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li dawn l-evalwazzjonijiet huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

72

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ta’ Pometon miġbur fil-qosor fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, jekk jiġi preżunt li Pometon kellha l-intenzjoni li tinvoka qari żbaljat, mill-Qorti Ġenerali, tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u, għaldaqstant, żnaturament ta’ din id-deċiżjoni, tali argument ma jistax jirnexxi.

73

Għalkemm huwa minnu li din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma tindikax b’mod espress li r-responsabbiltà ta’ Pometon fl-akkordju allegat hija eskluża, xorta jibqa’ l-fatt li din tindika mingħajr ekwivoku li Pometon ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li hija s-suġġett ta’ proċedura distinta u li r-riferimenti għal Pometon li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni jintużaw esklużivament sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx qari żbaljat tal-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna meta affermat, fil-punt 65 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kienet eskludiet il-ħtija ta’ Pometon fl-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, u huwa mfakkar li l-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb tippreċiża li din l-esklużjoni kienet saret biss “f’dan l-istadju tal-proċedura”.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument ta’ Pometon, skont liema, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ddeċidiet li l-esklużjoni tal-ħtija ta’ Pometon fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kienet tippermetti li jiġu evitati malintiżi fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ din l-impriża għall-ksur.

75

It-tieni, sa fejn Pometon tallega li, b’mod partikolari fil-punt 29 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni semmiet “ftehim” (agreement) konkluż bejn il-partijiet fil-proċedura ta’ tranżazzjoni u Pometon u li hija kklassifikat l-aġir attribwit lil din tal-aħħar, għandu jiġi osservat li, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 67, 81 u 82 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kklassifikat, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, l-aġir ta’ Pometon bħala aġir antikompetittiv. Għall-kuntrarju, din l-istituzzjoni llimitat ruħha li ssemmi l-aġir ta’ din l-impriża fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-punti ta’ fatt. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Pometon, il-Kummissjoni evitat li tuża t-terminu “akkordju” f’dan il-kuntest.

76

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra, b’mod partikolari fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ħadet prekawzjonijiet suffiċjenti fl-abbozzar. Fil-fatt, din l-istituzzjoni wriet il-prudenza meħtieġa fl-abbozzar billi enfasizzat il-fatt li hija ma kinitx mitluba tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju allegat sabiex mhux biss tevita, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 84 tas-sentenza appellata, kull preġudizzju intenzjonat, jew saħansitra definittiv, tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, kull preġudizzju, anki jekk potenzjali, għal din ir-responsabbiltà.

77

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tar-riferimenti magħmula għal Pometon fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura ibrida li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet suċċessivi, il-Kummissjoni għandha, taħt l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, tevita li tikkomunika iktar informazzjoni dwar l-involviment ta’ terz f’tali deċiżjoni, bħal Pometon, li ma hijiex neċessarja għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44).

78

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li jiġi evalwat jekk ir-riferimenti għal Pometon li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni setgħux effettivament jitqiesu bħala neċessarji għal deskrizzjoni kemm jista’ jkun kompleta tal-fatti li wasslu għall-akkordju inkwistjoni.

79

F’dan il-kuntest, hija rrilevat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ proċedura ibrida li wasslet għall-adozzjoni suċċessiva ta’ żewġ deċiżjonijiet, ir-riferimenti għal ċertu aġir ta’ Pometon li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni setgħu “jirriżultaw oġġettivament utli għad-deskrizzjoni tal-oriġini tal-akkordju kollu kemm hu”. Fil-punti 81 sa 83 ta’ din is-sentenza, hija qieset b’mod partikolari li l-motivi li jinkludu dawn ir-riferimenti ma kienu jsemmu ebda klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir ta’ din l-impriża fid-dawl tal-prekawzjonijiet ta’ abbozzar meħuda mill-Kummissjoni. Fil-punti 88 u 89 tal-imsemmija sentenza, hija ċaħdet l-argumenti ta’ Pometon skont liema r-riferimenti magħmula għal din l-impriża fil-premessi 31 u 37 ta’ din id-deċiżjoni ma kinux neċessarji.

80

L-argumenti mressqa minn Pometon fl-istadju tal-appell ma humiex ta’ natura li jikkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet.

81

Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li r-riferimenti magħmula għal Pometon setgħu jkunu oġġettivament utli għad-deskrizzjoni tal-oriġini tal-akkordju kollu kemm hu, billi ddikjarat b’dan il-mod kriterju iktar flessibbli minn dak tan-neċessità meħtieġa mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, madankollu jirriżulta b’mod ċar minn qari konġunt tal-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma siltet ebda konklużjoni mill-evalwazzjoni tal-utilità oġġettiva ta’ dawn ir-riferimenti u li hija għall-kuntrarju, b’mod partikolari fil-punti 85 u 88 tas-sentenza appellata, eżaminat, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:20140227JUD001710310, punt 63), in-natura neċessarja jew le tal-imsemmija riferimenti.

82

It-tieni, sa fejn Pometon tikkontesta l-evalwazzjoni tan-neċessità tar-riferimenti li jirrigwardawha, għandu jiġi ppreċiżat li din il-parti tikkritika biss l-evalwazzjoni, li tinsab fil-punt 89 tas-sentenza appellata, tar-riferiment magħmul għaliha fil-premessa 31 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni.

83

F’din il-premessa, il-Kummissjoni kkonstatat li “[l]-kuntatti ma’ Pometon tkomplew sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha Pometon biegħet l-attività tagħha tal-barraxa […] lil Winoa u ħarġet mis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-imsemmija premessa tidħol fir-raba’ kapitolu tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, intitolat “Deskrizzjoni tal-avvenimenti” u, b’mod iktar partikolari, fl-ewwel parti ta’ dan il-kapitolu intitolat “Natura u skala tal-aġir”, li tibda, fil-premessa 26 ta’ din id-deċiżjoni, b’riferiment għall-kuntatti frekwenti bejn Erwin, Winoa, MTS, Würth u Pometon. Skont il-premessa 32 tal-imsemmija deċiżjoni, kien matul is-sajf tal‑2007, jiġifieri wara s‑16 ta’ Mejju 2007, li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju rrevedew iż-żieda fir-ruttam. Ir-riferiment għal Pometon fil-premessa 31 tal-istess deċiżjoni kien jippermetti għalhekk li tiġi spjegata evoluzzjoni tal-aġir ikkritikat lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, imsemmija fl-imsemmija deċiżjoni.

84

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li dan ir-riferiment kien intiż biss sabiex jippreċiża l-iżvilupp fiż-żmien tal-akkordju li fih ammettew li pparteċipaw l-erba’ impriżi partijiet fil-proċedura ta’ tranżazzjoni u, essenzjalment, qieset li dan kien neċessarju.

85

It-tielet, sa fejn Pometon tallega li l-Kummissjoni wettqet, fil-motivi tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, klassifikazzjoni legali tal-aġir tagħha, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud għar-raġuni esposta fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

86

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argumenti ta’ Pometon, ibbażati fuq it-tqabbil ta’ din il-kawża ma’ dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795), huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kisritx il-preżunzjoni ta’ innoċenza tiddependi mid-deċiżjonijiet ta’ tranżazzjoni speċifiċi għal kull kawża, inkluża l-motivazzjoni tagħhom, kif ukoll miċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn ġew adottati.

87

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

88

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Pometon issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 129 sa 160 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi billi applikat b’mod żbaljat il-prinċipji fil-qasam tal-oneru tal-prova u billi naqset milli tapplika l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Hija ssostni wkoll li dik is-sentenza hija, f’dan ir-rigward, motivata b’mod kontradittorju jew insuffiċjenti.

89

Fl-ewwel lok, fil-punti 129 sa 147 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat bħala mhux ikkontestati fatti u responsabbiltà li Pometon ikkontestat fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Pometon tirreferi, f’dan ir-rigward tal-aħħar, għal ċerti punti speċifiċi ta’ dan ir-rikors.

90

Fit-tieni lok, Pometon issostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 142, 144 u 145 tal-imsemmija sentenza, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju abbażi ta’ suppożizzjonijiet jew ta’ evalwazzjonijiet ibbażati fuq in-natura raġonevoli jew il-probabbiltà ta’ ċerti avvenimenti. B’dan il-mod, hija injorat il-ġurisprudenza li tgħid li, l-ewwel nett, il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju ma tistax tiġi dedotta minn spekulazzjonijiet magħmula abbażi ta’ provi mhux preċiżi, it-tieni, il-provi għandhom ikunu suffiċjentement kredibbli, preċiżi u konkordanti sabiex ikunu ta’ bażi għall-konvinzjoni soda li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju u għandhom jippermettu li tiġi konkluża lil hinn minn kull dubju raġonevoli l-eżistenza ta’ ksur u, it-tielet, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża kkonċernata.

91

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, sa fejn dan jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ fatt, huwa dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u huwa parzjalment repetizzjoni tal-argumenti mressqa insostenn tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni aggravju, Pometon targumenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova tal-ksur fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni imposta fuqha. Peress li dan l-aggravju jqajjem kwistjonijiet ta’ liġi li jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

93

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 129 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti ta’ Pometon intiżi li jikkontestaw il-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel parti tal-akkordju, dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam.

94

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li Pometon ma kinitx qiegħda tikkontesta r-“responsabbiltà inizjali” tagħha f’din il-parti tal-akkordju, minħabba l-involviment tagħha fil-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam u l-preparazzjoni ta’ dan il-ftehim. Hija kkunsidrat, fil-punti 132 sa 147 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi li ż-żieda fir-ruttam kienet awtomatikament applikabbli bejn il-parteċipanti fl-akkordju. Fid-dawl ta’ din l-awtomatiċità u tal-elementi tal-proċess, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 148 sa 159 tal-imsemmija sentenza, l-argument ta’ Pometon li l-parteċipazzjoni f’laqgħat u f’kuntatti oħra kienet neċessarja għall-implimentazzjoni tal-ewwel parti tal-akkordju mill‑2004. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 160 tal-istess sentenza, li l-parteċipazzjoni ta’ Pometon f’din il-parti kienet stabbilita b’mod sħiħ.

95

Fl-ewwel lok, għandu jitqies li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-evalwazzjoni tagħha tal-argumenti mressqa quddiemha minn Pometon. Minn dan isegwi li l-argument ta’ Pometon ibbażat fuq insuffiċjenza jew fuq kontradizzjoni tal-motivazzjoni, li barra minn hekk ma huwiex issostanzjat wisq, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ prova fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, hemm lok jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-argument ta’ Pometon, skont liema l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li ċerti fatti u “responsabbiltà” ma kinux ikkontestati jirriżulta minn qari parzjali u żbaljat tas-sentenza appellata.

97

Ċertament, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li Pometon “ma [qajmitx] dubju dwar ir-responsabbiltà inizjali tagħha fl-ewwel parti tal-akkordju”, fatt li, barra mill-kuntest, jista’ jinftiehem fis-sens li, skont il-Qorti Ġenerali, Pometon ma kkontestatx ir-responsabbiltà tagħha u, għalhekk, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Madankollu, minn qari flimkien tal-punti 129 sa 160 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li, f’dan il-punt 129, il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni tikkonstata li Pometon ma kinitx qiegħda tikkontesta, bħala tali, il-fatt li hija kienet ikkontribwixxiet għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ żieda fir-ruttam u mhux li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

98

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li Pometon qiegħda tfittex li tikkritika lill-Qorti Ġenerali li b’dan il-mod żnaturat ir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hemm lok jiġi osservat li, fis-siltiet ta’ dan ir-rikors imsemmija fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Pometon ikkontestat, f’termini ġenerali, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mingħajr madankollu ma kkontestat il-preżenza tagħha fil-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2003, li matulha ġie stabbilit il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam. Barra minn hekk, Pometon ikkonfermat anki l-preżenza tagħha għal din il-laqgħa fir-replika tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

99

It-tieni, sa fejn Pometon tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, b’mod partikolari fil-punti 142, 144 u 145 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-oneru tal-prova fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li, fil-punti 132 sa 147 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali debitament eżaminat il-provi prodotti mill-Kummissjoni. Minn dawn l-elementi kollha hija ddeduċiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam.

100

Din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li, fil-punti 142, 144 u 145 tas-sentenza appellata, imsemmija speċifikament minn Pometon, il-Qorti Ġenerali użat formulazzjonijiet ikkwalifikati, billi rrikorriet għal termini bħall-“probabbiltà” jew il-“preżunzjoni”.

101

Fil-fatt, dawn il-punti tas-sentenza appellata jagħmlu parti minn evalwazzjoni tal-provi dokumentali tal-fajl tal-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ivvalidat is-serje ta’ indizji prodotti mill-Kummissjoni, konformement mal-ġurisprudenza dwar il-prova tal-ksur fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skont din il-ġurisprudenza, din il-prova tista’, fil-fatt, tiġi prodotta mill-Kummissjoni permezz ta’ sensiela ta’ indizji oġġettivi u konkordanti li, evalwati fl-intier tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ tali ksur u dan anki jekk wieħed jew l-ieħor minn dawn l-indizji ma jkunx, waħdu, suffiċjenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punti 50 sa 52).

102

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

103

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Pometon issostni li, fil-punti 289 sa 316 u 373 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll, min-naħa l-oħra, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha fl-analiżi tagħha tat-tul tal-allegata parteċipazzjoni fil-ksur.

104

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova meta ddeċidiet, fil-punti 308 u 309 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ kuntatti kollużivi bejn Pometon u l-partijiet l-oħra fl-akkordju ma kinitx tippermetti li jitqies li Pometon kienet interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u li Pometon ma invokat ebda element li jippermetti li jiġi preżunt li kuntatti kollużivi kienu indispensabbli sabiex tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza tagħha stess, skont liema l-konstatazzjoni li ma jeżistux provi u lanqas indizji li jistgħu jagħtu x’jifhem li l-ksur kien interrott f’dak li jirrigwarda lil rikorrenti, ma tistax issir rilevanti qabel ma l-Kummissjoni tkun issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha, billi tipproduċi provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li seħħ ksur b’mod interrott bejn żewġ dati preċiżi.

105

Fit-tieni lok, Pometon tqis li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-akkordju, li, skont il-Kummissjoni, ġie stabbilit permezz ta’ kuntatti frekwenti, kontinwi u rikorrenti, iċ-ċirkustanza li hija ma pparteċipatx fit-tnax‑il laqgħa li seħħew, bejn is-snin 2005 u 2007, bejn il-partijiet l-oħra fl-akkordju għandha twassal sabiex jiġi kkonstatat li hija interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju.

106

Tali konstatazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li, f’kawżi oħra, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-parteċipazzjoni f’akkordju ġiet interrotta fil-każ ta’ assenza ta’ kuntatti jew ta’ manifestazzjonijiet kollużivi matul perijodu ta’ inqas minn sena jew perijodu ta’ sittax‑il xahar.

107

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet motiv huwa inammissibbli, minħabba li l-kwistjoni tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju taqa’ taħt evalwazzjoni fattwali, u li huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

Preliminarjament, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet aggravju, minn naħa, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova, minkejja li jista’ jkollha effett fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, tikkostitwixxi punt ta’ liġi (sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 61). Minn dan isegwi li, sa fejn Pometon tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li qalbet l-oneru tal-prova fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

109

Min-naħa l-oħra, billi ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ġiet interrotta, Pometon tfittex li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti li ma taqax, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. Minn dan isegwi li, f’dan ir-rigward, it-tielet aggravju huwa inammissibbli.

110

Prinċipalment, fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, sa fejn dan ġie deċiż li huwa ammissibbli, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittivi għandha tinsilet minn numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Tali indizji u koinċidenzi jippermettu, meta jiġu evalwati globalment, li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew, għall-inqas, dwar l-implimentazzjoni tiegħu minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma tostakolax li dan il-ksur jitqies bħala kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan, meta tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu sseparati b’intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan il-ftehim, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma jsir tbegħid pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiġi rrapportata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li huwa ta’ natura li jirrendi l-impriża kkonċernata responsabbli (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-ksur, jew il-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, ma ġiex interrott, anki jekk hija ma għandhiex provi tal-ksur għal ċerti perijodi speċifiċi, meta d-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jistgħu jidħlu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa u meta l-impriża kkonċernata ma tkunx invokat indizji jew provi li jistabbilixxu li, għall-kuntrarju, il-ksur jew il-parteċipazzjoni tagħha fih ma tkompliex għal dawn il-perijodi.

115

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 266 u 267 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali, fi tmiem l-eżami tat-tieni motiv imqajjem quddiemha, ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet ir-responsabbiltà ta’ Pometon fil-ksur uniku u kontinwu li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma eżaminat, f’dan l-istadju, it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur.

116

F’dan l-aħħar rigward, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali sovrana tagħha tal-fatti u mingħajr ma dan ġie kkontestat fl-istadju tal-appell, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 304 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni stabbilixxiet li Pometon kienet direttament involuta f’kuntatti kollużivi relatati maż-żewġ partijiet tal-akkordju bejn it‑3 ta’ Ottubru 2003 u t‑18 ta’ Novembru 2005 kif ukoll matul ix-xahrejn qabel il-ħruġ tagħha mis-suq fis‑16 ta’ Mejju 2007, iżda li din l-istituzzjoni ma kellha ebda prova ta’ kuntatti antikompetittivi li jinvolvu lil Pometon matul il-perijodu bejn it‑18 ta’ Novembru 2005 u x-xahar ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

117

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-akkordju, jiġifieri l-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam u l-assenza ta’ organizzazzjoni strutturata tal-kuntatti bejn il-parteċipanti sabiex jimplimentaw il-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali, peress li kuntatti iżolati seħħew biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, l-assenza ta’ kuntatti kollużivi bejn Pometon u l-partijiet l-oħra f’dan l-akkordju matul il-perijodu inkwistjoni ma kinitx tippermetti li jitqies li Pometon kienet interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi akkordju. Fil-punt 309 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet li Pometon ma kienet invokat ebda element li jippermetti li jiġi preżunt li kuntatti kollużivi kienu madankollu indispensabbli sabiex titkompla, mingħajr interruzzjoni, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

118

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Qorti Ġenerali esponiet b’mod ċar il-motivi li għalihom hija qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur uniku u kontinwu ma kinitx ġiet interrotta matul il-perijodu inkwistjoni. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Pometon ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

119

Mis-sentenza appellata jsegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur fuq il-kunsiderazzjoni, mhux ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kienet ipprovat b’suffiċjenza fid-dritt il-kuntatti kollużivi li jinvolvu lil Pometon qabel u wara l-perijodu inkwistjoni, it-tieni, li l-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam kienet awtomatika u ma kinitx teħtieġ kuntatti u, it-tielet, li ż-żewġ partijiet tal-akkordju kellhom rabtiet mill-qrib. Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeduċiet minn dawn l-elementi li l-Kummissjoni setgħet tqis li Pometon kienet ipparteċipat mingħajr interruzzjoni fil-ksur uniku u kontinwu matul il-perijodu inkwistjoni, bla ħsara għall-possibbiltà għal din tal-aħħar li turi li din il-parteċipazzjoni ġiet interrotta, peress li Pometon ma invokat ebda element jew argument li jista’ juri li din il-parteċipazzjoni ġiet interrotta.

120

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova li l-Qorti Ġenerali, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 sa 114 ta’ din is-sentenza, qieset li Pometon kienet ipparteċipat b’mod kontinwu fl-aġir li jikkostitwixxi ksur li kienet akkużata bih.

121

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

122

Permezz tar-raba’ aggravju, Pometon issostni li, fil-punti 365 sa 396 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ motivazzjoni meta hija rriformat l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

123

Pometon tosserva li l-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont ta’ din il-multa billi tbiegħdet mill-metodu applikat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina r-rata ta’ tnaqqis addizzjonali skont il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. Mill-analiżi tat-tliet fatturi ddikjarati fil-punt 376 tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punti 379 sa 383, 386, 387 u 390 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, filwaqt li l-ksur imputabbli lil Pometon kien inqas gravi minn dak imwettaq minn Winoa, il-Qorti Ġenerali tat lil Pometon l-istess rata ta’ tnaqqis ta’ 75 % bħal dik li l-Kummissjoni kienet tat lil Winoa.

124

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ittrattat bl-istess mod żewġ sitwazzjonijiet distinti, mingħajr ma ġġustifikat oġġettivament dan it-trattament iddifferenzjat, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

125

Pometon iżżid li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punti 382 u 386 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni tagħha hija simili għal dik ta’ MTS, li bbenefikat minn tnaqqis ta’ 90 %. L-uniku element li jiddistingwi ż-żewġ impriżi huwa d-daqs tagħhom, li madankollu ma jistax jiġġustifika, waħdu, id-differenza kbira fir-rati ta’ tnaqqis li ġew applikati fil-konfront tagħhom.

126

Għaldaqstant, ir-rata ta’ tnaqqis mogħtija lil Pometon kellha tkun bejn 75 % u 90 %.

127

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

128

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li, fir-realtà, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal reviżjoni tal-mertu tal-multa stabbilita mill-Qorti Ġenerali, li jeċċedi l-kompetenzi attribwiti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, hija ma tistax tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiżgura hija stess l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

129

Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni tosserva li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija l-Qorti Ġenerali, kif hija tfakkar fil-punt 369 tas-sentenza appellata, li għandha tiddetermina l-ammont xieraq tal-aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

130

F’dan il-kuntest, mill-punt 376 tas-sentenza appellata jirriżulta li, għal kull wieħed mid-diversi fatturi analizzati, il-Qorti Ġenerali effettivament qabblet ir-responsabbiltà u s-sitwazzjoni individwali ta’ Pometon ma’ dawk tal-partijiet l-oħra fl-akkordju. Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali użat il-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur sabiex tiżgura l-proporzjonalità tal-multa.

131

Il-fatt li Pometon ibbenefikat minn perċentwali ta’ tnaqqis inferjuri għal dak mogħti lil MTS ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-illegalità ta’ trattament u l-inkoerenza tal-motivi tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-punt 390 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Pometon, li jeċċedi b’mod kunsiderevoli dak ta’ MTS, b’tali mod li ż-żewġ impriżi ma kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli fid-dawl tad-daqs tagħhom u, għaldaqstant, tal-gravità tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur. Il-Kummissjoni tesponi għalhekk li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha.

132

Skont il-Kummissjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw impriża meta mqabbla ma’ oħra, filwaqt li l-paragun dirett u illustrattiv bejn żewġ sanzjonijiet ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat lil Pometon l-istess rata ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa bħal dik applikata għal Winoa.

133

L-applikazzjoni tal-istess rata għal dawn iż-żewġ impriżi hija spjegata barra minn hekk bil-livell ogħla ta’ konċentrazzjoni tal-bejgħ ta’ Winoa meta mqabbel ma’ dak ta’ Pometon. Il-Kummissjoni tipproduċi, f’dan ir-rigward, fl-Anness B/2 tar-risposta tagħha tabella li tiġbor il-kalkolu magħmul.

134

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement fil-liġi d-deċiżjoni tagħha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

135

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li konformement mal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-multi ffissati mill-Kummissjoni.

136

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija awtorizzata, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ dawn il-multi, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

137

Għall-kuntrarju, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 125126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 115).

138

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali għandha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ċerti obbligi, li fosthom hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax fil-fatt iwassal, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ aggravju

139

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-raba’ aggravju sa fejn dan jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal reviżjoni fuq il-mertu tal-ammont tal-multa ffissat mill-Qorti Ġenerali.

140

Dan l-argument jirriżulta minn komprensjoni żbaljata ta’ dan l-aggravju.

141

Fil-fatt, mill-argument ta’ Pometon żviluppat insostenn ta’ dan l-aggravju, jirriżulta li dan ma huwiex intiż li jikkontesta, għal motivi bbażati fuq l-assenza ta’ ekwità jew in-natura mhux xierqa tiegħu, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq appell. Għall-kuntrarju, l-imsemmi aggravju huwa bbażat b’mod ċar fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

142

Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, tali aggravju tal-appell huwa ammissibbli, inkluż, kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, meta l-Qorti Ġenerali tkun hija stess, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, iddeterminat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punti 77, 81, 8586).

143

Għandu jiġi miżjud ukoll li huwa biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan l-aggravju li Pometon tistieden lil din tal-aħħar teżerċita hija stess is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti biss meta tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq it-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

144

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

145

Bħalma tfakkar fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

146

Dawn ir-rekwiżiti huma imposti wkoll fuq il-Qorti Ġenerali meta hija titbiegħed mir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tagħha, li ma jistgħux jorbtu lill-qrati tal-Unjoni iżda jistgħu jiggwidawhom meta huma jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Pometon, adottat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li servew bħala bażi għall-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, skont liema l-Kummissjoni tista’, minħabba partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew minħabba n-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv ta’ multa f’kawża partikolari, titbiegħed mill-metodoloġija ġenerali esposta f’dawn il-linji gwida.

148

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 376 u 377 tas-sentenza appellata, qieset li kien xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet fatturi, li, għalkemm jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, kienu jippermettu, fil-fehma tagħha, li tiġi identifikata aħjar il-gravità tal-ksur imputabbli lil kull waħda mill-partijiet. Għalhekk, filwaqt li qabblet is-sitwazzjoni ta’ Pometon ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, il-Qorti Ġenerali eżaminat qabelxejn, fil-punti 378 sa 382 ta’ din is-sentenza, ir-responsabbiltà individwali ta’ Pometon fil-parteċipazzjoni fl-akkordju, sussegwentement, fil-punti 383 sa 387 tal-imsemmija sentenza, l-effett konkret tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur fuq il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u, fl-aħħar nett, fil-punti 388 sa 390 tal-istess sentenza, id-dimensjoni ta’ din l-impriża li tirriżulta mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha.

149

Wara li, fil-punti 391 u 392 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbilanċjat dawn il-fatturi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 393 ta’ din is-sentenza, li kien hemm lok li Pometon tingħata tnaqqis eċċezzjonali ta’ 75 % fuq l-ammont bażiku tal-multa. Ir-rata ta’ dan it-tnaqqis hija, kif issostni Pometon, identika għal dik li l-Kummissjoni kienet tat lil Winoa fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni.

150

Issa, skont il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fl-istadju tal-appell, għandu jiġi rrilevat li Pometon u Winoa kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-fatturi eżaminati minn din il-qorti. Fil-fatt, mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 382 sa 384 u 390 tas-sentenza appellata jirriżulta li Pometon kellha “globalment rwol iktar limitat fl-akkordju” minn Winoa, li l-piż tagħha fil-ksur kien sostanzjalment inqas minn dak ta’ Winoa u li d-dħul mill-bejgħ tagħha ma kienx jilħaq it-terz ta’ dak ta’ Winoa.

151

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tesponi l-motivi li għalihom, minkejja din id-differenza fis-sitwazzjoni, kien konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li Pometon tingħata rata ta’ tnaqqis identika għal dik li kienet ibbenefikat minnha Winoa.

152

Madankollu, dawn il-motivi ma jirriżultawx mis-sentenza appellata. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 391 u 392 tas-sentenza appellata, qieset li d-diversi rati ta’ tnaqqis mogħtija mill-Kummissjoni lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma kinux rilevanti fil-każ ineżami sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ tnaqqis applikabbli għal Pometon, minħabba li dawn kienu jirriżultaw minn metodu ta’ kalkolu li hija twarrbet minnu, hija ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li r-rata ta’ 75 % li hija adottat kienet konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

153

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jintlaqa’.

154

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġu annullati l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3873375, u l-punt 4 tad-dispożittiv tagħha, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ispejjeż, u li jiġi miċħud il-kumplament tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

155

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.

156

Dan huwa l-każ ta’ din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors.

157

Għandha madankollu tiġi ppreċiżata l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-punt 154 ta’ din is-sentenza, is-sentenza appellata ġiet annullata sa fejn, fil-punt 2 tad-dispożittiv tagħha, il-Qorti Ġenerali ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3873375. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kawża sa fejn din tirrigwarda biss it-talba intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

158

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Pometon (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 87).

159

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta tiddeċiedi definittivament hija stess dwar il-kawża skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

160

Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta, huwa l-obbligu tagħha li tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni. Dan l-eżerċizzju jippreżumi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tagħha, anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jiggwidaw lill-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 89 u 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

161

F’dan il-każ, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Pometon, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni li tadotta l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, evalwat għal EUR 15493500 fid-dawl tat-tul u tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Pometon, qabel l-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-evalwazzjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni, hemm lok li jitqies li, sabiex tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament ta’ Pometon fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ma huwiex xieraq li din tiġi mmodifikata.

162

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess u fl-assenza ta’ kontestazzjoni speċifika mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni wkoll tadotta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis addizzjonali, kif esposti fil-punt 376 tas-sentenza appellata, u tal-evalwazzjonijiet komparattivi mwettqa, f’dan ir-rigward, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 378 sa 390 ta’ dik is-sentenza.

163

Minn naħa, minn dawn l-evalwazzjonijiet jirriżulta li, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 123, 124 u 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ Pometon hija globalment paragunabbli ma’ dik ta’ MTS, sa fejn dawn iż-żewġ impriżi kellhom rwol relattivament limitat fl-akkordju u sa fejn il-piż globali tagħhom fih kien ukoll proporzjonalment baxx fid-dawl tal-valur tal-bejgħ speċifiku tagħhom fiż-ŻEE. Madankollu, is-sitwazzjonijiet tagħhom huma differenti, peress li d-dħul mill-bejgħ totali ta’ Pometon għas-sena 2006 (EUR 99890000) huwa ferm ogħla minn dak ta’ MTS għas-sena 2009 (EUR 25082293), filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn is-snin jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fl-akkordju.

164

Għal dan l-għan, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu u bħalma tallega Pometon, minkejja li huwa possibbli, bl-għan li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-setgħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti ta’ dan id-dħul mill-bejgħ li toriġina mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti indikazzjoni tad-daqs tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 257, kif ukoll tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 54), l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma għandux jingħata importanza sproporzjonata fil-konfront ta’ elementi oħrajn ta’ evalwazzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 257).

165

Min-naħa l-oħra, kif isegwi mill-punt 150 ta’ din is-sentenza, Pometon u Winoa jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-fatturi kollha eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

166

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, għandu jitqies li ssir evalwazzjoni ġusta ta’ dawn iċ-ċirkustanzi billi jiġi applikat għall-ammont bażiku kkalkolat mill-Kummissjoni tnaqqis addizzjonali ta’ 83 %. Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon huwa ffissat għas-somma ta’ EUR 2633895.

Fuq l-ispejjeż

167

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

168

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom, taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

169

F’dan il-każ, l-ewwel nett, peress li Pometon kisbet parzjalment sodisfazzjon fil-proċedura tal-appell, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma’ din il-proċedura.

170

It-tieni, peress li kull parti tilfet parzjalment fit-talbiet tagħha matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ din il-proċedura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16, EU:T:2019:201), huma annullati.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

L-ammont tal-multa imposta fuq Pometon SpA fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3121 final tal‑25 ta’ Mejju 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39792 – Barraxa tal-azzar), huwa ffissat f’EUR 2633895.

 

4)

Pometon SpA u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati kemm mal-proċedura ta’ appell kif ukoll mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top