EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0433

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Novembru 2020.
Ellmes Property Services Limited vs SP.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Artikolu 24(1) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Artikolu 7(1)(a) – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali – Azzjoni ġudizzjarja ta’ komproprjetarju intiża għall-kisba tal-waqfien tal-użu għal finijiet turistiċi, minn komproprjetarju ieħor, ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà.
Kawża C-433/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:900

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Artikolu 24(1) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Artikolu 7(1)(a) – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali – Azzjoni ġudizzjarja ta’ komproprjetarju intiża għall-kisba tal-waqfien tal-użu għal finijiet turistiċi, minn komproprjetarju ieħor, ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà”

Fil-Kawża C‑433/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Ellmes Property Services Limited

vs

SP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ellmes Property Services Limited, minn M. Rettenwander, Rechtsanwalt,

għal SP, minn A. Bosio, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1), kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ellmes Property Services Limited u SP fir-rigward tal-użu ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

4

L-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)

a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

[…]”.

5

L-Artikolu 24(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

1)

fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

[…]”.

Id-dritt Awstrijak

6

L-Artikolu 2 tal-Wohnungseigentumsgesetz (il-Liġi dwar il-Proprjetà tal-Appartamenti), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jistipula:

“(1)   Il-komproprjetà hija d-dritt in rem mogħti lil komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli, jew lil sħubija ta’ komproprjetà, li jkollu l-użu esklużiv ta’ beni b’komproprjetà u li jiddisponi minnu waħdu. […]

(2)   Il-beni b’komproprjetà huma appartamenti, proprjetà oħra indipendenti u postijiet ta’ parkeġġ għal vettura bil-mutur (beni li jistgħu jkunu f’komproprjetà) li fuqhom hija bbażata l-komproprjetà. Appartament huwa parti arkitettonika magħluqa, indipendenti f’għajnejn il-pubbliku, minn bini u li, min-natura u d-daqs tiegħu, huwa adattat sabiex jissodisfa bżonn individwali ta’ akkomodazzjoni tal-persuni. Post ieħor indipendenti huwa parti, magħluqa arkitettonikament, indipendenti f’għajnejn il-pubbliku, minn bini u li, min-natura u d-daqs tiegħu, għandu importanza ekonomika kbira, bħal pereżempju post kummerċjali jew garaxx. […]

[…]

(5)   Il-komproprjetarju huwa l-komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli li lilu tappartjeni l-komproprjetà ta’ beni b’komproprjetà li jinsab f’din il-proprjetà immobbli.

[…]”.

7

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)   Il-komproprjetà tista’ tkun stabbilita fuq il-bażi ta’

1. ftehim bil-miktub bejn il-komproprjetarji kollha (kuntratt ta’ komproprjetà) […].

[…]”.

8

L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“(1)   L-użu tal-beni b’komproprjetà jappartjeni lill-komproprjetarju.

(2)   Il-komproprjetarju għandu d-dritt li jagħmel, bi spejjeż tiegħu, tibdil (inkluż tibdil fid-destinazzjoni) fil-beni tiegħu b’komproprjetà, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

1. Il-bidla la għandha tikkawża ħsara fid-dar u lanqas ma għandha tippreġudika interess li jistħoqqlu protezzjoni ta’ komproprjetarju ieħor […]

2. Jekk biex issir tali bidla jkun hemm l-użu ta’ partijiet komuni tal-proprjetà immobbli, din il-bidla għandha wkoll tikkorrispondi mal-prattiki normali jew isservi interess importanti tal-komproprjetarju. […]”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Ellmes Property Services hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit. Din il-kumpannija u SP huma komproprjetarji ta’ beni immobbli ta’ appartamenti li jinsab f’Zell am See (l-Awstrija).

10

L-imsemmija kumpannija hija proprjetarja ta’ appartament f’dan il-beni immobbli, li ġie ddestinat għal finijiet ta’ abitazzjoni. Hija tuża dan l-appartament għal finijiet turistiċi billi tikrih regolarment lil turisti.

11

Permezz ta’ azzjoni għal waqfien quddiem il-Bezirksgericht Zell am See (il-Qorti Distrettwali ta’ Zell am See, l-Awstrija), SP talab il-waqfien ta’ dan l-“użu turistiku” minħabba li jmur kontra d-destinazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli u huwa arbitrarju, fin-nuqqas ta’ ftehim tal-komproprjetarji l-oħra, b’tali mod li tali użu jippreġudika d-dritt tiegħu ta’ komproprjetà. Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, SP invoka l-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

12

Ellmes Property Services ikkontestat il-ġurisdizzjoni territorjali u internazzjonali ta’ dik il-qorti.

13

Din tal-aħħar, permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Novembru 2018, iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni billi qieset li t-tilwima mressqa quddiemha kienet tirrigwarda ftehim ta’ użu rregolat mid-dritt privat bejn il-komproprjetarji kkonċernati u ma kinitx taffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward ta’ dritt in rem.

14

Il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), li ġiet adita b’rikors imressaq minn SP kontra dan id-digriet, permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Jannar 2019, bidlet id-digriet imsemmi l-aħħar billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Ellmes Property Services. Skont dik il-qorti, id-destinazzjoni ta’ beni li jifforma parti minn komproprjetà hija bbażata fuq ftehim irregolat mid-dritt privat bejn il-komproprjetarji fil-forma, bħala prinċipju, ta’ kuntratt ta’ komproprjetà u d-destinazzjoni ta’ dan il-beni għal użu ddeterminat kif ukoll l-osservanza tal-użu hekk iddefinit jagħmlu parti mid-drittijiet in rem tal-komproprjetarji li jibbenefikaw minn protezzjoni assoluta.

15

Ellmes Property Services ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra dan l-aħħar digriet quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

16

Skont dik il-qorti, il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u, sussidjarjament, il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament huma possibbli.

17

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi, kull komproprjetarju jista’ jressaq azzjoni intiża għal astensjoni jew għal waqfien kontra kull komproprjetarju li, arbitrarjament, mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra kollha jew mingħajr deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata li tissostitwixxi tali kunsens, iwettaq tibdil fil-beni b’komproprjetà tiegħu, inkluż tibdil fid-destinazzjoni tiegħu. Hija tindika wkoll li tali azzjoni ma hijiex koperta mill-kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni li fir-rigward tagħhom il-komunità tal-komproprjetarji kollha għandha l-personalità ġuridika u li d-destinazzjoni ta’ beni b’komproprjetà bħala post ta’ abitazzjoni jew bħala proprjetà kummerċjali hija bbażata fuq il-ftehim ta’ dritt privat konkluż mill-komproprjetarji kollha, li, bħala regola ġenerali, jimmaterjalizza ruħu f’kuntratt ta’ komproprjetà. Hija tispeċifika li użu turistiku ta’ beni b’komproprjetà ddestinat għall-abitazzjoni jikkostitwixxi bdil tad-destinazzjoni ta’ dan il-beni. Hija tkompli tesponi li d-destinazzjoni ta’ beni b’komproprjetà u l-osservanza tal-użu ddefinit minn din id-destinazzjoni jiffurmaw parti mid-dritt li jibbenefika minn protezzjoni assoluta minn kull komproprjetarju.

18

F’dan il-kuntest, l-istess qorti tosserva li, fid-dritt Awstrijak, il-komproprjetà, inkwantu d-dritt ta’ komproprjetarju li jkollu l-użu esklużiv ta’ beni b’komproprjetà, tikkostitwixxi dritt in rem protett kontra preġudizzji minn terzi u kontra dawk mill-komproprjetarji l-oħra. Hija tosserva wkoll li, f’dan id-dritt, il-komproprjetarji jinsabu, minħabba l-kuntratt ta’ komproprjetà, f’relazzjoni kuntrattwali liberament ikkonsentita.

19

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-ewwel alternattiva tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-azzjonijiet ta’ koproprjetarju intiżi sabiex koproprjetarju ieħor jiġi pprojbit milli jimmodifika, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-koproprjetarji l-oħra, il-proprjetà tiegħu f’koproprjetà, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu intiż tagħha, għandhom l-għan li jsostnu dritt in rem?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet imsemmija [fl-ewwel domanda] jikkonċernaw obbligi kuntrattwali li għandhom jiġu eżegwiti fil-post fejn jinsab l-oġġett?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, id-destinazzjoni tal-beni tiegħu b’komproprjetà għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa ddomiċiljat il-konvenut, tikkostitwixxi r-regola ġenerali u huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali li dan ir-regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva f’każijiet elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Ordre des avocats du barreau de Dinant, C‑421/18, EU:C:2019:1053, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, b’mod partikolari fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, li, inkwantu deroga mill-imsemmija regola ġenerali, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 38).

23

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinstab il-proprjetà immobbli, prevista fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jitfakkar ukoll li t-tifsira tal-espressjoni “fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli” għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Din il-ġurisdizzjoni esklużiva ma tinkludix l-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, iżda biss dawk fosthom li, fl-istess waqt, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u jkunu fost dawk intiżi, minn naħa, li jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet oħra in rem fuq dawn il-proprjetajiet u, min-naħa l-oħra, jiżguraw lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli ma huwiex biżżejjed li l-azzjoni tkun tikkonċerna dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew li l-azzjoni jkollha rabta ma’ proprjetà immobbli. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li l-azzjoni tkun ibbażata fuq dritt in rem u mhux fuq dritt personali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-differenza bejn dritt in rem u dritt personali tinsab fil-fatt li tal-ewwel, marbut ma’ beni materjali, jipproduċi l-effetti tiegħu erga omnes, filwaqt li tat-tieni jista’ jiġi invokat biss kontra d-debitur (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab proprjetà immobbli b’komproprjetà għandhomx il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju jitlob il-waqfien, minn komproprjetarju ieħor, tal-użu għal finijiet turistiċi ta’ appartament, minħabba li dan l-użu ma huwiex konformi ma’ dak previst mill-kuntratt ta’ komproprjetà relatat ma’ din il-proprjetà immobbli, jiġifieri użu għal finijiet ta’ abitazzjoni.

28

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Proprjetà tal-Appartamenti jipprevedi li l-komproprjetà hija dritt in rem mogħti lil komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jew lil sħubija ta’ komproprjetà li jkollhom l-użu esklużiv ta’ beni b’komproprjetà u li jiddisponu minnu waħedhom.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Awstrijak, id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà, li tirriżulta minn ftehim irregolat mid-dritt privat bejn il-komproprjetarji kollha li ġeneralment jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ komproprjetà, u l-osservanza tal-użu ddefinit minn din id-destinazzjoni jiffurmaw parti mid-dritt li jibbenefika minn protezzjoni assoluta minn kull komproprjetarju. Barra minn hekk, dik il-qorti tindika li l-komproprjetà tikkostitwixxi dritt in rem protett kontra preġudizzji minn terzi u kontra dawk mill-komproprjetarji l-oħra.

30

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li azzjoni għal waqfien bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija simili għal talba intiża sabiex tiġi żgurata, lill-komproprjetarji ta’ proprjetà immobbli, il-protezzjoni tal-prerogattivi marbutin mat-titolu tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-destinazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli, li hija prevista fil-kuntratt ta’ komproprjetà.

31

Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali azzjoni hijiex ibbażata fuq dritt in rem fuq proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi eżaminat, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jekk id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista minn kuntratt ta’ komproprjetà, f’dan il-każ użu għal finijiet ta’ abitazzjoni, tipproduċix effetti erga omnes.

32

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, essenzjalment, dan ikun il-każ jekk komproprjetarju jkun jista’ jinforza din id-destinazzjoni mhux biss fil-konfront tal-komproprjetarji l-oħra, iżda wkoll kontra persuni li ma jistgħux jitqiesu li huma parti f’dan il-kuntratt. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, id-destinazzjoni tal-beni tiegħu b’komproprjetà, kif prevista minn kuntratt ta’ komproprjetà, għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li din id-destinazzjoni ma tkunx infurzabbli biss kontra l-komproprjetarji tal-imsemmija proprjetà immobbli, iżda wkoll erga omnes, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

34

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju jkollha tiddeċiedi li d-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista f’kuntratt ta’ komproprjetà ma hijiex infurzabbli erga omnes, għalkemm hija ma tkunx tista’, għalhekk, tibbaża l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi fuq l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, dawn madankollu jista’ jkollhom ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista f’kuntratt ta’ komproprjetà ma hijiex infurzabbli erga omnes, azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, din id-destinazzjoni għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk ikun il-każ, dik il-qorti tistaqsi jekk il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal din l-azzjoni huwiex dak fejn jinstab l-imsemmi oġġett.

36

Għandu jitfakkar li l-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-qasam kuntrattwali f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Ordre des avocats du barreau de Dinant, C‑421/18, EU:C:2019:1053, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi tagħha hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola tippreżupponi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fir-rigward ta’ oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Ordre des avocats du barreau de Dinant, C‑421/18, EU:C:2019:1053, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dħul f’komproprjetà ta’ proprjetà immobbli ta’ appartamenti jsir permezz ta’ akkwist volontarju konġunt ta’ appartament u ta’ partijiet ta’ komproprjetà fil-partijiet komuni tal-proprjetà, b’tali mod li obbligu tal-komproprjetarji fir-rigward tal-komproprjetà għandu jiġi kkunsidrat bħala obbligu ġuridiku liberament ikkonsentit (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C 25/18, EU:C:2019:376, punt 27, kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Novembru 2019, INA et, C‑200/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:985, punt 27).

39

Barra minn hekk, il-fatt li komproprjetarju ma kienx parti f’kuntratt ta’ komproprjetà konkluż mill-komproprjetarji inizjali ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għal tilwima relatata mal-imsemmi obbligu. Fil-fatt, billi sar u baqa’ komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli, kull komproprjetarju jissuġġetta ruħu għad-dispożizzjonijiet kollha tal-att li jirregola l-proprjetà kkonċernata kif ukoll għad-deċiżjonijiet adottati mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ din il-proprjetà immobbli (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 29, kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Novembru 2019, INA et, C‑200/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:985, punt 29).

40

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Awstrijak, il-komproprjetarji jinstabu, minħabba l-kuntratt ta’ komproprjetà, f’relazzjoni kuntrattwali liberament ikkonsentita.

41

Minn dan isegwi li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista f’kuntratt ta’ komproprjetà ma hijiex infurzabbli erga omnes, azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, din id-destinazzjoni għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal din l-azzjoni huwiex dak fejn jinstab l-imsemmi oġġett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, it-tilwimiet fi kwistjonijiet kuntrattwali jistgħu jiġu eżaminati mill-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba, jiġifieri l-obbligu li jikkorrispondi għad-dritt kuntrattwali li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni ta’ min ikun qiegħed iressaq din it-talba (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 39).

43

F’dan il-każ, l-azzjoni ta’ SP hija intiża sabiex Ellmes Property Services jew tiġi obbligata tuża l-beni tagħha b’komproprjetà b’mod konformi mad-destinazzjoni prevista fil-kuntratt ta’ komproprjetà, jew inkella li tiġi obbligata tieqaf milli tbiddel din id-destinazzjoni.

44

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu li jiġi rrispettat l-użu ddefinit mill-imsemmija destinazzjoni jifforma parti minn dritt li jibbenefika minn protezzjoni assoluta minn kull komproprjetarju. Jidher li għalhekk dan l-obbligu huwa intiż sabiex jiġi ggarantit li l-proprjetarju ta’ beni b’komproprjetà jgawdi dan il-beni fil-paċi. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmi obbligu huwa relatat mal-użu konkret ta’ tali beni u għandu jiġi eżegwit fil-post fejn dan jinstab.

45

Tali konklużjoni tirrifletti l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Nru 1215/2012, peress li komproprjetarju marbut b’kuntratt ta’ komproprjetà li jistabbilixxi tali destinazzjoni jista’, meta huwa jibdel arbitrarjament u unilateralment din id-destinazzjoni, raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati tal-post fejn tinstab il-proprjetà immobbli kkonċernata.

46

Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta stretta li teżisti bejn dawn il-qrati u t-tilwima fil-kawża prinċipali, jidher li dawn jinstabu fl-aħjar pożizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima u li attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-imsemmija qrati hija ta’ natura li tiffaċilita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista f’kuntratt ta’ komproprjetà ma hijiex infurzabbli erga omnes, azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, din id-destinazzjoni, għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal din l-azzjoni huwa dak fejn jinstab l-imsemmi oġġett.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, id-destinazzjoni tal-beni tiegħu b’komproprjetà, kif prevista minn kuntratt ta’ komproprjetà, għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjonifil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li din id-destinazzjoni ma tkunx infurzabbli biss kontra l-komproprjetarji tal-imsemmija proprjetà immobbli, iżda wkoll erga omnes, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn id-destinazzjoni ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà prevista f’kuntratt ta’ komproprjetà ma hijiex infurzabbli erga omnes, azzjoni li permezz tagħha komproprjetarju ta’ proprjetà immobbli jipprova jipprojbixxi lil komproprjetarju ieħor ta’ din il-proprjetà immobbli milli jbiddel, arbitrarjament u mingħajr il-kunsens tal-komproprjetarji l-oħra, din id-destinazzjoni, għandha titqies bħala li tikkostitwixxi azzjoni “fil-qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għal din l-azzjoni huwa dak fejn jinstab l-imsemmi oġġett.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top