EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0429

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2020.
Remondis GmbH vs Abfallzweckverband Rhein-Mosel-Eifel.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(4) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku – Kunċett ta’ ‘kooperazzjoni’ – Assenza.
Kawża C-429/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:436

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(4) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku – Kunċett ta’ ‘kooperazzjoni’ – Assenza”

Fil-Kawża C‑429/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Remondis GmbH

vs

Abfallzweckverband Rhein-Mosel-Eifel,

fil-preżenza ta’:

Landkreis Neuwied,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: Reġistratur: M. Krausenböck, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Remondis GmbH, minn C. Werkle, Rechtsanwalt,

għal Abfallzweckverband Rhein-Mosel-Eifel, minn G. Moesta u A. Gerlach, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek kif ukoll minn M. Noll-Ehlers u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Remondis GmbH u l-Abfallzweckverband Rhein-Mosel-Eifel (is-Sindakat tal-Immaniġġar ta’ Skart Rhin-Moselle-Eifel, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem is-“Sindakat”) dwar l-għoti tal-kuntratt ta’ trattament tal-iskart fl-impjant ta’ trattament bijomekkaniku tal-iskart tal-Landkreis Neuwied (id-Distrett ta’ Neuwied, il-Ġermanja).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 31 u 33 tad-Direttiva 2014/24 jgħidu:

“(31)

Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja] hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti [Qorti tal-Ġustizzja]. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

[…]

(33)

L-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari. Tali kooperazzjoni tista’ tkopri t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu, bħal kompiti obbligatorji jew voluntarji tal-awtoritjiet lokali jew reġjonali jew servizzi konferiti lil korpi speċifiċi permezz tal-liġi pubblika. Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet parteċipanti diversi mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi; jistgħu jkunu wkoll kumplimentari.

Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dment li jkunu konklużi esklussivament bejn awtoritajiet kontraenti, li l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku u li l-ebda fornitur tas-servizzi privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tiegħu.

Sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet, il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni ma tirrikjedix li l-awtoritajiet parteċipanti kollha jassumu t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ewlenin, sakemm ikun hemm impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni, inkluż kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti, għandhom ikunu regolati biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali, korpijiet irregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

[…]

4.

‘korpi regolati mil-liġi pubblika’ tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jaqdu l-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

b)

għandhom personalità ġuridika; u

(c)

huma ffinanzjati, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-supervizzjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika

[…]”

5

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jipprovdi fil-paragrafu (4) tiegħu:

“Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hija rregolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku; u

(c)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20% tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Id-distretti ta’ Mayen-Koblenz (il-Ġermanja) u ta’ Cochem-Zell (il-Ġermanja) kif ukoll il-belt ta’ Koblenz (il-Ġermanja) fdaw l-eżekuzzjoni, lis-Sindakat li huma jikkontrollaw flimkien, tal-kompitu tagħhom li jirkupraw u jeliminaw l-iskart prodott fit-territorji rispettivi tagħhom.

7

Madankollu, is-Sindakat, li huwa stess huwa awtorità kontraenti, għandu biss il-kapaċità li jirrilaxxa l-iskart residwali, jiġifieri l-iskart li joriġina prinċipalment mid-djar u li ma fihx jew kważi ma fihx meterjali riċiklabbli. Issa, sabiex jinkiseb skart residwu, l-iskart muniċipali mħallat għandu jgħaddi minn trattament minn qabel kumpless f’installazzjoni bijomekkanika. Dan it-trattament minn qabel jippermetti li jiġu estratti l-materjali riċiklabbli u l-iskart b’kapaċità għolja ta’ kalorifika, li jitneħħew is-sustanzi li jniġġsu sa fejn huwa possibbli u li titnaqqas b’mod ċar l-attività bijoloġika min-naħa organika. Il-bilanċ, li sussegwentement jintrema f’landfill, jirrappreżenta bħala medja ftit inqas minn 50 % tal-volum inizjali.

8

Peress li ma għandux tali impjant, is-Sindakat jassenja 80 % tal-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi tal-iskart muniċipali lil impriżi privati. It-trattament tal-20 % li jifdal, jiġifieri madwar 10000 metru (Mg) fis-sena, huwa attribwit lid-Distrett ta’ Neuwied (iktar ’il quddiem id-“Distrett”), permezz ta’ ftehim konkluż bejn is-Sindakat u d-Distrett fis-27 ta’ Settembru 2018. Dan il-ftehim ġie approvat mill-awtorità kompetenti fit-18 ta’ Ottubru 2018 u ppubblikat fil-ġurnali uffiċjali lokali u reġjonali.

9

Skont dan il-Ftehim:

“Artikolu 1

Introduzzjoni

1.   Id-[Distrett huwa korp pubbliku għall-immaniġġar ta’ skart (Artikolu 17(1) tal-[Kreislaufwirtschaftsgesetz) (il-Liġi dwar l-Ekonomija Ċirkulari, iktar ’il quddiem il-“KrWG”)], moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-[Landeskreislaufwirtschaftsgesetz (il-Liġi tal-Land dwar l-Ekonomija Ċirkulari, iktar ’il quddiem il-“LKrWG”)]. F’din il-kwalità, huwa għandu jiġbor u jirkupra debitament l-iskart li joriġina mid-djar privati, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal- [Gewerbeabfallverordnung (Regolament dwar l-iskart li joriġina mix-xogħol, iktar ’il quddiem il-“GewAbfV”)], jew minn sorsi oħra, prodott fit-territorju tiegħu u li jkun ingħatalu.

Is-[Sindakat] huwa, bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku, responsabbli, fost oħrajn, għat-trattament u l-irkupru u r-rimi ta’ skart residwu li joriġina mid-djar privati jew minn sorsi oħra, b’mod partikolari mill-iskart residwu u minn skart ta’ oriġini professjonali simili għal skart domestiku, prodott fit-territorju tal-kollettivitajiet membri tas-Sindakat, jiġifieri l-belt ta’ Koblenz u d-distretti ta’ Mayen-Koblenz u ta’ Cochem-Zell, u li ġew ikkonsenjati lis-Sindakat.

L-Artikolu 3(2) tal-LKrWG jimponi fuq l-organi pubbliċi ta’ ġestjoni tal-iskart li jikkooperaw bejniethom sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom. Id-Distrett u s-Sindakat jiftiehmu, skont l-Artikolu 108(6) tal-[Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”)], li jikkooperaw, f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-iskart residwali u l-irkupru u r-rimi tal-iskart muniċipali mħallat, fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim fis-sens tal-Artikoli 12 u 13 tal-[Landesgesetz über die kommunale Zusammenarbeit (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni, iktar ’il quddiem il-“KomZG”)].

2.   Id-Distrett topera fit-territorju tal-Komun ta’ Linkenbach [il-Ġermanja] l-impjant ta’ trattament ta’ l-iskart ta’ Linkenbach […], li jinkludi impjant ta’ trattament bijomekkaniku (TBM) […]

3.   Abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u fid-dawl tal-prinċipju ta’ prossimità, id-Distrett u s-Sindakat jaqblu, skont l-Artikolu 12(1) tal-KomZG, li s-Sindakat jista’ juża l-impjant TBM ta’ Linkenbach għal parti mill-iskart […] li jkun ingħatalu.

Artikolu 2

Għan

1.   Is-Sindakat jintrabat li jittratta parti mill-iskart li ġej minn djar u minn sorsi oħra (skart muniċipali mħallat, kodiċi 20 03 01 skont l-[Abfallverzeichnisverordnung (id-Digriet dwar il-Lista ta’ Skart, iktar ’il quddiem l-“AVV”)] li ngħatalu […] fl-impjant TBM de Linkenbach.

2.   Id-Distrett jimpenja ruħu li jirċievi dan l-iskart skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim u jipproċessah skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(4) tad-[Deponieverordnung (ir-Regolament dwar il-Landfills, iktar ’il quddiem id-“DepV”)]. Is-Sindakat jibqa’ responsabbli għall-irkupru u għall-eliminazzjoni tal-iskart residwali.

3.   Fil-kuntest tal-kooperazzjoni, is-Sindakat jiddikjara ruħu lest li jirċievi, sa 3000 Mg fis-sena, parti mill-iskart minerali li għandu jiġi ttrattat fil-kuntest tal-obbligu ta’ rkupru u ta’ rimi li d-Distrett huwa marbut bih bħala awtorità pubblika. Il-kwantitajiet li s-Sindakat huwa obbligat jirċievi jiddependu mill-kapaċitajiet u mid-dettalji tagħhom jiġu miftiehma bejn il-persuni kkonċernati, fid-dawl tal-interessi rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet tal-konsenja

1.   Is-Sindakat jobbliga ruħu li ma jgħaddix lill-impjant TBM ta’ Linkenbach iktar minn 50 Mg skart imsemmi fl-Artikolu 2 għal kull jum ta’ xogħol (mit-Tnejn sal-Ġimgħa). Il-partijiet jaqblu fuq il-punt li l-kwantità annwali li għandha tiġi kkunsinnata mis-Sindakat hija ta’ 10000 Mg; għas-sena 2018, il-kwantità, pro rata, hija ta’ madwar 4000 Mg. Id-Distrett jista’ jirrifjuta skart li ma jaqax taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1), flimkien mas-Sindakat.

It-tunnellaġġ imsemmi fit-tieni sentenza [tal-paragrafu 1] jikkostitwixxi kwantità previżjonali, li l-kwantità effettivament ittrattata tagħha tista’ titbiegħed b’15 %,’il fuq jew l-isfel, mingħajr ma dan ikollu effett fuq ir-remunerazzjoni (Artikolu 5(1)).

[…]

Artikolu 4

Operazzjoni tal-installazzjoni TBM ta’ Linkenbach

1.   Id-Distrett jopera l-impjant ta’ trattament u ta’ rkupru u ta’ rimi fl-impjant TBM ta’ Linkenbach skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni.

[…]

3.   It-trattament fl-installazzjoni TBM ta’ Linkenbach jipproduċi fdal li jintrema li jirrappreżentaw 46 % tal-inputs, li s-Sindakat jieħu skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2).

Artikolu 5

Remunerazzjoni

1.   Għat-trattament tal-iskart residwali, is-Sindakat għandu jħallas lid-Distrett remunerazzjoni, li tiddependi mill-kwantità ta’ skart ittrattat, permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni marġni ta’ profitt għall-ispejjeż ta’ funzjonament kurrenti. Id-dettalji huma rregolati fi skala ta’ remunerazzjoni distinta.

2.   Jekk il-kwantità minima ta’ skart ta’ 8500 Mg/sena miftiehma fl-Artikolu 3(1) ma tintlaħaqx, is-Sindakat għandu jħallas bħala differenza bejn il-kwantità realment ikkonsenjata u 8500 Mg/sena kumpens li jiddependi mit-tunnellaġġ. L-ammont ta’ dan il-kumpens huwa sussegwentement iddeterminat bi ftehim komuni bejn il-partijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-klawżola ta’ lealtà stipulata fl-Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim. F’din id-determinazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż li d-Distrett ma kellux jinkorri u l-kwantitajiet ittrattati f’isem terzi. Id-Distrett ma għandu l-ebda obbligu li jagħmel stħarriġ sabiex isib skart li għandu jiġi pproċessat sabiex jikkumpensa l-kwantità ta’ skart nieqes. Jekk id-Distrett ma jkunx jista’ jopera l-kapaċità disponibbli u ma jkunx jista’ jnaqqas l-ispejjeż iġġenerati mill-installazzjoni, ir-remunerazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) tkun dovuta bħala kumpens għall-kwantità ta’ skart nieqes. Fil-każ li l-kwantità massima ta’ skart (11500 Mg/sena) tinqabeż (Mg/sena), il-partijiet għandhom, skont l-idea prinċipali deskritta iktar ’il fuq, jaġġustaw ir-remunerazzjoni għall-kwantità li taqbeż l-11 500 Mg.

Artikolu 6

Tul ta’ dan il-Ftehim

1.   Dan il-Ftehim, ladarba approvat mill-[awtorità kompetenti], jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu, probabbilment fl-1 ta’ Ottubru 2018.

2.   Huwa għandu jkun konkluż għal perijodu ta’ għaxar snin. Dan jista’ jiġi estiż, darbtejn, bi ftehim komuni, mill-inqas sena qabel id-data ta’ skadenza prevista, għal perijodu, kull darba, ta’ sentejn. Jekk le, dan jintemm awtomatikament mingħajr ma jkun meħtieġ xoljiment.

[…]

Artikolu 8

Netwerk ta’ assistenza reċiproka

Jekk, minħabba tfixkil temporanju fil-funzjonament, reviżjoni tal-installazzjoni jew avvenimenti oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Distrett, fl-impjant TBM ta’ Linkenbach, l-iskart residwu ma jistax jiġi ttrattat, id-Distrett stabbilixxa netwerk ta’ assistenza reċiproka mal-operaturi ta’ installazzjonijiet oħra. Huwa għandu d-dritt li jittrasporta f’dan il-każ l-iskart residwu tas-Sindakat lejn dawn l-installazzjonijiet tan-netwerk ta’ assistenza reċiproka u li jipproċessahom jew jiżgura l-irkupru jew ir-rimi tiegħu b’mod ieħor. L-ispejjeż addizzjonali eventwali huma sostnuti mid-Distrett.

Id-Distrett jikkonsulta mas-Sindakat speċifikament u każ b’każ dwar l-irkupru jew ir-rimi — li eventwalment jiddevja minn dak li huwa previst fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim — tal-iskart residwu f’dawn l-installazzjonijiet. Il-partijiet huma liberi li jiftiehmu dwar is-sospensjoni tal-obbligi reċiproċi skont l-Artikolu 7 ukoll f’każ li jaqa’ taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8.

Artikolu 9

Ħażna temporanja

Fil-każ ta’ avveniment li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(1), is-Sindakat, fil-kuntest tar-reċiproċità ta’ dan il-ftehim, bi prijorità għall-użu tan-netwerk ta’ għajnuna reċiproka, għandu jaħżen, sa fejn huwa possibbli u bi spejjeż tiegħu, l-iskart li għandu jiġi kkonsenjat provviżorjament minnu fuq art li kienet proprjetà tiegħu. Meta l-ostakolu jintemm il-partijiet jikkompletaw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom, billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. L-obbligu ta’ ħażna temporanja huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ protezzjoni kontra l-emissjonijiet tingħata għall-art tas-Sindakat.

Artikolu 10

Obbligu ta’ kooperazzjoni leali

Il-partijiet jobbligaw ruħhom li jikkooperaw dejjem f’kunfidenza sħiħa u ġusta sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz ta’ dan il-Ftehim u li jibqgħu dejjem informati reċiprokament dwar kull żvilupp jew emenda li jista’ jkollhom effett fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim.

[…]”

10

Wara li għalxejn ressqet ilment kontra dan il-ftehim li, fil-fehma tagħha, kien jikkostitwixxi għoti dirett illegali ta’ kuntratt pubbliku, Remondis, li hija kumpannija privata attiva fil-qasam tat-trattament tal-iskart, ippreżentat, fit-3 ta’ Diċembru 2018, rikors quddiem il-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja).

11

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz) iddikjarat ir-rikors inammissibbli, minħabba li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkostitwixxi kooperazzjoni bejn żewġ awtoritajiet kontraenti li taqa’ taħt l-Artikolu 108(6) tal-GWB u taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 u li, bħala tali, ma setax ikun is-suġġett ta’ rikors.

12

Din il-qorti rrilevat b’mod partikolari li s-Sindakat obbliga ruħu li kull sena jikkonsenja kwantità, stabbilita għal 10000 Mg, ta’ skart residwu fid-Distrett, sabiex din tal-aħħar tittrattah fl-impjant TBM ta’ Linkenbach. Permezz ta’ dan it-trattament mekkaniku u bijoloġiku, id-Distrett jasal sabiex parti mill-iskart tiġi rkuprata u li l-volum tiegħu jkun kunsiderevolment imnaqqas. Is-Sindakat, min-naħa tiegħu, impenja ruħu mill-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jieħu lura l-fdalijiet li għandhom jitqiegħdu f’landfill, li jirrappreżentaw madwar 46 % tal-inputs, u li jeliminahom taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess. Iż-żewġ partijiet b’hekk assumew obbligi sinallagmatiċi, li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kooperazzjoni fis-sens tal-Artikolu 108(6) tal-GWB u tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, fl-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim, il-partijiet qablu li, fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 tal-imsemmi ftehim, is-Sindakat iżomm, sa fejn huwa possibbli, l-iskart bi spejjeż tiegħu fuq art li hija proprjetà tiegħu pjuttost milli jirrikorri għal netwerk ta’ assistenza reċiproka. Is-Sindakat għalhekk għandu obbligu li jaħżen l-iskart b’mod provviżorju f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni imputabbli lid-Distrett, u dan jikkontribwixxi sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

13

Remondis ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Land Rheinland-Pfalz) quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja). Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni li l-kooperazzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ kooperazzjoni hija nieqsa u li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi kuntratt pubbliku li għandu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, preliminarjament, li l-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ madwar EUR 1 miljun fis-sena, jaqbeż il-limitu li minnu hija possibbli l-preżentata ta’ rikors, li huwa ta’ EUR 221000. Barra minn hekk, il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-karatteristiċi kollha ta’ kuntratt pubbliku. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 u fl-Artikolu 108(6) tal-GWB jiġu ssodisfatti, dan il-kuntratt pubbliku ma jkunx suġġett la għad-dritt tal-Unjoni u lanqas għad-dritt nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi.

15

Il-kliem tal-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 madankollu ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali “jistabbilixxi […] kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom” u, għaldaqstant, jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija s-suġġett ta’ interpretazzjoni diverġenti mill-qrati Ġermaniżi.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-riċezzjoni mis-Sindakat ta’ skart minerali, stabbilit għal 3000 Mg fis-sena mill-Artikolu 2 tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien purament teoretiku u unikament intiż sabiex jaħbi n-nuqqas ta’ kooperazzjoni. L-istess japplika għall-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim, fid-dawl tal-kliem “sa fejn ikun possibbli” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni u tal-fatt li, sa dak iż-żmien, is-Sindakat ma pprovax jikseb l-awtorizzazzjoni neċessarja għall-ħażna temporanja. Għaldaqstant, il-kontenut tal-imsemmi ftehim huwa limitat, essenzjalment, għall-obbligu tad-Distrett, bħala fornitur, li jittratta minn qabel, bi ħlas, l-iskart residwu pprovdut mis-Sindakat sabiex ir-rimi f’landfill, li huwa l-kompitu tas-Sindakat, ikun possibbli.

17

Għalhekk, anki jekk il-partijiet fil-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali t-tnejn li huma jsegwu l-interess ġenerali li jikkonsisti fl-irkupru u l-eliminazzjoni tal-iskart, madankollu, f’dan il-kuntest huma għandhom interessi distinti. Is-Sindakat għandu jwettaq funzjoni li ġiet fdata lilu mil-liġi Ġermaniża. Issa, peress li ma kellux impjant ta’ trattament bijomekkaniku, huwa talab l-assistenza tad-Distrett, li, bħala korrispettiv, iżid il-profittabbiltà tal-installazzjoni tiegħu.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, minn din il-kunsiderazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex issodisfatti sa fejn, skont il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kontraenti għandhom id-dritt “li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari”, bil-kundizzjoni madankollu li “il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni”. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li s-setgħat parteċipanti kollha jkunu responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali prinċipali, sakemm l-impenn ikun ittieħed sabiex jikkooperaw fl-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku kkonċernat.

19

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iħallu marġni ta’ interpretazzjoni u la jippermettu li jiġi ddeterminat jekk żewġ awtoritajiet kontraenti, li t-tnejn li huma huma responsabbli mill-immaniġġar ta’ iskart, jikkooperaw, fis-sens tal-Artikolu 12(4)(a) tal-imsemmija direttiva, minħabba s-sempliċi fatt li jikkondividu r-realizzazzjoni ta’ kompitu konkret ta’ rkupru u eliminazzjoni ta’ skart li hija r-responsabbiltà ta’ wieħed biss minnhom, u lanqas jekk is-Sindakat jipprovdi “kontribuzzjoni għall-eżekuzzjoni konġunta” ta’ din il-missjoni ta’ rkupru u eliminazzjoni ta’ skart billi jħallas lid-Distrett sabiex dan tal‑aħħar iwettaq parti mill-kompitu impost fuqu.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “kooperazzjoni” jeżiġi li l-kontribuzzjoni ta’ kull parti teċċedi biss l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li hija diġà marbuta bih jew ta’ “kontribuzzjoni” purament finanzjarja. Konsegwentement, kooperazzjoni tippresupponi li kull parti tipprovdi kontribuzzjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, kellha tingħata mhux minnha nnifisha iżda minn waħda mill-partijiet l-oħra.

21

Huwa f’dan il-kuntest li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm kooperazzjoni, li awtorità kontraenti, responsabbli fit-territorju tagħha għall-irkupru u għar-rimi ta’ skart, ma twettaqx kompletament hija stess il-kompitu ta’ rkupru u ta’ rimi impost fuqha unikament bis-saħħa tad-dritt nazzjonali u li jirrikjedi diversi operazzonijiet, iżda tinkariga awtorità kontraenti oħra, li ma tiddependix minnha u li hija responsabbli wkoll għall-irkupru u għar-rimi ta’ skart, sabiex twettaq, bi ħlas, waħda mill-operazzjonijiet neċessarji?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti ma tistax tkun ikkaratterizzata meta awtorità kontraenti, li fit-territorju tagħha hija responsabbli minn funzjoni ta’ interess pubbliku, ma twettaqx hija stess din il-missjoni li hija responsabbli għaliha biss skont id-dritt nazzjonali u li teħtieġ it-twettiq ta’ diversi operazzjonijiet, iżda tinkariga awtorità kontraenti oħra, li ma tiddependix minnha u li hija wkoll responsabbli għal din il-funzjoni ta’ interess pubbliku fit-territorju tagħha stess, biex twettaq waħda mill-operazzjonijiet meħtieġa għal remunerazzjoni.

23

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kooperazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 28).

25

Mill-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew iktar ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom jipprovdu huma mwettqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tagħhom.

26

Il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk ipoġġi l-kunċett ta’ “kooperazzjoni” fil-qalba stess tad-dispożittiv ta’ esklużjoni previst fl-imsemmija dispożizzjoni.

27

F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li t-test definittiv tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 ma jirreferix iktar, kuntrarjament għall-Artikolu 11(4) tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-20 ta’ Diċembru 2011 (COM (2011) 896 finali), għar-rekwiżit ta’ “kooperazzjoni leali bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti”.

28

Fil-fatt, ħlief jekk jitqies li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jistabbilixxi sistema bbażata fuq kooperazzjoni li ma hijiex reali jew inkella li jinjora l-effett utli tal-kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet kontraenti, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ “kooperazzjoni ġenwina” jirriżulta mill-preċiżazzjoni, stabbilita fit-tielet paragrafu tal-premessa 33 tad-Direttiva 2014/24, li tgħid li l-kooperazzjoni għandha tkun “ibbażata fuq il-kunċett ta’ kooperazzjoni”. Tali formulazzjoni, apparentement tawtoloġika, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għar-rekwiżit ta’ effettività tal-kooperazzjoni hekk stabbilita jew implimentata.

29

Minn dan isegwi li l-parteċipazzjoni konġunta tal-partijiet kollha fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni hija indispensabbli sabiex jiġi ggarantit li s-servizzi pubbliċi li għandhom jiżguraw il-provvista tagħhom jitwettqu u li din il-kundizzjoni ma tistax titqies issodisfatta meta l-unika kontribuzzjoni ta’ ċerti partijiet kontraenti tkun limitata għal sempliċi rimbors tal-ispejjeż, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Barra minn hekk, jekk tali rimbors tal-ispejjeż waħdu kien biżżejjed sabiex jikkaratterizza “kooperazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, ebda differenzjazzjoni ma tista’ tiġi stabbilita bejn tali “kooperazzjoni” u “kuntratt pubbliku” li ma huwiex kopert mill-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

31

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kooperazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, hija barra minn hekk ikkorroborata mit-tieni subparagrafu tal-premessa 31 tal-imsemmija direttiva li tipprovdi li s-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma stess awtoritajiet pubbliċi ma jeskludix fih innifsu l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

32

Barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn entitajiet li jappartjenu lis-settur pubbliku għandha tidher bħala r-riżultat ta’ approċċ ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet f’dan is-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C480/06, EU:C:2009:357, punt 38). Fil-fatt, l-elaborazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn entitajiet li jappartjenu lis-settur pubbliku tippreżenta dimensjoni intrinsikament kollaborattiva, li hija nieqsa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li taqa’ taħt ir-regoli previsti mid-Direttiva 2014/24.

33

Għalhekk, il-preparazzjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni tippresupponi li l-entitajiet tas-settur pubbliku li għandhom l-intenzjoni jikkonkludu tali ftehim għandhom jiddefinixxu b’mod komuni l-bżonnijiet tagħhom u s-soluzzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti. Min-naħa l-oħra, tali fażi ta’ evalwazzjoni u ta’ definizzjoni tal-bżonnijiet hija, bħala regola ġenerali, unilaterali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku ordinarju. F’din l-aħħar ipoteżi, l-awtorità kontraenti tillimita ruħha, fil-fatt, li tniedi sejħa għal offerti li ssemmi l-ispeċifikazzjonijiet li tkun adottat hija stess.

34

Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn entitajiet li jappartjenu lis-settur pubbliku hija bbażata fuq strateġija, komuni għall-imsieħba ta’ din il-kooperazzjoni u teħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu servizzi pubbliċi.

35

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ftehim konkluż bejn is-Sindakat u d-Distrett ma juri ebda forma ta’ kooperazzjoni bejn dawn il-partijiet kontraenti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju rrilevat, essenzjalment, li hija biss il-klawżola li tinsab fl-Artikolu 2(3) tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tista’ tagħti lok għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet kontraenti. Madankollu, wara li l-partijiet kontraenti sostnew li din il-klawżola kienet tikkostitwixxi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, is-Sindakat ammetta espressament, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz), li l-imsemmija klawżola kienet mingħajr skop.

36

Barra minn hekk, ma jidhirx li jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi r-riżultat ta’ approċċ ta’ kooperazzjoni bejn is-Sindakat u d-Distrett, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

37

Fl-aħħar nett, la l-fatt li, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(3) tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-Sindakat għandu jerġa’ jibda sabiex jirrilaxxa l-iskart residwali f’landfill, li jikkorrispondi għal 46 % tal-inputs, u lanqas il-fatt li l-ħlas tad-Distrett jieħu biss il-forma, skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-ftehim, rimbors ta’ spejjeż mingħajr ma titqies marġni ta’ profitt għall-ispejjeż operattivi kurrenti, ma huwiex biżżejjed biex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ kooperazzjoni ġenwina bejn is-Sindakat u d-Distrett.

38

Għaldaqstant, il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li għandu biss bħala għan il-kisba ta’ benefiċċju permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex kopert mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti ma tistax tkun ikkaratterizzata meta awtorità kontraenti, li fit-territorju tagħha hija responsabbli minn funzjoni ta’ interess pubbliku, ma twettaqx hija stess din il-missjoni li hija responsabbli għaliha biss skont id-dritt nazzjonali u li teħtieġ it-twettiq ta’ diversi operazzjonijiet, iżda tinkariga awtorità kontraenti oħra, li ma tiddependix minnha u li hija wkoll responsabbli għal din il-funzjoni ta’ interess pubbliku fit-territorju tagħha stess, biex twettaq waħda mill-operazzjonijiet meħtieġa għal remunerazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti ma tistax tkun ikkaratterizzata meta awtorità kontraenti, li fit-territorju tagħha hija responsabbli minn funzjoni ta’ interess pubbliku, ma twettaqx hija stess din il-missjoni li hija responsabbli għaliha biss skont id-dritt nazzjonali u li teħtieġ it-twettiq ta’ diversi operazzjonijiet, iżda tinkariga awtorità kontraenti oħra, li ma tiddependix minnha u li hija wkoll responsabbli għal din il-funzjoni ta’ interess pubbliku fit-territorju tagħha stess, biex twettaq waħda mill-operazzjonijiet meħtieġa għal remunerazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top